Posts Tagged ‘Patrick Holland’

  • IL-ĠLIEDA GĦAD-DRITTIJIET U D-DINJITÀ

    It-28 t’April 1958 jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-agħar ġranet li qatt ra pajjiżna. Nhar il-Ħadd 26 t’April 2009, fis-Sala taċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid fid-9:30am ser issir laqgħa ta’ diskussjoni biex jitfakkru l-avvenimenti li seħħew f’dawk iż-żminijiet u anki biex jinħoloq dibattitu dwar l-isfidi li qed jgħix illum il-poplu Malti. Iltqajna ma’ tnejn mill-organizzaturi sabiex naraw aħjar x’kien il-mottiv wara din l-inizzjattiva. Tkellimna wkoll ma’ Dr Joe Micallef Stafrace li jiftakar sewwa t-taqtiegħa ta’ dawk il-ġranet għax kien hemm hu wkoll fost il-folla tad-dimostranti….

    INTERVISTA: DR JOE MICALLEF STAFRACE (kien fost id-dimostranti tat-28 t’April 1958)

    X’ġara fit-28 ta’ April 1958?

    F’April tal-1958 il-ħaddiema ta’ mas-servizzi kellhom inkwiet kbir fuqhom minħabba s-sensji. Dak iż-żmien lil dawn il-ħaddiema tas-servizzi konna nħarsu lejhom bħala l-industrija tal-gwerra. F’din l-Dr J Micallef Stafraceindustrija tal-gwerra ma rridux naraw biss lit-tarzna, kif ħafna jagħmlu. Għax ma’ dawn kien hemm ukoll l-impjegati mal-Army u l-impjegati mar-Royal Airforce. Issa dak iż-żmien kien jiġri illi n-numru tal-ħaddiema kien jgħola u jinżel skont il-ħtiġijiet militari. Hija ironika li tgħid illi l-Maltin ta’ dak iż-żmien kienu jirraġunaw li allaħares kellha tikkwieta d-dinja għax kienu jispiċċaw b’qabda sensji. Min-naħa tiegħu, l-Gvern Ingliż qatt ma ried illi l-poplu Malti jkollu alternattiva ta’ xogħol ieħor ħalli hu jkolli dejjem sors ta’ xogħol għal lest skont il-bżonn tal-‘fortizza’ jiġifieri kompatibilment mas-sitwazzjoni internazzjonali. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija l-qagħda madwar id-dinja kienet damet ftit ma kkalmat. Kien hemm il-Gwerra Bierda, kien hemm il-problema tal-Kanal tas-Suez u ħafna problemi oħrajn. Jiġifieri ġeneralment dejjem kien hemm it-taqlib. Imma meta s-sitwazzjoni kienet tikkalma, l-unika triq għal Maltin kienet tkun l-emigrazzjoni.

    Fix-xahar t’April 1958, il-ħaddiema bdew jiltaqgħu u jagħmlu d-dimostrazzjonijiet fi Strada Rjali l-Belt. Kienu jkunu dimostrazzjonijiet paċifiċi. Imma jien ġo qalbi kont nobsor li għad tinqala’ xi waħda, bil-pulizija telgħin u neżlin il-Belt kuljum minħabba d-demostranti. Ġara illi għat-28 t’April 1958, il-GWU ordnat strajk ġenerali bi  protesta kontra dawn is-sensji. U l-istrajk kien suċċess kbir għax dakinhar Malta kollha waqfet. Mhux biss in-nies tas-servizzi u n-nies tal-gvern waqfu mix-xogħol, imma anki tal-ħwienet u dawk tat-trasport. Iżda għalkemm l-istrajk kien suċċess, ma ġiex bi prezz irħis għax il-ġrajjiet ta’ dakinhar tniżżlu fl-istorja ta’ Malta.

    Fil-ħarġiet tal-ġurnal Is-Sebħ t’April 1958, jiena irrakkuntajt dak kollu li rajt u smajt għax jiena wkoll kont hemm waqt id-dimostrazzjoni tat-28 t’April 1958. Fil-fatt Jiena kont hemm - Dr J Micallef Stafrace mal-Pulizijaf’ritratt li kien ġie ippubblikat, hemm jien imdawwar bil-pulizija. Nista’ ngħid li numru ta’ pulizija ġabu ruħhom ta’ ġentlomi waqt dawk il-ġrajjiet. Imma mhux kollha. Dak iż-żmien kien hemm il-Kummissarju Vivien De Gray li kien iddikkjara li kien serv tar-reġina. Iżda De Gray ma kienx kapaċi jiffaċċja l-folla u għalhekk bagħat lill-Assistent Kummissarju J Bonnici Soler minfloku. Dan kien bniedem selvaġġ. Id-dimostranti ma kienu qed jagħmlu l-ebda ħsara. Imma l-protesti li kienu qed isiru ta’ kuljum kienu qed jiġu rrappurtati fil-ġurnali, anki f’dawk internazzjonali u l-gvern Ingliż ta’ dak iż-żmien beda jiddejjaq. Immexxija minn Bonnici Soler, il-pulizija u l-kavallerija  ntefgħu fuq il-poplu bil-lembubi, jagħtu bl-addoċċ, kif ġie ġie u b’ċerta vendikazzjoni.

    Jiena li kont ħdejn  il-bieb ta’ Kastilja fi Triq Merkanti stajt nara dak kollu li kien qed jiġri. Parir li kien tani wieħed tas-CID il-lejl ta’ qabel, aktarx evitali li nlaqqata’ Biċċa mill-paġna tas-Sebħjien ukoll dakinhar. Niftakar li dan kien tani taħriġ ta’ kif għandi inġib ruħi waqt id-dimostrazzjonijiet. Jiġifieri li nimxi la ġenba, bil-ħajt wara dahri, ħalli b’hekk ma nkunx nista’ naqla’ daqqiet minn wara. L-aktar l-aktar jekk xi ħadd jiġi għalija, nkun naf min hu u nkun naf ukoll li ser jattakkani.

    Kien hemm folol kbar ta’ nies. U l-irjus saħnu u nqassmu sewwa f’dik il-ġurnata! Kull fejn il-Pulizija bdiet tara żewġ persuni flimkien, bdiet tiġri warajhom u ttihom bla ħniena. Fil-fatt numru ta’ nies li 28April1958 - Il-Ġensssawwtu, lanqas biss kienu demostranti imma sempliċiment inzertaw għaddejjin minn hemm f’dak il-waqt. Uħud minn dawk li waqgħu mal-art taħt id-daqqiet tal-lembubi saħansitra komplew jingħataw daqqiet bis-sieq. Fil-ġenn u d-dagħdiegħa li kellhom fuqhom dakinhar il-Pulizija, lanqas intebbħu li kienu qed isawwtu wkoll lil xi membri tas-CID pajżana li kien hemm mal-folla! Kien hemm għadd ta’ feruti li ħafna minnhom kellhom daqqiet fuq rashom. U dan meta l-lembubi suppost jintużaw għad-daqqiet fuq l-ispalla. Kienu mumenti ta’ ħasra. Pulizija Maltin f’isem Gvern Ingliż isawwtu bla ħniena lil Maltin oħra bħalhom għax dawn riedu d-drittijiet tagħhom imħarsa. Iżda dan xorta ma kissirx il-moral tad-dimostranti. Jien spiċċajt nieħu ħsieb lil xi feruti. Wieħed mill-feruti niftakru jgħidli “Għal pajjiżi lest li nsofri aktar minn hekk.” Niftakar ukoll illi Agatha Barbara, li kienet Ministru dak iż-żmien, ġarret lill-feruti sad-djar tagħhom bil-karozza tagħha stess.

    Fit-28 t’April 1958 Malta uriet id-dwejjaq u d-diżapprovazzjoni tagħha għal mod mhux xieraq li bih ġiet ittrattata mill-Gvern Ingliż. Akkost dak li seħħ, kien strajk ta’ suċċess għax kien att b’saħħtu ta’ reżistenza. Wara dawn il-ġranet bdiet il-veru għajta li l-Ingliżi għandhom imorru lura f’pajjiżhom u li Malta għandha tingħata l-ħelsien.

    F’Mejju 1958, l-istess Agatha Barbara, Patrick Holland u oħrajn ġew arrestati u mibgħuta l-ħabs akkużati li xewxu lin-nies biex jaqalgħu l-inkwiet. Wara l-irvellijiet tat-28 t’April, il-Gvernatur Sir Robert Laycock ordna illi għat-tlett xhur li kien imiss, ħadd ma seta’ jorganizza meetings, dimostrazzjonijiet jew marċi la f’Malta u lanqas f’Għawdex. Fil-fatt niftakar li f’dik is-sena, l-Partit Laburista kien iċċelebra l-1 ta’ Mejju fl-Empire Stadium fil-magħluq.

    Kemm huwa importanti li ż-żagħżagħ ta’ llum ikunu jafu dwar ġrajjiet bħal dawn?

    Importanti ħafna. Iż-żagħżagħ ta’ llum ma waqgħux mill-ajru issa u Malta ma saritx għalihom issa. Huwa tajjeb li jkunu jafu biex wasalna s’hawn, kif wasalna s’hawn. Aħna għadna nitkellmu fuq l-Assedju Il-karikatural-Kbir li seħħ 400 sena ilu u dwar meta ġew il-Franċiżi! Allura kif ġrajjiet aktar riċenti, ta’ żmien il-kolonjaliżmu Ingliż u ż-żmien ta’ qabel il-gwerra u ta’ wara l-gwerra ma nitkellmux fuqhom? Illum dawn iż-żagħżagħ qed jaraw lill-ġenituri tagħhom b’pagiet mhux ħażin u bil-pensjonijiet. Kien il-Gvern Laburista li għamel dawn l-affarijiet. Jafuh dan? Jafu li sas-sebgħinijiet kien hawn in-nies jittallbu fit-toroq? Il-Partit Laburista twieled b’messaġġ soċjali. Il-Partit Nazzjonalista min-naħa l-oħra dejjem kien moħħu fil-kwistjoni kostituzzjonali – li Malta issir dominium status: jiġifieri li Malta tkun f’idejn il-Maltin imma li  s-sigurtà tibqa’ f’idejn l-Ingliżi, bir-reġina tibqa’ r-reġina ta’ Malta. Mintoff l-ewwel ħaġa li għamel irdoppja l-pagi b’ordni, għamel il-bonus, ic-childrens’ allowances u l-pensjonijiet.

    Temmen li għadha teżisti s-solidarjetá bejn il-ħaddiema?

    Il-ħaddiema mxew il-quddiem meta ngħaqdu fit-trade unions u mhux meta kulħadd mexa għal rasu. Fl-għaqda hemm is-saħħa. Iżda illum iċ-ċirkostanzi nbidlu. Hawn aktar individwaliżmu. Is-solidarjetà bejn il-ħaddiema naqset ferm. Dari, kien hemm aktar gwida ta’ prinċipji. Illum donnu li l-flus qed jirrovinaw lil kulħadd.

    ——————————————————————————————————————————

    INTERVISTA: STEPHEN ABELA – PRO – Każin Laburista ta’ Raħal Ġdid (Facebook – BCoolBLabour)

    Għaliex inħolqot l-inizjattiva tal-Facebook BCoolBLabour?

    Din l-inizjattiva ġiet maħsuba f’Diċembru li għadda minn grupp ta’ żagħżagħ li jiffrekwentaw il-Każin Laburista ta’ Raħal Ġdid, fosthom jiena. L-għan wara l-BCoolBLabour huwa li nwasslu l-messaġġ tal-Stephen Abela Partit Laburista taħt format modern u popolari. Bi pjaċir ngħid li l-Mexxej tagħna Dr Joseph Muscat kien l-ewwel wieħed li ssieħeb magħna, appuntu f’ Diċembru li għadda. Minn dakinhar ‘l hawn għandna kważi elf u mitejn sieħeb u sieħba. L-għan li nżommu l-paġna tal-facebook tagħna bl-Ingliż hu sabiex jintlaħqu kemm jista’ jkun individwi, u speċjalment barranin li jkunu jistgħu jsegwu x’qed jiġri fil-politika Maltija. Proġett simili bil-Malti għadu kif ġie imniedi taħt  l-awspiċju tal-Forum Żagħżagħ Laburisti u qed jieħdu ħsiebha Roderick Spiteri u Veronica Barbara.  Kull attività li nagħmlu noħorġuha fuq il-facebook BCoolBLabour, u issa anki mill-FZL Paola. Iżda BCoolBLabour mhux biss il-facebook. Aħna nippruvaw inqajjmu mistoqsijiet fuq issues partikolari u ġrajjiet kurrenti. Norganizzaw ukoll diversi laqgħat sabiex niddiskutu opinjonijiet u ideat. Għazilna l-isem BCoolBLabour għax kull ma naghmlu aħna rriduh mibni fuq ideat friski u progressivi f’forma differenti mis-soltu bil-għan li jappella għal kulħadd, speċjalment għaż-żagħżagħ. Fil-fatt din l-inizjattiva mhijiex l-unika ħaġa li għamel il-Każin Laburista ta’ Raħal Ġdid. Qed isir ukoll tibdil sostanzjali u mhux li jimxi biss fuq il-prinċipju li l-affarijiet isiru tajbin, iżda li jsiru aħjar. Min jiġi l-Każin, jista’ jara dan b’għajnejh fosthom billi jsegwi l-avviżi tal-Partit Laburista u tal-Kazin fuq electronic board mal-faċċata tal-każin. Iċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid  huwa mgħammar b’faċilitajiet ġodda bħal LCD TVS kbar u Big Screen fejn il-membri u sħabhom jistgħu jsegwu diversi avvenimenti sportivi minn madwar id-dinja kollha. Hemm ukoll sistema ta’ Wi-Fi b’xejn għall-użu ta’ kulħadd. Barra minn hekk nagħmlu ħidma kontinwa ta’ attivitajiet edukattivi. Is-Sajf li għadda ġbarna erba’ għalliema sabiex jagħtu lezzjonijiet b’xejn fil-Matematika, l-Malti, l-Physics u l-Ingliż lil dawk l-istudenti li kellhom jagħmlu r-re-sits. Permezz ta’ din l-inizjattiva bl-isem ta’ “Nikbru fit-Tagħlim”, 36 student minn madwar Malta kollha attendew għal dawn il-lezzjonijiet. Il-ħsieb kien biex ngħinu lil dawk il-ġenituri li ma jifilħux iħallsu għall-lezzjonijiet tal-privat. Kienet idea ġdida li jidhrilna li marret tajjeb ħafna.

    Min jista’ jissieħeb f’BCoolBLabour?

    Wieħed jista’ jissieħeb magħna billi jidħol bħala ‘friend’ fil-facebook. M’hemmx limitu ta’ età. Kull min huwa interessat li jara x’qegħdin nagħmlu jista’ jidħol fil-facebook jew jikkuntattjana fuq bcoolblabour@gmail.com .

    Fis-26 t’April li ġej, ser issir laqgħa ta’ diskussjoni biex jitfakkru l-ġrajjiet tat-28 t’April 1958. X’inhu l-iskop ta’ din l-attivitá?

    L-iskop huwa li nfakkru l-ġrajjiet ta’ dakinhar biex nuru illi l-affarijiet li għandna llum ma ġewx mix-xejn imma li kkontribwixxa ħafna għalihom il-Partit Laburista. Nixtiequ wkoll inqajjmu mistoqsija partikolari. Dak iż-żmien il-gvern Ingliż attakka d-drittijiet u d-dinjità tal-ħaddiema u taż-żagħżagħ u hedded l-għixien tagħhom u għalhekk dawn qamu għad-drittijiet tagħhom. Jiena jidhirli illi llum il-ġurnata l-affarijiet huma differenti. Imma d-dinjità tal-ħaddiem hija mheddha. Permezz ta’ din il-laqgħa, nixtiequ niddiskutu jekk il-ħaddiema u l-istudenti ta’ llum jaħsbux li d-drittijiet tagħhom huma mħarrsa biżżejjed.

    Min jista’ jattendi għal din il-laqgħa?

    Kulħadd huwa mistieden għal din il-laqgħa iżda napprezzaw ħafna l-attendenza taż-żagħżagħ. Din il-laqgħa ta’ diskussjoni ser titmexxa mill-ġurnalista Gerald Fenech. Ser tkun fil-format ta’ diskussjoni. Mhux ser ikun hemm panel stabbilit sabiex b’hekk kulħadd ikun flimkien u kulħadd jingħata ċ-ċans biex jgħid tiegħu. Ser ikun hemm ukoll diversi personalitajiet li kienu nvoluti dakinhar bħal Dr Vincent Moran, Salvu Sant, Anton Cassar li huwa wkoll storiku u kittieb u Dr Alex Sciberras Trigona li ser ipinġilna l-istampa lokali u anki dik internazzjonali. Jipparteċipaw f’din il-laqgħa ser ikun hemm ukoll Nikita Alamango, membru tal-Eżekuttiv FŻL u diversi Membri Parlamentari tal-lokal.

    Kemm huma relevanti għal-lum il-ġrajjiet li seħħew dakinhar?

    Jidhirli li huma relevanti ħafna. Il-ġrajjiet li jseħħu f’pajjiż inqabbilhom ma’ torri. Jekk tieħu l-ġebel minn taħt, jaqa’ kollox. Dawk iż-żminijiet kienu l-pedamenti ta’ llum. Minn hemm beda kollox. Aħna nemmnu li kull pass li għamilna fl-istorja ta’ pajjiżna kien importanti biex wasalna fejn wasalna. Ħaġa twasslek għall-oħra. U allura, iva, jiena napprezza ħafna l-Indipendenza li ġab George Borg Olivier daqs kemm napprezza wkoll il-Ħelsien li ġab il-Perit Duminku Mintoff. Għalija, ħaġa wasslet għall-oħra u niddejjaq nisma’ ħafna logħob bil-kliem dwar dawn il-ġrajjiet. Kif qal il-Mexxej tagħna Joseph Muscat, dawn huma kollha ġrajjiet li aħna l-Maltin għandna ngħożżu lkoll flimkien u ndaqs. Irridu naħsbu b’mod miftuħ u ċar.

    Fil-preżent, temmen li għadha teżisti s-solidarjetá bejn il-ħaddiema?

    Fejn hemm il-unions nemmen li hemm solidarjetà. Imma fuq postijiet tax-xogħol fejn m’hemmx union, ma naħsibx li hemm ħafna. Barra minn hekk, naħseb illi d-dinjità fuq ix-xogħol hija mhedda illum. Bosta drabi jkollok tagħmel anki dak li ma tridx għax inkella ssib ruħek barra.

    Min għandu jattendi għal din il-laqgħa?

    Għandu jattendi kull min jixtieq ikun jaf x’ġara fit-28 t’April 1958. Huwa importanti, speċjalment għal dawk li ma jafux b’dawn il-ġrajjiet li jiġu u jisimgħu x’għamlu missirijietna għal Malta u għall-poplu Malti. Importanti wkoll li kulħadd jiġi u jgħid tiegħu. Kulħadd huwa mistieden. Personalment għandi għal qalbi ħafna d-dinjità tal-bniedem. Jiena darba staqsejt lili nnifsi – x’inhu l-aħjar li jkollok id-dinjità u ma jkollokx il-flus jew li jkollok il-flus imma ma jkollokx id-dinjità? Dak inhar deherli li d-dinjita’ m’hemmx prezzha. Id-dinjita’ tal-persuna u tal-ħaddiem tiġi l-ewwel u qabel kollox. Il-ġrajjiet tal-1958 jitkellmu proprju fuq dan.

    —————————————————————————————————————————

    INTERVISTA: RODERICK SPITERI – Forum Żagħżagħ Laburisti – Raħal Ġdid

    X’inhu l-għan tal-Forum Żagħżagħ Laburisti?

    L-għan prinċipali tal-Forum Żagħżagħ Laburisti huwa li jiġbed liż-żagħżagħ lejn il-Partit Laburista, anki lil dawk li forsi illum mhumiex ta’ twemmin Laburista. Permezz tal-Forum aħna nwasslu l-messaġġ Roderick Spiteri tal-Partit liż-żagħżagħ. Norganizzaw diversi laqgħat u attivitajiet differenti. Il-fergħa taż-żagħżagħ ta’ Raħal Ġdid minn dejjem kienet waħda mill-aktar rinomati. Dan l-aħħar kienet għamlet xi żmien wieqfa imma issa qed terġa’ titrawwem. Nixtiequ illi dawk iż-żagħżagħ li llum għandhom sittax, sbatax il-sena u li fl-elezzjoni li ġejja jridu jivvutaw, ikunu jafu sewwa x’għandu x’joffrilhom il-Partit Laburista. Barra minn dan, huma dawn l-istess żagħżagħ li fi ftit snin oħra ser ikunu qed imexxu din l-Għaqda.  Dawn huma żagħżagħ li qatt ma raw il-partit tagħhom fil-gvern. Aħna nixtiequ li dawn iż-żagħżagħ li għadhom żgħar ikunu konxji ta’ x’għamel tajjeb il-Partit Laburista biex illum dawn għandhom dak li għandhom. Nixtiequ niddiskutu magħhom kif bosta minna qed nistudjaw bis-saħħa tal-Perit Mintoff. Bħala żagħżugħ ta’ 26 sena li wasalt biex insir perit, inħossni ispirat ħafna mill-Perit Mintoff li dejjem ħadem għal ħaddiem. Il-ġenituri tagħna kienu kapaċi jtellgħuna sewwa bis-saħħa tac-childrens’ allowance li nieda l-Perit Mintoff. In-nanniet tagħna jistgħu jagħtuna dik ix-xi ħaġa tal-pocket money bis-saħħa tal-pensjonijiet li ħoloq Mintoff. Irridu niftakru li dan kollu ġie mix-xejn, bis-saħħa tal-Partit Laburista.

    Min jista’ jissieħeb mal-Forum Żagħżagħ Laburisti?

    Fil-Forum Żagħżagħ Laburisti ta’ Raħal Ġdid qegħdin grupp ta’ żagħżagħ li hu immexxi minn Keith Glanville bħala President. Awtomatikament meta wieħed jissieħeb mal-Partit Laburista u jkun bejn l-età ta’ 16-il sena u l-35 sena huwa jkun jifforma parti wkoll mill-Forum Żagħżagħ Laburisti. Aħna naħdmu ħafna wkoll mal-bqija tal-membri tal-Każin u ngħinu lil xulxin kemm fl-ideat u kif ukoll fl-attivitajiet.

    Fis-26 t’April li ġej, ser issir laqgħa ta’ diskussjoni biex jitfakkru l-ġrajjiet tat-28 t’April 1958. X’inhu l-iskop ta’ din l-attivitá?

    Fit-28 t’April 1958, il-Maltin b’mod kollettiv ingħaqdu kollha flimkien u waqqfu lill-gvern Ingliż. Urew illi huma kapaċi jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, għal ħajjithom, għal pajjiżhom. Għalkemm forsi dakinhar ma ggwadanjajna xejn ekonomikament, bħala stimolu ta’ poplu dakinhar iggwadanjajna ħafna. Kieku ma kienx għal dawk il-ġlidiet ta’ dak iż-żmien, naħseb li ma konniex naslu fejn wasalna. F’din il-laqgħa ser niddiskutu fosthom kif f’dawk iż-żminijiet tal-ħamsinijiet, ħafna mis-servizzi li ngawdu minnhom illum, ma kienux jeżistu. Edukazzjoni b’xejn ma kienx hemm jew jekk kien hemm, kienet għat-tfal tas-sinjuri bħal kif kienet l-università. Pensjonijiet ma kienx hemm, sptarijiet b’xejn lanqas. Dawn kollha kellu jiġġieled għalihom il-ħaddiem f’dawk iż-żminijiet. Dan l-aħħar qed naraw kif l-istipendju tal-istudenti tal-università qed jiġi kkunsidrat bħala piż. Dan meta f’pajjiżna qed nippruvaw inħajjru biex dak li jkun jibqa’ jistudja. Diġà ma ħadnix l-istipendji li ġejna mwiegħda. Allura nistaqsi jien… l-istudenti ta’ llum ħa jagħmlu dak li għamlu l-istudenti bejn l-1996 u l-1998 meta ħarġu fit-toroq u riedu jkissru kull m’hemm għax il-Gvern Laburista iddeċieda li ried jagħmel kontroll fuq l-istipendji? Jew dakinhar il-gvern Laburista kien ħażin u l-gvern ta’ llum huwa tajjeb? Jistgħu jgħidulna l-istudenti ta’ llum jekk hux ser jipprotestaw jew jekk hux ser jibqgħu b’idejhom fuq żaqqhom?

    Kemm huma relevanti għal-lum il-ġrajjiet li seħħew dakinhar?

    Dak iż-żmien iż-żagħżagħ iġġieldu għad-drittijiet tax-xogħol tagħhom. Illum iż-żagħżagħ iridu jiġġieldu għad-drittijiet tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u għad-dinjità fuq ix-xogħol. Jekk inti studjajt, sibt ix-xogħol denju għalik, sibt il-paga li jistħoqqlok? Illum veru hawn l-opportunità li ssiefer u li tgawdi mill-opportunitajiet li jeżistu f’pajjiżi oħra speċjalment fl-Ewropa. Imma per eżempju jien, l-uniku wild fil-familja tiegħi, għaliex għandi nitlaq barra minn Malta u nħalli lil ġenituri tiegħi weħidhom? Ser nerġgħu immorru lura għas-sittinijiet?

    Fil-preżent, taħseb li għadha teżisti s-solidarjetá bejn il-ħaddiema?

    Għalkemm illum hawn ħafna unions, illum teżisti ħafna biża’ li dak li jkun jitlef xogħlu. Mhux qed ngħidlek li m’għadiex teżisti s-solidarjetà. Imma tant m’hawnx alternattiva ta’ xogħol, li naħseb li l-biża’ li titlef xogħolok hija kbira wisq.

    Kemm temmen li diskussjoni bħal din għandha tappella għaż-żagħżagħ?

    Nemmen li diskussjoni bħal din għandha tappella b’mod speċjali għaż-żagħżagħ. Hija mezz kif aħna ż-żagħżagħ insemmgħu leħinna u nesprimu l-opinjonijiet tagħna. Nixtiequ ħafna li għal din il-laqgħa jattendu bosta żagħżagħ ħalli nisimgħu x’għandhom x’jgħidu huma. Huwa importanti illi kemm dawk li jafu x’ġara f’dak iż-żmien u wisq aktar dawk li ma jafux, jiltaqgħu magħna għal din id-diskussjoni u jiddiskutu magħna kemm dwar dak li ġara dakinhar u anki dwar x’qed jiġri illum ħalli fl-aħħar mill-aħħar nippruvaw inwasslu messaġġ lill-policy makers xi drittijiet għad fadlilhom il-ħaddiema illum u jekk fadlilhomx drittijiet.

    Dawk iż-żagħżagħ li jixtiequ jagħmlu kuntatt magħna jistgħu jagħmlu dan fuq fzlpaola@gmail.com

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 t’April 2009)

    2009.04.19 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • KARRIERA ONORATA FIL-ĠURNALIŻMU

    Fit-18-il edizzjoni tal-Malta Journalism Awards li ġiet sponsorjata mill-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnalizmu, Dr Joe Micallef Stafrace ġie pprezentat bil-Gold Award. Dan l-unur jingħata lil dik il-persuna li skond il-ġurija tkun sebqet ir-rekwiżiti tal-prattika normali fil-ġurnalizmu tul il-karriera ġurnalistika tagħha. Iltqajna ma’ Dr Joe Micallef Stafrace u miegħu tkellimna dwar il-karriera twila tiegħu. Ħadna wkoll il-kummenti tal-Prof. Guido Demarco, ħabib kbir tiegħu…

    INTERVISTA: DR JOE MICALLEF STAFRACE – Rebbieħ tal-Gold Award tat-18-il edizzjoni tal-Malta Journalism Awards

    Kif bdiet il-karriera ġurnalistika tiegħek?

    Kont għadni student tal-liġi fl-Università meta bdejt nikkontribwixxi b’xi artikli qosra fis-Sebħ u fil-Berqa. Il-ġurnal is-Sebħ kien joħroġ darbtejn fil-ġimgħa u l-editur tiegħu kien Nestu Laiviera. Fil-5 ta’ Diċembru 1955 l-avukat Ġużè Flores, li kien Speaker, irriżenja minn din il-pożizzjoni għax laħaq imħallef. Minfloku sar Speaker Nestu Laiviera u mill-10 ta’ Diċembru 1955 il-quddiem is-Sebħ għadda f’idejja bħala editur.

    Kont għadek żgħir. Kif ħadtha responsabbiltà bħal din?

    Dr Joe Micallef StafraceIs-Sebħ kien jinbiegħ ħafna. Kien jistampa ruħu fil-Union Press li kienet tinsab f’Mayfair House fi Strada Forni, kantuniera ma’ Triq l-Arċisqof, l-Belt. Dik il-ħabta għalkemm kont Laburista ma tantx kont midħla tal-Partit Laburista. Madanakollu kull fl-għaxija kont niltaqa’ fi Strada Rjali ma’ grupp ta’ żagħżagħ fostom ma’ Vincent Moran, Patrick Holland, l-Ispiżjar Joe Camilleri, Pawlu Mamo u oħrajn. F’dawk iż-żminijiet bejn il-ħamsa u d-disgħa ta’ fil-għaxija, Strada Rjali kienet tkun ippakkjata bin-nies. Ħafna kienu jinġabru l-Belt wara x-xogħol, jgħidu kelma ma’ sħabhom u wara jmorru lura d-dar. Sikwit kienu jiltaqgħu magħna Joe Attard Kingswell u Leli Tabone li kien il-President tal-Partit. Kien Leli Tabone li insista miegħi li nkun l-editur tas-Sebħ. Kont naf li kienet responsabbiltà kbira imma dħalt għaliha. La kont miġbud għall-politika u la kont inħobb il-kitba, aċċettajt mill-ewwel. Ftit wara kienu ġew jgħinuni Lino Cassar, Colin Cauchi u Lino Spiteri. Taħt idejja, minn darbtejn fil-ġimgħa, l-ġurnal is-Sebħ beda joħroġ kuljum. Dik kienet l-ewwel darba illi x-xellug f’Malta kellu gazzetta li toħroġ kuljum.

    Minħabba karikatura ta’ gvernatur Ingliż, inti spiċċajt erbat ijiem il-ħabs. Kif ġara dan il-każ?

    Fis-sajf tal-1958, wara l-istrajk ġenerali u l-irvelli f’April, il-marċi tal-festi kienu projbiti f’Malta. Iżda ġara li kien hemm patri, il-Profs. Serafin Zarb, li kien ħabib tal-Ingliżi u dan talab lill-gvernatur biex iħallih jagħmel il-marċ tal-festa ta’ San Duminku li kienet ser taħbat fl-4 t’Awwissu 1958. Il-gvernatur aċċetta u jien ħadt l-opportunità biex nagħmel karikatura tal-gvernatur qed jiċċelebra mal-folla waqt li dawn qed ikantawlu “Kemm għandu qalbu tajba”. Iżda din il-karikatura ma ntlaqgħet xejn tajjeb mill-gvern Ingliż ta’ dak iż-żmien. Fid-9 ta’ Jannar 1959 ġiet konfermata s-sentenza tal-appell u jiena bħala editur ġejt ikkundannat erbat ijiem ħabs u ħamsa u tletin lira multa fuq l-akkuża ta’ tkażbir tal-gvernatur. Reggie Miller bħala stampatur weħel ħames liri u ġiet sospiża l-liċenzja tiegħu bħala stampatur għal xahar. Il-ġurnal ġie sospiż għal xahrejn.

    Kontu bsartu x’ser jiġri meta ħriġtu din il-karikatura?

    Għall-ewwel le iżda meta fid-9 t’Ottubru 1958 saret is-sentenza tal-maġistrat u appellajna, bdejna nippreparaw f’każ li s-sentenza tiġi konfermata. Nestu Laiviera applika biex joħroġ ġurnal ġdid bl-isem ta’ Il-Ħelsien b’Joe Attard Kingswell bħala stampatur. Għaldaqstant hekk kif twaqqaf is-Sebħ, l-għada jew ġurnata wara beda joħroġ Il-Ħelsien u l-Laburisti xorta baqgħu bil-ġurnal tagħhom. Hekk kif ħareġ Il-Ħelsien il-pulizija qabżet fuqu mill-ewwel peress li l-istampa kienet se tkun l-istess waħda – il-Union Press. Iżda l-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet dan għax qalet illi s-sospensjoni kienet qed tolqot individwu (lil Reggie Miller) u mhux lill-makkinarju wkoll.

    Inti għamilt ukoll żmien interdett. Fil-fatt kont wieħed minn dawk li kellek tiżżewweġ f’sagristija. Kif kienet ħaditha l-mara tiegħek dak iż-żmien?

    Is-Sebħ għamel żmien interdett, hekk ukoll min jikteb fih u min jaqrah. Fis-16 ta’ Settembru 1961 jiena u Yvonne iżżewwiġna fis-sagristija tal-Knisja ta’ San Pawl tar-Rabat. Jiena kelli l-privileġġ li Yvonne kienet taħdem fis-Segretarjat ta’ Reggie Miller. Kienet ukoll ġejja minn familja Stricklandjana u allura kienet tapprezza s-sitwazzjoni politika ta’ dak iż-żmien. Ma kelli l-ebda problema, la min-naħa tagħha u lanqas min-naħa tal-familja tagħha.

    Kif bdiet il-libertà tal-istampa?

    Il-libertà vera tal-istampa f’Malta bdiet taħt l-influwenza tal-European Convention fid-drittijiet tal-bniedem għall-libertà tal-espressjoni. Is-sentenzi tal-Qorti Ewropeja għad-drittijiet tal-bniedem, saru applikabbli għal Malta iktar u iktar meta fl-aħħar tat-tmeninijiet din il-Konvenzjoni saret parti mil-liġi Maltija. Qabel din ta’ min isemmi li fil-kostituzzjoni tal-1961, li nirreferu għaliha bħala l-Blood Commission (għaliex kienet preseduta minn Sir Hilary Blood), kienu tniżżlu l-ewwel darba b’mod organiku l-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem. Il-libertà tal-espressjoni sar aktar rikonoxxut u aktar imħaddem meta fl-1996, il-ġurnalisti ngħataw tlett drittijiet importanti:

    (i)                 ħadd ma jista’ jġiegħel ġurnalista jiżvela s-sors tal-informazzjoni. (Hawnhekk għall-ewwel darba l-liġi semmiet l-importanza tar-rwol tal-medja f’soċjetà demokratika. Qabel dan ma kienx rikonoxxut, almenu speċifikament);

    (ii)               meta l-ġurnalista jwassal tagħrif dwar xi ħaġa li ntqalet u li hi ta’ nteress pubbliku u li min qalha jkun jaf x’ser jiġi irrapurtat, dak ir-rapport igawdi privileġġ. (Dan ifisser illi jekk ikun każ ta’ xi inġurja, l-passi iridu jittieħdu kontra min qal id-diskors u mhux kontra min irrappurtah. Dan għaliex il-poplu għandu dritt ikun mgħarraf u l-ġurnalista għandu d-dritt jgħarraf).

    (iii)             Inħoloq id-dover tal-gvern li jistabilixxi proċeduri biex jagħti tagħrif lill-istampa u meta jagħmel dan, ma jistax jiddiskrimina bejn stampa u oħra.

    Fost id-diversi nkarigi tiegħek, inti kont ukoll Ministru tal-kummerċ, tal-industrija, tal-agrikoltura u tat-turiżmu. X’wassal għar-riżenja tiegħek wara biss ftit xhur minkejja li ħatra bħal din kienet timplika l-fiduċja li kellu fik il-Prim Ministru Duminku Mintoff?

    Ħafna jistaqsuhieli din… Jekk ngħidlek li b’mod serju, n-naturali tagħna ma qablux, inkun qed ngħidlek kollox. Iżda jien lil Mintoff għedtlu biex ikun ċert mill-vot tiegħi għax jien il-lealtà tiegħi kienet ser tibqa’ lejn il-Partit Laburista. Dak iż-żmien il-Partit Laburista kellu maġġoranza ta’ wieħed u addijo pairing. Infatti, darba minnhom, kont ma niflaħx sew u kelli nittieħed il-Parlament f’ambulanza. Dħalt nivvota, dak iż-żmien fil-Kamra tal-Arazzi, fuq siġġu tar-roti. Kemm dħalt nivvota u ħaduni lura d-dar. Madanakollu, mill-1976 ‘l hemm ma ħriġtx aktar għall-politika.

    Inti minn dejjem kont bniedem determinat li ġġib il-bidla. Temmen li bil-kitba tista’ ġġib il-bidla?

    Nemmen li ‘the pen is mightier than the sword’. Però l-pinna qegħdha biex tibni u biex tagħmel il-ġid u mhux biex tkisser u tirrovina n-nies. Jien nemmen fil-libertà tal-ħsieb, nemmen fil-libertà li wieħed jesprimi fhemtu u nemmen li trid tisma’ x’għandu x’jgħid ħaddieħor. Però fuq kollox nemmen fir-riflessjoni u li wieħed irid ikun animat minn spirtu tajjeb.

    ———————————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: PROF. GUIDO DEMARCO – Ħabib kbir ta’ Dr Joe Micallef Stafrace

    Waqt il-preżentazzjoni tal-Gold Award lil Dr Joe Micallef Stafrace, inti esprimejt sentimenti sbieħ ta’ ħbiberija bejnietkom. Kif bdiet din il-ħbiberija?

    Prof. Guido DemarcoJiena u Joe ilna ħbieb kbar sa miż-żminijiet meta t-tnejn konna l-Università. Joe kien fil-kors ta’ warajja. Kien għadu żagħżugħ fil-politika u editur tas-Sebħ fi żmien tassew diffiċli taħt gvern kolonjali b’dittatura kolonjali. Kien dejjem laburist u laburist sinċier. Jiena kont dejjem nazzjonalist. Imma dan qatt ma fixkel il-ħbiberija profonda li ilna f’dawn is-snin kollha inġeddu kważi kuljum. Nammirah għax hu taha wiċċ uman lill-ġurnaliżmu partiġġjan f’mumenti kbar ta’ firda fost il-poplu Malti. Għalkemm bħala partiti ma kienx hemm qbil, bejni u bejn Staffi, l-ħbiberija tagħna kienet sinċiera fir-rispett sħiħ tal-opinjonijiet diversi u l-ħbiberija kienet tirbaħ fuq kollox. Għadha tirbaħ illum ukoll.

    Meta kont qed nitkellem ma’ Dr Joe Micallef Stafrace huwa semma diversi okkażżjonijiet fejn inti kont tassew qrib tiegħu. Qalli li diffiċli tinsa ħbiberija bħal tagħkom. Tirrakkuntalna xi mumenti minn dawn?

    Iva. Huma diversi t-tifkiriet…

    Meta Joe ġie ikkundannat għal erbat ijiem ħabs, fuq karikatura li huwa ippubblika tal-gvern ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, jien bqajt dejjem miegħu: l-ewwel ħdejn il-bank tal-akkużati, imbagħad sakemm ġiet il-karozza biex tieħdu l-ħabs. Niftakar li dak inhar, qabel rikeb, Joe qalli “Guido, għamilli pjaċir. Ċempel lil Yvonne u għidilha li jiena kollox sew.” Malli telaq jien ċempiltilha, ghaddejtilha l-messaġġ u għedtilha wkoll li Joe kellu moral għoli ħafna u li ċertament kien qed iħossu kburi bil-fatt li kien sejjer il-ħabs għax emmen fil-fehmiet tiegħu. Dik il-ħabta, jien kont għadni avukat prinċipjant, għadni nidħol fil-qasam tal-Kriminal. Fil-fehma tiegħi, Joe ma kellux jintbagħat il-ħabs.

    Wara xi żmien, Joe laħaq avukat u ried isib avukat ma’ min jieħu l-prattika. Staqsini jekk kontx ser naċċettah sabiex jagħmel l-eżami tal-warrant. Jien irrispondejtu bla tlaqliq ta’ xejn illi l-uffiċċju tiegħi seta’ jqisu bħala l-uffiċċju tiegħu. Niftakar wieħed avukat iktar anzjan kien ġie jistaqsini “Veru dak li qegħdin jgħidu? Li inti qed iżżomm miegħek lil Dr Joe Micallef Stafrace u lil Dr Patrick Holland biex jagħmlu l-prattika fl-uffiċċju tiegħek? Taf li int trid tagħmel ċertifikat ta’ kondotta tajba tagħhom meta inti taf li dawn għandhom kondotta mċappsa?” Lil dan l-avukat, jiena irrispondejtu hekk: “Lil Dr Joe Micallef Stafrace u lil Dr Patrick Holland nafhom jien bħala żewġ avukati żagħżagħ ta’ integrità u ta’ onestà. Huma nies li sinċerament jemmnu fil-fehmiet politiċi tagħhom u ta’ dan għandi rispett anki jekk il-fehmiet tagħhom ma jaqblux ma’ tiegħi. M’għandi xejn xi jżommni milli noħroġ ċertifikat u ngħid li huma, kif fil-fatt huma, żewġ avukati ġodda ta’ kondotta tajba.”

    Okkażżjoni oħra li resqitni u kompliet tressaqni lejn Joe kienet meta iżżewweġ. Dik il-ħabta kien hemm l-interdett. Jiena personalment ma kontx naqbel mal-ġlieda mal-Knisja li għamel il-Partit Laburista dak iż-żmien. Però lanqas ma kont naqbel mal-interdett għax kien jidhirli illi dik kienet miżura estrema. Naturalment jien la stajt nimponi l-interdett u lanqas stajt inneħħih. Kont żagħżugħ avukat fil-politika, il-bogħod minn xi influwenza fuq il-Kurja ta’ dak iż-żmien. Iżda biex nuri li l-valur tal-ħbiberija tirbaħ fuq kull ostaklu, kuntrarjament għal dak li setgħu għamlu uħud, jien bi pjaċir mort għall-festa tat-tieġ ta’ Joe u ta’ Yvonne. Mill-ġdid, il-ħbiberija tagħna rebħet kull ostaklu politiku.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċ tas-16 ta’ Novembru 2008)

    2008.11.16 / no responses / Category: Torca - Perspettivi