Posts Tagged ‘Paul Mizzi’

  • L-EWWEL PASSI TA’ SKULTUR

    “Rajt anġlu f’irħama u qbadt nonqox fiha sakemm illiberajtu,” qal darba Michelangelo meta staqsewh x’wassal biex għamel skultura partikolari.

    L-arti minn dejjem kienet għal qalbi. Dik li artist titwieled u mhux issir nemmen biha u għaldaqstant taffaxxinani. Il-fatt li għandek dik ix-xi ħaġa aktar biex tirnexxi fil-ħajja, qisha bħal tagħtik mbuttatura biex tippersevera u tasal. Fuq kollox l-arti tagħnik b’waħda mill-isbaħ doni – l-eternità. Għax anki meta tasal il-ġurnata biex l-artist iħalli din id-dinja, jekk ikun ħadem b’għaqal, permezz ta’ xogħlijietu, hu ma jintesa qatt.

    Dil-ġimgħa ltqajt ma’ żagħżugħ li qabad it-triq tal-iskultura. Għalkemm għad għandu 23 sena, mix-xogħlijiet li għamel s’issa tintebaħ li fil-vini tiegħu hemm jiġri d-demm ta’ artist. Bniedem li għall-ewwel tistħajjlu mistħi imma hekk kif jintefa’ jkellmek dwar ix-xogħol tal-iskultura, tara fih id-determinazzjoni ta’ żagħżugħ li jrid iwettaq dak li jemmen li twieled għalih. Permezz tiegħu xtaqt nara l-perspettiva ta’ l-ewwel passi ta’ skultur fid-dinja tal-arti….

    Temmen illi skultur titwieled jew issir?

    Jien naħseb illi titwieled miegħek. It-taħriġ li tieħu jgħallmek ċertu regoli li jeżistu u jipperfezzjonalek xogħlok. Imma l-arti trid tkun fik. Jekk inti m’għandikx l-arti fik, tista’ tmur titgħallem taħdem l-iskultura u veru, finalment jekk tippersisti, xi ħaġa tagħmel. Imma min jaf sewwa dan ix-xogħol jintebaħ illi nies li mhumiex verament artistiċi, jaslu sa ċertu punt u jeħlu hemm. Ma jkunu jistgħu jilħqu qatt livelli għolja biżżejjed sabiex xogħolhom jiġi kkunsidrat bħala biċċa xogħol artistika.

    Kif bdiet in-namra tiegħek lejn dan ix-xogħol?

    In-nannu u ommi jgħidu illi l-bużnannu tiegħi kien jaħdem l-istatwi għan-niċeċ. Jiġifieri jidher li l-iskultura tiġri daqsxejn fil-vini tal-familja tiegħi. Ommi tħobb ħafna l-pittura u d-diżinn u lili kienet Shawn Saliba jaħdem fuq Santa Marija ta' Ħal-Għaxaqtħajjarni ħafna biex nagħmel xi ħaġa sa minn meta kont żgħir. Kultant kont immur magħha għall-lezzjonijiet tal-pittura fl-Iskola tal-Arti u minn hemm komplejt tħeġġiġt għal din it-triq. Fil-fatt inpinġi nħobb ħafna imma fl-istess ħin kont inħoss ġibda partikolari lejn l-iskultura. Niftakar li meta kont żgħir, kont sibt mezz kif inħoll il-pasturi l-antiki biex nagħmel oħrajn ġodda. Dak iż-żmien ommi kellha ħabiba li kienet taħdem fix-xogħol tat-tafal u tgħidx kemm kont niffittaha biex tgħallimni. Imma hi kienet tgħidli “la tikber, jekk tibqa’ miġbud lejn l-iskultura, mur fl-Iskola tal-Arti għax hemm qegħdin il-veru għalliema”. U meta kbirt hekk għamilt.

    Tant kont deċiż li naqbad din il-linja illi tlaqt mill-Awstralja, fejn il-familja tiegħi kienet marret toqgħod u erġajt lura Malta waħdi biex inkun nista’ nitħarreġ f’dan ix-xogħol. Qalbi marbuta wisq ma’ pajjiżi u mal-arti li tidwi minn kull rokna tiegħu.

    Barra minn hekk, jien dilettant tal-knejjes. Meta kont Malta, kont ngħaddi s-sajf kollu narma d-dar tagħna, il-knisja tal-Mosta u nieħu ħsieb kappella. L-Awstralja hemm differenza kbira. Il-Maltin tal-Awstralja ma jarmawx u ma jiċċelebrawx bħalna. Kelli nieħu deċiżjoni iebsa imma importanti f’ħajti. Fuq kollox ridt ukoll nagħżel fuq liema tip ta’ arti kont ser nintefa’. Il-pittura togħġobni ħafna għax il-kulur inħobbu wisq.  Finalment iddeċidejt li nispeċjalizza fuq l-iskultura u b’hekk bdejt nitħarreġ f’dan il-qasam.

    Fhiex jikkonsisti t-taħriġ fl-iskultura u kemm hawn opportunità biex titgħallem hawn Malta?

    Opportunitajiet biex titgħallem hawn kemm trid f’pajjiżna. Għandna l-Iskola tal-Arti, is-Soċjetà tal-Arti, l-MCAST u diversi privatijiet oħra.

    Jiena ddeċidejt illi nattendi għall-lezzjonijiet li jsiru fil-għaxija fl-Iskola tal-Arti, l-Belt. Il-kors huwa twil ħames snin u jwassal għal Diploma. Apparti illi titħarreġ kif taħdem l-iskultura b’modi differenti, titgħallem ukoll l-Istorja tal-Arti fejn issir taf aktar dwar ix-xogħlijiet li saru fil-passat u l-artisti li għamluhom. Matul is-snin nippruvaw nikkuppjaw dawn ix-xogħlijiet biex nibnu dik it-teknika partikolari tagħna. Fl-aħħar tal-kors inkunu rridu nippreżentaw teżi biex fih nuru dak kollu li nkunu tgħallimna matul is-snin.

    Kemm huwa possibbli li taħdem ma’ skultur professjonali biex tissoda aktar fil-linja tiegħek?

    Dik iebsa ħafna għax ħadd ma jkun irid jurik it-teknika ta’ kif jaħdem hu. Fil-fatt kif għedtlek, opportunità biex tibda titgħallem issib. Imma biex veru tkun fuq dan ix-xogħol, diffiċli immens għax it-teknika ħadd ma jkun irid jgħallimilek. Għalkemm ġieli nisimgħu xi intervisti ta’ xi skulturi li jgħidu li jħarrġu lill-istudenti, dan bosta drabi ma jkunx minnu. Darba kont għadni kif rajt intervista simili fuq it-TV ta’ skultur partikolari. Mort għandu dakinhar stess imma meta urejtu għal xiex kont mort, saħaq li hu ma jgħallimx!

    Biex taħdem ikollok bżonn tipperfezzjona t-teknika ta’ kif jitħalltu l-materjali. Per eżempju kif tinħadem il-kartapesta kelli niskopri waħdi minn hemm u minn hawn għax din fl-iskola ma nitgħallmuhiex. It-taħlita tal-kolla u l-ġibs hija essenzjali għall-kwalità finali tax-xogħol. Ikollok titgħallem bl-esperjenza sakemm torqomha kif suppost. Titgħallem mill-iżbalji u mill-pariri li kultant iżerżaqlek xi ħadd.

    Però għall-grazzja t’Alla kultant jitfaċċa xi ħadd differenti, li jkun lest li jgħinek. Fl-Iskola tal-Arti sirt naf lil Paul Mizzi li laqqagħni mal-iskultur Joe Chetcuti u dan tani ċ-ċans li naħdem miegħu għal tlett xhur fil-funderija tiegħu li hija l-unika funderija f’Malta li tagħmel kull tip ta’ xogħol tal-bronż. Għalkemm il-bronż ma kienx fil-linja tiegħi, maż-żmien sibt li tgħallimt ħafna. Hemmhekk skoprejt is-sengħa ta’ kif jittella’ monument mill-bidu. Kien hemm ukoll l-iskultur Renzo Gauci li għalkemm ma offrilix xogħol miegħu, tani l-opportunità li ngħinu u nosservah waqt li kien qed jagħmel xi xogħol għall-Knisja tal-Mosta. Dan l-aħħar qed nagħmel xogħol fil-ħidma tal-fidda u allura qed nitrawwem f’dan il-qasam ukoll. Biċċa xogħol tiegħi fil-fidda s’issa għadni qatt ma ħdimt imma xi darba tasal ukoll. Tirrealizza li kull ma titgħallem ftit ftit ikun qed jagħlaq f’ċirku tond biex finalment issir artist sħiħ b’ħiliet differenti.

    B’liema materjali taħdem u liema tippreferi?

    Bdejt bit-tafal u mbagħad tgħallimt naħdem il-forom tal-ġibs. Wara komplejt fuq il-fibre. Il-fibre huwa materjal veru effiċjenti għax ix-xogħol jiġi mirqum mill-ewwel mingħajr ħafna logħob. Barra minn hekk hu materjal b’saħħtu wkoll. Ovvjament kollox ikun fih tiegħu… Per eżempju dan il-wiċċ ta’ Kristu nħadem fil-fibre. Ara, kif qed tinnota fir-ritratt, kelli ndaħħal għajnejh mill-ewwel ħalli nagħtihom il-forma tajba mill-ewwel għax fil-fibre ma tantx tista’ tillima. Suppost dan ser ikun qed jagħmel parti miċ-Ċena tal-Każin ta’ Ħal-Għaxaq.

    Dan il-bust ta’ Dun Anġ Camilleri ukoll maħdum mill-fibre. F’dan ir-ritratt nidher qed niżbgħu bil-patina tal-bronż. Dan il-bust irregalajtu lir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone tal-Mosta li xtaqu li jkollhom tifkira ta’ dan il-qassis peress li kien hu li kien jagħtihom il-permess li jaħdmu mill-Oratorju.

    Ara dal-bust ta’ wiċċ dil-mara… dak maħdum bil-pastellina. Il-pastellina huwa materjal li ma jinbidilx u jħallik taħdem fih kemm trid. Fil-fatt dik hija pastellina tal-iskola u għandha mal-50 sena llum! Minn dik il-forma ħriġt bust tal-ġibs. Il-pastellina mbagħad terġa’ tintuża għal xogħol ieħor.

    L-aktar li nieħu pjaċir naħdem fit-tafal għax kull biċċa xogħol, minnu trid tibda u permezz tiegħu toħroġ veru dak li trid u tħoss. Taqbad b’idejk u tiffurmah. Għalhekk jogħġobni.

    Liema huwa l-aktar skultur Malti li tammira?

    Lil Ċensu Apap. Jista’ jkun għax hu ħadem ħafna fil-knisja tagħna tal-Mosta u għalhekk trabbejt ma’ xogħlijietu. Sikwit kont nara ċertu intervisti tiegħu fuq it-TV u l-kotba.  Kien jimpressjonani li għalkemm kellu mat-80 sena, xorta kien baqa’ jaħdem dax-xogħol. Għalija huwa wieħed mill-aħjar artisti Maltin. Kont nixtieq ħafna li xi darba niltaqa’ miegħu imma sfortunatament kien miet meta jiena kont l-Awstralja. Inħares ħafna lejn ix-xogħol tiegħu biex nitgħallem minnu. Kumbinazzjoni l-iskultur Joe Chetcuti, li miegħu ħdimt fil-funderija, kien l-aħħar student li kellu l-istess Ċensu Apap. Għalhekk aktar u aktar apprezzajt iż-żmien li kont naħdem miegħu, spċejalment meta kien jispjegali dwar xi metodu li kien juża hu.

    Liema hu l-aktar stil li tippreferi taħdem fih?

    Jiena jogħġobni ħafna x-xogħol tal-knejjes u allura nippreferi naħdem xogħol klassiku jew aħjar dak tradizzjonali kif aħna mdorrijin naraw aħna l-Maltin fil-knejjes tagħna. Inħobb li l-proporzjonijiet tal-figuri jkunu kif suppost u l-istil tal-panneġġi (il-mod kif joqgħod id-drapp fuq l-istatwi) jinżel dritt mal-figuri. Ikolli nistqarr illi l-iskola jippruvaw iħajjruni biex nagħfas aktar fuq il-modern ħalli ma ningħalaqx fuq dan l-istil biss. Imma qalbi hemm mitfugħa – fuq il-klassiku.

    Meta tkun qed taħdem fuq il-fattizzi ta’ statwa, minn fejn iġġibhom?

    Jekk ser tagħmel bust ta’ xi ħadd partikolari, ovvjament ikollok bżonn diversi ritratti tiegħu: profil, faċċata, minn wara… Jekk imbagħad tkun ser tagħmel xi statwa ta’ xi personaġġ magħruf, bħall-Papa Ix-xogħol ikkuppjat minn fuq ir-ritratti - Sta Maria Għaxaqper eżempju, jkollok bżonn ukoll tagħmel riċerka u tniżżel stampi jew ritratti tal-ilbies tiegħu ħalli kemm jista’ jkun tkun korrett fix-xogħol tiegħek. Imma meta min-naħa l-oħra nkun qed naħdem xi bambin jew xi anġlu, qishom idejja dejjem jaqgħu għall-istess fattizzi. Dik qisha tkun il-firma tiegħek. Fil-fatt minn hemm tagħraf ix-xogħlijiet t’artisti oħra. Ġieli tara statwa ta’ profeta u statwa ta’ Madonna u xorta jirnexxielek tinnota fattizzi komuni li jindikaw mill-ewwel minn taħt liema jdejn ħarġu. Naturalment inkun nixtieq invarja l-uċuh u mhux l-ewwel darba li ninnota xi nies li ngħid ara, dak jagħmel anġlu sabiħ u dik tagħmel Madonna ħelwa.

    Dak ix-xogħol tad-drapp fuq statwa kif jirnexxielek tagħmlu daqshekk realistiku?

    Trid tkun taf kif jaqa’ d-drapp. Fuq it-tafal trid tiffurmah inti. Imma meta tkun qed taħdem fuq il-kartapesta, li normalment l-istatwi li ssib fil-knejjes, kollha maħdumin hekk, taħdem l-ilbies tagħhom bl-ixkejjer. Nibda billi nqabbad mastrudaxxa jippreparali bażi tal-injam bil-kaxxa u s-seratizz tiela’ ‘l fuq wieqaf. Imbagħad fuqu nibni l-figura tat-tafal, noħdilha l-forom tal-ġibs u nippressa fihom gazzetti mxarrbin li nkun iffurmajt fi speċi ta’ kolla. Bihom nibni ħxuna ta’ madwar 5mm. Inħalli   kollox jinxef imbagħad nibda nlibbes bl-ixkejjer. Naqta’ biċċa biċċa, inlibbes u ngħaddi bil-passati ta’ taħlita ta’ kolla u ġibs. Wara 14-il passata, l-ilbies jiġi iebes ġebla u tifforma l-libsa. Meta d-drapp ma jkunx ilaħħaq, noqgħod inħit il-biċċiet flimkien u ngħaddi minn fuqhom. Xogħol ta’ ħafna paċenzja imma meta tarah lest tieħu wkoll ħafna sodisfazzjon.

    Semmili xi xogħlijiet li għamilt s’issa…

    L-iskola għamilt diversi xogħlijiet. Ovvjament, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar tissaħħaħ u ġieli tħares lura u tgħid, ara dik kemm stajt għamiltha aħjar! Sakemm taqbad għall-ewwel tbati ftit imma Statwa ta' Santa Marija mbagħad meta jidrawk, jibdew jafdawk aktar. Fil-fatt ħdimt fuq xi xogħlijiet magħrufa fostom ħdimt il-forom tal-monument tal-Mater Dei li għamel Chris Ebejer. Ħdimt fuq il-monument ta’ Pietru Pawl Floriani li ġie inawgurat ftit ilu fil-Furjana. Għamilt ukoll l-arma għall-Każin ta’ Ħal-Għaxaq. Barra minn hekk ħdimt ukoll fuq l-istatwi l-ġodda ta’ Santa Marija u ta’ San Ġużepp fl-okkażjoni tal-400 sena tal-parroċċa tal-Mosta. L-istatwi li kien hemm qabel kienu xogħol Ċensu Apap imma kienu tal-konkos u tmermru. Bdilnijiehom u għamilniehom tal-bronż. Kull xogħol ikun għal qalbi imma dak li naħdem għar-raħal tiegħi, il-Mosta, ikun speċjali wisq għalija. Nixtieq li xi darba jkolli l-opportunità li nagħmel xi xogħol partikolarment għall-Knisja tagħna.

    Dan l-aħħar kelli anki ċ-ċans li nagħmel xogħol li mar l-Awstralja. Ommi wriet xi xogħol tiegħi lil wieħed li jorganizza l-festa ta’ Santa Marija f’Sidney. Xogħli għoġbu u meta riċentement ġie Malta ħdimna flimkien fuq l-istatwa li xtaq. Il-Madonna kienet għolja erbgħa piedi. Domt għaddej fuqha mhux ħażin imma meta qaluli li waslet qawwija u sħiħa l-Awstralja u li lin-nies għoġbithom, ħadt pjaċir ħafna. Dalwaqt joħorġuha għall-festa t’hemm għall-ewwel darba.

    Kemm huwa diffiċli biex issib min jafdak taħdimlu xi biċċa xogħol meta tkun għadek tibda?

    Kull bidu huwa iebes imma mbagħad meta n-nies tidrak timxi. Hawnhekk sikwit jiġu jittawluli biex jaraw x’jiena nagħmel. Issib lil min ikun irid jibqa’ miegħek il-ħin kollu meta jagħtik xi biċċa xogħol. Jiddettalek x’għandek tagħmel u jaħlilek ħafna ħin. Biex kultant fl-aħħar mill-aħħar jaqa’ lura għal dak li tkun għedtlu oriġinarjament. Anki l-ideat li ġieli jiġu bihom: kultant jew ma jkunux possibbli, inkella ma jkunux korretti. Meta jkollok dubju, jkollok tieħu parir u tagħmel ftit riċerka. Inkun irrid noqgħod attent li dak li jkun ma jirriduċilix xogħli għal dak ta’ dilettant. Jiena naħdem fuq livell artistiku u għalhekk mhux kollox jista’ jgħaddi.

    Xi tfisser l-iskultura għalik?

    Hija parti minni. Ma nistax nimmaġinani ma naħdimx l-iskultura! Issib min jaqtagħlek qalbek u kultant tkun wasalt biex taqta’ qalbek. Imma jekk veru tkun trid tasal, b’ħafna perseveranza u mħabba lejn ix-xogħol, finalment jirnexxielek.

    Leonardo da Vinci darba qal illi l-arti qatt ma tkun lesta imma sempliċiment tiġi abbandunata. X’tikkummenta?

    Naqbel miegħu perfettament! Jekk tibqa’ għaddej fuq xi ħaġa, ma tlesti qatt. Iktar ma jgħaddi ż-żmien aktar titgħallem u allura tibda tara d-difetti f’dak li għamilt qabel. Jekk tibqa’ tikkoreġi ma tagħmel qatt xejn.

    Xi tgħid lil min hu mħajjar għal dax-xogħol?

    Biex ma jaqtax qalbu. It-triq iebsa u għat-telgħa. Imma mbagħad meta tibda tara x-xogħol tiegħek lest u apprezzat, s-sodisfazzjon li tħoss, m’hemmx prezzu!

    L-aħħar kumment tiegħek…

    Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lil kull min tani daqqa t’id biex nasal fejn wasalt. Fostom ma rridx ninsa nsemmi lill-ewwel għalliema tiegħi: lil Joseph Casha (skultura), Manuel Cardona (forom tal-ġibs), Chris Attard (Storja tal-Arti), lill-Kap tal-iskola Joe Mallia li jieħu paċenzja bija ferm, lil Joe Micallef u lil Alfred Caruana Ruggeri (diżinn). Mhux mill-inqas lill-iskultur Joe Chetcuti li meta laqqgħuni miegħu, mhux talli ma rriffjutanix, talli qalli “sieħbi, jiena għandi xogħol kemm irrid. Jekk il-quddiem tibda taħdem bħali, nieħu pjaċir għax inkun nista’ ngħid li rawwimtek jien”. Grazzi wkoll lill-familja tiegħi li nkoraġġietni u lil kull min qatt emmen fija.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 ta’ Lulju 2009)

    2009.07.26 / no responses / Category: Torca - Perspettivi