Posts Tagged ‘Pekin’

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (Id-9 Parti) Il-Palazz tas-Sajf

    Meta żżur il-palazzi antiki taċ-Ċina ma tistax ma timpressjonax ruħek. Għandhom wisq stil distint u sabiħ u bla ma trid tħossok donnok qiegħed f’dinja oħra. L-istil magħżul tal-arkitettura jidher biċ-ċar li hu maħsub biex iħaddan u mhux jirkeb fuq in-natura u b’hekk joħloq ambjent ħlejju ta’ serenità u ta’ spazju. Mhux ta’ b’xejn li ta’ kuljum dawn il-palazzi u l-ġonna tagħhom ikunu miżgħuda bin-nies, kemm tal-lokal u kif ukoll turisti minn kull pajjiż madwar id-dinja.

    Aktar minn hekk, kull palazz għandu l-istorja, il-karattru u l-faxxinu tiegħu. Dan ikkonfermajtu mill-ġdid meta ġejt akkumpanjata ġewwa l-Palazz tas-Sajf f’Pekin u hemm għal darb’oħra stagħġibt u mmeraviljajt ruħi bis-snajja’ nvoluti sabiex inbena dan il-post u d-dedikazzjoni neċessarja biex reġa’ ngħata l-ħajja mill-ġdid wara li popli barranin għamlu ħerba minnu.

    Il-Palazz tas-Sajf (The Summer Palace)

    Sezzjoni mill-Palazz tas-SajfDan il-palazz jinsab fil-majjistral tas-subborgi ta’ Pekin. Jokkupa medda ta’ art ta’ madwar 2,900,000 metru kwadru. L-istrutturi tiegħu jikkonsistu f’għadd ta’ swali, torrijiet, galleriji, paviljuni u pontijiet. Dawn huma mqassma fi tliet sezzjonijiet: il-parti amministrattiva, il-parti residenzjali imperjali u l-parti tar-rilassament.

    Barra minn hekk, il-palazz huwa mdawwar bi ġnien vast li jinkludi fih għolja magħrufa bħala L-Għolja tal-Ħajja Twila (Longevity Hill), u l-għadira Kunming (Kunming Lake) li tirċievi l-ilmijiet tagħha min-nixxiegħat ta’ Yuquanshan jew l-Għolja tar-Rebbiegħa tal-Jade (Jade Spring Hill).

    Trid sebgħa għajnejn biex tapprezza dan il-ġnien li huwa magħruf bħala l-akbar u l-aqwa ġnien klassiku imperjali li għadu jfakkar id-Dinastija Qing. Huwa wkoll magħdud bħala teżor kulturali tal-arti u tal-arkitettura tal-ġonna Ċiniżi. Sadanittant, hekk kif il-gwida rama jispjegalna dwar il-karatteristiċi tiegħu, intbaħna li dan il-lwog jista’ jiġi kkunsidrat ukoll bħala mużew tal-istili arkitettoniċi varji tal-ġonna li wieħed isib f’diversi reġjuni madwar iċ-Ċina.

    L-istorja tal-post

    Matul it-12 il-seklu, l-Imperatur Zhangzong tad-Dinastija Jin beda jibni l-palazz temporanju tiegħu hawnhekk. Aktar tard, fit-13 il-seklu, l-Imperatur Kublai Khan tad-Dinastija Yuan, qabbad lil Guo Shoujing, inġinier idrawliku famuż, sabiex isib sistema li biha jwassal l-ilma mill- Għolja tar-Rebbiegħa tal-Jade għat-tarf tal-Għolja tal-Ġarra (Jar Hill). Infatti, Guo rnexxielu jagħmel dan u b’hekk huwa ħoloq ġibjun kbir tal-ilma li sar magħruf bħala l-Għadira tal-Punent (West Lake).

    Fl-1494, l-Imperatur Xiaozong tad-Dinastija Ming ordna l-kostruzzjoni tat-Tempju tal-Perfezzjoni u t-Trankwillità (Temple of Perfection and Tranquility). Imbagħad, fis-16 il-seklu, l-Imperatur Wuzong tad-Dinastija Ming sawwar il-Ġnien tal-Għolja Meraviljuża (Garden of Marvelous Hill) f’dan il-post.

    L-Għadira KunmingJidher li dawn l-inħawi għamlu xi żmien abbandunati. Iżda sa nofs is-seklu 18, l-arkitettura tal-ġonna klassiċi Ċiniżi kienet laħqet livelli għoljin ħafna u numru ta’ ġonna imperjali bdew jissawwru madwar din il-medda ta’ art. Kien f’dan il-perjodu illi l-mexxejja tad-Dinastija Qing iddeċidew li jittrasformaw dan il-post fi lwog spazzjuż fejn wieħed seta’ jieħu gost u jistrieħ. Dan eventwalment wassal għall-kreazzjoni tat-Tliet Għoljiet u l-Ħames Ġonna (The Three Hills and Five Gardens).

    Fl-1750, l-Imperatur Qainlong tad-Dinastija Qing iddeċieda li jibni Qingyiyuan jew il-Ġnien taċ-Ċafċif Ċar (Garden of Clear Ripples) bħala rigal għal ommu l-Imperatriċi Armla Xiaosheng f’għeluq is-60 sena tagħha. Dan il-ġnien kien jifforma parti mit-Tliet Għoljiet u l-Ħames Ġonna. Sena wara, isem l-Għolja tal-Ġarra nbidel fl-Għolja tal-Ħajja Twila filwaqt li l-Għadira tal-Punent saret magħrufa bħala l-Għadira Kunming.

    Ġara illi dan il-ġnien grandjuż ħa ħmistax il-sena biex tlesta kollu, tant li omm l-imperatur laħqet mietet. Imma meta x-xogħol fuqu ġie komplut, dan is-sit kien wieħed mill-aktar ġonna raffinati fiċ-Ċina.

    Madanakollu, fl-1860 it-truppi Brittaniċi u Franċiżi li attakkaw lil Pekin, daru anki għal dan il-post fejn serqu kull ma sabu u taw in-nar lill-bqija. B’hekk, kull struttura tal-injam li kien hemm fil-Ġnien taċ-Ċafċif Ċar saret irmied.

    Intant, fl-1885, l-Imperatriċi Armla Cixi, li kienet ilha tmexxi ċ-Ċina bil-moħbi permezz ta’ binha l-imperatur li kien għadu tifel żgħir, daħħlet f’moħħha li terġa tagħti r-ruħ lil dan il-post. U biex għamlet dan, hija ħadet fondi li kienu maħsuba għat-taqsima navali. Meta dan il-proġett kien għoddu tlesta fl-1888, Cixi bidlet isem il-post għall-Ġnien tal-Preservazzjoni Armonjuża (Garden of Harmonious Preservation) jew il-Palazz tas-Sajf kif inhu magħruf mat-turisti li jżuruh illum.

    Xena fuq l-Ghadira KunmingSfortunatament, fl-1900, dan is-sit ġie attakkat mill-ġdid, did-darba mill-Forzi Alleati tat-Tmien Pajjiżi. Dawn reġgħu żarmaw il-palazz mit-teżori kollha li kellu fih u qerdu l-bini.

    Issa l-finanzi tat-tmexxija Qing kienu marru lura ħafna u bl-ebda mod ma setgħu jinstabu fondi sabiex dan il-post jerġa’ jiġi restawrat. Għalhekk, fl-1902, Cixi rranġat kif setgħet l-inħawi tal-Għolja tal-Ħajja Twila u bniet mill-ġdid il-parti tal-Lvant tal-palazz.

    Wara r-rivoluzzjoni tal-1911, fejn it-tmexxija Qing ġiet imwarrba, dan il-palazz serva għal xi żmien bħala r-residenza tal-membri tal-ex familja imperjali. Fl-1920, il-post inbidel f’park u mbagħad fl-1949 il-ġnien ġie restawrat wara li twaqqfet ir-Repubblika taċ-Ċina, hekk kif il-gvern beda jirranġa diversi siti ta’ importanza kulturali.

    Finalment, fl-1998, il-UNESCO poġġiet il-Palazz tas-Sajf fil-lista tagħha bħala Wirt Kulturali Dinji.

    X’hemm x’tara

    Il-Kuritur TwilWara li sirt naf minn xhiex għadda dan il-post meraviljuż, aktar u aktar bdejt napprezza u nammira l-istat sabiħ li qiegħed fih illum. Għajnejja ħalfu li jixorbu l-ilwien kollha li kienu mżejjna bihom l-istrutturi, filwaqt li mnifsejja gawdew l-arja bnina msoffija mill-pjanti u s-siġar ta’ kull tip u qies li kienu jinsabu f’dan il-ġnien.

    Il-Palazz

    Il-palazz huwa esperjenza fih innifsu. Huwa diffiċli biex tfisser sbuħitu u l-ambjent li hu mdawwar bih. Ċertament l-opportunità li tidħol f’uħud mis-swali u l-paviljuni tiegħu hija xi ħaġa indimentikabbli. Ix-xenarju tal-inħawi li joffri l-ogħla torri tiegħu huma spettakolari.

    Il-Kuritur Twil (Long Corridor)

    Dan il-passaġġ maħdum kollu kemm hu mill-injam inbena fit-18 il-seklu. Għandu tul ta’ 728 metri u ġie mqassam f’273 sezzjoni li ġew iddekorati b’madwar 14,000 pittura li juru episodji importanti mill-letteratura klassika Ċiniża, stejjer folkloristiċi, figuri storiċi u leġġendarji u bini u xenarji magħrufa fiċ-Ċina.

    Id-Dgħajsa tal-Irħam (Marble Boat)

    Id-dghajsa tal-irhamDin l-istruttura li għandha forma ta’ dgħajsa rjali ġiet mibnija f’parti mill-Għadira Kunming. Ngħatat l-isem ta’ Qingyanfany jew id-Dgħajsa tal-Purità u r-Rilassament (Boat of Purity and Ease).

    Id-dgħajsa nbniet fuq żewġ sulari minn irħam kbir u għandha tul ta’ 36 metru. Ġiet maħluqa għall-Imperatur Qianlong sabiex minnha jgawdi x-xenarju tal-inħawi tal-madwar. Kienet ukoll maħsuba li tissimbolizza l-istabbilità tad-Dinastija Qing. Iżda jidher li fl-1860 din ġiet meqruda u reġgħet inbniet mill-ġdid bi stil tal-Punent minn Cixi li tatha isem ieħor – Qingyanfang jew Paċi Universali (Universal Peace).

    L-Għadira Kunming

    Din l-għadira tkopri tliet kwarti tas-sit kollu. L-ilma tagħha mhux fond u ma jistax isir għawm fiha. Madanakollu, il-viżitaturi għandhom l-opportunità li jirkbu dgħajsa sabiex igawdu l-ambjent mill-isbaħ kemm tal-għadira, kemm tal-ġnien u kif ukoll tal-palazz li jħares fuqha.

    Mir-rebbiegħa sal-ħarifa jikbru l-fjuri tal-ġilju tal-ilma (lotus) ġewwa l-ilmijiet ta’ din l-għadira. Min-naħa l-oħra, fix-xitwa, wiċċ l-għadira jinbidel f’silġ u n-nies ikunu jistgħu jmorru bl-iskejt fuqu.

    Nies bi snajja’ u arti varji

    Pittur fil-Palazz tas-SajfApparti li dan il-lwog joffrilek iċ-ċans li tiltaqa’ man-nies tal-post, fih wieħed isib ukoll diversi artisti. Fosthom, aħna sibna pittur anzjan li kien qiegħed jiddisinja xeni dettaljati mill-Palazz tas-Sajf. Kien hemm ukoll grupp ta’ nies li bl-istrumenti diversi tagħhom kienu qed jakkumpanjaw żewġ kantanti.

    Min jixtieq jara xi filmati li ħadna f’dan il-post jista’ jidħol f’Youtube permezz ta’ din il-ħolqa:

    https://www.youtube.com/watch?v=HlHIDVjYzGQ

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-8 ta’ Marzu 2015)

    2015.03.08 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (8 Parti) Siti reliġjużi f’Pekin

    Għalkemm matul is-snin, iċ-Ċina sfat attakkata kemm il-darba u diversi binjiet sinifikanti fiha ġew meqruda, b’xorti tajba llum għad fadal bosta strutturi mill-isbaħli jixhdu l-kobor tal-arkitettura tradizzjonali Ċiniża.

    Fost dawn insibu numru ta’ palazzi u tempji li wieħed jista’ jżur ġewwa l-belt ta’ Pekin.

    It-Tempju tal-Ġenna (The Temple of Heaven)

    Dan it-tempju jinsab fin-naħa tax-xlokk ta’ Pekin. Fih l-imperaturi tad-Dinastiji Ming u Qing kienu jaduraw il-ġenna, filwaqt li kienu jitolbu biex ikollhom ħsad tajjeb mill-għelieqi tagħhom.

    Dan il-post inbena bejn l-1406 u l-1420 mill-Imperatur Yongle li sawwar ukoll il-Belt Ipprojbita. Oriġinarjament kien maħsub li kellu jservi bħala altar tal-ġenna u kif ukoll tad-dinja iżda l-imperaturi baqgħu jibnu u jżidu f’dan il-lwog sakemm maż-żmien, dan sar tempju sħiħ mibni fuq medda ta’ art kbira 2,730,000 metru kwadru.

    Mudellar bl-isfond tat-Tempju tal-GennaFil-preżent, din l-istruttura hija maqsuma f’żewġ partijiet: l-artal intern u l-artal estern. Tianxinshi (ġebla tal-qalba tal-Ġenna) jew Yuanxinshi (qalb tonda tal-ġebel) tinsab proprju fiċ-ċentru tat-terrazzin ta’ fuq ta’ Yuanqiutai. Dan kien il-post fejn kien jintasab l-imperatur biex jitlob. Jingħad illi kull min jitla’ jitkellem fuq din il-ġebla, kapaċi jinstema’ minn ħafna ‘l bogħod.

    Min-naħa l-oħra, Qiniandian (is-sala tat-talb għall-ħsad it-tajjeb) hija l-binja prinċipali tal-altar għat-talb għall-qamħ. Din l-istruttura għolja 32 metru hija waħda mill-isbaħ partijiet f’dan it-tempju. Fost id-dekorazzjonijiet tagħha, il-ħitan esterni ta’ din is-sala ġew imżejjna b’madum ikħal, filwaqt li fuq it-tarf nett tpoġġa ballun lewn id-deheb. Fattur importanti dwar il-kobor tas-sengħa użata f’din il-binja huwa illi l-ebda travu jew musmar ma ntużaw biex iżommuha flimkien. Minflok, din isserraħ fuq 28 kolonna massiċċa tal-injam li b’mod inġenjuż ġew marbuta mal-bqija tal-istruttura sabiex iżżommu kollox bħala ħaġa waħda.

    It-Tempju tal-Ġenna huwa mdawwar b’ħajt twil li jifforma kwadru fin-naħa ta’ nofsinhar u nofs ċirku lejn in-naħa tat-tramuntana. Skont it-twemmin tradizzjonali Ċiniż, dan sar biex jiġu rrappreżentati l-ġenna li kienet maħsuba li kienet tonda u d-dinja li kienet kwadra.

    Id-diżinn uniku u t-tqassim ta’ dan is-sit ġew maħluqa apposta sabiex jesprimu l-filosofija Ċiniża ta’ armonija kompleta bejn il-bniedem u n-natura. Infatti, matul is-snin, dan it-tempju ġie meqjus bħala kapolavur li jisfuma l-arkitettura fin-natura bl-aktar mod eċċellenti.

    Barra minn hekk, din l-istruttura hija kkunsidrata wkoll bħala riflessjoni profonda tal-kultura Ċiniża f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika, il-filosofija, l-astronomija, il-kalendarju, il-mużika, il-pittura u l-qasam tal-ġonna.

    Divertiment fit-Tempju tal-GennaMatul il-perjodu tat-Tieni Gwerra tal-Loppju li seħħet bejn l-1856 u l-1860, dan it-tempju safa maħkum mill-Imperu Brittaniku u dak Franċiż li kienu qed jeħduha kontra d-Dinastija Qing taċ-Ċina. Aktar tard, fl-1900, waqt ribelljoni oħra, l-Alleanza tat-Tmien Nazzjonijiet ħadet taħt idejha dan il-kumpless u biddlitu f’ċentru militari. L-okkupazzjoni ta’ dan il-post, li damet madwar sena, iddesekrat dan it-tempju u rriżultat fi ħsara enormi kemm fil-bini u kif ukoll fil-ġonna tal-madwar. Sadanittant, ġew irrapurtati wkoll diversi serqiet ta’ artifatti li ttieħdu mit-tempju.

    Hekk kif id-Dinastija Qing falliet u spiċċat, dan is-sit tħalla għal rieħu u ġie abbandunat kompletament. Dan kompla wassal għal ħsarat ħafna akbar fejn saħansitra waqgħu xi swali.

    Fl-1914, Yuan Shikai, l-ewwel President tar-Repubblika taċ-Ċina wettaq ċerimonja reliġjuża f’dan it-tempju bħala attentat li jiddikkjara ruħu Imperatur taċ-Ċina.

    Għal bosta snin, l-aċċess għal din iż-żona kien ipprojbit, sakemm fl-1918, din tbiddlet fi ġnien u nfetħet għall-pubbliku. Intant, fl-1961 it-Tempju tal-Ġenna ġie inkluż bħala parti mil-Lista ta’ Monumenti Storiċi u Kulturali Ċiniżi taħt protezzjoni tal-istat u b’hekk beda jsirlu r-restawr meħtieġ. Imbagħad, fl-1998, dan is-sit beda jifforma wkoll parti mill-lista tal-Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO.

    Illum dan il-post huwa popolari ħafna kemm man-nies tal-lokal u kif ukoll mat-turisti. Infatti, waqt iż-żjara tagħna, kien hemm mijiet ta’ viżitaturi ta’ kull età u ġens li kienu qed jagħmlu kull xorta ta’ attività bħaż-żfin, kant, u logħob varju. Barra minn hekk, kien hemm ukoll numru ta’ għarajjes li kienu qed jiġbdu r-ritratti tat-tieġ tagħhom fl-isfond tal-istrutturi varji ta’ dan it-tempju. Xi fotografi oħra kienu qed jieħdu ritratti artistiċi u tal-moda lil diversi mudelli.

    Fatt interessanti huwa illi f’sezzjoni mill-ġonna ta’ dan it-tempju, wieħed jista’ jara siġra kbira li hija magħrufa bħala ‘iċ-ċipressa tad-disgħa draguni’. Tissejjaħ hekk minħabba li jekk wieħed juża naqra immaġinazzjoni, jista’ jistħajjel iz-zokk tagħha bħal disgħa draguni jitremblu f’xulxin. Jingħad illi din iċ-ċipressa għandha mal-elf sena u għadha ħajja sa llum.

    Yonghegong Lamasery

    Magħrufa wkoll bħala l-Palazz tal-Armonija u l-Paċi, din l-istruttura li tinsab lejn in-naħa tal-grigal ta’ Pekin, ġiet mibnija fl-1694.

    Oriġinarjament, fil-perjodu tad-Dinastija Ming, dan il-post kien maħsub biex iservi bħala residenza għal dawk l-irġiel li kienu jiġu kastrati u mpjegati sabiex jipproteġu lin-nisa li kienu jgħixu fil-qrati orjentali.

    Qima fit-tempju BuddistMadanakollu, mill-1725, dan is-sit beda jintuża bħala l-palazz residenzjali tal-Imperaturi Yongzheng u Qianlong tad-Dinastiji Qing, meta dawn kienu jixtiequ joħorġu għal ftit taż-żmien mill-Belt Ipprojbita. Infatti, il-ħitan ħomor, il-madum isfar u l-iljuni tal-ġebel li wieħed isib f’dan il-lwog huma simboli li hemmhekk xi darba kien jgħix xi membru tal-familja imperjali.

    Kien fl-1744, waqt id-Dinastija Qing, illi finalment ir-rwol ta’ dan il-palazz inbidel f’tempju u f’residenza għall-patrijiet Lama filwaqt li sar ukoll iċ-ċentru nazzjonali tal-amministrazzjoni Lama.

    L-arkitettura, id-disinn u d-dekorazzjonijiet tiegħu huma meraviljużi hekk kif dan il-post huwa mqassam f’sebat ibtieħi differenti bi strutturi li jvarjaw bejn swali, paviljuni u torrijiet, li kollha jintonaw flimkien akkost li fihom karatteristiċi tradizzjonali varji tal-popli ta’ Han, Tibet, Manchu u Mongolja.

    Hruq tal-incens fit-tempju BuddistIllum dan il-post huwa miftuħ kemm għat-turisti u kif ukoll għal dawk li jkunu jixtiequ jqimu d-diversi statwi Buddisti li hemm imxerrda man-numru ta’ binjiet li jiffurmaw lil dan il-palazz. Fost dawn l-istatwi, wieħed isib ukoll statwa ġganteska ta’ Buddha għolja 26 metru li ġiet maħduma minn biċċa sħiħa tal-injam tas-sandlu. Jingħad li din hija l-ikbar statwa fid-dinja tax-xorta tagħha.

    Ċertament, dan it-tempju huwa xempju tal-arti reliġjuża tradizzjonali Ċiniża. Hu wkoll il-post ideali għal dawk li japprezzaw isegwu r-ritwali differenti ta’ ġnus oħra

    Nistqarr illi anki jekk in-nies ta’ madwari kienu qed iqimu reliġjon differenti minn dak li nħaddan jien, xorta waħda ħassejt serenità kbira ġewwa dan it-tempju, speċjalment meta bdejt nara l-qima qawwija fost individwi ta’ kull età.

    Għalija, iż-żjara ġo dan il-lwog kienet esperjenza memorabbli u unika li laqqgħatni ma’ aspett ieħor tal-kultura u s-soċjetà taċ-Ċina.

     (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-1 ta’ Marzu 2015)

     

     

     

    2015.03.01 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (Is-7 Parti) Ħarsa lejn l-arti Ċiniża

    Bħalissa, is-settur tal-arti fiċ-Ċina huwa wieħed mill-aktar dinamiċi, hekk kif l-artisti Ċiniżi qed jerħulha jesploraw u jimirħu f’orizzonti differenti sabiex jippruvaw jesprimu r-rwol ġdid li għandu pajjiżhom fid-dinja. Dawn ix-xogħolijiet artistiċi varji jinstabu mxerrda madwar iċ-Ċina kollha f’diversi distretti popolari tal-arti, f’numru ta’ galleriji artistiċi u f’bosta mużewijiet.

     Permezz ta’ dan l-artiklu, jiena se niddeskrivilkhom dawk l-inħawi li żort f’Pekin u Shanghai li huma relatati ma’ dan il-qasam.

     751D Park – Pekin

     Kont immaġinajt li ż-żjarat tagħna f’Pekin kienu ser ikunu kollha marbutin mal-istorja. Għaldaqstant kienet tassew sorpriża interessanti meta ġejna akkumpanjati f’dan iċ-ċentru ta’ arti kontemporanja.

    Sa ftit tas-snin ilu, din il-medda art b’qies ta’ 40,000 metru kwadru, kienet tifforma parti minn żona industrijali. Madanakollu, riċentement, din ġiet trasformata f’post iddedikat kollu kemm hu għall-arti u ngħatat l-isem ta’ 751D Park.

    Xoghol ta' Liu Fei - An enchanting warL-arkitettura distinta ta’ stil Bauhaus irnexxielha tisfuma b’mod armonjuż mal-karattru l-ġdid li ngħata lil dawn l-inħawi fejn issa wieħed isib numru ta’ galleriji tal-arti, swali tal-esebizzjonijiet, ħwienet tal-kotba, ristoranti u kafetteriji.

    Għalkemm m’inix xi waħda li nifhem wisq fl-arti, nistqarr illi l-ħin li qattgħajt f’dan il-lwog sabiex nesplora dawn ix-xogħolijiet artistiċi, fetħuli tieqa oħra fuq iċ-Ċina li minnha stajt nixtarr aħjar lil dan il-pajjiż u l-kultura tiegħu. Infatti, kull post li dħalt fih offrieli l-opportunità li nosserva, napprezza u nixtri kreazzjonijiet bi stili tassew uniċi u b’disinji oriġinali ta’ immaġinazzjoni bla tarf.

    Fosthom, laqtitni ħafna l-esebizzjoni artistika ta’ Liu Fei li kienet iġġib l-isem ta’ An Enchanting War. Fiha, l-artist ippreżenta l-perċezzjonijiet tiegħu dwar il-gwerer futuri filwaqt li kkontempla dwar kif dawn ser jiġu miġġielda. Għamel dan permezz ta’ kreazzjonijiet li jżommuk fil-post tħares lejhom, l-aktar hekk kif hu esprima d-disprezz u l-kritika tiegħu lejn il-gwerra permezz ta’ ġmiel u kruha ironiċi u li jaħsdu.

    Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti – Pekin

     Dan il-mużew hu ddedikat għall-kollezzjonijiet, għar-riċerka u għall-esebizzjonijiet ta’ xogħolijiet artistiċi moderni u kontemporanji li jsiru fiċ-Ċina. Għalkemm il-bini tiegħu nbeda fl-1958 u nfetaħ għall-pubbliku fl-1963, l-istil arkitettoniku tiegħu tfassal fi stil tradizzjonali Ċiniż hekk kif dan jinkludi fih kurituri, paviljuni u saqaf imżejjen b’madum ta’ lewn safrani.

    L-artista Liu Xia biswit ix-xogħol taghha fil-Muzew Nazzjonali tal-ArtiFil-wisgħa ta’ 18,000 metru kwadru, dan il-mużew għandu fih 17 il-sala tal-esebizzjoni mqassma fuq 5 sulari. Fil-kollezzjonijiet tiegħu jħaddan aktar minn 100,000 biċċa xogħol artistika, li l-biċċa l-kbira tagħhom inħadmu minn artisti mill-aqwa matul perjodi differenti li jkopru s-snin mill-aħħar tas-seklu 19 sa llum.

    Mit-twaqqif tiegħu, dan il-mużew organizza eluf ta’ esebizzjonijiet artistiċi li jirriflettu l-iżvilupp tal-arti Ċiniża. Kull sena, dawn l-attivitajiet jiġbdu miljuni ta’ viżitaturi lejn dan il-post u b’hekk dan iservi wkoll bħala vetrina għall-artisti involuti.

    Waqt iż-żjara tagħna f’dan il-post, fost ix-xogħolijiet esebiti, kien hemm il-wirja Beautiful China: Call of Humanism, liema attività tax-xorta tagħha kienet qed issir għall-ewwel darba. Infatti, f’din l-esebizzjoni kien hemm 200 biċċa xogħol artistika għall-bejgħ u l-flus li kienu ser jinġabru minnha, kienu ser imorru biex jgħinu lill-eluf ta’ persuni li jbatu minn xi diżabbilità. Fatt interessanti kien li fost ix-xogħolijiet għall-bejgħ, kien hemm uħud li kienu maħduma minn artisti rinomati ferm imħallta ma’ oħrajn ta’ livelli differenti, fosthom anki ma’ ta’ artisti u kalligrafi li kellhom xi diżabbilità.

    M50 – Shanghai

     Din iż-żona artistika li tikkonsisti minn għadd ta’ galleriji u spazji għall-esebizzjonijiet, tinsab f’50 Triq Moganshan, Shanghai, imma ħafna jirreferu għaliha bħala M50.

     Sa ftit tas-snin ilu, din il-lokalità ċentrali kienet tifforma parti minn fabbrika tat-tessuti iżda wara li din l-industrija ngħalqet, ftit ftit bdew jinġibdu għadd ta’ artisti lejn dan il-post minħabba li kien qed jinkera bi prezz baxx. Kien fis-sena 2000 meta daħlu l-ewwel artisti sabiex jesponu xogħolijiethom f’dawn l-inħawi. Illum M50 inbidlet f’kumpless kollu kemm hu ddedikat lill-arti.

    Xogholijiet tal-arti fid-distrett M50Ċertament hawnhekk, dawk li japprezzaw l-arti għandhom fejn jintilfu bl-għażla tassew varja ta’ ideat u xogħolijiet, kemm f’dik li hi skultura u kif ukoll pittura. F’dan il-lwog, wieħed spiss ikollu ċ-ċans ukoll li jiltaqa’ mal-artisti nfushom u li jixtri x-xogħolijiet direttament minn għandhom. Il-prezzijiet ivarjaw ħafna: jibdew minn tassew irħas u jibqgħu telgħin sa somom pjuttost esorbitanti. Madanakollu, jekk wieħed ikun kapaċi jinnegozja prezz tajjeb, jaf imur lura d-dar b’xogħol tassew uniku u sabiħ.

    Għalkemm viżwalment din iż-żona ma tolqotx wisq l-għajn, wieħed m’għandux joqgħod lura milli jikkunsidra li jiddedika ftit ħin biex jevalwa dak li jista’ jsib fiha. Infatti wħud mix-xogħolijiet kapaċi jkunu interessanti u provokanti qatiegħ, b’numru minnhom mogħnija wkoll b’natura ribelli.

    Esebizzjoni artistika tal-pittur Heping – Malta

     L-għan prinċipali ta’ din is-sensiela ta’ artikli huwa li nxennaq lill-poplu Malti biex isir jaf aktar dwar il-kultura taċ-Ċina u niesha. Għaldaqstant, fejn nara li hemm l-opportunità li l-Maltin iduqu dak li nkun ktibt dwaru f’pajjiżna stess, jiena nħossni obbligata li ninforma lill-qarrejja bih.

     Fil-fatt, bħalissa, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena Ċiniża, fil-gallerija artistika taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina li jinsab f’173, Triq Melita, Valletta, qed tittella’ esebizzjoni ta’ xogħolijiet li saru mill-pittur famuż Ċiniż Heping.

    Heping huwa bbażat f’Shanghai u bħalissa huwa jservi bħala għalliem fl-Istitut tal-Moda, l-Arti u d-Disinn ta’ Dunghua University. Huwa jifforma parti mill-ġens Naxi; li huwa wieħed mill-minoritajiet etniċi li jinsabu ċ-Ċina.

    F’dawn l-aħħar snin, Heping żviluppa lingwa artistika ġdida sabiex permezz tagħha jittrażmetti l-karattru etniku u s-sengħa tradizzjonali tiegħu. Din il-linja artistika tinvolvi taħlita għanja ta’ pittura u kalligrafija li finalment tiġi espressa f’xogħol modern b’tema astratta.

    Xoghol artistiku ta' HepingIx-xogħolijiet ta’ Heping huma magħrufa għall-użu distint tal-kulur u għall-linji maħżuża li flimkien jikkontribwixxu xogħol mhux konvenzjonali li għalkemm jirrifletti ċertu loġika, jinħakem ukoll minn passjoni qawwija. Fuq kollox, is-saħħa ta’ din l-arti tinsab fit-taħlita tal-elementi artistiċi tal-Lvant u tal-Punent li jagħmlu dawn ix-xogħolijiet attraenti għal diversi individwi madwar id-dinja.

    Heping jistqarr li jinteressaħ ħafna l-bniedem u li għalhekk kull xogħol tiegħu jirrappreżenta individwu minn Shanghai: il-belt fejn trabba’ u tgħallem u l-post li għadu sa llum jinfluwenzah ħafna. Huwa jħobb joħloq illustrazzjonijiet li jissimbolizzaw id-dinja moderna urbana li teżisti f’ambjent li l-ħin kollu jinbidel. Madanakollu, huwa jara li jispjega dan kollu billi juża kemm jista’ s-sempliċità.

    Fil-fehma tiegħu, akkost li ż-żmien ta’ llum huwa miżgħud b’għadd ta’ informazzjoni u attivitajiet, min-natura tiegħu, il-bniedem jibqa’ jfittex li jissimplifika l-affarijiet ta’ madwaru sabiex jassorbi u jifhem aħjar. Fil-fatt Heping jissuġġerixxi illi dan it-tiftix għas-sempliċità jinħoloq proprju sabiex jinstab bilanċ mal-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum.

    Intant, jekk wieħed jifli x-xogħolijiet ta’ dan l-artist, spiss se jilmaħ forom astratti imma sempliċi li bihom huwa jrid jiddeskrivi l-perċezzjoni ikkondensata tiegħu tas-suġġetti umani li jpinġi f’kultura urbana u immaġni metropolitana.

    Għal aktar informazzjoni dwar din il-wirja li se ddum miftuħa sal-5 ta’ Marzu 2015, wieħed jista’ jċempel liċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta fuq 21 225 055.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-22 ta’ Frar 2015)

    2015.02.22 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (4 Parti) L-Istorja taċ-Ċina

    L-Istorja taċ-Ċina hija ikkumplikata mmens, l-aktar minħabba l-kobor tal-pajjiż. Infatti, bosta Ċiniżi jistqarru li lanqas huma ma jafuha kollha. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, għalina l-Ewropej hija naqra aktar diffiċli biex nassimilawha peress li tvarja ħafna mill-ġrajjiet storiċi li tgħallimna dwarhom. Kien proprju għalhekk li sibt ruħi kompletament affaxxinata meta żort il-Mużew Nazzjonali ta-Ċina f’Pekin.

    Il-Mużew Nazzjonali taċ-Ċina f’Pekin

    Il-binja ta’ dan il-mużew hija imponenti ferm u l-faċċata tiegħu tħares direttament fuq il-Pjazza Tiananmen. Twaqqaf fit-28 ta’ Frar 2003 wara li ngħaqdu dak li qabel kien il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Ċiniża flimkien mal-Mużew Nazzjonali tar-Rivoluzzjoni Ċiniża.

    Il-Mużew Nazzjonali taċ-Ċina f’Pekin huwa mibni fuq medda ta’ art li tkopri 192,000 metru kwadru u huwa meqjus bħala l-akbar u l-aqwa mużew fid-dinja. Iħaddan fih 40 gallerija flimkien ma’ 10 swali ta’ esebizzjonijiet artistiċi li fihom jiġu esebiti wkoll xogħolijiet internazzjonali li jiġu mislufa lil dan il-mużew.

    L-artifatti li huma esebiti fih ivarjaw ħafna u b’hekk huma jagħtu l-opportunità lill-viżitaturi biex josservaw firxa wiesgħa tal-arkeoloġija, tal-istorja, tal-arti u tal-kalligrafija ta’ dan il-pajjiż. Permezz ta’ dawn, wieħed ikun jista’ jixtarr ukoll is-soċjetà u l-kultura Ċiniża matul perjodi differenti.

    Is-sezzjoni tal-bronż

    Kontenitur tal-bronzIs-sezzjoni tal-bronż hija waħda sinifikattiva f’dan il-mużew, partikolarment dawk ix-xogħolijiet li saru fil-Perjodi Shang u Zhou li jirriflettu r-ritwali u s-sistemi mużikali wżati fiċ-Ċina ta’ dak iż-żmien u li llum huma apprezzati madwar id-dinja kollha. Madanakollu, hemm bosta oġġetti oħra li juru kif iċ-Ċiniżi kienu diġà trawwmu sewwa fit-teknoloġija tal-bronż sa minn 4000 sena ilu.

    Intlift inħares lejn oġġett wara l-ieħor li kien hemm esposti f’din is-sezzjoni, nistagħġeb kif fihom ftit li xejn stajt nilmaħ xebħ ma’ dak li jiena mdorrija nara f’mużewijiet oħrajn Ewropej, fosthom dawk lokali.

    Il-kollezzjoni tal-bronż f’dan il-mużew tinkludi oġġetti ta’ kuljum, ornamenti, reċipjenti, għodod u armi b’disinji distinti u sbieħ. Uħud minnhom kienu saħansitra mżejjna b’karattri kalligrafiċi antiki indurati bid-deheb jew bi ħlejqiet fantastiċi bħad-draguni.

    Is-sezzjoni tal-fuħħar

    L-invenzjoni tal-fuħħar li seħħet eluf ta’ snin ilu tatu spinta kbira lill-bniedem fl-iżvilupp tiegħu lejn iċ-ċiviltà. Fil-fatt minn hemm, il-bniedem kompla jistħarreġ kif seta’ juża l-materjali tan-natura sabiex jgħinuh jgħix ħajja aħjar.

    L-aktar fuħħar antik li wieħed isib f’dan il-mużew imur lura għall-Perjodu Neolitiku fejn għall-ewwel il-fuħħar kien jinħadem bl-idejn imbagħad anki fuq ir-rota. Maż-żmien, il-bniedem għaraf ukoll kif isebbaħ dak li joħloq billi jivvinta disinji b’subgħajh u b’difrejh, inkella b’xi għodda oħra. Wara, huwa sab mezz kif jiżbogħ dawn l-oġġetti permezz ta’ pigmenti naturali.

    Il-kollezzjoni tal-fuħħar tinkludi kontenituri, madum, figurini u kif ukoll oġġetti li ġew użati waqt ir-riti tad-dfin. L-irfinar fil-materjal maħdum u anki fid-dekorazzjoni tal-oġġett huma xhieda tal-iżvilupp tal-bniedem matul is-snin.

    Is-sezzjoni tal-porċellana

    Porcellana maghrufa ta' lewn abjad u ikhalTip ta’ porċellana li kienet tinħadem bil-lewn abjad u ikħal, partikolarment fi żmien id-Dinastiji Ming u Qing, hija l-aktar famuża madwar id-dinja għall-kwalità u l-ġmiel tagħha. Infatti fost l-eluf ta’ artifatti maħduma mill-porċellana, l-akbar kwantità ta’ oġġetti fil-kollezzjoni ta’ dan il-mużew huma ta’ dan it-tip.

    Xorta waħda, għal dawk li japprezzaw xogħolijiet bħal dawn, l-esebiti l-oħra huma interessanti mmens u mill-ġdid pjuttost differenti minn dawk li aħna mdorrija naraw.

    Is-sezzjoni tal-jade

    Il-jade huwa ħaġra prezzjuża ta’ lewn ħadrani li hija popolari ferm fiċ-Ċina. Ta’ min isemmi illi l-ġibda ta’ dan il-poplu lejn din il-ħaġra ilha teżisti saħansitra sa mill-Perjodu Neolitiku, hekk kif jixhdu xi esebiti li jinsabu f’dan il-mużew.

    Fil-fatt skont materjal arkeoloġiku li nstab jidher li ċ-Ċiniżi kienu qed jipproduċu xogħolijiet mill-jade sa minn 8000 sena ilu, għalkemm xi studjużi jisħqu li probabbilment din l-użanza tmur lura sa 10,000 sena ilu.

    Matul iż-żmien, il-funzjoni ta’ din il-ħaġra nbidlet qatiegħ fiċ-Ċina. Fil-Perjodu Neolitiku l-jade kellha tifsira spiritwali u kienet tintuża l-aktar fir-riti tad-dfin peress li kien hemm it-twemmin li permezz ta’ din il-ħaġra, il-bniedem seta’ jikkomunika mal-allat.

    Min-naħa l-oħra, fil-Perjodu Shang din il-ħaġra kienet marbuta mar-ritwali tal-poter militari u allura mal-armi ċerimonjali li kienu jinħadmu minn dan il-materjal.

    Timbru tal-jadeAktar tard waqt id-Dinastija Qin, jiġifieri mis-seklu 3 Q.K sas-seklu 6 W.K. din il-ħaġra bdiet tintuża anqas fir-ritwali u bdiet minflok tieħu aspett aktar popolari. L-ikbar żvilupp fil-produzzjoni ta’ oġġetti popolari li tfasslu minn dil-ħaġra saru fi żmien id-Dinastiji Ming u Qing fejn wieħed jista’ josserva kapolavuri mill-ifjen.

    Fatt interessanti huwa li fiċ-Ċina din il-ħaġra għadha apprezzata ferm, aktar u aktar illum meta dan il-materjal m’għadux jinstab daqstant fi kwantitajiet kbar. Il-valur ta’ din il-ħaġra huwa fit-twemmin illi din kapaċi tgħin lill-bniedem jgħix ħajja itwal u kif ukoll li ġġiblu x-xorti t-tajba.

    Is-sezzjoni tal-fidda u d-deheb

    Il-kollezzjoni kbira ta’ dawn l-oġġetti li għandu l-mużew tkopri xogħolijiet li twettqu matul l-aktar perjodi importanti fiċ-Ċina; jiġifieri mill-Perjodu Shang sa dak Qing.

    Permezz ta’ dawn l-esebiti, wieħed jista’ japprezza s-sengħa mill-aqwa ta’ provinċji differenti u kif din żviluppat matul is-snin. Apparti mid-disinji sbieħ, uħud ġew dekorati wkoll b’ħaġar prezzjuż u għalhekk il-valur ta’ ċerti oġġetti huwa imprezzabbli.

    Fost l-oġġetti wieħed jista’ jara ġojjelli, ornamenti tax-xahar, reċipjenti tal-inċens, u kontenituri tax-xorb u l-ikel.

    Is-sezzjoni tal-muniti

    L-Istorja tal-flus fiċ-Ċina tmur lura għall-Perjodu Shang u tibqa’ miexja b’kontinwazzjoni sal-ġranet ta’ llum. Għaldaqstant, din il-kollezzjoni hija siewja ħafna sabiex wieħed jistudja l-iżvilupp ekonomiku ta’ din il-kultura tal-Lvant.

    Fiċ-Ċina, l-ewwel flus kienu jikkonsistu minn arzell. Kien biss fid-9 seklu Q.K. li bdew jidhru l-ewwel muniti tal-metall. Aktar tard, id-digriet imperjali li twaqqaf mill-Ewwel Imperatur taċ-Ċina li kien jesiġi l-istandardizzazzjoni tal-kitba, tal-qisien u tal-piżijiet, għen ferm sabiex jiġi żviluppat dan il-qasam u kien hawn meta bdew jidhru l-muniti distinti tondi b’kaxxa maqtugħa fiċ-ċentru tagħhom. Flus tal-karti oriġinaw fil-Perjodu Song fl-10 seklu W.K.

    Il-kollezzjoni ta’ dan il-mużew relatata ma’ din is-sezzjoni tlaħħaq il-200,000 oġġett. Apparti mill-flus infushom, il-kollezzjoni tkopri wkoll forom li minnhom kienu jinħadmu l-muniti u blokok li permezz tagħhom kienu jiġu stampati l-flus.

    Is-sezzjoni tal-arti u l-kalligrafija

    Din hija kollezzjoni oħra ta’ sinifikat kbir għal dan il-pajjiż. Tħaddan fiha esebiti li jmorru lura għall-Perjodu Tang u tibqa’ ġejja saż-żminijiet moderni.

    B’mod ġenerali x-xogħolijiet f’din is-sezzjoni jinqasmu bejn dawk li saru minn artisti famużi matul diversi perjodi u dawk li jirrappreżentaw xbiehat storiċi importanti.

    Għal dawk li japprezzaw l-arti, din is-sezzjoni hija meraviljuża kemm minħabba l-istili, is-suġġetti u l-materjali differenti li tesebixxi.

    Is-sezzjoni tal-madum impinġi

    Id-dekorazzjonijiet fuq dan il-madum kienu jsiru bil-forom jew billi jiġu stampati. Permezz tagħhom, il-pajjiż għandu ġabra ta’ 10 sekli ta’ storja hekk kif dawn juru xeni tal-ħajja ta’ kuljum, politiċi, storiċi, artistiċi u idejoloġistiċi.

    Kollezzjonijiet oħra

    Figuri storiciĊertament ma nixtieqx inħalli barra l-kollezzjoni tal-għadam tal-oraklu li kienu iskrizzjonijiet antiki li tnaqqxu fuq l-għadam tal-annimali u ta’ ħlejqiet oħra, fosthom tal-fkieren. Dawn huma importanti għax jitfgħu dawl fuq l-ewwel kitba fiċ-Ċina.

    Imbagħad hemm ukoll is-sezzjoni ta’ strumenti uniċi tal-mużika, uħud maħduma minn ġebel li kien kapaċi jagħmel ħsejjes individwali.

    Kollezzjoni oħra sinifikattiva hija dik tat-timbri fejn uħud nħadmu mill-ħaġar prezzjuż. Dawn ukoll jgħaddu informazzjoni valida rigward il-mexxejja u r-regolamenti tagħhom matul is-snin.

    Ma tispiċċa qatt jekk tipprova ssemmi fid-dettall il-kollezzjonijiet kollha li jħaddan fih dan il-mużew. Daqstant ieħor huwa impossibli li tara l-mużew kollu fi żjara waħda u għalhekk trid tkun selettiv, inkella jekk tassew tkun interessat, trid tipprepara ruħek biex iżżuru aktar minn darba.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-25 ta’ Jannar 2015)

    2015.01.25 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (3 Parti) Il-Ħajt Leġġendarju

    Fuq il-Hajt il-Kbir tac-Cina

    Fiċ-Ċina jingħad li wieħed ma jistax issejjaħ lilu nnifsu raġel jekk qatt ma jkun żaril-Ħajt il-Kbir. Iżda wara li finalment irnexxieli nesperjenza parti minn dan is-sit uniku, nemmen li biex tagħtih titwila ma fiha xejn. Biex titilgħu l-problema!

    Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina

    Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina nbena fuq l-art ta’ diversi provinċji u għalhekk wieħed jista’ jżuru minn inħawi differenti. Il-kostruzzjoni tiegħu seħħet matul elfejn sena waqt ir-renju ta’ dinastiji varji fejn dan ittella’ biċċa biċċa, inħatt u reġa’ nbena, u ġie miżjud sakemm finalment illum dan il-ħajt ġie msensel kollu flimkien għat-tul ta’ madwar 7300 kilometru.

    Sas-seklu 7 Q.K. iċ-Ċiniżi kienu diġà akkwistaw sengħa mill-iprem fil-bini ta’ ħitan protettiv biex bihom jiddefendu l-inħawi tagħhom mill-attakki tal-għadu u kien f’dan iż-żmien li bdew jinbnew l-ewwel partijiet tal-Ħajt il-Kbir.

    Għal bosta snin, kien hemm ġlied qalil bejn diversi stati Ċiniżi. Iżda fl-221 Q.K., Qin Shi Huang irnexxielu jirbaħ lill-opponenti kollha tiegħu u b’hekk hu għaqqad liċ-Ċina għall-ewwel darba u waqqaf id-Dinastija Qin (tinqara ċin).

    Fost il-passi li ħa sabiex jimponi tmexxija ċentrali, huwa ordna li jiġġarrfu d-diversi ħitan li kienu nbnew madwar il-pajjiż minn numru ta’ mexxejja fewdali. Minflok, huwa ddeċieda li kellhom jittellgħu ħitan ġodda li kellhom jgħaqqdu flimkien numru ta’ fortifikazzjonijiet li kienu jinsabu lejn in-naħa tat-tramunatana tal-imperu tiegħu. Fuq dik in-naħa kien hemm l-għadu tiegħu – it-tribù nomadiku Xiongnu (fejn illum tinsab il-Mongolja), u l-ħajt kellu l-għan li jżomm lil dawn in-nies milli jidħlu biex jattakkaw il-pajjiż.

    Ma kinetx xi ħaġa faċli li tibni dawn il-ħitan fil-postijiet magħżula bejn mogħdijiet fil-muntanji u fil-widien, speċjalment minħabba li f’dak iż-żmien kien għad m’hemm l-ebda makkinarju biex iħaffef ix-xogħol. Xorta waħda, il-poplu Ċiniż sab mezz kif jibni dan il-ħajt billi uża l-materjal li kien jinsab f’dawk l-inħawi stess u billi żamm mal-vina tal-art hekk kif kompla jibni matul it-terren li sab.

    Ħadd m’għandu idea dwar it-total ta’ ħaddiema li ħadmu fuq jew mietu waqt il-bini ta’ dan il-ħajt. Imma bosta jinsistu li dawn żgur kienu jlaħħqu l-miljun. Naturalment, kwantità kbira oħra ta’ ħaddiema komplew b’ħidmiethom fuq dan il-ħajt matul l-elfejn sena l-oħra, partikolarment waqt id-Dinastija Ming, u għalhekk nistgħu ngħidu li miljuni ta’ individwi taw sehemhom u wħud anki ħajjithom sabiex twettaq dan il-kapolavur li llum hu meqjus bħala wieħed mill-isbaħ sebgħa binjiet tal-għaġeb li saru mill-bniedem.

    Fl-1987 il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina sar parti mis-siti meqjusa mill-UNESCO bħala Wirt Kulturali Dinji.

    Leġġenda popolari

    Hemm diversi ġrajjiet u leġġendi marbutin ma’ dan il-ħajt. Imma jingħad li l-aktar waħda magħrufa hija dik ta’ Meng Jiang Nü. Huwa maħsub li din it-tfajla kienet tgħix fil-perjodu tat-3 seklu Q.K., fi żmien id-Dinastija Qin.

    Il-Passagg JuyongguanL-istorja tagħha tirrakkonta illi darba minnhom, Fan Qi Liang, żagħżugħ li ġie mqabbad jaħdem fuq il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina, irnexxielu jaħrab minn dan ix-xogħol iebes u telaq jiġri għal għonq it-triq sakemm fl-aħħar waqaf jistaħba fil-ġnien ta’ missierha.

    Hekk kif ħarset iż-żewġ żgħażagħ iltaqgħet, dawn mill-ewwel ħabbew lil xulxin, tant li ftit wara żżewġu. Imma sfortunatament huma ma tantx gawdew wisq lil xulxin, għax Fan Qi Liang ma damx ma reġa’ nstab u b’hekk kellu jirritorna biex ikompli jaħdem fuq il-ħajt.

    Għal ħafna u ħafna żmien, martu stennietu jiġi lura. Imma meta qorbot ix-xitwa u żewġha ma rritornax, hi ħadmitlu xi ħwejjeġ biex jipproteġuh mill-kesħa u marret fl-inħawi fejn kien tqabbad jaħdem ħalli tagħtihomlu.

    Madanakollu, wara li damet ħafna tfittxu għalxejn, finalment xi ħaddiema oħra infurmawha li żewġha kien miet u li ġismu kien indifen ġol-ħajt stess.

    Għal din l-aħbar traġika, il-mara nfniet bid-dulur u ntefgħet tibki u tixher għal ġurnata u lejl sħaħ. Id-dwejjaq tagħha tant kien kbir li f’ħin minnhom il-ħajt li kienet qed tolfoq quddiemu ġġarraf u minnu ħarġu għadd ta’ għadam u iġsma mejta tal-irġiel.

    Ixxukkjata kif kienet, Meng Jiang Nü qatgħet subgħajja u ħalliet demmha jċarċar fuq il-fdalijiet ta’ dawk in-nies sakemm finalment intebħet li demmha kien qed jiskula kollu ġewwa ġisem minnhom partikolari. B’hekk hi għarfet li dak il-ġisem kien ta’ żewġha, u allura ġabritu u ħaditu biex tagħtih difna xierqa. Imbagħad, erħitilha lejn xmara fejn qatlet lilha nnifisha.

    Il-Passaġġ Juyongguan

    Aħna tteħidna nżuru il-parti tal-Ħajt il-Kbir magħrufa bħala l-Passaġġ Juyongguan li t-tul tiegħu jlaħħaq aktar minn 4000 metru. Din is-sezzjoni tinsab qalb il-muntanji tad-Distrett Changping u qiegħda 50 kilometru bogħod minn Pekin.

    Il-Passaġġ Juyongguan minn dejjem kien imsemmi għas-sinifikat strateġiku u għall-imponenza u l-impenettrabbilità tiegħu. Madanakollu, fl-1644 it-truppi ribelli tal-bdiewa mmexxija minn Li Zicheng irnexxielhom jidħlu f’Pekin proprju minn dan il-post. Xorta waħda jingħad li din l-invażjoni rnexxielha sseħħ mhux minħabba xi nuqqas li kien hemm f’saħħet il-ħajt iżda peress li l-gvern Ming kien iddgħajjef u n-nies tal-post kienu fqar wisq.

    Ta’ min isemmi li dan is-sit huwa popolari ħafna wkoll għall-veduti sbieħ tal-foresti li hemm fil-madwar, l-aktar għax dawn ibiddlu kulurhom skont l-istaġun.

    Tlaqna mill-lukanda kmieni fil-għodu sabiex nilħqu naslu f’dan il-post qabel tinġemgħa l-massa tat-turisti. Iżda għalkemm kienu d-9.00am meta wasalna, kien hemm diġà għadd ta’ nies telgħin u neżlin.

    Inzerta li dakinhar kienet ġurnata kollha ċpar u saħansitra bdiet traxxax ix-xita. Il-fotografi li kellna magħna kemmxu xufftejhom qatiegħ għax ma kienx ser ikun possibbli għalihom li jieħdu r-ritratti li xtaqu. B’danakollu, xejn ma kien ser iwaqqafna milli mmiddu passejna f’dak il-post issa li sibna ruħu quddiemu!

    Mhux la kemm titla' t-tarag tal-Hajt il-KbirArmajt ruħi b’inċirata tax-xita sabiex nipproteġi kemm nista’ l-kamera tar-ritratti u b’qalbi tħabbat sitta sitta, segwejt lil sħabi li kienu diġà rħewlha ‘l quddiem. Bilkemm stajt nemmen li tassew kont qiegħda hemmhekk u hekk kif ħarist madwari, innutajt li bħali kien hemm turisti oħra li għal ftit mumenti waqfu fil-bidu tat-taraġ sabiex iħallu lill-għajnejhom jixorbu dik il-veduta meraviljuża.

    Ċertament, id-dehra tal-ħajt hija tassew leġġendarja, hekk kif dan jibqa’ tiela’ tiela’ ‘l fuq u donnu jintilef fis-smewwiet. Bdejt tiela’ t-taraġ u hemm intbaħt li ma kinetx se tkun faċli li nitilgħu kif ġieb u laħaq minħabba li kull tarġa kellha għoli differenti u allura ma tista’ qatt taqbad ċertu ritmu. Apparti minn hekk, it-turġien l-aktar għolja jaqlgħulek qalbek u fi ftit ħin issib li tkun dħalt għal biċċa xogħol ta’ strapazz mhux ħażin.

    Rassejt snini, injorajt ix-xita traxxax u t-tagħbija tal-basket li kelli fuq dahri u qbadt ngħin ruħi mal-ħadid li kien hemm fit-tarf tal-ħajt. Tarġa wara tarġa ressqitni aktar lejn l-eqreb torri li kien hemm mibni fin-nofs tal-ħajt.

    Hekk kif dħalt ġewwa t-torri, erħejtilha ngħarrex fil-kmamar ċkejknin tiegħu sakemm sibt taraġ li jagħti għal fuq il-bejt u tlajt. Hemmhekk sibt ruħi waħdi nħares ‘l isfel lejn il-miġemgħa ta’ nies telgħin it-taraġ u mbagħad il-fuq lejn oħrajn li kienu baqgħu għaddejjin aktar il-fuq. Għal mument stħajjiltni xi suldat taż-żminijiet antiki…. bħall-leġġendarja Mulan li kienet salvat lill-pajjiżha mill-għadu.

    Ix-xita waqfet kemmxejn u ħallitni niġbed ftit ritratti u ngawdi daqsxejn aktar il-post. Komplejt tiela’ ‘l fuq il-fuq lejn it-torri li jmiss. Ormaj, turisti kien hemm bil-gzuz u minn kull razza; kulħadd jitbissem wieħed lill-ieħor biex jinkoraġġixxi lil dak li jkun ħalli jibqa’ tiela’.

    Is-sensazzjoni sabiħa li tħoss meta taf li qiegħda f’post daqstant inkredibbli ma ddumx ma timlik bl-istamina biex tasal sa fejn hemm bżonn u f’ħin bla waqt issib li tlajt parti mhux ħażin. Imma l-ħin mhux li ssiblu tarfu għax trid jew ma tridx ikollok tirritorna lura ħalli tkompli bil-vjaġġ lejn inħawi oħra u għalhekk kontra qalbi, kelli ndawwar denbi. Biex tinżel lura t-taraġ, kull qaddis jgħin u mhi diffiċli xejn.

    Katnazzi tal-mahbubin marbutin tul partijiet mill-Hajt il-Kbir tac-CinaIppruvajt nitnikker kemm niflaħ biex intawwal l-esperjenza tal-post u għalhekk ħadt gost ferm meta lmaħt kwantità kbira ta’ katnazzi marbutin ma’ partijiet twal tal-ħitan u mort nesplora x’kienu. Innutajt li fuq kull wieħed kien hemm par qlub u xi ismijiet u meta staqsejt dwarhom sirt naf li dik kienet użanza Ċiniża. Infatti, hemmhekk, il-maħbubin kienu jħallu dak il-katnazz b’isimhom u hekk kif jagħlquh u jorbtuh mal-katina tal-Ħajt il-Kbir kienu jemmnu li mħabbithom kienet ser tibqa’ għal dejjem; eżatt bħad-destin ta’ dan is-sit etern.

     (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 ta’ Jannar 2015)

     

    2015.01.18 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (2 Parti) Vetrini tal-għerf

    Sigar antiki jsebbhu t-Tempju ta' Konfucju.JPGWahda mid-dahliet tal-Kullegg Imperjali.JPG

    Klassi fl-iSkola Sperimentali.JPGSezzjonijiet attrezzati biex familja tara filmati fil-Librerija Kapitali.JPG

    Għal din il-ġimgħa għażilt li nitratta numru ta’ siti li żort f’Pekin li huma relatati mat-tagħlim u mal-edukazzjoni. L-ewwel post huwa tempju li ġie ddedikat lil Konfuċju li kien wieħed mill-aqwa filosofi li qatt kellha ċ-Ċina. It-tieni lwog huwa magħruf bħala l-Kulleġġ Imperjali u dan kien iservi bħala l-kwartieri ġenerali tal-amministrazzjoni tal-edukazzjoni u anki bħala post għat-tagħlim tal-għola livell. It-tielet sit jikkonsisti minn Skola Sperimentali għal studenti ta’ livell primarju u sekondarju li bħalissa qiegħda sservi bħala vetrina tas-sistema edukattiva kontemporanja fiċ-Ċina. Finalment, ir-raba lokalità magħżula hija l-Librerija Kapitali li f’dawn l-aħħar snin ġiet estiża b’mod tassew modernizzat u li jilqgħek.

    It-Tempju ta’ Konfuċju

    Konfuċju kien ħassieb, filosofu u għalliem li għex bejn il-perjodu 551 u l-479 Q.K. Il-filosofija tiegħu kienet temfasizza l-moralità personali u kif ukoll dik governattiva, il-korrettezza fir-relazzjonijiet soċjali, il-ġustizzja u s-sinċerità. Iżda fuq kollox, Konfuċju introduċa l-edukazzjoni għall-poplu in ġenerali u mhux għall-magħżulin biss.

    Taħt l-influwenza tiegħu, il-filosofi Ċiniżi ta’ ġenerazzjonijiet li għexu warajh għarfu illi l-istudenti m’għandhomx biss jimmiraw li jiksbu aktar informazzjoni imma wkoll li jiftħu iżjed moħħhom sabiex jesploraw kunċetti aktar wiesgħa ħalli b’hekk huma jtejjbu wkoll l-abitudni spiritwali tagħhom. Mexxejja tad-dinastiji fewdali li ġew wara Konfuċju ħaddnu t-tagħlim tiegħu u ħeġġu lill-poplu Ċiniż biex jimxi mal-ideoloġija tiegħu.

    Bħala turija ta’ rispett lejn Konfuċju, inbnew diversi strutturi li ġew iddedikati għalih. Fost dawn insibu t-Tempju ta’ Konfuċju f’Pekin li nbena mid-Dinastija Yuan fl-1306. Dan huwa t-tieni l-akbar tempju ddedikat għal dan il-filosofu Ċiniż fejn l-akbar wieħed huwa dak li hemm f’Qufu fil-Provinċja Shantong. Infatti dan it-tempju f’Pekin jokkupa arja ta’ 22,000 metru kwadru u l-ambjent tiegħu ġie ddiżinjat biex joffri trankwillità u serenità lil kull min iżuru.

    Bħal f’kull sit ieħor ta’ din l-importanza fiċ-Ċina, is-sengħa użata fl-arkitettura u fid-dekorazzjoni ta’ dan it-tempju hija mill-ifjen. Daqstant ieħor jolqtuk is-siġar antiki li tħawwlu f’dan il-lwog snin ilu u li llum iz-zkuk tagħhom ħadu forom leġġendarji daqs il-post li jinsabu fih. Bla ma trid, inti u tħares lejhom issib ruħek timmedita fuq il-medda taż-żmien u fuq dak kollu li seta’ qatt seħħ ġewwa dan is-sit.

    Ġewwa dan it-tempju wieħed isib erbgħa btieħi wiesgħa li jħarsu fuq arkati u binjiet disinjati biex ipaxxu l-għajn. Barra minn hekk, dan il-post iħaddan fih 198 ħaġra li fuqhom hemm minquxa l-ismijiet tal-51,624 student li attendew fih waqt id-Dinastiji Yuan, Ming u Qing.

    Il-Kulleġġ Imperjali

    Dan il-kulleġġ jinsab biswit it-Tempju ta’ Konfuċju. Ġie stabbilit fl-1306 waqt id-Dinastija Yuan. Ikopri medda ta’ 37,000 metru kwadru u huwa mżejjen b’arkitettura mill-iprem u b’kuluri mill-isbaħ. Fih hemm miġbura madwar 100 binja flimkien ma’ daħliet u arkati massiċċi u mill-isbaħ.

    Il-binja prinċipali hija magħrufa bħala s-Sala Biyong. Hija binja imponenti tal-injam maħduma fuq bażi kwadra li tħares fuq vaska ċirkulari mżejjna bi skulturi ta’ rħam abjad. Dan l-istil arkitettoniku jirrifletti t-twemmin tradizzjonali Ċiniż li d-dinja hija kwadra filwaqt li l-ġenna hija tonda. Fiċ-ċentru ta’ din is-sala wieħed isib tron u għamara oħra imperjali li kien juża l-imperatur biex jgħallem lill-istudenti ta’ livell għoli li kienu jattendu f’dak il-kulleġġ.

    Fuq in-naħa tal-Lvant u l-Punent tal-istruttura prinċipali ta’ dan il-kulleġġ inbnew sitt palazzi u erbgħa swali sabiex tinħoloq simmetrija perfetta ta’ unità.

    M’hemmx dubju li dawk li kienu jintagħżlu biex jitħarrġu f’dan il-post kienu jħossuhom pjuttost ixxurtjati u kburin.

    Skola Sperimentali tal-Università Kapitali Normali

    Kienet tassew sorpriża ħelwa meta tteħidna nżuru din l-iskola fejn ġejna milqugħa bħala mistednin importanti minn Malta. Grupp ta’ għalliema flimkien ma’ erbgħa studenti introduċewna mal-post u flimkien magħhom iddiskutejna s-sistema edukattiva li tintuża f’dik l-iskola u kif ukoll f’pajjiżna.

    Din l-iskola ġiet imwaqqfa fl-1999 u hija mmexxija mill-gvern. Fiha jattendu studenti tal-livell primarju u sekondarju u kif ukoll xi studenti minn pajjiżi oħra peress li l-iskola toffri kurrikulu internazzjonali. Hemm 60 klassi b’madwar 260 għalliema għal 2000 student. Bqajna impressjonati meta rajna li f’kull klassi kien hemm mal-50 student ma’ għalliema waħda u kollha kienu ubbidjenti ferm!

    L-istudenti jitgħallmu bosta suġġetti fosthom il-lingwa Ingliża li hija obbligatorja. Din l-iskola tħarreġ ukoll lill-istudenti fil-logħob tal-basketball fuq livell għoli. Iżda fuq kollox, it-tip ta’ tagħlim li jirċievu dawn l-istudenti huwa bbażat fuq ir-rispett reċiproku flimkien mal-imħabba lejn in-natura u l-ħajja.

    Il-prinċipal ta’ din l-iskola stqarret illi dan il-post jiffoka ħafna fuq l-eċċellenza fl-edukazzjoni u għalhekk huwa jservi bħala vetrina għall-viżitaturi barranin li jkunu jixtiequ jsiru jafu aktar dwar l-edukazzjoni li qed tingħata fiċ-Ċina bħalissa.

    Il-Librerija Kapitali

    Naturalment, kont qed nistenna li l-Librerija Kapitali ta’ Pekin se tkun imdaqqsa mhux ħażin imma qatt ma bsart kemm! Fil-fatt hija mibnija fuq art b’daqs ta’ 37,000 metru kwadru u fiha bosta taqsimiet għal etajiet u funzjonijiet varji.

    Il-librerija hija maqsuma f’żewġ partijiet fejn l-eqdem sezzjoni hija dik tat-tfal filwaqt li dik l-aktar moderna hija ddedikata għall-adulti. Xorta waħda, m’hemmx kantuniera li ma tilqgħekx. Anzi! Kollox jidher li ġie maħdum biex jiġbed kemm jiflaħ qarrejja lejn dan il-post. Dan kollu jikkuntrasta mas-snin passati meta l-libreriji ma kienux meqjusa bħala importanti mal-poplu in ġenerali.

    Ċertament iċ-Ċina nbidlet ħafna f’dawn l-aħħar snin u dan huwa rifless fis-servizzi ta’ din il-librerija imponenti li tħaddan fiha miljuni ta’ kotba ta’ kull xorta. Impjegat amministrattiv tal-post għarraffna illi kull sena jinxtraw mal-400,000 kotba, rivisti u materjali diġitali ġodda biex jiżdiedu mal-kontenut li diġà għandha din il-librerija.

    Bħala medja, madwar 10,000 persuna jżuru din il-librerija kuljum, għalkemm s’issa l-akbar rekord li kellhom ta’ viżitaturi f’ġurnata waħda jgħodd it-23,000 persuna! Xorta waħda, din il-librerija taħdem bis-sħiħ sabiex tiġbed numru akbar ta’ qarrejja lejha. Biex ilaħħqu ma’ dawn il-klijenti kollha hemm madwar 400 impjegat f’din il-librerija u dawn huma mgħejjuna minn sistemi awtomatiċi u effiċjenti mmens.

    Fost is-servizzi li toffri din il-librerija hemm is-self ta’ kotba u materjal diġitali dwar għadd kbir ta’ suġġetti bil-lingwa Ċiniża u b’lingwi oħra, fosthom bl-Ingliż. Il-materjal diġitali jista’ jintwera wkoll fuq numru ta’ kompjuters li hija mogħnija bihom din il-librerija u li waqt iż-żjara tagħna kienu miżgħuda bit-tfal. Sadanittant, sa mill-età tal-kindergarden it-tfal jiġu mħajjra biex joħolqu l-ktieb diġitali tagħhom billi jtellgħu xi ritratti u kitba ġewwa sistema apposta li tinsab fil-librerija. Eventwalment, dawn il-kotba jistgħu anki jiġu ppubblikati.

    Sabiex tkompli tressaq aktar nies lejha, din il-librerija għandha wkoll sezzjonijiet tagħha tassew moderni u attraenti li huma attrezzati biex jinkrew mill-familji ħalli flimkien jaraw xi film li jissellfu mill-librerija stess.

    Intant, fuq in-naħa esterna tal-librerija, ġewwa entratura kbira ferm, wieħed isib ukoll sistema diġitali li tinforma lill-pubbliku b’mod regolari dwar il-materjal ġdid li jkun daħal fil-librerija. Barra minn hekk, din tinkludi wkoll rakkommandazzjonijiet li jsiru kemm mill-amministrazzjoni tal-librerija u kif ukoll mill-qarrejja nfushom dwar l-aqwa kotba tal-mument. Sadanittant, għażla oħra ta’ kotba tista’ titniżżel fuq il-mowbajl u mezzi oħra diġitali sabiex tinqara fi lwogi oħra.

    Apparti minn hekk din il-librerija tinkorpora wkoll ħanut tal-kotba, ċinema, teatru, swali tal-esebizzjonijiet u kafetterija. F’kelma waħda, dan il-post jista’ jiġi mqabbel ma’ ġenna tal-art għal dawk li jħobbu l-kotba.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela IL-KULURI TAĊ-ĊINA (It-2 Parti) fit-Torċa tal-11 ta’ Jannar 2015)

    2015.01.11 / no responses / Category: Torca - Features & Articles