Posts Tagged ‘Rabat’

  • Fuq il-passi ta’ Pawlu

    Michelle Galea, Assistenta Kuratrici tal-Muzew Wignacourt.JPGArtal portabbli ta' fuq ix-xwieni.JPG

    Ix-xelters tal-Muzew Wignacourt.jpgIl-faccata tal-ktieb.JPG

    Il-grotta ta' San Pawl.jpgId-Duluri ta' Mattia Preti.JPG

    “Kif ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard….” Għoddni qed nilmaħ lill-appostlu San Luqa jikteb dawn il-vrus taħt id-dawl kiebi ta’fjamma ta’ xemgħa tperper maż-żiffa dieħla fil-kamra. L-istess ġabra ta’ kliem li llum, wara dawn is-snin kollha, għadna nisimgħu jinqara kull sena waqt il-quddiesa taċ-ċelebrazzjoni tal-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna. Jingħad li fis-sena 60 W.K., San Pawl waqqaf l-ewwel knisja f’Malta, proprju fil-grotta tar-Rabat, fejn kien qiegħed jiġi miżmum bħala ħabsi. U minn hemm beda l-kult qawwi Pawlin li matul is-snin ġibed lil bosta barranin lejn pajjiżna, hekk kif dawn xtaqu jmiddu passejhom fuq l-istess art li mexa fuqha dan il-qaddis. Hekk kif Frar huwa sinonimu ma’ din il-ġrajja tant kbira, għal dil-ġimgħa għażilt li nżur il-kumpless tal-Mużew Wignacourt li jinsab ir-Rabat, liema binja twassal ukoll għall-grotta ta’ San Pawl. Madanakollu, hekk kif flimkien mal-Kuratur Dun Ġwann Azzopardi u mal-Assistenta Kuratriċi, Michelle Galea, dort il-livelli varji li fih dan il-post, bqajt sorpriża kemm fir-realtà dan is-sit huwa ġawhra ta’ wirt kulturali li ma jkoprix biss din il-ġrajja imma anki diversi perjodi oħra tal-istorja għanja ta’ pajjiżna.

    Tassew, kienet il-grotta li llum hija magħrufa bħala Ta’ San Pawl, li nisslet ir-reverenza lejn din il-biċċa art. Iżda minn hemm, ftit ftit, tqanqal moviment sħiħ, hekk kif l-awtoritajiet responsabbli minn dil-grotta, għarfu l-valur ta’ dan il-post u bdew jużaw din is-sitwazzjoni għal diversi għanijiet, sakemm illum insibu numru ta’ binjiet li twaqqfu fuq dan is-sit reliġjuż. Intant, kull min iżur il-Mużew Wignacourt u jiġi akkumpanjat mill-Kuraturi, inkella jagħżel li jdur mal-post permezz ta’ audio-guide, għandu l-opportunità li jesperjenza dawn it-tibdiliet li fosthom jinkludu l-grotta ta’ San Pawl, labirint sħiħ ta’ ipoġew taż-Żminijiet Feniċi, Rumani u Kristjani, grupp ta’ xelters imħaffra f’qiegħan l-art matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u mużew mogħni b’kollezzjonijiet differenti u interessanti.

    Inżilt flimkien ma’ Michelle lejn il-grotta ta’ San Pawl u hemm qattgħajna ftit ħin fis-silenzju, nosservaw is-sempliċità tagħha, kif jixraq. M’hemm l-ebda dokument li jikkonferma li kienet proprju din il-grotta li kien fiha San Pawl meta kien f’pajjiżna. Imma min-naħa l-oħra, illum għandna biżżejjed tagħrif biex nagħrfu fejn kienet il-belt Melite u sa fejn kienu jaslu l-konfini tagħha. B’hekk nistgħu nikkalkulaw fejn kienu l-ħabsijiet ta’ dak il-perjodu, li ġeneralment kienu jinsabu eżatt barra l-belt. U minn xi sinjali fis-soqfa tal-grotta nnifisha, hemm indikazzjoni qawwija li din setgħet kienet tintuża bħala ħabs. Huwa fatt kurjuż illi l-kult ta’ San Pawl ma ħax mill-ewwel fost il-Maltin, kemm minħabba li dawn kellhom l-allat tagħhom u probabbilment anki minħabba t-theddida tal-preżenza tar-Rumani li kienu qed jippersegwitaw lill-Kristjani.

    Infatti jidher illi kien il-patri eremita Spanjol, Juan Benegas de Cordoba, li kabbar din id-devozzjoni meta fis-17 il-seklu, huwa żar din il-grotta u din tant laqtitu li ddeċieda li jiddedika ħajtu biex jippromwovi din id-devozzjoni lejn San Pawl fil-gżejjer tagħna. Il-ħsieb tiegħu rnexxa, hekk kif dan beda jattratta lejn pajjiżna ammont kbir ta’ pellegrini sabiex iżuru dan il-post. Dan il-fatt ġibed ukoll l-attenzjoni tal-Gran Mastru Fra Alof de Wignacourt li ma damx wisq ma għaraf il-potenzjal ta’ sit bħal dan u xtaqu li jsir tal-Ordni peress li din ma kellha l-ebda proprjetà li kienet abbinata ma’ dan il-qaddis, filwaqt li d-Djoċesi ta’ Malta kellha aktar minn post wieħed. Wara diversi diskussjonijiet, fosthom mal-Papa Pawlu V, ġie deċiż li l-grotta ta’ San Pawl kellha tgħaddi f’idejn il-kustodja ta’ l-Ordni u tinfired minn mal-parroċċa ddedikata lill-istess qaddis li kienet inbniet fis-16 il-seklu, sabiex din tibqa’ tal-Isqof u tal-poplu. Min-naħa tiegħu l-Gran Mastru kien obbligat li jipproteġi l-grotta u li jagħmilha disponibbli għall-pellegrini. B’hekk huwa ordna l-kostruzzjoni ta’ palazz maħsub għall-Kappillani ta’ l-Ordni li kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ din il-grotta lejl u nhar. M’hemmx għalfejn ngħidu, dan kien ukoll mezz li bih setgħu jintlaqgħu wkoll l-aqwa nobbiltà ta’ dak iż-żmien f’pajjiżna fejn apparti li dawn kienu jkunu miġbuda mill-ispiritwalità tal-post, dawn kienu jiġu attratti wkoll mill-prestiġju tal-Ordni u probabbilment kienu jħallu xi kemxa ġmielha warajhom. Fil-fatt fuq il-grotta, l-Ordni bniet ukoll knisja ċkejkna ddedikata lil San Publiju fejn illum il-viżitaturi jistgħu jaraw dak li ħallewlna l-kavallieri f’dan il-post, fosthom kwadru titulari li juri xbieha tal-Madonna bil-Bambin li qed iżomm f’idejh is-salib ta’ l-Ordni, liema xogħol huwa tal-artist Mattia Preti.

    Il-mawra fil-Mużew ta’ Wignacourt issa niżlitna ‘l isfel, lejn il-katakombi msawwra fil-blat tal-madwar. Ikolli ngħid li kont impressjonata ferm bl-istat tajjeb ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Ta’ min isemmi illi dan il-mużew għamel madwar sena u nofs magħluq sabiex isirlu r-restawr u l-konservazzjoni li kellu bżonn, wara li kien ilu miftuħ mill-1981, u kien f’Diċembru tal-2013 li reġa’ nfetaħ għall-pubbliku. Il-katakombi jkopru perjodi differenti fl-istorja u jitfgħu dawl sinifikanti fuq ir-ritwali ta’ dak iż-żmien. Kif bosta minnha jafu, dawn l-inħawi tar-Rabat huma miżgħuda b’dawn il-katakombi li llum jinsabu mifruxa taħt id-djar tal-madwar u minn żmien għall-ieħor nisimgħu b’xi skoperta ta’ xi parti oħra tagħhom. Infatti, ġara l-istess hawn ukoll fejn f’dawn l-aħħar snin, waqt xi xogħolijiet li kienu qed isiru, inkixfet parti oħra żgħira ta’ katakombi li fiha nstabet agape table li madwarha n-nies kienu jiċċelebraw il-vjaġġ tal-mejjet lejn dinja aħjar permezz ta’ ikla bejniethom. Sfortunatament, il-katakombi kollha li jinsabu ġo dan il-post ġew imbattla milli kien fihom u minflok intlew bit-terrapien waqt it-Tieni Gwerra Dinjija sabiex tissaħħaħ l-art ħalli taħtha jitħaffru aktar xelters. Min jaf x’qatt instab u x’qatt ittieħed minn dawn il-katakombi matul is-snin! Imma f’qabar minnhom, ġewwa din il-parti ċkejkna tal-katakombi li nstabet dan l-aħħar, wieħed għadu jista’ jara xi għadam uman li b’xi mod irnexxielu jiskappa d-destin li għaddew minnu l-oqbra l-oħra.

    Taraġ ieħor aktar ‘l isfel li donnu jieħdok fil-qalba tal-art, iwassal għax-xelters li kellhom jitħaffru malajr sabiex joffru protezzjoni lin-nies tal-inħawi waqt l-attakki kiefra tal-gwerra. Mill-ġdid, dawn ix-xelters miżmuma f’kundizzjoni mill-iprem, jitfgħu dawl differenti lil realtà oħra li għex il-poplu tagħna f’passat aktar riċenti. F’dawn ix-xelters, wieħed isib ħamsin kamra b’kollox u meta wieħed jgħodd kemm kienu jesgħu nies anki l-kurituri ta’ bejniethom, ġie kkalkulat li setgħu jilqgħu fihom madwar 350 persuna. Fatt interessanti huwa li wħud minn dawn il-kmamar ġew imżejjna, kemm billi nżebgħu l-ħitan tagħhom, u anki permezz ta’ madum sabiħ kollu diżinji kkuluriti. Jagħtik li taħseb li anki f’dan iż-żmien imwiegħer u f’din is-sitwazzjoni ta’ tbatija u ta’ biża’, kien hemm min ittanta jsebbaħ anki din it-toqba fil-blat, forsi biex jinsa l-kruha. Madanakollu, fir-rigward ta’ kamra minnhom partikolarment aktar imdaqqsa u rranġata, kien hemm xi anzjani Rabtin li taw indikazzjoni li din kienet qed tiġi użata biex in-nisa tqal setgħu jwelldu t-trabi tagħhom fiha jekk jinqabdu waqt xi attakk mill-ajru. Ikun tassew interessanti li kieku nsibu lil xi ħadd li għadu jiftakar dan iż-żmien u jittieħed rikordju bil-miktub u idealment viżwali tal-memorji tiegħu.

    Finalment kien imiss li nerġgħu nitilgħu ‘l fuq u hekk kif ħriġna fil-modernità tal-mużew, għal ftit mumenti ħassejt l-impressjoni li kont għadni kif tlajt minn dinja oħra. Anki dan il-mużew huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fin-naħa t’isfel wieħed jista’ japprezza l-arkitettura sabiħa tal-post u jifli xi kollezzjonijiet, fosthom 49 mudell ta’ kappella maħdumin minn George Pellegrini Petit; oġġetti antiki li kienu jintużaw fil-funerali, bħal katallett tal-epoka barokka; tagħmir tal-knisja inkluż ċuqlajta kbira li kienet tintuża fil-ġimgħa l-kbira, u għadd ta’ buzzetti artistiċi tal-iskultur magħruf Anton Agius li ġew mgħoddija minn martu bħala donazzjoni lil dan il-mużew. Oġġett mhux tas-soltu miżmum hawnhekk hija l-karozza Austin Six Limousine tal-1937, li dari kienet tintuża mill-Arċisqof Dom Maurus Caruana u mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi.

    Fis-sular ta’ fuq, il-viżitaturi jistgħu josservaw il-lussu tal-palazz li dari kien tal-Kappillani tal-Ordni u li llum huwa mibdul fi swali ta’ esebizzjonijiet varji. Parti kbira mill-esebizzjonijiet tinkludi bosta xogħolijiet tal-arti ta’ wħud mill-aqwa artisti bħal Vincenzo Hyzler, Francesco Zahra, Giuseppe Calì, Antoine Favray u Mattia Preti. L-iktar pittura antika fil-kollezzjoni ta’ dan il-mużew huwa kwadru poliptiku tal-1588 li llum hu ffurmat minn ħames partijiet fejn fihom wieħed isegwi l-ħajja ta’ San Pawl. Xogħol ieħor interessanti juri xbieha tad-Duluri li ġiet impinġija fuq injama ta’ daqs żgħir minn Mattia Preti. Minħabba li din ix-xbieha nħadmet b’lewn wieħed kjar oskur u peress li m’għandix is-soliti movimenti bħall-pitturi oħra, hemm min jaħseb li l-artist seta’ ħadem din il-pittura għalih biex iġorrha miegħu bħala speċi ta’ santa. Esebizzjonijiet oħra jinkludu relikwi, fosthom anki kopja tal-liżar ta’ Turin li ġiet awtentikata fl-1663, kwadri tal-ex-voto, paramenti ta’ Papa Pawlu V, mapep antiki u numru ta’ artifatti arkeoloġiċi li jingħad li nstabu fl-inħawi tal-Baħrija u tar-Rabat. Esebit ieħor interessanti huwa artal portabbli li kien jintuża fuq ix-xwieni; oġġett rari li probabbilment bħalu wieħed isib biss f’xi kollezzjoni privata. Wieħed jista’ jżur ukoll il-kamra tal-Kapitli mgħonija b’għadd ta’ kwadri ta’ Gran Mastri differenti, fosthom dak ta’ Wignacourt. Imbagħad hemm ukoll il-kappella li kienu jużaw il-kavallieri u sepulkru li kien jintrama f’Ħamis ix-Xirka. Kamra oħra li laqtitni kienet dik tat-teżorier li fuq is-sodda tiegħu, fl-għoli fuq ir-raff, imma dejjem taħt għajnejh, kien iżomm il-kaxxa tal-flus ħalli jipprova jevita milli xi ħadd jisraqhielu.

    Huwa importanti li wieħed ikun jaf li parti kbira minn dawn il-kollezzjonijiet li wieħed jista’ jara f’din is-sezzjoni tal-mużew, għaddiet hawnhekk bħala donazzjoni fl-1960, permezz ta’ wirt li ħalla n-Nutar Francesco Catania, li kien magħruf ħafna r-Rabat. Il-kollezzjonijiet li ġew minn għandu kienu jinkludu kwadri, għamara, diżinji, kotba, mapep, u artifatti arkeoloġiċi imprezzabbli. Dun Ġwann Azzopardi spjegali kif hu kellu x-xorti li jiltaqa’ man-Nutar Catania li spiss kien jinkoraġġih biex jinteressa ruħu fl-istorja sħiħa ta’ dan il-kumpless Pawlin. Mur għid lin-nutar li fl-1981, kellu jkun proprju Dun Ġwann li kellu jkun l-ewwel Kuratur ta’ dan il-mużew. Aktar minn hekk, min jaf qattx basar li l-istess qassis kien ser ikun l-editur tal-ktieb ‘Notary Francesco Catania (1872-1960) and his collections at the Wignacourt Museum’ li ser joħroġ għall-bejgħ mill-ġimgħa d-dieħla. Dan il-ktieb li fih 440 illustrazzjoni, jinkludi wkoll għadd ta’ materjal informattiv dwar il-Mużew Wignacourt u dwar in-Nutar Catania u l-kollezzjonijiet tiegħu. Fosthom wieħed isib numru ta’ studji u ta’ katalogi li jagħtu tagħrif siewi dwar dawn il-kollezzjonijiet: bħal ngħidu aħna katalogu tal-kwadri li ġie ppreparat minn Antonio Espinosa Rodriguez li kien Kuratur tal-Mużew Marittimu ta’ Malta u aktar tard tal-Mużew tal-Arti; katalogu tal-artifatti arkeoloġiċi tal-Perjodi Feniċi, Puniċi u Rumani li ġie mfassal mis-Superintendent tal-Wirt Kulturali, Anthony Pace; studju tad-diżinji li sar mill-Kuratriċi tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Bernadine Scicluna, u studju ta’ mappa ta’ Malta tal-1833 li twettaq mill-avukat u espert fil-qasam tal-mapep, Dr Albert Ganado.

    Bla dubju, il-Mużew Wignacourt joffri esperjenza distinta lil kull min iżuru, hekk kif dan il-post u l-kollezzjonijiet tiegħu, kapaċi jolqtu għadd ta’ interessi differenti. Peress li wieħed jeħtieġ iqatta’ siegħa jew tnejn jekk irid jara sewwa dan il-post, kafetterija li tinsab f’dan il-mużew, tkompli ssaħħaħ il-professjonalità ta’ dan is-sit li għandu jkun xempju għas-siti kulturali kollha tagħna.

    Il-Mużew Wignacourt jinsab fi Triq il-Kulleġġ, ir-Rabat. Għal aktar informazzjoni, tistgħu ċċemplu fuq 27494905.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (17 il-parti) tat-Torċa tat-23 ta’ Frar 2014)

    2014.02.23 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • IR-RABAT TAĦT ATTAKK

    Dan l-aħħar sibt ruħi fil-Knisja tal-Mosta jew aħjar ir-Rotunda. Nistqarr li kont ilni s-snin ma nidħol hemm ġew  u għalhekk stajt nifli dan il-post b’għajnejn ġodda. Dak is-Ir-rotunda - Mostasaqaf grandjuż mogħni b’diżinn indurat u mżejjen b’żebgħa kaħlana ħallieni bla kliem u kelli npoġġi bil-qiegħda fuq siġġu biex nibqa’ nħares il-fuq lejh għax ma stajtx naqla’ għajnejja minn fuqu. F’moħħi ġera ħsieb – tgħid min fassal dak is-saqaf qatt basar li minn hemm għad tinfed bomba li tinżel qalb in-nies?Kont għadni qed nagħrbel din il-mistoqsija meta minn ħdejja għaddew xi turisti. Rajthom weħidhom mingħajr gwida u għalkemm taw titwila ħafifa ġol-knisja, kienu ser joħorġu mill-ġdid il-barra. Ma stajtx nirreżisti! Ħelu ħelu dħalt f’nofshom u rrakkuntajtilhom ftit mill-istorja tal-post sakemm daħħalthom fix-xibka tal-kurżità u f’għajnejhom rajt dik il-leħħa ta’ interess. Sellimtilhom u bi tbissima mqarrba ħriġt il-barra. Min kellu jgħidli li ftit tal-ġranet wara, ħaddieħor kien ser jagħmel hekk lili?

    “Qatt smajt li darba fir-Rabat, waqt l-aħħar gwerra dinjija, ġew evakwati 40,000 ruħ minn djarhom għal siegħa sħiħa minħabba bomba li kienet waqgħet fil-qrib?” staqsieni Paul Cilia, Rabti u studjuż fervent tal-Istorja tar-Rabat u l-Imdina.

    Din qatt ma kont smajtha u ovvjament ma kontx ser noqgħod bi kwieti qabel niskopriha kollha….

    “Ir-Rabat minn dejjem kien popolat ħafna kemm minħabba l-avviċinanza tiegħu lejn il-belt tal-Imdina u b’mod speċjali għan-numru ta’ għejjun ta’ ilma naturali li jiġri ġol-blat tal-inħawi.

    Iżda fit-tieni gwerra dinjija l-popolazzjoni tar-Rabat kibret ferm minħabba li telgħu numru kbir ta’ refuġjati minn irħula u bliet oħra. Tant hu hekk illi qabel il-gwerra, il-popolazzjoni Rabtija kienet tgħodd madwar 9000 persuna, filwaqt li bejn l-1939 u l-1945 din telgħet għal 48,000 ruħ!”

    Iċċassajt u kelli kurżità kbira fejn tpoġġew dan-nies kollha. Għaldaqstant, Paul, li llum għandu 78 sena, beda jirrakkuntali l-istorja kollha mill-bidu. Ġrajjiet dwar il-gwerraPaul Cilia ormaj smajt mhux ħażin imma dejjem kienu min-naħa t’isfel ta’ Malta. B’hekk issa stajt ngħaqqad parti oħra mit-taħbila u nifhem minn xhiex għaddew ir-Rabtin f’dak iż-żmien imqanqal ta’ Malta.

    “Kienet ilha tiġri l-kelma li Malta taf tinqabad fil-gwerra imma ħsibna li f’dak il-każ kien ser jiġri bħal dak li seħħ fl-Abbissinia, jiġifieri gwerra bil-gass. Infatti kienu tqassmu diversi maskri tal-gass madwar il-pajjiż kollu u kellhom ikunu proprju dal-maskri li jisirqulna lil ommna ħesrem!

    Niftakar li kienet qed tgħaddi l-ħwejjeġ tiegħi u tal-erbgħa ħuti l-oħra meta xi ħadd mill-ġirien kien ġie jħabbtilna u ħajjarha tmur tgħaġġel lejn l-iskola biex tiġbor il-maskri tal-gass peress li dak il-ħin ma kien hemm ħadd u kienet ser teħles malajr. Ommi telqet kollox minn idejha u qabdet u ħarġet fis-sirda. Ħadet ċmajra kbira u sfortunatament dak iż-żmien il-penisillin kien għadu qed jiġi żviluppat u ma kienx hawn kura. Ommi Josephine mietet tliet ijiem qabel ma l-Ġermanja invadiet il-Polonja, jiġifieri fis-6 ta’ Settembru 1939.”

    Iżda dik ma kellix tkun l-uniku membru tal-familja li Paul jitlef kaġun tal-gwerra…

    “Fid-9 ta’ Ġunju 1940 sar pellegrinaġġ bil-kurċifiss mirakoluż tal-kattidral għal fuq is-Saqqajja maġenb in-niċċa ta’ San Pawl bħala supplikazzjoni biex pajjiżna jinħeles mit-turufnament tal-gwerra. Madanakollu l-għada Mussolini ddikkjara gwerra u proprju mal-għabex tal-ġurnata ta’ wara, fil-11 ta’ Ġunju 1940, saru l-ewwel attakki fuq Malta.

    Waqt dan il-perjodu ta’ periklu kienet ħarġet ordni biex kif idoqq air-raid, kulħadd kellu jinġabar għall-kenn. U biex jaraw li kulħadd jobdi dan il-kmand kien ikun hemm il-wardens tal-ARP u l-pulizija li jekk jaqbduk tiġri barra waqt dawn il-mumenti kienu jarrestawk. Iżda mur fehemna ta’ tfal li konna!

    Infatti kif smajna d-daqq tas-sirena, minflok staħbajna, jiena li kelli 10 snin u ħija ż-żgħir ġrejna lejn is-Saqqajja u morna nistaħbaw taħt l-Imdina, proprjament fuq in-naħa ta’ wara ta’ Palazz Vilhena. Morna nistkennu taħt ħajt tas-sejjieħ u hemm insibu li ma konnix weħidna għax kien hemm raġel ieħor li kienet ġietu l-istess idea.

    Konna ħsibna li l-ewwel attakki kienu ser ikunu fuq l-ajruport jew fuq il-Belt u li allura ma kellnix għalfejn nibżgħu. Imma ħabta u sabta jinżlu tliet bombi fl-għelieqi ta’ taħt, kważi jmissu mal-korsa tat-tiġrija u l-ħoss ta’ dik it-tisfira tagħhom huma u neżlin minn ħdejna, kien xi ħaġa li qatt ma smajt bħalu qabel u qatt ma nsejtu. Ħija ż-żgħir twerwer u nfexx jibki kemm jiflaħ u dak ir-raġel li kien hemm ħdejna dlonk tah xi ftit flus biex jikkalmah għax beża’ li jsibuna l-pulizija hemm taħt u jispiċċa arrestat.

    Imma miskin ħija minn hemm kellu jgħaddi. Għax xi żmien wara kien għaddej fit-triq u waqgħu xi bombi viċin. Bix-xokk li ħa bħal tħassarlu demmu u baqa’ qatt ma ħa r-ruħ. Miet ta’ tmien snin u nofs.”

    Waqt rakkonti bħal dawn tintebaħ li l-vittmi tal-gwerra jkunu ħafna ikbar minn dawk li jissemmew fiċ-ċifri indikati. Paul kompla jfehemni kif ma’ l-ewwel attakk bdiet l-ewwel mewġa ħafifa ta’ refuġjati lejn ir-Rabat.

    “Dak iż-żmien ir-Rabat kien meqjus bħala post ta’ villeġġjatura u allura kien hawn ħafna djar tas-sajf vojta speċjalment fl-inħawi ta’ madwar il-kunvent ta’ San Duminku. Kienu djar kbar u mill-isbaħ, bosta minnhom ta’ familji magħrufa u s-sidien tagħhom mal-ewwel ħasbu biex jinġabru għall-kenn ġo fihom u magħhom tellgħu wkoll xi ħbieb.”

    Aktar ma l-gwerra bdiet tiħrax, in-nies iżjed bdiet tfittex il-protezzjoni tal-inħawi mwarrba tar-Rabat.

    “Kienu ilhom telgħin in-nies imma l-akbar mewġa ta’ refuġjati seħħet fl-1941 wara l-attakk fuq l-aircraft carrier Illustrious. Tant telgħu nies li kellhom joqogħdu taħt is-siġar tas-Saqqajja sakemm isibulhom xi post adegwat. Niftakar ċar illi t-trakkijiet mgħobbija bir-refuġjati u bil-ftit ħwejjeġ li tellgħu magħhom baqgħu ġejjin sa tard bil-lejl.

    Kawża t’hekk ħarġet ordni oħra, illi kull min kellu xi post fejn seta’ jdaħħal in-nies kellu jilqa’ lil xi familja għandu. Kien isir rapport jekk wieħed ma jikkoperax u kienet tindaħal il-pulizija.

    Mad-djar ta’ Triq il-Buskett, illum imsemmija għal George Borg Olivier, kien ikun hemm slaleb ħomor mal-koxox tal-biebien biex jindikaw kemm il-familja kienet qed tabita fihom. Ma’ ċertu djar kien hemm saħansitra sitt islaleb!

    Kull fejn setgħu jiddaħħlu n-nies beda jintuża għal dan il-għan. Djar kbar fl-Imdina li kienu vojta bħal Casa Depiro maġenb il-kattidral laqgħet fiha mal-180 refuġjat. Ġo kull klassi tal-iskejjel daħlu jgħixu erbgħa familji mifruda b’liżari mdendla għal daqsxejn tal-privatezza u l-istess ġara f’xi partijiet mill-Kunvent ta’ San Duminku.

    Ix-Xara Palace Hotel u l-Point De Vue Hotel ġew rekwiżizzjonati u fihom alloġġjaw il-piloti u n-nies tas-servizz li kienu qed joperaw mill-ajruport ta’ Ta’ Qali. Anki wħud mill-iskrivani tal-cash office tal-H.M. Dockyard sabu ruħhom jgħixu fil-Kunvent tal-Karmnu l-Imdina.

    Finalment sal-kmamar ċkejknin tal-bdiewa fl-għelieqi bdew jintużaw b’dan l-iskop u n-nies baqgħu ġejjin.”

    Dan l-influss qawwi ta’ nies beda joħloq il-biża’ tat-tixrid tal-mard u għalhekk kellhom jittieħdu xi prekawzjonijiet.

    “Grazzi għat-tabib Joseph Bugeja, għal Mrs De Trafford (li kienet tiġi oħt Mabel Strickland) u għal xi tobba, infermiera u sorijiet oħra ġiet organizzata infermerija u reception centre. Dawn kienu allokati fejn illum hemm il-Wignacourt Musuem u kull min kien jitla’ r-Rabat kien jintlaqa’ f’dal-post biex jiġi eżaminat. F’każ ta’ mard in-nies kienet tintbagħat l-isptar imma għal affarijiet żgħar oħra xi individwi kienu jinżammu fl-infermerija stess.”

    Naturalment beda jonqos ukoll l-ikel u biex titma’ lil dawk in-nies kollha ma kinetx ħaġa faċli.

    “Bdew jiskarsaw ħafna affarijiet fostom l-aktar is-sulfarini u l-pitrolju u mbagħad l-affarijiet tal-ikel. Biex tixtri xi ħaġa kollox bil-blackmarket. Ridt tara kif tagħmel u tħuf fl-għelieqi bit-tama li tagħraf lil xi ħadd li taf u jżerżaqlek xi ftit patata jew xi pastarda. Niftakar li mhux darba u tnejn li mort maz-zija fl-għelieqi għal dan il-għan għax sadanittant missieri kien iżżewweġ lil oħt ommi u din kienet qed trabbiena u tieħu ħsiebna daqs li kieku konna wliedha.

    Iżda biex tagħmel dan kont qed tilgħabha mal-ġustizzja għax kollox kellu jiġi razzjonat u ħadd ma kellu d-dritt jirranġa għal rasu. Għalhekk ħafna drabi kien ikun hemm pulizija apposta għassa fit-toroq Il-fuklarimwarrbin, jistennew lin-nies li jkunu ġejjin mill-kampanja biex jiċċekkjawhom. Mhux darba u tnejn li qabdu xi mara b’xi wiżintejn patata moħbija fil-pram u apparti li kienu jeħduhomlha kienu jġegħluha tikxef minn għand min ġabithom ħalli jmorru jfittxu biex jaraw x’għandu iktar.

    Infatti fil-bidu meta bdiet tinxtamm il-possibilità ta’ gwerra, xi negozjanti kienu ħasbu minn qabel biex jaħżnu d-dqiq u z-zokkor bit-tir li jagħmlu lira tajba minnhom. Imma kull fejn instabu dawn l-imħażen ġew ikkonfiskati dawn il-prodotti u darba minnhom rajt maħżen sħiħ fl-Imdina qed jiġi mbattal b’dan il-mod.

    Finalment fi Frar 1942 fetħu l-ewwel Victory Kitchens  proprju fir-Rabat, f’naħa oħra tal-Wignacourt Museum. Bdew jitqassmu l-kupuni skont in-numru tal-membri tal-familja u n-nies kienet tinġabar biex tieħu xi platt sħun. Interessanti wieħed ikun jaf illi dawk il-fuklari uniċi li ntużaw f’dan iż-żmien jinsabu konservati u esebiti fil-Wignacourt College Museum tal-Parroċċa.”

    Ormaj il-kwantita’ tan-nies miġbura r-Rabat tant kibret illi setgħu jittellgħu festi sħaħ li soltu jiġu ċċelebrati f’inħawi oħra f’Malta.

    “Tant kienu numerużi r-refuġjati mill-Kottonera li l-festi titulari sew ta’ San Lawrenz tal-Birgu fl-1942 u kif ukoll tal-Isla ta’ Maria Bambina fl-1941 u fl-1942 ġew iċċelebrati ġewwa l-Parroċċa ta’ San Pawl Ix-xbiehat li ntużaw għall-festi interniir-Rabat. Naturalment il-festi liturġiċi ġewwa l-knisja biss għax il-festi esterni kienu projbiti. Il-knisja kienet tkun ippakkjata biċ-ċittadini tal-Birgu u tal-Isla u peress li ma setgħux jittellgħu l-istatwi titulari nfushom kienu nħadmu kwadri apposta bi xbieha tal-qaddisin li wara l-gwerra baqgħu r-Rabat. Imma mhux biss dawn baqgħu hawn għax anki numru sew ta’ nies għażlu li meta tispiċċa l-gwerra jibqgħu jgħixu r-Rabat.”

    Iżda darba minnhom dawn in-nies kollha jkollhom joħorġu ‘l barra minn djarhom minħabba theddida serja.

    “Kien id-9 ta’ Mejju 1941 meta ftit metri bogħod minn taħt is-sur tal-Imdina li jħares lejn l-Imtarfa taqa’ mina esplussiva twila 3 metri! Hu maħsub illi l-Il-mina esplussiva li waqgħet l-Imdinamina splussiva kienet Ġermaniża tat-Tip C b’kalibru ta’ 2175 libbra. B’xorti tajba din ma splodietx u weħlet fil-ħamrija mdawwra bil-pal tal-bajtar tax-xewk bil-parachute maqbud magħha. Kien parachute magħmul minn ħarir ħadrani mill-ifjen u akkost il-periklu kien hemm min mar u ġabru! Wieħed minn dawk li messitu biċċa mill-ħbula tiegħu kien ħadem ingravata minnu u tgħidx kemm iddandan biha.

    Bħala prekawzjoni immedjata n-nies kollha tal-Imdina ġew imġiegħla joħorġu minn djarhom u jsibu abitazzjoni oħra. Ħafna trekknu ma’ familji oħra ġewwa r-Rabat, oħrajn sabu kenn fl-iskola primarja tal-gvern u numru ieħor spiċċaw fil-grotta ta’ San Pawl u f’dik tal-Maddalena. Is-sitwazzjoni damet sejra hekk għal erbat ijiem sħaħ.

    Fir-raba ġurnata ried jiġi deċiż x’ser jagħmlu – jew jisploduha bil-konsegwenzi enormi kollha jew jirnexxielhom iżarmawha. Il-bomba kienet fi stat perikoluż ħafna u ma riedu jieħdu ebda riskju. Għalhekk Il-mappa li turi l-proċess tal-evakwazzjonil-awtoritajiet ordnaw lill-poplu tar-Rabat li jinqasam f’żewġ sezzjonijiet. Dawk l-abitanti tas-Saqqajja, ta’ Ġieżu, Ta’ Santu Wistin, Ta’ Għeriexem u sa Triq il-Kbira kellhom jinġabru fuq iz-zuntier tal-Parroċċa ta’ San Pawl (ara żona Ċ fil-mappa) fil-11:00am. U dawk ta’ l-fuq minn Triq il-Kbira, Triq San Franġisk, Triq San Katald, Ħal-bajjada, Triq il-Buskett, San Bastjan u Triq il-Kulleġġ ġew mitluba jinġabru wkoll fil-11:00am fil-misraħ ta’ San Duminku jew fi Pjazza Forok (ara żona D).

    Finalment ġie deċiż li f’nofsinhar kienu ser jaħdmu fuq il-bomba u li għalhekk sal-11:30am kulħadd kellu jkun barra fil-ftuħ. Tista’ taħseb xi qtiegħ il-qalb. Kulħadd kien qed jispekula xi ħsara enormi setgħet issir l-aktar minħabba li fil-qrib kienet tinsab il-mina tal-ferrovija tal-Museum Station li tgħaddi minn taħt l-Imdina u twasslek sa taħt l-Imtarfa u li fiha kien hemm maħżun il-petrol u l-aviation fuel tant neċessarju għad-difiża ta’ Malta. L-istennija kienet qisu ġej xi terremot.

    Il-minuti bdew għaddejjin u nofs inhar ukoll skorra. Kulħadd issummat jistenna biex jisma’ l-isplużjoni iżda ftit tal-ħin wara nfurmawna li l-mina splussiva kienet ġiet żarmata u għalhekk il-periklu kien evitat. It-tensjoni tan-nies żbruffat f’għajjat ta’ ferħ u ċapċip u għal mument dehret it-tbissima fuq wiċċ kulħadd.

    Il-qalbiena li żarmaw din il-mina splussiva minn taħt is-sur ta’ l-Imdina kienu Antony Gusterson Rogers ht. (Elect) RNVR u l-assistent tiegħu L.G. Herbert Sheldon – Botswain RN. Żewġ individwi li żgur kien jistħoqqilhom l-akbar tifħir għall-kuraġġ u s-sogru li ġarrbu.

    Iżda d-destin kien kifer ma’ dawn it-tnejn għax ftit tal-ġranet wara, fit-23 ta’ Mejju 1941 waqt li l-istess qalbiena kienu qed iżarmaw mina bomba oħra li nstabet fl-inħawi ta’ bejn Mt Carmel Hospital u Ħaż-Żebbuġ, din splodiet u qatlithom it-tnejn. It-tnejn kienu jappartjenu fuq il-kotba ta’ HMS St Angelo. It-tnejn ġew dekorati bil-George Medal u jinsabu midfuna fiċ-ċimiterju navali tal-Kapuċċini l-Kalkara.”

    Żminijiet li ma jaħfruha lil ħadd fejn in-nies inqatlu bla ħniena u l-ħsara qerdet bosta ġojjelli nazzjonali. Huma ġranet li dawn in-nies li għadhom jiftakruhom żgur li ma jinsewhom qatt.

    “Għalkemm fil-gwerra il-lokal tar-Rabat u tal-Imdina kienu meqjusa bħala postijiet ta’ residenza ċivili u għalhekk sa ċertu punt sikur għal abitanti, xorta waħda kien hemm diversi diżgrazzji waqt ħbit mill-ajru. Infatti ‘l fuq minn 95 persuna Rabtin jew refuġjati ġewwa r-Rabat sfaw vittmi tal-gwerra, 80 minnhom fis-sena 1942.”

    Fl-2006 Paul Cilia rċievha l-unur ta’ Ġieħ ir-Rabat u riċentement huwa rebaħ Diploma f’kompetizzjoni ta’ ġurnaliżmu mnhedija minn Din l-Art Ħelwa fejn hu kiteb dwar xi ġrajjiet u postijiet konnessi mar-Rabat.

    “L-imħabba li għandi għar-Rabat, għall-Imdina u għal Malta in ġenerali tnissel fija kilba biex infittex u niskopri aktar dwar l-Istorja u l-kultura tagħna. U naturalment l-hena tiegħi hi li nwassal din l-informazzjoni lil nies oħra biex inrawwem fihom l-istess interess.

    Fil-każ ta’ dan li tkellimna fuqu llum xtaqt inwassal il-messaġġ ta’ kemm hu sabiħ li ma tkunx fi gwerra. Għax apparti minn kollox, il-gwerra tħarbatlek ħajtek kemm f’dak li hu xogħol u anki f’dik li hi edukazzjoni. Tisraqlek lill-għeżież tiegħek u ddawwarlek l-għażliet f’ħajtek ta’ taħt fuq.

    Kienu mumenti koroh li pajjiżna u l-poplu tagħna għadda minnhom u j’Alla ma jmissu magħna qatt aktar.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-5 ta’ Diċembru 2011)

    2010.12.05 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • RUĦ OĦRA F’PALAZZO FALSON

    Waħda mill-ħolmiet kbar tiegħi hija illi xi darba jkolli dar antika, dar bi storja warajha, dar li rat bosta affarijiet iseħħu fiha, dar b’dinjità u forsi b’xi ftit misteru, dar li kapaċi tkellmek… dar li għandha ruħ. Hawnhekk sikwit iwaqqfuni u jgħiduli ruħ xhiex? Spirtu jiġifieri? Nitbissem meta jistaqsuni dan għax naturalment mhux hekk inkun irrid infisser. Jew? Issa ma nafx! Jgħidu li spirti tajba jipproteġu lid-dar u lis-sidien tagħha. Togħġobni kieku l-idea ta’ spirtu protettur imma sinċerament ma nafx jekk għandix kuraġġ li ngħix f’dar simili. Ejja almenu ngħid illi l-ħsieb jipprovokani biżżejjed li nasal li nikkunsidraha. Imma ngħiduha kif inhi, kieku intom issibu ruħkhom f’sitwazzjoni bħal din, x’tagħmlu?

    Proprju f’din id-dilemma sab ruħu missier Joseph Debono meta darba minnhom ġie ssuġġerit lilu sabiex ikun il-kustodju ta’ Palazzo Falson jew kif kien ukoll magħruf bħala d-Dar Normanna.

    “Il-kustodju ta’ Palazzo Falson kien wasal biex jirtira u għalhekk il-Fondazzjoni Gollcher kellha bżonn lil xi ħaddieħor minfloku. Mid- diversi persuni li ġew avviċinati, ħadd minnhom ma wera xi ħerqa li jaċċetta. Antoine Debono, magħruf bħala s-Sur Antwan, spiżjar mir-Rabat u ħabib personali taċ-Chairman tal-Fondazzjoni ssuġġerixxa lil missieri Nazzareno kemm peress li kien ħabib tiegħu u anki minħabba li missieri kien għadu kif spiċċa minn minn mal-Malta Royal Altillery fejn kien ingaġġat bħala bandist. Apparti minn hekk kien jafu bħala bniedem dixxiplinat, tas-sengħa u ta’ min jafdah.

    Ħeġġu fuq li ħeġġu imma missieri ma tantx xtaq jersaq ‘l hemm għax dwar dan il-palazz kienu jingħadu ħafna stejjer strambi. Għalhekk, bit-tama li jinkoraġġuh jaċċetta, lil missieri offrewlu illi jirranġawlu xi partijiet mill-palazz ħalli b’hekk ikun jista’ jgħix bil-kumdità fil-post flimkien mal-mara u l-ħamest itfal tiegħu. B’hekk kien ikun jista’ wkoll iżomm għajnejh fuq dan it-teżor erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Ta’ min jgħid li aħna konna l-familja ideali biex noqogħdu f’dan il-post għax sa dak iż-żmien konna ngħixu ġo dar antika man-nannu Ġużeppi li kienet mimlija sa ruħ ommha bl-affarijiet antiki u hu kien rawwimna f’dixxiplina biex nibżgħu u nirrispettaw l-oġġetti ta’ valur.

    Meta missieri mar jara kif taħsibha ommi dwar il-proposta li toqgħod f’dan il-post flimkien ma’ l-għajdut li kien imdawwar bihom, din ma wriet l-ebda anzjetà. Anzi minnufih weġbitu biex lil ‘dawk’ iħallihom f’idejha għax hi kienet ser tieħu ħsiebhom u huma kienu ser jieħdu ħsiebna. Niftakar sewwa meta kienet tmur iġġib l-ilma mbierek jew meta kienet tixgħel ix-xemgħa quddiem is-santi li kienet ġabet magħha. It-tbaħħir u t-talb ma kienx jonqos lanqas u spiss kienet anki tagħmlilhom xi quddiesa għal ruħhom.

    Infatti kemm ilna hawn għal dawn l-aħħar erbgħin sena, qatt ma kellna problemi. Li naf biss huwa illi f’dak iż-żmien fil-post kien hemm periklu kbir peress li s-sistema tad-dawl kienet qdiemet u l-bini Joseph Debono nnifsu kien antik u fraġli ferm. Mhux l-ewwel darba li missieri, li kien ta’ kuljum mhedi jirranġa ‘l hawn u ‘l hemm, ifittex u jneħħi l-perikli kull fejn jirnexxilu jsibhom, spiċċa msabbat ma’ l-art minn xi xokk elettriku! Darba oħra waqt maltempata kbira, fejn il-palazz kien kważi għereq bl-ilma li daħal fih, waqa’ l-kampnar għal fuq it-terrazin u għamel ħafna ħsara. Taħtu kien hemm il-kamra tas-sodda u kienet fortuna kbira li ma sfrondax is-saqaf fuqna dakinhar! Lejl ieħor missieri qam minħabba li sema’ xi ħoss fuq barra u hekk kif ħareġ jittawwal, waqgħet il-mera l-kbira li kienet imdendla wara s-sodda tiegħu. Jgħidu x’jgħidu, superstizzjonijiet u mhux, jiena dejjem emmint li kellna lil xi ħadd jieħu ħsiebna sew hemm ġew għax bil-ħamsa li konna niġġerrew u nilgħabu mal-post kollu, kien miraklu li ħadd qatt ma ngiref.”

    Nazzareno dam jaħdem bħala kustodju tal-palazz mill-1975 sal-1996 sakemm irtira. Postu ħadu Joseph li issa kien iżżewweġ u kellu l-familja tiegħu. Madanakollu l-palazz kien tant għal qalbu illi wasal biex hu wkoll imur jgħix hemm għal xi żmien mal-familja.

    “L-ewwel ħaġa li għamilt kienet li ftaħt aktar il-bibien tal-palazz għal dawk li xtaqu jżuru l-post. Introduċejt ukoll is-sistema li tingħata donazzjoni żgħira għad-dħul sabiex biha nibda nagħmel xi bżonnijiet li kienu tant meħtieġa. Il-Fondazzjoni Gollcher kienet toħroġ flus għal dak li kien jinqala’ imma deherli li dak in-naqra kontribut mingħand il-viżitaturi kien ser jgħin aktar.”

    Tiskanta! Kultant id-destin donnu jkun qiegħed jippreparak ftit ftit għal dik ix-xi ħaġa li ‘l quddiem ikun meħtieġ minnek li tagħmel. Ir-rakkont ta’ Joseph ħadni lura lejn tfulitu…

    “Bosta mill-membri tal-familja tagħna huma nies tekniċi, tas-sengħa u artistiċi ħafna u għamlu xogħolijiet li baqgħu msemmija. Fil-fatt il-maġġoranza tax-xogħol tal-injam u l-iskultura li jtellgħu fil-festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat ħadmu ħafna minnu z-zijiet u l-kuġini ta’ missieri li kienu mastrudaxxi, ħaddieda jew skulturi primi. In-nies kienet issibhom bħala ‘tan-nażett’, ‘tal-abjad’, ‘ta’ kaxkax’ jew ‘tal-mannar’. Uħud mix-xogħolijiet tagħhom jinkludu: il-bankun tal-istatwa ta’ San Ġużepp tar-Rabat li hu uniku hawn Malta, l-iskultura u l-armar f’Ta’ Ġieżu, il-pulptu fil-Knisja tas-Sacro Cuor Tas-Sliema u ħafna mill-armar ta’ barra u ta’ ġewwa f’diversi knejjes madwar Malta.

    Wisq probabbli jiena ħadt xi ħaġa mid-demm tagħhom. Ma ninsa qatt meta darba r-rettur tal-Kulleġġ Mt Carmel sejjaħ lil missieri u qallu: “Jiena għandi pjaċir ħafna b’ibnek hawnhekk imma jidhirli li aħjar tibda tibgħatu fl-iskola tal-arti. Mur ara l-kotba tiegħu mimlija kollha taħżiż fuqhom!” Dak iż-żmien kien moħħni biss biex niddiżinja u npinġi u finalment mort l-iskola ta’ Tarġa Gap fil-Mosta fejn hemm stajt naqbad il-linja artistika u artiġġjanali. F’din l-iskola tħarriġt f’diversi snajja’ fosthom tal-ħadid, l-iskultura fl-injam, mudellatura, il-ġojjellerija u d-diżinn. Eventwalment għażilt li nkompli fuq l-iskultura fil-ġebla.

    Jum fost l-oħrajn is-Sur John Bonnici, artist mill-Mosta u l-kap tal-iskola ta’ dak iż-żmien, għażilni biex immur għal tmien xhur l-Italja sabiex nieħu esperjenza fl-iskultura fl-irħam li sa dakinhar lanqas biss kont għadni qatt missejtu b’idejja, aħseb u ara niskolpi fih! Għaddejt ġimgħatejn Ruma u ġġennint b’dik l-arti kollha madwari. Imbagħad għamilt xahrejn ġewwa Urbino u wara qattajt sitt xhur f’Carrara fejn hemmhekk flimkien ma’ grupp ieħor ta’ żgħażagħ tħarriġt fl-iskultura, fid-diżinn u fix-xogħol kummerċjali fl-irħam.

    Meta spiċċajt mill-iskola dħalt naħdem mar-restawraturi li kienu qed jagħmlu xogħol ta’ interzjar fuq il-lapidi fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, il-Belt. Ftit taż-żmien wara nteressa ruħu fija wieħed mill-Il-bitħa f'Palazzo Falsonaqwa skulturi li kellna dak iż-żmien – Marco Montebello u hemm ħadt esperjenza enormi. Tani okkażżjoni unika li ngħinu flimkien mat-tfal tiegħu Ġanni, George u Tarċisju fuq ħafna mill-kummissjonijiet li kellu fosthom:  il-funtana ta’ Nettuno li hemm f’Montgomery House il-Furjana u l-appostli li hemm ma’ San Bastjan f’Ħal-Qormi. Marco ħarriġni wkoll fuq ix-xogħol kummerċjali bħal fuklari dekorattivi, statwi monumentali u skultura għaċ-ċimiterji. Fuq kollox għallimni kif naqla’ x’niekol bis-sengħa tiegħi u ta’ dan nibqa’ nafulu.

    Wara 11 il-sena, iddeċidejt li nibda naqdef għal rasi. Għamilt bosta affarijiet u fosthom anki xi xogħolijiet tal-arti iżda sfortunatament dawn tal-aħħar inħoss li huma l-inqas apprezzati peress li ħadd ma jrid iħallas kemm jixraq għalihom u tispiċċa tagħżaq fl-ilma.”

    Bħal familjari tiegħu Joseph ħadem ukoll diversi xogħolijiet tal-armar għall-festa tar-Rabat u anki medd idejh biex jiddiżinja u jaħdem in-narJoseph Debono mal-armar tan-nar tal-art artistiku tal-art; xogħol li ħadd qatt ma tħajjar jidħol għalih qabel. Huwa stqarr illi dak kollu li għandu x’jaqsam mal-festa hu għal qalbu u fl-istess ħin beda jispjegali kif din in-namra tmur lura għal snin twal fl-antenati tiegħu.

    “In-nanniet u l-familja tiegħi min-naħa ta’missieri tista’ tgħid li kollha kienu jagħmlu parti mill-fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat li hija l-eqdem waħda f’Malta. Il-mexxejja tagħha kienu jintagħżlu min-nobbiltà u għal xi żmien il-bużnannu tiegħi kien ir-rettur tagħha peress li hu kien wieħed min-nobbli tal-Imdina, mill-familja Dei Conti Theuma Castelletti.

    Le, m’inix xi konti,” dlonk serraħli rasi Joseph meta rani ser nimpressjona ruħi. “Għax il-linja tan-nobbiltà ntilfet meta l-bużnanna dehrilha li kellha tiżżewweġ lil min jogħġob lilha u mhux kif xtaq missierha. Dak iż-żmien hekk kienu jsiru l-affarijiet.”

    Madanakollu stajt nagħraf sewwa illi bixret Joseph għalkemm dħulija u ċajtiera kienet għadha tixhed dik ir-rikkezza fil-komportament raffinat u serju tiegħu. U aktar u aktar stajt napprezza kemm dan il-palazz storiku kien f’idejn mimlija galbu meta għadda taħt il-kustodja tiegħu.

    “Sal-2001 ġewwa Palazzo Falson kont bdejt nirrestawra xi affarijiet kif stajt. Ħadt anki xi pariri mingħand nies professjonali dwar kif kelli nieħu ħsieb ċertu affarijiet. Ma nista’ ninsa qatt il-battikata kbira li konna ħadna jiena u l-mara tiegħi Alexandra biex naddafna u rrestawrajna l-parti l-kbira tal-oġġetti tar-ram li llum hemm esposti fil-kċina. Daqstant ieħor meta beda r-restawr tal-post kien diffiċli biex jitnaddfu x-xwabel li bil-lenti, bl-ixkupilja tas-snien, bit-toothpicks u b’dak kollu meħtieġ f’dan il-ġeneru ta’ xogħol, ħadt madwar xahrejn fuq kull waħda biex inġibhom lura għal mod preżentabbli li jinsabu fiha illum.

    Ix-xewqa tiegħi dejjem kienet li xi darba dan il-post jerġa’ jingħata l-ħajja mill-ġdid iżda l-ispejjeż u l-isforzi meħtieġa kienu kbar wisq. Il-palazz jiena nafu b’għajnejja magħluqa, minn ġewwa u minn barra. Għandi l-vantaġġ li trabbejt hawn u għalhekk inħoss ukoll li kważi kważi nappartjeni lil dal-post u għalhekk ngħożżu daqs li kieku kien tiegħi. Qalbi hawnhekk qegħdha u dax-xogħol inzertajt li nħobbu ħafna.

    Finalment il-Fondazzjoni Gollcher għamlet xi arranġamenti mal-Fondazzjoni Patrimonju Malti mmexxija mis-Sur Maurice Degiorgio li b’ kuraġġ kbir daħal għal din il-biċċa xogħol u r-restawr tant meħtieġ beda.”

    Issa kien imiss li Joseph jeħodni dawra ma’ Palazzo Falson. Naturalment permezz tal-introduzzjoni li kelli dwaru, stajt nara l-palazz b’għajnejn oħra u ħassejtni privileġġjata hekk kif beda jdawwarni fi kmamar mill-ifjen filwaqt li kompla jispjegali aktar dwar l-istorja tal-post u l-oġġetti mprezzabli li fih.

    “Palazzo Falson huwa t-tieni mill-eqdem strutturi li fadal fl-Imdina b’uħud mill-partijiet tiegħu jmorru lura għat-13 il-seklu. Olof Frederick Gollcher OBE (1889–1962) akkwistah fl-1927 u peress li ma kellux tfal, meta ġie biex jikteb il-wirt, iddeċieda li jħalli dan il-palazz f’idejn il-Kavallieri Ingliżi ta’ San Ġwann fejn wara xi żmien dawn għaddewh lill-Fondazzjoni Gollcher sabiex tkun tista’ tieħu ħsiebu ħalli jitgawda mill-pubbliku.

    Ta’ min jgħid illi Olof F Gollcher kien bniedem artistiku ħafna u kien anki jpitter, kif tista’ tara sewwa ġewwa dil-kamra ddedikata għall-pitturi li ħadem hu stess.”

    Il-kamra rranġata bħala studio ta’ artist laqtitni ħafna. Fiha kien hemm numru ta’ pitturi ta’ Gollcher innifsu, b’uħud minnhom fuq it-tila. Bosta ritratti u oġġetti oħra personali tiegħu kienu qed joħolqu dak l-effett partikolari u donni minn ħin għall-ieħor bdejt nippretendi li ser narah dieħel mill-bieb sabiex ipinġi xi xena oħra… hekk jew hekk id-dawl fil-kamra kien eċċellenti.

    “Olof Gollcher kien iħobb ħafna l-kultura ta’ pajjiżna u kien iħossu konċernat li ma kienx hemm daqshekk għarfien dwarha. Kien għalhekk li hu waqqaf il-Fondazzjoni Gollcher bil-għan li din tkun mezz biex jinħoloq għarfien dwar il-kultura estensiva tal-gżejjer tagħna kemm b’mod lokali u kif ukoll internazzjonali permezz ta’ mużewijiet, esebizzjonijiet u pubblikazzjonijiet.

    Fl-istess ħin huwa ffinanzja wkoll ir-riċerka li saret taħt l-ibħra Maltin biex isir magħruf fejn huma u x’inhuma l-oġġetti storiċi li jinsabu mgħarrqa taħt il-baħar. Fil-fatt ittellgħu anki xi affarijiet li wħud minnhom qegħdin fil-Mużew tal-Arkeoloġija l-Belt, fl-imħażen tal-mużew u anki f’din il-kamra maħsuba apposta biex iżżomm fiha din is-sezzjoni arkeoloġika.”

    Il-kmamar tal-palazz jimpressjonawk bil-kwantità kbira ta’ kollezzjonijiet u oġġetti li fihom…

    “Il-kollezzjoni ta’ Gollcher hija vasta ħafna proprju minħabba li hu nzerta bniedem li jinteressa ruħu f’bosta suġġetti. Tant hu hekk illi biex sar ir-restawr tal-kollezzjonijiet kollha u tal-bini nnifsu kien hemm bżonn aktar minn ħames snin!

    Żgur li ma jistax jiġi xi ħadd iżur dan il-palazz u ma jsibx xi ħaġa li tinteressah. Hawn għamara antika Maltija fl-aqwa tagħha ddekorata bl-interzjar u l-avorju, għamara barranija tal-epoka, tapiti persjani, Detall - Palazzo Falsonxogħolijiet tal-fidda, sezzjoni ta’ ġojjellerija mill-ifjen, muniti antiki, dokumenti ta’ papiet u rejiet bil-bolla u s-siġill tax-xemgħa fuqhom. Issib ukoll librerija ta’ kotba varji antiki b’kollezzjoni ta’ aktar minn 4500 ktieb. Imbagħad hawn ukoll kollezzjoni ta’ kwadri li juru l-bastimenti tal-kavallieri u pitturi mprezzabbli tas-seklu 17 fosthom ta’ Sir Anthony Van Dyck, David Teniers, Nicolas Poussin, Bartolomé Esteban Murillo u Mattia Preti.

    Wara kull dettall li qed tara madwarek kien hemm ħafna ħsieb. Ċertament l-ikbar problema kienet kif kienu ser jiġu esposti dawn il-kollezzjonijiet kollha lill-pubbliku biex dan ikun jista’ jarahom bl-aktar mod komdu u informattiv. Fi żmien missieri ħafna minn dawn l-affarijiet kienu magħluqin fil-kxaxen, fil-gradenzi u fil-kaxxaforti minħabba li ma kienx hemm sigurtà. Għadni niftakar sewwa l-inkwiet tiegħu dwar ir-responsabbiltà kbira li kellu. Imma kif qed tara, kollox għadda b’wiċċ il-ġid.”

    Joseph kompla jgħidli illi anki l-ħitan tal-kmamar kellhom is-simboli tagħhom.

    “Meta kien imur xi mistieden importanti f’dawn il-palazzi, is-sid kien jieħdu ħsieb li l-ħitan ikunu mbajjdin b’tali mod li juru l-ġid u l-istat tiegħu: jekk il-ħitan ikunu miżbugħa b’kulur kaħlani kien ifisser illi s-sid huwa sinjur kbir, warajh kien jiġi l-aħmar u mbagħad l-isfar li kien meqjus bħala komuni.”

    Il-kmamar tal-palazz donnhom ma kienu jispiċċaw qatt. Fosthom għaddejna mill-kċina fejn jiddomina l-kamra kien hemm fuklar kbir. Għoġbuni wkoll ħafna l-madum abjad u ikħal li kienu jdawwru l-forn imdaqqas antik u l-kwantità kbira ta’ ornamenti tat-tisjir maħduma mir-ram. Personalment sibt ħafna nteressanti baqra tal-fuħħar li fiha kien jissajjar l-istuffat.

    Dħalna wkoll fl-armerija fejn hemmhekk stajt nara kollezzjoni ta’ armi li kienet tikkonsisti f’pistoli, revolvers, xkubetti,  xwabel u lanez fost ħafna oħrajn. Ma’ dawn għall-ewwel darba f’ħajti rnexxieli nara wkoll ċinturin tal-kastità fejn permezz tiegħu komplejt nikkonferma kemm il-bniedem jaf ikun immaġinattiv fil-moħqrija tiegħu.

    Meta wasalna fil-kamra tal-ikel stajt tassew intiehem l-essenza pura tal-eleganza li kienu jgawdu dawn in-nobbli. Minn wara ħġieġa maħsuba ferm b’għaqal għall-viżitatur, stajt nifli sal-iċken dettall li kien hemm fuq mejda rranġata b’sett mill-ifjen tal-ikel. Innutajt fostom ornament estravaganti bl-isem ta’ nef li għandu l-forma ta’ bastiment tal-fidda u kien jintuża biex jimmarka l-post ta’ fejn irid ipoġġi s-sid jew il-mistieden. In-nef kien ukoll iżomm fih il-ħwawar li kienu xi ħaġa rari ħafna f’dak iż-żmien.

    Jekk nibqa’ ngħidilkhom x’rajt, dan l-artiklu ma jispiċċa qatt u għalhekk nissuġġerixxi ħafna li wieħed jasal wasla sal-palazz u jara b’għajnejh hu stess. Ma nistax iżda ma nsemmix ukoll arloġġ uniku ferm maħdum fl-1791 minn Robert Robin li kien l-arluġġar favorit tar-Re Luiġi XVI. Dan l-arloġġ jiddistingwi ruħu kemm minħabba li juri biss 10 siegħat u allura jagħti riflessjoni fuq l-era rivoluzzjonarja Franċiża u anki minħabba li ftit oħrajn bħalu jeżistu madwar id-dinja.

    Wara dil-mawra, Joseph stedinni nieħu xi ħaġa mill-kafeterija li tinsab fuq il-bejt tal-palazz fejn hemmhekk sibt ukoll xi turisti li kienu qed igawdu mill-ġmiel tax-xena li bħalha l-Imdina biss taf toffri. Kelli kurżità nkun naf esperjenza u ħajja bħal din x’ħalliet f’Joseph?

    “Hawnhekk kif stajt tara inti stess, sar xogħol mill-aqwa ta’ restawr u dan jikkonfermawh ukoll in-numru ta’ unuri li ġie ppremjat bihom dan il-post.

    Jiena bniedem li nħobb ħafna l-kultura u spiss nitbaqbaq fuqha. Nemmen li pajjiżna huwa teżor kulturali imma nħoss li mhux apprezzat biżżejjed mill-poplu tiegħu stess. Dan l-aħħar veru, qiegħed isir Joseph Debono fil-bitħa ta' Palazzo Falsonħafna xogħol. Imma kemm fadal x’isir! Meta nara t-telqa li teżisti f’ċertu postijiet, qalbi tuġagħni wisq u ngħid li aħjar kont ngħix l-Alaska fejn ħlief silġ ma tarax. Meta nsiefer u nara l-kura, l-attenzjoni u l-flus li jintefqu f’pajjiżi oħra biex tissebbaħ il-kultura tagħhom, ngħid imma aħna għala għadna daqshekk lura? Jien irrid illi meta turist jiġi Malta jibqa’ mpressjonat biha u jmur jgħid lil sħabu f’pajjiżu biex jiġu huma wkoll. Almenu dan il-palazz jista’ jservi ta’ eżempju ta’ xogħol professjonali u nittama li jkun bħal fjamma li biż-żmien issir nar li jixtered mal-pajjiż kollu. Malta jistħoqqilha tkun ċentru kulturali mill-aqwa u l-poplu għandu jingħaqad għalenija biex jara li dan iseħħ.”

    Joseph urini wkoll diversi dokumenti li juru kif sar ir-restawr pass pass ta’ diversi sistemi u oġġetti fil-palazz. Baqa’ baqa’ sakemm tani wkoll filmati li ġibed hu stess biex nara b’għajnejja x-xogħol ta’ restawr li sar ġurnata wara l-oħra, xahar wara l-ieħor matul is-snin  fejn il-parti l-kbira tax-xogħol konċernat sar taħt id-direzzjoni tiegħu minn nies verament tas-sengħa .

    Intbaħt li l-imħabba ta’ Joseph lejn Palazzo Falson tittieħed ħafna hekk kif b’interess mort id-dar u komplejt insegwi u nifli l-filmati ta’ kif dal-bini tant maestuż ingħata ruħ oħra u treġġa’ lura għad-dinjità u l-glorja li kien igawdi dari.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Ġunju 2010)

    2010.06.06 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • INTI TAFHA L-ISTORJA TIEGĦEK?

    “Dawk li ma jistghux jitghallmu mill-istorja huma destinati li jirrepetuha.” George Santayana 1863 – 1952 (filosofu u kittieb)

    Sa minn meta l-ġenituri tiegħi ħaduni nara l-ewwel postijiet storiċi Maltin, qalbi ntilfet wara l-istorja. Kelli xewqa kbira li meta nikber insir arkeologa sabiex b’hekk inkun nista’ ngħix ma’ din l-imħabba tiegħi. Kont ukoll noħlom li xi darba bir-riċerka u t-tiftix tiegħi, anki jiena nkun nista’ nħalli kontribut f’pajjiżi bħal kif għamlu dawk ta’ qabli u li lejhom kelli ammirazzjoni kbira. Sfortunatament meta wasal iż-żmien biex nagħżel triqti u mort nieħu parir professjonali, tawni x’nifhem illi aħjar nagħżel triq oħra għax f’Malta ma kienx hawn futur għal dak ix-xogħol. Ta’ żagħżugħa li kont aċċettajt dan ir-raġunar. Kien żball kbir! Kultant trid titgħallem taħseb b’moħħok u tagħti anki lok lill-ħsus ta’ qalbek. Fil-fatt ħdimt f’diversi oqsma oħra għal kollox differenti imma fil-fond ta’ qalbi kont naf fejn xtaqet tgħix ruħi. Meta nħobb xi ħaġa jien, diffiċli toħroġieli minn qalbi….

    Dawn il-ħsibijiet ġrew minn quddiem għajnejja hekk kif poġġejt biex nikteb l-artiklu ta’ din il-ġimgħa. Bħali, Kenneth Mizzi għandu ħafna għal qalbu l-istorja ta’ Malta. Xhieda ta’ dan huma x-xogħlijiet numerużi li huwa ħadem kollha relatati ma’ das-suġġett.

    Fil-fatt dik kienet l-ewwel mistoqsija li għamiltlu, għaliex ġeneralment xogħlijietu huma ffukati fuq l-istorja ta’ Malta?

    “Għax dawn id-daqsxejn ta’ gżejjer tagħna jaffaxxinawni. Fihom daqs naqra imbagħad għandhom dak il-ġid kollu storiku li ftit issib bħalu madwar id-dinja. Tmur fejn tmur, tara l-istorja madwarek. Tidħol fil-knejjes tara dawk ir-rikkezzi kollha: l-arkitettura, l-arti, il-kultura. Li jiddispjaċini hu illi fl-opinjoni tiegħi illum iż-żagħżagħ Maltin ma tantx huma daqshekk kolti dwar is-suġġett tal-istorja ta’ pajjiżhom. Ma tantx jagħtu każ. Forsi jien żbaljat, imma hekk naħseb.

    Għalhekk l-iskop ta’ dan ix-xogħol hu li nressqu aktar l-istorja lejn in-nies, speċjalment lejn il-popolin li forsi ma tantx ikollu l-opportunità li jżur u jara dawn il-postijiet jew jisma’ dwarhom. Jiena trabbejt f’Bormla man-nies tal-baċir. Kont iffortunat biżżejjed illi fil-ħajja stinkajt u rnexxejt filwaqt li uħud minn sħabi tal-iskola għadhom jitħabtu biex isibu x-xogħol. Allura nħossni obbligat li nagħti lura ftit milli naf jien.”

    Kienu Ulied Maltin li ntroduċewni max-xogħol ta’ Horizons – dokumentarji ta’  ftit minuti ta’ informazzjoni storika li kienu qed jixxandru fuq stazzjon televiżiv lokali…

    Ulied Maltin kien suċċess kbir u permezz tiegħu kkonfermajna illi għal xogħol bħal dan hawn għatx kbir. L-idea tiegħu bdiet b’kumbinazzjoni. Niftakar li kien ikkuntattjani Albert Marshall u talabni Ulied Maltinnagħmillu xi fillers qosra ta’ xi tlett minuti għat-televiżjoni biex ixandarhom bejn programm u ieħor. Xi ġranet wara ġie ibni jistaqsini biex nagħtih daqqa t’id għax kellu proġett tal-iskola dwar l-istorja. Ma domtx ma ntbaħt li kienet teżisti problema kbira biex issib din l-informazzjoni. Nassumi li ħafna jiftakru ż-żmien meta kellek tmur il-librerija, tfittex qalb qabda kotba u taħli ħafna ħin biex forsi ssib xi ħaġa. Imbagħad tmur b’dawn il-mazz kotba biex tagħmel il-kopji u waħda tiġik mgħawwġa u oħra tiġik bis-sinjal iswed fin-nofs. Għedt le, m’inix ser nerġa’ ngħaddi minn dak kollu! U hekk nibtet l-idea ta’ Ulied Maltin. B’ġebla waħda lqatt żewġ għasafar.

    Fil-fatt Ulied Maltin huwa l-ewwel enċiklopedija bil-Malti tan-natura tiegħu. L-ewwel pakkett fih ħames volumi u jikkonsisti fi ktejjeb u f’DVD li jwasslu informazzjoni qasira imma konċiża dwar personalitajiet Maltin, monumenti Maltin, politiċi Maltin u dwar l-arkeoloġija tal-gżejjer tagħna. Peress illi d-DVD huwa maħdum b’reżoluzzjoni għolja, ir-ritratti li fih jistgħu jiġu pprintjati faċilment. Biex nagħtik eżempju, jekk qed tfittex dwar Dun Karm Psaila ser issib ir-ritratt tiegħu, tal-ġenituri tiegħu, tal-bieb fejn kien joqgħod u nformazzjoni bażika oħra importanti. Minn hemm imbagħad, jekk wieħed irid, jista’ jkompli jfittex u jistħarreġ f’postijiet oħra.

    Għalkemm nemmen illi hemm bżonn ta’ dokumentarji ta’ dan it-tip biex jixxandru fuq l-istazzjonijiet tagħna, jkolli nammetti illi ma tantx issib interess min-naħa tal-istazzjonijiet. Fil-fatt kemm naraw programmi dwar dawn is-suġġetti? Ftit li xejn. Meta tmur tippreżentahom għand xi stazzjon, jgħidulek biex tixtri l-airtime u ddur għar-riklami. Imma d-dokumentarji mhux popolisti bħal xi drama. Jolqtu biss ċertu settur ta’ nies.”

    Kenneth dawwarni mal-uffiċċju tiegħu u beda jurini aktar xogħlijiet b’tema storika. Kont kurjuża għala l-maġġoranza tagħhom għandhom l-istess preżentazzjoni: dik ta’ ktejjeb u CD jew DVD?

    “Il-pubblikazzjonijiet tagħna huma mmirati biex jolqtu lil kulħadd… ibda mit-tfal tal-iskola, ibqa’ tiela’ sa dak l-anzjan li forsi qatt ma tgħallem jaqra u asal anki sat-turist li jixtieq jiskopri aktar dwar Kenneth Mizzipajjiżna. Fl-istess ħin inżommu dejjem f’moħħna illi ġeneralment il-paċenzja tal-maġġoranza tan-nies li joqogħdu bil-qiegħda u jisimgħu jew jaqraw xi ħaġa hija pjuttost qasira. Għaldaqstant naraw illi l-informazzjoni li tingħata dejjem tkun preżentata b’mod dirett u nformattiv imma fil-qosor. Nafu wkoll illi l-viżwal huwa ħafna aktar effettiv fuq il-memorja tan-nies. Għalhekk il-kotba kollha jkunu akkompanjati minn DVD li jieħdok fuq il-post u jurik sal-inqas dettalji li tkun qed tisma’ dwarhom.

    Ngħidu aħna bħalissa għaddej id-dokumentarju tagħna Katakombi fuq wieħed mill-istazzjonijiet lokali. Fih għandna filmati li ħadd qatt ma rahom bħal ngħidu aħna ċertu graffiti li kien skopra Temi Zammit waqt l-iskavi tiegħu u li issa permezz tad-dawl u t-teknika moderna stajna nwasslu lill-pubbliku. Hemm ukoll filmati ta’ kollezzjonijiet privati li nstabu waqt xi skavar li sar taħt id-djar tan-nies.

    Fuq din l-istess linja għandna wkoll Raħal Twelidi li huwa sett ta’ kotba u DVDs li jipprovdu tagħrif siewi dwar lokalitajiet differenti bħal Qrendi, r-Rabat u Marsaskala. Ikolli ngħid illi permezz ta’ dan ix-Marsascala coverxogħol aħna stess nitgħallmu ħafna wkoll. Biex nagħtik eżempju, bosta jaħsbu illi Marsaskala huwa post pjuttost modern li għadu qed jinbena. Fir-realtà iġġib għajnejk wara widnejk meta tagħraf kemm iħaddan storja fih.”

    Uħud minn dawn id-dokumentarji huma preżentati b’żewġ lingwi: Malti u Ingliż. Xtaqt inkun naf kemm huwa mfittex prodott simili barra minn pajjiżna?

    “Ħafna! L-emigranti Maltin ikunu qegħdin bil-ħerqa jistennew xi ħaġa ġdida minn għandna. Għat-turist dawn il-pubblikazzjonijiet huma tifkira tal-kultura Maltija. Ngħidu aħna l-kotba bid-DVD tal-Vari u ta’ L-Assunzjoni ta’ Marija joffru spettaklu mill-isbaħ tal-vari Maltin, tal-fided tal-knejjes u tal-arti li fihom. Issib ukoll informazzjoni dettaljata dwar il-fratellanzi Maltin, il-bidu tal-knejjes infushom u l-artisti li ħadmu fihom.”

    Lil Kenneth sibtu mħabbat qed jipprepara ktieb ġdid L-Istejjer tal-Istorja b’kitba ta’ Ġorġ Peresso li proprju l-Ħadd 15 ta’ Novembru 2009 fil-5:30pm ser issir il-preżentazzjoni tiegħu waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb f’Dar il-Mediterran. Tlabtu jagħtini aktar informazzjoni dwaru…

    L-Istejjer tal-Istorja ser ikun sett ta’ erbgħa kotba li jirrakkuntaw l-istorja ta’ Malta minn Żmien il-Ħaġar sa meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Huwa proġett edukattiv u divertenti mhux biss għat-L-Istejjer tal-Istorja - CDtfal imma anki għal dawk li jħobbu jisimgħu l-istejjer. Dan għaliex il-ktieb għandu miegħu wkoll CD b’mużika komposta apposta sabiex wieħed ikun jista’ jimmaġina aħjar x’inhu jinqara. Ngħidu aħna tisma’ t-tinqix fuq il-ġebel, iż-żiemel jiżgħer u l-mewġ iħabbat. L-istejjer huma ppreżentati b’mod sempliċi, fil-fatt minn għajnejn it-tfal, li fl-istorja jkunu qed jgħixu f’dawk iż-żminijiet. Huma stejjer fittizji iżda li jirrakkuntaw fatti veri u allura min jismagħhom awtomatikament ikun qed jitgħallem ukoll dwar l-istorja ta’ pajjiżna.”

    Fl-isfond ta’ din il-kamra, jiena u nikteb, qed nisma’ s-CD ta’ dan il-ktieb tant interessanti. Proprju kif qalli Kenneth stajt insegwi t-tinqix tat-tempju hekk kif it-tfal kienu qed jirrakkuntaw dwar ix-xogħol ta’ nannuwhom li kien naqqax tat-tempji. L-istorja l-oħra ħaditni nisma’ l-ġrajja tan-nawfraġju ta’ San Pawl u kif it-tfal ta’ ċenturjun li kien jgħix f’Malta ta’ dawk iż-żminijiet, għen lil San Pawl jgħix f’pajjiżna. Ikolli nammetti illi l-maltemp li għaddej bħalissa qed ikompli jgħin biex idaħħalni fl-atmosfera tal-ħsejjes tas-CD bir-riħ ivenven, ix-xita tfaqqa’ u l-baħar isabbat bla ħniena…

    Qabel tlaqt xtaqt nisma’ minn fomm Kenneth għala jemmen illi wieħed għandu jagħti importanza lill-istorja ta’ pajjiżu?

    “Għax l-għarfien ta’ l-istorja ta’ pajjiżek tagħmlek persuna sħiħa. X’jagħżel poplu minn ieħor? Mhux il-lingwa, l-istorja u l-kultura tiegħu? Il-poplu Malti, bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu huwa riżultat ta’ dak kollu li għadda minnu matul iż-żminijiet. Huwa wkoll riżultat tal-ħakmiet ta’ ċiviltajiet differenti li wħud mix-xogħlijiet li ħadmu dawn f’pajjiżna għadna nistgħu ngawduhom sa llum. M’għandix dubju illi kieku aħna ma ġejnix influwenzati minn dawn in-nies b’kulturi oħra, il-poplu Malti kien ikun ferm differenti minn kif nafuh illum. Għalhekk tajjeb li tkun taf dwar l-istorja ta’ pajjiżek… għax turik għaliex int dak li int illum.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-15 ta’ Novembru 2009)

    2009.11.15 / no responses / Category: Torca - Perspettivi