Posts Tagged ‘Salvu Muscat’
-
Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
Hekk kif jibda joqrob Settembru, moħħi mill-ewwel hemm imur. Sfortunatament, meta bniedem iħalli din id-dinja, speċjalment b’mod traġiku, mal-mewt tiegħu jittiefsu wkoll diversi ħajjiet oħra li b’xi mod jew ieħor kienu jafuh.
Wara n-nuqqas tar-raġel ta’ kuġinti, għamilt snin kbar ma nistax inħares lejn il-qiegħ tal-baħar. Kien iwaħħaxxni l-ħsieb li xi darba jew oħra, hekk kif inkun qed ngħarrex bejn it-twapet folti tal-alka, jinferaq spazju ikrah u nsib wiċċ iħares maħsud lejja.
Ormaj għaddew 35 sena minn din il-ġrajja li mmarkatli ħajti u għalkemm iż-żmien itaffi, mhux la kemm inessi għal kollox. Ċerti feriti ma jfiequ qatt, speċjalment meta ma jkunux jistgħu jagħlqu għal kollox.
Is-7 ta’ Settembru 1984 kellha tkun ġurnata bħal oħrajn. Ħadd ma kien jobsor li kellha tittebba’ b’waħda mill-agħar traġedji li qatt seħħew fil-gżejjer Maltin.
Sajjied li kien qiegħed jistad il-Marfa innota lis-suldati tad-Dejma flimkien mal-pulizija ħerġin fuq il-Patrol Boat C23. Sema’ wkoll l-isplużjoni u ra daħna kbira iżda ma allarmax ruħu. Ħaseb li s-suldati kienu splodew xi bombi ‘l barra fil-baħar. Hekk jew hekk bosta kienu jafu li xi mili ‘l barra minn dawk in-naħat, f’post apposta lil hinn fil-baħar, kien qed jintrema’ xi splussiv maħdum illegalment li kien jiġi maqbud mill-pulizija. Kienet biċċa xogħol normali, parti mid-dmirijiet tas-suldati.
Iżda sfortunatament, għal xi raġuni, l-murtali illegali li kienu qed jinġarru dakinhar biex jintremew, splodew fuq il-lanċa, u swew il-ħajja ta’ sebgħa min-nies. Ħamsa minnhom instabu f’wiċċ l-ilma qrib il-patrol boat C23. Żewġ membri oħra ta’ l-ekwipaġġ ma nstabux. Membru ieħor irnexxielu jsalva iżda kellu jittieħed l-isptar isofri minn xokk qawwi.
Ix-xena li sab il-bdot tal-ħelikopter li wasal fuq il-post tat-traġedja kienet tal-waħx. Iżda d-dehra tal-familjari mnikkta u mitlufa waqt il-funerali ma kienet xejn inqas kerha minnha.
Tnejn mill-mejtin kienu membri tal-Pulizija: is-Surġent tal-Pulizija u espert ta’ l-isplussiv Salvu Muscat, 30 sena (B’Kara) u l-Kuntistabbli Joseph Hare, 24 sena (Sliema). Il-ħamsa l-oħra kienu suldati tad-Dejma: Bdr. Joseph Pace, 36 sena (Santa Venera), Gnr. William Simpson, 36 sena (Ħal-Lija), Pte. Anthony Vella, 20 sena (Għajnsielem, Gozo), Pte. Anthony Farrugia, 27 sena (Żejtun) u Bdr. Francis Borg, 36 sena (Ħamrun). L-aħħar tnejn imsemmija baqgħu ma nstabux. L-uniku wieħed li ħelisha minn ħalq il-mewt kien is-suldat tad-Dejma Pte. Emmanuel Montesin, 21 sena (Paola).
Id-destin ried li jien ngħix din it-traġedja mill-qrib. Wieħed mill-mitlufin, Anthony Farrugia, kien ir-raġel tal-kuġina tiegħi Mary. Kellhom żewġt itfal: Josef ta’ ħames snin u Roderick ta’ sentejn u nofs. Mary kienet tqila bit-tielet tarbija. Xi ftit xhur qabel kienet tilfet lil missierha iżda b’xi mod kien irnexxielha tkampa u tgħaddi min-niket. Flimkien magħha, aħna l-familjari tagħha, nblajna b’din l-aħbar il-ġdida.
Kelli 13 il-sena dakinhar tat-traġedja u jien kont qiegħda għandhom, nistenna lil Twanny (hekk konna nsejjħulu) jiġi lura ħalli jeħodna l-baħar. Għaddejt il-ħin tal-ġurnata bħas-soltu, ngħin lil Mary fil-faċendi tad-dar u nilgħab mat-tfal. Il-folja bdiet tinqaleb wara l-5:00pm meta waslu xi zijiet għandna jistaqsu jekk Twanny kienx id-dar. Meta raw li ma kienx hekk, kien hemm ħafna ħars stramb bejniethom u tagħfis tax-xufftejn iżda ħadd ma felaħ ilissen kelma oħra.
Laħqu saru s-7:00pm meta Mary saret taf bit-traġedja. Binha l-kbir kien qed jilgħab mar-radju u ħabta u sabta, bdew l-aħbarijiet. Kien dak il-ħin li rrealizzat għala zijietha kienu nġabru kollha hemm. Għall-ewwel baqgħet qisha miblugħa fin-nofs tal-bitħa, donnha msammra mal-art. Imbagħad, b’idejha jirtogħdu, ċemplet lil dawk li kienu nkarigati.
L-aħbar li tawha aktar ħawditha. Ma kienetx taf kelliex tittama jew titbikkem għax żewġha kien għadu ma nstabx u allura seta’ kien għadu ħaj. Is-siegħat baqgħu għaddejjin sakemm dalam u z-zijiet irritornaw lejn djarhom. Il-ġenituri tiegħi ħallewni ma’ Mary biex inżomm għajnejja fuqha.
B’xi mod irqadna lkoll imma kmieni fil-għodu qomt mill-ġdid u sibt lil Mary tolfoq u tqalleb l-album tat-tieġ. Kull siegħa għaddejnieha nisimgħu l-aħbarijiet b’tama kbira iżda kien kollu għalxejn. Minn ħin għall-ieħor bdejna nirċievu telefonati ta’ sogħba. Fosthom Mary saret taf li Twanny ma kienx imissu xogħol dakinhar imma kien ħadem minflok sieħbu sabiex dan ikun jista’ jgawdi l-festa.
Jgħidu li t-tama hi l-aħħar li tmut u sakemm ġisem żewġha baqa’ ma stabx, Mary baqgħet tistenna…. L-għajnuna għat-tfittxija waslet minn kullimkien: għaddasa tal-Forzi Armati, suldati tad-Dejma u anki numru ta’ nies oħra bil-luzzijiet u d-dgħajjes privati tagħhom għamlu minn kollox biex għallinqas jinstabu l-iġsma taż-żewġ suldati nieqsa. Imma kien kollu għalxejn.
Mill-ħsara estensiva li ġarrbet il-patrol boat C23 kien evidenti illi l-isplużjoni li seħħet kienet qawwija ħafna. Għaldaqstant wara siegħat twal ta’ tfittxija, ħarġet ordni mill-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi Armati sabiex xi għaddasa jmorru jispezzjonaw aħjar il-patrol boat mġarrfa li kienet iddaħħlet f’Ħondoq ir-Rummien. Il-pruwa tal-patrol boat kienet miftuħa beraħ. Kien jeżisti s-suspett li s-suldati mitlufa setgħu nqabdu qalb it-tifrik u l-pjanċi mgħawwġa. Ix-xniegħat mill-ewwel xegħlu u wasal għala widnejna li kienu nstabu xi fdalijiet umani. Madanakollu l-għada fuq il-gazzetti ħarġet ċaħda uffiċċjali ta’ dawn l-ispekulazzjonijiet.
Il-ġranet gerrbu sakemm ġurnata waħda t-tfittxija għaż-żewġ suldati nieqsa waqfet u l-ħajja kompliet bħallikieku qatt ma kien xejn.Iżda kif ser taqbad tispjega lill-qraba tal-vittmi sabiex jirrassenjaw ruħhom għall-mewt bħal din ħabta u sabta? U wisq wisq agħar – meta l-ġisem tal-mejjet ma nstabx? Bħal mitlufa, l-qalb tibqa’ tispera li xi darba, forsi minn x’imkien, il-bniedem tant maħbub jitfaċċa. U d-dubji u l-isperanza jibdew jieklulek ruħek ftit ftit. Sakemm forsi ż-żmien ikollu ħniena minnek u jgħallmek iġġeragħ u tinsa… jew aħjar taċċetta.
Lil Mary talbuha tirrassenja ruħha għall-mewt ta’ żewġha, bħal kif kellha tagħmel ukoll għal dik tat-tarbija li kellha f’ġufha, li ma felħitx tikkumbatti ma’ aktar għawġ u ntemmet qabel biss qatt twieldet.
Iżda r-rassenjazzjoni hija iebsa meta l-paġni kollha tal-ħajja ma jingħalqux kif mistenni.
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-SENIOR TIMES t’Ottubru 2018)
-
24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23
Hekk kif jibda joqrob Settembru, fuq ruħi bħal jaqa’ dell kbir ta’ niket. Din is-sensazzjoni drajtha ormaj għax iż-żmien itaffi imma mhux neċessarjament ifejjqek minn kollox. Madanakollu din is-sena hija ferm agħar. It-traġedji riċenti marbuta ma’ l-isplussivi u l-kmamar tan-nar flimkien mad-diżgrazzja tal-baħar tas-Simshar, fetħuli ferita kbira mill-ġdid f’qalbi. Naf sewwa kif inċidenti simili jħallu ħsara kbira u fil-bogħod; bħall-mewġ li jibqa’ jinfirex ‘l barra ‘l barra u jolqot lil kull min isib fi triqtu.
Għaddew eżatt 24 sena mill-llum – id-data kienet is-7 ta’ Settembru 1984. Kienet ġurnata komuni għal bosta familji. Ħadd ma kien jobsor li kellha tittebba’ b’waħda mill-agħar traġedji li qatt seħħew fil-gżejjer Maltin…
Sajjied li kien qiegħed jistad il-Marfa innota lis-suldati tad-Dejma flimkien mal-pulizija ħerġin fuq il-Patrol Boat C23. Sema’ wkoll l-isplużjoni u ra daħna kbira iżda ma allarmax ruħu. Ħaseb li s-suldati kienu splodew xi bombi ‘l barra fil-baħar. Hekk jew hekk bosta kienu jafu li xi mili ‘l barra minn dawk in-naħat, f’post apposta lil hinn fil-baħar, kien qed jintrema’ xi splussiv maħdum illegalment li kien jiġi maqbud mill-pulizija. Kienet biċċa xogħol normali, parti mid-dmirijiet tas-suldati.
Iżda sfortunatament, għal xi raġuni, l-murtali illegali li kienu qed jinġarru dakinhar biex jintremew, splodew fuq il-lanċa u swew il-ħajja ta’ sebgħa min-nies. Ħamsa minnhom instabu f’wiċċ l-ilma qrib il-patrol boat C23. Żewġ membri oħra ta’ l-ekwipaġġ ma nstabux. Membru ieħor irnexxielu jsalva iżda kellu jittieħed l-isptar isofri minn xokk qawwi.
Ix-xena li sab il-bdot tal-ħelikopter li wasal fuq il-post tat-traġedja kienet tal-waħx. Iżda d-dehra tal-familjari mnikkta u mitlufa waqt il-funerali tal-mejtin ma kienet xejn inqas kerha minnha.
Tnejn mill-mejtin kienu membri tal-Pulizija: is-Surġent tal-Pulizija u espert ta’ l-isplussiv Salvu Muscat 30 (B’Kara) u l-Kuntistabbli Joseph Hare 24 (Sliema). Il-ħamsa l-oħra kienu suldati tad-Dejma: Bdr. Joseph Pace 36 (Santa Venera), Gnr. William Simpson 36 (Ħal-Lija), Pte. Anthony Vella 20 (Ghajnsielem, Gozo), Pte. Anthony Farrugia 27 (Zejtun) u Bdr. Francis Borg 36 (Hamrun). L-aħħar tnejn imsemmija baqgħu ma nstabux. L-uniku wieħed li ħelisha minn ħalq il-mewt kien is-suldat tad-Dejma Pte. Emmanuel Montesin 21 (Paola).
Għext din it-traġedja ġurnata b’ġurnata. Wieħed mill-mitlufin, Anthony Farrugia, kien ir-raġel tal-kuġina tiegħi Mary. Kellhom żewġt itfal: Josef ta’ ħames snin u Roderick ta’ sentejn u nofs. Mary kienet tqila bit-tielet tarbija. Xi ftit xhur qabel kienet tilfet lil missierha iżda b’xi mod kien irnexxielha tkampa u tgħaddi min-niket. Flimkien magħha, aħna l-familjari tagħha, nblajna b’din l-aħbar il-ġdida.
Għall-ewwel, l-impatt tal-ħasda dam ma nħass peress li l-kadavru ta’ Anthony ma nstabx u għalhekk baqgħet ħajja t-tama. L-għajnuna għat-tfittxija waslet minn kullimkien: għaddasa tal-Forzi Armati, suldati tad-Dejma u anki numru ta’ nies oħra bil-luzzijiet u d-dgħajjes privati tagħhom għamlu minn kollox biex għallinqas jinstabu l-iġsma taż-żewġ suldati nieqsa.
Mill-ħsara estensiva li ġarrbet il-patrol boat C23 kien evidenti illi l-isplużjoni li seħħet kienet qawwija ħafna. Għaldaqstant wara siegħat twal ta’ tfittxija, ħarġet ordni mill-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi Armati sabiex xi għaddasa jmorru jispezzjonaw aħjar il-patrol boat mġarrfa li kienet iddaħħlet f’Ħondoq ir-Rummien. Il-pruwa tal-patrol boat kienet miftuħa beraħ. Kien jeżisti s-suspett li s-suldati mitlufa setgħu nqabdu qalb it-tifrik u l-pjanċi mgħawwġa. Ix-xniegħat mill-ewwel xegħlu u wasal għala widnejna li kienu nstabu xi fdalijiet umani. Madanakollu l-għada fuq il-gazzetti ħarġet ċaħda uffiċċjali ta’ dawn l-ispekulazzjonijiet.
Il-ġranet għaddew u xejn aktar ma nstab, sakemm ġurnata waħda t-tfittxija għaż-żewġ suldati nieqsa waqfet u l-ħajja kompliet bħallikieku qatt ma kien xejn.
Iżda kif ser taqbad tispjega lill-qraba tal-vittmi sabiex jirrassenjaw ruħhom għall-mewt bħal din ħabta u sabta? U wisq wisq agħar – meta l-ġisem tal-mejjet ma jinstabx? Bħal mitlufa, l-qalb tibqa’ tispera li xi darba, forsi minn x’imkien, il-bniedem tant maħbub jitfaċċa. U d-dubji u l-isperanza jibdew jieklulek ruħek ftit ftit. Sakemm forsi ż-żmien ikollu ħniena minnek u jgħallmek iġġeragħ u tinsa… jew aħjar taċċetta.
Sfortunatament il-mewt ma taħsadx biss il-ħajja tal-vittma. Magħha tieħu wkoll ħafna ħajjiet oħra li għalkemm tħalli l-ġisem tagħhom ħaj hawn f’din id-dinja, r-ruħ tiegħu bħal tkun donnha telqitu sa minn dak il-jum misħut.
Lil Mary talbuha tirrassenja ruħha għall-mewt ta’ żewġha bħal kif kellha tagħmel ukoll għal dik tat-tarbija tagħha li ma felħitx tikkumbatti ma’ aktar għawġ u ntemmet qabel biss qatt twieldet.
Kelli tlettax il-sena dakinhar. U jien għadni sal-llum m’inix kapaċi ninżel taħt il-baħar mingħajr ma jgħaddili ħsieb ta’ tkexkix ta’ x’jista’ jkun hemm, hemm taħt. Nista’ nimmaġina minn xhiex jgħaddu mart u ulied il-vittmi!
Ġrajjiet simili dejjem iduru ma’ l-istess kwistjoni: l-irresponsabbilta’ u n-nuqqas ta’ rispett lejn ħaddieħor. Ħajjiet maħsuda ta’ l-innoċenti li l-ebda ndiema jew kundanna ma jistgħu qatt ireġġgħu lura.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-7 ta’ Settembru 2008)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | |
7 | 8 | 9 | 10 | 11 | 12 | 13 |
14 | 15 | 16 | 17 | 18 | 19 | 20 |
21 | 22 | 23 | 24 | 25 | 26 | 27 |
28 | 29 | 30 | 31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23