Posts Tagged ‘sengha’

  • Maċ-ċaqċiq taċ-ċombini

    Margaret Farrugia (Photo - Fiona Vella).JPGA baby dress made from Maltese lace (Photo - Fiona Vella).JPG

    An original piece of Maltese lace (Photo - Fiona Vella).JPGA fan in Maltese lace (Photo - Fiona Vella).JPG

    Jingħad li s-sengħa tal-bizzilla ġiet introdotta f’Malta fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann. F’dak il-perjodu, il-bizzilla kienet meqjusa bħala xi ħaġa prestiġġjuża ferm peress li kienet għalja ħafna. Kienu jilbsuha kemm l-irġiel u kif ukoll in-nisa nobbli, kollha b’kompetizzjoni bejniethom dwar kemm se jperrċu bizzilla fuq ħwejjiġhom sabiex juru kemm jesgħu bwiethom. Uħud minn dawn l-individwi għadna nistgħu narawhom jiddandnu bil-bizzilla tagħhom sal-ġurnata ta’ llum permezz tal-kwadri tagħhom li tpittru f’dawk is-snin.

    Illum is-sinifikat tal-bizzilla nbidel ħafna u daqstant ieħor il-moda tagħha. M’għadikx tara rġiel jilbsu l-bizzilla u n-nisa li jżejjnu biha l-ħwejjeġ tagħhom, naqsu ferm. Nazzarda biex ngħid illi ħafna minna, ngħoddu l-bizzilla bħala xi ħaġa ta’ dari, filwaqt li nqisu lin-nisa li jaħdmu l-bizzilla fuq it-trajbu bħala rappreżentazzjoni ta’ sengħa tradizzjonali.

    Esebizzjoni u kompetizzjoni tal-bizzilla fil-Każin Malti

    Madanakollu, hekk kif il-ġimgħa li għaddiet mort inżur l-esebizzjoni tal-bizzilla li kien hemm fil-Każin Malti, l-Belt Valletta, fejn iltqajt mal-organizzatriċi tagħha, Margaret Farrugia, intbaħt li kelli idea pjuttost żbaljata dwar il-valur kontemporanju tal-bizzilla u s-sengħa tagħha.

    Nibda biex insemmi illi l-faxxinu tal-arkitettura u tal-ambjent tal-Każin Malti xeraq ferm ma’ din l-esebizzjoni rikka li kienet tikkonsisti minn madwar 150 biċċa xogħol tal-bizzilla. Infatti waqt din l-intervista, smajt kummenti favorevoli ħafna mill-pubbliku li attenda.

    Kien hemm kemm Maltin u kif ukoll barranin li daħlu jiflu l-bizzilla esebita. Fost dawn, sirt naf li kien hemm ukoll uħud mill-parteċipanti ta’ din l-esebizzjoni, li kienet ukoll kompetizzjoni, li kienu qegħdin jixtarru aktar mill-qrib liema kienu l-isbaħ biċċiet fil-fehma tagħhom.

    “L-għan prinċipali ta’ din il-kompetizzjoni huwa li naraw lin-nies jikkompetu bejniethom dwar min se joħroġ bl-iktar bizzilla oriġinali u sabiħa,” stqarret Margaret. “Kien hemm żmien meta l-bizzilla kienet ser tmut mewta naturali minħabba li beda jonqos l-interess fiha. Iżda llum hawn numru ta’ individwi li qed jipprowovuha mill-ġdid u b’hekk l-involviment fis-sengħa tal-bizzilla qiegħed jerġa’ jitrawwem.”

    Din il-kompetizzjoni tal-bizzilla bl-isem ta’ The Malta Lace Competition ġiet imnhedija għall-ewwel darba tmien snin ilu mill-Markiż Nicholas De Piro.

    “Il-bizzilla minn dejjem kienet għal qalbi iżda kien meta ltqajt ma’ żewġi li bdejt nersaq lejha aktar mill-qrib. Maż-żmien tgħallimt is-sengħa tal-bizzilla u mbagħad għent lil ħaddieħor jitħarreġ fiha. Kont ukoll nifforma parti mill-bord li rregolarizza l-kriterji li jiddefinixxu l-bizzilla Maltija u li waqqaf il-Malta Lace Standard. Għal xi żmien kont ukoll responsabbli mill-assessjar tar-rapporti tal-istudenti tas-City & Guild Creative Skills Certification – Regional Bobbin Lace. Fis-sena 2000 twaqqfet il-Malta Lace Guild u għal disgħa snin konsekuttivi organizzajt l-esebizzjoni bl-isem Malta Lace Day,” spjegatli Margaret.

    “Ormaj kelli esperjenza ta’ aktar minn 40 sena fil-qasam tal-bizzilla u għalhekk, darba minnhom, il-Markiż Nicholas De Piro stedinni biex nibda nieħu ħsieb proġett li hu ħareġ bih. Il-Markiż għandu għal qalbu ħafna s-sengħa tal-bizzilla u bħali kien kuntent li din kienet reġgħet bdiet tqum fuq saqajha. Madanakollu hu xtaq joħloq xi tip ta’ inċentiv sabiex jitħajjru aktar nies lejn il-bizzilla u b’hekk nibtet l-idea ta’ din il-kompetizzjoni. Kien b’hekk li jiena sibt ruħi norganizza l-esebizzjoni/kompetizzjoni The Malta Lace Competition.”

    “Għal dawn l-aħħar snin, il-kompetituri kienu jġibu x-xogħolijiet tagħhom f’Casa Rocca Piccola u mbagħad dawn kienu jiġu esebiti f’żewġt ikmamar ta’ din id-dar ħalli l-parteċipanti jkunu jistgħu jaraw ix-xogħolijiet li jkunu ttellgħu. Pero’ meta bdejna naraw l-interess dejjem jiżdied, tant li dawn il-kmamar ma baqgħux jesgħuna, xtaqna nsibu post akbar sabiex idealment anki l-pubbliku jkun jista’ jżur dawn ix-xogħolijiet. B’hekk, għall-ewwel darba dis-sena, ftaħna l-esebizzjoni fil-Każin Malti u ninsabu kuntenti ferm bl-ammont ta’ nies li qed iżuruha.”

    Il-Ħadd li għadda aktar minn 30 rebbieħ ta’ diversi kategoriji qasmu bejniethom bi €3000 premijiet li sponsorja HSBC Bank (Malta) għal din il-kompetizzjoni.

    In-negozju tal-bizzilla fis-snin ta’ qabel

    Intant, waqt din id-diskussjoni Margaret qaltli li minn ċkunitha kienet tħossha affaxxinata meta kienet tara n-nisa Għawdxin jaħdmu l-bizzilla quddiem il-bieb tad-dar tagħhom.

    “Kont nintilef inħares lejhom u kont nistagħġeb kif jirnexxielhom ilaħħqu ma’ dawk il-mijiet ta’ ċombini li jkollhom imdendlin. Darba minnhom iltqajt ma’ anzjan Għawdxi u staqsejtu jekk kienx hemm xi ħadd li jgħallem il-bizzilla. Hu laqqgħani ma’ waħda u għalkemm għall-ewwel bżajt li ma kienx ser jirnexxieli nitgħallem, ma domtx ma sibt irkaptu,” ftakret Margaret.

    “Fis-snin 30, il-familja ta’ żewġi kellhom casa bottega quddiem il-knisja tal-Karmnu fi Strada Teatru, l-Belt. Huma kienu jimpurtaw id-drappijiet u l-ħajt tal-bizzilla u anki jbiegħu l-bizzilla. Dak iż-żmien, kienet xi ħaġa komuni li wieħed ikun joqgħod fis-sular ta’ fuq, filwaqt li s-sular t’isfel tad-dar ikun ħanut.”

    Ftit ftit Margaret ġiet introdotta wkoll f’dax-xogħol hekk kif f’xi Sibtijiet, bdiet titla’ Għawdex ma’ xi ħadd minn ħutha ħalli twassal l-ordnijiet tal-ħajt tal-bizzilla lin-nisa Għawdxin. U minn hemm bdiet tifhem aħjar kemm kienet tinħadem il-bizzilla f’Għawdex u kif kienet qed tiġi kkumerċjalizzata.

    It-tpartit tal-bizzilla mal-merċa

    “Niftakar li fis-snin sittin, fost il-klijenti tagħna kien hemm Għawdxi, ċertu Ġużeppi l-Qass, li kellu ħanut tal-merċa fi Pjazza Savina r-Rabat, Għawdex. Dan kellu ftehim man-nisa Għawdxin sabiex huma jkunu jistgħu jpartu l-bizzilla li kienu jaħdmu ġewwa d-djar tagħhom mal-prodotti tal-merċa fil-ħanut tiegħu. Imbagħad hu kien jinżel Malta darba fil-ġimgħa b’din il-bizzilla sabiex ibiegħha fil-ħanut ta’ Fedele, li kien in-nannu ta’ żewġi,” bdiet tirrakkuntali Margaret.

    “Imbagħad aħna konna ngħaddu din il-bizzilla lill-kunventi tas-sorijiet sabiex dawn jimmuntawha fuq id-drapp bl-idejn ħalli b’hekk inżommu l-prestiġju tal-prodott li jibqa’ kollu kemm hu maħdum bl-idejn. Wara, konna nbiegħu dawn il-prodotti lill-Maltin jew lit-turisti.”

    Meta miet Fedele, dan il-ħanut għalaq u minflok, Margaret baqgħet tieħu ħsieb ix-xogħol tal-bizzilla mid-dar tagħha.

    Il-bizzilla bħala parti mill-wirt kulturali tagħna

    “Jiena għadni għaddejjha b’dax-xogħol għax nemmen bis-sħiħ li m’għandniex inħallu dan il-wirt kulturali tagħna jintilef. M’għandix ħanut imma n-nies jafu bija u naħdem skont l-ordnijiet li jkolli. Meta jkolli ordnijiet kbar, għandi wkoll lista ta’ nisa li jaħdmu bizzilla sabiħa u nqassam ix-xogħol bejnietna kif ikun jeħtieġ biex inlaħħqu mat-talba ta’ dak li jkun.”

    Infatti l-fama ta’ Margaret waslet ukoll s’għand l-ogħla awtoritajiet lokali hekk kif mhux darba u tnejn li xogħolijietha jiġu ordnati mill-Gvern Malti sabiex dawn jiġu rregalati lid-dinjitarji li jżuru pajjiżna.

    “Għandi l-unur ngħid ukoll illi diversi palazzi hawn Malta, fosthom dak ta’ San Anton u Verdala, huma armati bil-bizzilla tiegħi. Barra minn hekk, kelli l-privileġġ illi naħdem il-bizzilla għall-ilbies formali tal-ewwel imħallef mara, Anna Felice, fejn ix-xogħol sar b’disinn tiegħi li kien jinkorpora fih fjuri, is-salib ta’ Malta u għamla ta’ miżien tal-ġustizzja bi stil barokk.”

    “Intant, is-sena li għaddiet ħdimt ukoll il-bizzilla għal velu tat-tieġ fejn ikkuppjajt fjura mill-libsa u mbagħad ħdimt fjura wara fjura matul il-bordura kollha. Domt madwar ħames xhur għaddejjha fuqu fejn b’kollox ħadt mat-800 siegħa!”

    Meta wieħed jagħraf l-ammont ta’ siegħat li jirrikjedi dan ix-xogħol jifhem aħjar il-għala l-bizzilla hija meqjusa bħala xi ħaġa rikka u ta’ valur.

    “Il-bizzilla trid ħafna passjoni u mħabba biex taħdimha għax tirrikjedi ħafna attenzjoni u ħin. Imma mbagħad, meta tara l-oġġett lest, jagħtik sodisfazzjon kbir, mhux biss għax jiġi sabiħ iżda wkoll għax taf li permezz tiegħu, inti qed iżżomm ħajja tradizzjoni antika Maltija,” saħqet Margaret.

    It-tagħlim tal-bizzilla

    Skoprejt li Margaret għadha tgħallem il-bizzilla privatament u għalhekk staqsejtha x’età u x’karatteristiċi jrid ikollu persuna biex jitħajjar għal din is-sengħa.

    “M’hemm l-ebda limitu ta’ età. Infatti, mhux darba u tnejn li jipparteċipaw it-tfal f’din il-kompetizzjoni u naturalment, biex nagħmlulhom il-qalb, aħna naġevolawhom daqsxejn,” qaltli. “Anki xi rġiel hemm li jaħdmu l-bizzilla u infatti dis-sena għandna xi xogħol li nħadem mill-irġiel. Però l-maġġoranza huma nisa ta’ bejn il-35 u l-65 sena.”

    Għalkemm forsi hemm min minnkhom li huwa xi ftit nervuż u allura jaħseb li dax-xogħol ma jgħoddx għalih, Margaret żguratni illi fir-realtà l-ħidma tal-bizzilla tikkalmak peress li jkollok bżonn tikkonċentra ħafna fuq li qed tagħmel. U b’hekk għal ftit tal-ħin, tkun tista’ tinsa l-problemi l-oħra kollha.

    Bejn bizzilla u oħra

    Aħna u nduru mal-bizzilla esebita, Margaret bdiet tfehemni aktar fid-dettall dwar id-differenza li kien hemm bejn xogħol u ieħor. F’ħin minnhom, waqafna quddiem libsa tal-magħmudija maħduma b’ħajt ta’ kulur abjad silġ li kienet tidher fina mmens.

    “Tidher daqstant fina għax hija maħduma b’ħajt irqiq ħafna. Dan it-tip ta’ ħajt jagħti lill-oġġett aktar preġju minħabba li huwa aktar metikoluż biex taħdmu u għalhekk ix-xogħol jieħu aktar żmien. Apparti minn hekk, min ħadem din il-libsa, għaqqad b’galbu kbir l-istrixxi tal-bizzilla flimkien sabiex ipproduċa din il-meravilja,” urietni kburija Margaret.

    Biex inkun nista’ nifhem aktar xi trid tgħid, hija ħaditni nara xogħol li kien maħdum b’ħajt eħxen u hemmhekk stajt nikkonferma illi għalkemm il-bizzilla xorta waħda kienet sabiħa, id-dettall ma kienx qed joħroġ ċar daqs kemm kien f’xogħolijiet oħra fejn intuża ħajt irqaq.

    “Dawn huma l-karatteristiċi li jkunu qed iħarsu lejhom dawk li jiġġudikaw ix-xogħolijiet rebbieħa. Il-materjal li jintuża għal bizzilla jaffetwa ħafna x-xogħol finali. Ngħidu aħna l-ħajt tal-għażel iżomm il-bizzilla wieqfa u sabiħa, mentri l-qoton iħalli xogħol mitluq.”

    Innutajt li kien hemm bizzilla ta’ kuluri diversi u kelli kurżità jekk dan jaffetwax il-valur tal-oġġett.

    “Il-kuluri li jintużaw ma jagħmlu l-ebda differenza fil-valur. Però, jista’ jkun li l-bizzilla s-sewda hija xi ftit aktar apprezzata minħabba li mhux kulħadd kapaċi jaħdimha. L-iswed hu kulur imprekattiv biex taħdem bih u trid tkun tassew professjonali biex taħdmu. Infatti, ftit huma li jużaw dak il-kulur u għalhekk il-bizzilla ta’ dak il-lewn hija mfittxija ferm minn uħud.”

    Xtaqt naf jekk hemmx differenza bejn il-bizzilla Maltija, dik Għawdxija u dik barranija.

    “M’hemmx differenza bejn il-bizzilla Maltija u dik Għawdxija, ħlief li l-Għawdxin tgħallmu jikkummerċjalizzawha aktar minna l-Maltin. Madanakollu hemm varjanza bejn il-bizzilla Maltija u dik barranija minħabba li nużaw tip ta’ trajbu differenti,” fehmitni Margaret.

    “It-trajbu tagħna huwa magħmul miz-zkuk tal-iżbul imnixxef. Għandu forma pjuttost dejqa u huwa twil madwar 22 pulzier. Għaldaqstant, il-bizzilla li nipproduċu aħna hija magħrufa bħala ‘continuous lace’ għax tinħadem għad-dritt u tibqa’ nieżla fit-tul. Dan ifisser li aħna ma nistgħux indawwru t-trajbu u nkabbru l-bizzilla kemm irridu, kif jagħmlu f’pajjiżi oħra bi trajbi differenti.”

    Margaret spjegatli kif l-għodda prinċipali fis-sengħa tal-bizzilla huma t-trajbu, iċ-ċombini, il-labar, il-ħajt u x-xempju (id-disinn).

    “Il-bizzilla hija maħduma b’żewġ tipi ta’ punti li huma: il-punt u n-nofs punt. Dan tal-aħħar joħloq toqba. U mbagħad skont kif iddawwar iċ-ċombini joħroġ id-disinn.”

    Il-valur tal-bizzilla llum

    Fl-esebizzjoni kien hemm kull xorta ta’ xogħol. Lili laqtitni ferm umbrella kbira tal-bizzilla li ridt sebgħa għajnejn biex tħares lejha, aħseb u ara biex taħdimha! Pero’ kien ghad fadalli mistoqsija ttambar f’moħħi: il-bizzilla għadha valida llum?

    “Jien għandi kollezzjoni kbira ta’ bizzilla u jekk tiġi d-dar, qisha mużew. Għaldaqstant, kull fejn insib opportunità nħobb nilbes il-bizzilla. Għandi kappa tal-bizzilla li tiġbed tassew l-għajn u ħafna jistaqsuni dwarha meta noħroġ biha,” qaltli Margaret. “Hija ħasra meta wieħed ikollu xi bizzilla antika u jħalliha magħluqa ġo xi kexxun għax hekk tittebba’ biss tista’ u mbagħad ikun tassew diffiċli li wieħed inaddafha. Irridu niftakru li dawn l-affarijiet ħadu siegħat twal biex inħadmu u għalhekk imqar b’rispett lejn min ħadimhom, għandna ngħożżuhom u ngawduhom. Il-bizzilla hija xi ħaġa femminili għall-aħħar u personalment naħseb li hija xi ħaġa ta’ faxxinu kbir.”

    “Bħala validità tal-bizzilla, nistgħu ngħidu li fil-qasam ekkleżjastiku, il-bizzilla baqgħet dejjem iżżomm postha, kemm minħabba li baqgħet tintuża fil-paramenti tal-qassis u anki fl-aċċessorji li jintużaw fuq l-artali. Imbagħad hemm ukoll l-ilbiesi tal-magħmudija u tat-tieġ, ix-xallijiet u l-veli. Barra minn hekk, issa qed taqbad ukoll id-drawwa illi jingħata kwadru bl-arma tar-razza maħduma bil-bizzilla.”
    Domna ħafna aktar nimirħu dwar is-suġġett tal-bizzilla, sakemm finalment wasalt biex nitlaq.

    “Dawn is-snajja u t-tradizzjonijiet antiki għandhom jibqgħu jinteressawna għax huma parti essenzjali minn dak li jagħmilna Maltin,” saħqet Margaret. “Għalija m’hemmx kuntentizza isbaħ minn dik li jkollok il-ħin biex tpoġġi fuq siġġu komdu ġewwa bitħa għad-dell ta’ xi siġra sabiħa u toqgħod taħdem il-bizzilla għall-kwiet, bis-silenzju miksur biss miċ-ċaqċiq ħelu taċ-ċombini.”

    Għal aktar informazzjoni dwar il-bizzilla jew dwar din il-kompetizzjoni annwali, tistgħu ċċemplu lil Margaret Farrugia fuq 99206273.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (24 parti) fit-Torċa tas-26 t’Ottubru 2014)

    2014.10.26 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Sengħa taħt theddida

    Guzu Maniscalco biswit il-kajjik ta' missieruGuzu Maniscalco ghaddej fuq xogholu

    Mix-xellug - Mario Aquilina, Vici President u Direttur tad-Dghajjes u Simon Micallef, Segretarju, tal- Klabb Regatta Birzebbuga flimkien mad-dghajsa l-gdida tal-passIl-Bimbu - kreazzjoni ta' Guzi (missier Mario Aquilina)

    Għall-artiklu ta’ din il-ġimgħa għażilt li nitratta s-sengħa antika tal-bini tad-dgħajjes li ilha tintiret fost niesna għal bosta snin. B’dan il-għan iltqajt ma’ Ġużu Maniscalco u ma’ Mario Aquilina, żewġ mgħallma f’dan il-qasam, li minn taħt idejhom għaddew bosta opri tal-baħar. Permezz tal-intervisti ma’ dawn l-individwi għaraft il-kapaċità msensla f’din is-sengħa u l-varjetà li teżisti fost dawk li aħna niġbru kollettivament taħt it-titlu ta’ ‘dgħajjes’. Barra minn hekk intbaħt ukoll li din is-sengħa tradizzjonali tinsab mhedda hekk kif id-domanda għal dan ix-xogħol tradizzjonali qiegħda kull ma tmur tispiċċa fix-xejn. Imma aqraw dawn ir-rakkonti ħalli tifhmu ħafna aktar x’irrid ngħid u nassigurakhom li mill-llum il-quddiem sa tibdew tħarsu b’għajnejn ġodda lejn dawn id-dgħajjes li ormaj saru jiffurmaw parti sinifikanti mill-wirt kulturali tagħna.

    Ġużu Maniscalco (Ġużu Tal-Imgħallem)

    Ġużeppi Maniscalco qatt ma kien ra l-baħar qalil daqstant! Imsarnu niżlu f’saqajh hekk kif induna li d-dgħajsa ċkejkna ta’ Stiefnu kienet qed tintela’ bl-ilma kull darba li l-mewġ kbir beda jistabat magħha. Il-maltemp kien ġie fuqhom ħabta u sabta u huma ma setgħu jagħmlu xejn ħlief li jaqdfu kemm jifilħu bit-tama li joħorġu malajr kemm jista’ jkun minn dak ix-xkiel. Ġużeppi kellu biss tnax il-sena u f’dawk il-mumenti tal-waħx kien diġà ta ruħu b’mitluf. Madanakollu Stiefnu, li kien sajjied anzjan u reliġjuż fervent, żamm ruħu sod u kull darba li kienet titfaċċa xi mewġa ta’ barra minn hawn, kien jgħajjat kemm jiflaħ “il-mant tal-Madonna huwa akbar minnkhom kollha!” B’xi mod, huma rnexxielhom jaslu l-art qawwijin u sħaħ imma Ġużeppi ħalef li qatt aktar f’ħajtu ma kien ser jitla’ fid-dgħajsa ta’ ħaddieħor.

    Minn dakinhar ‘l hemm, Ġużeppi ntefa’ jibni d-dgħajjes ma’ missieru f’Marsaxlokk. Ma damx biex qabad is-sengħa sewwa u n-nies bdiet tagħrfu bħala ‘L-Imgħallem’. Iżda meta aktar tard huwa żżewweġ u l-familja tiegħu bdiet tikber, il-paga ma baqgħetx isservi u għalhekk hu kellu jidħol jaħdem bħala bennej tad-dgħajjes mad-Dockyard. B’danakollu, is-sidien tad-dgħajjes xorta baqgħu jfittxu s-servizzi tiegħu, speċjalment għall-manteniment regolari tagħhom, u kien waqt dan il-perjodu li tnisslet f’ibnu Ġużu, il-ġibda lejn din is-sengħa.

    Għall-ewwel kienet iż-żebgħa kkulurita li tintuża fuq id-dgħajjes li bdiet taffaxxinah, u missieru beda jħallih jiżbogħ xi affarijiet żgħar. Imma ta’ tifel li kien, din in-namra ma damitx ma daħlitu fl-inkwiet hekk kif hu rama jiżbogħ dak kollu li beda jiġi quddiem għajnejh u kull x’ħin ifettillu, anki dakinhar li għamel l-Ewwel Tqarbina meta kien għadu liebes il-ħwejjeġ bojod tal-Preċett!

    Imma ormaj Ġużu kien maqbud sa griżmejh minn din is-sengħa u finalment missieru ntebaħ li kien ikun aħjar jekk jibda jħarrġu bil-mod fl-affarijiet bażiċi. Ta’ 9 snin, huwa għallmu kif jiddiżinja mudell ta’ dgħajsa u ftit taż-żmien wara, anki nannuh, li bħall-ġenerazzjonijiet ta’ qablu kien bennej tad-dgħajjes ukoll, beda jgħaddilu l-pariri tiegħu. Taħt is-superviżjoni ta’ missieru, fl-età ta’ 14 il-sena, Ġużu ħadem l-ewwel dgħajsa żgħira li ordnat waħda mara biex tmur tistad għall-gambli biha. U ftit ftit, missieru beda jħajjru jesperimenta bl-ideat u bil-kapaċitajiet tiegħu sakemm anki hu sar mustaċċun f’dan ix-xogħol u n-nies bdiet tidentifikah bħala Ġużu Tal-Imgħallem.

    Issa li għandu 69 sena, Ġużu spiss jiftakar fis-siegħat twal li hu ddedika lil din is-sengħa tradizzjonali li kienet ilha tant tintiret fost l-antenati tiegħu. Flimkien ma’ missieru u maż-żewġ ħutu subien, kien iqatta’ x-xhur sakemm ilesti dgħajsa u għalhekk, mat-tlestija tagħha, din il-kreazzjoni tkun kważi saret tifforma parti mill-familja. Skont kif titlob din is-sengħa, kienu jkunu huma li jippruvaw id-dgħajsa fuq il-baħar għall-ewwel darba u din kienet tgħaddi biss għand is-sid il-ġdid meta huma kienu jikkonfermaw li l-opra tagħhom hija pronta. Ċertament dan ir-ritwal jixbaħ lil speċi ta’ magħmudija fejn id-dgħajsa tiġi introdotta lill-baħar mill-ġenituri tagħha u minn hemm, hija tibda ħajja ġdida.

    Peress li jiena kont qed nirreferi għal kull opra tal-baħar bħala ‘dgħajsa’, Ġużu beda jispjegali li fir-realtà teżisti varjetà wiesgħa ta’ dgħajjes li tinkludi: id-dgħajsa, id-dgħajsa tal-Latini, il-kajjik, il-luzzu, il-frejgatina, il-ferilla u l-lanċa. Huwa ġabli wkoll mudell ta’ skeletru ta’ dgħajsa tradizzjonali li ħadem hu stess u permezz tiegħu beda jimmarkali l-partijiet differenti li kien hemm u l-funzjonijiet partikolari tagħhom. Meta rani interessata, Ġużu urini wkoll għażla ta’ ritratti ta’ opri tal-baħar li kienu nħadmu mill-familja tiegħu, filwaqt li ntroduċini anki mal-kollezzjoni ta’ għodda tradizzjonali li dari kienu jaħdmu bihom.

    Daqs sebgħa snin ilu, Ġużu ddeċieda li jieqaf minn dax-xogħol peress li kien sar wisq skabruż għalih. “M’għandix aktar saħħa biex naħdem f’din is-sengħa,” huwa stqarr miegħi. “Infatti xi xhur ilu kelli nbiegħ saħansitra l-lanċa tiegħi għax ma bqajtx niflaħ nagħmlilha l-manutenzjoni regolari tagħha. Kienet għal qalbi wisq biex inħalliha abbandunata fil-garaxx. Issa nittama li għand min qiegħda jaraf jieħu ħsiebha bħal kif kont nagħmel jien.”

    Madanakollu kien hemm opra tal-baħar waħda li Ġużu ma felaħx jitbiegħed minnha – il-kajjik ta’ missieru. Huwa rrakkuntali kif meta fl-1996, miet missierhom Ġużeppi, hu u ħutu warrbu dan il-kajjik f’ġenb. Imma hekk kif ħareġ bil-pensjoni, Ġużu uża l-abbiltà kollha tas-sengħa li kien tħarreġ fiha matul ħajtu, sabiex jerġa’ jagħti r-ruħ lil dan il-kajjik ta’ missieru. Dan kien l-uniku xogħol li huwa aċċetta li jagħmel minn meta waqaf jaħdem… “Ma nafx għala ddeċidejt li nidħol għal dax-xogħol,” qalli Ġużu. “Naf biss li ħassejt li kelli nagħmel din l-aħħar ħaġa sabiex nispiċċa l-affarijiet sewwa.”

    Sfortunatament ħadd ma tħajjar ikompli wara Ġużu u b’hekk pajjiżna qed jirriskja li jitlef darba għal dejjem dan l-għerf li trawwem fih sa mill-ibgħad antenati tiegħu u din l-esperjenza kollha li hu akkumula matul is-snin kollha jaħdem f’dan ix-xogħol. Peress li issa n-nies saret tippreferi tixtri d-dgħajjes moderni maħduma mill-fibreglass, id-domanda lejn dawn l-opri tal-baħar tradizzjonali qiegħda tisfuma fix-xejn u għalhekk ma fadalx ħajra fiż-żagħżagħ biex ikomplu wara missirijiethom. Hija ħasra li probabbilment jiena kelli l-unur li niltaqa’ ma’ wieħed mill-aħħar imgħallma f’din is-sengħa li ma ddumx ma tintemm għal kollox.

    Mario Aquilina (Mario Tar-Ratal)

    Din il-possibilità qarsa ġiet konfermata mill-ġdid meta jiena ltqajt ukoll ma’ Mario Aquilina minn Birżebbuġa li huwa aktar magħruf bħala Mario Tar-Ratal. Huwa għandu 53 sena u wkoll ġej minn familja li għal snin twal kienet rinomata għall-bini tad-dgħajjes. Infatti minn taħt idejn missieru u minn taħt idejh, laħqu ħarġu għadd ta’ opri tal-baħar tradizzjonali. Iżda f’dawn l-aħħar snin l-ordnijiet kienu qed ikunu għad-dgħajjes tal-fibreglass u għalhekk huwa kellu jaqleb is-sengħa tiegħu fuq dan ix-xogħol jekk ried ikompli jaqla’ l-għixien tiegħu. Mario spjegali li hemm raġunijiet validi għala n-nies qed jippreferu d-dgħajsa tal-fibreglass mid-dgħajsa tradizzjonali, fosthom: il-prezz ferm għola tad-dgħajjes tradizzjonali minħabba li dawn jissawwru mill-injam u jinħadmu bl-idejn, u anki għaliex il-manteniment tagħhom huwa aktar spiss.

    “Huma biss dawk li għandhom passjoni għad-dgħajjes li kapaċi jifhmu s-sinifikat ta’ xi jfisser li tkun is-sid ta’ opra tal-baħar tradizzjonali,” insista Mario. “Għandek tkun taf li dawn il-biċċiet tal-baħar jinħadmu minn selezzjoni ta’ njam u ta’ materjali differenti li kollha għandhom l-funzjoni partikolari tagħhom sabiex finalment ikollok biċċa xogħol eleganti u ta’ maestrija. Irridu niftakru li dawn il-karatteristiċi ta’ dan il-materjali ġew identifikati b’reqqa matul sekli sħaħ, fejn dawn in-nies tas-sengħa għarfu kif jipproduċu dgħajjes b’saħħithom u li jifilħu għall-baħar imma li fl-istess ħin ikunu wkoll grazzjużi u jpaxxu l-għajn.”

    Hu kurjuż il-fatt li Mario għandu ħafna in komuni ma’ Ġużu. Fil-fatt missieru wkoll kien jismu Ġużeppi u dan kien magħruf bħala Ġużi r-Ratal. Ġużi kien minn Bormla u missieru kien jagħmel ix-xogħol tal-manutenzjoni fuq l-opri tal-baħar u anki jiskultura d-dekorazzjonijiet li wieħed isib fuq il-ġnub tagħhom. Kien ukoll qaddief tajjeb ferm, tant li kien jaqdef fuq tliet tipi ta’ dgħajjes tar-Regatta, li kienu: il-kajjik, u d-dgħajsa tal-pass, kemm ta’ b’żewġ qaddiefa u anki ta’ b’erbgħa.

    Meta Ġużi kellu ħames snin, il-gżejjer Maltin ġew involuti fil-ġlied tat-Tieni Gwerra Dinjija u għalhekk il-familja tiegħu kellha tħalli Bormla minħabba li din il-lokalità kienet spiss tispiċċa fil-mira tal-għadu. Huma marru joqogħdu l-Fgura, imbagħad Ħal-Qormi u wara ż-Żejtun, sakemm finalment issetiljaw f’Birżebbuġa. F’dak il-perjodu, f’dan il-post, kien hemm tliet mgħallma tad-dgħajjes li kienu magħrufa bħala Ta’ Ġoġò imma f’dawk is-snin, tant kien hemm domanda kbira, li missier Ġużi ma damx wisq biex reġa’ jsib jaħdem f’dan il-qasam.

    Aktar tard, meta wliedu bdew jikbru, beda jidher biċ-ċar li huma kienu wirtu l-passjoni li kellu missierhom lejn il-baħar u lejn is-sengħa tal-bini tad-dgħajjes. Infatti, ta’ 9 snin, missier Mario kien diġà qabad jesperimenta bil-bini tal-mudelli tad-dgħajjes u minn hemmhekk huwa baqa’ sejjer sakemm laħaq mgħallem. Tnejn mill-opri l-aktar magħrufa tiegħu kienu dgħajjes tal-Latini – il-‘Victoria’ u l-‘Blue Star’ – u rigward din tal-aħħar ċerti anzjani għadhom jiftakru li kienet veloċi daqs ir-riħ.

    Kemm Mario u kif ukoll Ġużu qablu illi wieħed kien jitwieled mgħallem f’din is-sengħa u għalhekk mhux daqshekk faċli biex issir espert f’dan il-qasam jekk ma jkunx destinek. Infatti anki Mario kien kapaċi jaħdem id-dgħajjes meta kellu biss 19 il-sena, u akkost li xtaq ħafna jistudja l-inġinerija mekkanika biex jibda jaħdem fuq ir-riggijiet taż-żejt, eventwalment huwa ċeda għar-rakkomandazzjoni t’ommu sabiex isib xogħol ma’ missieru peress li hi saħqet li dan kien aktar sikur u mingħajr perikli, u naturalment kien iżommu qribha.

    Sabiex ifehemni aħjar dwar din is-sengħa tagħhom, Mario ġab album kollu ritratti li fosthom kienu juru l-fażijiet differenti tal-kostruzzjoni ta’ l-opri tal-baħar. Bqajt impressjonata li akkost li kienu għaddew bosta snin, huwa kien għadu jiftakar id-dgħajjes kollha u lil min kienu nbiegħu. Bi kburija urini wkoll lil ‘bimbu’ li kienet tip ta’ opra tal-baħar li kien iddiżinja missieru.

    Biex jinkoraġġini nixtarr aħjar dan ix-xogħol, Mario urini wkoll mudell kbir ta’ kajjik. Bil-paċenzja kollha, huwa wrieni l-materjali differenti li minnhom tinħadem din l-opra u fehemni wkoll l-għala jintuża dak il-materjal u x’inhi l-funzjoni tiegħu. Bqajt mistagħġba mhux ftit meta skoprejt li għall-binja ta’ kajjik, wieħed jirrikjedi fosthom: il-fraxxnu, il-‘greenheart’, l-‘iroco’, il-‘plywood’, il-ballut, il-kewba, u l-injam magħruf bħala ‘tal-abjad’ u ‘tal-aħmar’. Mhux ta’ b’xejn li dawn l-opri tradizzjonali tal-baħar jiswew prezzhom, kemm għall-materjal li fihom, kemm għas-sengħa li jinvolvu u kif ukoll għas-siegħat twal ta’ xogħol li jirrikjedu!

    B’xorti tajba, fil-każ ta’ Mario, ibnu qiegħed juri interess f’dan il-qasam għalkemm b’mod differenti. Infatti huwa jgħin lil missieru sabiex jiżviluppaw ideat ġodda għad-diżinji tad-dgħajjes moderni tal-fibreglass, u b’hekk dawn issa huma mogħnija anki bil-kreattività żagħżugħa.

    “Ma tħallitilna l-ebda għażla. La ridna nibqgħu nagħmlu dan ix-xogħol, kellna bilfors nimxu skont id-domanda tal-klijenti,” stqarr Mario. “Dan wassal biex akkost li jiena nippreferi naħdem id-dgħajjes tradizzjonali, anki għax jiena konxju li s-sengħa tiegħi qiegħda kull ma tmur issir dejjem aktar rari, jkolli naqleb għad-dgħajjes moderni tal-fibreglass, għax lil dawk iridu n-nies. Madanakollu tassew nixtieq li l-awtoritajiet jisimgħu l-karba tagħna sabiex aħna niġu rikonoxxuti bħala nies professjonali tas-sengħa u anki biex l-opri tal-baħar tradizzjonali tagħna jingħataw mill-ġdid il-valur li jixirqilhom, qabel ikun tard wisq. Idealment l-istat għandu jintroduċi xi forma ta’ sussidju għal dawk li jagħżlu li jixtru dawn il-kreazzjonijiet lokali li huma uniċi għall-gżejjer tagħna, forsi b’hekk in-nies titħajjar mill-ġdid tagħti r-ruħ lil din is-sengħa li waslet biex tintilef.”

    L-aħħar superstiti ta’ din it-tradizzjoni antika huma d-dgħajjes tar-Regatta li għadhom jiġu manifatturati minn żmien għal żmien. Intant, waqt din l-intervista ma’ Mario, kelli l-fortuna li nara opra tal-baħar tradizzjonali riċentement maħduma minnu. Din kienet dgħajsa tal-pass miżbugħa b’kulur ċelesti sabiħ li hu ħadem għall-Klabb Regatta Birżebbuġa, liema opra kienet qed tistenna lill-qassis biex iberikha qabel tibda ħajjitha fuq il-baħar.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (3 parti) fit-Torċa tat-18 ta’ Mejju 2014)

    2014.05.18 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • X’TISTA’ TAGĦMEL BIL-BAJD?

    Jiena u nikteb dan l-artiklu qed insegwi l-ħelsien ta’ numru ta’ individwi li kienu nqabdu għal diversi ġimgħat taħt l-art fil-minjiera ta’ San Jose fiċ-Ċili. Ma nistax ma nitqanqalx meta nifhem minn xhiex għaddew dawn il-persuni u l-familji tagħhom. U ma nistax ma nammirax il-ħila u l-kobor tal-għarfien tal-bniedem li ħoloq dak il-makkinarju speċifiku għal dil-missjoni.

    L-element ta’ kreattività li għandu l-bniedem ma jieqaf qatt jissoprendik. U nemmen li hija proprju din il-kapaċità partikolari li tiddistingwih minn ħlejqiet oħra. Forsi din hija wkoll ir-raġuni għala huwa rnexxielu jibqa’ jgħix għal dawn is-snin kollha fuq wiċċ din l-art minkejja li d-dinja kull ma tmur tinbidel u toffri sfidi ġodda.

    Għalkemm fuq nota ħafna aktar sempliċi minn dak li qed iseħħ fiċ-Ċili, dil-ġimgħa ltqajt ma’ Candice Fava li wkoll saħħritni bil-ħila kreattiva tagħha. Kapaċi toħloq l-ifjenCandice Fava oġġetti mill-bajd tal-għasafar ta’ kull qies. U trid tarahom biex temmen li dawn l-ornamenti huma maħduma minn dan il-materjal.

    “Din it-tip ta’ sengħa hija xi ħaġa ġdida għal Malta. Fil-fatt kull meta nkun qed nieħu sehem f’xi wirja jew meta jidħlu n-nies fil-ħanut tiegħi u jaraw dawn il-kreazzjonijiet, l-ewwel reazzjoni dejjem tkun ta’ stagħġib u nkredultà.

    L-ewwel mistoqsija li jagħmluli tkun “Imma dawk veru maħduma mill-bajd?” U t-tieni mistoqsija, “Allura dik il-bajda ta’ liema għasfur hi?”

    Tbissimt! Għax jiena kont għadni kif staqsejtha proprju dawn iż-żewġ mistoqsijiet hekk kif tfajt l-ewwel ħarsa tiegħi lejn l-oġġetti esposti wara l-vetrini.

    “Is-selezzjoni ta’ bajd li naħdem bih hija vasta. L-iċken bajd li qatt ħdimt bih kienu tal-amorini u tal-pappagall żgħir li kelli imma sfortunatament dawn mietu u issa l-bajd ta’ dak id-daqs irrid nordnah bħal kif nagħmel bil-bajd kollu l-ieħor. Għax-xogħol tiegħi nuża anki l-bajd tal-ħamiem, tas-summien, tal-papri, tal-wiżż, tal-emu, tar-rhea u tal-ostrich.

    Fl-opinjoni tiegħi l-iktar bajd prattiku għal dax-xogħol huwa dak tal-wiżż peress li d-daqs u l-forma tagħhom jgħinuk ħafna. Fl-istess ħin hemm bajd li għandu ċertu karatteristiċi uniċi li jagħtuk sodisfazzjon mod ieħor bħall-kulur naturali sewdieni tar-rhea u l-qies kabbari u l-kulur perla tal-bajd tal-ostrich.”

    Fuq l-ixkafef twal fil-ġenb tal-ħanut stajt nara għadd ta’ bajd ta’ qisien differenti rranġati puliti fil-kaxxi rispettivi tagħhom. Kollha kienu mtaqqbin minn naħa waħda preċiża. Mill-bqija tant kienu jidhru perfetti li kważi kienu qishom artifiċjali.

    “Għandek raġun tikkummenta hekk fuqhom imma dawn il-bajd jinħolqu apposta għall-użu ta’ din is-sengħa.

    Fil-fatt dawk il-ħlejqiet li minn għandhom ikunu ser jittieħdu l-bajd jitrabbew fi rziezet apposta attrezzati f’dan il-qasam. Probabbilment dawn l-ispeċi jiġu mitmugħa ikel miżjud b’taħlita ta’ arzell imfarrak Candice Fava fil-ħanut tagħhasabiex il-qoxra tal-bajd tagħhom tkun eħxen u aktar b’saħħitha u b‘hekk tkun aktar ideali biex isir dax-xogħol fuqha.

    Qabel ma kont nordna l-bajd lest kont naħli ħafna ħin biex intaqqab il-bajda mingħajr ma nkissirha u mbagħad biex niżvojtha u finalment biex nisterelizzaha. Dan minħabba li jekk l-intern tal-qoxra tal-bajda ma jitnaddafx sew, maż-żmien din ser titnawwar u tinten u jkollok tarmi kollox. Fortunatament f’ċertu pajjiżi jeżistu fabbriki apposta li jieħdu ħsieb jiffrankawlek dax-xogħol kollu u b’hekk inkun nista’ niddedika aktar ħin fuq il-lat kreattiv ta’ din is-sengħa.”

    Mill-aċċent Malti-Awstraljan tagħha ntbaħt li Candice għamlet xi żmien barra minn pajjiżna.

    “Meta kont żgħira jiena u l-familja tiegħi kellna razzett l-Awstralja. Konna nbiegħu l-bajd u kellna ħafna klijenti. Fostom kien hemm mara partikolari li kienet tiġi darba f’xahar u tieħu kwantità ta’ bajd minn għandna.

    Darba minnhom, ta’ tifla li kont, iddeċidejt li nistaqsiha x’kienet qed tagħmel b’dak il-bajd kollu? U hi weġbitni li d-darba li kien imissha tiġi għandna kienet ser iġġibli xiIċ-ċikonja ħaġa magħha biex turini x’tagħmel. Stennejtha bħar-ruħ biex tfittex tiġi għax imtlejt bil-kurżità. U ta’ mara li hi meta ġiet, veru ġabitli xi ħaġa u tagħtieli rigal! Kienet jewel-box ċkejkna u ħelwa ħafna mżejjna b’dekorazzjonijiet fini u sbieħ. Ma stajtx nemmen li dak l-oġġett delikat u oriġinali kien sar mill-bajd tagħna. Ma stajtx nifhem kif din irnexxielha taqta’, żżejjen u tlibbes il-bajda b’dak id-drapp u kuluri sbieħ!

    Intlift wara dak l-oġġett u bdejt nipprova nara kif ser nagħmel biex naħdem xi ħaġa bħalu. Hawnhekk irrid nirringrazzja lil ommi li nkoraġġietni u tatni ideat kreattivi biex nirnexxi f’dak li xtaqt nagħmel. Lili ġietni tajba wkoll għax fir-razzett tagħna kelli ħafna bajd għad-dispożizzjoni tiegħi u allura billi kissirt xi ftit sakemm tgħallimt intaqqabhom, ma ġara xejn. Imbagħad ridt nara kif ser nagħmel biex naqtagħhom u biex nagħtihom il-kulur.

    Bdejt nesperimenta b’kull ma jiġi għall-idejja sakemm fl-aħħar lestejt l-ewwel bajda tiegħi. Kienet jewel-box żgħira li jien żbaħt bin-nail polish. Miskina kemm kont ferħana biha! Illum għadha għandi imma merfugħa għax nistħi nuriha. Però żammejtha kemm b’nostalġija u kif ukoll bħala rikordju biex tfakkarni minn fejn bdejt.”

    Iżda meta darba minnhom Candice ġiet Malta mal-familja tagħha nħasdet.

    “Meta ġejt Malta 11 il-sena ilu ma stajt insib xejn biex inkompli nagħmel dax-xogħol. La stajt insib il-qxur tal-bajd li xtaqt, la ż-żebgħa li tgħodd għalihom, la l-qiegħan fuqhiex inpoġġi l-bajd komplut, la ċ-ċappetti għall-bibien tagħhom, xejn! Inkwetajt mhux ftit meta ntbaħt li ma stajtx inkompli b’dal-passatemp tiegħi. B’xorti tajba wara xi żmien iltqajt mar-raġel tiegħi li hu Malti u permezz tal-internet irnexxielna nibdew inġibu l-affarijiet ftit ftit minn barra. Meta erġajt sibt l-affarijiet f’idejja biex inkun nista’ naħdem bihom ħadt ir-ruħ u malli rajt kemm kont qed noħloq affarijiet sbieħ, daħħaltha f’rasi li xi darba jkolli l-ħanut tiegħi li minnu nkun nista’ nbiegħ dax-xogħol.”

    Ix-xewqa ta’ Candice inqatgħet 7 xhur ilu meta fetħet ħanut bl-isem ta’ New Eggsperience li jinsab fil-bidu tal-By Pass ta’ Wied il-Għajn. Nistqarr li ismu mhux darba u tnejnNew Eggsperience ġibidli l-attenzjoni jiena u nsuq minn quddiemu u kont ngħid bejni u bejn ruħi, dawn x’iridu jgħidu b’dan l-isem? Żgur li qatt ma bsart x’kien hemm wara dik il-vetrina kkulurita.

    “Għall-ewwel kont qed naħdem dawn l-affarijiet għalija biss. Imbagħad ġieli tajthom bħala rigali. Ftit ftit bdiet tixtered il-kelma u kien hemm min beda jistaqsini biex naħdimlu xi ħaġa. Oħrajn urew interess li jitgħallmu dis-sengħa.”

    Fil-fatt Candice issa bdiet tagħti xi taħriġ…

    “M’hemmx limitu ta’ età. Hawnhekk jiġu minn tfal sa adulti. L-importanti li wieħed ikun interessat li jitgħallem u li jkun kreattiv għax mill-bqija m’hemmx diffikultà kbira.

    Tant hu hekk illi jiena nagħti l-ewwel lezzjoni ta’ sagħtejn lil dawk li jibdew ġodda u f’dik il-lezzjoni stess dawn ilestu jewel-box mill-bidu sal-aħħar.

    Jiena nipprovdi ħafna mill-materjal u l-għodod u mbagħad hekk kif jitgħallmu, minn hawnhekk huma jkunu jistgħu jixtru l-materjal kollu neċessarju biex jaħdmu dawn l-oġġetti; ibda mill-bajd, il-kulur, id-drapp u spiċċa mill-kaxxi li jingħataw fihom jekk forsi jkunu jixtiequ jirregalawhom lil xi ħadd.

    Is-sistema tiegħi tal-lezzjonijiet hija waħda flessibbli fejn kull lezzjoni ddum sagħtejn u matulha nibdew u nlestu xi ħaġa partikolari: daqqa xi jewel-box, darboħra xi christmas-craker jew xi pupa bil-libsa eċċ. M’hemmx rabta li trid tattendi bilfors. Infatti hemm min iħallili d-dettalji tiegħu ħalli meta nkunu ser nagħmlu l-oġġett li jixtieq jipprova jagħmel hu nikkuntattjah u jiġi għall-lezzjoni.”

    B’esperjenza ta’ 15 il-sena illum Candice kapaċi toħloq l-isbaħ kreazzjonijiet. Xtaqtha tispjegali pass pass kif isir dax-xogħol?

    “Ġeneralment meta nara l-bajda f’idi, diġa nkun naf x’ser nagħmel biha. Id-daqs, il-forma, il-kulur; kollha jagħtuk indikazzjoni tal-possibilitajiet li tista’ taħdem bihom. Allura mbagħad meta jkolli diżinn Armarju u ornamenti maħduma mill-bajdf’moħħi jew fuq karta, naqbad il-bajda u npoġġieha taħt apparat li permezz tiegħu nimmarka d-diżinn fuqha. Mhux darba u tnejn illi d-diżinn ikun jirrikjedi li nkomplih b’idejja peress li l-apparat fih il-limiti tiegħu u jagħmel biss linji dritti.

    Wara npoġġi l-bajda ġewwa apparat ieħor sabiex naqtagħha kif nixtieq. Dan l-apparat huwa neċessarju ħafna minħabba li t-trab li joħroġ mill-bajda tant hu fin li jaf ikun perikoluż jekk ma tipproteġix ruħek minnu. Għandi cutters apposta skont it-tip u l-ħxuna ta’ bajda li nkun qed nuża.

    Meta nlesti, ngħaddi għall-kulur. Hawnhekk il-fantasija biss iżommok għalkemm hemm ċertu drabi fejn tkun Presepju ġo bajdadaqsxejn marbuta. Ngħidu aħna meta bħalissa qed naħdem ħafna xogħol tal-Milied inkun irrid nillimita ruħi bil-kuluri aħmar, ikħal, aħdar, deheb u fidda.

    Il-pass li jmiss ikun li tibda twaħħal iċ-ċappetti u mbagħad id-dekorazzjonijiet li tkun preparajt. Anki minn dawn hemm għażla kbira. Personalment fost l-aktar affarijiet li nħobb nuża’ huma l-kristalli peress li nemmen li jagħtu dehera rikka lill-oġġett. Ġieli ninkludi anki kristalli ta’ Swarovski u allura l-oġġett isir anki prezzjuż.

    Is-sabiħ ta’ dax-xogħol huwa li inti timponi l-limiti tiegħek fuqu għax fir-realtà tista’ taħdem kważi b’dak kollu li trid.”

    Bdejna nduru mal-għażla tal-oġġetti li hemm fil-ħanut u nnutajt li l-prezzijiet kienu raġonevoli ħafna.

    “Ħafna mill-oġġetti mhumiex sempliċiment ornamenti imma jistgħu jintużaw għal xi ħaġa. Għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, dawn l-affarijiet mhumiex fraġli żżejjed imma tista’ tiftaħhom u tpoġġi xi affarijiet fihom. Ovvjament ma tistax twaqqagħhom mal-art għax isiru frak imma dik bħal ħafna oġġetti oħra.

    Il-kollezzjonijiet jinkorporaw fihom bosta affarijiet bħal karijon bil-mużika, arloġġi, dawl, cameos u kxaxen.

    Peress li l-oġġetti huma maħduma bl-idejn nistgħu ngħidu li huma uniċi għax qatt ma tista’ tagħmel wieħed eżatt bħall-ieħor tipprova kemm tipprova. Barra minn hekk is-singularità nnifisha ta’ kull bajda timpedik minn dan u anki inti stess diffiċli biex toħroġ eżatt bl-istess riżultat.”

    Xtaqt inkun naf jekk kienx hemm xi biċċa xogħol minnhom li kienet għal qalbha aktar mill-oħrajn.  Ma damitx sekonda waħda biex weġbitni u ħaditni mill-ewwel ħdejh.

    “Bla dubju l-favorit huwa dan l-anġlu magħluq fil-bozza. Huwa tant għażiż għalija għax biex ħdimtu użajt cutters li ma kienux magħmula għal dax-xogħol tant mirqum u xorta irnexxieli. Dawk id-diżinji L-anġlu tiegħikollha tidwir qishom bizzilla mhumiex maħdumin mid-drapp imma huma maqtugħa fil-qoxra tal-bajda. Kburija ħafna bih u għall-ebda prezz jew raġuni ma nasal li nbiegħu. Qiegħed hawn biss biex min jiġi jkun jista’ jarah.

    Ngħiduha kif inhi, dawn ix-xogħolijiet tiegħi tant huma prezzjużi għalija illi nevita kemm nista’ li nbiegħhom. Fil-fatt nippreferi li naħdem fuq ordnijiet ħalli b’hekk jiena dejjem inżomm ix-xogħol l-oriġinali. Għalkemm dan mhux dejjem possibbli peress li ġieli jiġi xi ħadd li jkun irid l-oġġett dak il-ħin. F’każijiet hekk jiddependi kemm ikun faċli li nagħmel ieħor bħalu u meta ma jkunx daqshekk diffiċli, naċċetta li nbiegħu. Però nistqarr miegħek li qalbi tmur ma’ dawn l-oġġetti li jitilqu b’dal-mod.

    Huma tant għal qalbi għax jiena naf l-istorja wara l-ħolqien ta’ kull waħda minnhom. Ngħidu aħna l-idea ta’ dil-fjura vjola ġiet f’moħħi meta rajt dawn il-par idejn grazzjużi li qed iżommuha. Hekk kif rajt dawn l-idejn mal-ewwel laqtuni u tħassibt x’nista’ nagħmel fuqhom peress li kienu tant sbieħ. Minn hemm ħarġet din l-idea tal-fjura maġika li tikkonsisti minn fjura ġo fjura maħduma minn bajda ġo bajda, fejn il-petali kollha jinfetħu waħda waħda sakemm jiżvelaw l-ornament sabiħ moħbi fil-ġewwieni tagħha.”

    Candice għarrfitni li anki l-klijenti għandhom l-oġġetti favoriti tagħhom.

    “Din il-karozzella  u din il-gazebo bl-għarajjes ġewwa fihom huma l-aktar żewġ oġġetti popolari. Il-problema hija li huma tnejn mill-aktar oġġetti imprekattivi u fihom kedda kbira biex isiru. L-akbar diffikultà tinsab fil-bibien tal-karozzella peress li dawn iridu jiġu pariġġ imma kif diġà għedtlek, l-ebda bajda mhi bħall-oħra! Il-gazebo ukoll fiha ħafna lavur u trid iż-żmien biex tinħadem.

    Dawn iż-żewġ ornamenti jittieħdu ħafna bħala rigali għat-tiġien u anki biex jiżżejjen il-wiċċ tal-kejk tat-tieġ. Dan l-aħħar kelli ordni ta’ waħda minnhom li ridietha f’xahrejn u kelli noqgħod fuqha u nlestiha malajr kemm jista’ jkun. Madanakollu idealment għal xi ħaġa hekk nippreferi jekk wieħed jagħtini l-ordni mill-inqas erbgħa xhur qabel għax dan mhux xogħol li jippermettilek tgħaġġel wisq.”

    Ix-xogħol huwa tant straodinarju li diffiċli ħafna biex niddeskrivih bil-kitba. Barra minn hekk id-dettalji li fihom u d-diversità tagħhom jirrikjedu li tpoġġi kwiet Il-karozzellaquddiemhom u tiflihom sew għax inkella żgur li jaħrablek xi ħaġa. Biex turini l-flessibilità ta’ dax-xogħol Candice ġibditli l-attenzjoni lejn bajda kbira partikolari li mill-flieli tagħha joħorġu 12 il-bieba bi 12 il-ritratt differenti.

    “Kemm jista’ jkun nipprova nħalli l-forma tal-bajda jidher sew imma mhux dejjem tkun tista’. Per eżempju d-dublett ta’ dawn il-pupi maħdum minn biċċa bajda u anki dil-qanpiena imma mbagħad għandi ħafna oħrajn fejn l-għamla tal-bajda hija tassew evidenti.”

    Xtaqt nagħlaq billi nistaqsiha x’inhu s-sodisfazzjon li jagħtiha dax-xogħol?

    “L-ewwel nett meta nara biċċa xogħol lesta nħossni kburija li rnexxieli noħloqha jien. Min-naħa l-oħra nieħu wisq sodisfazzjon meta nara n-nies jistagħġbu b’dax-xogħolijiet u japprezzawhom u jixtruhom. Daqstant ieħor inħossni kuntenta meta xi ħadd li ħarriġt jien stess jiġi jurini xi ħaġa li għamel hu u nipprova kemm nista’ li nibqa’ ninkoraġġihom.

    Ġieli jkun hemm min jistaqsini jekk nibżax li xi ħadd minn dawn għad ikun ta’ kompetizzjoni għalija u probabbilment xi darba hekk jiġri. Imma għidli, x’jiswa li jkollok talent u taħbih jew toqgħod iżżommu għalik?

    Għalija dawn huma sempliċiment teżori żgħar li jservu bħala rigali uniċi għal dak ix-xi ħadd speċjali.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-17 t’Ottubru 2011)

    2010.10.17 / no responses / Category: Torca - Perspettivi