Posts Tagged ‘sittinijiet’

  • It-twelid fid-djar fil-passat

    Il-ġimgħa li għaddiet iddiskutejt xi informazzjoni li ppreżentat Janice Caruana waqt attività riċenti organizzata minn Wirt iż-Żejtun fil-bini tal-Juventutis Domus, li kienet relatata mal-irwol tal-majjistra ta’ dari. Fl-artiklu ta’ qabel, semmejt xi dettalji u rakkonti dwar numru ta’ majjistri li taw is-servizz tagħhom bejn is-snin 1900 u l-1990.

    F’din it-tieni parti, se nkun qed niffoka fuq l-esperjenza, il-perspettiva, u l-ġrajjiet tal-ommijiet li welldu matul dan il-perjodu.

    L-EWWEL STADJU TAL-ĦLAS

    Plakka li kienet tindika r-residenza ta' majjistra  (Ritratt - Janice Cassar)“Kull ħlas għandu tliet stadji,” spjegat Janice. “L-ewwel stadju ġeneralment ikopri diversi siegħat fejn l-utru jirqaq, jitwal, jitwessa, u jinfetaħ. Il-mara tibda tħoss uġiegħ taħt id-dahar u fiż-żaqq.”

    “Meta jibda dan l-uġiegħ, xi membru tal-familja li ma kienx ser ikun qed jassisti l-omm waqt it-twelid, kien imur isejjaħ lill-majjistra. Ħafna mill-majjistri kienu jidentifikaw ruħhom billi jwaħħlu plakka biswit il-bieb ta’ barra ta’ darhom li fuqha kien ikollha miktub l-isem u s-servizzi li joffru. Għal filgħaxija, kien hemm min ikollu wkoll lampa b’salib fuqha wara l-bieb biex in-nies isibu l-post malajr.”

    “Jekk ma tkunx qed taqdi lil ħaddieħor, malli xi ħadd kien isejjħilha, kienet toħroġ taqdih. Kif tasal, hija kienet tiċċekkja fhiex waslet l-omm, fosthom: kemm infetħet, l-ilma, kemm qed ikun frekwenti l-uġiegħ, il-pożizzjoni u l-qalb tat-tarbija, u l-istorja tal-omm waqt it-tqala tagħha. Waqt din l-eżaminazzjoni, hija kienet tevalwa wkoll jekk hux ser ikun hemm il-bżonn ta’ xi mediċini jew l-għajnuna tat-tabib.”

    “Imbagħad, skont f’liema stat tkun sabet lill-omm u jekk tkun il-prassi tagħha, il-majjistra kienet tneħħi xi pil tal-mara jew tagħtiha xi porga jew levattiv. Jekk l-omm tkun għadha fil-bidu wisq tal-ħlas, il-majjistra ġieli kienet titlaq tassisti lil ħaddieħor u mbagħad tirritorna.”

    Meta l-majjistra ma tkunx mill-istess raħal/belt

    “F’dawn il-każi, kien hemm sistema twila kif tintlaħaq il-majjistra. Infatti, hekk kif kien jibda l-uġiegħ, xi membru tal-familja kien jiġri lejn l-għassa tal-post sabiex jitlob lill-pulizija jċemplu lill-għassa tal-inħawi fejn toqgħod il-majjistra. Kif jasal il-messaġġ, pulizija kien joħroġ mill-għassa biex imur ifittex lill-majjistra u jagħtiha d-dettalji ta’ dawk li jirrikkjedu l-għajnuna tagħha. Minn hemm, il-majjistra kienet issib mezz kif tasal għand il-mara,” qalet Janice.

    Ħlas mhux assistit

    Imsejkna nisa! Mhux ta’ b’xejn li ġieli kien hemm każi fejn il-majjistri ma laħqux waslu fil-ħin. Biex tgħaxxaqha, il-mara muġugħa kien ikollha sserraħ għal kollox fuq x’jiddeċiedu ta’ madwarha, kif ser nirrakkuntalkhom hawn.

    “Kien hemm mara tqila li kienet qiegħda taħdem fl-għalqa, meta qabadha l-uġiegħ tal-ħlas. Din marret tfittex ‘l ommha biex tgħidilha li kienet bdiet imma ommha dehrilha li kienet għadha lura u qaltilha “Toqgħodx iġġib il-majjistra għalxejn għax dik ikollha x’tagħmel!” Hi kompliet b’xogħolha filwaqt li bintha baqgħet muġugħa, sakemm finalment, l-omm indunat li l-mara veru kienet waslet biex twelled u marret issejjaħ lill-majjistra. Imma kien tard wisq għax meta dawn waslu d-dar, sabu li l-mara kienet laħqet welldet weħidha fuq is-sodda!”

    X’kienu jagħmlu l-membri l-oħra tal-familja

    “Fl-ewwel stadju, l-omm kienet tkun akkumpanjata biss mill-qraba; ġeneralment l-omm u l-kunjata. Meta staqsejt fejn ikun ir-raġel, kelli dawn ir-risposti: “Ir-raġel kien jibża’. Biex jagħmilhom orrajt imma mbagħad waqt it-twelid ma ried jara xejn.” Imma x’kien ikun xogħolu? “Ir-raġel kien joqgħod tiela’ u nieżel, jagħmel il-misħun u t-tejiet.” Oħra qaltli li ma kienx xieraq li ċerti membri jaraw dawn l-affarijiet, l-aktar it-tfal, ix-xebbiet u n-nisa tqal. Infatti, kif jibda l-ħlas, dawn kienu jinħarġu mid-dar b’xi skuża jew oħra sakemm jgħaddi kollox.”

    “Kienu jkunu l-qraba li jagħmlu l-preparamenti għall-ħlas, fosthom jgħallu l-misħun, ilestu x-xugamani, jitfgħu inċirata, lożor ħżiena u xi ftit xugamani fuq is-saqqu peress li dan kien magħmul mill-ħaxix u wara riedu jorqdu fuqu, jipprovdu dawl tal-lampa u xi tip ta’ heater għas-sħana.”

    IT-TIENI STADJU TAL-ĦLAS

    Fit-tieni stadju, l-utru jirqar u jitwessa’, jiżdied l-uġiegħ u tkun meħtieġa l-assistenza tal-majjistra. Jibda jiżdied it-tqanżiħ, it-tarbija tibda nieżla u finalment tkun waslet biex titwieled. Wara li titwieled it-tarbija, il-kurdun kien jinqata’ b’żewġ metodi: bil-ħajt jew bl-għodda.

    “Qabel is-sittinijiet, ma kienux jippermettu lill-omm li toqgħod f’ċerti pożizzjonijiet. Mir-riċerka tiegħi 71% welldu fuq daharhom jew fuq il-ġenb. Ma setgħux joqogħdu kokka jew iserrħu imma riedu bilfors jimteddu fuq is-saqqu. Dan inbidel mill-1960 ‘l hemm fejn il-mara bdiet tingħata l-opportunità li tagħżel f’liema pożizzjoni kienet tħossha l-aktar komda twelled.”

    “F’dan l-istadju, il-majjistra kienet taħsel idejha u tilbes l-ingwanti u l-fardal. Jekk tkun ġejja minn twelid ieħor, kienet titlob lil xi ħadd mill-familja biex jgħallu l-għodod li hija tpoġġi ġo kontenitur tal-istainless steel sabiex jiġu eliminati l-mikrobi.”

    “Meta staqsejt lin-nisa li ntervistajt x’kienet tagħmel u tgħid il-majjistra kif tasal, weġbuni hekk: “Marija l-majjistra kienet taħsel idejha u tgħidlek tridx nitolbu ftit?”, “Meta kienet tiġi Dolor il-majjistra u naraha tilbes il-fardal, kont nieħu r-ruħ għax ngħid, ejja wasalt!”, “Il-majjistra kienet tgħidli ‘Issa ħu n-nifs, onfoħ, u x’ħin tiġi l-wegħġa, imbotta, tibżax!’”, “Il-majjistra Serafina Delia tant kienet tajba li anki t-tfal minn ġol-blat kienet toħroġ!”

    Postijiet tat-twelid

    “Għat-twelid, uħud mid-djar kellhom kamra msejjħa alkova li kellha wisgħa ta’ madwar 5 b’6 piedi. Kienet tkun fis-sular t’isfel jew ta’ fuq u l-art kienet tkun miksija bil-madum minħabba l-iġjene, filwaqt li t-twieqi ma kienux jinfetħu biex ma jidħolx riħ. Spiss, l-alkova kienet tagħti għal kamra oħra. Filwaqt li wħud mill-kmamar kienu ddekorati u relattivament sbieħ, oħrajn kienu jkunu fl-għoli u jintlaħqu bi skalapiża li l-mara tqila u muġugħa kien ikollha titla’ biex twelled!”

    Ghorfa fiz-Zejtun fejn twieldu aktar minn 5 trabi (Ritratt - Janice Cassar)“Kien hemm oħrajn li kienu jagħżlu li jwelldu fl-għorfa li kienet tkun l-istess kamra li jinnamraw fiha peress li kienet kemmxejn maqtugħa mill-bqija tad-dar. Fl-għorfa, meta jasal żmien il-ħlas, kienu jressqu s-sodda mal-ġenb tal-kamra ħalli ma jkunx hemm ventilazzjoni minħabba t-tarbija.”

    Jekk dan qed tqisuh ftit li xejn komdu, fadal sitwazzjonijiet aktar diffikultużi. Għax dawk li kienu tqal waqt il-gwerra, mhux darba u tnejn li kellhom iwelldu f’xelter.

    “Fix-xelters il-kbar spiss kont issib kamra apposta, bl-art miksija bil-madum u mogħnija bi ftit dawl u għamara. Din il-kamra kienet tkun il-bogħod mill-komun sabiex in-nies la jaraw u lanqas jisimgħu.”

    Però d-dinja m’għanda qatt tarf kemm tiflaħ tagħtik fuq wiċċek. Infatti, waqt il-gwerra, kien hemm min kellu jwelled fuq tavla dejqa ġo xelter bla ebda kumdità ta’ xejn. Dan hu wieħed mill-inċidenti sfortunati li seħħew waqt mument bħal dan, li semgħet bih Janice:

    “Il-mara tqila kellha 22 sena. Kienet armla għax żewġha nqatel waqt li kien qed jaqdi dmiru fil-gwerra. Bdielha l-uġiegħ waqt li kien għaddej attakk mill-ajru u meta sejjħet lill-majjistra, wara li eżaminatha, din qaltilha li kien fadlilha ftit u li kien aħjar li tmur tipprepara ruħha fix-xelter. Fir-realtà, il-majjistra kienet intebħet li kien hemm xi problemi fil-pożizzjoni tat-tarbija u marret malajr issejjaħ lit-tabib għall-għajnuna.”

    “Meta dawn waslu, il-mara muġugħa kienet mimduda fuq tavla. Huma bdew jippruvaw idawwru lit-tarbija f’postha imma l-mara tant kienet muġugħa li bdiet twaqqafhom u ma setgħux jaħdmu sew. Għalhekk, it-tabib taha ftit sedattiv ħalli jikkalmalha l-uġiegħ u ftit wara, kompla jipprova jimmanipola t-tarbija. Madanakollu, l-omm baqgħet muġugħa u reġa’ kellhom diffikultà biex jgħinuha. Dan wassal lit-tabib biex jagħti lill-omm doża oħra ta’ sedattiv sakemm finalment, ħellsu lit-tarbija. It-tarbija twieldet imma l-omm tilfet ħajjitha minħabba li kien ngħatalha wisq sedattiv.”

    Fatt interessanti dwar dan il-każ huwa li dan ir-rakkont għadda għand Janice proprju mingħand din il-bint li rnexxielha ssalva u li saret taf b’dil-ġrajja tagħhom mingħand in-nies li kien hemm dakinhar.

    IT-TIELET STADJU TAL-ĦLAS

    Rikostruzzjoni tax-xena li se tidher fil-filmat  (Ritratt - Janice Cassar)Fit-tielet stadju, wara aktar tqanżiħ, kienet toħroġ is-sekonda. Imbagħad il-majjistra kienet timmassaġġa l-utru u tara hemmx bżonn xi punti. Wara, taħsel lit-tarbija u lill-omm. Eventwalment, il-majjistra kienet tinforma lill-omm dwar il-bżonnijiet u n-nutrizzjoni tat-tarbija, filwaqt li tfakkarha li kellha tastjeni mis-sess għal mill-inqas erbgħin ġurnata.

    “Jekk it-tarbija titwieled kiesħa, kienu jgeżwruha f’xugaman u jagħmluha viċin is-sħana. Majjistra qaltli li f’dan il-każ, kienu jagħmlu taħlita ta’ misħun, zokkor, u żewġ qatriet rum u jpoġġuha fuq ilsien it-tarbija. Min-naħa l-oħra, jekk it-tarbija titwieled vjola, huma kienu jogħrkuha bir-rum u jagħmlulha l-magħmudija. Jekk l-omm tibda titlef ħafna demm, kienu jsejjħu lit-tabib biex jagħtiha xi injezzjonijiet u l-mara tittieħed l-isptar.”

    “Meta staqsejt lill-ommijiet x’kien idejjaqhom f’dak iż-żmien, dawn lmentaw hekk: “Iċ-ċinturini ta’ mas-sodda kienu jikkaġunawlna uġiegħ fl-ispalel u l-għada ma konniex nifilħu nerfgħu lit-tarbija”, “Minħabba li l-majjistra ma ħaslitx idejha tajjeb, it-tarbija tiegħi ħarġitilha infezzjoni fil-parti ġenitali tagħha u f’għajnejha”, “Il-punti qatt ma saru!”, “Kienu joħorġuli l-murliti”, “Il-kamra kienet kiesħa”, “Is-saqqu kien skomdu”, “Il-majjistra għafsitli wisq fuq żaqqi”. “Ma kellix pjaċir bil-kunjata li toqgħod ħdejja waqt il-ħlas”.”

    Esperjenzi koroh waqt it-tqala ġieli wasslu biex koppja ma jkollha qatt aktar tfal.

    “Waħda mara qaltli li meta kienet tqila bl-ewwel tarbija tagħha, it-tabib li suppost mar jgħinha, minflok ħareġ ta’ selvaġġ u biċċier. Kienu l-1958 u wara xahrejn tqala, din il-mara rat id-demm, taha ħass ħażin u n-nies sejjħu lit-tabib. Il-mara bdiet tiġi f’sensiha waqt li t-tabib kien qed jeżaminaha u għalhekk hu qalilha biex tixrob żewġ grokkijiet whisky u timtedd. Imbagħad, hu talab lil ommha biex tgħallilu l-istrumenti, rabat il-mara tqila mas-sodda bil-lożor, u dam siegħa u nofs jagħmlilha raxkament bla loppju! Meta raha tant muġugħa u bla loppju, żewġha beda jsabbat rasu mal-ħajt u minn dakinhar ‘l hawn ma kellhomx aktar tfal għax ma riedx jerġa’ jara lill-martu f’dik il-kundizzjoni.”

    Il-preżentazzjoni se terġa’ ssir

    Mhux possibbli ninkludi dak kollu li tkellmet dwaru Janice. Infatti, għal min jinteressaħ das-suġġett, hemm ħafna aktar x’wieħed jiskopri jekk jattendi għall-preżentazzjoni li ser issir mill-ġdid, il-Ġimgħa, 5 ta’ Ġunju 2015, fis-7:30pm, fl-uffiċċji tal-MUMN. Id-dħul huwa b’xejn.

    Minħabba limitazzjoni ta’ spazju, min jixtieq jattendi, hu mitlub iċempel fuq 21448542 jew jibgħat messaġġ fuq administrator@mumn.org biex jirriserva post.

    Fl-istess ħin, peress li Janice Caruana għadha għaddejjha b’din ir-riċerka dwar il-majjistri li ħadmu bejn l-1900 u l-1990, hija qed tistieden lil dawk kollha li jixtiequ jgħaddulha xi informazzjoni billi jikkuntattjawha fuq 79091700 jew janice6ft@gmail.com

     (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (11 parti) fit-Torċa tal-31 ta’ Mejju 2015)

    2015.05.31 / no responses / Category: Torca - Features & Articles