Posts Tagged ‘skola’

  • Meta toħlom akbar

    Il-Bibbja tirrakkonta l-istagħġib tar-rgħajja meta waqt lejl tas-skiet, is-sema ddawwlet b’dawl mhux tas-soltu filwaqt li anġlu ħabbrilhom li kien twieled ir-Re li Alla kien wiegħed li ser jibgħat. Wieħed jista’ jimmaġina l-emozzjoni tagħhom hekk kif dawn ġrew lejn il-post indikat u hemm sabu lil Marija u lil Ġużeppi jbennu lil binhom Ġesù li kien għadu kif bexxaq għajnejh u lemaħ lid-dinja tagħna.

    Minn dak iż-żmien ‘l hawn kienu bosta l-popli li ttantaw joħolqu mill-ġdid din l-atmosfera mbierka u unika fil-ġranet ħelwin tal-Milied. Probabbilment il-bozoz tad-dawl żgħar u kkuluriti li nżejjnu diversi postijiet bihom, għandhom il-għan li jikkreaw mill-ġdid l-atmosfera tad-dwal li deheru fis-smewwiet f’dak il-lejl imqaddes, filwaqt li l-istatwa tal-bambin Ġesù tintuża bħala rappreżentazzjoni tat-tarbija divina.

    F’dawn il-ġranet naraw ukoll il-ħeġġa ta’ bosta individwi li jagħmlu minn kollox biex iqanqlu dik is-sensazzjoni antika ta’ stagħġib u ferħ li l-Milied biss kapaċi jġib miegħu. Ħafna minna, biex inferrħu lil xulxin, insibu ruħna niċċelebraw ir-ritwali li mxew minn ġenerazzjoni għall-oħra. Imma mbagħad issib ukoll lil min jaspira aktar minn hekk, issib lil dawk li jazzardaw joħolmu akbar, lil dawk li joħorġu l-barra mit-tradizzjoni sabiex b’azzjoni mhux tas-soltu, jerġgħu jqajjmu dik ix-xrara ta’ stagħġib u ferħ li mhux la kemm wieħed jinsa.

    George VellaWieħed minn dawn huwa bla dubju l-Kavallier George Vella, Żejtuni ta’ 80 sena li llum joqgħod Birkirkara, u li dil-ġimgħa stedinni għandu sabiex jirrakkuntali dwar tliet attivitajiet partikolari li hu flimkien ma’ sħabu ħarġu bihom fi żmien il-Milied tas-snin sittin. Qabel inġbarna fl-istudju tiegħu ħalli ngħarrxu fost il-ġabra ta’ dokumenti, kotba, ġurnali u ritratti li hu pprepara għalija, George ma naqasx milli jdawwarni dawra mad-dar tiegħu sabiex jurini biċ-ċar ir-rabta tiegħu ma’ din il-festa, espressa fosthom permezz tal-kwantità ta’ presepji differenti li għandu, bil-bambin li xtara minn Betlehem lura fl-1956 u bis-siġra tal-Milied li huwa stess żejjen b’għadd ta’ ornamenti, bozoz ikkuluriti, u mużika ħelwa.

    L-ewwel tifkira ħaditna lura għall-1960 ġewwa l-bini tal-Juventutis Domus Sagra Familia fiż-Żejtun, fejn f’dak iż-żmien, George Vella kien is-segretarju tal-għaqda li kienet tmexxi l-attivitajiet tal-post. Ta’ min isemmi li oriġinarjament din il-binja li tinsab fi Triq San Girgor, kienet il-palazz ta’ l-Isqof Ferdinand Mattei li kien jużaha bħala residenza għas-sajf u anki biex minnha jkun jista’ jsegwi l-pellegrinaġġ annwali ta’ San Girgor li kien jgħaddi proprju minn din it-triq (kif għadu jiġri sa llum). Kien fl-1911 meta Dun Spiridione Grixti u Angelo Baldacchino staqsew lill-Arċipriet taż-Żejtun, Dun Lawrenz Degabriele, sabiex jingħataw il-permess ħalli jiftħu ċentru ta’ tagħlim fejn it-tfal iż-żgħar setgħu jitgħallmu d-duttrina u fl-istess ħin fejn iż-żagħżagħ setgħu jinġabru u jinżammu l-bogħod mill-perikli tal-ħajja, skont it-tagħlim ta’ San Ġwann Bosco.

    Għall-ewwel inkriet dar ċkejkna fi Triq San Girgor u d-Domus infetaħ uffiċċjalment fl-24 ta’ Frar 1912. Iżda aktar tard, fit-13 ta’ Diċembru tal-1920, ġie ffirmat il-kuntratt tal-akkwist ta’ dan il-palazz u d-Domus ġie trasferit għal dan il-post. Intant, madwar 40 sena wara, fl-eqqel tal-ġlieda politiko-reliġjuża, il-parteċipazzjoni fid-Domus min-naħa tat-tfal u ż-żagħżagħ bdiet tonqos ħafna u biex jerġgħu jiġbdu lura l-interess tagħhom, George Vella flimkien ma’ xi membri oħra, fosthom Generoso Vella u Joseph Turban, iddeċidew li minflok jagħtu r-rigali tal-Milied lit-tfal tal-membri, lill-abbatini, u lil dawk li kienu jattendu d-Domus minn ġewwa ċ-Ċentru bħas-soltu, huma kienu se jibgħatu lil Father Christmas idur madwar ir-raħal sabiex iqassam ir-rigali fid-djar tat-tfal stess, akkumpanjat mid-daqq tal-banda taż-Żejtun Boy Scouts.

    P1120394L-ewwel wieħed li messietu x-xorti li jilbes ta’ Father Christmas kien Joseph Mansueto li fl-1960 ħareġ fuq karru miġbud minn tractor armat b’żewġt iċriev kbar li kienu qed jiġbdu warajhom żlitta kbira ħamra mimlija bir-rigali u mdawwra bi qniepen elettriċi. Din l-idea mal-ewwel intlaqgħat tajjeb kemm mit-tfal u kif ukoll mill-membri tad-Domus u wkoll mill-ġenituri tat-tfal. Infatti minn dik is-sena ‘l hemm, il-membri tad-Domus u t-tfal kienu jibdew jaħdmu fuq dan il-karru minn xi xahar qabel, peress li kull sena l-forma tiegħu kienet tinbidel. Fost il-forom użati nsibu sputnik, rocket spazjali, ferrovija, żlitta miġbuda miċ-ċriev, żwiemel ħajjin eċċ.

    Maż-żmien tant ħadet din id-drawwa, li biex tkun tista’ tilqa’ t-talba biex jitqassmu r-rigali kollha fl-istess ħin kellhom joħorġu tnejn min-nies lebsin ta’ Father Christmas. Huwa interessanti li wieħed ikun jaf li meta wieħed kien jintagħżel biex jilbes ta’ Father Christmas għal waqt din l-attività, dan kien jitqies bħala unur kbir peress li l-individwu magħżul kien ikun dak li ta l-akbar kontribut lid-Domus matul dik is-sena. Ftit ftit il-kelma ġriet u d-Domus taż-Żejtun beda jirċievi talbiet anki minn inħawi oħra f’Malta sabiex il-Father Christmas bil-karru tiegħu flimkien mal-banda tal-Boy Scouts imorru jferrħu u jqassmu r-rigali anki lit-tfal t’hemmhekk. Naturalment, ma damux ma nibtu attivitajiet bħal dawn mal-inħawi kollha tal-gżejjer tagħna, tant li din id-drawwa għadha għaddejjha fostna sa llum.

    P1120380It-tieni ġrajja li rrakkuntali George Vella seħħet fit-23 ta’ Diċembru 1963 meta wara talba li saret mid-Domus, id-dipartiment tar-relazzjonijiet pubblici tal-Hafmed NATO kienu rregalaw lill-poplu Żejtuni siġra kbira tal-Milied twila madwar 30 pied li nġiebet apposta min-Norvegja u tpoġġiet fi Pjazza Diċembru 13 (qabel Pjazza Brittanika). Dakinhar saru festi kbar hekk kif madwar is-siġra mixgħula, inġabru għadd ta’ Żwieten u anki uffiċċjali għoljin tan-NATO flimkien mal-familji tagħhom. Wara li tkantaw xi għanjiet tal-Milied, intfiet il-pjazza kollha fid-dlam u f’ħin minnhom, Tony Mifsud, li għal dik is-sena kien intagħżel biex jilbes ta’ Father Christmas, għamel daħla trijonfali liema bħalha, hekk kif wasal fuq żiemel abjad biex iqassam ir-rigali lit-tfal minn taħt din is-siġra kbira. Ċertament dan ukoll kien avveniment kbir għaż-Żejtun u dwaru kienu tkellmu l-gazzetti kollha ta’ Malta u kif ukoll il-mezzi tax-xandir.

    Iżda l-kbir kien għadu ġej għax it-tielet ġrajja li kellu lest għalija George kienet waħda tassew fantastika u stagħġibt mhux ftit kif jiena, bħala Żejtunija, qatt ma kont smajt biha qabel. Kollox beda waqt logħba table tennis, hekk kif Ltn. Commander Cliff Perry, R.N., b’ammirazzjoni lejn ix-xogħol li kienu qed jagħmlu dawn il-membri tad-Domus biex joħorġu b’ideat ġodda, huwa offra ruħu biex jagħti sorpriża kbira lit-tfal taż-Żejtun. Din kienet tikkonsisti fl-opportunità li għal dik is-sena, il-Father Christmas tad-Domus seta’ jitwassal minnu permezz ta’ ħelikopter tar-Royal Navy. Naturalment, okkażżjoni unika bħal dik ma kienux ser jitilfuha u George flimkien ma’ sħabu, intefgħu jippjanaw din l-attività l-ġdida.

    P1120383Ħafna mill-anzjani Żwieten jiftakru lil dan il-ħelikopter itir fuq iż-Żejtun fil-ġranet ta’ qabel il-Milied tal-1964, fosthom Carmelo P Baldacchino, li għaddieli xi ritratti li ħa ħu Ġeorge stess, Johnny Vella, dakinhar li seħħet din l-avventura. B’għaġeb kbir tat-tfal tal-iskola l-ġdida primarja taż-Żejtun (magħrufa bħala Carlo Diacono) f’ħin minnhom jidher ħelikopter b’maskra kbira ta’ Father Christmas fuq il-buq tiegħu u mżejjen b’dawl ikkulurit, u wara li ttajjar ftit fuq l-iskola, huwa deher nieżel fil-bitħa mdaqqsa tagħha u minnu ħareġ il-Father Christmas biex iqassmilhom ir-rigali li kellu jistennewh fi żlitta fil-qrib.

    George jiftakar ċar li t-tfal tbellħu meta raw dan kollu jiġri quddiemhom u tgħidx xi fratterija qamet, kulħadd jiġri ‘l hemm u ‘l hawn biex jara x’qed jiġri u biex jaċċerta ruħu li kien ser jaqla’ rigal. Wara dan kollu, il-Father Christmas ta’ dik is-sena, Anthony Sinagra, rikeb ġewwa ż-żlitta tiegħu u erħielha jqassam ir-rigali madwar iż-Żejtun kollu. Sadanittant il-ħelikopter reġa’ ntrefa’ fis-smewwiet u minnu nxteħtu għadd ta’ bżieżaq fuq l-inħawi tal-iskola. Ftit wara, il-ħelikopter deher jieqaf mill-ġdid fl-ajru fuq l-istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun u hemm niżlet xita ta’ ħelu għat-tfal li kienu residenti f’dan il-post.

    George kien emozzjonat ħafna b’dawn il-memorji iżda meta rani daqstant interessata, ma damx ma beda jirrakkuntali dwar għadd ta’ ġrajjiet oħra hekk kif minn armarji, kxaxen u kaxxi, huwa beda joħroġ diversi tifkiriet ħalli jispjegali aħjar dwar dak li kien qiegħed ifehemni. Fosthom skoprejt li matul ħajtu huwa żar diversi postijiet madwar id-dinja minħabba x-xogħol tiegħu fejn anki hemm ma naqasx l-element tal-avventura. Kien ukoll kittieb u riċerkatur fejn fosthom huwa kien ġabar u ppubblika t-tagħrif tal-Pronostiku Malti għal 25 sena sħaħ.

    Ċertament laqgħat ma’ individwi bħal dawn juru biċ-ċar kemm niesna huma riżors importanti ta’ esperjenzi u informazzjoni li jistgħu jitfgħu dawl fuq is-soċjetà, il-kultura u l-istorja tagħna. Nistgħu ngħidu li bosta mid-djar tagħna jistgħu jiġu kkunsidrati bħala arkivji fihom infushom mibnija personalment b’dedikazzjoni kbira minn nies differenti, skont l-oqsma varji ta’ l-interessi tagħhom. Personalment nemmen li flimkien mal-istorja ġenerali, dawn il-ġabriet tat-tifkiriet imxerrda fost diversi familji, kapaċi jippreżentaw sfumaturi sinifikanti sabiex wieħed ikun jista’ jara stampa akbar ta’ ġrajjiet pajjiżna.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (it-8 Parti) tat-Torċa datata 22 ta’ Diċembru 2013)

    2013.12.22 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • X’INHU L-AĦJAR GĦAT-TFAL?

    Hekk kif it-tfal jibdew joqorbu lejn l-età tal-iskola jew hekk kif l-omm tiddeċiedi li tixtieq tmur taħdem, sikwit tinqala’ l-kwistjoni dwar x’inhu l-aħjar għat-tfal. It-tfal għandhom jitħallew ma’ xi qraba jew ikun aħjar li kieku jmorru f’xi childcare centre ħalli jilħqu jidraw is-sistema tal-iskola? Imma x’joffru c-childcare centres u x’inhuma r-rekwiżiti tal-kindergartens? Tibda tisma’ kull tip ta’ opinjoni minn hemm u minn hawn. Uħud jgħidulek ukoll li hekk kif jirfsu ġo childcare centre jew fl-iskola, it-tfal iktar morda milli le. Imma dan minnu? Tkellimna ma’ sid ta’ żewġ childcare centres, ma’ żewġ għalliema tal-kindergarten u ma’ kirurgu tat-tfal sabiex inwieġbu l-mistoqsijiet prinċipali li jkunu jixtiequ jafu bosta mill-ġenituri…

    INTERVISTA: ANNA SALIBA u ROSETTE BONELLO – Kindergarten Assistants

    X’inhu dak li tkunu qed tistennew li jkunu jafu jagħmlu tfal tal-eta’ tal-kindergarten?

    Ħafna ġenituri jaħsbu illi l-iskop tal-kindergarten huwa illi t-tfal jibdew jitgħallmu n-numri u l-ittri. Imma mhux dak l-iskop ewlieni. Fl-ewwel sena tagħhom fl-iskola, l-għan prinċipali huwa illi dawn it-tfal Rosette Bonello u Anna Saliba jitgħallmu l-affarijiet bażiċi tal-ħajja, bħal ngħidu aħna jitgħallmu jikkomunikaw, jistennew, jaqsmu l-affarijiet bejniethom u jidraw il-manjieri tajbin. Huwa importanti ħafna wkoll illi dawn it-tfal ikunu kapaċi jinqdew weħidhom fit-toilet: li jafu jniżżlu l-qalziet u jtellgħuh għax aħna ma nistgħux nidħlu magħhom. L-użu tal-gażaża u l-qlejba mhumiex permessi fl-iskola għax it-tfal għandhom ħabta jdaħħlu dawn l-oġġetti f’ħalq xulxin. Iżda l-aktar punt kritiku huwa illi t-tfal għandhom jiġu mgħallma minn qabel xi tfisser li tmur l-iskola. Il-ġenituri għandhom ipoġġu bil-qiegħda magħhom u jitkellmu ċar. Jgħidulhom “Ara, issa inti ser tmur l-iskola. Ikollok għalliema li tkun tħobbok ħafna u anki ħafna tfal biex toqgħod tilgħab magħhom. U mbagħad jiena nitlaq u meta jsir il-ħin nerġa’ niġi għalik.” Din tal-aħħar importanti ħafna għax fil-bidu t-tfal ikollhom il-biża’ li l-omm ħalliethom f’dak il-post u m’għandiex l-intenzjoni li terġa’ tmur lura għalihom. B’daqsxejn djalogu minn qabel, tiġi evitata ħafna tbatija.

    X’inhuma l-akbar ostakli għat-tfal li jattendu l-iskola tal-kinder għall-ewwel darba?

    Il-firda mill-omm hija l-aktar waħda iebsa. Imbagħad hemm ukoll illi għall-bidu t-tfal ma jkunux drawna. Għalihom aħna nies barranin. Il-post huwa differenti, il-kumdità u l-libertà li jkun hemm id-dar ma jsibuhiex fl-iskola għax hawnhekk hawn ċertu regoli. Iżda l-bidu għal kulħadd iebes. Anki aħna l-adulti meta mmorru x’imkien ġdid inħossuna mifxula, aħseb u ara naqra ta’ tifel żgħir!

    Bħala għalliema tal-kindergarten, taraw differenza bejn tfal li jkunu attendew ic-childcare centres u oħrajn li le?

    Mhux dejjem għax skont it-tfal u l-ambjent li jkunu trabbew fih. Hemm tfal li jkunu diġa’ mgħallma u ppreparati sewwa mill-ġenituri, oħrajn ikollhom ħuthom akbar u allura jkunu drawha xi ftit is-sistema. Fejn l-omm tkun taħdem u t–tfal jitħallew man-nanna, id-distakk mill-omm ikun laħaq sar u allura t-tfal ma jbatux mill-firda meta jiġu l-iskola. Però imbagħad kultant, iva, ninnutaw ċerti differenzi, għalkemm insostnu illi dan ma japplikax għat-tfal kollha. Per eżempju hemm tendenza illi kultant it-tfal li jkunu attendew fiċ-childcare centres ikunu aktar indipendenti u aktar jafu xi tfisser li tmur l-iskola. Ikollhom aktar kunċett ta’ ħin u jafu li wara l-iskola, l-omm ġejja għalihom. Uħud ikollhom aktar vokabularju, jafu jaqsmu l-affarijiet mal-oħrajn, jafu x’inhu kju, imdorrijin jaħslu jdejhom wara t-toilet jew wara li jieklu, jibżgħu aktar għall-ġugarelli u għall-kotba, kapaċi joqogħdu bil-qiegħda jisimgħu storja u mhux jiġru ‘l hawn u ‘l hemm u wara li jilgħabu bil-ġugarelli, jiġbruhom lura. Xi ħaġa illi ġeneralment it-tfal li jkunu mdorrijin id-dar, ma jkunux imgħallma jagħmlu.

    Kemm jistgħu jgħinu l-ġenituri biex it-tfal ikunu aktar ippreparati għall-ewwel sena tagħhom fil-kinder?

    Il-preparazzjoni tat-tfal mill-ġenituri hija neċessarja immens. Ma jistax ikun li t-tfal jintbagħtu l-ewwel ġurnata l-iskola u ma jafux x’laqagħthom. Il-kooperazzjoni tal-ġenituri flimkien mal-għalliema tgħin ħafna biex it-tfal jgħixu l-ewwel esperjenza tagħhom tal-iskola b’mod pjaċevoli. Ngħidu aħna, dawk it-tfal li jibku fil-bidu, għandna nibdewlhom l-iskola ftit ftit kuljum. Ċertu ġenituri ma jkunux jistgħu jifmuha din u minflok isostnu biex iħallu ‘l uliedhom il-ġurnata kollha għax jgħidulek li dawn m’għandhom xejn inqas minn ħaddieħor. Tgħin ħafna wkoll jekk it-tfal jiġu mħarrġa minn qabel għas-sistema tal-iskola bħal f’dawk li huma drawwiet, per eżempju li jixorbu l-ilma, li jaqtgħu il-gażaża u n-nappy, li ma jorqdux f’nofsinhar u li jikkomunikaw sewwa x’għandhom bżonn. L-għażla tal-ħwejjeġ u ż-żraben li jlibbsu lit-tfal għandha tkun għaqlija biex kemm jista’ jkun it-tfal ikunu komdi u mingħajr periklu. Ix-xagħar għandu jkun miġbud minħabba li t-tfal żgħar iħobbu joqogħdu ras ma’ ras. Jekk it-tfal għandhom xi allerġiji huwa neċessarju li aħna nkunu nafu għax it-tfal għandhom it-tendenza li jħalltu u jaqsmu.

    Il-kindergarten hija l-bidu tal-edukazzjoni tat-tfal tagħna. Introduzzjoni tajba tgħin biex il-quddiem it-tfal ikomplu mexjin sewwa fis-sistema skolastika. Bħala għalliema aħna napprezzaw illi meta t-tfal jikbru jibqgħu jiftakru l-iskola bħala l-post fejn tgħallmu u fejn lagħbu u fejn ħadu pjaċir anki mal-għalliema tagħhom.

    ——————————————————————————————————————————

    INTERVISTA: CHRIS FEARNE – Kirurgu tat-Tfal

    Uħud isostnu illi l-attendenza fiċ-childcare centres iżżid il-mard fit-tfal. X’tikkummenta?

    Hekk kif iċ-ċentri ta’ kura tat-tfal u trabi isiru aktar aċċessibbli, huwa importanti illi l-ġenituri jkunu mgħarrfa dwar l-implikazzjonijiet għal saħħet it-tfal li jattendu f’dawn iċ-ċentri.

    Hemm żewġ kategoriji bażiċi ta’ kif is-saħħa tat-tfal tista’ tkun affettwata fil-childcare centres: dik tal-‘injuries’ u l-oħra tal-infezzjonijiet.

    Injuries

    Ħa nibdew bl-injuries. Ma tistax tistenna illi fejn ikun hemm it-tfal jilagħbu mhux ser ikun hemm min iweġġa’. U t-tfal jistgħu iweġġgħu u jkorru kemm jekk ikunu fiċ-childcare centres u kif ukoll jekk ikunuChris Fearne d-dar jew għand in-nanna. Fil-fatt studji f’pajjiżi oħra wrew illi iżjed hemm ċans illi tfal żgħar ikorru d-dar jew fil-‘playing field’ milli f’childcare centre. Probabbilment għax fiċ-ċentri tat-tfal issir emfażi kbira biex dawn il-problemi iġu evitati. L-injuries tat-tfal żgħar huma ta’ żewġ tipi – hemm dawk li jiġru minħabba azzjoni tat-tfal stess, bħal waqgħat, gdim jew daqqiet u dawk li jiġru minħabba l-ambjent taċ-ċentru bħal ngħidu aħna, minħabba xi apparat difettuż jew logħob perikoluż. Għalhekk huwa importanti illi ċentri li jilqgħu lit-tfal fihom ikunu iċċertifikati li huma safe u li jkunu spezzjonati b’mod regolari mill-awtoritajiet. Huwa neċessarju wkoll illi kull min jaħdem mat-tfal ikollu taħriġ ta’ x’għandu jagħmel f’każ ta’ injury.

    Infezzjonijiet

    It-tieni tip ta’ problema għas-saħħa tat-tfal fil-childcare centres għandha x’taqsam ma’ l-infezzjonijiet. Dawn bħal ma’ jaf kulħadd jittieħdu minn persuna għall-oħra. U allura tarbija jew tifel żgħir li ser ikun f’kuntatt viċin ma’ ħafna tfal oħra ser jimrad iżjed. Pero’ anke hawn, mhux kulħadd l-istess. Dawk it-trabi li jkunu ‘breastfed’ għandhom vantaġġ minħabba illi l-ħalib ta’ l-omm jagħti ċerta protezzjoni kontra l-mard infettiv. Barra minn hekk tfal żgħar li jkollhom ħuthom akbar minnhom x’aktarx li jkunu diġà ltaqgħu ma’ ħafna mikrobi li ħuthom ikunu ġabu d-dar. Dan iwassal biex dawn it-tfal ikunu laħqu rabbew protezzjoni akbar meta jmorru fiċ-childcare centres. Min-naħa l-oħra, tarbija li mhux ‘breastfed’ u li m’għandiex ħutha akbar minnha, ser timrad ta’ spiss fl-ewwel ftit xhur fiċ-childcare centre.

    Importanti ħafna illi tfal li jkunu ser jattendu f’dawn iċ-ċentri jkunu ħadu t-tilqim li jkun hemm bżonn. Dan it-tilqim iservi ħafna biex ibiegħed mard infettiv. Dan l-aħħar ħarġet tilqima ġdida kontra d-dijareja li l-gvern għadu mhux qed jagħti b’xejn. Jien inħeġġeġ lill-ġenituri kollha, speċjalment lil dawk li ser idaħħlu lit-tfal fiċ-ċentri sabiex jużaw dan il-vaċċin. Tfal u għalliema li jkunu jattendu ċ-ċentri għandhom ukoll jitlaqqmu għal kontra l-influwenza fil-bidu ta’ kull xitwa.

    Ta’ min jiġbed l-attenzjoni wkoll ta’ dawk il-ġenituri li jkollhom it-tfal morda sabiex ma’ jeħduhomx fiċ-ċentri sakemm dawn jirkupraw. Dan mhux biss għas-saħħa tat-tfal infushom imma wkoll ħalli kemm jista’ jkun dan il-mard ma jinfirixx mat-tfal l-oħra.

    chrisfearne@gmail.com

    ——————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: MARIJA HAMMETT – SID TA’ TENDER LOVING CARE CENTRES– M’SCALA U FGURA

    Kif bdiet l-idea li tiftaħ dawn ic-childcare centres?

    Kont iddeċidejt li noħroġ naħdem imma l-akbar diffikultà li ltqajt magħha dak iż-żmien, kienet li nsib childcare centre. Irrealizzajt li kien hemm bżonn serju ta’ dawn iċ-ċentri u minn hemm bdiet l-idea li niftaħ childcare centre tiegħi. It-tfal minn dejjem kienu importanti ħafna f’ħajti. Mill-ewwel ġranet f’dan ix-xogħol ġdid intbaħt li fl-aħħar kont sibt posti. Qabel dan kont ħdimt f’diversi xogħlijiet imma qatt ma kont daqshekk kuntenta. Illum ma nistax nimmaġinani nagħmel xogħol ieħor.

    X’inhuma s-servizzi li joffru c-childcare centres tiegħek?

    Is-servizzi tac-childcare centres tiegħi huma mibnija direttament fuq il-bżonnijiet u t-talba tal-klijenti. F’Marsaskala ċ-ċentru jiftaħ għall-ħinijiet itwal minn dak taċ-ċentru li għandi l-Fgura u jilqa’ t-tfal Marija Hammett anki s-Sibt. Apparti li noffru s-servizz ta’ childcare, jiġifieri li nieħdu ħsieb u li nedukaw lit-tfal sakemm il-ġenituri jkunu x-xogħol, aħna noffru wkoll is-servizz li nżommu t-tfal qabel u wara l-iskola. Dan l-arranġament sar għal dawk il-ġenituri li jibdew ix-xogħol kmieni u għal dawk li jdumu x-xogħol aktar mill-ħinijiet li fihom tispiċċa l-iskola. Għall-kumdità tal-ġenituri, aħna noffru wkoll is-servizz tagħna waqt il-vakanzi tal-iskola bħal dawk tal-Għid, tal-Milied eċċ. Bl-istess għan, għandna wkoll is-servizz ta’ Skola Sajf illi fiha jistgħu jattendu wkoll it-tfal ta’ Kinder 1 u 2 bi programm speċjali adattat għalihom. Mat-tfal iż-żgħar nagħmlu anki n-nappy changing filwaqt li lit-tfal akbar nittrenjawhom biex jitgħallmu jmorru t-toilet weħidhom (rekwiżit importanti għall-iskola). Ovvjament kollox jieħu l-ħin tiegħu u biex it-tfal jitħarrġu sew, aħna nirrakkomandaw li t-tfal jinġiebu fiċ-ċentru ta’ l-inqas minn sitt xhur qabel tibda l-iskola tal-Kinder Garten.

    Liema etajiet ta’ tfal jistgħu jattendu fic-childcare centres tiegħek?

    Hawnhekk naċċettaw minn trabi sa tfal ta’ tlett snin. Iżda kif għedtlek, fil-vaganzi u fis-Sajf ikollna wkoll tfal sa ħames snin.

    X’inhu l-iskop ta’ childcare centre?

    Inizzjalment l-iskop huwa illi t-tfal jilħqu jidraw il-firda minn mal-omm, li aktar tard trid issir bilfors minħabba l-attendenza fl-iskola tal-kindergarten. Iżda child care centre joffri lit-tfal ħafna aktar minn hekk. Permezz tat-taħlit ma’ tfal oħra, it-tfal jitgħallmu wkoll diversi kapaċitajiet bażiċi bħal dik li jissoċċjalizzaw u jikkomunikaw ma’ tfal oħra. Jitħarrġu f’dawn l-affarijiet b’mod sottili, mingħajr lanqas biss ma jindunaw. Għax kollox isir permezz tal-logħob. Fiċ-ċentri tagħna, għandna jattendu wkoll numru ta’ tfal barranin u dan iservi ta’ vantaġġ kemm għat-tfal Maltin u kemm għat-tfal barranin infushom, li wħud minnhom saħansitra jitgħallmu jitkellmu bil-Malti permezz tat-tfal l-oħra. Iżda finalment l-iskop prinċipali tagħna huwa illi t-tfal jieħdu pjaċir.

    X’attivitajiet isiru fic-childcare centres?

    Is-servizz li noffru aħna mhux biss servizz ta’ babysitting imma ta’ Educare (jiġifieri li filwaqt li nieħdu ħsieb it-tfal, nedukawhom ukoll). Għaldaqstant il-carers tagħna huma kollha kwalifikati f’Early Childhood Education. L-attivitajiet li jsiru fiċ-ċentri tagħna huma kollha bbażati fuq il-PILESS (Physical, Intellectual, Language, Emotional, Social & Spiritual Development). Għalhekk naraw illi kull meta qed nagħmlu xi attività, din tkun maħsuba biex tolqot kemm jista’ jkun minn dawn il-punti. Fost il-bosta attivitajiet li nagħmlu hemm it-tpinġija, il-krafts, l-istory-telling u l-kant. Għandna wkoll ħafna ġugarelli, logħob edukattiv u kotba.

    X’inhuma l-benefiċċji ta’ dawn iċ-ċentri?

    Kif qed tara, il-benefiċċji huma bosta. F’ċentri bħal dawn it-tfal ma jitħallewx quddiem xi sett tat-TV, ma jagħmlu xejn, imma jitħarrġu f’kapaċitajiet bażiċi li aktar tard ikunu jridu jużaw anki l-iskola. Bħala parti mit-taħriġ tiegħi personali, jiena għamilt 100 siegħa fl-iskola tal-kindergarten ta’ Marsaskala u allura nista’ nibni aħjar il-programmi tiegħi ħalli nipprepara lit-tfal għas-sistema tal-iskola. It-taħriġ tagħna jgħinna wkoll nindunaw b’xi problema fl-iżvilupp tat-tfal u b’hekk id f’id mal-ġenituri, nkunu nistgħu naħdmu biex jekk jista’ jkun, il-problema tiġi kkoreġuta jew għall-inqas indirizzata. Benefiċċju ieħor huwa illi f’dawn iċ-ċentri t-tfal irabbu ċerta immunità għall-mikrobi komuni. Dawk it-tfal li jibqgħu d-dar u ma jitħalltux ma’ tfal oħra ma jkollhomx immunità u jkollhom jgħaddu minn dan il-perjodu waqt l-ewwel sena tal-kindergarten.

    Il-benefiċċji taċ-ċentri jgawdu minnhom ukoll il-ġenituri. Hawnhekk ma jersqux biss ġenituri li jmorru għax-xogħol. Illum il-mentalità inbidlet ħafna u l-kelma tiġri wkoll. Il-progress fit-tfal kulħadd jieħu pjaċir bih. Barra minn hekk, dawk il-ġenituri li jkollhom wild wieħed, jitgħallmu jinqatgħu bil-mod minn dik ir-rabta qawwija minn ma’ wliedhom. Mhux it-tfal biss iħossuha l-firda meta jmorru l-iskola! Dik l-omm li f’daqqa waħda ssib ruħha weħidha d-dar, tbati wkoll. Fl-istess ħin, meta t-tfal jattendu fiċ-ċentri, l-omm ikollha ftit ħin liberu għaliha biex tagħmel l-affarijiet tagħha u meta t-tfal jirritornaw id-dar, l-omm ikollha aktar ċans tgħaddi ħin magħhom b’mod trankwill.

    X’diffikultajiet tiltaqgħu magħhom f’dan ix-xogħol?

    Ċertu ġenituri fil-bidu jkollhom daqsxejn dubju humiex qed jagħmlu sew li jħallu lil uliedhom fiċ-ċentri. Aħna konxji illi magħna qed jiġu afdati l-egħżeż teżori tagħhom u nafu illi fil-bidu hawn min isibha diffiċli. Iżda ftit ftit, ir-rapport jinbidel ħafna tant li dawn il-ġenituri jispiċċaw ħbieb tal-qalb tagħna. Diffikultà oħra hija illi mhux it-tfal kollha jkunu lesti biex jinqatgħu mill-omm jew min-nanniet. F’dawn il-każi aħna nirrakkomandaw illi t-tfal jitħallew għandna gradwalment, siegħa siegħa biex b’hekk nagħtuhom ċans jidraw. Din it-tranżizzjoni hija importanti ħafna għax jekk ma ssirx sewwa, aktar il-quddiem it-tfal ser isibu diffikultà biex jidraw l-iskola. L-inkwiet fil-familji huwa kwistjoni oħra li niltaqgħu magħha u aħna rridu noqogħdu attenti li nagħtu l-protezzjoni xierqa lil dawn it-tfal. Problema oħra hija l-mard fit-tfal. Aħna nagħtu ċ-ċans li meta t-tfal jimirdu ma jintilfux il-flus li jitħallsu għax ikunu jistgħu jiġu f’ġurnata oħra. Iżda ssib min jibqa’ jinsisti li t-tifel m’għandux mard li jittieħed u f’dan il-każ ikolli nitlobhom ċertifikat mingħand it-tabib li jiċċertifika li t-tifel ikun tajjeb biex jattendi fiċ-ċentru biex b’hekk nevita l-mard minn fuq it-tfal l-oħra. Jeżistu diffikultajiet bħal f’kull xogħol ieħor imma s-sodisfazzjon jegħleb il-problemi kollha.

    X’parir tagħti lil dawk il-ġenituri li jixtiequ jibgħatu lit-tfal tagħhom f’xi child care centre?

    Li jduru diversi ċentri u jaraw il-postijiet b’għajnejhom. Li jikkonfermaw illi ċ-ċentri huma liċenzjati kemm minħabba l-professjonalità u kif ukoll għax il-gvern joffri eżenzjoni mit-taxxa lil dawk il-ġenituri li jibgħatu lit-tfal tagħhom f’childcare centres liċenzjati. Issib min iċempillek u jistaqsik bilkemm iżżomm is-siegħa. Dak mhux prinċipju li trid taħdem fuqu meta inti qed tikkonsidra li tafda lill-uliedek ma’ xi ħadd. Trid tikkonferma illi l-post hu adattat, li m’hemmx periklu, li hemm ambjent pjaċevoli u li t-tfal qed jieħdu l-aqwa servizz. Iċ-ċentri jeżistu biex jagħtu servizz lill-ġenituri li qed iħallsu, però wkoll lit-tfal li qed jużawh. L-għan taghna huwa li naħdmu id f’id mal-ġenituri, però qatt li nieħdu posthom.  Aħna naċċertaw li t-tfal ikunu qed jigu ikkurati b’imħabba u tenerezza.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-31 ta’ Mejju 2009)

    2009.05.31 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • L-ISKARLATINA F’MALTA

    Din il-ġimgħa reġa’ nstab każ ieħor ta’ Skarlatina fi skola primarja tal-Gvern.

    Isem din il-marda partikolari għandu tendenza li joħloq il-paniku fost il-ġenituri. Madanakollu, għalkemm din il-marda fil-passat kienet waħda fatali, illum titfejjaq sempliċiment permezz ta’ antibijotiċi li jagħtik it-tabib tal-familja.

    Fir-realtà hija n-nuqqas ta’ informazzjoni li tinkwieta lil min jiġi milqut minn din il-marda. Għaldaqstant, tkellimna mat-tabib Etienne Grech sabiex jispjegalna aħjar dwar il-kawża tagħha, is-sintomi, il-fejqan u l-miżuri li għandhom jittieħdu f’dawn il-każijiet.

    L-Iskarlatina tiġi kkawżata mill-batterja streptococcus li solitament toħloq uġiegħ u infezzjoni fil-griżmejn. Biss meta din il-batterja jkollha ‘strain’ aktar qawwi, tikkaġuna wkoll raxx ħamrani fuq il-ġilda u l-persuna milquta jkollha anki deni qawwi.

    Huwa tajjeb li wieħed ikun jaf is-sintomi ta’ din il-marda sabiex f’każ ta’ dubju, wieħed jirreferi mill-ewwel għand it-tabib tiegħu.

    Is-sinjali komuni tal-Iskarlatina huma:

    -         Raxx ħamrani mal-ġilda

    -         Ilsien minfuħ b’kisja bajdanija fuqu (illi wara ftit ġranet titqaxxar u ssir ħamra)

    -         Deni ta’ madwar 101F (38.3 C)

    -         Uġiegħ qawwi u ħmura fil-griżmejn

    -         Diffikultà biex wieħed jibla’

    -         Glandoli minfuħa

    -         Uġiegħ ta’ ras

    -         Sturdament jew remettar.

    Meta l-batterja tal-Iskarlatina tiġi trattata bl-antibijotiċi, din tinqered fi żmien 24 siegħa. Għaldaqstant huwa importanti ferm li wieħed jieħu azzjoni immedjata sabiex b’hekk tiġi evitata t-tbatija fuq il-marid u kif ukoll sabiex nevitaw it-tixrid tal-marda. Kura mmedjata tevita wkoll il-kumplikazzjonijiet aktar serji li kapaċi toħloq din il-marda jekk tiġi injorata għal tul ta’ żmien.

    Ġeneralment din il-marda tolqot lit-tfal mill-età ta’ 5 sa 15-il sena peress li dawn ma jkollhomx biżżejjed reżistenza għaliha. F’każijiet rari ġieli toħroġ anki fl-adulti.

    Il-marda tal-Iskarlatina tittieħed u t-taħlit tat-tfal fl-iskejjel jagħmilha aktar faċli biex din tiġi trażmessa minn wieħed għall-ieħor. Madanakollu xieraq jiġi ċċarat illi għalkemm meta xi ħadd mit-tfal fil-klassi jimrad bl-Iskarlatina, mhux neċessarjament li t-tfal l-oħra jittieħdu wkoll. Hawnhekk tidħol ir-responsabbiltà tal-ġenituri nfushom illi meta jintebħu li uliedhom ma jifilħux, ma jibgħatuhomx l-iskola qabel ma jiċċertifikaw uliedhom x’għandhom u mhux qabel jagħtuhom il-kura meħtieġa.

    L-Iskarlatina tittieħed minn wieħed għall-ieħor permezz tal-likwidi li joħorġu mill-imnieħer u mill-ħalq bħal: għatis, sogħla u jekk wieħed imiss xi affarijiet mingħajr ma jkun ħasel idejh u jmisshom xi Skarlatina ħadd warajh. Għalhekk huwa neċessarju illi min jimrad bl-Iskarlatina jagħmel ammont ta’ żmien iżolat fid-dar tiegħu biex jiġi evitat it-tixrid tal-marda. Iżda hemm każijiet fejn din il-marda tista’ tinġarr minn persuna bla ma tkun marida biha. Dan jagħmilha impossibbli illi inti tassigura ruħek illi m’intix ħdejn xi ħadd li għandu dawn il-batterji fuqu.

    Għaldaqstant huwa utli illi wieħed jieħu l-prekawzjonijiet tiegħu billi jgħallem lil uliedu:

    -         Jaħslu jdejhom sewwa bis-sapun;

    -         Ma jużawx tazzi, frieket, skieken, kuċċarini, srievet eċċ ta’ tfal oħra;

    -         Jgħattu mneħirhom u ħalqhom meta jagħtsu jew jisogħlu;

    -         Ma joqogħdux viċin iżżejjed tal-wiċċ ta’ tfal oħra.

    Minn kif qed naraw, il-marda tal-Iskarlatina għandha biss isem impressjonanti imma mhiex marda daqshekk allarmanti. It-tabib Etienne Grech qalilna illi fi żmien il-gwerra, ma kienx hawn peniċillina u Dr Etienne Grechgħalhekk l-Iskarkaltina kienet tkun fatali. L-isem biss tagħha kien iqanqal it-terrur dak iż-żmien. Mhux l-ewwel darba illi t-tabib Grech iltaqa’ ma anzjani illi f’dawk iż-żminijiet mitulhom xi tfal b’din il-marda. U forsi għalhekk instintivament aħna l-Maltin għadna nitkexkxu minn dan l-isem.

    Għamilna żmien ma nisimgħux b’din il-marda imma donnha li dan l-aħħar reġgħet qed terfa’ rasha. Jista’ jkun li r-raġuni hi illi nħoloq ‘strain’ differenti ta’ batterja. Jista’ jkun ukoll illi illum kemm il-ġenituri u kemm it-tobba kapaċi jagħrfu aktar malajr din il-marda u b’hekk qed jiġu irrappurtati aktar każi. It-tabib Grech qalilna illi bħala tabib huwa obbligat li jirrapporta liċ-Ċentru tas-Sanità kull meta jiltaqa’ ma’ din il-marda sabiex huma jkunu jistgħu jżommu rekord tagħha.

    Finalment nerġa’ niġi għall-punt prinċipali: l-informazzjoni dwar kull sitwazzjoni fil-ħajja tneħħilek ħafna biża’ u nkwiet inutli u tgħinek tieħu l-prekawzjonijiet neċessarji.

    Huwa għalhekk illi xi ġenituri ta’ din l-iskola primarja nkwetaw mhux ftit meta din l-informazzjoni waslitlilhom permezz ta’ aħbar fuq it-TV u mhux mill-iskola innifisha. Fuq kollox matul l-aħbarijiet Ilsien b'kisja bajdanijaingħad illi l-ġenituri kollha kienu ġew infurmati u kienu ltaqgħu ma’ tabib illi serrħilhom rashom li ma kienx hemm għalfejn li wieħed jallarma ruħu. Il-problema kienet illi ssejħet biss il-klassi milquta u mhux il-klassijiet kollha ta’ dik is-sena partikolari. Dan ħoloq mumenti stressanti fuq bosta ġenituri li ma kienux jafu sewwa x’kien qed jiġri. Wieħed jifhem illi t-tfal milquta mill-marda jridu jiġu protetti minn ħafna għidut żejjed tan-nies. Imma dan m’għandux jagħti lok għal nuqqas ta’ informazzjoni. Kien ikun ħafna aħjar li kieku il-ġenituri tal-klassijiet kollha ġew miġbura flimkien u b’mod responsabbli ġew imfiehma biċ-ċar kif kienu l-affarijiet.

    In-nuqqas ta’ informazzjoni u biża fuq dan is-suġġett ħolqu sitwazzjoni fejn il-ġenituri ma kienux ċerti għandhomx jibgħatu lil uliedhom l-iskola jew le. U għalhekk numru ta’ ġenituri għażlu li ma jibgħatux lil uliedhom l-iskola filwaqt li oħrajn iddeċidew eżatt bil-kontra.

    Id-dubji u t-tħassib kompla aktar kiber meta tfal mill-klassi affetwata mill-marda tal-Iskarlatina ġew imqassma mal-bqija tal-klassijiet li sa dik il-ġurnata ma kienux ġew esposti għal marda.

    Għalkemm huwa importanti li wieħed ma jallarmax ruħu għalxejn, wieħed jistenna illi f’każijiet bħal dawn, jittieħdu deċiżjonijiet b’mod aktar responsabbli!

    (Dan l-artiklu ġie ppublikat fit-Torċa tad-29 ta’ Marzu 2009)

    2009.03.29 / no responses / Category: Torca - Features & Articles