Posts Tagged ‘Sqallija’

  • IS-SEĦER TA’ FILFLA

    Ilni niftakarha minn dejjem… tgħid hi kemm ilha tiftakru lil pajjiżna? Remota, solitarja, f’nofs ta’ baħar, f’distanza biżżejjed kemm ma nilħquhiex, imma fl-istess ħin, Filflatefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod, kemm naqbdu dgħajsa u nsibu ruħna fuqha. Uħud isostnu li mhiex ħlief ġebla insinifikanti u aċċettawha bħala parti mix-xenarju Malti, bħal kif draw wiċċ is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom wara tletin sena żwieġ. Iżda oħrajn bħali jsibuha affaxxinanti u akkost li jafu li fir-realtà mhiex ħlief gżira ċkejkna ferm, konxji li fuqha hemm il-ħajja, saħansitra endemika, u infatti l-gżira hija riserva naturali. Filfla!

    Kemm il-darba xtaqt inżurha imma mhux la kemm issib min jieħdok  ħdejha għax biex tersaq qribha teħtieġ il-permess u neħħieha minn rasek jekk taħseb li qatt tista’ tinżel fuqha illum ħlief jekk tkun qed tagħmel xi riċerka jew għal raġunijiet edukattivi. Għalhekk il-kilba li mqar għal darba naraha wiċċ’imbwiċċ aktar żdiedet u naturalment ħtaft l-opportunità hekk kif dan l-aħħar, Heritage Malta organizzat mawra sa ħdejha. Fuq kollox, kien ser jakkompanjana wkoll il-Kuratur Prinċipali tal-Mużew tal-Istorja Naturali, John Joseph Borg, li għal dawn l-aħħar tletin sena wettaq riċerka siewja dwar din il-gżira u l-ekoloġija tagħha. Ċertament individwu hekk ma kontx ser inħallih jaħrabli kif ġieb u laħaq, għallinqas mhux qabel itarraffli dak kollu li jaf dwar Filfla. U bdejna….

    “Meta kont żgħir, sikwit kont immur nistad ma’ missieri u allura n-natura minn dejjem kont inħobbha. Maż-żmien niftakarni niffoka aktar fuq l-għasafar fejn għamilt tliet snin nistudja l-barbaġann,John Joseph Borg sakemm darba inqerdu kollha minn pajjiżna! Minn hemm bdejt ninteressa ruħi aktar fl-għasafar tal-baħar hekk kif kont narahom jittajjru madwarna waqt li nkunu għaddejjin bid-dgħajsa. Bdejt nitħarreġ biex insir bird-ringer u fl-1980 ingħaqadt ma’ grupp li kellu l-għan li jagħmel bird-ringing fuq l-għasafar li kienu jinsabu fuq Filfla. Ħassejtni eċċitat ħafna għax qatt ma kont irfist fuq dil-gżira qabel u hekk kif dħalt fid-dgħajsa li kellha twassalna sa ħdejha, kelli kurżità kbira x’kont ser insib. L-esperjenza kienet inkredibbli speċjalment hekk kif bdejna nersqu lejha u ntbaħt li fil-fatt il-gżira kienet ħafna akbar minn kemm kont immaġinajtha oriġinarjament. Il-ġebel tagħha kien imponenti ferm, qisek għandek ħajt quddiemek. Madwarha kien hemm qabda blat imfarrak. Imma l-aktar li laqgħatni kien l-għajjat tal-gawwi li qatt ma smajt imkien bħalu f’inħawi oħra fil-gżejjer tagħna. Nistqarr li Filfla serqitli qalbi mill-ewwel darba li rajtha u ma’ l-ewwel passi li meddejt fuqha. Dakinhar sibna madwar 400 kanġu ta’ Filfla u minn dik il-ġurnata bqajt niġbor kemm niflaħ materjal dwar din il-gżira u waħħaltha f’rasi li nidħol aktar fil-fond fl-istudju tal-għasafar tal-baħar li jinsabu fuqha.”

    Skoprejt li aktarx l-isem Filfla ġej mill-kelma filfel li hija l-kelma Għarbija għaż-żerriegħa tal-bżar. Probabbilment ingħatat dan l-isem peress li l-forma tal-gżira kienet tixbaħ lil diż-żerriegħa, jew inkella dari kienu jikbru l-pjanti tal-bżar fuqha. Bħalha hemm il-gżira ta’ Kemmuna li hija msemmija għaż-żerriegħa tal-kemmun (cumin-seed). Filfla tinsab 5km ‘l bogħod mill-kosta tan-nofsinhar ta’ Malta. Il-wiċċ tagħha għandu l-wesgħa ta’ 2.5 ettaru u ċ-ċirkomferenza tagħha hija madwar 800 metru. Il-ġnub tagħha huma irdumijiet għoljin 60 metru li jiffurmaw medda ta’ art watja fuq nett.

    “Dokument antik li ltqajt miegħu dwar Filfla huwa datat għall-1575 u jikkonsisti f’manuskritt relatat maż-żjara pastorali tal-Isqof Pietro Dusina f’Malta. Il-kitbaIl-kwadru tal-Assunzjoni li kien jintuża fuq Filfla tikkonċerna t-talba tal-kappillan biex jitneħħa l-benefiċju li kien hemm fuq il-kappella li kienet tinsab fuq dil-gżira. Skont ir-rapport jingħad li l-qassis responsabbli sikwit kien qiegħed jiltaqa’ ma’ diffikultà kbira biex jinżel fuq il-gżira ta’ Filfla minħabba l-baħar imqalleb. Imma jiena aktar nemmen illi s-sajjieda kienu tilfu l-interess li jaqdfu lejn il-gżira kull nhar ta’ Ħadd biex jisimgħu l-quddies biex imbagħad ikollhom jaqdfu mill-ġdid lura ‘l barra fejn kienu qed jistadu. Hi x’inhi r-raġuni, it-talba tal-kappillan ġiet milqugħa u l-kappella ma baqgħetx ikkonsagrata. Ta’ min jgħid illi akkost illi fuq xi mapep antiki naraw lil din il-kappella mpinġija b’ħafna kobor u dettalji, fir-realtà ma kinetx ħlief għar, b’ħajt imtella’ quddiemha. Aktarx li l-qassis ma kien iħalli xejn hemm, lanqas il-kwadru tal-Assunzjoni li għaliha kienet iddedikata il-kappella. Kien jieħu kollox miegħu biex jiċċelebra l-quddiesa u mbagħad iniżżilhom lura miegħu mill-ġdid. Illum ma fadal xejn ħlief dan il-kwadru triptiku li wieħed jista’ jara fis-sagristija tal-parroċċa taż-Żurrieq. Aktarx li din il-kappella kienet inbniet bħala wegħda minn xi individwu li kien salva minn tempesta qalila li ħakmet lill-gżejjer fl-1343. Eventwalment il-kappella ġġarrfet waqt terremot li seħħ fl-1856 u llum ma fadal xejn minnha.”

    Fuq Filfla kienu jinżammu xi provvisti tal-ikel ħalli f’każ ta’ emerġenza, s-sajjieda jkunu jistgħu jinżlu hemm. Imma mhux huma biss kienu jagħmlu użu minn dil-gżira. Kienu jużawha anki l-pirati!

    “Il-pirati kellhom ħabta jinżlu fuq Filfla u jużawha bħala moħba biex minn fuqha jattakkaw ix-xwieni li jersqu qrib. Fuq kollox dak iż-żmien il-gżira kienet mogħnija b’nixxiegħa naturali li kienet tfeġġ Filfla 1930sminn bejn saff tafli u għalhekk kienet anki mfittxija għall-ilma. Is-sitwazzjoni tant gravat li fl-1761 il-Kavallieri ta’ San Ġwann iddeċidew li jeqirdu l-fonti billi jisploduwha bil-porvli u hekk sar. Imma l-ilma baqa’ ħiereġ xorta waħda.”

    Il-kavallieri ma rnexxielhomx jeqirduha imma ħaddieħor warajhom irnexxielu – illum għadu jnixxi daqsxejn ilma mit-tafal li fadal! Sfortunatament minn informazzjoni li ġbart sibt illi matul is-snin, Filfla kienet sfat letteralment il-mira ta’ diversi ġnus barranin fosthom dawk Franċiżi, Ingliżi, Taljani, Torok u anki Amerikani li kollha, b’xi skuża jew oħra ħassew li setgħu jifqgħu l-armi tagħhom f’din il-‘blata’ tagħna. Infatti l-akbar ħsara fuqha seħħet matul l-aħħar gwerra dinjija meta minħabba li l-Ingliżi dehrilhom li l-gżira tixbaħ lil aircraft carrier, huma użawha biex jeżerċitaw il-forzi militari tagħhom.

    “Għal 200 sena sħaħ, Filfla kienet tigi bbumbardjata mill-Ingliżi u aktar tard mill-forzi tan-NATO kemm mill-art, mill-baħar u kif ukoll mill-ajru. Mill-art l-eżerċizzji kienu jsiru permezz tal-batterija tal-Bombi fuq l-art ta' FilflaQrendi u mbaghad kienu anki ppruvaw kanun ġdid minn Bengħajsa. Sa ċertu punt jiena nifhem dak il-perjodu u n-neċessitajiet fi żmien il-gwerra li wieħed jipprattika għal kull eventwalità li tista’ tinqala’. Iżda min-naħa l-oħra nirrabja meta akkost li nġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar l-importanza tal-għasafar li kienu qed ibejtu fuq Filfla, dawn xorta baqgħu jibbumbardjawha għal snin wara. It-tkissir li hemm madwarha huwa riżultat ta’ dan. Barra minn hekk, meta fis-sebgħinijiet kien twaqqaf il-ħbit fuqha u xi għaxar snin wara ġew iżuruna xi uffiċċjali tan-Navy, l-FAM kienu marru fuq Filfla u splodew xi bombi li kienu sabu. Riżultat t’hekk il-ġebel li kien laħaq straħ reġa’ ċċaqlaq u mill-ġdid beda l-proċess ta’ deterjorament. Sal-ġurnata ta’ llum il-ġebel għadu nstabbli ħafna u din hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għala ħadd ma jista’ jinżel fuq din il-gżira mingħajr permess. Dan biex ma nsemmux il-bombi mhux sploduti li wieħed għadu jiltaqa’ magħhom, kemm fuq l-art u kif ukoll taħt il-baħar.”

    Jingħad x’jingħad l-insensittività tal-ħakkiema lejn il-Maltin tixgħel bil-qawwi u dar-rakkont li ġej huwa wieħed mill-eżempji, meta bi żball, bombi li ġew sparati minn fuq il-baħar, flok laqtu l-Filfla, baqgħu deħlin l-art!

    “L-eżerċizzji ta’ bumbardamenti li saru fuq Filfla kollha ġew reġistrati b’dettall kbir mill-awtoritajiet barranin fejn saħansitra ġie mniżżel kemm ġew sploduti bombi kuljum u liema tip ta’ azzjoni twettqet. Bombi fuq l-art ta' Filfla - 2Fost korrispondenza u dokumenti li kont sibt, iltqajt ma’ każ interessanti li kien jiddeskrivi kif frejgata li kienet qed tipprattika fl-inħawi, meta sparat il-kanuni tagħha minn wara Filfla, flok laqtet il-gżira ċkejkna kif kien pjanat, il-bombi tagħha baqgħu sejrin il-ġewwa u laqtu razzett fil-Baħrija fejn qatlu xi bhejjem u għasafar. B’xorti tajba ma weġġa’ ħadd min-nies tal-post. Madanakollu s-sidien xtaqu xi forma ta’ kumpens u marru jieħdu parir mingħand membru parlamentari tal-fiduċja tagħhom. Min-naħa tiegħu dan il-membru parlamentari kiteb lill-ammiraljat fejn talab l-ewwelnett li dawn il-prattiċi militari kellhom jitwettqu b’aktar responsabbiltà u t-tieni li almenu s-sidien kellhom jingħataw xi forma ta’ kumpens għall-ħsara li ġarrbu. Il-korrispondenza tkompli bil-kaptan jistaqsi lill-ammirall “Who does this young upstart think he is, ordering his majesty’s navy around?” Sfortunatament ma sibtx aktar dokumenti biex nara kif spiċċat dil-biċċa. Iżda dak l-MP ma kien ħadd ħlief il-Perit Duminku Mintoff u l-istorja kulħadd jaf kif tkompli.”

    Ma stajtx nirreżisti milli taħrabli tbissima mqarba u ta’ sodisfazzjon… John kompla jirrakkuntali kif fiż-żminijiet antiki, Filfla kienet għadha tagħmel parti mill-gżira prinċipali.

    “Il-qasma ġeografika magħrufa bħala l-Magħlaq probabbilment kienet il-kaġun li Filfla sfat gżira. F’dak il-perjodu kienu qed iseħħu katakliżmi kbar. Jista’ jkun li dan seħħ meta diġà kien hawn il-bniedem għax nafu sewwa illi f’ċertu nħawi f’Malta, fit-tarf tal-irdumijiet, insibu cart-ruts li jaqtgħu direttament għal fuq il-baħar. Teżisti medda ta’ mijiet ta’ snin fi Żmien il-Bronż f’Malta fejn m’hemm l-ebda sinjali tal-bniedem ta’ dak iż-żmien. Immaġinak qed tara madwar 500 kilometru art lejn in-naħa tax-Xlokk ta’ Malta nieżla kollha taħt il-baħar! X’tagħmel kieku? Mhux iddabbar rasek? Jekk dak kien il-każ, meta l-bniedem irritorna lejn Malta sab illi f’dawk l-inħawi, il-baħar kien mela d-differenza bejn iċ-ċaqliq tal-art u l-partijiet għoljin tal-inħawi ta’ Filfla li issa kienet saret gżira.”

    Minn rapport li kien kiteb il-Kuratur tal-Arkeoloġija F.S. Mallia skoprejt illi kienu nstabu tliet fdalijiet arkeoloġiċi fuq Filfla li kienu jikkonsistu f’xi fuħħar u għadma ta’ Il-bebbuxu ta' Filflaannimal. Waqt riċerka oħra sirt naf illi waqt il-pesta ħarxa tal-1813 ċertu Ġanni Attard kien sab rifuġju fuq Filfla flimkien mal-familja tiegħu, fejn minn żmien għal żmien, qarib tiegħu kien jibgħatlu xi provvisti u b’hekk dawn  irnexxielhom isalvaw minn din l-epidemija. Lil dil-biċċa blata jafulha ħajjithom ukoll bosta sajjieda li waqt xi maltempata qasmu jew għamu lejha, hekk kif jixhdu xi ex-voto li hemm fil-knisja tal-Qrendi. Minn għadd ta’ materjal miġbur dwar Filfla, John urieni wkoll intervista fuq gazzetta li kienet saret lill-pilota Ġermaniż li kien twaqqa’ bl-ajruplan tiegħu viċin Filfla waqt it-tieni gwerra dinjija u dan għam sa fuqha sakemm ajruplan ieħor salvah u ħadu miegħu. Fl-1818 Filfla kienet tappartjeni lill-familja De Noto, filwaqt li llum hija proprjetà tal-gvern Malti.

    “Sad-19-il seklu kien għad hemm il-fniek slavaġ jiġru fuq il-gżira li kienu tħallew fuqha fis-snin l-imgħoddija bl-iskop tal-kaċċa. Uħud mill-ħlejqiet li hemm illum fuq Filfla saru endemiċi fosthom: il-Il-gremxula ta' Filflagremxula magħrufa bħala Podarcis filfolensis filfolensis li għall-kuntrarju ta’ x’jaħsbu bosta, għandha denb wieħed biss. Għandha qies aktar kabbari minn dak li naraw fuq il-gżejjer l-oħra (madwar 30 ċentimetru) u hija ta’ kulur sewdieni bi tbajja ħodor jew koħol. Tip ta’ bebbuxu magħruf bħala Helicella spratti var. despotti huwa wkoll endemiku għal dil-gżira. Fuq Filfla wieħed isib ukoll numru ta’ għasafar ibejjtu bħaċ-ċiefa u l-gawwija. Imma ċertament l-aktar għal qalbi huwa l-Kanġu ta’ Filfla magħruf ukoll bħala Storm Petrel jew Hydrobates pelagicus melitensis.

    Dokumenti antiki dwar Filfla ftit li xejn insibu u ħafna minnhom huma miktuba minn ornitoloġisti li marru jistudjaw l-ekoloġija tal-post. Fl-1954 l-ornitoloġista E.L Roberts, fil-ktieb tiegħu The Birds of Malta iddikkjara illi fuq Filfla kien għad fadal biss żewġ pari kanġi. Għaldaqstant tista’ timmaġina l-ferħ ta’ sħabi tal-Malta Ornithological Society (illum BirdLife Malta) meta marru jinvestigaw fl-1968 u sabu li kien għad hemm kolonja ta’ elf kanġu fuqha akkost li l-gżira kienet għadha qed tiġi bbumbardjata! Kien minn daż-żmien li din is-Soċjetà flimkien mal-Kunsill Ċiviku taż-Żurrieq għamlet talba biex jieqfu l-bumbardamenti fuq il-gżira. Imma dawn waqfu biss fl-1971.”

    John urieni xi ritratti tal-kanġu ta’ Filfla. Kemm kien jixbaħ lill-ħamiema! Imma saqajh kienu qishom ta’ papra ċkejkna.

    “Fit-18-il seklu Giovanni Pietro Agius de Soldanis, storiku magħruf Għawdxi, kien kiteb li sab tmien għasafar ġo għar ġewwa Għawdex li jixbħu lill-beċċun imma ma għarafhomx bħala kanġi. Matul is-sninIl-kanġu ta' Filfla kienu saru diversi riċerki minn bosta studjużi biex isibu din il-kolonja imma ħadd ma kien irnexxielu. Fl-1987 dan l-għasfur li minn rixu jarmi riħa qawwija ta’ żejt tal-ħuta, tani waħda mill-isbaħ ġranet ta’ ħajti meta jien irnexxieli nsib kolonja ta’ kanġi f’għar ġewwa Ta’ Ċenċ f’Għawdex li wisq probabbli kienet l-istess waħda li tkellem dwarha De Soldanis!”

    Minn fuq il-ktieb Bird Studies on Filfla ta’ Joe Sultana u Charles Gauci (li t-tnejn kienu hemm waqt l-ewwel żjara li saret fuq Filfla fis-snin sittin), John beda l-bażi tar-riċerka tiegħu u maż-żmien kompla jibni fuqha. Eventwalment huwa beda jaħdem flimkien ma’ Joe Sultana fejn qed jirriċerkaw il-gżira ta’ Filfla u l-ekoloġija tagħha.

    “Darba fis-sena ninżlu fuq il-quċċata ta’ Filfla permezz ta’ helicopter biex nispezzjonaw il-popolazzjoni tal-gawwi. Imbagħad darbtejn jew tlieta fis-sena immorru nqattgħu lejl fuq Filfla biex insegwu l-popolazzjoni taċ-ċief u tal-kanġu. Illum hemm madwar 200 par ċief, 150 par gawwi u bejn 5000 u 8000 par kanġi jbejtu fuq Filfla.”

    John stqarr miegħi li huwa jħossu tassew ixxurtjat illi xogħolu u l-passatempi tiegħu huma l-istess ħaġa.

    “Anki meta nsiefer, suppost għal vaganza, tista’ tgħid li nkun xogħol. Infatti nippreferi nżur il-gżejjer sabiex inkun nista’ nikkompara t-tajr tal-baħar ta’ pajjiżi barranin ma’ dawk ta’ Malta. B’mod speċifikuFriegħ tal-gawwi fuq Filfla fir-rigward tal-kanġu, f’dawn l-aħħar snin qiegħed nikkompara il-popolazzjoni ta’ kanġi li hemm f’Filfla ma’ dawk li hemm f’Ta’ Ċenċ u anki ma’ kolonji barranin bħal ngħidu aħna l-kolonja ta’ kanġi li hemm fuq il-gżira ċkejkna Marittimo li tinsab fil-punent ta’ Sqallija, fejn hemm jgħixu 2000 par, jew il-kolonja li tgħix f’għar faċċata tal-belt ta’ Benidorm fi Spanja. Interessanti nsemmi li f’kull każ l-esperjenza hija totalment differenti hekk kif l-ambjent jaffetwa ħafna l-aġir ta’ dawn l-għasafar, b’mod speċjali kif ibejtu.”

    Għalkemm Filfla kienet tiġbidni ħafna, qatt ma kont bsart li kien hemm daqshekk tagħrif x’tiġbor dwarha! Fil-fatt John qiegħedXiutu l-Kbir (Filfla) jipprepara biex jippublika ktieb dwar dil-gżira li dwarha ilu jirriċerka tant. Hekk kif kont qed nisma’ dar-rakkonti, minn taħt il-għajn kont qed insegwi d-dgħajsa tagħna toqrob dejjem aktar lejha. U hemm intbaħt li ħdejn Filfla kien hemm żewġ blatiet kbar li kienu magħrufa bħala Xiutu l-Kbir u Xiutu ż-Żgħir. Sfortunatament hekk kif ersaqna qrib Filfla, il-baħar tqawwa f’daqqa, tant li kien impossibli li nduru magħha kif kien maħsub. Għaldaqstant inxtħett nieħu r-ritratti ta’ Filfla bla heda hekk kif sibt ruħi daqstant viċin tagħha.

    “Għall-ornitoloġisti Filfla hija ġawhra u infatti meta nattendi għal xi konferenza u nuri r-ritratti ta’ dak li hemm fuqha, nogħxa nara l-barranin jgħiru għalina. Infatti jkollna diversi talbiet minn għandFriegħ tal-gawwi qed ifaqqas fuq Filfla bosta studjużi li jkunu jixtiequ jakkumpanjawna meta ninżlu fuqha. Ormaj żort ħafna gżejjer oħra imma Filfla hija unika għalija. Meta nkun fuqha, l-atmosfera ta’ x’ħin ikun qed jidlam u tkun qed tistenna l-ewwel kanġu jew l-ewwel ċiefa dieħla, ma nibdilha ma’ xejn!”

    Għajnejja ma stajtx naqlagħhom minn fuqha daqs kemm kont ilni nixxennaq għaliha. U ta’ belha li jien, akkost li bdew iwiddbuna biex inpoġġu bil-qiegħda, saqajja bħal weħlu mal-art u bqajt hemm b’għajnejja nixrob sa l-inqas dettall tagħha. Kont irrabbjata għal dak il-baħar li ma ħallinix ingawdiha ftit aktar iżda fl-istess ħin iggustajtu hekk kif stħajjiltu l-protettur tagħha, jżommna ‘l bogħod mill-maħbuba tiegħu Filfla. Forsi bħali, kien xeba’ jara ‘l min jagħmlilha l-ħsara!

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-17 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.17 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • ARTI BL-GĦADAM UMAN

    L-ewwel darba li rajt ritratt tal-Kappella tal-Għadam li kien hemm il-Belt tkexkixt! Ma stajtx nifhem xi jwassal biex bniedem jibni xi ħaġa makabra bħal dik. Kien għalhekk Il-kappella tal-għadam li xtaqt nara l-perspettiva ta’ ħaddieħor dwarha. Intant, ftit tal-ġranet ilu nirċievi telefonata mingħand wieħed li xtaq jagħtini intervista proprju dwar din il-kappella. Laqgħatni ħafna l-fatt illi rrefera għaliha bħala kappella mill-isbaħ u aktar minn hekk meta qalli illi fi ċkunitu hu kien daħal fiha u kien għadu jiftakarha sewwa. Din kienet ix-xoqqa f’moxta biex finalment insir naf iżjed dwar din il-binja stramba. Stajt nobsor illi hekk kif kont ser niftaħ l-għatu fuqha kont ser niltaqa’ ma’ bosta rakkonti, esperjenzi u ġrajjiet uniċi u forsi wkoll xi ftit grotteski…

    Iltqajt ma’ Ralph Micallef quddiem il-bini tal-Evans il-Belt, eżattament ħdejn is-sit fejn illum jinsabu l-fdalijiet tal-Kappella tal-Għadam. Miegħu hu ġab kartolina antika li turi l-intern ta’ din il-kappella bil-ħitan u s-soqfa mżejjna bl-għadam uman.

    “Id-dehra tagħha kienet isservi ta’ attrazzjoni qawwija kemm għall-poplu Malti u kif ukoll għal numru kbir ta’ turisti. Fiha kienu jsiru wkoll diversi pellegrinaġġi ta’ devozzjoni speċjalment fix-xahar ta’ Novembru li huwa ddedikat għall-erwieħ.”

    Imma kappella hekk ma tarahiex makabra?

    “Le, lanqas xejn. Anzi jiena kont naraha sabiħa, sinifikanti u ta’ devozzjoni. Dħalt fiha għall-ewwel darba meta kelli xi sebgħa snin. Sħabi kienu ilhom jgħiduli biha u darba waħda tlabt lil ommi biex teħodni. Ma niftakarnix nibża’ jew nipprendiha, iktar nista’ ngħid li affaxxinatni fir-realtà. Minn dakinhar jiena u sħabi konna bqajna inżuruha xi kultant speċjalment peress li fil-viċin kien hemm ukoll l-iskola tagħna, dak iż-żmien magħrufa bħala Ta’ Sant’Iermu.”

    Imma possibbli ta’ età daqshekk tenera, affarijiet bħal dawn ma kienux ibeżżgħuk?

    “Ta’ tfal li konna, konna naħsbu li hekk jew hekk il-mewt ma kinetx ser tiġi għalina f’dak iż-żmien. Jista’ jkun ukoll li l-mewt ma kinetx timpressjonani daqshekk peress li   jiena kont abbati u mhux l-ewwel darba li akkompanjajt il-mejtin bil-karrijiet tagħhom.”

    X’memorji għandek ta’ dan il-post?

    “Kif tista’ tara mill-fdalijiet tal-bini, il-kappella kienet pjuttost żgħira. Kienet qisha kappella kwalunkwe iżda minflok l-ornamenti tas-soltu, l-ħitan tagħha kienu kollha miksija bl-għadam uman u stajt tagħraf sewwa l-partijiet tal-iskeletru; bħall-għadam tas-saqajn, il-qafas tas-sider, ir-ras eċċ. Kienu stivati b’mod tant pulit li letteralment kienu jidhru sbieħ u partikolari ħafna.

    In-nies ma kienux jiddejjqu minnha għax min kien imur hemm kien ikollu devozzjoni kbira lejn l-erwieħ. Kien anki jitqaddes il-quddies fiha għalkemm ħafna min-nies kienu jispiċċaw barra minħabba ċkunitha. Bħala parti mid-devozzjoni, in-nisa kellhom użanza li jiġu lebsin l-iswed akkost li ma kienx ikollhom vistu.

    Xi drabi ġieli attenda fiha wkoll San Ġorġ Preca fejn kien jagħti konferenzi dwar is-suġġett favorit tiegħu – dak tan-novissmi. Hu kien iħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu meditazzjoni dwar il-mewt, il-ġudizzju, l-Dettall mill-kappella tal-għadaminfern u l-ġenna u naturalment kien isib l-ambjent tal-kappella addattat ferm għal-laqgħat tiegħu. Kien jgħidilna “Ħuti, tafu li xi darba bħal dawn għad irridu nsiru, għadam. Għalhekk tajjeb li wieħed jgħix ħajja tajba għax il-ġisem jispiċċa u r-ruħ tmur tgawdi lil Alla jew tintilef fl-infern. ”

    Tiftakarha tiġġarraf il-kappella?

    “Jien niftakar l-aħħar gwerra mill-bidu tagħha sal-aħħar imma meta waqgħet dil-kappella aħna konna diġà tlaqna mill-Belt bħal kif kienu għamlu għadd ta’ Beltin oħrajn.

    Għall-ewwel konna bqajna noqogħdu f’darna l-aktar minħabba li missieri kellu ħanut il-Belt fejn kien jaħdem bħala skarpan. Iżda darba minnhom id-darRalph Micallef intlaqtet waqt attakk u kellna mmexxu kollox għall-ħanut. Meta l-ħanut tfarrak ukoll kellna nagħmlu xi ġranet ngħixu fil-kannierja ta’ taħt il-Knisja ta’ San Duminku li dak iż-żmien kienet tintuża bħala xelter u anki bħala abitazzjoni temporanja sakemm wieħed isib post ieħor fejn joqgħod. Finalment l-Uffiċċju tal-Protezzjoni kienu sabulna post fil-mina tal-vapur li tiġi eżatt taħt Kristu Re fil-mall tal-Furjana. Hemmhekk konna norqdu fuq il-krucjetti li kienu sodod jibdew mill-art impoġġijin waħda fuq l-oħra u titla għalihom b’sellum. Minn hemm morna noqogħdu f’mezzanin f’ċertu Sqaq numru 2 f’tal-Pietà imma anki hemm intlaqat bil-bombi! Din kienet qed tiġri lil bosta familji oħra u mhux lilna biss. Trid tarana kull darba nfittxu taħt it-tifrik tal-ġebel biex naraw x’nistgħu nsalvaw, niġbruhom fil-boroż tal-plastik  u nġorruhom magħna. Darba minnhom ġarrejna kollox ġo dar f’Birkirkara sakemm oħt patri Dumnikan saret taf bl-istorja tagħna u offritilna kamra kbira ġewwa dar fil-pjazza quddiem San Duminku fir-Rabat. Xelters kien hemm ftit li xejn u għaldaqstant meta kien isir xi attakk mill-ajru, konna nidħlu nistkennu taħt il-mejda. Fortunatament la Birkirkara u lanqas hawn ma ntlaqtu l-postijiet fejn konna noqogħdu. U niżżu ħajr ‘l Alla, il-membri kollha tal-familja tagħna għaddew il-gwerra qawwijin u sħaħ. Iżda kienu żminijiet koroh ferm fejn il-poplu Malti sofra ħafna minħabba l-barrani. Żgur li kien jistħoqqlu trattament ħafna aħjar minn sempliċi George Cross!”

    X’sinifikat ikollu r-reliġjon waqt il-gwerra?

    “Fil-gwerra r-reliġjon kien fl-aqwa tiegħu tant li ġieli anki għamilna purċissjonijiet bis-sagrament akkost il-biża’ tal-attakki mill-ajru u t-tifrik fit-toroq. Niftakar illi fil-festa ta’ San Duminku l-patrijiet kienu joħorġu bir-relikwa flok bl-istatwa. Ta’ min isemmi illi l-patrijiet Dumnikani ma kienux ħarġu mill-Belt u kienu baqgħu jassistu lill-ARP li kienu nies li jieħdu ħsieb lil dawk li jintradmu taħt il-ġebel. Il-feruti kienu jġorruhom biex jiddewwew fil-Liċeo li kien qed iservi bħala klinika. Imbagħad kienu  jittieħdu fl-isptar ċentrali l-Furjana li dak iż-żmien kien fejn hemm id-depot tal-pulizija llum.”

    Minn dawk l-inħawi għaddejt bosta drabi imma qatt ma ntbaħt bil-preżenza tal-fdalijiet ta’ din il-kappella. L-isem tagħha ‘The Chapel of Bones’ jinsab moħbi bejn il-friegħi ta’ Il-fdalijiet tal-kappella illumsiġra kbira. Akkost li xi snin ilu s-sit ġie studjat u kkurat mill-arkeoloġisti tal-Archaeology Services Co-op Ltd, illum dan jinsab ittraskurat u abbandunat għal kollox u pjuttost qisu miżbla bl-imbarazz li rmew fih. Ma nafx x’ġara mill-pjanijiet li kien hemm dwaru biex il-fdalijiet jinfetħu għall-pubbliku bħala parti mill-proġett tar-riabilitazzjoni tal-Belt Valletta!

    “Hija ħasra li dil-kappella spiċċat f’din il-kundizzjoni. Sal-lum għadhom jiġu t-turisti jistaqsu għaliha peress li kienu jsemmuhielhom il-ġenituri tagħhom li kienu jiftakruha.

    Nixtieq ħafna li nerġa’ nara dil-kappella tinbena għax kieku żgur li terġa ssir attrazzjoni kemm għall-poplu Malti u kif ukoll għat-turisti. Faċli biex tinbena għax il-kappella ċkejkna ħafna. Mhux qed ngħid illi għandha terġa’ ssir eżatt kif kienet imżejjna bl-għadam għax nifhem illi llum diffiċli. Imma almenu nemmen li għandha tittella’ kappella fuq il-pedamenti l-oriġinali u ġewwa fiha titpoġġa l-informazzjoni kollha dwar l-istorja kollha tagħha. Ikun xieraq li kieku d-Dipartiment tal-Kultura flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Belt jerġgħu jqajjmu l-interess f’din il-kappella għax hija parti mill-patrimonju antik ta’ Beltna u ta’ pajjiżna.”

    Komplejt nistħarreġ ftit aktar u sibt li l-istorja ta’ din il-kappella tmur lura saħansitra sa żmien il-kavallieri. Fil-fatt fl-1583 kienet ittellgħet kappella flimkien ma’ ċimiterju biswit il-bini tas-Sagra Infermerija fil-Belt u fl-1619 il-Kavallier Fra Giorgio Nibbia ħallas għall-bini ta’ kappella oħra fil-viċin. Din kienet iddedikata lill-Madonna tal-Ħniena għalkemm kienet ukoll magħrufa bħala “Ta’ Nibbia” u kienet isservi biex fiha jsir il-quddies għal ruħ dawk li jmutu fl-Infermerija. Meta fil-5 ta’ Settembru 1730 din il-kappella kienet qegħdha tinħatt, infetaħ il-qabar tal-fundatur tagħha u nstab illi l-katavru tiegħu kien għadu mhux mimsus. Fl-1731 l-kappella nbniet mill-ġdid u kien fiha żewġ artali. Fl-1776 iċ-ċimiterju tas-Sagra Infermerija mtela’ u għalhekk ġie mnaddaf u l-għadam tqiegħed f’ossarju. Fl-1852 il-Kappillan tal-Isptar, ir-Rev. Sacco iddeċieda li jżejjen il-kappella bl-għadam tal-mejtin li kien hemm midfuna fiċ-ċimiterju u minn dakinhar ‘l hawn il-kappella saret magħrufa bħala l-“Kappella tal-Għadam”. Din il-kappella ġġarfet fl-aħħar gwerra fl-14 ta’ Frar 1941 u mid-dehra l-għadam li kien fiha nġabar u ndifen f’xi post ġewwa ċ-ċimiterju tal-Addolorata.

    Mit-tiftix tiegħi sibt illi din l-użanza tat-tiżjin bl-għadam uman kienet imxerrda wkoll f’diversi pajjiżi oħra. F’moħħi baqgħet tbherren il-mistoqsija dwar kif setgħet twieldet drawwa bħal din.  Jidher illi waħda mir-raġunijiet kienet il-marda qalila tal-pesta li matul diversi snin ħasdet il-ħajja ta’ eluf ta’ individwi madwar id-dinja kollha. In-nies bdew imutu bil-gzuz, iċ-ċimiterji mtlew u anki l-għelieqi tal-madwar. Inħolqu l-ossarji imma anki dawn bdew ifuru u minn hemm ħarġet l-iktar idea bizzarra ta’ riċiklar – l-arti bl-għadam uman!

    Ma setax jonqos illi fuq suġġett bħal dan inkellem ukoll lill-ħabib tiegħi u riċerkatur Eman Bonnici. Kont deċiża li did-darba ma nħallihx iwaħħaxxni għax deherli li ormaj Oqbra fiċ-ċimiterju ta' Wied Għammieqkont naf x’isarraf. Imma mort imqarrqa għax mid-dehra għadni ma nafux biżżejjed! Fil-fatt għażel li niltaqgħu proprju fiċ-ċimiterju ta’ Wied Għammieq, fir-Rinella l-Kalkara u f’dak l-ambjent kelli nkompli nisma’ dak kollu li kellu x’jgħidli…

    “Snin ilu hawnhekk kien jintuża biex jindifnu dawk li mietu bil-pesta. Jingħad li Malta tant kienet intlaqtet b’din il-marda, li kien hemm żmien meta ġabu anki priġunieri minn Sqallija biex jidfnu lill-mejtin Eman Bonnici peress li ħadd aktar ma ried jagħmel dak ix-xogħol. Iżda sfortunatament mhux il-mejtin biss kienu jindifnu f’dan il-post! Il-biża’ li l-marda setgħet tkompli tixtered waslet biex uħud minn dawk li ġew infettati, ndifnu ħajjin flimkien mal-katavri l-oħra. Kienet mewta twila, tremenda u ddisprata u kien hemm min isostni li f’dawk iż-żminijiet, min kien jgħaddi bis-serqa mill-inħawi, kien jisma’ lil dawn l-imsejkna jitolbu bil-ħniena għall-ajjut mill-qiegħan ta’ qabarhom.”

    Hemm aħna! Daqshekk għamilt nies! Qalbi għamlet tikk u bdejt inħares madwari biex nipprova nifhem fejn seħħ dan kollu.

    “Illum l-oqbra huma vojta għax kif turi din il-lapida fl-1881 il-fdalijiet tal-midfunin inqalgħu kollha u tpoġġew kollha f’ossarju taħt dan is-salib. Ta’ min isemmi illi sal-ġurnata ta’ llum għadhom jiġu diversi nies biex jitolbu għal dawn l-erwieħ li mietu mewta daqshekk kiefra.”

    Il-kliem dar għal fuq l-użanzi tal-immummifikar u t-tiżjin bl-għadam uman.

    “Hemm min jgħid illi kienu l-patrijiet Kapuċċini li bdew dawn id-drawwiet. Huma kienu jagħtu ħafna importanza lill-mewt tant li kienu jirreferu għaliha bħala “oħthom”. Għidut ieħor jirrakkonta illi San Franġisk t’Assisi kien irnexxielu joħloq ir-riċetta għall-mummifikazzjoni perfetta, xi ħaġa li ma tantx tinżilli għax nemmen li dan il-bniedem kellu ħafna aktar affarijiet x’jagħmel.

    Bejn l-1725 u l-1730 taħt il-knisja u l-kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Minuri Kapuċċini l-Furjana, fuq idea ta’ Patri Ġużepp Grech, tħaffret kripta sabiex tilqa’ fiha l-membri ta’ din l-Ordni u anki lil xi membri ta’ familji nobbli. Il-kannierja kienet imżejjna b’bosta niċeċ u fiha kienu jitqiegħdu l-iġsma mqaddgħa – użanza li x’aktarx inġiebet mingħand il-Kapuċċini ta’ Palermo. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-kripta sofriet bosta danni waqt attakk mill-ajru u kien biss wara diversi snin illi ġiet restawrata, għalkemm did-darba l-għadam tpoġġa’ ġo ossarju.

    F’pajjiżi oħra fadal numru ta’ postijiet bħal dawn li għadhom intatti sal-lum u fihom imorru għadd kbir ta’ turisti. Waħda mill-aktar magħrufa hija l-kripta li tinsab maġenb il-Knisja ta’ Santa Maria dellaKripta ta' Palermo Pace f’Palermo. F’din il-kripta li tħaffret madwar 500 sena ilu, tpoġġew l-iġsma mmuffikati ta’ bosta persuni li llum huma mqassmin f’diversi kategoriji bħal: familji, xebbiet, trabi, kleru u uffiċċjali. Ħafna minnhom huma lebsin l-aħjar ilbies u jiġbdu ħafna l-għajn imma probabbilment l-aktar mummja mfittxija mill-viżitaturi hija dik ta’ Rosalia Lombardo; tifla ta’ sentejn li mietet fl-1920. Isejjħulha “La bella addormentata” peress li ġisimha wara dawn is-snin kollha baqa’ perfett daqs li kieku għadha tieħu n-nifs.

    Kripta oħra simili tinsab fil-Knisja ta’ Santa Maria della Concezione f’Ruma. Saret fl-istess żminijiet u fiha jinsabu l-fdalijiet ta’ 4000 patri li ndifnu bejn l-1500 u l-1870. Il-ħitan tal-kripta huma kollha miżgħuda bl-għadam uman u jistrieħu magħhom hemm ukoll xi patrijiet immumifikati.

    Post ieħor famuż u mfittex minn bosta turisti li jinteressaw ruħhom f’dawn il-lokalitajiet huwa l-ossarju ta’ Sedlec fir-Repubblika Ċeka. Dan jiġbor fih daqsSedlec - linef bl-għadam 70,000 skeletru li l-għadam tagħhom iżejjen il-lok b’mod tassew artistiku. Jingħad li ndifnu tant nies f’dan il-post minħabba d-devozzjoni li nħolqot wara li l-Abbati Enriku ta’ Ċisterċensi għamel żjara fl-Art Imqaddsa, ġab miegħu ponn trab minn fuq il-Golgotha u xerrdu fuq iċ-ċimiterju ta’ l-Abbazija. Dan l-ossarju huwa mpressjonanti ferm speċjalment minħabba li anki l-ornamenti bħal-linef u l-armi tal-familji huma kollha kemm huma maħduma mill-għadam uman.”

    Il-lista li ġab miegħu Eman kienet ferm itwal. Spikka l-fatt illi f’uħud minn dawn il-postijiet wieħed isib frażijiet bħal “Dan l-għadam tagħna. Tiegħek qed jistenna.” jew “Dak li inti int illum, xi darba konna aħna; dak li aħna aħna, xi darba għad tkun int.” Ovvjament Eman ġieli żar postijiet bħal dawn u għalhekk xtaqt inkun naf x’jidhirlu dwarhom?

    “Ma tridx tħares lejhom b’għajnejn moderni biss għax inkella tarahom makabri. Trid tiftakar li dan hu fenomenu li seħħ fil-Medju Evu fejn in-nies kellha kultura differenti peress li l-mewt kienet xi ħaġa ta’ kuljum u n-nies ma setgħetx ma tibnix kult madwarha.

    Fl-istess ħin, għalkemm nistqarr li l-użu tal-għadam uman għad-dekorazzjonijiet ta’ dawn il-postijiet hu eċċentriku, jirnexxieli xorta waħda nammira l-artistrija li dawn inħadmu biha. Għall-ewwel meta tisma’ l-frażi “kappella tal-għadam” jiġik f’moħħok ċimiterju u mewt. Imma meta tidħol f’dawn l-ossarji, l-kripti u l-kappelli u tara dak li l-bniedem kien kapaċi jagħmel b’sempliċi għadam uman, ma tistax ma tistagħġibx bis-sengħa użata għal dax-xogħol.

    Hemm min xorta waħda jsostni li postijiet hekk huma makabri filwaqt li oħrajn jgħidulek li huma artistiċi. Imma finalment naħseb li s-sinifikat tagħhom huwa wieħed spiritwali u li wara kollox dik kienet ir-raġuni prinċipali għala bdiet din l-użanza.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Ġunju 2010 u ġie wkoll magħżul minn Din L-Art Ħelwa għall-premju Prix D’Honneur fil-kompetizzjoni tal-Wirt Kulturali Mibni tal-2010)

    2010.06.27 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • GĦIX IL-LEĠĠENDA…

    Kien sabiħ żmien it-tfulija meta konna nintilfu noħolmu bl-istejjer li konna naqraw dwar prinċpijiet u prinċipessi, sħaħar, draguni, kastelli u palazzi. Ta’ tifla li kont ma kelli l-ebda dubju illi xi darba anki jiena għad niltaqa’ mal-prinċep tiegħi… ridt biss nieħu ftit paċenzja u nistenna sakemm isibni u jagħrafni. Ġeneralment mal-medda taż-żmien dan il-ħolm jintefa’ u jinbidel mar-realtà pjuttost differenti. Iżda dan ma seħħx fija… il-prinċep bqajt infittxu u nistennih sakemm sibtu! Ħdax-il sena wara xtaqna niċċelebraw l-anniversarju taż-żwieġ tagħna. Għażilna li mmorru nqattgħu erbat ijiem ġewwa Villa Trigona fi Sqallija. Ftit bsart illi hemmhekk kont ser niltaqa’ ma’ persuni illi tassew għexu f’palazz….

    “Il-familja tagħna hija antikissima,” beda jirrakkuntali Emanuel, wieħed mill-proprjetarji ta’ Villa Trigona li toffri residenza ta’ agrituriżmu. “Jingħad illi l-familja tagħna oriġinat mill-vikingi li kienu jgħixu Emanuel Maltese Trigonafl-Iżvezja bejn is-snin 800 u 1000. L-ewwel wieħed li nafu bih kien jismu Salardo dei Montichiari. Skont l-informazzjoni li ksibna, il-kunjom Trigona beda meta dawn il-vikingi niżlu lejn in-Normandija u akkwistaw kastell bl-isem ta’ Trigonne. Maż-żmien huma mxew lejn Sqallija fejn il-familja tkattret u kibret fil-kalibru speċjalment permezz ta’ numru ta’ żwiġijiet f’familji oħra sinjuri. Il-familja Trigona kellha importanza kbira fi Sqallija u l-membri tagħha laħqu livelli għolja ħafna fis-soċjetà. Fil-fatt fil-familja Trigona issib prinċpijiet, markiżi, barunijiet, kardinali, sindku ta’ Palermo u anki qaddis!

    Fil-belt ta’ Piazza Armerina kien hemm madwar sittax-il palazz tal-familja Trigona. L-aktar wieħed famuż jinsab biswit il-kattidral li kien iffinanzja Marco Trigona fis-seklu sbatax. Jiena qattajt it-tfulija tiegħi f’wieħed minn dawn il-palazzi li kien hemm fil-pjazza. Il-faċċata tiegħu kienet mogħnija bl-isbaħ skultura u statwi tal-ġebel. Iżda f’nofs is-sittijiet in-nannu biegħ dan il-palazz u ġie joqgħod hawn f’din il-villa.”

    Ta’ kurjuża li jien u speċjalment bħala Maltija, xtaqt inkun naf minn fejn ġie l-kunjom l-ieħor tiegħu – Maltese…

    “Maltese huwa kunjom missieri. Jingħad illi l-kunjom tal-familja tiegħu oriġinarjament kien Timera. Sar Maltese meta wieħed mill-antenati ġie mlaħħaq gvernatur ta’ Malta u wara li ġie lura Sqallija, baqa’ magħruf bħala ‘il Maltese’ sakemm ftit ftit dan il-laqam sar kunjomu. Fil-fatt hawnhekk, meta naraw li ser nilqgħu lill-Maltin fostna, ngħidu ara ġejjin il-kuġini!”

    Il-kortesija li ġejna milqugħin biha kienet mill-aqwa. Daqshekk ieħor kienu ġenwini l-eleganza tal-post u l-awtentiċità tal-villa storika. Mill-ewwel laqtitli għajnejja l-arma tal-familja Trigona esposta mal-faċċata tal-bini. Interessanti wkoll kienu l-għadd ta’ oġġetti u biċċiet ta’ għamara antiki mxerrda mal-villa kollha….

    “Forsi għall-għajnejn tan-nies li jiġu jżuruna, dawn l-affarijiet jidhru biss oġġetti sbieħ u kurjużi. Imma għalina dawn għandhom sinifikat kbir. Ara din il-kaxxa per eżempju… fiha nannuwi kien jerfa’ x-L-arma tal-familja Trigonaxfafar tal-leħja. Meta xtara l-magna elettrika, hu ta din il-kaxxa lili u jien ta’ tifel li kont, kont nerfa’ r-ritratti tal-plejers fiha. Din il-kaxxa l-oħra jien niftakarha fil-kexxun tal-iskrivanija tiegħu fejn fiha nannuwi kien jerfa’ it-timbru tal-arma tal-familja sabiex ikun jista’ jagħmel is-siġill fix-xemgħa. X’ser nurik aktar? Ara… dak t’hemm huwa strument li kien jintuża’ biex jingħalqu l-għotjien tal-vażetti tal-kunserva. Meta nħares lejh il-memorji tiegħi jiġru lura snin sħaħ. Quddiemi nibda nara l-bdiewa ħawtiela li kellna fil-villa jiġbru t-tadam li konna nkabbru sabiex issir il-kunserva, nibda nxomm il-borom isajjru l-kunserva magħquda u għajnejja jintlew bil-kuluri li kien mimli bihom il-post.”

    Imma l-idea li jużaw Villa Trigona għall-agrituriżmu, kif bdiet?

    “Sfortunatament meta miet nannuwi din il-villa ġiet abbandunata għal madwar għoxrin sena sħaħ. Ommi Adele kienet ħasbet tneħħi l-għamara u l-oġġetti kollha minnha biex tevita li jinsterqu. Il-ħolma tal-familja tiegħi kienet li xi darba nerġgħu nagħtu l-ħajja mill-ġdid lil din id-dar li tagħha kellna bosta rikordji sbieħ. Iżda l-kobor tad-dar u l-ħsara li kienet ġarrbet, kienu wisq biex aħna nirrestawrawha sempliċiment biex nużawha għal għaxart ijiem f’sena. Però darba waħda sirna nafu illi xi proprjetarji Ingliżi ta’ diversi palazzi kienu qegħdin jiftħu dawn il-postijiet għall-pubbliku sabiex permezz tal-fondi li jiġbru jsostnu l-ispejjeż tal-post. Għoġbitna l-idea u dehrilna li stajna nwettqu l-istess ħaġa bil-villa tagħna. B’hekk kull min jiġi hawn ikun jista’ jgawdi mill-istorja u l-ġmiel tal-post u fl-istess ħin jikkotribwixxi għaż-żamma tiegħu.”

    Kont interessatha nkun naf kemm baqgħu leali lejn in-natura oriġinali tal-post….

    “Ippruvajna nħallu kollox kif kien eżatt iżda strutturalment ma kienx kullimkien possibbli. Xorta waħda nista’ ngħid illi t-tibdil kien minimu. Domna sena u nofs nirristrutturaw din id-dar. Bdilna s-soqfa, qlajna l-madum kollu u erġajna waħħalnih f’postu. Ġibna lura l-għamara li kien hawn u poġġejniha mill-ġdid fil-kmamar. Sfortunatament meta d-dar kienet abbandunata, bdew jinsterqu xi affarijiet minnha fosthom qanpiena kbira li kienet issejjaħ lill-familja għall-ikel u għall-quddiesa fil-kappella kull nhar ta’ Ħadd. Kienu wkoll bdew jieħdu xi ġebel mill-funtana li hemm fuq in-naħa ta’ barra tal-villa. Għalhekk kont żarmajtha u armajtha fid-dar tiegħi. Damet ħdax-il sena hemmhekk tistenna l-ġurnata sakemm reġgħet twaħħlet fl-art ta’ din il-villa.”

    Villa Trigona tinsab fi Piazza Armerina qrib Enna. Hija mdawrra b’medda kbira ta’ art li tagħniha bi privatezza assoluta. Il-post innifsu huwa mistur f’kampanja mill-isbaħ u f’silenzju armonjuż. Tħossok qed tgħix f’dinja oħra…. u għalhekk bqajna skantati meta fil-villa sibna grupp ta’ Maltin…

    “F’Diċembru 2007 ftaħna l-bibien tal-villa sabiex nilqgħu lin-nies fiha. Minn dakinhar ġew iżuruna minn 36 nazzjon differenti. L-aktar li jiġu mill-Olanda, minn Franza u mill-Ġermanja. Però Maltin jiġu mhux ħażin u kull sena dejjem qed jiżdiedu. Fil-fatt nista’ ngħid illi l-Maltin huma l-aktar nies li jqattgħu l-itwal ammont ta’ ġranet hawnhekk.”

    Il-kamra tagħna kienet spazjuża, mżejjna b’għamara antika u bl-aperturi tagħha jagħtu fuq il-kampanja sbejħa tal-madwar. Meta rani daqshekk interessata Emanuel offra li jdawwarni dawra mal-villa…

    “Hawn 15-il kamra fil-villa li tnejn minnhom huma suites. Kull min jiġi jqatta’ vaganza hawn, jista’ jqis din il-villa bħala d-dar tiegħu. Għaldaqstant wieħed jista’ juża’ l-librerija żgħira li għandna, jisma’ l-mużika, imur dawra bil-mountain bikes, jilgħab il-boċċi f’kamp apposta, il-futbol, il-billiard, il-ping-pong, jispara bil-qaws jew imur xi rikba biż-żwiemel. Għat-tfal għandna post apposta bil-bandli żgħar u bosta annimali li huma jistgħu jaraw jgħixu madwarhom fostom dawk iż-żewġ gidjien li twieldu ħmistax ilu.”

    L-ikel li ġie offrut lilna kien abbondanti, tipiku ta’ dawn l-agrituriżmi. Il-benna tiegħu iġġiegħlek tiekol kull ma jġibulek quddiemek. Il-ħlewwa stajt tagħsarha wkoll minn Angela MerigoAngela li b’passjoni u b’dedikazzjoni kbira kienet qed tħawwar u tippreżenta platt appettituż wara l-ieħor. L-ospitalità f’dan il-post tant hi ġenwina illi kemm Emanuel u kif ukoll Angela qagħdu bil-paċenzja kollha jaraw kif jagħmlu biex isibu ikel apposta li jogħġob lit-tifla tagħna – att kważi erojku għax normalment bilkemm tiekol.

    “M’għandnix ħafna prodotti hawnhekk imma aħna nieħdu pjaċir naqsmu dak li jkollna mal-mistednin tagħna. Fil-fatt aħna nipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa tagħna u l-ħxejjex li nsajjru nkabbruhom f’dawn l-egħlieqi. Kultant inkunu nistgħu nipprovdu wkoll xi bajda friska u dawn il-‘marmellati’ tagħmilhom ommi mill-frott tagħna.”

    Imma fir-realtà x’differenza hemm bejn il-ħajja meta l-villa kienet tal-familja personali u issa li jridu jilqgħu n-nies fiha?

    “Id-differenza hija minima. Meta d-dar kienet tagħna biss, aħna konna nilqgħu fiha ħafna ħbieb u daqshekk ieħor għadna nagħmlu. Min jiġi jqatta’ ftit jiem hawn, aħna maIkel ġenwin nqisuhx bħala klijent imma bħala ħabib li ġie joqgħod għal ftit ġranet magħna. Nagħmlu minn kollox biex nibnu ambjent u relazzjoni ta’ ħbiberija ma’ kull min jiġi hawnhekk. Hekk kif nilqa’ l-ħbieb f’dari, daqshekk ieħor nilqa’ lil kulħadd hawn.”

    Ma kienx qed jigdeb. Hekk kif konna għoddna spiċċajna nieklu, Emanuel beda joħroġ għadd ta’ fliexken tax-xorb u ma qgħadx bi kwietu qabel dewwqilna xi tnejn minnhom…

    Għalkemm Villa Trigona tinsab maqtugħa għaliha, jekk tkun biżżejjed avveturuż, il-post huwa ċentrali għal bosta lokalitajiet oħra ta’ nteress. Fil-fatt f’erbat ijiem irnexxielna naħartu biċċa minn Sqallija mhux ħażin. Is-sabiħ kien illi fl-aħħar tal-ġurnata taf li hemm dar komda u lussuża biex tilqgħek u familja li qed tistenniek għall-ikel.

    Jiġi min jistaqsik għaliex għandi nagħżel agrituriżmu meta nista’ mmur f’hotel?

    “Fir-realtà hija għażla ta’ tip ta’ ħajja,” spjegali Emanuel. “Jekk tmur f’hotel jista’ jkun li jkollok xi ftit aktar kumditajiet. Imma ġeneralment kull ma ser ikollok kamra f’nofs belt. Min-naħa l-oħra, meta Villa Trigonatagħżel l-agrituriżmu jkollok il-libertà li tiġri barra għall-arja, tgawdi n-natura, l-fjuri u l-kuluri sbieħ. Tista’ tisma’ l-għasafar ipespsu u l-ħmar jinħaq filwaqt li ssegwi l-fniek slavaġ fit-toqob tagħhom. L-ikel li tiġi provdut bih ikun frisk, għadu jinqata’ jew jinħadem mill-egħlieqi tagħna. Fuq kollox ma jkollokx kamra imma jkollok dar.”

    Kollox fih tmiemu u daqshekk ieħor din il-vaganza li għalkemm qasira, bħal donnha ħadna l-impressjoni li kienet ħafna itwal. Ma stajtx inneħħi minn fuqi s-sens ta’ nostalġija hekk kif bdejna nsellmu lil dawn il-ħbieb li laqgħuna b’darhom b’tant affezzjoni u speċjalment hekk kif Angela ġiet tagħfasni f’tgħanniqa ġenwina ta’ ħbiberija.

    “Erġgħu ejjew fix-xitwa,” qaltli “u nixgħelilkhom il-fuklar. Tkunu tistgħu tixorbu kikkra kafè quddiemu jew taqraw xi ktieb għall-kumdità tas-sħana tiegħu.”

    “Kull min jiġi jżurna aħna nippruvaw ninvolvuh fil-ħajja ta’ din il-villa,” kompla Emanuel. “Meta rrestawrajna din id-dar fiha rritornaw in-nies li kienu jgħixu hawn qabel u b’hekk anki huma bħal reġgħu ħadu l-ħajja wkoll. Kull min jixtieq jiġi s’għandna huwa mistieden ikun hu wkoll parti mill-leġġenda ta’ Villa Trigona.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-13 ta’ Settembru 2009)

    2009.09.13 / no responses / Category: Torca - Perspettivi