Posts Tagged ‘Ta’ Qali’

  • GĦALIEX TWAQQAF IL-PROĠETT TAL-CRAFTS VILLAGE F’TA’ QALI?

    Villaġġ li ġie ippjanat biex jaqdi n-neċessitajiet ta’ żmien il-gwerra għadu validu illum? Wara dawn is-snin kollha, għaliex għadna nilqgħu lit-turisti f’post li jesprimi biċ-ċar it-telqa li hemm? U fuq kollox, għaliex intelqu għal rieħhom dawk li qed jippruvaw iżommu ħajja t-tradizzjoni tas-sengħa Maltija? Il-proġett tal-villaġġ tal-artiġġjanat veru twaqqaf għax l-Unjoni Ewropeja m’approvatx il-fondi għalih? X’jaħsbu s-sidien u x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Laburista rigward dan il-proġett f’Ta’ Qali?

    INTERVISTA: Paul Said – Direttur Valletta Glass

    Kif bdejt taħdem fil-villaġġ tal-artiġġjanat f’Ta’ Qali?

    Storja twila! Jien ilni hawn mill-1971. Iżda fir-realtà l-istorja tal-familja tagħna ma’ dal-post hija ferm iktar antika minn hekk. In-nannu tiegħi u ħutu kienu jaħdmu f’dawn l-inħawi matul il-ħames snin tal-Inbena fi żmien il-gwerragwerra. Hawnhekk kien hawn l-airstrip tal-militar Ingliż u huma kienu joffru s-servizz bħala kuntratturi. Xogħolhom kien li jirranġaw il-ħsara li kienu jħallu warajhom l-attakki mill-ajruplani tal-gwerra Taljani u Ġermaniżi. Kienu jaħdmu fuq it-toroq, ir-runway, il-huts u l-kmamar tal-madwar (li kienu fis-sit fejn hemm l-istadium illum). Niftakar liz-ziju tiegħi jgħidli li ġieli l-istess kamra bnewha tlett darbiet f’ġimgħa! F’dan il-post, qabel il-gwerra, ftit li xejn kien hawn bini. Ġie organizzat mill-Ingliżi waqt il-gwerra li kienu jużawh bħala l-bażi tagħhom. Kienu ikkultivawh u kien post nadif u mqassam sewwa… x’differenza illum. Sal-1970 ħadd ma seta’ jidħol mingħajr il-permess tal-Ingliżi. Niftakar ta’ tifel li kont, meta kont żgħir, min jaf kemm il-darba dħalt bir-rota ma’ sħabi u kienu jiġu jkeċċuna ‘l barra. Taf int, iktar kemm ma tkunx tista’ tidħol x’imkien, iktar tkun trid tara x’hemm. 95% mill-huts li fadal kienu hawn fi żmien il-gwerra. Il-hut tiegħi oriġinarjament kienet Kordin u mbagħad inġiebet hawn.

    Jien dħalt f’dax-xogħol meta kelli 16-il sena. Ix-xogħol li jsir bl-idejn minn dejjem kien jiġbidni. Dħalt naħdem mal-Imdina Glass u hemmhekk kien hemm wieħed Taljan li kien influwenzani bil-kbir. Meta Paul Saidkont narah jaħdem kien jispirani ħafna. Kont inħoss dik  ix-xi ħaġa ġo fija li ma nafx kif naqbad nispjegaha – li kienet tgħaġġibni kif tista’ qisek mix-xejn tagħmel xi ħaġa malajr. Għamilt disgħa snin naħdem hemm. Imbagħad kien hemm perjodu meta x-xogħol kien daqsxejn ħażin u kien hemm meta jiena u ħija ddeċidejna li niftħu hawn għal rasna. Bdejna norganizzaw ruħna akkost it-tfixkil kbir li konna nsibu speċjalment mill-Istat. Trid tagħmel xi ħaġa u ma tistax, trid tkabbar u ma tistax. Taħli ħafna żmien u enerġija għalxejn. L-affarijiet hekk kif tgħaddi s-saħna tal-mument minn fuqhom, jintilef l-interess dwarhom u tkun trid timxi għal xi ħaġa oħra. Wara xi erbgħa snin li konna hawn, is-sid tal-Imdina Glass li kien Ingliż, avviċinana biex jara kienx jinteressana nixtru n-negozju tiegħu. Irranġajna u ħadnih u ħija mar jieħu ħsieb l-Imdina Glass filwaqt li jien bqajt nieħu ħsieb il-Valletta Glass.

    Illum m’għadnix nagħmlu vażuni biss imma nagħmlu bosta affarijiet oħra bħal pittura, ħġieġ għall-bibien, arloġġi eċċ. Mort għal diversi korsijiet speċjalment f’Venezja fejn hemm l-aqwa artisti ta’ dan ix-xogħol. Bi pjaċir ngħid li xogħolna jintogħġob ħafna u saħansitra nqassmu f’diversi ħwienet madwar Malta u anki barra mill-pajjiż.

    X’taħseb dwar il-kundizzjonijiet tal-post li taħdem fih u kemm tikkunsidra li dawn jirriflettu fuq il-bejgħ tiegħek?

    U żgur li jirriflettu fuq il-bejgħ! Hawnhekk messu hawn post fejn it-turist iqatta’ nofs ta’ nhar, mhux jiġi kwarta u jitlaq. Jiena kont wieħed minn dawk li dejjem tlabt biex jirranġa ruħu dan il-post. Imma nemmen li jrid isir crafts village ta’ veru, bil-ħsieb li t-turist li jiġi hawn, jieħu pjaċir u jqatta’ s-siegħat hawn. Jekk l-ewwel darba jiġi ma’ tour, f’ġurnata oħra  jiġi waħdu għax ikun ħa gost.

    Jidhirlek li hu apprezzat ix-xogħol tagħkom mill-barranin u mill-Maltin?

    It-turisti japprezzawh ħafna dan il-craft tagħna tal-ħġieġ. Sikwit jistaqsuk kif tibda u kif taħdem u kemm iddum biex titgħallem sengħa bħal dik. Wara jibgħatulek ċertu emails u jgħidulek li ġew il-ħanut tiegħek u apprezzaw kemm il-ħanut tiegħek huwa differenti minn ta’ ħaddieħor. Għalija dan l-isbaħ kumment għax hekk inħossni tassew kburi li għandi xi ħaġa unika veru tiegħi. Sfortunatament il-kwalità tat-turist m’għadiex bħalma kienet. Il-baġit tiegħu naqas ħafna. Qabel kienu jiġu ċertu cruise liners li kienu tajbin ħafna għalina għax kienu jiġu jixtru l-aqwa affarijiet. Illum il-prezzijiet tal-cruises raħsu u ssib kull tip ta’ turist. Għalkemm il-maġġoranza tal-bejgħ tagħna jmur għand it-turist, il-Malti, jekk ikun jaf bik, japprezza wkoll. U f’dawn il-każi, il-Maltin jixtru affarijiet aħjar minn dak li jieħdu t-turisti.

    Issa kontu ilkhom 17-il sena tiġu mwegħda illi l-villaġġ ta’ Ta’ Qali kien ser jiġi mibni mill-ġdid. X’tikkummenta?

    Ilu aktar minn hekk! Il-villaġġ tal-artiġġjanat ilu ħa jsir mill-1978. Kien hemm xi pjanti imma kienu baqgħu fuq l-ixkaffa. Jiena li nixtieq hu li hawnhekk ma jkunx hawn ħwienet imma crafts village. U m’hemmx għalfejn nonfqu ħafna miljuni taf! Żgur mhux il-100 unit li kienu ippjanati, l-aktar l-aktar xi 25 wieħed iddedikat speċifikament għas-snajja’ biss. Kieku sar dak il-proġett ħafna units kienu ser jispiċċaw vojta u jintużaw għal użu ieħor. Dan ifisser li l-pajjiż ikun għamel spiża kbira għalxejn biex noqogħdu nħallsuhom taxxi jiena u int. Jiena naħseb li min kien qed jieħu ħsieb dan il-proġett fetaħ idejh u kien hawn min approfitta ruħu biex jixtri l-art u jinnegozjaha u mhux għax riedha għal xi sengħa. Sewwa, mela jiena nagħmel investiment biex naħdem u nħaddem u l-gvern ibiegħ proprjetà lil xi ħadd biex dan ibiegħa lil ħaddieħor; jagħmel il-flus u jitlaq ‘l hemm. Imbagħad jieħu l-proprjetà xi impurtatur li jġib l-affarijiet miċ-Ċina u jkissirni. Kieku l-pajjiż ikun għamel dawk l-ispejjeż kollha għalxejn għax il-proġett ma jirnexxix.

    Temmen illi dan il-proġett twaqqaf għax Malta ma ngħatatx fondi mill-Unjoni Ewropeja?

    Veru ma kienx hawn fondi. Immaġina, wasal għala widnejja li min ipprova jidħol għat-tenders ta’ dan il-proġett, kien ser jaħdem u mbagħad jitħallas għaxar snin wara! Barra minn hekk l-Unjoni Ewropeja ma kienet ser tapprova qatt dawk il-miljuni kollha għal proġett bħal dak. Dak mhux crafts village kien imma villaġġ sħiħ. Il-proġett mill-ewwel ma kienx organizzat tajjeb. Anki l-istimi li saru ma kienux ġusti. Per eżempju mill-istima li għamel il-perit tal-proġett għall-istima tal-perit tagħna kien hemm differenza kbira.

    Kif ġejt affetwat mill-waqfien ta’ dan il-proġett?

    Dur dawra m’hawnhekk u kulħadd jgħidlek li jirringrazzjaw ‘l Alla li waqaf il-proġett li kien hemm maħsub għax hekk jew hekk aħna ma konnix naqblu miegħu. Kien hemm min qalli li ġie sfurzat biex Valletta glassjiffirma. Kif kien il-proġett ma kienx ippjanat għall-villaġġ tal-artiġġjanat kif kien qed jintqal. Anzi naħseb illi kieku hawn kien jimtela’ bl-abbuż sakemm il-crafts kienu jispiċċaw darba għal dejjem. Fil-massa, l-impurtaturi jiġu żgur. Jiena għalija, ħalli jkun hawn min għandu s-sengħa bħali u nikkompetu bejnietna fuq l-istess linja. Imma mhux lest nikkompeti ma’ min jimporta għax ma nkunux qed nikkompetu fuq l-istess livell. Dak ma jkollux l-istess spejjeż tiegħi u jkollu vantaġġ akbar fuqi, biex wara kollox ibiegħ prodott inferjuri u mhux Malti. Il-proġett huwa importanti li jsir. Imma jrid isir bil-ħsieb u b’konsultazzjoni magħna ħalli b’hekk isir pjan li jkun veru utli u ta’ gwadann għall-pajjiż.

    Kemm huwa possibbli illi x-xogħol tiegħek jiġi relokat fil-Baċir Numru 1?

    Sa fejn naf jien, mhux qed jingħad illi aħna ser immorru hemm imma li ħa jagħmlu craft ieħor f’dak il-post. Biex immexxi dal-kobor li għandi jien ma naħsibx li hemm spazju biżżejjed fil-Baċir Numru 1. Jien ma nafx sew kif inhu l-post għax rajtu mill-bogħod u ma nafx x’hemm hemm ġew.

    X’tixtieq li jsir mill-villaġġ tal-artiġġjanat ta’ Ta’ Qali? Temmen li l-bidliet li qed jiġu ikkunsidrati issa bejn il-GRTU u l-gvern ser jgħinuk?

    Ngħidlek id-dritt ma nafx fuqhiex qed titkellem dwar din tal-GRTU. Sa fejn naf jien il-GRTU ma kellmunix u ma rriferewx magħna dwar xi taħdidiet mal-gvern. Issa jekk ħaddieħor jaf, jien ma nafx. Jiena lili ma kellimni ħadd. Nemmen illi l-GRTU għandha d-dmir li titkellem ma’ kulħadd.

    Staqsejtni x’nixtieq li jsir mill-villaġġ. L-ewwel nett trid tieqaf id-drawwa illi l-pjanti tal-villaġġ tal-artiġġjanat jibqgħu jinħadmu fuq dak li hawn bħalissa. Dan il-bini inbena fi żmien il-gwerra u sfortunatament mill-1978 ‘l hawn kull min ipprova jagħmel pjanta, dejjem ipprova jżewwiġha ma’ dak li diġa’ hawn. Anki dan il-proġett li kien hawn l-aħħar kien imfassal hekk. Jiena nemmen li wieħed irid jinsa dak kollu li hawn u jgħid jien ħa nagħmel villaġġ tal-artiġġjanat.

    Żball kbir ieħor fl-opinjoni tiegħi kien dak li tagħmel spazju għall-parking li jkollu  kuntatt mal-ħwienet tal-crafts. Dak dejjem kien l-iżball ta’ kull min għamel il-pjanti t’hawn. Għax b’hekk ovvjament kulħadd ikun irid imurlek ħdejn il-parking area biex it-turist l-ewwel ma jilħaq lilu. Kieku jien il-parking neliminah minn mal-crafts kollu. Minflok nagħmel daħla tipikament Maltija, b’passaġġ li jwassal għall-pjazza li tifrex madwar il-villaġġ kollu. B’hekk it-turist b’daqqa t’għajn ikun jista’ jara ‘l kulħadd u probabbilmet kif ikun qiegħed hemm, jidħol għand kulħadd. U mhux kif qegħdin issa! Kif qiegħed imqassam hawn, hawn fuq ma jitla’ ħadd. In-nies ħdejn il-parking area jieqfu. Jekk ikun hawn mitt ruħ, għoxrin biss jitilgħu ħdejna minnhom. Il-post tant hu mitluq li x’ħin jibdew mexjin ‘l hawn fuq jaħsbu li m’hawn xejn u ma jiġux. Għax m’hawnx x’jiġbdek. Għalhekk huwa neċessarju illi l-pjanta tal-proġett issir bil-ħsieb li t-turist ġie u ra lil kulħadd. Trid tagħmilha li ħadd ma jkun jista’ japprofitta ruħu mill-okkażżjoni. Hawn dik dejjem kienet problema kbira – li t-turist jiġi għand min qiegħed quddiem u għand min qiegħed ftit lura ma jmurx. Insemmi lil xi ħadd li qiegħed ftit passi ‘l bogħod minni – Paul Haber tal-Alka Ceramics. Għalija hu wieħed mill-aqwa artisti li hawn fiċ-ċeramika u l-pottery, wieħed minn dawk il-ftit li veru jaf x’inhu xogħol biex imbagħad it-turisti qatt ma jilħquh. Mhux ħasra? Insostni li l-proġett irid ikun maħsub biex jilħaq lil kulħadd.

    Fuq kollox nemmen li l-proġett għandu jibda miċ-ċokon. Ħalli mbagħad issib oħrajn li jitħajjru għas-sengħa u jiżdiedu mal-villaġġ oriġinali. Hawn post kemm trid għalhekk. Barra minn hekk, irid jiġi impost li dan is-sit jintuża esklużivament minn dawk tal-crafts lokali. U mhux jiġi t-turist u jsib ix-xogħol taċ-Ċina f’villaġġ bħal dak. Sfortunatament għamel żmien meta daħlet id-drawwa bil-ħwienet tal-ħabba gozz, bl-affarijiet magħmulin iċ-Ċina. Kienu għamlu ftit kummerċ fil-pajjiż imma naħseb li llum qed ibatu l-konsegwenzi tal-iżbalji li għamlu qabel. Għax meta xi ħadd jiġi jixtri xi ħaġa ta’ kwalità minn għandek jista’ jerġa’ jiġi darb’oħra. Imma jekk tkun biegħejtlu xi ħaġa inferjuri, żgur li mhux ser tgħaddilu minn moħħu jerġa’ jersaq fil-ħanut tiegħek. Ix-xogħol taċ-Ċina meta tbiegħ dan ix-xogħol, forsi veru għandek iktar qliegħ. Imma mbagħad imorru fuq monti barra minn Malta u jsibuhom hemm ukoll. Issibhom f’kull kantuniera u kullimkien. Huwa fatt magħruf kif jitħallsu dan-nies, kultant saħansitra bir-ross! U x’talent jista’ jagħmel dan jekk ma tħallsux sew? Jekk ikollu talent lanqas jipprova joħorġu għax jirraġuna, għalfejn? Il-bniedem li jitħallas sewwa u jaħdem u jipprova jiżviluppa lilu nnifsu, inti tħallsu u hu lilek iżommok ħaj.

    Fuq kollox idealment, kif dejjem sħaqt, il-villaġġ tal-artiġġjanat il-ġdid għandu jiġi ppjanat madwar il-ġnien li hawn f’Ta’ Qali. Hekk jinħoloq ambjent sabiħ u pjaċevoli fejn wieħed jieħu pjaċir jiġi.

    Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment sostna illi ħadd minnkhom mhu ser jiġi mġiegħel jitlaq mill-villaġġ tal-artiġġjanat ta’ Ta’ Qali. Imma intom tistgħu tibqgħu taħdmu fil-kundizzjonijiet preżenti?

    Le. Hawnhekk hawn bżonn li jirranġa ruħu kif għandu jkun. U kif diġà għedt qabel, m’hemmx għalfejn jintefqu miljuni kbar. F’pajjiżi oħra bħall-Ingilterra, in-nies qed jiġu mħajjra jaqbdu s-snajja’. Imbagħad aħna għandna dan it-talent fil-pajjiż u qed inħallu lil min jaqta’ qalbu, jagħlaq u jmur jagħmel xogħol ieħor kif diġà ġara lil xi wħud li kienu jaħdmu hawn. Mhux sewwa li dawk li jibqgħu irossu sninhom bħali u jippruvaw jagħmlu kuraġġ biex jibqgħu għaddejjin, jitħallew għal rieħhom. Wara kollox villaġġ bħal dan, jekk isir sewwa, ikun ta’ ġid kbir għall-pajjiż kollu.

    ————————————————————————————————————————

    INTERVISTA: PERIT CHARLES BUHAGIAR A&CE, MP – Kelliem Ewlieni għall-Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi

    X’jidhirlek mill-qagħda preżenti tal-villaġġ tal-artiġġjanat f’Ta’ Qali?

    Il-villaġġ ta’ l-artiġġjanat f’Ta’ Qali ra l-bidu tiegħu fis-sittinijiet meta diversi persuni Ingliżi kienu stabilixxew negozji ta’ l-artiġġjant f’bini li qabel kien tas-servizzi Ingliżi li kien jifforma parti minn Ta’ QaliPerit Charles Buhagiar
    Airfield.  Maż-żmien dan il-bini ġie akkwistat minn persuni Maltin u fl-amministrazzjoni Laburista tas-sebgħinijiet, din l-area inbidlet f’dak li hu magħruf bħala l-villaġġ ta’ l-artiġġjanat f’Ta’ Qali jew aħjar Ta’ Qali Crafts Village.  Sfortunatament matul dawn l-aħħar għoxrin sena ftit li xejn sar xogħol ta’ manutenzjoni f’dan il-villaġġ, bil-konsegwenza li hemm ħsarat kbar fit-toroq u abbandun u telqa sħiħa fl-areas pubbliċi. Agħar minn hekk l-imprendituri li xtaqu jimmoderizzaw il-bini qadim tagħhom għas-spejjeż tagħhom, ma tħallewx jagħmlu dan bl-iskuża li dan il-villaġġ għandu bżonn pjan komprensiv.  Dan wassal sabiex anke bini użat għall-artiġġjanat iddetterjora ħafna.

    Kemm taħseb illi dan il-villaġġ jikkontribwixxi għall-valur miżjud fil-qasam turistiku?

    Dan il-proġett jifforma parti integrali mill-prodott turistiku Malti.  Dan minħabba li t-turisti li jiġu jżuruna, ma jiġux biss għall-bahar, għar-ramel u għax-xemx iżda wkoll għall-kultura tagħna.  L-artiġġjant jifforma parti importanti mill-kultura tagħna u għalhekk ħafna turisti jispiċċaw jixtru is-souvenirs tagħhom minn Ta’ Qali. Wieħed irid iżid ukoll li diversi fabbriki li hemm f’Ta’ Qali, saħansitra jesportaw l-prodotti tagħhom li jfisser li dawn il-fabbriki jikkontribwixxu wkoll għall-valur ta’ l-esportazzjoni minn Malta.

    Temmen illi l-proġett f’Ta’ Qali twaqqaf għax Malta ma ngħatatx fondi mill-Unjoni Ewropeja?

    Għal dan il-proġett, il-livell ta’ investiment meħtieġ min-naħa tal-gvern hu limitat biss għall-irranġar tat-toroq u spazji pubbliċi kif ukoll għall-bini ta’ faċilitajiet pubbliċi.  Żgur li dan l-investiment m’għandux jeċċedi l-ħames miljun ewro.  Ma nistax nifhem għala l-gvern qiegħed jirrifjuta li jwettaq dan il-proġett irrispettivament jekk il-fondi jiġux mill-Unjoni Ewropeja meta l-istess gvern lest jonfoq il-fuq minn sittax il-miljun ewro sabiex jagħmel barriera quddiem il-katidral ta’ San Ġwann.

    Taħseb illi x-xogħol tal-artiġġjanat li bħalissa qed isir f’Ta’ Qali jista’ jiġi relokat fil-Baċir Numru 1?

    Xi ħwienet tax-xogħol li hemm f’Ta’ Qali jistgħu jiġu relokati fl-area madwar il-Baċir Nru 1. Però fabbriki li jimportaw il-materja prima bil-containers jew dawk li għandhom makkinarju goff ħafna, mhux possibbli jiġu relokati f’dan il-post minħabba nuqqas ta’ spazju.  Aktar minn hekk,  filwaqt illi li jkollok ħwienet ta’ l-artiġġjanat madwar il-Baċir Nru 1 hi ideja tajba, fl-opinjoni tiegħi dawn il-ħwienet iridu jkunu ta’ artiġġjanat li għandu xi konnessjoni mal-baħar bħal ngħidu aħna: mastrudaxxi li jibnu d-dgħajjes, dawk li jagħmlu l-ħbula, imprendituri li jħitu l-bnadar u l-qlugħ, ħaddieda, eċċ.

    X’tikkumenta dwar il-prijoritajiet tal-gvern fejn għandhom x’jaqsmu l-proġetti kapitali u dawk infrastrutturali fosthom fir-rigward tal-villaġġ tal-artiġġjanat f’Ta’ Qali?

    Bla dubju, fi żmien ta’ riċessjoni internazzjonali, jagħmel sens illi bħal ma qegħdin jagħmlu gvernijiet oħra, il-gvern Malti jinvesti fi proġetti infrastrutturali produttivi.  Għal dan il-għan, il-villaġġ ta’ l-artiġġjanat f’Ta’ Qali jikkwalifika bħala tali proġett.  Min-naħa l-oħra, il-proġetti l-oħra msemmija bħalissa, jiġifieri dak ta’ l-iżvilupp tas-sit tat-Teatru Rjal u dak ta’ Bieb il-Belt, kif ukoll dak ta’ l-estensjoni tal-mużew tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann, l-impatt tagħhom long term fuq l-ekonomija huwa inqas.

    X’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Laburista rigward dan il-proġett f’Ta’ Qali?

    Il-pożizzjoni tal-Partit Laburista hi li l-gvern għandu jipproċedi bil-kuntratti ma’ l-imprendituri u jagħtihom il-propjetà tagħhom b’titolu ta’ użu għal 65 sena kif diġà miftiehem.  Qabel ma jsir hekk, irid jiġi assigurat li l-bini qiegħed jintuża għall-iskop li ingħata, jiġifieri għall-artiġġjanat u f’każ li dan mhux isir, il-gvern jieħu l-bini lura. Imbagħad dan l-istess bini jista’ jerġa’ jingħata mill-gvern għal skop preċiż ta’ artiġġjanat, preferibilment tat-tip li sal-lum m’hemmx f’Ta’ Qali. Is-sidien tal-bini għandhom jintalbu jirranġaw il-propjetà tagħhom (jekk ikun il-każ) għas-spejjeż tagħhom  fi żmien stipulat u skond parametri preċiżi imposti mill-MEPA.  Il-gvern irid jirranġa t-toroq u l-ispazji pubbliċi u jipprovdi faċilitajiet pubbliċi fejn ma jeżistux.  Ix-xogħlijiet kollha jridu jitlestew fi żmien stipulat.  B’hekk jinbena villaġġ tas-snajja’ li filwaqt li jaqdi l-funzjonijiet ta’ l-imprendituri, jagħmel ġieh lil pajjiżna.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-8 ta’ Frar 2009)

    2009.02.08 / no responses / Category: Torca - Perspettivi