Posts Tagged ‘tagħlim’

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (2 Parti) Vetrini tal-għerf

    Sigar antiki jsebbhu t-Tempju ta' Konfucju.JPGWahda mid-dahliet tal-Kullegg Imperjali.JPG

    Klassi fl-iSkola Sperimentali.JPGSezzjonijiet attrezzati biex familja tara filmati fil-Librerija Kapitali.JPG

    Għal din il-ġimgħa għażilt li nitratta numru ta’ siti li żort f’Pekin li huma relatati mat-tagħlim u mal-edukazzjoni. L-ewwel post huwa tempju li ġie ddedikat lil Konfuċju li kien wieħed mill-aqwa filosofi li qatt kellha ċ-Ċina. It-tieni lwog huwa magħruf bħala l-Kulleġġ Imperjali u dan kien iservi bħala l-kwartieri ġenerali tal-amministrazzjoni tal-edukazzjoni u anki bħala post għat-tagħlim tal-għola livell. It-tielet sit jikkonsisti minn Skola Sperimentali għal studenti ta’ livell primarju u sekondarju li bħalissa qiegħda sservi bħala vetrina tas-sistema edukattiva kontemporanja fiċ-Ċina. Finalment, ir-raba lokalità magħżula hija l-Librerija Kapitali li f’dawn l-aħħar snin ġiet estiża b’mod tassew modernizzat u li jilqgħek.

    It-Tempju ta’ Konfuċju

    Konfuċju kien ħassieb, filosofu u għalliem li għex bejn il-perjodu 551 u l-479 Q.K. Il-filosofija tiegħu kienet temfasizza l-moralità personali u kif ukoll dik governattiva, il-korrettezza fir-relazzjonijiet soċjali, il-ġustizzja u s-sinċerità. Iżda fuq kollox, Konfuċju introduċa l-edukazzjoni għall-poplu in ġenerali u mhux għall-magħżulin biss.

    Taħt l-influwenza tiegħu, il-filosofi Ċiniżi ta’ ġenerazzjonijiet li għexu warajh għarfu illi l-istudenti m’għandhomx biss jimmiraw li jiksbu aktar informazzjoni imma wkoll li jiftħu iżjed moħħhom sabiex jesploraw kunċetti aktar wiesgħa ħalli b’hekk huma jtejjbu wkoll l-abitudni spiritwali tagħhom. Mexxejja tad-dinastiji fewdali li ġew wara Konfuċju ħaddnu t-tagħlim tiegħu u ħeġġu lill-poplu Ċiniż biex jimxi mal-ideoloġija tiegħu.

    Bħala turija ta’ rispett lejn Konfuċju, inbnew diversi strutturi li ġew iddedikati għalih. Fost dawn insibu t-Tempju ta’ Konfuċju f’Pekin li nbena mid-Dinastija Yuan fl-1306. Dan huwa t-tieni l-akbar tempju ddedikat għal dan il-filosofu Ċiniż fejn l-akbar wieħed huwa dak li hemm f’Qufu fil-Provinċja Shantong. Infatti dan it-tempju f’Pekin jokkupa arja ta’ 22,000 metru kwadru u l-ambjent tiegħu ġie ddiżinjat biex joffri trankwillità u serenità lil kull min iżuru.

    Bħal f’kull sit ieħor ta’ din l-importanza fiċ-Ċina, is-sengħa użata fl-arkitettura u fid-dekorazzjoni ta’ dan it-tempju hija mill-ifjen. Daqstant ieħor jolqtuk is-siġar antiki li tħawwlu f’dan il-lwog snin ilu u li llum iz-zkuk tagħhom ħadu forom leġġendarji daqs il-post li jinsabu fih. Bla ma trid, inti u tħares lejhom issib ruħek timmedita fuq il-medda taż-żmien u fuq dak kollu li seta’ qatt seħħ ġewwa dan is-sit.

    Ġewwa dan it-tempju wieħed isib erbgħa btieħi wiesgħa li jħarsu fuq arkati u binjiet disinjati biex ipaxxu l-għajn. Barra minn hekk, dan il-post iħaddan fih 198 ħaġra li fuqhom hemm minquxa l-ismijiet tal-51,624 student li attendew fih waqt id-Dinastiji Yuan, Ming u Qing.

    Il-Kulleġġ Imperjali

    Dan il-kulleġġ jinsab biswit it-Tempju ta’ Konfuċju. Ġie stabbilit fl-1306 waqt id-Dinastija Yuan. Ikopri medda ta’ 37,000 metru kwadru u huwa mżejjen b’arkitettura mill-iprem u b’kuluri mill-isbaħ. Fih hemm miġbura madwar 100 binja flimkien ma’ daħliet u arkati massiċċi u mill-isbaħ.

    Il-binja prinċipali hija magħrufa bħala s-Sala Biyong. Hija binja imponenti tal-injam maħduma fuq bażi kwadra li tħares fuq vaska ċirkulari mżejjna bi skulturi ta’ rħam abjad. Dan l-istil arkitettoniku jirrifletti t-twemmin tradizzjonali Ċiniż li d-dinja hija kwadra filwaqt li l-ġenna hija tonda. Fiċ-ċentru ta’ din is-sala wieħed isib tron u għamara oħra imperjali li kien juża l-imperatur biex jgħallem lill-istudenti ta’ livell għoli li kienu jattendu f’dak il-kulleġġ.

    Fuq in-naħa tal-Lvant u l-Punent tal-istruttura prinċipali ta’ dan il-kulleġġ inbnew sitt palazzi u erbgħa swali sabiex tinħoloq simmetrija perfetta ta’ unità.

    M’hemmx dubju li dawk li kienu jintagħżlu biex jitħarrġu f’dan il-post kienu jħossuhom pjuttost ixxurtjati u kburin.

    Skola Sperimentali tal-Università Kapitali Normali

    Kienet tassew sorpriża ħelwa meta tteħidna nżuru din l-iskola fejn ġejna milqugħa bħala mistednin importanti minn Malta. Grupp ta’ għalliema flimkien ma’ erbgħa studenti introduċewna mal-post u flimkien magħhom iddiskutejna s-sistema edukattiva li tintuża f’dik l-iskola u kif ukoll f’pajjiżna.

    Din l-iskola ġiet imwaqqfa fl-1999 u hija mmexxija mill-gvern. Fiha jattendu studenti tal-livell primarju u sekondarju u kif ukoll xi studenti minn pajjiżi oħra peress li l-iskola toffri kurrikulu internazzjonali. Hemm 60 klassi b’madwar 260 għalliema għal 2000 student. Bqajna impressjonati meta rajna li f’kull klassi kien hemm mal-50 student ma’ għalliema waħda u kollha kienu ubbidjenti ferm!

    L-istudenti jitgħallmu bosta suġġetti fosthom il-lingwa Ingliża li hija obbligatorja. Din l-iskola tħarreġ ukoll lill-istudenti fil-logħob tal-basketball fuq livell għoli. Iżda fuq kollox, it-tip ta’ tagħlim li jirċievu dawn l-istudenti huwa bbażat fuq ir-rispett reċiproku flimkien mal-imħabba lejn in-natura u l-ħajja.

    Il-prinċipal ta’ din l-iskola stqarret illi dan il-post jiffoka ħafna fuq l-eċċellenza fl-edukazzjoni u għalhekk huwa jservi bħala vetrina għall-viżitaturi barranin li jkunu jixtiequ jsiru jafu aktar dwar l-edukazzjoni li qed tingħata fiċ-Ċina bħalissa.

    Il-Librerija Kapitali

    Naturalment, kont qed nistenna li l-Librerija Kapitali ta’ Pekin se tkun imdaqqsa mhux ħażin imma qatt ma bsart kemm! Fil-fatt hija mibnija fuq art b’daqs ta’ 37,000 metru kwadru u fiha bosta taqsimiet għal etajiet u funzjonijiet varji.

    Il-librerija hija maqsuma f’żewġ partijiet fejn l-eqdem sezzjoni hija dik tat-tfal filwaqt li dik l-aktar moderna hija ddedikata għall-adulti. Xorta waħda, m’hemmx kantuniera li ma tilqgħekx. Anzi! Kollox jidher li ġie maħdum biex jiġbed kemm jiflaħ qarrejja lejn dan il-post. Dan kollu jikkuntrasta mas-snin passati meta l-libreriji ma kienux meqjusa bħala importanti mal-poplu in ġenerali.

    Ċertament iċ-Ċina nbidlet ħafna f’dawn l-aħħar snin u dan huwa rifless fis-servizzi ta’ din il-librerija imponenti li tħaddan fiha miljuni ta’ kotba ta’ kull xorta. Impjegat amministrattiv tal-post għarraffna illi kull sena jinxtraw mal-400,000 kotba, rivisti u materjali diġitali ġodda biex jiżdiedu mal-kontenut li diġà għandha din il-librerija.

    Bħala medja, madwar 10,000 persuna jżuru din il-librerija kuljum, għalkemm s’issa l-akbar rekord li kellhom ta’ viżitaturi f’ġurnata waħda jgħodd it-23,000 persuna! Xorta waħda, din il-librerija taħdem bis-sħiħ sabiex tiġbed numru akbar ta’ qarrejja lejha. Biex ilaħħqu ma’ dawn il-klijenti kollha hemm madwar 400 impjegat f’din il-librerija u dawn huma mgħejjuna minn sistemi awtomatiċi u effiċjenti mmens.

    Fost is-servizzi li toffri din il-librerija hemm is-self ta’ kotba u materjal diġitali dwar għadd kbir ta’ suġġetti bil-lingwa Ċiniża u b’lingwi oħra, fosthom bl-Ingliż. Il-materjal diġitali jista’ jintwera wkoll fuq numru ta’ kompjuters li hija mogħnija bihom din il-librerija u li waqt iż-żjara tagħna kienu miżgħuda bit-tfal. Sadanittant, sa mill-età tal-kindergarden it-tfal jiġu mħajjra biex joħolqu l-ktieb diġitali tagħhom billi jtellgħu xi ritratti u kitba ġewwa sistema apposta li tinsab fil-librerija. Eventwalment, dawn il-kotba jistgħu anki jiġu ppubblikati.

    Sabiex tkompli tressaq aktar nies lejha, din il-librerija għandha wkoll sezzjonijiet tagħha tassew moderni u attraenti li huma attrezzati biex jinkrew mill-familji ħalli flimkien jaraw xi film li jissellfu mill-librerija stess.

    Intant, fuq in-naħa esterna tal-librerija, ġewwa entratura kbira ferm, wieħed isib ukoll sistema diġitali li tinforma lill-pubbliku b’mod regolari dwar il-materjal ġdid li jkun daħal fil-librerija. Barra minn hekk, din tinkludi wkoll rakkommandazzjonijiet li jsiru kemm mill-amministrazzjoni tal-librerija u kif ukoll mill-qarrejja nfushom dwar l-aqwa kotba tal-mument. Sadanittant, għażla oħra ta’ kotba tista’ titniżżel fuq il-mowbajl u mezzi oħra diġitali sabiex tinqara fi lwogi oħra.

    Apparti minn hekk din il-librerija tinkorpora wkoll ħanut tal-kotba, ċinema, teatru, swali tal-esebizzjonijiet u kafetterija. F’kelma waħda, dan il-post jista’ jiġi mqabbel ma’ ġenna tal-art għal dawk li jħobbu l-kotba.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela IL-KULURI TAĊ-ĊINA (It-2 Parti) fit-Torċa tal-11 ta’ Jannar 2015)

    2015.01.11 / no responses / Category: Torca - Features & Articles