Posts Tagged ‘tfal’

  • IMĦABBA BLA KUNDIZZJONI

    Is-solitudni fit-tfalNgħiduha kif inhi, sikwit dil-ħajja mhiex faċli tgħixha. Bosta drabi teħodlok ħafna aktar milli tagħtik u lil uħud minna għandha ħabta tkabarhom saħansitra xi ftit aktar mill-oħrajn. Jiġu mumenti meta jagħtik li tfendi għal rasek u li tħalli l-mewġ iħabbat mal-bqija… min jiflaħ jikkumbatti jgħix u min ma jiflaħx jintilef. Iżda xi ħaġa ġewwa fik ma tħallikx tirraġuna hekk għal tul ta’ żmien. “Ma nistax nibdel id-dinja waħdi, imma nista’ nitfa’ ġebla matul l-ilmijiet sabiex noħloq ħafna rimi,” inkoraġġiet darba Madre Tereża bi sfida quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja. L-eżempju ta’ nies bħalha huwa kruċjali biex nagħrfu ngħixu l-umanità tagħna. Il-ħlewwa ta’ dawn ir-rimi messew miegħi din il-ġimgħa meta waqt intervista ma’ John Rolè u Pat Bonello mill-Appoġġ dwar il-fostering u dwar servizz ġdid ta’ Trobbija Speċjalizzata li għadu kemm ġie mniedi dan l-aħħar, dawn qaluli li dawk li jidħlu biex jagħtu l-għajnuna tagħhom jagħmlu dan bil-ħsieb sħiħ li jwettqu xi ħaġa tajba f’ħajjithom.

    INTERVISTA: JOHN ROLÈ – Leader, Fostering Services

    FOSTERING

    L-idea tal-fostering minn dejjem kienet tintrigani għax nista’ nobsor li jesiġi ħafna kuraġġ. Kont kurjuża biex nifhem min kien kapaċi jħobb daqstant, kemm kien hemm nies minn dawn, u x’riżultati qed ikollu dan il-qasam?

    “Aħna konxji li l-fostering mhiex xi biċċa xogħol faċli biex tidħol għaliha għax fiha diversi sfidi, titlob impenn serju u tirrikjedi ħafna mħabba,” beda jispjegali John Rolè. “Huwa każ fejn l-individwi letteralment jiftħu l-familja tagħhom sabiex jilqgħu fiha lil dawn it-tfal ħalli jgħinuhom jgħixu ħajja aħjar. Fortunatament jeżistu numru ta’ familji Maltin u Għawdxin li bil-ġenerożità enormi tagħhom lesti li jagħtu daqqa t’id biex jingħata ċans ieħor lil dawn it-tfal li jgawdu d-dritt ta’ tfulija xierqa. Infatti bħalissa għandna 250 tifel u tifla fostered, filwaqt li hemm 201 familja li qed jagħtu l-għajnuna fil-qasam tal-fostering.

    Is-sistema formali bħala tim tal-fostering fl-Appoġġ ilha għaddejja biss mis-sena 2000. Madanakollu diġà qed naraw il-frott tax-xogħol li sar u huwa dan li jżommok għaddej. Bħala eżempju, nista’ nsemmilek il-każ ta’ tifel li kien fostered u li llum huwa żagħżugħ iggradwat bħala avukat, fejn fil-preżent jifforma wkoll parti mill-board tal-fostering. Għad irridu naraw x’ser ikun ir-riżultat tal-għadd ta’ tfal li qed igawdu mill-għajnuna tal-fostering. Biss biss illum qegħdin indaħħlu anki trabi direttament ma’ foster carers, minflok li jgħaddu l-ewwel fl-istituzzjonijiet, kif kien isir qabel. Is-sena l-oħra kellna 12-il tarbija li ġew fostered, filwaqt li b’kollox kien hemm 50 tifel u tifla li ġew milqugħa f’familji oħra. Dis-sena kien hemm 14-il tarbija li ġew fostered u għad baqa’ 115-il tifel u tifla li qed jistennew lil xi ħadd biex jilqagħhom għandu.”

    Is-sejħa għal familji ġodda li lesti biex jgħinu hija dejjem miftuħa. John spjega dwar il-proċess li jgħaddu minnu dawk li juru l-ħajra li jiffosterjaw.

    “Meta aħna nirċievu talba jew applikazzjoni mingħand xi familja li tixtieq tidħol għall-fostering, aħna mmorru nżuruhom sabiex niddiskutu aktar fil-fond dwar din il-possibilità. Naturalment l-għan ta’ din il-laqgħa tkun kemm biex infiehmu aħjar fhiex jikkonsisti dan ix-xogħol, kemm biex naraw x’wassal lil din il-familja biex tieħu din id-deċiżjoni, u anki biex nevalwaw l-ambjent li fih dawn il-foster carers prospettivi ser ikunu qed jilqgħu lit-tfal. Huwa importanti ħafna li f’dawn il-każi, fejn hemm diġà t-tfal fil-familji, dawn ukoll jiġu kkonsultati u nklużi fid-deċiżjoni sabiex finalment jitwettaq pass għaqli.

    Dawk il-familji li jidhrilna li jistgħu jgħinu jgħaddu imbagħad għall-pass li jmiss: fejn huma jiġu mitluba li jattendu għal 6 laqgħat ta’ 3 siegħat il-waħda. F’dawn il-laqgħat huma jingħataw taħriġ f’diversi John Rolèaspetti tal-fostering bħal: il-fostering x’jinvolvi b’mod ġenerali, it-tfal min huma, it-trawmiet li jgħaddu minnhom u l-pakkett li jġorru magħhom,  min huma l-ġenituri ta’ dawn it-tfal u l-problemi li dawn ikunu sabu ruħhom fihom li finalment wassluhom biex uliedhom ikollhom bżonn il-fostering, l-abilitajiet neċessarji fil-foster carers: x’inkunu qed infittxu aħna bħala aġenzija – f’din is-sessjoni jattendu anki xi foster carers stess biex jgħaddu l-esperjenzi tagħhom, nitellmu wkoll fuq l-effett tal-fostering fuq il-koppja u fuq uliedhom u kif dawn għandhom jieħdu ħsieb lil xulxin. Finalment niddiskutu l-possibilità li dawn it-tfal imorru lura għand il-ġenituri tagħhom u allura x’għandhom jagħmlu l-foster carers matul is-snin sabiex ikun hemm tranżizzjoni tajba jekk jasal dan il-mument. U allura hawn jidħol ukoll l-aspett ta’ kif il-foster carers ser jgħixu u jaċċettaw din it-tranżizzjoni? U x’tip ta’ kuntatt jista’ jibqa’ jkun hemm ma’ dawn it-tfal, jekk dawn ikunu marru lura għand il-ġenituri tagħhom.”

    Xtaqt nifhem kif it-tfal jiġu magħżula biex imorru għand xi familja partikolari għal fostering?

    “Ġeneralment in-nies għandhom it-tendenza li jmorru direttament fl-istituzzjonijiet fejn jinżammu t-tfal meta jkunu jixtiequ jagħmlu l-ġid lil xi tifel jew tifla. U allura jkun hemm każi fejn koppja torbot qalbha ma’ xi tifel jew tifla partikolari li jgħixu f’dawn il-postijiet u eventwalment jitħajjru biex ikunu l-foster carers tagħhom. Għalkemm aħna napprezzaw il-ġest ta’ dawn l-individwi, nippreferu ħafna aktar illi l-kuntatt ma jsirx b’dan il-mod għax jaf ikun hemm sitwazzjonijiet li jikkumplikaw jew li jagħmlu impossibli dan l-arranġament. Biex nagħtuk eżempju, immaġina li t-tifel li xi ħadd ikun jixtieq li jrabbi, bla ma jafu, jinzerta t-tifel ta’ xi ġar u jkun hemm ċirkustanza fejn l-identità tal-foster carer ma tkunx tista’ tiġi mikxufa.

    Fil-fatt qabel ma aħna niddeċiedu min minn dawn it-tfal ser imur għand xi familja partikolari, inkunu evalwajna sewwa kull aspett sabiex din l-esperjenza tibda u tkompli possibilment bl-iktar mod stabbli. Għalhekk inqisu l-ħtiġijiet tat-tfal u naraw li l-kwalitajiet li għandhom il-foster carers u l-ambjent u s-sitwazzjoni li qegħdin jgħixu fihom, huma adattati għal dan il-każ. Biex nagħtuk eżempju ieħor, jekk ikun hemm xi tfal oħra fil-familja, ġeneralment naraw li t-tfal li jiġu fostered ikunu iżgħar, kemm biex it-tfal tal-koppja jkunu ta’ eżempju għalihom u anki biex dawn ma jqisuhomx bħala kompetizzjoni għalihom imma idealment jieħdu ħsiebhom huma wkoll.

    Illum qed issir ħafna enfażi li għandha tinħoloq stabbiltà fil-ħajja tat-tfal u allura ma nistgħux nippermettu li jsiru ċerti żbalji li bihom terġa’ tinħoloq l-instabbiltà. Tgħallimna ħafna mis-sitwazzjonijiet u l-konsegwenzi tal-passat. U għalkemm ma nistgħu qatt nagħtu garanzija li kollox ser jirnexxi kif nixtiequ aħna, min-naħa tagħha aħna nippruvaw nagħmlu mill-aħjar biex kull esperjenza ta’ fostering tagħti l-frott meħtieġ.”

    John  sostna li ma jrid bl-ebda mod jitfa’ xi dell ikraħ fuq l-istituzzjonijiet varji li jieħdu ħsieb it-tfal għax dawn ċertament jagħmlu ħafna ġid fost it-tfal li jieħdu ħsieb. Iżda fl-istess ħin ir-riċerka turi li l-kuntatt one-to-one mat-tfal joffri aktar opportunità sabiex dawn jakkwistaw il-ħiliet tant neċessarji fi tfulithom.

    “Forsi wieħed ma jirrealizzax li wħud minn dawn it-tfal ikunu saħansitra nieqsa mill-aktar affarijiet bażiċi li aħna neħduhom bħala ovvji. Ngħidu aħna, jekk tarbija tibki, normalment il-ġenitur jew il-kustodju, ser jerfagħha, jħaddanha miegħu u jara x’għandha bżonn. Iżda sfortunatament, mhux it-trabi kollha jgawdu minn din il-kura. F’ċerti każi, it-trabi jibdew jiġu mċaħħda mill-possibilità li jikkomunikaw sewwa u anki milli jifhmu u jitgħallmu ċerti emozzjonijiet. Per eżempju jekk tarbija għandha l-ġuħ, dak il-ħin għaliha jkun l-aħħar tad-dinja jekk ħadd ma jitmagħha. Għalhekk meta ommha taqbadha f’idejha u tħaddanha magħha biex tisqiha, it-tarbija tagħraf li hemm min jieħu ħsiebha u titgħallem tisma’ t-taħbiet kalm tal-qalb tal-omm u tirregola t-taħbiet ta’ qalbha ma’ tagħha. B’mod awtomatiku, f’dawn il-mumenti kruċjali, it-tarbija tkun qed titħarreġ kif aktar il-quddiem għandha tirreaġixxi għad-diffikultajiet tal-ħajja. Min-naħa l-oħra, tarbija li tiġi injorata u titħalla tibki għal ħin twil ġo cot, jew tarbija li titwaqqa’ jew anki tiġi msawwta, titla’ konfuża, beżgħana u anzjuża kontinwament. Aktar il-quddiem, meta din ser tikber u ssib ruħha taħt stress, mhux ser tkun kapaċi tilqagħlu daqshekk u tippanikja mingħajr ma tkun taf sewwa x’għandha tagħmel biex tikkalma.

    Dawn l-esperjenzi jikkonfermaw għala t-tfal igawdu aktar meta jkunu ġewwa familja fejn jistgħu jingħataw attenzjoni individwali. Permezz tal-foster carers li jiġu mħarrġa apposta, biż-żmien dawn it-tfal jingħataw il-ħiliet biex inaqqsu l-biża’ u jitgħallmu li hemm nies li jħobbuhom u li tixirqilhom il-fiduċja tagħhom. Mhux darba u tnejn li jiġu foster carers li jgħidulna b’dawn il-mumenti mqanqla fejn akkost li juru ħafna mħabba lit-tfal li jkunu fostered, dawn isibu diffikultà biex jirrispondu lura. “Imma jiena nħobbok tant!” jgħidulhom. U t-tfal iwieġbu, “Ma nafx kif inħobb. Għini!”

    Speċjalment fil-bidu l-foster carers iridu jkunu konxji li huma ser jagħtu ħafna mingħajr ma jieħdu daqstant lura. Iċ-ċavetta hija hekk kif jirnexxielhom jibnu relazzjoni sabiħa ma’ dawn it-tfal li f’ħajjithom ikunu diġà għaddew minn tbatija kbira. Infatti għal kull sena trawmatika tagħhom, huma jkollhom bżonn sentejn biex ifiequ: sena biex ineħħu dak li kellhom ġewwa fihom u oħra biex jassorbu dak li kellhom jitgħallmu f’dik is-sena ta’ qabel. Meta t-tfal jibdew jesperjenzaw il-veru mħabba bla kundizzjoni li suppost ħadu fil-bidu nett, hemm normalment tibda tara t-trasformazzjoni hekk kif it-tfal bil-mod jibdew jidraw jafdaw u finalment jikkomunikaw tajjeb u jħobbu lil dawk ta’ madwarhom.”

    Iebsa biex tifhem kif xi ħadd daqstant żgħir ikun diġà għadda minn tant inkwiet f’ħajtu u hija inkwetanti jekk toqgħod taħseb x’jista’ jiġri minn dawn it-tfal jekk xi ħadd ma jieħux ħsiebhom kif jixraq. Iżda John u Pat sikwit semmew ukoll it-tbatija li jgħaddu minnha l-ġenituri nfushom ta’ dawn it-tfal li xi drabi minħabba d-diffikultajiet tagħhom, isibu ruħhom fis-sitwazzjoni ħarxa li jagħtu t-tfal tagħhom għal foster caring bit-tama li almenu wliedhom jgħixu ħajja aħjar minn tagħhom.

    “Fil-fatt ħafna minn dawn it-tfal li jiġu fostered, akkost li jkunu batew fil-familja tagħhom, xorta waħda jkollhom lealtà kbira lejn il-familjari tagħhom. Għalkemm mhux kollha jkunu jridu jew jistgħu jmorru lura fid-dar tal-ġenituri tagħhom, xorta waħda huma jkunu ħerqana li jkunu jafu li “xi ħadd qiegħed jieħu ħsieb il-mummy” u li “xi ħadd qiegħed jagħti każ tal-problemi li kien hemm fil-familja tagħna”. Naturalment mhux it-tfal kollha jkollhom din il-lealtà.

    Għandna każi fejn ir-rabta bejn it-tfal u l-foster carers tant kibret, li anki meta laħqu l-età tagħhom, dawn għażlu li jibqgħu jgħixu ma’ din il-familja li ħadet ħsiebhom fl-agħar mumenti ta’ ħajjithom.

    Bħala eżempju ta’ x’iġġib din il-bidla fit-tfal nista’ nsemmilek każ li seħħ dan l-aħħar fejn tifel ta’ 9 snin li ġie fostered ra tarbija tat-twelid li qed tiġi iffosterjata u lil dawk li qed jieħdu ħsieb lilu qalilhom “Kemm hu tajjeb li ser tmur għall-fostering dik it-tifla! Għax għallinqas hi ser tiffranka dak kollu li għaddejt minnu jien u mhux ser ikollha d-diffikultajiet li jien qed inġib hawn lilkhom!”

    Ma tistax ma tħossx għal kliem bħal dan u għalhekk ma kontx sorpriża daqstant meta ntbaħt li sitwazzjonijiet bħal dawn iqanqlu anki lil dawk li kienu qed ikellmuni u li min jaf kemm jaraw aktar b’għajnejhom!

    INTERVISTA: PAT BONELLO – Manager, Out of Home Care Programme

    TROBBIJA SPEĊJALIZZATA

    F’dawn l-aħħar ġranet l-Appoġġ fetħet tip ta’ servizz ieħor  magħruf bħala Trobbija Speċjalizzata. Dan huwa maħsub biex jagħti għajnuna lil tfal li għandhom aktar diffikultajiet fil-ħajja minn tfal oħrajn u għalhekk anki l-pakkett finanzjarju li jingħata lil min ikun qed jieħu ħsiebhom huwa kemmxejn akbar u jista’ jilħaq  l-€10,000 – li fih ikun inkluż ic-Child in Care Benefit, għal kull tifel jew tifla li jkollhom bżonn din it-tip ta’ trobbija.  Il-familji jew individwi li se jilqgħu din l-isfida, li biha jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ dawn it-tfal jew żgħażagħ, iridu jkunu lesti li jilqgħuhom fi ħdan il-familja tagħhom u jagħtuhom żmien ta’ trobbija li tilħaq il-bżonnijiet partikolari tagħhom.

    “In-nies li ser jitħajjru għal dan it-tip ta’ servizz ser ikollhom sfida akbar minħabba ċ-ċirkustanzi tat-tfal. Fost dawn l-isfidi nistgħu nsemmu tfal li jkunu aktar kbar fl-età, tfal b’xi diżabilità, tfal b’xi mardPat Bonello kroniku, żewġt aħwa flimkien, tfal jew żgħażagħ li missew mad-droga, tfajla tqila b’tarbija li ma tistax tgħix mal-familja tagħha minħabba li tinsab f’periklu eċċ. Aħna nafu li mhux ser ikun hemm mijiet li jidħlu għal dan ix-xogħol imma anki jekk jirnexxielna nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ ftit minn dawn it-tfal inkunu qed nagħmlu ħafna. Naturalment aħna ser inkunu qed noffru taħriġ adegwat għal dawk li jiddeċiedu li joffru l-għajnuna tagħhom, filwaqt li dawn ser ikunu wkoll segwiti b’mod regolari minn ħaddiema soċjali inkarigati apposta. Ċertament ir-riżultati, għalkemm sikwit jiġu bil-mod ħafna, jagħtu bosta sodisfazzjon lil kull min ikun involut.

    “M’hemmx dubju! L-aħjar post għat-tfal huwa mal-familji tagħhom u aħna nippruvaw nagħmlu minn kollox biex it-tfal ma jinħarġux mid-dar tagħhom. Imma sfortunatament ikun hemm każi fejn għall-protezzjoni u għall-ġid tat-tfal stess, dan ikollu jsir. Xi wħud minn dawn it-tfal jibdew jgħixu ġewwa l-istituzzjonijiet u hemmhekk huma jingħataw l-opportunità li jkunu maħbuba u li jibdew mill-ġdid jgħixu tfulithom. Ta’ min isemmi li ħafna minn dawn it-tfal irnexxew fil-ħajja bil-ħiliet differenti tagħhom u llum huma adulti eżemplari. F’dawn l-aħħar snin, numru minnhom qed jimxu wkoll għand familji ġodda li b’imħabba u b’ġenerożità kbira qed jieħdu ħsiebhom u jrabbuhom daqs li kieku kienu wliedhom.

    Kien ikun ħafna aħjar li kieku dawn it-tfal qatt m’għaddew minn dawn l-esperjenzi trawmatiċi. Imma issa hekk ġara u ma nistgħux immorru lura! Għalhekk issa jiddependi kemm aħna ser inkunu lesti li ngħinuhom jirkupraw dak li tilfu fis-snin bikrin ta’ ħajjithom. Studji varji flimkien mal-esperjenzi tagħna ta’ kuljum jikkonfermaw li l-bidla u l-fejqan huma possibbli. Iżda kollox jistrieħ fuq kemm nies ser ikunu lesti li joffru spalla ta’ kuraġġ u l-kenn ta’ djarhom biex dawn it-tfal iduqu l-ħlewwa ta’ xi jfisser li tkun maħbub tassew.”

    Għal aktar tagħrif jew biex tapplika biex toffri l-għajnuna tiegħek bħala foster carer tista’ ċċempel fuq Supportline 179 jew lill-Aġenzija Appoġġ fuq 22959000 jew permezz tal-website www.appogg.gov.mt Jekk tixtieq tipprovdi servizz ta’ Trobbija Speċjalizzata, jew tixtieq aktar informazzjoni, tista’ wkoll iċċempel fuq in-numri ta’ hawn fuq jew inkella tibgħat email fuq outofhome.appogg@gov.mt

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-20 ta’ Novembru 2011)

    2011.11.20 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • TFAL, TITĦAJRU GĦAL AVVENTURA?

    Xi minn daqqiet jiġu mumenti meta ħabta u sabta, għal ftit sekondi, inħoss is-sensazzjoni ta’ memorji li għaddejt minnhom matul ħajti. Daqqa niftakar f’xi post uniku li żort, drabi oħra nxomm xi fwieħa li dari kont inħobb nuża, f’waqtiet oħrajn nisma’ xi kliem li darba qalli xi ħadd u f’okkażżjonijiet oħra narani nilgħab b’xi ġugarell favorit li kelli…. Huma pawsiet irreali imma sbieħ wisq, speċjalment meta jiġu hekk bis-serqa, bla mistennija. Huma intervalli li jiftħulna għajnejna dwar kemm hu importanti li lit-tfal tagħna noħolqulhom tfulija sabiħa sabiex xi darba meta huma wkoll isiru adulti, il-passat tagħhom ikun jista’ jħollomhom b’esperjenzi armonjużi. “It-tfal huma messaġġi ħajjin li aħna nibagħtu fi żmien li qatt mhu ser naraw,” kiteb l-awtur Amerikan, Neil Postman. Min minna ma jixtieqx li wliedu jgħixu aħjar milli qatt għex hu?

    Dawn il-ħsibijiet jitgerrbu f’moħħ il-ġenituri ta’ sikwit u mhux dejjem tkun faċli biex jagħrfu l-aħjar triq. Ħadd mit-tfal ma jitwieled bl-istruzzjonijiet miegħu u għalhekk il-Martin Borgġenituri jeħtieġ li jitgħallmu bl-esperjenza u bit-tagħrif li jsibu madwarhom. Akkost l-attenzjoni kontinwa, l-iżbalji jsiru xorta waħda speċjalment meta d-dinja ta’ madwarhom tinbidel b’rata tant mgħaġġla u t-tfulija li jiftakru huma ma jkollha x’taqsam xejn ma’ dik ta’ wliedhom. Niftakar li fi tfuliti, il-ġenituri tiegħi kienu  jispjegawli kif fi żmienhom kienu jilagħbu bix-xejn, b’xi ballun tal-karti jew b’xi ġugarell tal-injam u jien f’qalbi bilkemm ma kontx nitħassarhom. U allura kultant meta nara lil binti tilgħab b’logħob teknoloġiku tant żviluppat, bħal nitħasseb x’jidhrilha hi mill-logħob li kont nilgħab jien! Madanakollu Martin Borg, l-individwu li ntervistajt dil-ġimgħa, jemmen bis-sħiħ li t-tfal ta’ llum qed jitilfu ħafna f’ħajjithom, l-aktar meta qed jingħalqu f’did-dinja teknoloġika u strutturata bla ma jiddedikaw l-ebda mument għan-natura sabiħa ta’ madwarhom.

    “Jien ngħid li xi darba għad jibdew jimanifatturaw il-karozzi mingħajr it-twieqi ta’ wara għax ma jkunx hemm bżonnhom aktar. Illum hemm tfal li wara li jagħmlu ġurnata sħiħa jilagħbu bil-kompjuter, meta jiġu biex joħorġu, jaqbdu f’idejhom xi logħba elettronika oħra u jibqgħu deħlin jilagħbu biha fil-karozza. Lanqas titwila waħda barra ma jkunu taw! Karozzi oħrajn għandhom il-monitors ġol-headrest tas-seat ta’ wara u hemmhekk it-tfal jistgħu jilagħbu xi logħba jew jaraw xi film favorit tagħhom,” kompla jispjegali.

    Għalhekk huwa interessanti li tisma’ l-perspettiva ta’ nies differenti. Nistqarr li qatt ma kont irriflettejt dwar dawn il-karozzi b’dan il-mod. Anzi! Karozza hekk dejjem ikkunsidrajtha bħala lussu sabiħ u ftit li xejn għaddieli minn rasi li b’hekk, akkost li tkun qiegħda tivvjaġġa, iġġib ruħek daqs li kieku kont għadek magħluqa bejn erbgħa ħitan!

    “Dan il-kunċett huwa spjegat b’mod ċar ħafna fil-ktieb ‘Last child in the woods’ ta’ Richard Louv, fejn l-awtur juri l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kuntatt man-natura fuq it-tfulija. Infatti, bħal bosta studjużi oħra, dan l-awtur jinsisti li n-natura hija punt kruċjali ħafna fis-saħħa fiżika u psikoloġika tat-tfal peress li din saħansitra tgħin fl-iżvilupp fiżiku, mentali u emozzjonali tagħhom.

    Preżentament, il-ħajja tat-tfal saret strutturata mmens. Hekk kif jitwieldu, it-tfal ikunu diġà miktuba f’xi pre-school li min-naħa tagħha jkollha programmi strutturati ta’ dak li hu mistenni mit-tfal li ser jattendu. Minn hemm it-tfal jimxu għall-kindergarten li wkoll hija skola strutturata b’qafas ta’ mġieba u pjan ta’ tagħlim adegwat. Sentejn wara t-tfal jibdew il-primarja u anki hawn b’mod strutturat jibqgħu telgħin it-taraġ delineat sena wara sena biex jilħqu l-kwalifiċi neċessarji. F’kelma waħda, ħajjet it-tfal tibqa’ sejra hekk sakemm dawn jikbru u jidħlu fid-dinja strutturata tax-xogħol.

    Sfortunatament anki l-postijiet ta’ divertiment tat-tfal huwa strutturat illum. Tara’ ġonna sbieħ ħafna imma kollha ippjanifikati: għandek fejn tista’ tirfes u fejn le, għandek fejn tista’ tieqaf tħares lejn il-fjuri Kreattivita' fit-tfaljew lejn xi vaska sabiħa. Tmur f’adventure park u ssib il-logħob f’forma ta’ struttura wkoll: titla’ minn dak is-sellum, tgħaddi minn fuq dak il-pont u mbagħad tinżel minn dik iż-żurżieqa. Il-libertà tat-tfal fejnha? Rarament ikun hemm biċċa art vojta fejn it-tfal jistgħu jesprimu l-immaġinazzjoni tagħhom u jagħmlu dak li jiġi f’moħħhom. Jiena nisfida lil xi ħadd biex iħalli borġ ġebel fi spazju vojt fejn it-tfal jinġabru biex jilagħbu u joqgħod jinnuta x’kapaċi jagħmlu u jitgħallmu permezz tiegħu. Żgur li l-ewwel narawhom telgħin u neżlin fuq dal-ġebel, imbagħad narawhom jintebħu li ġebla kwadra żżommok filwaqt li oħra aktar tonda titgerbeb bik. Wara ftit jindunaw li jistgħu jibnu xi ħaġa bihom u allura jagħrfu li l-ġebel il-kbir irid joqgħod taħt u l-iċken fuq għax inkella jaqa’ kollox. Imbagħad jibda jitwieled il-logħob u narawhom jisfidaw lil xulxin dwar min minnhom ser iwaddab il-ġebla l-aktar il-bogħod? Xejn partikolari ma trid biex toħloq biċċa spazju bħal dan. Imma minflok donna aktar nippreferu nagħlqu t-tfal f’bozza u mmexxuhom biss minn fejn ngħidu aħna. U hekk x’jiġri? Nipproteġuhom veru imma neqirdulhom il-kreattività.”

    Dawn l-ideat qanqlu lil Martin biex joħloq xi ħaġa differenti għat-tfal. Huwa uża l-isfond tax-xogħol tiegħu biex biż-żmien adattah f’ dinja avventuruża u mimlija sfidi eċċitanti għat-tfal.

    “Jiena ġej minn kamp militari fejn għal 25 sena iffurmajt parti mill-forzi armati fejn kont membru mill-korp tas-salvataġġ bil-helicopter. Kien xogħol li tani ħafna sodisfazzjon, kemm għax żammni fiżikament b’saħħti u anki għax tani l-opportunità li ngħin lil min kien fil-bżonn. Dax-xogħol tellagħni wkoll f’ambjent ta’ dixxiplina, dedikazzjoni u responsabbiltà.

    Maż-żmien dħalt ngħin lil Dr Michael Aquilina fit-taħriġ tal-istudenti tal-università li jkunu għażlu l-linja bħala għalliema tal-edukazzjoni fiżika, u hawnhekk huwa introduċieni mal-qasam tal-Outdoor Education. Ftit ftit bdejt nifhem kemm dawn l-attivitajiet kienu neċessarji għat-tfal u kemm huma kienu jixtiequhom u b’hekk bdiet titnissel f’moħħi l-idea li nħajjar aktar tfal biex jipprattikawhom. Dr Aquilina inkoraġġieni ħafna biex inwettaq dawn l-ideat tiegħi. Sfortunatament, madwar sena u nofs ilu Dr Aquilina ħalliena u jiena sibt ruħi qed nieħu ħsieb dan il-qasam tal-Outdoor Education u kif ukoll dak tal-Water Rescue Unit tal-università.

    Meta spiċċajt mill-armata u kelli aktar ħin fuq idejja, sirt aktar determinat li niżviluppa dan il-potenzjal. L-affarijiet seħħew bil-mod imma b’mod konsistenti. Iddeċidejt li naqbad l-attivitajiet militari li Waħda mill-bunkers li bnew it-tfalkont tħarriġt jien stess fihom bħala suldat, u nadattahom biex ikunu ta’ aspett edukattiv għat-tfal. Bnejt sett ta’ attivitajiet u permezz tal-kuntatti li kelli mal-għalliema tal-edukazzjoni fiżika, maż-żmien sibt ruħi qed norganizza fun days, korsijiet tal-first-aid, abseiling, fire-fighting, zip-line u affarijiet bħal dawn f’diversi skejjel. Ikkonfermajt li t-tfal huma għatxana għal dan it-tip ta’ taħriġ li huma jikkunsidrawh ukoll bħala divertiment. Infatti, bi ftit ħsieb, ħafna drabi laqqgħajna dawn l-attivitajiet ma’ suġġetti oħra edukattivi bħal per eżempju darba minnhom ħadna grupp ta’ studenti fil-fortizza ta’ Selmun u hemmhekk dawn ġew introdotti ma’ diversi aspetti, fosthom dak storiku, edukattiv, sportiv u anki ambjentali speċjalment meta ddiskutejna l-vandaliżmu li kien qed isofri minnu s-sit. Darba’oħra waħħadna dawn l-attivitajiet mas-suġġett tal-PSD fejn ġiet trattata t-tema ta’ Calculated Risk-Taking permezz tal-abseiling. Niftakar li l-aktar mument sinifikanti dakinhar kien meta student magħruf sewwa bħala bully beża’ jagħmel l-abseiling, filwaqt li student ieħor li t-tfal sikwit jaqbdu miegħu, irnexxielu jagħmel dan l-isport mingħajr diffikultà ta’ xejn. F’temp ta’ ftit minuti l-folja nqalbet u dan it-tifel spiċċa l-eroj tal-klassi!”

    Dawn l-attivitajiet servew ukoll biex Martin skopra kemm fir-realtà, aktar ma titlob mit-tfal, aktar jikkonfermawlek kemm huma kapaċi jagħtuk lura.

    “Nistqarr li fil-bidu kont influwenzat b’ċertu ideat fissi, bħal ngħidu aħna li l-abseiling kienu kapaċi jagħmluh biss individwi ta’ 18-il sena ‘l fuq. Imma darba minnhom żewġt iħbieb tiegħi li kienu fil-boyscouts u li kien għad kellhom biss 16-il sena, xtaquni nurihom kif isir l-abseiling u ntbaħt li wara kollox anki huma kienu kapaċi jagħmlu sports bħal dan. Maż-żmien bdejt inħarreġ anki lill-istudenti li kienu jattendu l-Forms IV u V f’dan il-qasam u allura l-età li wieħed seta’ jipprattika l-abseiling fiha niżlet għal 14-il sena. Bqajna sejrin hekk sakemm darba minnhom, waħda ġabet lil ħuha magħha li kien għad kellu biss 7 snin u anki hu ma kellu l-ebda problema biex jirnexxi. Illum il-ġurnata ngħidlek li anki tfal ta’ 5 snin kapaċi jwettqu dan l-isport, naturalment b’tagħmir apposta għalihom.”

    Eventwalment Martin fetaħ l-Adventure School tiegħu taħt l-isem Kamaja Outdoors fejn matul l-istaġun tas-sajf, kull nhar ta’ Tlieta u kull nhar ta’ Ħamis, mid-9:00am san-Adventure school12:30pm huwa joffri taħriġ f’attivitajiet maħsuba li jagħtu l-libertà lit-tfal, filwaqt li fl-istess ħin jiffurmawlhom il-karattru tagħhom.

    “Il-ħsieb wara dan il-proġett tiegħi huma mnissla fuq tliet prinċipji fundamentali: id-dixxiplina, id-dedikazzjoni u r-responsabbiltà li jien tgħallimt fil-militar u li finalment iwasslu biex  it-tfal jitilgħu b’karattru aktar sod. Kollox isir taħt il-forma ta’ logħob iżda l-logħob innifsu huwa minsuġ ma’ tagħlim importanti għall-ħajja. Ngħidu aħna jitgħallmu jkunu ddixxiplinati billi jidraw jistennew wara xulxin, jitgħallmu d-dedikazzjoni meta jifhmu li jridu jqumu kmieni ħalli jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet kollha u jsiru responsabbli meta jieħdu ħsieb ħwejjiġhom u tagħhom infushom.”

    L-aħħar żvilupp fil-proġett ta’ Martin nhieda l-idea tal-bootcamp fejn it-tfal qed jiġu offruti l-opportunità li jipprattikaw diversi attivitajiet avventurużi waqt tliet ijiem li huma jagħmlu jgħixu flimkien ġewwa fortizza storika!

    “Fir-realtà ma vvintajt xejn ġdid għax il-bootcamps ilhom isiru għal diversi snin f’pajjiżi oħra. Xorta waħda nistqarr li għall-ewwel, anki jien kelli daqsxejn ta’ dilemma dwar liema tfal stajt nindirizza b’opportunità bħal din peress li f’pajjiżna għandna kultura protettiva ħafna fejn jidħlu t-tfal. Imma bil-mod il-mod, anki hawn ikkonfermajt li saħansitra minn età żgħira, ħafna tfal kapaċi jinqatgħu għal ftit tal-ġranet minn mal-ġenituri tagħhom mingħajr problemi ta’ xejn u jiddevertu bil-kbir għall-attivitajiet li noħolqilhom. Bl-eċitament li jkollhom biex ifittxu jibdew l-attivitajiet, ma niltaqa’ mal-ebda diffikultà biex iqumu kmieni, anzi jekk ma ngħidlikx li jqumu qabel il-ħin miftiehem! Barra minn hekk jidraw malajr li jridu jieklu f’ċertu ħin u li jridu jimxu minn attività għall-oħra bla waqfien. Nassigurak li tant ikunu qed jieħdu gost li ġieli jinsew iċemplu d-dar u hekk kif isir il-ħin tal-irqad, tant ikunu għejjew b’dak kollu li nkun ippreparajtilhom, li l-maġġoranza tagħhom jorqdu f’ħakka t’għajn.

    Infatti l-idea tal-bootcamp għandha l-iskop li dderri bil-mod il-mod it-tfal biex jibdew jinħallu minn mal-ġenituri tagħhom u jagħrfu s-sabiħ li tkun indipendenti. Jitgħallmu jikkomunikaw aħjar peress li m’hemmx il-preżenza tal-ġenituri li soltu jistrieħu fuqha. B’hekk jagħmlu wkoll ħbieb ġodda u jsibuha aktar faċli biex jaħdmu fi grupp, xi ħaġa li jsibu essenzjali f’ħajjithom, aktar ma jgħaddi ż-żmien.

    Fuq kollox l-attivitajiet huma maħsuba biex iqanqlu l-kreattività tat-tfal. Biex indaħħlek fl-istampa, attività minnhom tinvolvi li t-tfal jibnu bunker jew kamra bl-affarijiet li jsibu madwarhom, bħal pellets, tankijiet, ġebel, zkuk u friegħi tas-siġar eċċ. Hemmhekk it-tfal iġibulek għajnejk wara widnejk x’kapaċi jagħmlu u kemm jafu jikkoordinaw bejniethom! U għal min għandu xi dubju, m’hemm l-ebda differenza bejn subien u bniet għax kollha jidħlu b’ruħhom u ġisimhom biex jibnu l-aktar kamra prattika li kapaċi tagħtihom protezzjoni f’każ ta’ attakk. Is-sabiħ f’dan il-logħob huwa li m’hemmx strutturi u t-tfal jitgħallmu jaħdmu b’dak li jsibu.”

    Ikolli nammetti li bdejt inħoss ċertu għira għal dawn it-tfal, l-aktar meta Martin kompla jispjegali li waqt lejl minnhom, it-tfal jarmaw haversack, flixkun ilma u torch uAttivita' tal-bootcamp jerħulha għal night trekking. Barra minn hekk fost l-attivitajiet, huma jipparteċipaw fi treasure hunts, kompetizzjonijiet bil-qaws u t-tuffieħa bħal ta’ William Tell, operazzjonijiet ta’ salvataġġ taħt l-isem ‘Save the commander’, jagħmlu ħuġġieġa, volley ball fix-‘xita’, il-famuża aerial ropeway fejn it-tfal jiżżerżqu b’veloċità ma’ ħabel fejn l-aktar avventurużi jistgħu anki jinżlu rashom ‘l isfel u ħafna aktar.

    “Min japplika għal dawn il-bootcamps jirċievi lista b’dak kollu li jeħtieġlu jġib miegħu għal dawk it-tliet ijiem. Barra minn hekk it-tfal jiġu mitluba jagħżlu l-menu li jippreferu sabiex Janice, li hija Qualified Camp Cook tieħu ħsieb ta’ kollox. Min-naħa l-oħra Kayleigh għandha r-responsabbiltà tal-programm tal-attivitajiet u minn ġranet qabel hija tikkonferma wkoll li l-attrezzatura li ser jużaw it-tfal huma kollha sikuri.”

    Oh żmien ħelu kif għaddejtli… ħarbitli minn fommi. Imma Martin infurmani li għal min jixtieq, ċerti attivitajiet, fosthom tal-abseiling, isiru anki għall-adulti.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 t’Awwissu 2011)

    2011.08.21 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • X’SER JAGĦMLU T-TFAL DAS-SAJF?

    Jingħad li t-tfal huma bħaż-żerriegħa. X’isir minnhom aktar il-quddiem jiddependi ħafna mill-art li jsibu ruħhom fiha u mill-kura li jingħataw b’mod regolari.

    Għaldaqstant issa li waslu l-vaganzi u bosta tfal għandhom ħafna ħin fuq ir-riħ, huwa għaqli li wieħed jinkoraġġihom biex jinvolvu ruħhom f’xi attività interessanti li idealment tkun tvarja mix-xogħol solitu tal-iskola. B’hekk it-tfal ikunu qed jieħdu l-messaġġ li għalkemm jeżisti ż-żmien ta’mistrieħ, dan ma jfissirx li wieħed għandu jinqata’ minn kollox u jgħaddi l-ġranet kollha jitgħażżen.

    Fortunatament illum jeżistu diversi opportunitajiet għat-tfal, ibda mill-iktar attivitajiet sempliċi u ibqa’ sejjer sal-aktar proġetti intensivi. Bosta drabi jiddependi mit-tfal u anki minn kemm għandhom ħin il-ġenituri li joqogħdu jiġru bihom minn post għall-ieħor u minn kemm għandhom flus x’jonfqu għall-affarijiet bħal dawn. Madanakollu jekk wieħed ifittex sewwa għandu jsib ukoll possibilitajiet oħra interessanti li mhux neċessarjament jiswew il-flus u lanqas ħafna ġiri ‘l hemm u ‘l hawn.

    Dan l-aħħar kont qed nitkellem mal-Prof.  Aldo Drago li huwa d-Direttur taċ-Ċentru Operattiv IOI-Malta.

    “IOI-Malta huwa wieħed minn 25 ċentru mxerrda mad-dinja fi ħdan l-International Ocean Institute (IOI) li huwa NGO internazzjonali li twaqqaf fl-1972 mill-Prof. Elisabeth Mann Borgese. L-uffiċċju prinċipali ta’ l-IOI jinsab fl-Università ta’ Malta.

    Filwaqt li l-IOI-Malta jaqsam maċ-ċentri l-oħra tal-IOI l-iskop prinċipali biex jitjieb l-immaniġġjar, ir-regolamentazzjoni, l-użu sostenibbli tar-riżorsi, il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-Prof. Aldo Dragobaħar, il-ħidma ta’ dan iċ-ċentru Malti huwa wkoll li jwettaq riċerka u studji relatati mal-baħar u li b’mod regolari jniedi diversi promozzjonijiet edukattivi u taħriġ biex jinkoraġixxi dejjem aktar il-kuxjenza pubblika dwar l-ambjent u l-ħlejjaq tal-baħar.”

    Prof. Aldo Drago huwa wkoll il-moħħ wara s-sit IOI-KIDS http://www.ioikids.net/; sit ikkulurit u frisk li jmur ħafna ma’ dawn iż-żminijiet sħan tas-sajf speċjalment minħabba li f’dawn il-ġranet il-baħar isir ħaġa waħda mill-ħajja tagħna l-Maltin.

    “Dan is-sit huwa mmirat għat-tfal tal-primarja u s-sekondarja u għandu l-għan li jwassal informazzjoni dwar l-ambjent tal-baħar u l-ħlejjaq li jgħixu fih permezz ta’ artikli edukattivi u viżwali, stħarriġ u logħob interattiv li jiġbed l-attenzjoni tat-tfal biex jitgħallmu waqt li jieħdu gost jilgħabu fuq l-internet.

    Huwa wkoll maħsub biex ikun ta’ għajnuna għall-għalliema billi jipprovdilhom materjal adattat biex ifasslu lezzjonijiet aktar wiesgħa u interessanti fuq it-tema tal-baħar u fl-istess ħin applikabbli għall-kurrikulu nazzjonali. Barra minn hekk is-sit joffri opportunita’ lill-għalliema u lill-esperti f’dawn l-oqsma sabiex jitħajjru jikkontribwixxu l-kitbiet tagħhom u jkomplu jkattru l-informazzjoni f’dan is-sit.

    Fl-istess waqt dan is-sit joffri kemm lit-tfal tal-iskola u lill-għalliema tagħhom mezz sabiex jaqsmu l-ideat, il-proġetti u l-esperjenzi tagħhom dwar il-baħar ma’ ħbieb oħra madwar id-dinja ħalli b’hekk jinħoloq ukoll djalogu internazzjonali dwar dawn is-suġġetti. Għaldaqstant tfal li jgħixu f’pajjiżi fejn m’hemmx baħar u forsi qatt ma kellhom iċ-ċans li jiġu f’kuntatt miegħu, jkunu jistgħu jesperjenzawh permezz tal-għajnejn ta’ sħabhom.

    Min-naħa l-oħra dan is-sit iservi wkoll biex sa minn ċkunithom it-tfal isiru aktar konxji dwar dak li huma għaddejjin minnu l-oċeani u l-ħlejjaq li jgħixu fihom. Jitgħallmu jsiru ċittadini tad-dinja u mhux ta’ pajjiżhom biss billi jinteressaw ruħhom f’suġġetti marbuta ma’ l-oċeani bħal per eżempju l-impatt uman u tal-klima fuq l-ibħra u l-ekosistemi. Bla dubju l-effett ta’ dan ikun li t-tfal isiru aktar konxji tar-responsabbiltà li għandhom biex iħarsu l-ambjent tal-baħar u jkattru l-użu għaqli tar-riżorsi tiegħu.”

    Minn żmien għal żmien l-IOI-KIDS torganizza wkoll proġetti ġodda li jservu bħala opportunitajiet affaxxinanti kemm għat-tfal u anki għall-ġenituri tagħhom peress li joħolqu skop għall-avventura u l-kreattività.

    “Għal dan is-sajf il-programm ta’ l-IOI-KIDS qiegħed jindirizza l-parteċipazzjoni diretta tat-tfal tal-primarja u tas-sekondarja flimkien ma’ l-għalliema u l-ġenituri tagħhom sabiex jagħmlu xi ħaġa tanġibbli għall-ambjent tal-baħar.

    Waħda minn dawn l-inizjattivi hija l-IOIKIDS ‘Spot the Jellyfish’. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiżdied l-għarfien dwar id-diversità lokali ta’ l-ispeċi ta’ bram billi t-tfal jinvolvu rwieħhom f’eżerċizzju Leaflet- Spot the Jellyfishinteressanti li jikkonsisti fir-rappurtaġġ ta’ dehriet ta’ bram li spiss naraw qrib xtutna u fil-bajjiet tagħna. B’hekk permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom it-tfal ikunu qed jgħinu sabiex ikun possibbli li tinġabar informazzjoni utli għal studji xjentifiċi kemm għall-awtoritajiet lokali u kif ukoll għall-pubbliku in ġenerali. Ta’ min jinnota li din l-informazzjoni apparti li tipprovdina bit-tagħrif, fl-istess ħin tkun qed twassal ukoll messaġġ siewi lil dawk li jkunu beħsiebhom iżuru x-xtut u l-ibħra ta’ madwarna billi jżommhom aġġornati ma’ l-inħawi fejn ikun hemm il-bram.”

    Ir-rappurtagg isir permezz ta’ fuljett ikkulurit u informattiv li jinkludi anki numru ta’ ritratti ta’ bram ta’ speċi differenti. Dan il-fuljett diġà tqassam f’bosta skejjel u tpoġġa anki f’diversi postijiet fix-xtut tal-gżejjer Maltin. Barra minn hekk l-paġni ddedkati fuq is-sit tal-IOIKIDS (www.ioikids.net/jellyfish) iservu biex iwasslu tagħrif interessanti dwar il-bram, kif ukoll mappa aġġornata kull jum ta’ fejn dehru l-bram.

    “Dan il-fuljett huwa mibni b’mod sempliċi imma attraenti biex jaghmilha ferm facli li wiehed jidentifika l-bram u għalhekk iħajjar aktar tfal biex jipparteċipaw. Biex wieħed jieħu sehem kull ma jrid jagħmel huwa illi jqabbel il-bram li jkun ra huwa stess mar-ritratti fuq il-fuljett, jinkludi wkoll id-dettalji tal-ġurnata u l-ħin tar-rapport, u n-numru ta’ bram li kien hemm fuq il-post.

    Il-fuljett bl-informazzjoni jista’ jintbagħat bil-posta jew billi jimtela’ rapport online fuq www.ioikids.net/jellyfish. Wieħed jista’ wkoll jibgħat ir-rapport permezz ta’ SMS fuq 79 222 278 jew email fuq ioi-moc@um.edu.mt. Ta’ min insemmi illi l-parteċipanti jkunu qed jidħlu biċ-ċans li jirbħu numru ta’ premijiet sbieħ!”

    Inizjattiva oħra tal-IOIKIDS tikkonsisti f’kompetizzjoni mmirata għat-tfal fejn dawn qed jiġu mitluba joħolqu xogħolijiet kreattivi b’suġġetti marbuta mal-baħar.

    “Dawk it-tfal fil-livell ta’ edukazzjoni primarja u sekondarja għandhom l-opportunità li jgħaqqdu l-ħiliet artistiċi u teknoloġiċi tagħhom biex jippreparaw kontribuzzjonijiet elettroniċi f’forma ta’ proġetti Using IOI Kids website informattivi u attraenti. Il-parteċipanti jistgħu jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni kemm b’mod individwali u kif ukoll fi gruppi f’waħda miż-żewġ kategoriji skont l-età: 5 sa 10 snin jew 11 sa 16 il-sena.

    Ix-xogħolijiet li jintbagħtu għandhom ikunu jikkonċernaw suġġetti dwar il-baħar jew dwar xatt il-baħar u jistgħu jieħdu diversi forom bħal artikli, ġabriet jew noti dwar ġrajjiet interessanti jew insoliti, skoperti xjentifiċi ġodda, speċi ta’ pjanti jew annimali, eko-sistemi jew postijiet ta’ interess, nies li x-xogħol tagħhom huwa konness mal-baħar u kontribuzzjonijiet kreattivi oħra.

    Il-proġetti għandhom ikunu ppreparati elettronikament bħala dokumenti tal-Word jew preżentazzjonijiet bil-PowerPoint. Jekk wieħed jagħżel li jibni sit għandu jkun fl-HTML filwaqt li r-ritratti għandhom ikunu fil-format .jpg, l-audio clips f’format wav/mp3 u animazzjonijiet u video clips fil-format flv jew avi.

    Naturalment ix-xogħolijiet ippreżentati jridu jkunu oriġinali u magħhom għandha tintbagħat il-formola ta’ reġistrazzjoni li tista’ titniżżel mill-website ta’ IOI-KIDS  http://www.ioikids.net/2010 jew permezz ta’ email: ioi-moc@um.edu.mt. Dawn għandhom jiġu indirizzati lil: Ms. Alicia Said, IOI-Malta Operational Centre, Room 315, Chemistry Building University of Malta, Msida MSD2080 jew permezz tal-email: ioi-moc@um.edu.mt u għandhom jaslu sal-31 ta’ Lulju 2010.

    Finalment il-proġetti rebbieħa jieħdu sehem ukoll f’kompetizzjoni internazzjonali billi jiġu ppubblikati fuq is-sit IOI-KIDS u tfal minn madwar id-dinja jivvutaw għalihom.”

    Apparti minn dawn il-proġetti l-IOI-KIDS toffri wkoll l-opportunità lit-tfal biex b’mod regolari jesprimu ruħhom permezz tal-kitba dwar fatti, aħbarijiet u attivitajiet relatati mal-baħar.

    “Qegħdin nipprovdu lil dawk it-tfal li joħolmu li xi darba jkunu kittieba jew ġurnalisti bil-possibilità reali li jippubblikaw xogħolhom fuq l-internet billi jsiru parti mit-tim IOI-KIDS News. Bi ġżira bħal tagħna mdawwra bil-baħar u b’diversi xtut mill-isbaħ, il-possibilitajiet fuq hiex tikteb huma bla tarf. U għalhekk inħallu biss għall-imaġinazzjoni tal-kittieba tagħna!”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 ta’ Lulju 2010)

    2010.07.18 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • ĊOFF BLU GĦALL-PROTEZZJONI TAT-TFAL

    Għalkemm l-interpretazzjoni tal-kuluri taf tvarja minn kultura għall-oħra, bosta jaqblu illi l-kulur blu jnissel sens ta’ trankwillità fil-bniedem, probabbilment minħabba li jfakkar fil-ġmiel tas-sema u fil-wisgħa tal-baħar. Għaldaqstant hemm min jisħaq illi f’uffiċini  miżbugħa b’dan il-kulur, il-ħaddiema jħossuhom aktar sereni u jkunu iżjed produttivi. Uħud mill-konsulenti tal-moda jirrakkomandaw illi jintlibsu ħwejjeġ blu meta wieħed ikun sejjer għal xi intervista tax-xogħol peress li dan il-kulur jissimbolizza l-lealtà. Jingħad ukoll illi minn studji li saru rriżulta illi dawk l-individwi li jerfgħu l-piż, ikunu kapaċi jimmaniġġjaw toqol ferm  akbar b’iktar faċilità jekk il-ħitan tal-gym ikunu blu. Apparti minn dan, il-blu huwa wkoll il-kulur li jwassal messaġġ ta’ saħħa u għerf. Naturalment ma setax jonqos illi b’dawn id-doni kollha, dan il-kulur ikun dak favorit tiegħi. U għalhekk tistgħu taħsbu kif inħsadt meta sirt naf x’kien qed jirrappreżenta din id-darba fil-kampanja Ċoff Blu…

    Fl-1989 Bonnie Finney iddeċidiet li twaħħal ċoff blu mal-aerial tal-vann tagħha wara li n-neputi Michael Dickerson, tifel ta’ erbgħa snin, ġie maqtul bis-swat li qala’ mingħand il-ġenituri tiegħu. Ħut Michael, it-tnejn taħt l-età ta’ tliet snin, ukoll kienu qed jiġu maħqura severament, tant li darba minnhom waħda mit-tfal spiċċat l-isptar u minn hemm ġie skopert id-delitt tiegħu. “Għaliex ċoff blu?” staqsewha n-nies. Ir-risposta tagħha kienet li għażlet dak il-kulur minħabba li kien ifakkarha fil-ġrieħi koħol li kienet tara kontinwament fuq l-għeżież neputijiet tagħha. Għalhekk il-blu kien iservi bħala tifkira kostanti biex tkompli tiġġieled u xxerred il-messaġġ biex jiġu protetti t-tfal. Meta saru jafu b’dan, in-nies f’Norfolk Virginia bdew iwaħħlu ċ-ċfuf blu huma wkoll sabiex jagħtu sostenn lil dan il-messaġġ. Finalment miljuni ta’ nies madwar il-pajjiż għamlu l-istess u llum din il-kampanja xterdet anki b’mod internazzjonali.

    Dan ix-xahar il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali nediet il-kampanja ‘Ċoff Blu’ sabiex anki f’pajjiżna titqajjem aktar kuxjenza dwar l-abbuż tat-tfal. Għalhekk din il-ġimgħa tkellimt ma’ Carlo Olivari Demanuele u ma’ Jacqueline Vella li jagħmlu parti mill-kumitat li qed jaħdem fuq din il-kampanja.

    “Flimkien mal-kollegi Elizabeth Scerri u Roseanne Cassar aħna ffurmajna kumitat sabiex niġbru l-materjal dwar din il-kampanja peress li ġie deċiż li din tiġi introdotta anki f’pajjiżna. Fil-fatt din il-kampanja ġiet adattata għall-kultura tagħna fejn fostom iffukajna ħafna fuq it-trobbija pożittiva tat-tfal.”

    X’tinkludi t-trobbija pożittiva?

    “Kulħadd huwa konxju kemm huma kruċjali l-ewwel snin tat-trobbija tat-tfal. Matul dawn is-snin bikrin it-tfal jiffurmaw il-karattru u l-personalità tagħhom u kollox jiġi bbażat fuq l-esperjenza tat-trobbija tagħhom.

    Bi trobbija pożittiva nifhmu trobbija fl-aħjar interess tat-tfal fejn fuq kollox jiġu mħarrsa d-drittijiet tagħhom, jiġu ggwidati fid-deċiżjonijiet tagħhom, jingħataw l-opportunità li jissawwru f’individwi, Carlo Olivari Demanuelefilwaqt li jiġu mgħejjuna biex jiffurmaw u jiżviluppaw il-personalità tagħhom. Fuq kollox it-trobbija pożittiva tinkludi wkoll trobbija mingħajr ebda tip ta’ abbuż flimkien ma’ element ta’ dixxiplina u għixien f’ambjent kemm jista’ jkun pożittiv.

    Huwa importanti li nsemmu illi meta qed ngħidu trobbija pożittiva m’aħniex nindirizzaw biss lill-ġenituri imma anki lill-edukaturi kollha tat-tfal. Ngħidu aħna jekk hemm iż-żewġ ġenituri jaħdmu, it-tfal ser ikunu qed iqattgħu ħafna ħin man-nanniet, maz-zijiet jew ma’ aħwa ikbar. F’dawn il-każi huwa neċessarju illi kull wieħed u waħda minnhom jużaw l-istess sistema ta’ trobbija ħalli t-tfal jgħixu f’kontinwità u koerenza. Ma tagħmilx sens illi l-ġenituri jużaw metodi mod u mbagħad l-edukaturi l-oħra jkollhom attitudnijiet oħrajn.”

    Mill-esperjenza tagħkom, x’inhuma d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ġenituri tal-llum?

    “Billi tkun ġenitur ma jfissirx li tkun taf x’inhuma l-aħjar modi biex trabbi lil uliedek. Anzi, ġeneralment hekk kif titwieled l-ewwel tarbija l-ġenituri jibdew jitgħallmu mill-iżbalji u mill-esperjenza. Irridu nammettu illi t-trobbija tat-tfal mhiex xi ħaġa faċli speċjalment bil-pressjoni u l-istress tax-xogħol preżenti fil-ħajja ta’ llum. Barra minn hekk, it-tfal t’issa mhumiex it-tfal ta’ dari li joqogħdu kwieti b’ħarsa biss. F’daż-żminijiet it-tfal jafu d-drittijiet tagħhom, jistaqsu ħafna affarijiet u jistennew li l-ġenituri tagħhom jieħdu interess f’ħajjithom.

    Permezz ta’ din il-kampanja aħna qed nirrikonoxxu dawn id-diffikultajiet u qed noffru għodda sempliċi imma utli ħalli l-ġenituri jkunu jistgħu jgħinu lilhom infushom u jkunu aktar effettivi u pożittivi fil-ħajja ta’ wliedhom.”

    Fhiex tikkonsisti din l-għodda?

    “Hija għodda xjentifikament pruvata u għalhekk ħassejna li għandna ngħadduha lil kulħadd. Tinkludi bosta fatturi li kollha flimkien jgħinu biex it-trobbija tat-tfal tkun ħafna aktar pożittiva.

    Waħda mill-aktar fatturi importanti fit-trobbija pożittiva hija l-komunikazzjoni effettiva bejn il-ġenituri u t-tfal. Ma nistgħux nieqfu nenfasizzaw kemm huwa neċessarju dan id-djalogu li permezz tiegħu l-ġenituri jinkoraġġixxu t-tfal, jibnulhom stima tagħhom infushom u jagħtuhom sens ta’ responsabbiltà u ko-operazzjoni bejn il-membri tal-familja.

    Il-pożittività hija element qawwi fit-trobbija. Fi żminijiet oħra kien hawn it-twemmin illi bit-tmaqdir, tipprovoka lit-tfal biex jaħdmu aktar. Imma llum dan ir-raġunar m’għadux meqjus daqshekk effettiv. Jacqueline VellaInstab illi huwa ħafna aħjar illi tfaħħar lit-tfal sabiex b’hekk timmotivahom biex jaħdmu aktar tajjeb. Ma tridx tesaġera u lanqas tigdeb. Imma jekk per eżempju, t-tifel ġie jurik tpinġija, inti għandek tkellmu dwarha u tfaħħru għax-xogħol li għamel. Jekk it-tpinġija tkun tajba, importanti li tgħidlu li hi tajba. Fl-istess ħin jekk forsi din it-tpinġija mhiex ta’ livell tajjeb daqs is-soltu, tgħidlu li għalkemm ix-xogħol li għamel għoġbok, is-soltu jpinġi ħafna isbaħ. B’hekk bla ma tmaqdar tkun qed tfiehem illi inti temmen li t-tifel kien kapaċi jagħmel xi ħaġa aħjar bi ftit aktar attenzjoni u b’hekk trabbilu aktar fiduċja.”

    X’parti tilgħab it-trobbija pożittiva fil-ħajja futura ta’ wliedna, anki ‘l quddiem meta jsiru adulti?

    “Jekk il-ġenituri jgħinu lil uliedhom jibnu ċertu stima fihom infushom, il-quddiem meta ser isibu lil xi ħadd li jgħaddilhom kummenti negattivi, ser ikunu kapaċi jilqgħu għalihom. Min-naħa l-oħra jekk it-tfal jitrabbew bi stima baxxa, kummenti bħal dawn ikissruhom għax jikkonfermawlhom dak li jkun qed jinkwetahom. Huwa vitali li nrawwmu f’uliedna sens ta’ kuraġġ ħalli jkunu jistgħu jikkumbattu mad-diffikultajiet tal-ħajja.

    Barra minn hekk għandna nħajjru lil uliedna sabiex jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom. Jeħtieġ li nsibu ħin għal dan akkost il-ħajja sfrenata li ngħixu fejn it-tfal huma ffukati ħafna fuq l-istudju. Dak li qed iħossu t-tfal huwa importanti ħafna għall-familja għax fl-aħħar mill-aħħar din ser timxi skont l-ambjent li joħolqu dawn l-emozzjonijiet. Fil-fatt huwa tajjeb illi nrawwmu lit-tfal jiftħu qalbhom magħna sa mill-ewwel snin ta’ ħajjithom. Meta jibdew imorru l-iskola, għandna nistaqsuhom kif kienet il-ġurnata tagħhom. Fl-istess ħin dan ikun sinjal li aħna qed ninteressaw ruħna f’ħajjithom u f’dak li jgħaddu minnu. Inkunu nistgħu wkoll nitkellmu dwar l-emozzjonijiet diversi li jħossu huma u anki dawk li jgħaddu minnhom l-oħrajn li jistgħu jkollhom kuntatt magħhom.

    Ħafna mill-azzjonijiet tagħna huma marbutin mal-emozzjonijiet tagħna. Għaldaqstant huwa tajjeb li nkunu konxji minn dan ħalli ma nħallux l-emozzjonijiet jirkbuna u b’hekk inkunu nistgħu nikkontrollawhom aktar. L-emozzjonijiet huma parti integrali mill-ħajja tagħna u ma nistgħux inħalluhom barra. Ma nistgħux per eżempju nisħqu fuq is-subien biex ma jibkux! Mela s-subien m’għandhomx l-emozzjonijiet tagħhom ukoll?

    Fil-fatt f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna, sar ħafna żvilupp u diġà qed naraw ir-riżultati tiegħu. Biss biss jekk ninnutaw lit-tfal Maltin jitkellmu waqt xi programm fuq it-TV nintebħu x’differenza hemm bejnhom u bejn it-tfal ta’ dari. It-tfal ta’ llum huma ħafna aktar kunfidenti u dan proprju minħabba li nbidel il-mod kif nindirizzaw lit-tfal – billi aħna l-adulti nitkellmu magħhom u nistaqsuhom għall-opinjoni tagħhom u mhux sempliċiment niddettawlhom.

    Il-ġenituri u l-edukaturi għandhom id-dmir illi jħarrġu lit-tfal kif joqogħdu fuq saqajhom u jagħrfu jagħmlu għażliet tajbin fil-ħajja tagħhom. Akkost ta’ dan, nixtiequ nenfasizzaw li m’għandna ninsew qatt illi jafu kemm jafu, uliedna jibqgħu tfal u għandhom bżonn il-gwida u l-protezzjoni tagħna. ”

    X’jikkostitwixxi abbuż?

    “Hemm diversi tipi ta’ abbuż fosthom dak psikoloġiku u dak fiżiku.

    Maġġorment l-abbuż psikoloġiku jinħoloq permezz ta’ ħafna titli u kummenti negattivi li xejn ma jagħmlu ġid. Anzi pjuttost aġir bħal dan inaffar lit-tfal u joħolqilhom bosta problemi.

    Sfortunatament sa ftit snin ilu f’Malta kellna kultura li kienet titratta l-kummenti bla rażan u s-swat fuq it-tfal bħala mezzi ta’ dixxiplina. Iżda llum għal dawn is-sitwazzjonijiet għandna tolleranza zero. Għalhekk akkost li forsi uħud mill-ġenituri trabbew f’ambjent differenti, dawn għandhom jevitaw assolutament li jużaw dawn il-mezzi biex jikkoreġu lil uliedhom.

    Barra minn hekk, meta l-ġenituri jerfgħu jdejhom fuq it-tfal, dawn xorta waħda ma jitgħallmux.  Pjuttost darb’oħra ser jaħbu dak li jkunu għamlu, b’konsegwenza illi l-ġenituri ma jkunux jafu x’qed jiġri sewwasew. Apparti minn hekk dawn it-tfal ser jibdew iqisu l-vjolenza bħala soluzzjoni għall-problemi li jsibu huma. Nagħtu każ jekk qegħdin l-iskola u xi ħadd ser jikkuntrarjahom dawn faċilment ser jirrevertu għall-aġir vjolenti li huma mdorrija bih u b’hekk il-vjolenza ser tibqa’ tiġi perpetwata.

    Bil-vjolenza l-ġenituri ma jkunux qed joffru soluzzjoni lil uliedhom, mhux qed jagħtuhom għażliet u mhux qed iwasslu l-messaġġ li huma lilhom iħobbuhom u li hija l-azzjoni li għamlu li ma togħġobhomx. Minflok imġieba vjolenti tagħti x’jifhem illi t-tfal huma ħżiena u għalhekk qed jiġu kkastigati bil-vjolenza.

    Meta ġenitur ikun irrabbjat ikun aktar għaqli jekk jitbiegħed għal ftit mis-sitwazzjoni sakemm jikkalma. B’hekk ikun jista’ jagħti ġudizzju aħjar ta’ x’għandha tkun il-konsegwenza għall-komportament ta’ wliedu. Fl-istess ħin b’attitudni bħal din it-tfal ikunu qed jitgħallmu xi ħaġa importanti fil-ħajja tagħhom: illi meta inti tiġi kkonfrontat b’sitwazzjoni li tipprovokak daqstant, għandek tibża’ għal ġildek u timxi ‘l hemm minnha.”

    X’tifhmu biha konsegwenza?

    “Nużawha biex niddistingwuha mill-kelma ‘kastig’. Kastig jingħata biex jikkastiga imma ma tieħu xejn aktar minnu. Il-konsegwenza tgħallem lil dak li jkun illi għal kull azzjoni hemm prezz x’wieħed iħallas. Fuq kollox il-konsegwenza tagħfas fuq in-negattività tal-azzjoni u mhux fuq il-persuna li hi ‘ħażina’.

    Biex nagħtu eżempju, jekk tifla waqqgħet vażun fl-art u kissritu, bi traskuraġni, l-ewwel ma nagħmlu nneħħu lit-tifla mill-periklu. Imbagħad għandna nfiehmu lit-tifla illi aħna ddispjaċuti għax dak il-vażun kien għal qalbna jew kien jiswa l-flus eċċ. Flimkien tiġi diskussa kif ser tissolva l-konsegwenza, bħal ngħidu aħna jiġi deċiż illi t-tfal ser jagħtuna xi ftit tal-flus mill-karus tagħhom jew li ser inaddfu l-kamra tagħhom għal numru ta’ ġranet biex ipattu għall-ħsara li għamlu.”

    Kemm jgħin li jkun hemm ċertu regoli fil-familja?

    “Ir-regoli huma bżonnjużi ħafna fil-ħajja minħabba li joffru ċertu direzzjoni u sigurtà. Jekk it-tfal jafu li mat-8:30pm iridu jidħlu jorqdu, allura dawn jifhmu illi x-xogħol tal-iskola u dak kollu li jridu jagħmlu fil-ġurnata jrid ikun lest sa dak il-ħin u mhux jibqgħu iġebbduha sal-aħħar.

    Fl-istess waqt, fejn ikun hemm bżonn, ir-regoli għandhom ikunu flessibbli għax hija proprju r-riġidità li ddejjaq. Ngħidu aħna jekk waħda mir-regoli fil-familja tgħid illi kulħadd għandu jkun fuq il-mejda tal-ikel mas-7:00pm u jekk per eżempju xi ħadd mit-tfal jippratika xi sports qrib dak il-ħin, m’għandiex tinħoloq problema sempliċiment minħabba dan ir-regolament. Hekk jew hekk aktarx deċiżjoni bħal din oriġinarjament tkun ittieħdet biex tgħaqqad il-familja flimkien f’ħin partikolari. Allura bi ftit ħsieb, fejn ikun possibbli, wieħed jista’ jmexxi dan il-ħin stabbilit għal ġurnata oħra.”

    Intom tisħqu illi r-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied tkun b’saħħitha skont kemm wieħed jinvesti fiha. X’tikkummentaw dwar dan?

    “Kull omm u missier jixtiequ l-aħjar għal uliedhom imma kultant jinqalgħu xi diffikultajiet li joħolqu stress fir-relazzjoni ta’ bejniethom.

    Komunikazzjoni effettiva, attenzjoni mistħoqqa u ħin ta’ kwalità mal-ulied huma tlieta mill-pedamenti ewlenin għal trobbija b’saħħitha u relazzjoni mill-aħjar.

    Il-komunikazzjoni u d-djalogu jistgħu jiġu mnebbħa mill-affarijiet ta’ kuljum u m’hemmx għalfejn id-dedikazzjoni ta’ ħafna ħin għad-diskussjoni. L-importanti li nkunu qegħdin nisimgħu sewwa lil uliedna u nifhmu dak li qed jippruvaw jgħidulna. B’hekk inkunu qegħdin nevitaw illi wliedna jmorru jiftħu qalbhom ma’ ħaddieħor li mhux neċessarjament ser jagħtihom l-aħjar widen jew parir.

    Il-ħin ta’ kwalità nistgħu nivvintawh mix-xejn. Biss biss jekk il-ġenituri għandhom ftit li xejn ħin għad-dispożizzjoni tagħhom, jistgħu jieħdu l-okkażżjoni li jkunu qrib ta’ wliedhom meta jkunu qed iwassluhom x’imkien bil-karozza. Hekk jew hekk dak huwa ħin li joffrilek intimità u attenzjoni personali kemm trid.”

    Kemm huwa importanti illi l-ġenituri jżommu ruħhom aġġornati mas-sistemi moderni tat-trobbija?

    “Is-soċjetà u l-kultura ta’poplu u ta’ pajjiż jinbidlu matul is-snin. Għaldaqstant jgħin ħafna illi kemm il-ġenituri u kif ukoll l-edukaturi jżommu ruħhom infurmati dwar dak kollu li jkun qed iseħħ speċjalment f’dak li jikkonċerna t-trobbija tat-tfal.

    Fil-fatt il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali toffri diversi programmi u servizzi għall-benefiċċju tat-tfal u l-familja. Matul is-sena jiġu organizzati numru ta’ korsijiet ta’ parenting skills u bi pjaċir ngħidu illi dejjem ikun hemm interess u attendenza tajba għalihom.

    Fid-dinja kollox jorbot u huwa għalhekk illi permezz ta’ trobbija pożittiva l-ġenituri jkunu qed iwittu t-triq għall-ħajja ferm aħjar t’uliedhom.”

    Għal dawk li jixtiequ aktar informazzjoni dwar it-trobbija pożittiva l-Fondazzjoni għandha fuljett informattiv ħafna li wieħed jista’ jeċċedi għaliha permezz tal-website: www.appogg.gov.mt inkella billi jċempel lill-Aġenzija Appoġġ fuq 2295 9000 jew lill-Aġenzija Sedqa fuq 2388 5110. Wieħed jista’ jċempel ukoll Supportline 179 f’każ ta’ bżonn ta’ għajnuna.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-30 ta’ Mejju 2010)

    2010.05.30 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • BIEX ĦADD MA JIBQA’ LURA

    Id-dinja hija post perikoluż, mhux kaġun ta’ dawk li jagħmlu l-ħażen imma minħabba dawk li jibqgħu jħarsu u ma jagħmlu xejn… Albert Einstein

    Ftit ilu qrajt ġrajja li ġrat tassew u li ħallietni mbellħa! Ma seħħietx f’pajjiżna imma ma tridx wisq biex timmaġinaha ssir hawn. L-istorja tirrakkonta kif fl-eqqel tal-lejl, fi triq kollha djar abitati, mara Tfalnstemgħet issejjaħ għall-ajjut għax xi ħadd kien qed jiġri warajha biex joqtolha. Fis-skiet tat-triq it-twerżieq tagħha kien qed jirmbombja u jinstema’ sewwa. Uħud min-nies ittawwlu bis-serqa minn wara l-purtieri tat-twieqi tagħhom u raw ix-xena sseħħ quddiemhom. Fl-istess ħin innutaw li anki l-ġirien tagħhom kienu qed isegwu dan l-inċident bl-istess mod u għalhekk reġgħu marru jorqdu. “Issa jċemplu l-oħrajn” iddeċidew. Hekk jew hekk wara ftit il-mara waqfet tgħajjat… Sabuha mejta l-għada fil-għodu. Meta l-pulizija staqsew lin-nies għala ħadd minnhom ma kien ċempel meta semgħu l-għajjat, inħasdu. Kollha wieġbu l-istess – ma kienux ċemplu għax ħasbu li ser iċempel dak li kien joqgħod ħdejhom jew faċċata tagħhom. Għaldaqstant ħadd ma ċempel u l-qattiel wettaq id-delitt proprju taħt għajnejn kulħadd!

    Ngħid għalija d-diżinteress tas-soċjetà qiegħed kull ma jmur jiżdied. Mhux l-ewwel darba li jgħaddili minn rasi li fir-realtà ħadd ma jinteressah tassew minn ħadd akkost il-bews u l-messaġġi kontinwi għaddejjin fuq il-mobiles u l-kompjuters tagħna. Sirna ngħixu f’ħajja virtwali fejn naħsbu li għandna ħafna ħbieb u li aħna kuntenti u li ħadd ma jonqsu xejn. Iżda nitħasseb x’nistgħu nsibu li kieku kellna veru niġu bżonn l-għajnuna ta’ xi ħadd minnhom.

    Dan l-aħħar qed naqraw u nisimgħu sikwit dwar il-faqar f’pajjiżna. Faqar li bosta drabi jkun moħbi u mistur kemm jista’ jkun minn wiċċ is-soċjetà. Imma ejja nammettuha, fuq dil-biċċa blata li ngħixu fuqha, kemm tista’ ddum taħbi?Kultant is-sinjali tal-faqar ikunu tant evidenti li trid iddawwar wiċċek in-naħa l-oħra biex ma tarax. Iweġġagħni l-faqar, speċjalment fejn hemm it-tfal involuti u kien għalhekk li dil-ġimgħa ddeċidejt li nistħarreġ aktar dwar fond imniedi mill-Appoġġ biex jindirizza l-bżonnijiet tat-tfal li bħalissa huma għaddejjin minn xi sitwazzjoni diffiċli.

    Ruth Sciberras hija ċ-Chairperson taċ-Children’s Fund.

    “Dan il-fond ilu fis-seħħ mill-2003 u s’issa għen madwar 200 tifel u tifla fis-sena. L-għan tiegħu huwa li jtaffi xi ftit mid-diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom ċertu tfal minħabba xi sitwazzjoni diffiċli fil-familja tagħhom.”

    Min jista’ jibbenefika minn dan il-fond?

    “Il-fond hu mmirat għal dawk il-familji li diġà qed jirċievu xi servizzi oħra mill-Aġenzija Appoġġ. Fil-fatt ikunu s-social workers tagħna stess li jkunu qed isegwu lil dawn il-familji, li mbagħad jirreferuhomRuth Sciberras għall-għajnuna ta’ dan il-fond. Mill-visti regolari li jsiru fid-djar huma jkunu midħla ħafna tal-familja nkluż tat-tfal u jkunu qed isegwu ċertu bżonnijiet li dawn ikollhom jaffaċċjaw. Għaldaqstant meta s-social workers jiltaqgħu ma’ każ ġenwin huma jagħmlu talba formali liċ-Children’s Fund billi tintbagħat ittra lill-Kumitat ta’ dan il-fond ħalli dan jevalwa s-sitwazzjoni u jiddeċiedi jekk għandux isir il-ħlas jew le.”

    Fhiex tikkonsisti l-għajnuna li tingħata u kif jitqassmu l-flus?

    “Nixtieq nenfasizza illi l-fond qatt ma jagħti flus lill-individwi. Fil-fatt il-ħlas ta’ dawn is-servizzi jiġu amministrati għan-nom tal-familja li jkollha bżonnhom, mis-social workers li jkunu ressqu r-rikjesta lill-Kumitat.

    Il-Kumitat taċ-Children’s Fund hu magħmul mill-Maniġer tas-Servizzi tat-Tfal tal-Aġenzija Appoġġ, żewġ membri tal-istaff u rappreżentant mill-Kumitat tal-Ġbir ta’ Fondi. Il-ħlasijiet kollha jiġu riveduti u approvati mid-Direttur Operattiv tal-Aġenzija Appoġġ.

    L-għajnuna tingħata għax-xiri ta’ affarijiet bażiċi bħal ħrieqi jew ħalib għat-trabi, ikel, ħwejjeġ, mediċina, trattamenti mediċi, uniformijiet u bżonnijiet tal-iskola, fost oħrajn.

    Jista’ jkun ukoll li f’ċertu każi l-Kumitat jiddeċiedi li l-ispejjeż jinqasmu bejn il-ġenituri u l-fond. Għalhekk per eżempju jekk it-tifel għandu bżonn gear tal-futbol għax it-tfal l-oħra kollha għandhom u hu le, jsir ftehim mal-ġenituri biex dawn imorru jixtru l-gear, iġibu l-irċevuta u mbagħad jieħdu n-nofs l-ieħor lura.”

    Jeżistu ħafna tfal li qed jgħixu f’diffikultà?

    “Bħala l-Fondazzjoni għal Servizzi tal-Ħarsien Soċjali aħna niltaqgħu ma’ bosta każi bħal dawn. Xogħolna hu illi nidentifikaw l-bżonn ħalli nippruvaw intellgħu lil dawn l-individwi mill-qiegħ biex b’hekk tittaffa’ t-tbatija u ħadd ma jibqa’ lura.

    Dawn ta’ taħt huma l-ammonti li nħarġu bejn l-2006 u l-2009. Il-flus intefqu fuq spejjeż ta’ ħwejjeġ, ikel, edukazzjoni, mediċini, ħlasijiet professjonali, għixien, transport u xi bżonnijiet oħrajn.”

    Sena Tfal assistiti Flus li ngħataw €
    2006 125 6,544.50
    2007 258 7,285.81
    2008 216 7,211.01
    2009 120 7334.06

    Kemm huwa neċessarju illi kemm jista’ jkun it-tfal jgħixu tfulija  mħarrsa mid-diffikultajiet?

    “Huwa importanti mmens. Meta wieħed ibati ħafna fi tfulitu, din it-tbatija sikwit tħalli marka fuq ħajjet il-bniedem. Jafu jgħaddu diversi snin u l-memorja ta’ dawk is-snin fejn hu kien depravat minn ċertu Tifel fuq bajjaaffarijiet bażiċi, joħolqu effetti negattivi. Għaldaqstant f’każi bħal dawn, aktar ma t-tfal isibu sapport malajr, inqas ikun hemm minn dawn l-effetti.

    Madanakollu ċerti familji tant ikunu mgħobbijin bi problemi illi anki t-tfal tagħhom jispiċċaw jgħumu fl-istess ilma. Bla ma jridu dawn it-tfal isibu ruħhom f’ċirku vizzjuż li jittanta jitfagħhom fl-istess problemi li kienu jgħixu l-ġenituri tagħhom bħal mard, qagħad, dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali, edukazzjoni limitata li ma tippermettilhomx xi għażla ta’ xogħol, użura, drogi u qrati.”

    Tkellimt ukoll ma’ Svetlana Tabone, membru fil-kumitat li jorganizza l-attivitajiet biex jinġabru l-fondi għaċ-Children’s Fund.

    “Aħna tim ta’ impjegati mill-Aġenzija Appoġġ li b’mod volontarju fil-ħin liberu tagħna, minn żmien għal żmien norganizzaw attivitajiet bl-iskop li niġbru l-flus għal dan il-fond. Uħud mill-attivitajiet li ġieli Svetlana Tabonesaru jinkludu l-bejgħ ta’ figolli u kejkijiet, maratoni ta’ ħasil ta’ karozzi u ta’ hairdressing, produzzjoni u bejgħ ta’ kalendarji, boroż ta’ San Martin u attivitajiet oħra ta’ divertiment għat-tfal. Kultant nagħmlu wkoll ‘baguette day’ fejn il-ħaddiema tal-Aġenzija minflok kulħadd imur għal rasu għall-break, jiltaqgħu flimkien u jixtru l-baguettes li nkunu ppreparajnilhom aħna. Għal dawn l-attivitajiet sikwit jiġu jgħinuna wkoll xi ħaddiema mill-aġenziji l-oħrajn flimkien ma’ xi ħbieb u familjari tagħna. Ikollna bżonn ħafna volontarji. Kull daqqa t’id tgħodd.”

    Kemm issibu rispons mill-pubbliku u mill-isponsors?

    “Dan l-aħħar kellna żewġ attivitajiet li kienu ta’ suċċess fostom ‘Step into Wonderland’ li saret fil-ġonna ta’ Sant’Anton u l-bejgħ ta’ madwar 500 figolla.

    Il-pubbliku dejjem laqa’ bi ħġaru l-istedina tagħna għal dawn l-attivitajiet u kkontribwixxa bil-qalb. Insibu ħafna għajnuna wkoll mill-isponsors tagħna li jagħtuna numru ta’ affarijiet b’xejn jew bi prezzijiet speċjali sabiex il-profitti jmorru kollha f’dan il-fond. Ġieli kien hemm ukoll xi personalitajiet li tellgħu attivitajiet huma stess b’risq iċ-Children’s Fund.”

    Min jixtieq jgħin x’għandu jagħmel?

    “Għall-attivitajiet tagħna jkollna bżonn il-volontiera. Barra minn hekk kumpaniji jistgħu jgħinu billi jagħtu xi fondi b’mod dirett jew inkella billi jħajjru lill-impjegati ħalli jipparteċipaw fl-attivitajiet li norganizzaw.

    Min hu interessat li jgħin liċ-Children’s Fund jista’ jikkuntattja lill-Aġenzija Appoġġ fuq 22959000 jew Supportline 179 inkella permezz ta’ email fuq: appogg@gov.mt. Donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll fil-kont bankarju HSBC 089059745003. Tingħata rċevuta għal kull donazzjoni ta’ flus li ssir.

    Kull għajnuna hi apprezzata. Bil-ftit li kull wieħed u waħda minna joffri, nistgħu nagħmlu l-ħajja ta’ dawn it-tfal ħafna aħjar!”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-2 ta’ Mejju 2010)

    2010.05.02 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • X’INHU L-AĦJAR GĦAT-TFAL?

    Hekk kif it-tfal jibdew joqorbu lejn l-età tal-iskola jew hekk kif l-omm tiddeċiedi li tixtieq tmur taħdem, sikwit tinqala’ l-kwistjoni dwar x’inhu l-aħjar għat-tfal. It-tfal għandhom jitħallew ma’ xi qraba jew ikun aħjar li kieku jmorru f’xi childcare centre ħalli jilħqu jidraw is-sistema tal-iskola? Imma x’joffru c-childcare centres u x’inhuma r-rekwiżiti tal-kindergartens? Tibda tisma’ kull tip ta’ opinjoni minn hemm u minn hawn. Uħud jgħidulek ukoll li hekk kif jirfsu ġo childcare centre jew fl-iskola, it-tfal iktar morda milli le. Imma dan minnu? Tkellimna ma’ sid ta’ żewġ childcare centres, ma’ żewġ għalliema tal-kindergarten u ma’ kirurgu tat-tfal sabiex inwieġbu l-mistoqsijiet prinċipali li jkunu jixtiequ jafu bosta mill-ġenituri…

    INTERVISTA: ANNA SALIBA u ROSETTE BONELLO – Kindergarten Assistants

    X’inhu dak li tkunu qed tistennew li jkunu jafu jagħmlu tfal tal-eta’ tal-kindergarten?

    Ħafna ġenituri jaħsbu illi l-iskop tal-kindergarten huwa illi t-tfal jibdew jitgħallmu n-numri u l-ittri. Imma mhux dak l-iskop ewlieni. Fl-ewwel sena tagħhom fl-iskola, l-għan prinċipali huwa illi dawn it-tfal Rosette Bonello u Anna Saliba jitgħallmu l-affarijiet bażiċi tal-ħajja, bħal ngħidu aħna jitgħallmu jikkomunikaw, jistennew, jaqsmu l-affarijiet bejniethom u jidraw il-manjieri tajbin. Huwa importanti ħafna wkoll illi dawn it-tfal ikunu kapaċi jinqdew weħidhom fit-toilet: li jafu jniżżlu l-qalziet u jtellgħuh għax aħna ma nistgħux nidħlu magħhom. L-użu tal-gażaża u l-qlejba mhumiex permessi fl-iskola għax it-tfal għandhom ħabta jdaħħlu dawn l-oġġetti f’ħalq xulxin. Iżda l-aktar punt kritiku huwa illi t-tfal għandhom jiġu mgħallma minn qabel xi tfisser li tmur l-iskola. Il-ġenituri għandhom ipoġġu bil-qiegħda magħhom u jitkellmu ċar. Jgħidulhom “Ara, issa inti ser tmur l-iskola. Ikollok għalliema li tkun tħobbok ħafna u anki ħafna tfal biex toqgħod tilgħab magħhom. U mbagħad jiena nitlaq u meta jsir il-ħin nerġa’ niġi għalik.” Din tal-aħħar importanti ħafna għax fil-bidu t-tfal ikollhom il-biża’ li l-omm ħalliethom f’dak il-post u m’għandiex l-intenzjoni li terġa’ tmur lura għalihom. B’daqsxejn djalogu minn qabel, tiġi evitata ħafna tbatija.

    X’inhuma l-akbar ostakli għat-tfal li jattendu l-iskola tal-kinder għall-ewwel darba?

    Il-firda mill-omm hija l-aktar waħda iebsa. Imbagħad hemm ukoll illi għall-bidu t-tfal ma jkunux drawna. Għalihom aħna nies barranin. Il-post huwa differenti, il-kumdità u l-libertà li jkun hemm id-dar ma jsibuhiex fl-iskola għax hawnhekk hawn ċertu regoli. Iżda l-bidu għal kulħadd iebes. Anki aħna l-adulti meta mmorru x’imkien ġdid inħossuna mifxula, aħseb u ara naqra ta’ tifel żgħir!

    Bħala għalliema tal-kindergarten, taraw differenza bejn tfal li jkunu attendew ic-childcare centres u oħrajn li le?

    Mhux dejjem għax skont it-tfal u l-ambjent li jkunu trabbew fih. Hemm tfal li jkunu diġa’ mgħallma u ppreparati sewwa mill-ġenituri, oħrajn ikollhom ħuthom akbar u allura jkunu drawha xi ftit is-sistema. Fejn l-omm tkun taħdem u t–tfal jitħallew man-nanna, id-distakk mill-omm ikun laħaq sar u allura t-tfal ma jbatux mill-firda meta jiġu l-iskola. Però imbagħad kultant, iva, ninnutaw ċerti differenzi, għalkemm insostnu illi dan ma japplikax għat-tfal kollha. Per eżempju hemm tendenza illi kultant it-tfal li jkunu attendew fiċ-childcare centres ikunu aktar indipendenti u aktar jafu xi tfisser li tmur l-iskola. Ikollhom aktar kunċett ta’ ħin u jafu li wara l-iskola, l-omm ġejja għalihom. Uħud ikollhom aktar vokabularju, jafu jaqsmu l-affarijiet mal-oħrajn, jafu x’inhu kju, imdorrijin jaħslu jdejhom wara t-toilet jew wara li jieklu, jibżgħu aktar għall-ġugarelli u għall-kotba, kapaċi joqogħdu bil-qiegħda jisimgħu storja u mhux jiġru ‘l hawn u ‘l hemm u wara li jilgħabu bil-ġugarelli, jiġbruhom lura. Xi ħaġa illi ġeneralment it-tfal li jkunu mdorrijin id-dar, ma jkunux imgħallma jagħmlu.

    Kemm jistgħu jgħinu l-ġenituri biex it-tfal ikunu aktar ippreparati għall-ewwel sena tagħhom fil-kinder?

    Il-preparazzjoni tat-tfal mill-ġenituri hija neċessarja immens. Ma jistax ikun li t-tfal jintbagħtu l-ewwel ġurnata l-iskola u ma jafux x’laqagħthom. Il-kooperazzjoni tal-ġenituri flimkien mal-għalliema tgħin ħafna biex it-tfal jgħixu l-ewwel esperjenza tagħhom tal-iskola b’mod pjaċevoli. Ngħidu aħna, dawk it-tfal li jibku fil-bidu, għandna nibdewlhom l-iskola ftit ftit kuljum. Ċertu ġenituri ma jkunux jistgħu jifmuha din u minflok isostnu biex iħallu ‘l uliedhom il-ġurnata kollha għax jgħidulek li dawn m’għandhom xejn inqas minn ħaddieħor. Tgħin ħafna wkoll jekk it-tfal jiġu mħarrġa minn qabel għas-sistema tal-iskola bħal f’dawk li huma drawwiet, per eżempju li jixorbu l-ilma, li jaqtgħu il-gażaża u n-nappy, li ma jorqdux f’nofsinhar u li jikkomunikaw sewwa x’għandhom bżonn. L-għażla tal-ħwejjeġ u ż-żraben li jlibbsu lit-tfal għandha tkun għaqlija biex kemm jista’ jkun it-tfal ikunu komdi u mingħajr periklu. Ix-xagħar għandu jkun miġbud minħabba li t-tfal żgħar iħobbu joqogħdu ras ma’ ras. Jekk it-tfal għandhom xi allerġiji huwa neċessarju li aħna nkunu nafu għax it-tfal għandhom it-tendenza li jħalltu u jaqsmu.

    Il-kindergarten hija l-bidu tal-edukazzjoni tat-tfal tagħna. Introduzzjoni tajba tgħin biex il-quddiem it-tfal ikomplu mexjin sewwa fis-sistema skolastika. Bħala għalliema aħna napprezzaw illi meta t-tfal jikbru jibqgħu jiftakru l-iskola bħala l-post fejn tgħallmu u fejn lagħbu u fejn ħadu pjaċir anki mal-għalliema tagħhom.

    ——————————————————————————————————————————

    INTERVISTA: CHRIS FEARNE – Kirurgu tat-Tfal

    Uħud isostnu illi l-attendenza fiċ-childcare centres iżżid il-mard fit-tfal. X’tikkummenta?

    Hekk kif iċ-ċentri ta’ kura tat-tfal u trabi isiru aktar aċċessibbli, huwa importanti illi l-ġenituri jkunu mgħarrfa dwar l-implikazzjonijiet għal saħħet it-tfal li jattendu f’dawn iċ-ċentri.

    Hemm żewġ kategoriji bażiċi ta’ kif is-saħħa tat-tfal tista’ tkun affettwata fil-childcare centres: dik tal-‘injuries’ u l-oħra tal-infezzjonijiet.

    Injuries

    Ħa nibdew bl-injuries. Ma tistax tistenna illi fejn ikun hemm it-tfal jilagħbu mhux ser ikun hemm min iweġġa’. U t-tfal jistgħu iweġġgħu u jkorru kemm jekk ikunu fiċ-childcare centres u kif ukoll jekk ikunuChris Fearne d-dar jew għand in-nanna. Fil-fatt studji f’pajjiżi oħra wrew illi iżjed hemm ċans illi tfal żgħar ikorru d-dar jew fil-‘playing field’ milli f’childcare centre. Probabbilment għax fiċ-ċentri tat-tfal issir emfażi kbira biex dawn il-problemi iġu evitati. L-injuries tat-tfal żgħar huma ta’ żewġ tipi – hemm dawk li jiġru minħabba azzjoni tat-tfal stess, bħal waqgħat, gdim jew daqqiet u dawk li jiġru minħabba l-ambjent taċ-ċentru bħal ngħidu aħna, minħabba xi apparat difettuż jew logħob perikoluż. Għalhekk huwa importanti illi ċentri li jilqgħu lit-tfal fihom ikunu iċċertifikati li huma safe u li jkunu spezzjonati b’mod regolari mill-awtoritajiet. Huwa neċessarju wkoll illi kull min jaħdem mat-tfal ikollu taħriġ ta’ x’għandu jagħmel f’każ ta’ injury.

    Infezzjonijiet

    It-tieni tip ta’ problema għas-saħħa tat-tfal fil-childcare centres għandha x’taqsam ma’ l-infezzjonijiet. Dawn bħal ma’ jaf kulħadd jittieħdu minn persuna għall-oħra. U allura tarbija jew tifel żgħir li ser ikun f’kuntatt viċin ma’ ħafna tfal oħra ser jimrad iżjed. Pero’ anke hawn, mhux kulħadd l-istess. Dawk it-trabi li jkunu ‘breastfed’ għandhom vantaġġ minħabba illi l-ħalib ta’ l-omm jagħti ċerta protezzjoni kontra l-mard infettiv. Barra minn hekk tfal żgħar li jkollhom ħuthom akbar minnhom x’aktarx li jkunu diġà ltaqgħu ma’ ħafna mikrobi li ħuthom ikunu ġabu d-dar. Dan iwassal biex dawn it-tfal ikunu laħqu rabbew protezzjoni akbar meta jmorru fiċ-childcare centres. Min-naħa l-oħra, tarbija li mhux ‘breastfed’ u li m’għandiex ħutha akbar minnha, ser timrad ta’ spiss fl-ewwel ftit xhur fiċ-childcare centre.

    Importanti ħafna illi tfal li jkunu ser jattendu f’dawn iċ-ċentri jkunu ħadu t-tilqim li jkun hemm bżonn. Dan it-tilqim iservi ħafna biex ibiegħed mard infettiv. Dan l-aħħar ħarġet tilqima ġdida kontra d-dijareja li l-gvern għadu mhux qed jagħti b’xejn. Jien inħeġġeġ lill-ġenituri kollha, speċjalment lil dawk li ser idaħħlu lit-tfal fiċ-ċentri sabiex jużaw dan il-vaċċin. Tfal u għalliema li jkunu jattendu ċ-ċentri għandhom ukoll jitlaqqmu għal kontra l-influwenza fil-bidu ta’ kull xitwa.

    Ta’ min jiġbed l-attenzjoni wkoll ta’ dawk il-ġenituri li jkollhom it-tfal morda sabiex ma’ jeħduhomx fiċ-ċentri sakemm dawn jirkupraw. Dan mhux biss għas-saħħa tat-tfal infushom imma wkoll ħalli kemm jista’ jkun dan il-mard ma jinfirixx mat-tfal l-oħra.

    chrisfearne@gmail.com

    ——————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: MARIJA HAMMETT – SID TA’ TENDER LOVING CARE CENTRES– M’SCALA U FGURA

    Kif bdiet l-idea li tiftaħ dawn ic-childcare centres?

    Kont iddeċidejt li noħroġ naħdem imma l-akbar diffikultà li ltqajt magħha dak iż-żmien, kienet li nsib childcare centre. Irrealizzajt li kien hemm bżonn serju ta’ dawn iċ-ċentri u minn hemm bdiet l-idea li niftaħ childcare centre tiegħi. It-tfal minn dejjem kienu importanti ħafna f’ħajti. Mill-ewwel ġranet f’dan ix-xogħol ġdid intbaħt li fl-aħħar kont sibt posti. Qabel dan kont ħdimt f’diversi xogħlijiet imma qatt ma kont daqshekk kuntenta. Illum ma nistax nimmaġinani nagħmel xogħol ieħor.

    X’inhuma s-servizzi li joffru c-childcare centres tiegħek?

    Is-servizzi tac-childcare centres tiegħi huma mibnija direttament fuq il-bżonnijiet u t-talba tal-klijenti. F’Marsaskala ċ-ċentru jiftaħ għall-ħinijiet itwal minn dak taċ-ċentru li għandi l-Fgura u jilqa’ t-tfal Marija Hammett anki s-Sibt. Apparti li noffru s-servizz ta’ childcare, jiġifieri li nieħdu ħsieb u li nedukaw lit-tfal sakemm il-ġenituri jkunu x-xogħol, aħna noffru wkoll is-servizz li nżommu t-tfal qabel u wara l-iskola. Dan l-arranġament sar għal dawk il-ġenituri li jibdew ix-xogħol kmieni u għal dawk li jdumu x-xogħol aktar mill-ħinijiet li fihom tispiċċa l-iskola. Għall-kumdità tal-ġenituri, aħna noffru wkoll is-servizz tagħna waqt il-vakanzi tal-iskola bħal dawk tal-Għid, tal-Milied eċċ. Bl-istess għan, għandna wkoll is-servizz ta’ Skola Sajf illi fiha jistgħu jattendu wkoll it-tfal ta’ Kinder 1 u 2 bi programm speċjali adattat għalihom. Mat-tfal iż-żgħar nagħmlu anki n-nappy changing filwaqt li lit-tfal akbar nittrenjawhom biex jitgħallmu jmorru t-toilet weħidhom (rekwiżit importanti għall-iskola). Ovvjament kollox jieħu l-ħin tiegħu u biex it-tfal jitħarrġu sew, aħna nirrakkomandaw li t-tfal jinġiebu fiċ-ċentru ta’ l-inqas minn sitt xhur qabel tibda l-iskola tal-Kinder Garten.

    Liema etajiet ta’ tfal jistgħu jattendu fic-childcare centres tiegħek?

    Hawnhekk naċċettaw minn trabi sa tfal ta’ tlett snin. Iżda kif għedtlek, fil-vaganzi u fis-Sajf ikollna wkoll tfal sa ħames snin.

    X’inhu l-iskop ta’ childcare centre?

    Inizzjalment l-iskop huwa illi t-tfal jilħqu jidraw il-firda minn mal-omm, li aktar tard trid issir bilfors minħabba l-attendenza fl-iskola tal-kindergarten. Iżda child care centre joffri lit-tfal ħafna aktar minn hekk. Permezz tat-taħlit ma’ tfal oħra, it-tfal jitgħallmu wkoll diversi kapaċitajiet bażiċi bħal dik li jissoċċjalizzaw u jikkomunikaw ma’ tfal oħra. Jitħarrġu f’dawn l-affarijiet b’mod sottili, mingħajr lanqas biss ma jindunaw. Għax kollox isir permezz tal-logħob. Fiċ-ċentri tagħna, għandna jattendu wkoll numru ta’ tfal barranin u dan iservi ta’ vantaġġ kemm għat-tfal Maltin u kemm għat-tfal barranin infushom, li wħud minnhom saħansitra jitgħallmu jitkellmu bil-Malti permezz tat-tfal l-oħra. Iżda finalment l-iskop prinċipali tagħna huwa illi t-tfal jieħdu pjaċir.

    X’attivitajiet isiru fic-childcare centres?

    Is-servizz li noffru aħna mhux biss servizz ta’ babysitting imma ta’ Educare (jiġifieri li filwaqt li nieħdu ħsieb it-tfal, nedukawhom ukoll). Għaldaqstant il-carers tagħna huma kollha kwalifikati f’Early Childhood Education. L-attivitajiet li jsiru fiċ-ċentri tagħna huma kollha bbażati fuq il-PILESS (Physical, Intellectual, Language, Emotional, Social & Spiritual Development). Għalhekk naraw illi kull meta qed nagħmlu xi attività, din tkun maħsuba biex tolqot kemm jista’ jkun minn dawn il-punti. Fost il-bosta attivitajiet li nagħmlu hemm it-tpinġija, il-krafts, l-istory-telling u l-kant. Għandna wkoll ħafna ġugarelli, logħob edukattiv u kotba.

    X’inhuma l-benefiċċji ta’ dawn iċ-ċentri?

    Kif qed tara, il-benefiċċji huma bosta. F’ċentri bħal dawn it-tfal ma jitħallewx quddiem xi sett tat-TV, ma jagħmlu xejn, imma jitħarrġu f’kapaċitajiet bażiċi li aktar tard ikunu jridu jużaw anki l-iskola. Bħala parti mit-taħriġ tiegħi personali, jiena għamilt 100 siegħa fl-iskola tal-kindergarten ta’ Marsaskala u allura nista’ nibni aħjar il-programmi tiegħi ħalli nipprepara lit-tfal għas-sistema tal-iskola. It-taħriġ tagħna jgħinna wkoll nindunaw b’xi problema fl-iżvilupp tat-tfal u b’hekk id f’id mal-ġenituri, nkunu nistgħu naħdmu biex jekk jista’ jkun, il-problema tiġi kkoreġuta jew għall-inqas indirizzata. Benefiċċju ieħor huwa illi f’dawn iċ-ċentri t-tfal irabbu ċerta immunità għall-mikrobi komuni. Dawk it-tfal li jibqgħu d-dar u ma jitħalltux ma’ tfal oħra ma jkollhomx immunità u jkollhom jgħaddu minn dan il-perjodu waqt l-ewwel sena tal-kindergarten.

    Il-benefiċċji taċ-ċentri jgawdu minnhom ukoll il-ġenituri. Hawnhekk ma jersqux biss ġenituri li jmorru għax-xogħol. Illum il-mentalità inbidlet ħafna u l-kelma tiġri wkoll. Il-progress fit-tfal kulħadd jieħu pjaċir bih. Barra minn hekk, dawk il-ġenituri li jkollhom wild wieħed, jitgħallmu jinqatgħu bil-mod minn dik ir-rabta qawwija minn ma’ wliedhom. Mhux it-tfal biss iħossuha l-firda meta jmorru l-iskola! Dik l-omm li f’daqqa waħda ssib ruħha weħidha d-dar, tbati wkoll. Fl-istess ħin, meta t-tfal jattendu fiċ-ċentri, l-omm ikollha ftit ħin liberu għaliha biex tagħmel l-affarijiet tagħha u meta t-tfal jirritornaw id-dar, l-omm ikollha aktar ċans tgħaddi ħin magħhom b’mod trankwill.

    X’diffikultajiet tiltaqgħu magħhom f’dan ix-xogħol?

    Ċertu ġenituri fil-bidu jkollhom daqsxejn dubju humiex qed jagħmlu sew li jħallu lil uliedhom fiċ-ċentri. Aħna konxji illi magħna qed jiġu afdati l-egħżeż teżori tagħhom u nafu illi fil-bidu hawn min isibha diffiċli. Iżda ftit ftit, ir-rapport jinbidel ħafna tant li dawn il-ġenituri jispiċċaw ħbieb tal-qalb tagħna. Diffikultà oħra hija illi mhux it-tfal kollha jkunu lesti biex jinqatgħu mill-omm jew min-nanniet. F’dawn il-każi aħna nirrakkomandaw illi t-tfal jitħallew għandna gradwalment, siegħa siegħa biex b’hekk nagħtuhom ċans jidraw. Din it-tranżizzjoni hija importanti ħafna għax jekk ma ssirx sewwa, aktar il-quddiem it-tfal ser isibu diffikultà biex jidraw l-iskola. L-inkwiet fil-familji huwa kwistjoni oħra li niltaqgħu magħha u aħna rridu noqogħdu attenti li nagħtu l-protezzjoni xierqa lil dawn it-tfal. Problema oħra hija l-mard fit-tfal. Aħna nagħtu ċ-ċans li meta t-tfal jimirdu ma jintilfux il-flus li jitħallsu għax ikunu jistgħu jiġu f’ġurnata oħra. Iżda ssib min jibqa’ jinsisti li t-tifel m’għandux mard li jittieħed u f’dan il-każ ikolli nitlobhom ċertifikat mingħand it-tabib li jiċċertifika li t-tifel ikun tajjeb biex jattendi fiċ-ċentru biex b’hekk nevita l-mard minn fuq it-tfal l-oħra. Jeżistu diffikultajiet bħal f’kull xogħol ieħor imma s-sodisfazzjon jegħleb il-problemi kollha.

    X’parir tagħti lil dawk il-ġenituri li jixtiequ jibgħatu lit-tfal tagħhom f’xi child care centre?

    Li jduru diversi ċentri u jaraw il-postijiet b’għajnejhom. Li jikkonfermaw illi ċ-ċentri huma liċenzjati kemm minħabba l-professjonalità u kif ukoll għax il-gvern joffri eżenzjoni mit-taxxa lil dawk il-ġenituri li jibgħatu lit-tfal tagħhom f’childcare centres liċenzjati. Issib min iċempillek u jistaqsik bilkemm iżżomm is-siegħa. Dak mhux prinċipju li trid taħdem fuqu meta inti qed tikkonsidra li tafda lill-uliedek ma’ xi ħadd. Trid tikkonferma illi l-post hu adattat, li m’hemmx periklu, li hemm ambjent pjaċevoli u li t-tfal qed jieħdu l-aqwa servizz. Iċ-ċentri jeżistu biex jagħtu servizz lill-ġenituri li qed iħallsu, però wkoll lit-tfal li qed jużawh. L-għan taghna huwa li naħdmu id f’id mal-ġenituri, però qatt li nieħdu posthom.  Aħna naċċertaw li t-tfal ikunu qed jigu ikkurati b’imħabba u tenerezza.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-31 ta’ Mejju 2009)

    2009.05.31 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • BLA ULIED IMMA OMM TA’ ĦAFNA

    Ommna żżommilna jdejna sakemm nikbru iżda mbagħad qalbna hija tagħha ghal dejjem… Imma dan is-sentiment japplika għal kulħadd? Anki jekk ommok tkun Omm u ibenħaqritek, warrbitek jew abbużatek? Għal mara, l-possibilitá li tkun omm hija waħda mill-akbar opportunitajiet f’ħajjitha. Allura x’iwassal biex mara tagħżel li tiċċaħħad milli tkun omm? Tkellimt ma’ Sister Josephine, Madre Superjura ta’ Dar Fra Diegu u flimkien magħha ddiskutejt dawn il-mistoqsijiet u ħafna oħrajn. Ta’ kuljum, Sister Josephine tgħix il-passjoni li t-tfal jgħaddu minnha minħabba l-firda minn ommhom. Għalkemm hi għażlet li qatt ma tkun omm uliedha, illum hija l-’omm’ ta’ bosta u bosta tfal li jfittxu l-imħabba u l-protezzjoni tagħha…

    Kif bdiet il-vokazzjoni tiegħek biex issir soru?

    Jiena kont ilni nħoss il-vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża minn meta kelli tlettax-il sena. Però jkolli nammetti li għall-ewwel, kif ġeneralment jiġri f’dawn il-każi, ippruvajt ninjora din is-sejħa. Illum jiena persuna konvinta li din hija s-sejħa tiegħi. Imma speċjalment fil-bidu, kelli ċertu biża’ jekk inix nagħmel għażla tajba. Għaldaqstant f’żogħżiti jiena ħriġt ma’ ġuvni biex nikkonferma jekk dak li kont qed inħoss kienx minnu. Maż-żmien intbaħt illi meta kont noħroġ mal-boyfriend kont inħossni qisni qed nitraddixxi lil Alla għax f’qalbi kont inħoss x’jgħidli li Hu riedni għalih. Nistqarr li kont inħoss li qed nibdlu ma’ ħaddieħor. F’okkażjoni partikolari, niftakar li waqt li kont qegħdha mal-boyfriend, għaddew żewġ sorijiet minn quddiemna. Dak il-ħin qalbi riedet ittir bil-ferħ u addijo l-ġuvni li kelli miegħi. Kien proprju dak inhar fil-għaxija meta kkonfermajt il-vokazzjoni reliġjuża tiegħi  u li Alla riedni għalih.

    Iebsa biex teħodha din id-deċiżjoni?

    Kull sejħa hija sejħa minn Alla, kemm għal dawk li jagħżlu li jibqgħu xebbiet u ġuvintur, kemm għal dawk li jagħżlu li jiżżewġu u kif ukoll għal dawk li jagħżlu l-ħajja reliġjuża. Aħna bħala nsara nemmnu illi lkoll kemm aħna, Alla jsejħilna għal xi missjoni. Il-vokazzjoni reliġjuża hija esperjenza li inti tħoss internament, speċjalment fil-mumenti ta’ talb, fejn inti tiskopri li tixtieq tagħmel xi ħaġa aktar għal Alla, li tkun kollok kemm int tiegħu. Naturalment hu ħafna importanti illi meta tħoss din ix-xewqa, titkellem mad-direttur spiritwali tiegħek sabiex tkun tista’ tiddixxerni jekk din hix il-vokazzjoni tiegħek jew le. It-tendenza normalment hija lejn il-ħajja miżżewwġa. Bosta drabi meta tisma’ n-nies jitkellmu, saħansitra anki fl-iskejjel, jippreżentawlek il-ħajja miżżewġa.

    Mhiex faċli deċiżjoni bħal din. Jekk tagħżel li tkun soru, inti tagħżel ukoll li tinqata’ minn ċertu għażliet oħra li hemm għal kulħadd per eżempju: li inti ma jkollokx il-familja u l-ulied tiegħek. Kulħadd ikun jixtieq li jiżżewweġ u li jkollu il-familja tiegħu. Dik hi waħda mill-offerta li inti trid tagħmel lil Alla – il-kapaċità li jkollok l-ulied, li hija waħda mill-egħżeż possibilitajiet li għandha kull mara. Iżda l-aktar parti diffiċli għalija kienet li ninqata’ minn mal-familja tiegħi. Kelli 19-il sena meta ħadt din id-deċiżjoni. Kienet sitwazzjoni iebsa peress li xahar qabel kien miet missieri ħabta u sabta. Kelli nħalli lil ommi armla u weħidha għax ħuti l-oħra kollha kienu miżżewġin.  Niftakar li malli għalaq għajnejh missieri, mort f’post għall-kwiet fid-dar tagħna u tlabt “Mulej jekk hi r-rieda tiegħek, ilni tant nistenna biex nidħol, ħa sseħħ ir-rieda tiegħek fija.” Dakinhar jiena tgħallimt xi jfisser l-abbandun totali f’idejn Alla: li inti tħalli lilek innifsek tiġi mmexxija minnu. Il-firda minn ommi kienet iebsa speċjalment fil-każ tiegħi meta letteralment kelli mmur Għawdex. Imma jkun hemm żmien fejn il-kuntatt mal-familja jkun limitat.

    Sibt appoġġ għall-għażla tiegħek?

    Iva. Ommi dejjem kellmitni ċar fuq din il-vokazzjoni tiegħi. Qatt ma ħassritli imma dejjem uritni l-verità. Niftakar illi wara l-funeral ta’ missieri, l-għada ġiet il-Madre Ġenerali id-dar sabiex issellem lil ommi u biex toffrilna l-possibilità li jiena nidħol soru sena wara. Imma b’mod l-aktar kuraġġjuż ommi weġbitha illi jekk Alla iddestina dik il-ġurnata għall-bintha, hi ma kinetx ser tħassarielu. Dan kien mument li jiena ma nsejt qatt u li żammni soda fl-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajti. Il-kuraġġ ta’ ommi baqa’ dejjem l-akbar gwida tiegħi.

    Għaliex għażilt li ssir soru Franġiskana?

    Meta ġejt biex nagħżel ikkunsidrajt diversi kongregazzjonijiet. Jiena persuna dinamika ħafna. Nippreferi li fix-xogħol tiegħi jkolli kuntatt man-nies. Għażilt il-ħajja Franġiskana tal-Qalb ta’ Ġesù għax meta ħarist lejn it-tip t’appostolat li jwettqu, għaraft li teżisti varjetà t’appostolat bħall-edukazzjoni fl-iskejjel, ħidma mat-tfal u mal-anzjani, ix-xogħol tal-ostji u x-xogħol fl-orfanatrofji u fl-infermeriji kemm f’Malta u kemm f’pajjiżi oħra fejn aħna mxerdin. Fil-fatt meta dħalt soru jiena studjajt l-Università  ta’ Malta u aktar tard ikkwalifikajt bħala social worker b’viżjoni għal dan l-appostolat li qed inwettaq issa.

    X’inhu l-iskop ta’ Dar Fra Diegu?

    Inizzjalment id-dar ta’ Fra Diegu ġiet imwaqqfa’ minn Fra Diegu Bonanno bl-għajnuna tal-Markiż Scicluna. L-istorja tgħid illi darba minnhom waqt li Fra Diegu kien qiegħed idur biċ-ċirka biex jiġbor xi ftit ħobż għall-komunita’ tiegħu, huwa ġie msejjaħ biex jgħin tfajla. Sabha tibki ġo kamra żgħira. Kienet tfajla li kienet taħdem fil-prostituzzjoni. Kienet inqabdet tqila u ma kinetx taf kif ser tagħmel f’dik is-sitwazzjoni. Fra Diegu ħadha għand oħtu u għenha. Minn hemm hu ġietu x-xewqa li jgħin lil aktar tfajliet biex jitbiegħdu mill-prostituzzjoni u fetaħ dar għalihom. Wara xi żmien induna li dik id-dar ma kinetx biżżejjed għalih u l-Markiż Scicluna għenu biex bena hawnhekk. U hekk bdiet din id-dar. Maż-żmien minflok it-tfajliet bdew jiddaħħlu l-orfni. Illum l-iskop inbidel kompletament. Hawnhekk aħna nilqgħu tfal li jkunu ġejjin minn familji bi problemi soċjali. Uħud mit-tfal ikunu soffrew minn xi tip t’abbuż bħall-abbandun, abbuż sesswali jew fiżiku li tkun ħarġet care-order fuqhom.

    Minn fejn jinġiebu l-fondi biex titmexxa din id-Dar?

    Għandna nuqqas kbir ta’ riżorsi. Aħna ngħixu prattikament bil-karità. L-uniku dħul li għandna huwa c-childrens’ allowance tat-tfal residenti hawn. Immaġina biss l-ispejjeż kbar li tinvolvi biex titmexxa din id-dar hekk kbira kemm f’dak li hu ‘daily running’ kif ukoll fil-manutenzjoni tagħha biex tinżamm bl-aktar mod dinjituż biex igħixu t-tfal fiha.  Għalhekk id-dħul tac-childrens’ allowance l-anqas biss tibda bih. Imma Alla hu kbir u aħna nemmnu ħafna fil-providenza tiegħu. Nemmnu li Huwa dejjem jipprovdi. Ovvjament jiena nagħmel ħafna ħidma biex insib benefatturi li jistgħu jgħinuna. Fil-fatt nagħmel ħafna kuntatti biex inkunu nistgħu nwettqu proġetti kbar bil-għan li ntejjbu l-għixien tat-tfal sabiex u ngħinuhom permezz tat-terapija psikoloġika ħalli l-kura li jirċievu tkun kemm jista’ jkun professjonali. Tajjeb wieħed isemmi li kull sessjoni ta’ grupp therapy tiswilna 50 ewro kull darba. Nixtieq insemmi wkoll l-għajnuna kbira li jagħtina l-HSBC permezz tal-Care For Childrens Funds fejn joffrilna ħafna sapport u jisponsorjana regolarment fit-terapija.

    Fiex jikkonsisti x-xogħol tiegħek u tas-sorijiet l-oħra ġewwa Dar Fra Diegu?

    Aħna noffru lit-tfal li jgħixu magħna ġewwa Dar Fra Diegu l-imħabba, il-protezzjoni u l-gwida li għandhom bżonn biex kemm jista’ jkun huma jitgħallmu joħorġu mit-tbatijiet li jkunu għaddew minnhom.

    Dan l-aħħar fil-midja nqalgħu ħafna polemiċi illi t-tfal mhux posthom fid-djar tas-sorijiet imma fil-foster homes. Jiena wkoll nemmen illi aħjar jgħixu f’familja. Imma dan ma japplikax għat-tfal kollha. Tfal li jkunu għaddew minn abbużi kbar, ikollhom bżonn ‘ifiequ’ qabel jiġu mibgħuta f’familja ġdida. Bosta drabi l-fejqan huwa iebes u ta’ tbatija, jieħu ħafna żmien u jirrikjedi nies professjonali f’dan il-qasam. Aħna hawnhekk ħdimna ħafna bħala tim biex intejjbu s-sistema u nkunu nistgħu noffru ambjent terawpetiku. M’għadux biżżejjed li titma’, tlibbes u toffri saqaf lit-tfal. Huwa wkoll meħtieġ is-servizz ta’ psikologi u psikjatri biex tkun tista’ isseħħ it-terapija fit-tfal bil-għan li dawn ifiequ mill-passat tagħhom. F’Dar Fra Diegu għandna anki gym biex waqt li t-tfal ikunu qed jieħdu t-terapija, jkunu jistgħu jiżvugaw ir-rabja, t-tensjoni u l-uġiegħ tagħhom hemm ġew. Iweġġgħuni ċertu kummenti ta’ wħud li jistagħġbu li għandna  “il-lussu tal-gym”. L-affarijiet trid tifhem għaliex qegħdin hemm. Dan mhuwiex lussu imma bżonn biex jikkomplimenta t-terapija kif ukoll biex t-tfal jitgħallmu dwar il-ħtieġa ta’ l-eżerċizzju.

    Kif tiddeskrivi r-relazzjoni tiegħek mat-tfal li tieħu ħsieb?

    Nixtieqek tkun hawn xi darba fil-għodu ħalli tara kif inhi r-relazzjoni tiegħi mat-tfal. Minkejja li irrid inżomm r-rwol ta’ dixxiplina, jiena għandi relazzjoni sabiħa ħafna magħhom u minn qalbhom isejjħuli Josephine Xuereb madre. B’ħarsa waħda lejhom inkun naf kull wieħed u waħda minnhom kif qamu kull fil-għodu. Jiena naħdem ma’ tfal imweġġgħa ħafna. Tfal li jkunu jridu ħafna attenzjoni u mħabba. Ikollhom għatx kbir li jħossuhom maħbuba u apprezzati. Xi ħaġa li tkun tonqos ħafna fihom. Isiru jħobbuk u ssir tħobbhom. Isiru parti minnek. Bi professjonalità iżżomm ċertu distanza…. Ħa nkun sinċiera. Dan l-aħħar il-midja nefħet ħafna l-kwistjoni ta’ Lourdes Home u ġibdet attenzjoni negattiva dwar id-djar tas-sorijiet u s-sorijiet infushom u ntefa’ dell ikrah fuqna lkoll. Jekk sar l-abbuż qatt mhu ser napprovah.  Imma wieħed irid jiftakar illi s-sorijiet huma persuni umani. Billi nkunu lebsin it-tonka, ma jinbidel xejn mill-umanita’ tagħna.  Ma jfissirx li għax aħna sorijiet qatt mhu ser niżbaljaw. Hija tassew inġusta illi f’soċjetà fejn kollox sar xejn mhu xejn, jekk jiżbalja reliġjuż/a qisha waqgħet id-dinja. Bil-qawwa t’Alla nissuperaw ċertu diffikultajiet imma mbagħad hemm limitu għal kollox. Minħabba din il-kwistjoni, kien hemm carers (sorijiet minn diversi kongregazzjonijiet) li riedu jirtiraw minn xogħolhom. Ma riedux jibqgħu jieħdu ħsieb it-tfal. U dan għaliex wieħed ikun qed jaħdem b’intenzjoni tajba u mbagħad tfaqqa’ waħda bħal din u kollox jibda jiġi meqjus bħala abbuż. Illum kważi tibża’ tersaq lejn it-tfal.  Tiġi bejn ħalltejn x’għandek tagħmel. Tibda tistaqsi bejnek u bejn ruħek “Jekk tifla għandha bżonn tgħanniqa, nagħtihiela jew le? Jew ser jaħsbu li qed nabbużaha?”. Saħansitra t-tfal tagħna għaddew minn martirju minħabba din il-polemika li nqalgħet għax meta bdew imorru l-iskola, sħabhom bdew jistaqsuhom jekk is-soru lilhom tagħmlilhomx l-istess. Min-naħa l-oħra fejn ċertu tfal ma kellhomx ħażen jew ideat f’moħħhom, issa għandhom mezz biex ikunu jistgħu jimmanipulawk. Kumbinazzjoni ftit ilu kont qed nitkellem ma’ surġent tal-pulizija u għedtlu “Ħa nkellmek b’mod sincier. Nitkellmu ħafna fuq l-abbużi tat-tfal però sfortunatament qed inkunu aħna stess li qed niġu abbużati.” Illum xi tfal lanqas tista’ biss tħares lejhom għax jaraw x’ser jivvintaw. Waħda mill-affarijiet li niffaċċjaw hi li xi wħud mit-tfal ma japprezzawx dak li tkun qed tagħmel magħhom. Tagħmel ħin taħbat ser taqta’ qalbek, imma mbagħad taħseb ftit u tiftakar minn xhiex ikunu għaddew u tgħadirhom. Din hi l-missjoni tagħna, li ningħataw għal dawn it-tfal u nippruvaw nagħtuhom ħajja dinjituża.

    Kemm temmen li inti u s-sorijiet l-oħra kapaċi tissostiwixxu l-imħabba ta’ omm?

    Ir-realtà hija waħda: għat-tfal, ommhom tibqa’ ommhom akkost ta’ xi tkun għamlitilhom. Ikun hemm mumenti ta’ rabja għaliha meta jaraw li qed tonqoshom. Imma mbagħad ara ma ssemihielhomx! Ir-rwol tagħna  huwa li kemm jista jkun noffrulhom il-bżonnijiet bażiċi  illi jħossuhom maħbuba, aċċettati u apprezzati. Aħna nispiċċaw qisna ommijiet tagħhom. Jekk qalu ajma, jekk qamu bil-lejl…  jiġu għandna. Aħna ngħixu magħhom 24 siegħa kuljum. It-tfal qegħdin fi gruppi ta’ għaxra f’kull appartament fid-Dar stess u nippruvaw noħolqulhom ambjent kemm jista’ jkun ta’ familja. Nippruvaw ngħallmuhom iqisu lil xulxin bħal aħwa. Nammetti li din diffiċli kultant. Imma dan anki bejn l-aħwa ta’ veru, aħseb u ara.

    Liema hu l-akbar nuqqas li ġeneralment iħossu dawn it-tfal?

    Għaddew minn liema trawma għaddew, ftit huma dawk it-tfal li ma jfittxux il-familja. Jiġifieri huma jibqgħu jħossu dik ix-xewqa li jirritornaw id-dar. Ir-raġunijiet huma diversi: hemm min għax tassew iħoss in-nuqqas tal-ġenituri u hemm min għax iqis hawnhekk bħala post ristrett peress li hemm ċertu limiti li jrid iżomm. Aħna nitkellmu ħafna mat-tfal u nkunu ċari magħhom. Ngħidulhom li aħna nifhmu li din mhiex l-għażla tagħhom u li mhux qegħdin magħna għax iridu imma kaġun taċ-ċirkustanzi. Min-naħa l-oħra jeżistu każijiet fejn it-tfal ikunu għaddew minn abbużi kbar u ma jkunux iridu jkellmu lill-ġenituri tagħhom. It-terapija tipprova tgħin imma kultant il-ħsara li ssir tkun irreparabbli.

    Xi tfisser għalik l-omm?

    Għalija l-omm hija kollox. Hija dik li tagħtni l-ħajja. Hija dik li tħobbni b’imħabba tal-ġenn. Hija dik il-persuna li tintuwixxi il-bżonnijiet ta’ wliedha qabel biss dawn jiġu kkomunikati lilha. Jiena dan kollu nagħmlu mat-“tfal tagħna” hawn ġew.

    Xi tfisser is-soru għat-tfal ta’ Dar Fra Diegu?

    Għalihom is-soru tiġi t-tieni omm li tissostitwixxi, sa ċertu punt, dak li t-tfal għandhom bżonn. Biex nagħtik eżempju ċar tal-imħabba tat-tfal lejn is-sorijiet, ser nirrakkuntalek ġrajja li seħħet ftit taż-żmien ilu. Sister Onorina, soru li kienet għamlet żmien twil tieħu ħsieb it-tfal, kellha kanċer u l-mewta tagħha ħadet fit-tul.  Ma stajtx ma nitqanqalx bix-xena tat-tfal li rabbiet hi, fosthom Joseph Cuschieri flimkien m’oħrajn (li bħala tfal din is-soru kienet rabbithom fl-akbar għożża) mnikktin u mdawwrin magħha bl-akbar imħabba. Qalulna li għalihom dik kienet it-tieni omm tagħhom. Huma baqgħu ħdejn Sister Onorina tul l-agunija kollha tagħha u flimkien magħha għaddew mill-passjoni daqs li kieku kienet qed tmut ommhom. Lejl u nhar ma ċċaqalqux minn ħdejn is-sodda tal-mewt tagħha. Uħud minnhom kienu aktar jafu lilha milli lil ommhom għax Sister Onorina kienet soru li vera kienet omm għalihom għax baqgħet issegwihom anki wara li dawn iżżewġu.

    Kemm taħseb li jagħmel differenza fil-ħajja tat-tfal il-fatt li jkunu mifruda mill-omm jew li jitrabbew mingħajrha? X’konsegwenzi hemm ta’ dan għall-futur tagħhom?

    Tagħmel differenza kbira. Speċjalment meta t-tfal ikunu ttieħdu b’care order mill-familja mingħajr ma jkunu ngħataw ir-raġuni għaliex. Bosta drabi huma ma jifhmux għala ttieħdu mid-dar. Ċertu tfal ma jirrealizzawx illi jkunu qegħdin fil-periklu fid-dar tagħhom. Uħud mit-tfal ikunu għaddew minn tbatija li kultant wieħed lanqas biss jimmaġina li ssir tassew. Il-firda mill-omm għat-tfal hija weġgħa kbira. Ibatu ħafna mingħajr il-preżenza tagħha. Jibqgħu jfittxuha, iriduha u jixtiquha.

    Meta fiċ-ċokon tagħhom it-tfal jitrabbew mingħajr l-omm, dan il-fattur jagħmel differenza kbira. Huwa fatt magħruf illi fl-ewwel tlett snin ta’ ħajjithom, it-tfal ikollhom bżonn ta’ ħafna affett ħalli jrabbu sens ta’ sigurtà u sens t’appartinenza. Ikollhom bżonn li wieħed jgħannaqhom u jbushom. Aħna nippruvaw nissostitwixxu dan għax inkella din tibqa’ defiċjenza f’ħajjithom. Barra minn hekk, dan in-nuqqas bla dubju jħalli l-konsegwenzi tiegħu fil-futur ta’ dawn it-tfal. Huwa bżonn li dawn ifiequ minn dan l-abbuż għax inkella huma stess il-quddiem jispiċċaw jirrepetu l-istess żbalji tal-ġenituri tagħhom għax ma jkunux jafu mod ieħor.

    Illum li bħala soru għaddejt minn dawn l-esperjenzi, inbidlet l-opinjoni tiegħek ta’ xi tfisser omm?

    Jiena ngħid kemm kelli trobbija sabiħa. Kemm kont ixxurtjata ta’ kemm kelli esperjenza sabiħa fit-trobbija tiegħi mill-ġenituri tiegħi. L-opinjoni tiegħi ta’ xi tfisser omm, għalija qatt ma tinbidel. Għalija omm li tidħol għall-impenn li trabbi l-ulied, għandha tonorah għal ħajjitha kollha. Il-figura tal-omm prinċiparjament hija dik li tagħti l-ħajja lil bniedem. Imma l-omm mhiex hekk biss… hi hija dik il-persuna li tibqa’ tagħti l-ħajja lill-uliedha sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha.

    X’inhu l-aħħar messaġġ tiegħek għal Jum L-Omm?

    L-ewwel nett nixtieq ngħaddi messaġġ lill-ġenituri kollha sabiex dawn  japprezzaw li t-tfal huma don minn Alla. Sfortunatament meta uħud mill-koppji jġibu t-tfal għal mument tal-pjaċir biss u ma jidħlux Omm u tarbijab’impenn biex irabbu lil uliedhom bis-serjetà, dawn jispiċċaw jiġru mingħand persuna għal oħra. Jiena m’għandi xejn kontra l-mara li taħdem. L-importanti hu illi n-nisa ma jabdikawx mir-responsabbiltà tagħhom bħala ommijiet – li jkunu hemm meta t-tfal jiġu lura mill-iskola u li jagħtu ħin ta’ kwalità lit-tfal. Ovvjament illum li l-idea tal-familja qegħdha tisfuma fix-xejn huwa ħafna aktar importanti li nfakkru illi familja tikkonsisti mill-missier, l-omm u t-tfal. Bħalissa hawn ħafna separazzjonijet u t-tfal iridu jitrabbew minn ġenitur wieħed. L-isfortuna sseħħ meta dawn it-tfal jidħlu fil-ġlieda għall-poter bejn il-ġenituri. It-tfal huma lejali lejn iż-żewġ ġenituri u jbatu ħafna meta jiġu bejn ħalltejn. Huwa neċessarju illi meta tinġieb tarbija fid-dinja, il-ġenituri iridu jassumu r-responsabbilta li jagħtu d-dinjita lil dik it-tarbija. Min-naħa l-oħra, l-ulied iridu japprezzaw dak kollu li l-omm b’tant sagrifiċċju tagħmel għalihom. Illum hawn ħafna ommijiet li jinsabu mweġġgħa għax jinsabu weħidhom. Jgħidulek tefgħuni hawn ġo home u ħallewni waħdi. Oħrajn jinsabu midfunin ġo djarhom, weħidhom u rari jżuruhom uliedhom. Tajjeb li napprezzaw lil dik il-persuna li dejjem kienet maġenbna fit-trobbija tagħna u matul ħajjitna kollha.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-10 ta’ Mejju 2009)

    2009.05.10 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • L-INTERESS TAT-TFAL JIĠI L-EWWEL

    Wara artiklu riċenti li deher fit-Torċa rigward abbuż fuq tifel ta’ erbgħa snin, iddiskutejna mal-APPOĠĠ il-proċeduri li jittieħdu f’dawn il-każi. Iltqajna ma’ Ruth Sciberras li hija s-Service Manager tat-Taqsima tas-Servizzi Għat-Tfal.

    “Diffiċli biex togħġob lil kulħadd” qaltilna. “Sfortunatament f’xogħolna bosta drabi, naħa waħda tirringrazzjak u n-naħa l-oħra tmaqdrek għax issostni li m’intix tagħmel xogħlok sew. Iżda aħna nagħmlu xogħolna mhux biex nintogħġbu imma biex inħarsu l-interessi tat-tfal.”

    Sciberras saħqet illi r-rapporti li jidħlu l-APPOĠĠ fuq każijiet ta’ trabi, qatt ma jitpoġġew fuq waiting list. “It-trabi huma fraġli wisq biex jistennew għax anki sempliċiment abbandun jipperikolalhom ħajjithom. F’każijiet bħal dawn immorru nagħmlu home-visit frekwenti u kull meta jinħass il-bżonn ħalli żgur ikollna t-tarbija taħt għajnejna. Mhux qed ngħid li m’għandnix każijiet oħra pendenti, għalkemm dawn qed jonqsu ħafna. Imma żgur mhux f’każ ta’ trabi.”

    Sfortunatament il-kultura tagħna għadha ‘taċċetta’ s-swat fuq it-tfal bħala mezz ta’ dixxiplina. Huma bosta l-każi ta’ abbuż ta’ din ix-xorta, kif ukoll tipi oħra ta’ abbuż li jidħlu għand l-APPOĠĠ. Minn statistika li pprovdewna biha jidher illi matul Jannar u Ġunju 2008 il-ħaddiema tas-servizz għall-ħarsien tat-tfal, ħadmu fuq 1179 każ. 267 minnhom kienu każijiet li bdew jaħdmu fuqhom għall-ewwel darba. Dawn il-każijiet kienu jinkludu abbuż sesswali, abbuż emozzjonali, abbuż fiżiku u traskuraġni. Numru ieħor ta’ tfal kienu f’riskju ta’ abbuż. Fatt allarmanti huwa n-numru ta’ tfal li jiddaħħlu l-isptar minħabba ksur, ħruq ta’ sigaretti, tbenġil u tfiegħ jew swat b’dak kollu li jiġi għal idejn l-adulti. Iċ-ċinturin għadu wieħed mill-aktar metodi użati biex jissawwtu t-tfal.

    Bosta mir-rapporti jidħlu minn fuq is-Supportline 179. Oħrajn jaslu minn diversi sorsi oħra bħall-membri tal-familja, l-Pulizija, l-isptar u mill-iskejjel. “Hekk kif jidħol rapport aħna nibdew ninvestigaw biex nikkonfermaw jekk il-każ hux ġenwin jew le. F’każ ta’ tfal kbar, aħna mmorru nkellmuhom l-iskola skont il-proċedura tan-National Child Protection Policy li għandna mal-iskejjel. F’każ ta’ tfal iżgħar li ma jkunux imorru l-iskola, aħna nibgħatu għall-ġenituri tagħhom sabiex nitkellmu ftit magħhom. Jekk dawn il-ġenituri ma jikkoperawx, nitolbu l-assistenza tal-Pulizija u mmorru l-għassa u nibgħatu għalihom biex jiltaqgħu magħna hemm.”

    Ruth Sciberras sostniet illi “Kemm jista’ jkun, aħna ma nkabbrux l-affarijiet. L-interess tagħna mhux li nieħdu t-tfal minn mal-ġenituri tagħhom imma li naħdmu magħħom ħalli dak l-abbuż jieqaf. Aktar Ruth Sciberrasnippreferu noffru gwida u għarfien  billi nuruhom li hemm metodi oħra ta’ dixxiplina u billi niġbdulhom l-attenzjoni ta’ kemm ħsara tkun qed issir lil uliedhom. Ħafna drabi l-ġenituri jkunu jħobbu ‘l uliedhom daqs il-mimmi t’għajnejhom. Jeħduhom għall-lezzjonijiet tal-Mużew, tal-pjanu, tal-futbol u ta’ ma nafx xiex. Imbagħad uliedhom jagħmlu xi ħaġa li ddejjaqhom u jfajjruhielhom għax ma jafux mod ieħor. It-tfal jgħidulna ‘Idejn il-mummy daqqa żżiegħel bija u daqqa ssawwattni’. Kliem li jweġġa’ u li jiftaħ l-għajnejn tal-ġenituri li jiżbaljaw. Kliem li jgħinhom jippruvaw metodi oħra ta’ dixxiplina flok is-swat.”

    L-APPOĠĠ jibqa’ jsegwi lil dawn it-tfal għal xi żmien wara billi jikkonferma mal-familja u mal-għalliema b’mod regolari sabiex jiġi assigurat li l-abbuż ma reġax ġie rrepetut.

    Fir-rigward tan-numru tas-social workers li jaħdmu fuq dawn il-każi Sciberras infurmatna illi hemm tmintax b’kollox. Ma taħsibx li hemm nuqqas ta’ staff “Imma aktar ma jinħoloq għarfien fis-soċjetà, aktar issib min iċempel. U allura jidħlu aktar każi. Il-unit dejjem qed jikber skont in-neċessità. Mhux qed ngħidlek li dejjem inlaħħqu mall-pass tad-domanda. Imma dan ma jfissirx li mhux qed jiżdiedu s-social workers. Fir-realtà l-problema nsibuha meta nfittxu psikoloġisti speċjalizzati fil-qasam tat-tfal. Mat-tfal trid tkun imħarreġ apposta għax ma tistax tpoġġielhom il-kliem f’ħalqhom. Ikollna bżonn ħafna ta’ nies speċjalizzati f’dan ix-xogħol. U kultant ma nsibux biżżejjed.”

    Staqsejniha jekk isirux home-visits għall-għarrieda peress li xi wħud li kellmuna, ilmentaw illi s-social workers javżaw minn qabel lil dak li jkun ġie irrappurtat qabel imorru għandu. Dwar dan Sciberras ikkonfermatilna illi huma bosta l-każi fejn is-social worker imur għall-għarrieda fuq il-post. L-appuntamenti imbagħad isiru fil-laqgħat ta’ wara.

    “Is-social workers joħorġu għonqhom għal dawn it-tfal. Jidħlu f’kull tip ta’ periklu. F’ċerti postijiet ikollhom saħansitra jmorru bil-pulizija magħhom għall-protezzjoni. Mhux l-ewwel darba li jerfgħu jdejhom fuqhom. Dan ix-xogħol jagħmluh għax iddedikati.”

    Ruth Sciberras assiguratna illi huma ma jaqbdux u jidħlu bl-addoċċ fil-ħajja tal-familji. Huma jippruvaw jifhmu s-sitwazzjoni tal-familja u flimkien magħha jittantaw isibu s-soluzzjonijiet.

    “Però finalment, il-mira tagħna hija t-tfal u l-ħarsien tagħhom. U għalhekk aħna naġixxu dejjem skont l-aħjar interess tagħhom.”

    Aktar informazzjoni dwar is-Servizz għall-Ħarsien tat-tfal tista’ tinkiseb mis-sit www.appogg.gov.mt. Aġenzija Appoġġ tifforma parti mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li tinkorpora wkoll Aġenzija Sedqa (www.sedqa.gov.mt) u Aġenzija Sapport (www.sapport.gov.mt).

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 t’April 2009)

    2009.04.19 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • L-ABBUŻ SESSWALI FUQ IT-TFAL HUWA MARD JEW REAT KRIMINALI?

    F’pajjiżna jeżisti l-abbuż sesswali fuq it-tfal? Pedofelu kif jintagħraf? Il-pedofelija titfejjaq jew titrażżan biss? X’nista’ nagħmel bħala ġenitur biex nipproteġi lil uliedi? Li kieku kelli nirraporta abbuż sesswali, jemmnuni? Lil min nista’ nitlob għajnuna u x’miżuri jittieħdu? Għandu jinħareġ reġistru ta’ dawk li jabbużaw mit-tfal?

    INTERVISTA: RUTH SCIBERRAS – Manager – Appoġġ Children’s Services (Servizzi tat-Tfal tal-Aġenzija Appoġġ).

    Kemm hi mifruxa l-problema tal-abbuż sesswali fuq it-tfal f’Malta?

    Bejn Jannar u Ġunju tal-2008, l-Aġenzija Appoġġ kellha 68 każ ta’ abbuż sesswali. Madanakollu dawn huma biss il-każi li ġew quddiem l-Aġenzija u għalhekk in-numru ta’ vittmi jista’ fil-fatt ikun akbar minn dak rappurtat.

    Spiss nassoċċjaw l-abbuż fuq it-tfal ma’ dak sesswali biss, iżda hemm abbużi oħra li persuna tista’ tgħaddi minnhom, li huma l-abbuż fiżiku, l-abbuż emozzjonali u meta persuna tiġi traskurata u ma tingħatax dak li bi dritt hu tagħha.

    Fil-fatt, is-Servizz għall-Protezzjoni tat-Tfal fi ħdan l-Appoġġ, bejn Jannar u Ġunju 2008 ta servizz lil 1179 każ.

    Normalment kif issiru tafu b’abbuż bħal dan?

    L-Aġenzija Appoġġ tirċievi rapporti dwar allegat abbuż jew dwar tfal li jinsabu f’riskju ta’ abbuż minn diversi sorsi fosthom: is-Supportline 179, servizzi oħra tal-Aġenzija, skejjel, Pulizija, qraba, tobba, ħaddiema fi sptarijiet u ċentri tas-saħħa, Qrati u professjonisti oħra.

    X’azzjonijiet jittieħdu hekk kif ikun hemm suspett ta’ abbuż fuq it-tfal?

    Dawn l-allegazzjonijet jiġu investigati mis-Servizz għall-Ħarsien tat-Tfal tal-Aġenzija. Dan it-tim hu magħmul minn professjonisti mħarrġa fil-qasam spezjalizzat fil-protezzjoni tat-tfal. Meta tinġabar l-Ruth Sciberrasinformazzjoni kollha u jkun deċiż li l-abbuż ikun seħħ tassew jew għadu jseħħ, jitħejja pjan li jassigura l-aħjar interessi tat-tfal. Kull każ huwa individwali u għalhekk il-pjan ta’ azzjoni jista jvarja minn każ għall-ieħor. Issir ukoll ħidma mal-familjari tal-minuri billi jiġu ggwidati dwar x’għandu jsir, bħal referenza lejn għajnuna legali; referenza lejn il-Pulizija jekk il-każ ikun għadu ma ġiex rappurtat u l-familjari jkunu jixtiequ jmexxu l-każ; u referenza lejn għajnuna medika u psikoloġika.  Jekk l-abbuż ikun qed isir minn xi ħadd tal-familja, il-ħaddiema soċjali jiżguraw li xi membru ieħor tal-familja ser jieħu r-responsabbilita’ u joffri l-protezzjoni lill-minuri.  Jekk dan ma jkunx il-każ, tista’ tittieħed azzjoni biex il-minuri jiġu mneħħija minn dak l-ambjent sabiex ikunu protetti.

    F’kazi bħal dawn, it-tfal dejjem jgħidu l-veritá? Ġieli jkun hemm każi fejn jigdbu/jitfixklu/jiġu mġiegħla jigdbu?

    Ir-rapporti dejjem ikunu meqjusa bħala allegazzjoni, sakemm jiġi ppruvat mod ieħor. Ġieli jkun hemm sitwazzjonijiet fejn irriżulta li t-tfal kellhom bżonn aktar attenzjoni, jew sitwazzjonijiet fejn it-tfal jintużaw minn ġenitur kontra ġenitur ieħor. Iżda dan ma jseħħx fil-maġġoranza tal-każijiet rappurtati.

    Il-ġibda sesswali lejn it-tfal titfejjaq jew titrażżan?

    Ir-responsabbilta’ ta’ min iwettaq abbuż fuq persuna oħra, f’dan il-każ fuq minorenni, hija dejjem tal-persuna li tkun wettqet dan l-aġir, irrispettivament minn xi jkun ikkawża din l-imġieba.  Persuna li tabbuża mit-tfal għandha bżonn tirċievi kull tip ta’ għajnuna neċessarja, psikoloġika jew medika, sabiex b’hekk tkun tista tikkontrolla l-imġieba tagħha u l-ġibdiet sesswali tagħha.  Din l-għajnuna għandna tibqa tingħata fuq medda ta’ żmien fit-tul sabiex jiġi evitat li jerġa jseħħ dan l-abbuż.

    Taqbel li għandu jinħareġ reġistru ta’ dawk l-individwi li jwettqu atti sesswali fuq it-tfal?

    F’Malta għandu jkollna reġistru b’dawk li jinstabu ħatja li jkun wettqu abbuż fuq minuri. Pero m’għandux ikun aċċessibli għall-pubbliku – aċċess għal dan ir-reġistru għandu jkun ristrett għal entitajiet soċjali u professjonali li jaħdmu mat-tfal. Entitajiet li jaħdmu u/jew joffru servizz lill-minorenni (taħt it-18-il sena) ikun obbligatorju għalihom li jagħmlu screening ta’ persuni li jkunu ser jimpjegaw fl-organizzazzjoni/entita` tagħhom.

    Il-ħabs hu l-post adattat għal dawk li jwettqu atti sesswali fuq it-tfal?

    Il-piena tal-ħabs tingħata lil kull persuna li tkun wettqet att kriminali u li skont il-ġudikatura jkun ħaqqha din il-piena.  Dan għandu jkun il-każ ukoll f’sitwazzjoni ta’ atti kriminali li jikkonċernaw abbuż fuq minorenni.  Iżda nemmnu li għandu jkun hemm ukoll programmi terapewtiċi speċjalizzati għall-agressuri kif ukoll moniteraġġ kemm matul is-sentenza kif ukoll wara meta jkunu fil-komunita’. Dan minħabba r-riskju ta’ offiżi oħra mill-agressur. Jekk, per eżempju, ikun hemm bdil fl-indirizz ta’ fejn qed joqgħod, il-Pulizija għandhom ikunu infurmati b’dan.

    X’jiġri jekk dak li jabbuża mit-tfal ikun wieħed mill-ġenituri? Kemm hija kbira l-possibilitá li l-istorja tirrepeti ruħha?

    L-Aġenzija APPOĠĠ toffri servizzi ta’ sapport lil dawk it-tfal vittmi ta’ abbuż, skont il-ħtieġa u rrelevanti ta’ min hu l-agressur. Jekk l-agressur ikun membru tal-familja, tkun aktar faċli wkoll li jintlaħaq milli kieku jkun barrani u issir ħidma ma’ din il-persuna wkoll sabiex dan l-abbuż jieqaf. F’każ li l-agressur ikun membru tal-familja, jekk ikun fl-aħjar interess tat-tfal, tista’ tinħareġ ukoll Ordni għall-Ħarsien biex jiġu protetti t-tfal.

    F’Malta m’għandniex riċerki dwar pedofelija imma riċerki li saru barra minn Malta juru li hemm ċans kbir li l-agressuri jerġgħu jagħmlu offiża/offiżi oħra.

    X’inhuma dawk il-miżuri li għandhom jieħdu l-ġenituri biex jevitaw dan il-periklu minn fuq uliedhom?

    Il-ġenituri għandhom ir-responsabbilta’ li jkunu qrib tat-tfal, ikunu jafu sew lil dawk li jkunu qed jafdaw bil-kura ta’ wliedhom u wkoll min huma l-ħbieb tagħhom. Meta l-ġenituri jkollhom relazzjoni fil-qrib mal-ulied, dawn ikunu aktar komdi li jikkomunikaw magħhom. Il-ġenituri għandhom ukoll rwol importanti li jedukaw lill-uliedhom dwar x’inhu abbuż u dwar l-importanza li jitkellmu ma’ persuna adulta li jafdaw jekk jgħaddu minn xi esperjenza simili.  Importanti li t-tfal ikunu assertivi u jafu jgħidu le għal affarijiet li ma jridux.  Fis-soċjeta’ tal-lum żdied ukoll il-periklu tal-abbuż tat-tfal fuq l-internet. Minn dan l-aspett, il-ġenituri għandhom ikunu konxji ta’ xi jkun qed jiġri meta wliedhom ikunu fuq l-internet u kemm jista’ jkun jimmonitorjaw il-websites li jkunu qed iżuru wliedhom filwaqt li jimblukkaw ċerti siti permezz ta’ firewalls.

    Rigward abbuż, speċjalment dak fiżiku u sesswali, il-ġenituri għandhom ikunu attenti għal sinjali u sintomi u jekk ikunu f’sitwazzjoni fejn qed jissuspettaw xi tip ta’ abbuż, kemm fuq uliedhom kif ukoll fuq tfal oħra, jistgħu jfittxu s-sapport u jirrappurtaw lill-awtoritajiet konċernati.

    Għaliex ċertu tfal ma jitkellmux mill-ewwel jew wisq agħar ma jitkellmu qatt?

    Jista’ jkun li wħud mill-vittmi ma jaslux li jgħidu lil ta’ madwarhom dwar dak li jkunu għaddejin minnu għal diversi raġunijiet:

    (a)   Jista’ jkun li l-vittma tkun mhedda mill-agressur;

    (b)  Jista’ jkun ukoll li l-vittma – b’mod partikulari tfal żgħar – ma tkunx taf kif u ma’ min tista’ tafda;

    (ċ)   Hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn il-vittma ma tkunx konxja li dik is-sitwazzjoni li tkun fiha mhix ‘normali’ u li dak li qed iseħħ lilha hu fil-fatt abbuż.

    Il-vittmi jistgħu jibdew jaħsbu wkoll li jekk jikxfu lill-agressur – speċjalment jekk dan ikun membru tal-familja – ma jiġux emmnuti u ġieli wkoll ikun hemm il-biża’ li jingħataw il-ħtija huma minflok l-agressuri, speċjalment jekk ikun hemm nuqqas ta’ provi tanġibbli. Ikun hemm ukoll l-element ta’ mistħija peress li jistgħu jidhru koroh huma kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, flimkien mal-biża’ li l-aggressur jista’ jpattihielhom wara.  Barra min hekk it-tfal jistgħu jħossuhom ħatja ta’ dak li jkun qed jiġri u jaħsbu li jekk jitkellmu ser jinqabdu li huma qed jagħmlu xi ħaġa ħażina.  Ma jirrealizzawx li r-responsabilita’ hi tal-persuna adulta.

    L-abbuż sesswali fuq it-tfal huwa mard jew reat kriminali?

    Kull abbuż hu kundannabbli b’mod speċjali meta jsir fuq minorenni. Ħafna drabi l-abbuż isir minn membri tal-familja, li huma fi dmir li jipproteġu lill-istess minuri. Madanakollu l-agressur, minbarra li jkun wettaq att kriminali, jkollu bżonn ukoll terapija.

    Min ikollu bżonn xi għajnuna jew aktar informazzjoni, jista’ jikkuntattja lill-Aġenzija APPOĠĠ 36, St. Luke’s Road, G’Mangia; Numru tat-Telefon: 2295 9000; websajt www.appogg.gov.mt.

    —————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: Dr Michael Galea PhD – Clinical Psychologist and Family Therapist

    X’inhu l-abbuż tat-tfal?

    Nibdew fuq it-tifsira, għax tajjeb nifhmu fuq hiex qed nitkellmu. Abbuż tat-tfal jirreferi għal kull azzjoni li tipperikola l-ġid sħiħ, emozzjonali u fiżiku, ta’ persuni li huma taħt it-18-il sena. Abbuż tat-tfal jinkludi abbuż:

    a)     Emozzjonali (kull attitudni jew azzjoni li tmur kontra l-iżvilupp soċjali jew saħħa mentali tat-tfal, eż: tgħajjir, laqmijiet, theddid, u oħrajn);

    b)    Sesswali (kull att sesswali bejn adult u tfal, inkluż mess, kliem vulgari, avvanzi u provokazzjonijiet, esibizzjoniżmu, prostituzzjoni tat-tfal, min iġiegħel lit-tfal jaraw u/jew jieħdu sehem f’pornografija, stupru, użu tat-tfal għall-gratifikazzjoni sesswali, u oħrajn);

    ċ)     Fiżiku (kull sofferenza mposta – allura mhux aċċidentali – fuq it-tfal;

    d)    Nuqqasijiet Fiżiċi u Emozzjonali (nuqqasijiet ta’ provvediment għall-bżonnijiet emozzjonali u fiżiċi tagħhom, eż. tfal abbandunati, mwarrbin apposta, mitluqa, mhux imħarsa b’mod responsabbli).

    Kemm hi mifruxa l-problema tal-abbuż sesswali fuq it-tfal f’Malta?

    Minn studju li kont għamilt fost studenti universitarji fl-2004, kien irriżulta illi 11% tal-parteċipanti kienu indikaw xi każ/każijiet ta’ abbużi ta’ natura severa. L-iktar tipi ta’ abbużi misjuba kienu: abbandun emozzjonali (6%), abbuż fiżiku (5%) u abbuż emozzjonali (5%). Statistika komprensiva tal-pajjiż li tkopri kull tip t’abbuż, kif imfissra hawn fuq, għad m’hawnx. Pero’ hemm diversi informazzjoni li turi li l-abbuż jeżisti sew f’pajjiżna. Ma ninsewx li spiss ir-realta’ hi ferm ikbar minn dak li jiġi irrapportat!

    X’inhu l-profil tipiku ta’ pedofelu?

    Klinikament, issir differenza bejn min jabbuża minn tfal żgħar (pedofelija) u min jabbuża mill-adoloxxenti (effebofilja). Bniedem hu pedofilu jekk hu interessat sesswalment fi tfal li għad ma żviluppawx, normalment ngħidu li għad m’għalqux il-ħdax-il sena. L-abbuż jista’ jkun fuq subien u/jew bniet, kemm minn adulti rġiel u/jew nisa. Iva, hemm nisa li jabbużaw ukoll – kontra kif jaħsbu ħafna. Legalment, biex att tali jkun abbuż, min jabbuża jrid ikun ta’ l-inqas 5 snin ikbar mill-vittma.

    Hemm min jaħseb li l-pedofilu hu xi annimal jew mostru li tagħrfu minn mil bogħod. Kemm sejjer żbaljat min jaħseb hekk! Ftakar li min irid jabbuża lit-tfal, irid jagħmilha magħhom, jirbħilhom il-fiduċja, Dr Michael Galeaforsi jilgħab magħhom, jgħaddi ħin fil-kumpanija tagħhom, jitkellem fuq dak li jitkellmu huma eċċ. Hemm xi red flags li ta’ min jagħti każ tagħhom (għalkemm mhux bilfors jindikaw abbuż): meta adult ikollu relazzjoni partikolari ma’ xi tifel/tifla fejn forsi jibda jgħaddi ħafna ħin mat-tifel biss filwaqt li jinjora tfal oħra; l-adult jibda joffri xi rigali lit-tifel konċernat jew jagħtih xi privileġġi; ikun hemm xi ċajt doppju sens, stampi u/jew magazines tal-adulti, messaġġi anke partikolari bil-mobile, PDAs; ċertu logħob fiżiku goff fejn l-adult imiss direttament lit-tifel waqt il-logħob; sigrieti bejniethom eċċ.

    Pedofelu titwieled jew issir? Il-ġibda sesswali lejn it-tfal titfejjaq jew titrażżan?

    Pedofelu hu bniedem bi żbilanċ kimiku tal-moħħ li jikkawża interess partikolari lejn tfal żgħar. Bħala tali, dan hu mard u teżisti ċerta kura tiegħu. Illum hemm mezzi u mediċini fejn persuna tali titnaqqaslu l-ħerqa u l-għatx sesswali, imsejjaħ libidu, lejn it-tfal. Jeżistu anke strateġiji u postijiet apposta barra minn Malta fejn nies tali, jingħataw kura speċjalizzata u fejn ikun hemm astensjoni totali minn kuntatt mat-tfal (stampi, TV, films, u oħrajn) filwaqt li jingħataw superviżjoni stretta, kura medika, u tagħlim iffukat fuq il-problemi tagħhom.

    Jeżistu każijiet ukoll fejn adult ta’ ċerta personalita’ u attitudni jibdew jinteressawh ferm iktar it-tfal milli adulti bħalu. Dan jista’ jseħħ minħabba diversi kawżi bħal ngħidu aħna: esperjenza negattiva mas-sess oppost, kien/għadu jiffrekwenta postijiet/gruppi ta’ persuni bħalu u mhux imħalltin, mistħija esaġerata u self-esteem baxx ħafna, persuna sensittiva ħafna u tibża’ li ħaddieħor (speċjalment tas-sess oppost) tgħidilha ‘le’ (u għalhekk teħodha bħala falliment kbir), eċċ.

    Taqbel li għandu jinħareġ reġistru ta’ dawk l-individwi li jwettqu atti sesswali fuq it-tfal?

    Ħafna minna ninkwetaw ferm għax jista’ jkun hemm persuni pedofili fostna li kapaċi qed jiġru ma’ saqajna kontinwament u ma nafux bihom. Fost l-ideat li hemm nibtet din tar-reġistru dwar persuni tali biex l-awtoritajiet ikunu jafu b’dawn l-individwi ħalli jżommu għajnejhom fuqhom. Hemm anke min qed jitlob li jkun hemm reġistri pubbliċi, b’sistema ta’ ‘name and shame’, bl-iskop dejjem ikun biex jiġu skoraġġiti reati sesswali fuq it-tfal. Pero’ dawn l-ideat, għalkemm l-għan tagħhom hu tajjeb, mhux dejjem jintlaħaq. Spiss jidħlu vizzji, abbużi fis-sistema u vendikazzjonijiet illi flok jgħinu, ifixklu l-proċess.

    L-idea ta’ reġistru bid-dettalji ta’ persuni li jkunu abbużaw xi tfal (isem, natura tal-offiża u fejn seħħ ir-reat) ilha tissemma’ f’pajjiżi barranin. Iżda ħafna jiddubitaw kemm id-drittijiet ċivili taċ-ċittadini jkunu mħarsa b’reġistru bħal dan. Kien hemm każijiet fejn sar abbuż minn dettalji simili, fejn informazzjoni sensittiva spiċċat għand il-pubbliku. Sitwazzjonijiet bħal dawn aktar joħolqu deni milli ġid, apparti l-biża’, is-suspetti u l-paranoia li tinħoloq fil-komunita’. Ma ninsewx ukoll li informazzjoni bħal din tista’ twassal għall-vendikazzjonijiet, apparti affarijiet oħrajn.

    Alternattiva għar-reġistru hija li min irid jaħdem mat-tfal, ikollu bżonn speċi ta’ ID card partikolari, li tista’ tiġġedded kull tant żmien. Din l-ID card tinħareġ biss wara li l-persuna kandidata jkollha l-passat tagħha iċċekkjat minħabba reati relatati mat-tfal. Din l-idea rnexxiet f’xi postijiet fosthom fl-Awstralja.

    Bla tlaqliq ngħid li l-ideat huma kollha tajbin u għandu jkollna diskussjoni nazzjonali fuq das-suġġett. Għala le? Pero’ ma ninsewx l-iskop tas-suġġett. L-idea mhix li jkollok reġistru u tieqaf hemm imma li r-reġistru jew is-sistema ta’ ID card, fost l-oħrajn, inaqqsu l-abbużi. Inkella għalxejn ikunu saru!

    Pero’ jien nistaqsi: f’pajjiżna qed ikollna infurzar tal-liġi? Dil-ġimgħa stess smajna fuq każ ta’ persuna li ammettiet abbuż sesswali fuq minorenni u ngħatat sentenza sospiża. Dan mhux l-ewwel darba li ġara. Niftakar per eżempju meta ftit xhur ilu s-CEO tal-aġenzija Appoġġ, dak iż-żmien is-Sur Joe Gerada, kiteb u tkellem u iġġieled bl-iktar mod matur kontra deċiżjoni żbaljata tal-MFA wara li tawwlu l-kuntratt ta’ xogħol ta’ impjegat magħhom li kien akkużat b’reati simili. U Alla jbierek kollox baqa’ kif kien! Qed nitkellem fuq każijiet pubbliċi. Żgur li kulħadd sema’ bihom. Jekk le, skużani ħabib, m’intix tgħix f’Malta!

    Allura jien inkompli nistaqsi: xi skop hemm li nagħmlu reġistru? Sempliċiment biex nikkuppjaw lill-barranin – bħas-soltu, imma bla konvinzjoni u bla nfurzar tal-liġi? Reġistru għall-kurżita’ biss? Xi skop hemm li għandna saħansitra uffiċċju għad-drittijiet tat-tfal, jekk dan (indipendentement minn min imexxieh) ma jrendix? Sabiħ li jkollok liġijiet sbieħ imma ftit jiswa jekk dawn ma jitħarsux u meta jinkisru, qisu ma ġara xejn!

    X’inhuma r-riperkussjonijiet li jgħaddu minnhom it-tfal u kemm minn dawn il-problemi jaffetwaw il-ħajja futura adulta tagħhom?

    Tfal li ġew abbużati sesswalment iħossuhom mistħijin ħafna, ħatja (qisu tort tagħhom), ma jistgħu jafdaw kważi lil ħadd, imbeżża’, ostili u magħluqa fihom infushom. Spiss tinduna li tali tfal huma sottomessi wisq, jevitaw mess jew affezzjoni normali, juru sinjali ta’ rigressjoni (ta’ meta kienu iżgħar) u jaġixxu quddiem ħaddiehor b’mod stramb u mhux normali (għajjat, twerżieq f’daqqa, ixarrbu s-sodda u oħrajn). Sinjali oħra huma jekk it-tifel/tifla tibda timxi b’diffikulta’, tpinġi stampi b’temi sesswali, biża’ mhux tas-soltu biex torqod weħidha, eċċ. Dawn jistgħu jindikaw abbuż sesswali.

    Tfal vittmi ta’ abbuż sesswali spiss ikollhom problemi fl-iskola. Jistgħu jibdew jevitaw xi ħabib tal-familja, ġirien u/jew xi kuġin/ziju bla raġuni ovvja. Jista’ jkun hemm sintomi fiżiċi bħal irritazzjoni fil-ħalq, parti anali u/jew ġenitali. Tfal iktar imfarfrin jistgħu juru għemejjel ta’ ħsara personali (xorb tal-alkoħol, droga jew jippruvaw iweġġgħu lilhom infushom apposta).

    X’inhuma dawk il-miżuri li għandhom jieħdu l-ġenituri biex jevitaw dan il-periklu minn fuq uliedhom?

    Xi fatti li ta’ min jiftakar dwar l-abbuż sesswali tat-tfal huma:

    a) It-tfal kollha jistgħu jiġu abbużati, kemm bniet u kemm subien, speċjalment dawk ta’ bejn l-4 u 11-il sena. Attenzjoni partikulari għandha tingħata lil tfal li jġibu ruħhom kmieni u anki lil tfal b’xi diżabilita’;

    b) Spiss il-pedofelu hu persuna magħrufa mat-tfal (ġenitur/i, familja, ġirien, jew ħabib kbir);

    c) Abbuz sesswali tat-tfal spiss jinvolvi persważjoni, theddid u rikatt. Kull abbuż sesswali jiġi akkumpanjat b’abbużi emozzjonali imma mhux kull abbuż sesswali jinvolvi vjolenza fiżika;

    d) spiss tfal vittmi tal-abbuż jiġu abbużati ripetutament għax it-theddid iżommhom siekta minħabba biża’ jekk jitkellmu;

    e) l-abbuż jista’ jseħħ id-dar, l-skola, fid-dar tal-ġirien jew barra.

    L-edukazzjoni ta’ uliedna hi l-ewwel u l-aqwa tarka konta kull abbuż. X’għandek tgħidilhom?

    a) Ħadd m’għandu dritt imiss ġisimhom, partikolarment f’partijiet soltu mgħottija mill-malja;

    b) Mhux kull ma jitolbuhom il-kbar bilfors hu tajjeb;

    ċ) Għandhom jgħidu LE għal stediniet tal-kbar li ma jogħġbuhomx;

    d) Qatt m’għandhom iżommu sigrieti;

    e) Dejjem għandhom ikunu jafu jċemplu lill-pulizija u jinfurmaw lill-ġenituri;

    f) L-abbuż mhux tort tagħhom.

    Li titkellem ma’ uliedek huwa importanti ferm. Li tkun tafhom u tkun taf l-interessi tagħhom. Min huma ħbiebhom? Jekk uliedek iħossuhom komdi jitkellmu miegħek, isibuha aktar faċli biex jgħidulek dwar xi ħadd li qed jittantahom jew idejjaqhom. Tista’ anke tippjana minn qabel ma’ uliedek biex jekk jiġri xi abbuż, ikunu jafu x’għandhom jagħmlu. Dan mhux biex tbeżżagħhom imma biex tibnilhom is-saħħa ħalli jekk jiġri xi abbuż, ma jinfixlux imma jiffaċċjawh b’kuraġġ. Fuq kollox qatt m’għandek twaħħal fit-tfal, jiġri kif jiġri l-abbuż. Dejjem assigurahom minn imħabbtek.

    L-abbuż sesswali fuq it-tfal huwa mard jew reat kriminali?

    Din hi polemika perikoluża. Meta tgħid li persuna hi marida, allura tkun qed tiskużaha b’mod sħiħ jew parzjali ta’ għemilha. Jekk l-azzjoni hi reat kriminali, allura r-riżultat ikun aktar ċar. Spiss nisimgħu li persuna ġiet meħlusa minħabba raġunijiet ta’ saħħa mentali waqt l-att ta’ l-akkuża, qisek qed tgħid li l-persuna għamlet ir-reat għax kellha x’ifixkilha minħabba xi kundizzjoni mentali, bħal psikożi jew problemi fl-aġir minħabba taħwid fil-moħħ u għalhekk ma kinetx responsabbli għal dak li sar. Ovvjament se ssib min jara dan bħala logħob bil-kliem. Madanakollu irridu ngħidu illi jeżistu każijiet ta’ persuni li minħabba kundizzjonijiet mentali, jistgħu jaġixxu perikolużament lejn ħaddiehor. Ovvjament, f’każijiet simili, l-awtoritajiet għandhom kull dritt u dmir li jipproteġu lill-persuni vulnerabbli bħat-tfal minn dawn l-adulti – meta jsiru jafu bihom. Isir meta jsir, l-abbuż sesswali hu dejjem reat ikrah ferm u b’ħafna konsegwenzi serji. Iżda hu reat ferm agħar meta jseħħ minn persuna li taf x’qed tagħmel u li tixtieq tagħmel dak l-abbuż. Dawn huma l-veri għedewwa ta’ soċjeta’ sana. Il-problema hi li f’kull soċjeta’ tad-dinja, jeżistu persuni tali – imma li tkun taf min huma mhux tant faċli u hawnhekk tinsab il-problema vera.

    Fl-opinjoni tiegħi, soċjeta’ li ma tilqax u ma tipproteġix lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli fi ħdanha (żgħar, kbar u anzjani), hi soċjeta’ marida serjament.

    mgalea00@yahoo.com

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-15 ta’ Frar 2009)

    2009.02.15 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • XI JFISSER GĦALIK IL-MILIED?

    Ġej il-Milied! Il-kelma biss ukoll kapaċi tqanqal dak il-ferħ speċjali li dan iż-żmien iġib miegħu. Il-Milied jasal kull sena u miegħu jinħolqu memorji u tikiriet ġodda għas-snin ta’ wara. Hija kurjuża kif bosta drabi, meta niftakru fil-ġranet tal-Milied l-imgħoddija, huma l-aktar affarijiet sempliċi li jibqgħu miftakra b’għożża. Il-Milied huwa l-ħlewwa tal-passat, il-kuraġġ għall-preżent u t-tama għall-futur. Xi jfisser għalik il-Milied?

    INTERVISTA: LORRIE COLLINS – PRO & SALES MANAGER – ESL GROSS MARKET

    Kif jibda joqrob il-Milied, x’inhu l-ewwel ħsieb li jiġik?

    Lorrie CollinsBla dubju, l-ewwel ħsieb li jiġini huwa x-xogħol. Minħabba li aħna qegħdin fin-negozju tal-ġugarelli, nibdew naħdmu fuq l-ordni tal-Milied minn xi tlett xhur qabel. Kieku ma nagħmlux hekk, kieku żgur ma nlaħħqux fil-ħin u r-riżultat ma jkunx ħlief stress, diżappunt u telfien ta’ bosta klijenti li jmorru jinqdew għand ħaddieħor. Għaldaqstant bilfors trid taħseb daqshekk bil-quddiem. Bħala l-Public Relations Officer tal-kumpanija, għandi f’idejja l-pubbliċità li din ukoll trid tibbukkjaha minn kmieni. Temminni jekk ngħidlek illi biex fil-Milied inġib individwu ta’ xi stazzjon tar-radju biex ixandar minn hawnhekk, irrid navżah minn sena qabel u ġieli anki iktar? Aħna nużaw żewġ tipi ta’ riklamar: min-naħa biex niġbdu lill-klijenti l-ġodda u min-naħa l-oħra, biex inżommu lill-klijenti eżistenti tagħna kuntenti sabiex jerġgħu jiġu jinqdew minn għandna darb’oħra. It-tip ta’ reklamar li semmejt fl-aħħar jieħu diversi forom bħal kalendarji bir-ritratti tat-tfal li jiġu jixtru minn għandna, djarji għas-sena l-ġdida u affarijiet oħrajn li jżommu l-klijenti tagħna jiftakru fina matul is-sena kollha. Hekk jew hekk il-ġugarelli jinxtraw għal bosta okkażżjonijiet oħra barra mill-Milied u aħna dejjem inkunu armati b’dak kollu li wieħed jixtieq.

    X’inhi l-isbaħ memorja tiegħek tal-Milied?

    Kont għamilt żmien nilbes ta’ Father Xmas u nqassam il-ġugarelli lit-tfal fid-djar tagħhom. Ir-reazzjonijiet differenti tat-tfal hekk kif kienu jarawni ma nista’ ninsihom qatt. Min kien jibża’ minni u jinfaqa’ f’bikja kbira, min kien jagħtini xi kartolina jew xi ittra u min ilestili l-ħelu u l-biskuttini. Niftakar darba waħda, tifla partikolari kienet ippreparatli l-ħalib sħun u qagħdet tistennieni sakemm nixorbu kollu. Għalkemm dak il-ħin ma kelli aptitu xejn, kelli ndawwar wiċċi, ngħolli d-daqna biex ma nxarrabhiex u biex ma taranix it-tifla u nixorbu bilfors! Imma nammetti li meta rajt wiċċha ferħan se jtir, il-ħalib li kont ħadt, niżilli għażel. L-innoċenza tat-tfal hija ħelwa wisq. Għalhekk neħodha bi kbira ħafna meta nisma’ bi tfal li jiġu abbużati. Il-Milied huwa ż-żmien tat-tfal u fil-ferħ tagħhom tara l-kobor t’Alla. Jaqbadni swied ta’ qalb meta niftakar fit-tfal abbandunati ġewwa l-istituti f’dawn iż-żminijiet. Għalkemm dawn it-tfal, permezz tal-ġenerożità ta’ ħafna, ma jkunux neqsin mir-rigali u mill-parties, ikollhom l-egħżeż ħaġa nieqsa – l-imħabba tal-ġenituri tagħhom. Nemmen li l-isbaħ rigal għal dawn it-tfal ikun li l-ġenituri jeħduhom f’darhom fil-ġranet tal-Milied u possibilment iżommuhom għal kollox.

    Liema hu dak ir-rigal li qlajt fil-Milied li l-aktar li għoġbok?

    Kien rigal ta’ flus, proprjament kienet munita kbira tal-fidda li tani n-nannu meta kelli xi sitt snin. Fil-Milied konna ninġabru d-dar tan-nanna xi ħamsa jew sitt neputijiet u n-nannu kien idurna wieħed wieħed u jagħtina xi ħaġa tal-flus. Dak inhar kien tani tmintax irbiegħi – l-akbar munita li kellu! Qatt ma kont stennejt li kien ser jagħtini daqstant. Fi tfuliti għext f’familja li konna naqlugħa u nikluha. Tmintax irbiegħi għalija kienu dinja. Niftakar li nxtħett nifraħ biha fil-ħanut tax-xorb tan-nannu u xi klijenti li kellu, meta rawni daqstant kuntent, bdew jagħtuni xi soldi huma wkoll. Għamilt turrun bihom f’idejja u qgħadt nurihom lil kulħadd. Wieħed anzjan għamel tabirruħu li jrid jeħodhomli. Imma jien ma ridt nagħtihomlu b’xejn. Wara li tani kedda tajba, qabad jidħak u tani sold hu wkoll.

    X’differenza hemm bejn il-Milied ta’ meta kont tfajjel u l-Milied ta’ llum?

    Meta kont tfajjel kont inqatta’ ħafna ħin il-Mużew. Prattikament konna noqogħdu bieb ma’ bieb miegħu u sikwit kont immur hemm. Bosta drabi, meta kont niġġieled ma’ ħuti kont naqbad nirrabja, noħroġ il-barra u nitlaq il-Mużew. Nista’ ngħid illi l-Mużew kien ir-rifuġju u ċ-ċentru tal-attenzjoni tiegħi minħabba li kien ikun hemm diversi attivitajiet għaddejjin il-ħin kollu. Fi żmien il-Milied, kien ikun hemm min qed jibni l-grotti sabiex jingħataw lit-tfal, bil-kobor jgħodd skond l-attendenza tagħhom. Oħrajn kienu jkunu qed jgħallmu l-kant tal-Milied lit-tfal għal waqt il-purċissjoni tal-Bambin. Il-purċissjoni kienet xi ħaġa għall-qalbi ħafna u kull sena, sakemm kelli erbatax-il sena, bqajt nieħu seħem fiha. Memorja ħelwa ta’ dak iż-żmien kienet meta darba waħda kienu qed iqassmu l-grotti u lili tgħidx kemm damu biex għajjtuli. Bdejt ninkwieta li dik is-sena, ma kienu ser jagħtuni xejn. Qlajt qalbi nistenna imma mbagħad sibt li kienu ħallewni għall-aħħar għax kelli l-akbar grotta. Mhux bilfors jekk kont il-ħin kollu dieħel u ħiereġ hemmhekk? Tifkiriet oħra sbieħ huma dawk ta’ meta konna ninġabru għand iz-zijiet u konna naqsmu magħhom il-ferħ tal-Milied. Illum li kbirt u qiegħed naħdem f’dan il-qasam, ingawdi l-Milied wara li jgħaddi kollox għax f’dawn il-ġranet l-aktar li nkunu mħabbtin. Aħna jkollna niċċelebraw il-Milied fil-ġranet ta’ wara li jgħaddi kollox. Għall-ewwel taraha stramba iżda mbagħad tidra taf. Madanakollu, dik il-quddiesa ta’ nofs il-lejl bqajt ma nitlifhiex. U biex żgur ma norqodx xi raqda tajba sforz l-għejja li jkolli, dejjem nagħżel xi kappella żgħira bħal dik ta’ San Ġakbu tax-Xgħajra jew ta’ Santa Marija f’Bubaqra ż-Żurrieq għax hekk inħossni aktar parteċipi f’dak kollu li jkun qed jiġri madwari.

    X’tixtieq f’dan il-Milied?

    Nixtieq ħafna affarijiet kieku, speċjalment dawk li nitlob għalihom fil-għodu hekk kif niftaħ għajnejja u dawk qabel nidħol norqod; bħal ngħidu aħna biex ikun hawn il-paċi u biex ma jkunx hawn faqar fid-dinja. Però dan il-Milied għandi xewqa kbira partikolari li nkun kuntent ħafna li kieku sseħħ. Bħalissa, ħabiba tiegħi qegħdha l-Ingilterra fejn ser tagħmel operazzjoni serja ħafna. L-ikbar rigal għalija dan il-Milied ikun li kieku din tirnexxielha mija fil-mija u nerġa’ naraha mill-ġdid f’saħħitha, qawwija u sħiħa.

    Xi jfisser għalik il-Milied?

    Ifisser xogħol. Xogħol b’tali manjiera li kif għedtlek, meta n-nies ikunu qed igawdu, aħna nkunu qed naħdmu. U meta l-Milied jgħaddi u kulħadd ikun kwiet f’daru, aħna ngawdu. Per eżempju aħna parties ma mmorrux, la qabel u lanqas waqt il-Milied. Kollox wara irid isir għax ix-xogħol tagħna ma jippermettix. Bħala kumpanija, aħna nagħtu ħafna importanza li l-klijenti, b’mod speċjali t-tfal li jaqalgħu l-ġugarelli tagħna bħala rigali, ma joħorġux iddiżappuntati. Tkun dejjem f’moħħna li l-ġugarelli kollha jkunu jaħdmu sewwa u li kemm jista’ jkun, ikollna għażla kbira sabiex it-tfal isibu dak il-ġugarell li jixtiequ. Fi ftit kliem, għalija l-Milied ifisser il-kuntentizza tal-klijent u dik tat-tfal li jieħdu gost igawdu r-rigali li jinxtraw minn għandna.

    ————————————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: KAPPILLAN WALTER CAUCHI – PARROĊĊA SANT’ANNA, WIED IL-GĦAJN

    Kif jibda joqrob il-Milied, x’inhu l-ewwel ħsieb li jiġik?

    Kappillan Walter CauchiWaħda mid-diffikultajiet li jkolli bħala wieħed minn dawk responsabbli tal-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn, hija dik li nimxi b’mod ġust biex nikkuntenta u nakkomoda lil kull min jitlob is-servizzi tagħna speċjalment peress li għandna sala waħda biss disponibbli. Barra minn hekk, kif jasal il-Milied nibda nkisser rasi sabiex nifhem it-tifsira tal-Milied għalija għal dik is-sena. Inkun irrid insib il-messaġġ ta’ Ġesù illum. Tgħidli mis-sena l-oħra ‘l hawn x’differenza tagħmel?  Iżda fir-realtà iva teżisti differenza għax kull sena Ġesù jitwieled mill-ġdid fiċ-ċirkustanza taż-żmien preżenti. Aħna nsejħulha l-kulturalizazzjoni ta’ Kristu u l-valuri Tiegħu fid-dinja ta’ llum. Barra minn hekk, din id-darba jiena qiegħed nibda bħala kappillan ġdid f’din il-parroċċa u għad irrid nistudja n-nies u l-kultura ta’ Wied il-Għajn. Innutajt illi l-poplu ta’ Wied il-Għajn hu magħmul minn nies li huma ġejjin minn diversi postijiet bħaż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u l-Kottonera. Kollha għandhom il-kultura tagħhom. Il-ħolma tiegħi hija illi permezz tal-ġranet sbieħ tal-Milied, jiena nsir naf aktar lil dan il-poplu sabiex ftit ftit ningħaqdu kollha f’kultura waħda madwar il-Knisja ta’ Ġesù fil-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn.

    X’inhi l-isbaħ memorja tiegħek tal-Milied?

    L-iktar li nara fil-Milied imqaddes hija l-provvidenza t’Alla. Darba niftakar li kelli esperjenza partikolari li tixhed dan biċ-ċar u tikkonferma kif Alla ma jinsik qatt. Niftakar dak iż-żmien kont għadni fil-Parroċċa tal-Gżira. Kelli d-drawwa li nagħmel xi laqgħat tat-talb maż-żagħżagħ fid-dar li kelli bħala kappillan. Lejla waħda, xi jumejn qabel il-Milied, ġie grupp ta’ żagħżagħ għandi. Jekk niftakar sewwa kienu għadhom kif ġew lura mid-diskoteka. Uħud minnhom telgħu ħdejjha u bdejna nitolbu flimkien filwaqt li xi oħrajn, bla ma ntbaħt jien, intefgħu fil-kċina u kielu l-ikel kollu li kelli fil-fridge. Letteralment ma ħallew xejn għalija u hekk kif telqu, għall-ħabta ta’ nofs il-lejl nieqes kwart, kelli aptit niekol il-mejda bil-ġuħ li kelli. Ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel f’dak il-ħin. Bilkemm ridt nemmen meta smajt lil xi ħadd iħabbat ftit wara. Meta ftaħt, sibt raġel li ġie jagħtini suflè. Proprju f’dak il-ħin! Bqajt inħares lejh u għedt ara naqra, dawk iż-żagħżagħ kiluli kollox u Ġesù bgħatli suflè!

    Liema hu dak ir-rigal li qlajt fil-Milied li l-aktar li għoġbok?

    Jiena naqla’ ħafna rigali taf? U daqs kemm naqla’ nagħti wkoll. Però, la qegħdha tistaqsini, niftakar ilu ħafna sewwa, meta kont għadni daqsxejn ta’ tfajjel, iz-ziju kien ġabilna trejn iddur fuq it-tracks. Jiena u ħuti tbellaħna fuqha. Ma konniex imdorrijin naqalgħu rigali hekk. Missieri kien jaħdem ħafna imma l-flus kien jiddedikahom kollha kemm huma għall-edukazzjoni tiegħi u tat-tlett ħuti l-oħra li kollha konna immorru fi skola privata. Kapriċċi ma tantx kien ikollna ħlief meta konna immorru għand in-nanna u kienet tagħtina xi lira biex immorru naraw xi film bħal Ben Hur jew The Ten Commandments.

    X’differenza hemm bejn il-Milied ta’ meta kont tfajjel u l-Milied ta’ llum?

    Meta kont tfajjel, il-gost tal-Milied kien meta kont immur il-Mużew u jagħtuni xi rigal. Dak iż-żmien bħala tfal konna nifirħu bix-xejn. B’daqsxejn ta’ presepju jew b’xi statwa żgħira tal-Bambin kont tagħmilna ferħanin. Konna nixegħlu u nżejnu quddiemhom bix-xemgħat u ndoqqu l-għanjiet tal-Milied fuq ir-rediffusion jew fuq ir-radju personali tagħna. Ovvjament, fil-Milied konna immorru għall-quddiesa wkoll għalkemm jiena qatt ma kont abbati. Dak iż-żmien ma kontx ‘tal-Knisja’ għax missieri kien jinsisti ħafna fuq l-edukazzjoni tagħna u għaldaqstant, ma tantx kien jifdalli ħin għal affarijiet oħra. Il-Milied konna nagħmluh id-dar. Ommi kienet issajjar u tlaqqagħna flimkien. Imbagħad konna immorru għand in-nanna u niltaqgħu mal-kuġini. Iżda meta dħalt għas-saċerdozju, il-Milied tbiddel għalija. Fejn fi tfuliti, l-Milied kont ngħixu d-dar, meta sirt saċerdot il-Milied bdejt ngħixu man-nies. Il-perspettiva tiegħi tal-Milied saret kif jiena ser nagħmel ambjent ta’ Milied u ħajja aħjar għal dawk li huma imġarrbin, imdejjqin jew weħidhom. L-għan tiegħi għal dawn iż-żminijiet ikun biex noħloq Milied bis-sens. Nemmen li għalhekk, f’kull parroċċa li kont fiha, in-nies dejjem fittxew il-knisja u dejjem imlewha daqs bajda għall-grazzja t’Alla. L-iskop tiegħi tal-Milied sar wieħed pastorali b’sens ta’ responsabbiltà u għajnuna għall-proxxmu.

    X’tixtieq f’dan il-Milied?

    Kif għedtlek aktar il-quddiem, l-ewwel nett f’dan il-Milied, nixtieq illi niltaqa’ aktar man-nies ta’ Wied il-Għajn biex insir nafhom aktar. Dan iż-żmien jagħtik bosta opportunità biex tagħmel dan. Barra minn hekk, dan il-Milied huwa marbut mal-pussess ġdid tiegħi għax proprju fil-21 ta’ Diċembru 2008, jiena ser ikolli din iċ-ċelebrazzjoni sabiex l-Isqof jafdali din il-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn. Allura li nixtieq dan il-Milied huwa li nagħraf immexxi lil dan il-poplu li ser jiġi afdat f’idejja. Nikkwota dak li qal Salamun meta nħatar sultan u Alla staqsih x’ried li jagħtih: Mulej agħtini l-għerf u d-dehen biex inkun kapaċi nmexxi lil dan il-poplu. Dak li nixtieq jien għal dan il-Milied – li nagħraf il-missjoni tiegħi. Hija interessanti kif 27 sena ilu, eżatt fl-istess ġurnata, fil-21 ta’ Diċembru 1981, inzertajt ħadt il-pussess tal-Parroċċa tal-Gżira fejn domt tmien snin u nofs.

    Xi jfisser għalik il-Milied?

    Ifisser li irrid niftaħ għajnejja u widnejja biex nara min hu l-fqir tiegħi. Il-fqir tiegħi huwa differenti mill-fqir tiegħek. Il-fqir tiegħi huwa dak li għandu bżonn l-għajnuna tiegħi biss, dak li jiddependi minni għall-għajnuna. Dak li jiena għandi ċ-ċavetta tal-ferħ tiegħu. Fi ftit kliem, il-Milied tiegħi hu li jien noqgħod attent biex nara min għandu bżonn l-għajnuna tiegħi.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 ta’ Diċembru 2008)

    2008.12.21 / no responses / Category: Torca - Perspettivi