Posts Tagged ‘The Żejtun Roman Villa – Research’

  • IL-VILLA RUMANA TAŻ-ŻEJTUN TAĦT IL-LENTI

    Is-Sibt 6 t’Ottubru 2012, Wirt iż-Żejtun ser ikun qiegħed itella’ simpożju ta’ ġurnata fil-Juventutis Domus fi Triq San Girgor iż-Żejtun, li ser jitratta s-sit arkeoloġiku tal-villa Rumana li jinsab fl-inħawi tal-iskola sekondarja tal-bniet Santa Margerita (magħrufa wkoll bħala Carlo Diacono) fiż-Żejtun.

    Is-sit tal-Villa Rumana taż-Żejtun

    Fdalijiet fil-villa Rumana ŻejtunPeress li dan is-sit arkeoloġiku għadu qed jiġi skavat u studjat, bħalissa mhux aċċessibbli għall-pubbliku. Ta’ min isemmi illi dan is-sit kien ġie skopert aċċidentalment fl-1961 waqt li kienet qed titħaffer l-art sabiex tinbena skola ġdida ġewwa dan ir-raħal. Għalkemm matul is-snin instabu bosta binjiet Rumani kemm f’Malta u anki f’Għawdex, numru minnhom inqerdu bħal dik magħrufa bħala Tad-Dawl f’Ħal-Kirkop, oħrajn tgħattew bħas-sit li nstab fil-Bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex, filwaqt li oħrajn mhumiex daqstant aċċessibbli bħal dik Ta’ Kaċċatura li tinsab fl-inħawi ta’ Birżebbuġa. Għaldaqstant, dan is-sit fiż-Żejtun flimkien ma’ wieħed simili li jinsab f’Ta’ San Pawl Milqi, għandhom sinifikat kbir peress li dawn huma l-uniċi siti f’Malta li jinkorporaw kemm parti residenzjali u kif ukoll parti industrijali. Huwa interessanti illi apparat li kien jintuża fi Żmien ir-Rumani, probabbilment konness mal-produzzjoni tal-għasir taż-żejt taż-żebbuġ, jista’ jitfa’ dawl fuq in-nisel ta’ isem il-villaġġ taż-Żejtun innifsu.

    Simpożju

    Simpożju - Wirt iż-ŻejtunGħalkemm se jittrata tema lokali, is-simpożju huwa wieħed ta’ livell nazzjonali u għalih ġew mistiedna l-aqwa akkademiċi u esperti fl-oqsma marbuta ma’ l-arkeoloġija, ir-riċerka storika, il-konservazzjoni u l-immaniġġar tal-wirt kulturali.  Aktar informazzjoni detalljata dwar ir-riċerka, il-konservazzjoni u l-immaniġġjar tal-villa Rumana taż-Żejtun ser tkun qed tiġi diskussa waqt is-simpożju li r-reġistrazzjonijiet għalih u l-ħlas ta’ €10 ser ikunu qed jintlaqgħu sat-30 ta’ Settembru 2012. Għalkemm il-membri ta’ Wirt iż-Żejtun jistgħu jattendu bla ħlas, xorta waħda huma mitluba jirreġistraw fuq http://wirtizzejtun.com/symposium-2012/.

    Pubblikazzjoni

    Żejtun Roman Villa - PublicationGħal dawk li jixtiequ jżommu ruħhom aġġornati ma’ dak li ntqal waqt dan is-simpożju, Wirt iż-Żejtun ser tkun ukoll qed tippubblika dan il-kontenut ġewwa ktieb bl-isem “The Żejtun Roman Villa: Research, Conservation, Management”. Bħalissa, dan il-ktieb qed jiġi offrut bi prezz speċjali ta’qabel il-pubblikazzjoni ta’ €15.

    Wirja

    Bil-ħsieb li jitqanqal aktar interess u għarfien dwar dan is-sit, Wirt iż-Żejtun ser ikun qiegħed ukoll itella’ wirja b’numru ta’ fdalijiet arkeoloġici li nstabu matul is-snin waqt l-iskavi f’dan il-post. Fosthom wieħed ser ikun jista’ jara ammont ta’ ċaqquf li jirrappreżenta fażijiet differenti ta’ meta dan is-sit kien għadu qed jiġi utilizzat, inkluż il-biċċa ċaqquf li nstabet fl-1976 u li fuqha hemm iskrizzjoni dedikata lil Ashtart, li bħalha nstabu għadd oħrajn ġewwa s-sit arkeoloġiku f’Tas-Silġ. F’din l-esebizzjoni ser ikun hemm ukoll ħażna ta’ 43 munita tal-bronż li kienu jiddataw madwar it-3 seklu W.K u li nstabu f’waħda mill-kmamar tal-villa. Probabbilment wieħed mill-oġġetti li ser jiġbed l-aktar interess huwa magħsar ċkejken li ġie skopert din is-sena waqt l-iskavi li kienu qed isiru mill-istudenti tad-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija tal-Università ta’ Malta. Madanakollu, wieħed m’għandux jitlef li jara wkoll numru ta’ reċipjenti tal-fuħħar u materjal ieħor li kien instab fit-8 t’April 1963 f’qabar Puniku ġewwa għalqa biswit is-sit tal-villa Rumana taż-Żejtun. Barra minn hekk, il-wirja ser tesebixxi wkoll informazzjoni, ritratti u filmati relatati ma’ dan is-sit u anki mal-industrija ta’ l-għasir taż-żejt taż-żebbuġa.

    Magħsar żgħir li nstab dis-senaDin il-wirja ser tittella’ ġewwa ċ-Ċentru ta’ l-Arti u l-Artiġġjanat fi Triq San Girgor, iż-Żejtun bejn is-27 ta’ Settembru 2012 u s-7 t’Ottubru 2012. Il-wirja ser tkun miftuħa fil-għaxija fost il-ġimgħa u fil-għodu l-Ħadd, u l-ħin kollu waqt l-attività ta’ Żejt iż-Żejtun fid-29 ta’ Settembru 2012.

    Dawn l-attivitajiet setgħu jkunu possibbli grazzi għall-kooperazzjoni ta’ numru ta’ volontarji li qed jgħinu lil Wirt iż-Żejtun, flimkien ukoll ma’ Heritage Malta, id-Dipartiment ta’ l-Istudji Klassiċi u l-Arkeoloġija ta’ l-Universita’ ta’ Malta, il-Parroċċa taż-Żejtun u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun.

    Aktar informazzjoni dwar dawn l-attivitajiet tista’ tinkiseb minn fuq is-sit elettroniku www.wirtizzejtun.com

    (Dan il-feature ġie ppubblikat fit-Torċa tat-23 ta’ Settembru 2012)

    2012.09.23 / no responses / Category: Torca - Features & Articles