Posts Tagged ‘Toni Vassallo’

  • Il-presepju tax-xemgħa fir-Rabat, Għawdex

    Toni Vassallo mal-presepju tax-xemgha (Ritratt- Fiona Vella)Kull meta nitla’ Għawdex u ninzerta għaddejjha minn Triq Vajringa, r-Rabat, ma nonqosx li nagħti titwila lil Toni Vassallo u lill-presepju kbir li hu ħadem mix-xemgħa.

     “Meta ħriġt bil-pensjoni fl-1991, xtaqt nivvinta xi ħaġa ġdida biex ngħaddi l-ħin magħha,” stqarr Toni li llum jgħodd is-76 sena.

    “Minn dejjem kont inħobb nagħmel il-presepji. Imma għodwa minnhom, ġieni f’rasi li nibda naħdem fuq presepju għal kollox differenti minn ta’ qablu. Kellu jkun presepju kbir qatiegħ u kont ser naħdmu mix-xemgħa.”

     Il-kwantità kbira tax-xemgħa li kellu bżonn, Toni akkwistaha mingħand diversi ħbieb tiegħu li kienu jaħdmu fiċ-ċimiterji.

    Gallerija tax-xemgha fil-presepju (Ritratt- Fiona Vella)“Kienu jġibuli l-fdalijiet tax-xemgħat u jien kont inħollhom biex ikolli l-materjal ħalli naħdem il-presepju bihom. Meta rajt li kelli ammont biżżejjed biex nibda, bdejt narma l-forma tal-presepju bil-wajer u mbagħad nimla’ bix-xemgħa fuq il-post filwaqt li nagħti l-kulur skont dak li nkun qed nibni.”

    Fix-xenarju tal-presepju, huwa ma naqasx li jinkludi diversi aspetti konnessi m’Għawdex, fosthom għar jixbaħ lill-Għar ta’ Ninu bl-istalaktiti niżlin mis-saqaf, u galleriji, irziezet u mtieħen bi stil Għawdxi. Imbagħad huwa fassal ukoll xi figuri bħall-Madonna, San Ġużepp u l-Bambin Ġesù flimkien mar-rgħajja u persunaġġi oħra.

    “Kemm ilu għandi dan il-presepju biddiltlu l-faċċata darbtejn ħalli nvarja ftit ix-xeni. Għaldaqstant ħallejt ix-xenarju li kelli fuq quddiem u ħdimt ieħor bl-istess xemgħa.”

    Wiehed mill-irziezet tax-xemgha (Ritratt- Fiona Vella)Minn ħin għall-ieħor, il-presepju jkollu xi viżitaturi u Toni ma jonqosx li jagħtihom nagħġa bajda tax-xemgħa bħala tifkira. Intant, meta erġajna sibna ruħna weħidna, hu wrieni l-apparat li bih jaħdem dawn in-nagħaġ, inkluż ukoll il-forom li jagħmel huwa stess.

    “Issa li kbirt, dan il-presepju joffrili mezz biex nheda kemmxejn. Fl-istess ħin, fil-ftit siegħat li nkun hawn kuljum, niltaqa’ ma’ nies differenti u ngħid kelma ma’ dak u ma’ l-ieħor.”

    (Dan l-artiklu deher fis-sit www.littlerock.com.mt f’Diċembru tal-2014)

    Nota: Sfortunatament, illum 6 ta’ Frar 2015, ġejt mgħarrfa li Toni Vassallo żarma dan il-presepju.

    2016.02.06 / no responses / Category: Littlerock