Posts Tagged ‘Torċa’

  • L-ILLUŻJONI TAS-SBUĦIJA

    Chantelle Alamango Jingħad li Cleopatra kienet tinħasel f’banju mimli ħalib imżejjen bil-petali tal-ward sabiex ikollha ġilda mill-ifjen u sabiħa. Imma min minna jiflaħ lussu bħal dak? U fir-realtà, kemm hu importanti li tidher sabiħa? Numru ta’ studji jsostnu illi l-individwi li huma meqjusa bħala ‘sbieħ’ igawdu minn ħafna aktar vantaġġi minn dawk inqas attraenti, saħansitra meta jiġu biex jintagħżlu f’xi post tax-xogħol. Madanakollu ħafn’oħrajn jinsistu illi l-veru sbuħija tinsab fir-ruħ u fil-karattru tal-bniedem u mhux f’surtu. Xorta waħda ħafna nisa jistqarru li wħud mill-isbaħ sensazzjonijiet f’ħajjithom huma dawk il-mumenti qosra meta jkunu qed japplikaw il-make-up sabiex jidhru aħjar. Iżda oħroġ il-għaġeb, numru konsiderevoli ta’ rġiel jgħidulek li jippreferu mara b’wiċċha naturali, bla żebgħa xejn! Għal dil-ġimgħa ddeċidejt li nixtarr ftit dan is-suġġett u għalhekk iltqajt ma’ Chantelle Alamango li l-make-up tista’ tgħid li hu d-dinja tagħha.

    “Personalment nemmen li l-make-up jgħinek tħossok isbaħ u aktar kunfidenti u għalhekk iwasslek biex ikollok atteġġjament ħafna aktar pożittiv lejn il-ħajja. B’hekk bla dubju, il-persuna ma tkunx qed tirrifletti biss is-sbuħija esterna ta’ wiċċha imma anki l-ħlewwa interna tal-karattru tagħha,” marret mill-ewwel fuq il-likk Chantelle.

    Skont il-poeta u kittieb Oscar Wilde (1854-1900) “L-ebda oġġett mhu daqshekk sabiħ, li f’ċerti kundizzjonijiet ma jidhirx ikraħ”.

    “Ħadd m’huwa perfett imma llum tant teżisti għażla kbira ta’ make-up li b’xi mod jew ieħor żgur li jinstab xi rimedju għal dik id-diffikultà partikolari ta’ kull wieħed minna. Għax wara kollox is-sigriet prinċipali tal-make-up huwa li joħloq illużjoni: dik li jitfi dak li mhux daqstant attraenti, filwaqt li jenfasizza dak li hu sabiħ.”

    Ralph Waldo Emerson (1803-1882) kittieb u poeta ieħor, jgħid illi “L-imħabba għal dak li hu sabiħ hija mfassla skont il-gosti, filwaqt li l-kreazzjoni tas-sbuħija hija arti.”

    “Infatti l-aqwa riżultati bil-make-up jiġu akkwistati meta wieħed jagħraf juża’ l-materjali differenti u l-għodda varji li jeżistu f’dan il-qasam. Nemmen li ċertu ammont ta’ kapaċità trid tkun qiegħda fik imma sinċerament il-veru maestrija ġġibha billi titħarreġ kemm tiflaħ u billi tinnota l-ħin kollu l-oħrajn x’qed jagħmlu. Personalment ma tiġix rivista quddiemi li ma niflihiex minn qoxra sa qoxra biex nara l-mudelli li jidhru fuqha x’make-up għandhom. Barra minn hekk meta suppost inkun qed nara film, aktar inkun moħħni fl-artisti femminili biex insegwi x’tip ta’ make-up ikunu għamlulhom għal xeni differenti.

    Il-make-up minn dejjem kien jolqotni imma f’dawn l-aħħar snin bdejt ninteressa ruħi ħafna iktar. Għall-ewwel iddeċidejt li nattendi għal kors bażiku biex nitgħallem kif napplika make-up sabiħ fuqi nnifsi. Imma bil-mod il-mod, sibt ruħi qed nidħol aktar f’dan il-qasam u għalhekk tħarriġt f’livell aktar professjonali, bħal ngħidu aħna f’kif tagħmel il-make-up għal xi photo-shoot, għall-għarajjes tat-tieġ u għal okkażżjonijiet oħra. Illum kburija li għandi l-klijenetela tiegħi. Inqisu bħala unur kbir għalija meta mara tħalli f’idejja li nagħmlilha l-make-up proprju fl-iktar mumenti sbieħ tagħha; bħal per eżempju għat-tieġ.

    Huwa għalhekk li trid iżżomm ruħek aġġornata l-ħin kollu ma’ make-up ġdid li jkun qed joħroġ u mal-ideat friski tal-oħrajn. Fir-realtà ma tieqaf qatt tiskopri ideat u stili ġodda. Biss biss, jekk tidħol fl-internet issib għażla kbira ta’ videos li jispjegawlek pass pass kif toħloq ċerti riżultati mixtieqa. Irid ukoll ikollok l-interess li tesperimenta ftit biex tiskopri elementi ġodda. Intant dalwaqt ser inkun qed nipparteċipa f’taħriġ ibbażat fuq make-up użat għall-istage, għat-televiżjoni u għall-effetti speċjali u ninsab ċerta li ser ikun siewi ħafna.”

    Lil Chantelle pjuttost kont nafha interessata fil-qasam tal-Accounts li hija l-linja tax-xogħol tagħha. Huwa biss riċentement li skoprejt din il-passjoni tagħha.

    “Naf li huma oqsma għal kollox differenti minn xulxin u huwa proprju għalhekk li togħġobni din l-istil ta’ ħajja, għax it-tnejn jeħduni f’dinja differenti. Sinċerament ma nimmaġinanix nagħżel bejniethom għax it-tnejn jagħtuni ħafna sodisfazzjon.”

    “Inti tħobbni għax jiena sabiħ, jew jiena sabiħ għax inti tħobbni?” staqsa darba Oscar Hammerstein II (1895 – 1960) direttur teatrali. Qabel poġġejt bil-qiegħda biex nikteb danMake up by Chantelle Alamango 1 l-artiklu għamilt ftit riċerka dwar dan is-suġġett tas-sbuħija u l-make-up, staqsejt ukoll xi fehmiet lil numru ta’ nies li ltqajt magħhom u ħadt l-opinjoni ta’ dawk li rrispondewni fuq Facebook. Kien kurjuż il-fatt li hekk kif in-nisa b’mod ġenerali qaluli li bil-make-up iħossuhom aktar attraenti, daqstant ieħor b’mod ġenerali l-irġiel insistew li n-nisa jogħġbuhom l-aktar meta jkunu mingħajr make-up.

    “M’hemmx isbaħ minn mara naturali” kiteb wieħed. “Inutli li mara tagħmel xebgħa make-up biex wara li tneħħiħ twerwrek!” iċċajta l-ieħor. “Għaliex din il-falsità? L-irġiel m’għandhomx ċuċati hekk!” kompla jesprimi ruħu. Pronta pronta waħda weġbitu li minflok jinżebaħ, raġel jagħżel li jidher billi jmur jarma xi karozza… u komplew sejrin hekk. Imma l-irġiel ma ċedew qatt. Kollha baqgħu tal-istess fehma.

    Allura jekk il-make-up mhux arma tajba biex jiġbed l-irġiel, għal xhiex jew għal min jiġi applikat? X’inhu s-sinifikat tiegħu?

    “Naħseb li hu l-make-up esaġerat li jdejjaq lil dak li jkun għax fir-realtà nemmen li ż-żewġ sessi japprezzaw id-dehra ta’ make-up applikat tajjeb” saħqet waħda. “Il-make-up għandu s-saħħa li jgħinek tħoss sensazzjoni ta’ kuntentizza bħal meta tmur tixtri xi ħaġa għalik. Jieħdok f’dinja oħra u jneħħilek ħafna mill-istress,”esprimiet ruħha persuna oħra. “Finalment mara tagħmel il-make-up biex tintogħġob magħha nnifisha u xejn aktar,” għalqet il-kummenti tagħha oħra.

    Iżda hemm naħa oħra tal-munita… Ammont ieħor ta’ nisa jgħidulek li m’għandhomx ċans għal dawn il-ħmerijiet, li hekk jew hekk iħossuhom tajjeb mingħajr make-up għax huma komdi b’wiċċhom kif jidher b’mod naturali u m’għandhomx bżonn jistaħbew wara maskri!

    “Kulħadd għandu d-dritt għall-opinjoni tiegħu,” ikkummentat Chantelle. “Personalment jien ma ngħaddix mingħajr make-up u hija tassew rari meta noħroġ mingħajru. Anki jekk ikolli ftit ħin biss, nara kif nagħmel u napplika xi ħaġa ħafifa imma qatt mhu ser nagħżel li nidher fil-pubbliku mingħajr ma nirtokka wiċċi. Jekk ma nagħmilx hekk inħossni li qed nintelaq u ma nħossnix kuntenta. Ma nafx kif hawn min jgħid li ma jsibx ħin għal dawn l-affarijiet għax wara kollox ftit minuti biss huma wkoll effettivi biex isebbaħ id-dehra tiegħek. Jidhirli li la hemm il-mezzi biex tidher aħjar, tkun qed titlef ħafna jekk ma tużahomx.”

    Kompliet tgħidli li anki meta tmur tgħum fis-sajf tara li tagħmel il-make-up adattat għalkemm naturalment ma tinżillx taħt l-ilma. Saħansitra meta tagħżel x’tiekol, toqgħod attenta li ma tkunx xi ħaġa li ser tirrovinalha l-make-up. Staqsejtha jekk jiġux mumenti meta tħossha skjava ta’ din il-passjoni tagħha stess?

    “Lanqas xejn! Ormaj din hija parti mir-rutina tiegħi. Kif inqum fil-għodu, nara li nagħmel make-up tajjeb li kapaċi jżomm il-ġurnata kollha u huwa hekk kif isir il-ħin biex norqod li nneħħih. Meta mbagħad nidħol id-dar wara x-xogħol u nkun ser nerġa’ noħroġ, ibqa’ ċerta li nibdel il-make-up mill-ġdid sabiex nadatta għal fejn inkun sejra.”

    Skont Chantelle, l-għodda li jintużaw biex jiġi applikat il-make-up huma l-qofol ta’ riżultat sabiħ.

    “Illum hawn għażla ma tispiċċa qatt tal-make-up, b’ditta aqwa mill-oħra li kollha għandhom il-prodotti tagħhom. Iżda għalkemm ċerti ditti tassew ikunu superjuri għall-oħrajn, l-għodda użata hija s-sigriet ta’ kollox. Fost dawn, il-pniezel huma l-aktar neċessarji hekk kif kull wieħed minnhom għandu funzjoni partikulari. Biss biss ngħidlek li biex nagħmel il-make-up tal-għajnejn għandi ħames pniezel differenti!”

    “Kollox għandu s-sbuħija tiegħu imma mhux kulħadd kapaċi jaraha,” qal il-filosfu Confucius (551-479 Q.K.). Akkost li huwa xogħol pjuttost għali biex iżżomm ċertu livell professjonali, Chantelle tħoss li s-sodisfazzjon li tara f’għajnejn il-klijenti tagħha, jagħtiha wisq kuraġġ biex tkompli f’dan il-qasam.

    “Il-kulur tal-karnaġġjon ivarja minn persuna għall-oħra, apparti li trid tikkunsidra wkoll l-età u allura jrid ikollok għażla sewwa għal kull eventwalità ħalli tipprovdi l-prodott ġust. Jeħtieġ li jkollok ukoll selezzjoni varja ta’ kuluri ta’ eyeshadows, lipsticks, blushers, mascaras u dak kollu li jkun hemm bżonn. Madanakollu s-sodisfazzjon li nieħu meta nara l-klijenti jħarsu lejn id-dehra mibdula tagħhom b’dik iċ-ċertu kburija, tinżilli għasel u tgħini nħossni kburija b’dak li qed nagħmel.”

    “M’hemm xejn assolut li jiddeċiedi x’inhu sabiħ jew le. U dak hu preċiżament dak li jagħmel it-tfittxija għas-sbuħija aktar interessanti,” kiteb John Kenneth Galbraith (1908 – 2006) ekonomista.

    “Bi ftit ħsieb u dedikazzjoni, wieħed jista’ jirranġa d-dehra tiegħu b’mod tassew faċli. Kull ma jkun hemm bżonn huwa li wieħed ikun jaf kif japplika l-prodotti xierqa u fil-post it-tajjeb. Ngħidu aħna kulur skur mal-ġenb tal-imnieħer u kulur ċar fuq l-għadma tal-imnieħer, ser jagħtuh dehra idjaq. Min-naħa l-oħra, bronzing mad-dawra ta’ wiċċ kemmxejn imfaqqgħa, tgħinu jieħu xeħta aktar definita. Għajnejn qrib ħafna ta’ xulxin jirrikkjedu kulur ċar fuq ġewwa u skur fuq barra ħalli jidhru aktar simettriċi. Il-lista hija twila ħafna u l-possibilitajiet ma jieqfu qatt.”

    Skont Chantelle, hemm bosta gwidi u regoli li wieħed jista’ jimxi magħhom imma mbagħad kulħadd għandu l-fehma tiegħu.

    “Ngħid għalija ma naqbilx li għarusa bilfors trid tagħmel make-up bi stil naturali. Naf li ħafna professjonisti u li fuq ħafna rivisti jiġi rrakkomandat hekk. Imma t-tieġ huwa ġurnata importanti ħafna għall-għarusa u għalhekk jidhirli, li sakemm ma tkunx qed titlob xi ħaġa li mhiex adattata, m’għandhiex għalfejn tingħalaq b’regoli biex imbagħad tispiċċa ma tħosshiex hi u ma tkunx kunfidenti.”

    Lanqas ma taqbel mal-make-up permanenti…

    “Tbeżżagħni l-idea ta’ xi ħaġa permanenti għax imbagħad jekk jiġi żmien meta dak li tkun għamilt ma jogħġbokx aktar, x’tagħmel?Min-naħa l-oħra napprezza ħafna l-affarijiet li jistgħu jitneħħew faċilment: bħax-xagħar t’għajnejn artifiċjali li jagħti dehra affaxxinanti u eleganti lill-għajnejn u l-wiċċ.”

    Fil-make-up Chantelle tmur ħafna għall-kuntrast.

    “Hawn min għandu l-idea li jrid iqabbel il-make-up mal-ħwejjeġ imma dan joħloq ċertu monotonija u pjuttost jitfi d-dehra ta’ dak li jkun. Hekk jew hekk illum f’paletta ta’ eyeshadow bażika wkoll ikollok Makeup by Chantelle Alamango 2għażla varjata ta’ kuluri sbieħ. Ngħidu aħna ma’ libsa ħamra tista’ tuża’ l-kulur tar-ram jew tal-bronż, filwaqt li ma’ libsa’ kaħla jixraq ħafna l-kulur tal-fidda jew vjola. Wieħed qatt m’għandu jmur għal dak li hu ovvju bħal dik li tuża lipstick u nail-polish aħmar għax inti liebsa libsa ħamra. Il-kuntrast jiġbed ħafna iktar l-għajn u wara kollox dik hi l-funzjoni tal-make-up.”

    L-aktar fattizz f’wiċċ il-bniedem li jogħġobha huma l-għajnejn…

    “Għax hemm proprjament tista’ turi l-ħila tiegħek peress li tista’ timraħ b’kemm kuluri trid.”

    Eva Green (1980) mudella u attriċi tistqarr li meta ma tkunx qed taħdem tippreferi toqgħod libera mingħajr ħwejjeġ inkaxxati, tkaken u make-up… “Huwa sabiħ li tkun tista’ tieħu nifs!” Iżda bla dubju Chantelle taqbel aktar ma’ dak li qalet l-attriċi Lana Turner (1921 – 1995) “Nippreferi nitlef l-aqwa misluta li għandi milli jaqbduni mingħajr make-up!”

    “Nemmen b’fermezza li wieħed għandu jagħmel minn kollox biex jidher bl-aħjar mod tiegħu. Wara kollox, dan hu sinjal ta’ rispett u mħabba lejna nfusna u xejn aktar.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-30 t’Ottubru 2011)

    2011.10.30 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IRRID NIDĦOL F’KULL KAPPELLA

    Marija Bambina - Mtahleb - RabatIl-gżejjer tagħna huma miżgħuda bit-tifkiriet ta’ missirijietna imma tiskanta kemm il-milja taż-żmien għandu l-ħabta li jnessi ċerti ġrajjiet. Fost dawn hemm l-għadd ta’ kappelli ċkejknin, bosta minnhom dejjem magħluqin, donnhom abbandunati. Minn dejjem kienu jiġbduni lejhom, wieqfa hemm b’dik ir-rassenjazzjoni, f’dik is-solitudni. U meta fi tfuliti skoprejt il-kotba ta’ Kilin, erħini nipprova nfittex dawk il-kappelli l-aktar strambi u mwarrba bħal bi sfida personali miegħi nnifsi. L-hena tiegħi kienet meta kont insib xi twejqa miftuħa u noqgħod niġġebbed u nittawwal fid-dlam ta’ ġewwa bit-tama li nara x’hemm. Iżda jidher li dawn il-kappelli ma laqtux lili biss. Tant hu hekk illi l-grupp ta’ nies li ltqajt magħhom dan l-aħħar minn dawn il-kappelli rnexxielhom joħolqu kapolavur!

    “Minn mindu kont tifel kienu jaffaxxinawni dawn il-kappelli mwarrbin u mibnijin f’postijiet remoti,” beda l-kliem  Roderick Busuttil. “Kienu jqanqluli bosta mistoqsijiet li għall-ewwel ma kontx naf nirrispondi. Ngħidu aħna, għala għandu wieħed jibni kappella bħal dik iddedikata lil San Pawl proprju f’nofs Wied il-Qlejgħa, jew kif inhi magħrufa, iċ-Chadwick Lakes? Jew x’sinifikat kellha l-kappella tal-Madonna ta’ Itria moħbija f’Binġemma? Inkella x’sens kienet tagħmel il-kappella ta’ San Dimitri fuq tarf ta’ rdum fl-Għarb Għawdex? Min-naħa l-oħra imbagħad tmur fl-irħula u f’ċerti nħawi taf issib xi żewġ kappelli mibnija ħdejn xulxin, b’uħud saħansitra ħajt ma’ ħajt! U tistaqsi x’riedu jgħidu bihom?”

    Għalkemm forsi wħud minn dawn id-dilemmi, Roderick għadu ma sabx tarf tagħhom, min-naħa l-oħra huwa rnexxielu jsarraf din il-ġibda tiegħu f’sit mill-aktar informattivMix-xellug - Noel Ciantar, Anthony M Brincat, Caroline Busuttil, Roderick Busuttil u Joe Brincat dwar dawn il-kappelli li huma tant għal qalbu. Jista’ jkun li x-xorti daħkitlu ftit ukoll għax flimkien miegħu hemm grupp ta’ nies jaħdmu qatiegħ biex permezz tas-sit www.kappellimaltin.com jiftħu b’mod virtwali bosta minn dawn il-kappelli sabiex il-pubbliku jkun jista’ japprezzahom aktar. Poġġejna madwar mejda ta’ kafeterija nixorbu belgħa tè sħuna biex inpattu għar-riħ u l-kesħa li kien hemm barra u sadanittant bdejt insir naf aktar lil dan il-grupp u x-xogħol li jwettqu.

    “Kull tant żmien, jiena u Roderick konna ntellgħu xi programmi għar-radju u darba waħda staqsewna jekk konniex lesti li ntellgħu sensiela sħiħa dwar xi suġġett partikolari. Wara ħafna diskussjonijiet iddeċidejna li nibnu sensiela dwar il-kappelli u għalhekk intfajna nagħmlu r-riċerka dwarhom fosthom permezz tal-kotba ta’ Kilin,” kompla jirrakkuntali did-darba Joe Brincat. “Organizzajna wkoll diversi intervisti ma’ individwi li kienu ntiżi f’dan il-qasam bħall-Prof. Stanley Fiorini, il-Prof. Michael Buhagiar, ir-riċerkatur Tony Terribile, l-espert fil-qasam tax-xwieni Joseph Muscat u anki ma’ Kilin innifsu li stqarr magħna li fil-kotba li ħareġ fil-bidu kellu xi żbalji li eventwalment ġew irranġati kollha fil-ktieb ‘Wayside Chapels’. Preżentament wieħed jista’ jisma’ dawn l-intervisti minn fuq is-sit tagħna.”

    Infatti tant ġabru informazzjoni li Noel Ciantar ħajjarhom biex itellgħu sit sabiex din ir-riċerka ma tintilifx u anki biex jagħtu daqsxejn promozzjoni lill-programm tagħhom tar-radju “Mat-tokki ta’ qniepen żgħar”. L-idea ntogħġbot u Noel sab ruħu jfassal hu stess dan is-sit, tant li llum huwa l-webmaster tiegħu.

    “Is-sit infetaħ għall-pubbliku ftit qabel beda l-programm tar-radju, fit-22 t’Ottubru tal-2007. Għalkemm il-programm innifsu spiċċa wara disgħa xhur u kien ta’ suċċess kbir tant li baqgħu jixxandru r-San Blas Chapel (Caroline Busuttil)repetizzjonijiet tiegħu, dil-ġimgħa ser inkunu qed niċċelebraw ir-raba’ anniversarju mit-twaqqif tas-sit. Ftit ftit in-nies bdiet issir midħla tas-sit tagħna sakemm illum nistgħu ngħidu li kull min hu tassew dilettant ta’ dawn il-kappelli, xi darba jew oħra daħal fih jew għallinqas sema’ bih, filwaqt li oħrajn jużawh bħala mezz ta’ referenza. Is-saħħa tiegħu tinsab fil-kwantità u l-kwalità ta’ informazzjoni li hemm miġbura f’post wieħed, tant li meta s-sena li għaddiet semmew is-sit tagħna fl-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali, irreferew għalih bħala enċiklopedija. Biex nagħtik ħjiel, apparti informazzjoni dettaljata dwar għadd ta’ kappelli, wieħed isib ukoll listi sħaħ ta’ isqfijiet, granmastri, muniti, inkwiżituri, papiet u żjajjar pastorali. Hemm ukoll glossarju li jagħti t-tifsira ta’ għadd ta’ kliem relatat ma’ dan il-qasam, informazzjoni dwar xi qaddisin u intervisti ma’ individwi dwar xi passatempi tagħhom. Illum is-sit jikkonsisti f’200 paġna,” qalli kburi Noel.

    Spjegawli kemm siegħat jiddedikaw għar-riċerka minħabba li huma jkunu jridu jikkonfermaw li dak li jiktbu jkun validu u minnu, segwit kif xieraq b’referenzi relatati. Anthony M Brincat li huwa espert f’dan il-qasam tal-kappelli, għandu r-rwol ta’ konsulent tal-grupp.

    “Fil-gżejjer tagħna hawn 328 kappelli (eskluż il-kappelli privati u dawk li jinsabu fil-kunventi u fiċ-ċimiterji),” infurmani Roderick. “Anthony dar dawn il-kappelli kollha u għamel studju intensiv dwarhom. Infatti kien ta’ għajnuna siewja biex niksbu l-informazzjoni, ir-ritratti u biex insiru nafu fejn qegħdin ħafna minnhom. S’issa aħna żorna 220 kappella, għalkemm fis-sit għandna informazzjoni dettaljata dwar 132 minnhom. Imma jiena għandi ħolma li nixtieq inwettaq…. xi darba rrid nidħol fihom kollha! Fi tfuliti kont inħobbhom il-kappelli imma illum iffissat! Biex tifhimni nista’ nirrakkuntalek kif dakinhar li ħriġna l-inviti tat-tieġ, jien kont qed indur il-kappelli ma’ Anthony u ma’ Joe u l-invit tajtulhom hemm.”

    Mhux hekk biss, imma spiċċa biex daħħal f’din l-istorja anki lill-mara tiegħu Caroline li f’dan il-grupp ġiet assenjata r-rwol tal-fotografu uffiċċjali.

    “Meta konna għadna għarajjes Roderick kien moħħu biex immorru nżuru dawn il-kappelli u jien biex ma niddejjaqx bdejt nieħu r-ritratti. Bdew joħorġu tajbin u ntogħġbu u b’hekk sibt ruħi bir-St. John the Evangelist Chapel - Ħal Millieri (Caroline Busuttil)responsabbiltà li niġbed ir-ritratti tal-kappelli. Mhux faċli daqs kemm wieħed jaħseb li tieħu ritratti sbieħ ta’ dawn il-kappelli u mhux darba u tnejn li spiċċajna morna aktar minn darba fl-istess post sakemm sibna l-mument tajjeb. Daqqa ssib xi karozza pparkjata eżatt quddiemhom, drabi oħra trid tara kif tipprova tnaqqas mill-wires u l-arbli li jkunu qed ikerrħu l-ambjent ta’ madwarhom u mbagħad hemm oħrajn li trid tmur f’xi ħin partikolari biex tiġbidhom minħabba li x-xemx tinzerta eżatt warajhom f’ċerti ħinijiet u ma tieħux ritratt wieħed sura.”

    Kollha qaluli li wieħed mill-akbar xkiel huwa biex tinzerta ssib xi kappelli miftuħa jew biex issib lil xi ħadd lest li jiftaħhomlok.

    “Hemm ċerti kappelli li jinfetħu darba fis-sena biss għal xi okkażjoni partikolari, filwaqt li oħrajn huma abbandunati jew ma jinfetħu qatt.  Infatti illum jiena u Caroline noħorġu dejjem bil-kamera magħna ħalli jekk ninzertaw xi waħda miftuħa, nieħdu x-xoqqa f’moxtha. B’xorti tajba kemm ilni naħdem fuq dawn il-kappelli għamilt bosta ħbieb u kuntatti. Biż-żmien skoprejt li f’kull raħal jew belt fil-gżejjer tagħna, dejjem ser issib lil xi individwu li tassew ikun dilettant jew intiż fl-istorja u li jirranġalek biex tidħol fil-kappelli tal-post, bħal ngħidu aħna Tony Abela li fetħilna l-kappelli kollha taż-Żejtun. Għalina huwa importanti ħafna li nuru l-kappelli kemm minn barra u kif ukoll minn ġewwa għax ġeneralment dak ser ikun l-uniku mezz kif il-pubbliku jkun jista’ jara l-intern ta’ ċerti postijiet.”

    Interessanti l-fatt li dan il-grupp ġibidli l-attenzjoni li meta nirreferu għal dawn il-binjiet bħala kappelli nkunu qed niżbaljaw…

    “Proprjament il-kappella hija parti mill-knisja u ma tistax tkun fiżikament maqtugħa għaliha: infatti illum il-kurituri li nsibu fuq kull naħa ta’ knisja nafuhom bħala kappelluni. Meta l-Isqof De Mello żar Malta fis-seklu ħmistax huwa sab l-ewwel għaxar kappelli (u mhux waqqafhom kif hawn min isostni!). Dak iż-żmien De Mello rrefera għalihom bħala cappelli di campagna li biex nifthiemu kienu qishom il-parroċċi ta’ llum. Meta mbagħad ġie l-Isqof Dusina fis-seklu sittax huwa sejħilhom chiese di campagna u allura dawn suppost jissejħu knejjes żgħar u mhux kappelli.”

    Ilkoll saħqu li s-sit huwa ideali għax dejjem tista’ żżid fuqu. Infatti meta xi ħadd jibgħatilhom xi biċċa informazzjoni tajba jew xi ritratt li jista’ jiġi inkluż fis-sit, huma jilqgħuha bil-qalb kollha għax jixtiequ li s-sit ikun meqjus bħala “ta’ kulħadd”. Dan l-aħħar il-grupp fetaħ ukoll paġna fuq Facebook bl-isem ‘Kappelli Maltin – Wirt Artna’.

    “Xi kultant ninnota li l-Facebook jolqot tip ta’ nies differenti minn dawk li jidħlu fis-sit,” fehmitni Caroline. “Forsi għax fuq Facebook l-informazzjoni hija aktar kompatta. Huwa wkoll aktar interattiv għax jagħti ċ-ċans lil dak li jkun li jistaqsi mistoqsija u ftit wara jibda jara r-risposti deħlin lura… u mhux minn għandna biss! Infatti sikwit jiġri li minn suġġett jispiċċaw jifirxu fuq ieħor u jinħoloq djalogu sħiħ. Il-Facebook jagħtik opportunità li tiltaqa’ ma’ nies li aktarx li kieku ma kienx hu, qatt ma kont ser tiltaqa’ magħhom. Per eżempju ftit ilu tellgħajna ritratt ta’ kampnar ta’ kappella u staqsejna lill-imseħbin jekk hux kapaċi jagħrfu ta’ fejn kienet. Dlonk weġibna qassis li qalilna li hu xeba’ jqaddes hemmhekk u hekk allura issa għandna kuntatt ieħor għal din il-kappella. Intant, fuq din il-paġna tal-Facebook aħna ntellgħu xi ftit informazzjoni ġdida minn żmien għal żmien sabiex inħajjru lin-nies jinġibdu aktar lejn il-kappelli.”

    Infatti meta dħalt fil-paġna tagħhom sibt li kien hemm mad-900 membru u wħud minnhom jagħtu kontribut interessanti immens. Ngħidu aħna Jacqui Agius poġġiet ritrattiPittura ta' Jacquis Agius ta’ pitturi mill-isbaħ ta’ kappelli lokali li pittret hi. Oħrajn bħal John Scerri, Malti li joqgħod il-Kanada, u li bosta drabi jaqta’ fejn huma l-kappelli ħafna qabel nagħrfuhom aħna li noqogħdu hawn, iħobb jinkludi xi ritratti antiki ta’ kappelli li llum m’għadhomx jeżistu. Ħaġa twassal għall-oħra u finalment il-grupp iddeċieda li jagħti widen għat-talbiet tal-membri biex tinħoloq għaqda biex tlaqqgħa lil dawk li japprezzaw il-kappelli.

    “Konna ilna nixtiequ li nagħmlu għaqda għan-nies li jħobbu l-kappelli, għalkemm fl-istess ħin, nixtiequ nżommu s-sit u l-Għaqda separati minn xulxin. F’Lulju li għadda ppruvajna naraw kemm kien hemm interess. Għalhekk organizzajna l-ewwel laqgħa f’kappella f’Ħ’Attard u kellna attendenza sabiħa. B’hekk għamilna l-qalb u flimkien ma’ numru ta’ individwi oħra bdejna naħdmu biex titwaqqaf din l-għaqda b’mod formali. Fil-fatt il-laqgħa ġenerali fundatorja tal-Għaqda Ħbieb tal-Kappelli Maltin ser issir nhar it-Tnejn li ġej, 24 t’Ottubru 2011 fis-7:00pm fis-Sala Parrokkjali ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.”

    Kont kurjuża liema minn dawn il-kappelli kienu l-aktar għal qalbhom. Noel jippreferi dawk li jgawdu minn xenarju mill-isbaħ u għalhekk għażel il-Kappella tal-Madonna ta’ Madonna ta' Itria - Binġemma (Roderick Busuttil)Itria li tinsab f’Binġemma u dik li hija ddedikata lil Santa Marija Maddalena li hemm fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Caroline tippreferi l-Kappella ta’ San Pawl Eremita li hemm fil-Mosta għax tinsab maqtugħa għaliha mistura ġewwa għar f’wied. Lil Joe jaffaxxinawh l-aktar il-kappelli tal-perjodu medjevali…

    “Il-Kappella tas-Simblija li hemm Ħad-Dingli bilkemm tingħaraf li hi kappella u għalhekk tiġbidni. Imbagħad hemm ukoll il-Kappella ta’ San Mikiel is-Sanċir fir-Rabat, Malta li apparti l-arkitettura partikolari tagħha, tinsab f’nofs l-għelieqi, maqtugħa mill-bini modern, u meta tidħol fl-ambjent tagħha tħossok qisek mort lura fiż-żmien. Kienu rrestawrawha madwar 20 sena ilu imma sfortunatament issa reġgħet qed tiddeterjora. Għax l-ikbar problema ta’ dawn il-kappelli hija illi jekk ma ssibilhomx funzjoni, akkost li tirrestawrahom, jekk tabbandunahom mill-ġdid u ma ssibilhomx funzjoni, dawn ser jerġgħu lura għall-istat ħażin li kienu fih qabel.”

    Ma kellix għalfejn nistaqsih wisq lil Roderick liema kienu l-favoriti tiegħu għax ir-risposta bsartha.

    “Jiena kollha nħobbhom għax kollha sbieħ. Kif tista’ ma tħobbhomx meta tibda tara d-dedikazzjoni kbira li dawn inħadmu u żżejnu biha matul iż-żminijiet? Imma jekk għandi nsemmilek tnejn ferm għal qalbi dawn huma dik ta’ San Dimitri għax taffaxxinani l-leġġenda tagħha u dik Tal-Lunzjata f’Ħal-Millieri għax l-affreski li fiha huma inkredibbli.”

    Tkellimna fuq mitt ħaġ’oħra li mpossibbli ninkludihom kollha hawnhekk. Il-grupp għandu għatx kbir għal aktar informazzjoni dwar il-kappelli tal-gżejjer tagħna u għalhekkSt. Lucia Chapel - Kerċem (Caroline Busuttil) huma jistiednu lil kull min jixtieq jgħaddilhom xi tagħrif sabiex jikkuntattjahom. Sostnew li huma jagħtu kreditu xieraq fis-sit tagħhom lil kull min jagħti xi tip ta’ kontribut. Sadanittant fit-22 ta’ Ottubru 2011 ser inkun qed nattendi għall-attività li huma qed jorganizzaw biex jiċċelebraw ir-raba’ anniversarju minn meta beda s-sit www.kappellimaltin.com

    “Għażilna li mmorru nduru dawra mal-kappelli ta’ Birkirkara, taħt il-gwida tas-Sur Philip Xuereb biex infakkru din l-okkażjoni. Sfortunatament setgħu jattendu biss 25 persuna u l-postijiet mal-ewwel inbelgħu. Però, jekk ikun hemm biżżejjed nies interessati biex norganizzaw xi attività oħra bħal din, aħna nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex nikkuntentawhom.”

    Għalaqt billi staqsejthom x’inhu l-iskop wara dan ix-xogħol u l-entużjażmu kollu?

    “L-iskop prinċipali tagħna huwa li nqajjmu l-interess fil-kappelli għax nemmnu li b’hekk tħajjar lin-nies biex imorru jarawhom. Imbagħad jekk in-nies isibu xi kappelli magħluqin, ser jaraw kif jagħmlu biex jiftħuhomlhom. U meta jirnexxielhom, jekk isibuhom f’kundizzjonijiet ħżiena, ser joħolqu pressjoni biex dawn jiġu rrestawrati. Dan iċ-ċiklu huwa l-għan aħħari tagħna sabiex ftit ftit dawn it-teżori ċkejknin tagħna jingħataw lura s-sbuħija u d-dinjità tagħhom mill-ġdid.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-23 t’Ottubru 2011)

    2011.10.23 / 4 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • TAĦRIĠ FIL-KURA TAS-SAĦĦA TAL-ANZJANI U D-DIMENSJA

    “Li kieku kont naf li ser ngħix daqshekk, kont nieħu ħsieb tiegħi nnifsi ħafna aħjar,” stqarr Mickey Mantle (1931 – 1995). “Matul ħajti kollha ġejt mgħallem kif nista’ mmut, imma qatt ħadd ma ħarriġni f’kif nixjieħ,” irrealizza Billy Graham li llum jgħodd it-93 sena. “Iż-żmien tax-xjuħija hija l-iktar ħaġa mhux mistennija li tista’ qatt tiġri lill-bniedem,” kiteb fid-djarju tiegħu Leon Trotsky (1879 – 1940) waqt li kien fl-eżilju. Irridu jew ma rridux, iż-żmien tax-xjuħija xi darba jew oħra ser jasal fuqna lkoll, għalkemm ngħiduha kif inhi, hemm min jibqa’ ma jaċċetta qatt dan il-fatt … “Għalija, iż-żmien tax-xjuħija huwa dejjem ħmistax-il sena aktar milli għandi jien,” ikkummenta Bernard M. Baruch 1870–1965.

    Il-bidu ta’ dan ix-xahar kien dedikat lill-anzjani u għalhekk kien tassew opportun meta waqt xi riċerka li kont qed nagħmel, iltqajt ma’ ktieb relatat li laqgħatni ferm – 100 women, 100 stories. Fih kienNathalie Briffa Farrugia hemm ir-rakkonti personali ta’ 100 mara li jgħixu fi djar differenti tal-anzjani f’Malta. Kull ġrajja qasira kienet bħal ritratt li jkopri snin sħaħ ta’ ħajja ta’ bniedem. Ħassejt li l-ktieb innifsu kien teżor etnografiku msejjes fuq il-kultura, l-istorja u t-tradizzjonijiet ta’ dawk l-anzjani li għoġobhom jaqsmu mal-qarrejja din l-informazzjoni direttament minn fommhom. Ma kellix dubju li ktieb bħal dan, kellu ħafna aktar warajh. U ma mortx imqarrqa! Infatti, meta ltqajt ma’ Nathalie Briffa Farrugia li hija l-moħħ wara dan il-ktieb u s-CEO ta’ CareMalta Group Ltd. u ma’ Charlo Bonnici li huwa l-HR u l-Marketing Manager tal-kumpanija, sibt ruħi wkoll niddiskuti l-qasam tal-anzjani u dak li qiegħed isir bħalissa biex jitjieb dejjem aktar is-servizz u l-kura li jingħatawlhom.

    “Illum hemm kategoriji differenti ta’ anzjani. Fejn fl-antik individwu ta’ 60 sena kien jingħadd bħala anzjan, illum wieħed tal-istess età jitqies bħala relattivament żgħir fis-settur tal-anzjani. Infatti nistgħu ngħidu li l-anzjani ta’ llum jitqassmu f’kategoriji li jibdew minn 60 sa 75 sena, għal 75 sa  85 sena u minn 85 sena l-fuq. Iżda xorta waħda ma tista’ qatt titfa’ lil kulħadd fl-istess keffa sempliċiment minħabba l-eta tiegħu,” fehmuni t-tnejn. “Ngħidu aħna riċentement tkellimna ma’ anzjana ta’ 100 sena li ċertament timpressjonak f’kemm għadha ċara fi ħsibijietha u fil-memorja tagħha. Sfortunatament imbagħad tiltaqa’ ma’ anzjani ferm iżgħar fl-età li minħabba l-kundizzjoni tad-dimensja lanqas jibqgħu jagħrfu lill-aktar għeżież qrib tagħhom.”

    Insistew li l-għarfien dwar il-kundizzjonijiet differenti li jistgħu jolqtu lill-anzjani tagħna huwa kruċjali mmens kemm għal min qiegħed jieħu ħsieb l-anzjani u kif ukoll għall-anzjani nfushom biex ikunu jistgħu jgħixu livell ta’ ħajja aħjar.

    “Kien b’dan il-għan li ddeċidejna li nħarrġu lill-istaff kollu ta’ CareMalta u mhux lill-care-workers biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-għarfien dwar il-bżonnijiet tal-anzjani. Ħassejna li peress li kulħadd b’xi mod jew ieħor ikun f’kuntatt ma’ l-anzjani li qegħdin fid-djar tagħna, kien ser ikun siewi li dawn isiru jafu aktar dwar dak li jistgħu jkunu għaddejjin minnu dawn l-individwi. Għalhekk introduċejna l-ħaddiema tagħna wkoll mas-sitwazzjonijiet li jgħixu l-anzjani li jbatu bid-dimensja u spjegajnilhom aktar dwar ir-realtà tal-ħajja ta’ dawn il-persuni, fejn uħud minnhom saħansitra jkunu qed jgħixu f’dinja għalihom, bosta drabi f’perjodi meta kienu ħafna iżgħar fl-età. Dan għen biex il-ħaddiema jkollhom attitudni aħjar ma’ dawn il-persuni hekk kif issa bdew jifhmu aħjar ir-raġunijiet wara ċertu mġieba. Setgħu jirrikonoxxu aktar per eżempju ċertu mumenti diffiċli jew partikolari li dawn l-anzjani jkunu għaddejjin minnhom: bħal ta’ dak l-anzjan li l-ħoss tal-lift tiela’ u nieżel beda jfakkru fil-gwerra u joħloqlu anzjetà kbira jew bħal ta’ dik l-anzjana li hekk kif rat libsa ħamra mixħuta fuq siġġu ftakret fil-libsa l-ħamra li darba kellha hi meta kienet żagħżugħa u f’dak il-ħin emmnet li kienet ferm iżgħar u telqet tiġri meta fir-realtà bilkemm kienet tiflaħ timxi.”

    Kien għalhekk ukoll li l-kumpanija CareMalta ħasbet biex toffri Outreach Programmes għal dawk li qegħdin jieħdu ħsieb lil xi ħadd fil-komunità.

    “Aħna nemmnu li l-anzjani aktar ma jgħixu fil-komunità tagħhom jkun ħafna aħjar għalihom għax bosta drabi l-bidla għall-ambjent ġdid toħloq skumdità fil-bniedem sakemm jidra l-post l-ieħor. Fl-istess ħin nafu wkoll illi dawk li jkunu qed jerfgħu r-responsabbiltà li jieħdu ħsieb l-anzjani, bosta drabi jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet u għalhekk ikollhom bżonn min jiggwidahom aħjar. Sikwit dawn il-laqgħat jolqtu kategoriji ta’ nies differenti. Ngħidu aħna fil-laqgħat li għamilna dwar id-dimensja attendew ukoll individwi li xtaqu biss jinfurmaw ruħhom dwar dan l-istat tal-ħajja u l-bidliet li jġib miegħu. Resqu wkoll għal dawn il-laqgħat ċerti anzjani stess li riedu jkunu mgħarrfa aħjar dwar dak li jista’ jinqala’ aktar il-quddiem.

    Sfortunatament ċertu kundizzjonijiet iġibu ħafna tbatija, kemm fl-individwu nnifsu li jintlaqat u anki fil-familjari li jkunu jridu jieħdu ħsiebu. Kultant ninnutaw kemm hu diffiċli li l-familjari jammettu li xi qarib tagħhhom qed ibati bid-dimensja, b’mod speċjali s-sieħeb jew is-sieħba tagħhom, li ma jkunux jistgħu jaċċettaw dak li l-individwu affetwat ikun għaddej minnu. Ġieli anki bejn l-ulied stess tal-persuna jibda jinħoloq id-diżgwid: b’xi wħud minnhom jintebħu bis-sinjali minn kmieni mentri l-oħrajn jibqgħu jassiguraw ruħhom li f’dik l-età huwa mistenni li l-anzjani jibdew jinsew ċerti affarijiet u jġibu ruħhom b’tali mod.

    Nisħqu li l-għarfien dwar din il-kundizzjoni huwa l-aktar arma importanti anki minħabba l-fatt illi jekk tinqabad fil-bidu tagħha, fil-preżent jeżistu mezzi kif wieħed inaqqas kemmxejn l-effetti tad-dimensja. Għaldaqstant bi ftehim ma’ numru ta’ kunsilli lokali, aħna qed immorru f’diversi postijiet sabiex inwasslu taħriġ u informazzjoni dwar xi oqsma tal-anzjani, fosthom dwar id-dimensja, lil dawk li qed jieħdu ħsieb lil xi anzjan fil-komunità tagħhom. S’issa dawn il-laqgħat saru fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Ħad-Dingli, il-Mellieħa, tas-Sliema, fil-Vittoriosa, fil-belt Valletta u f’San Lawrenz u x-Xagħra f’Għawdex. Il-laqgħat isiru mingħajr ħlas għal dawk li jattendu peress li jiġu sponsorjati mill-kunsilli lokali”

    Is-suċċess li kellhom permezz ta’ dawn il-programmi wasslu lill-kumpanija biex taħseb biex toffri wkoll korsijiet li jħarrġu individwi fil-qasam tad-dimensja.

    “Il-Magister Academy hija l-post fejn il-kumpanija toffri t-taħriġ tagħha. Għall-ewwel darba din is-sena ser inkunu qed noffru dan il-kors li tfassal u ġie liċenzjat lilna mis-City and Guilds u anki ġie kkonfermat mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni. Infatti CareMalta ser tkun waħda fost l-ewwel entitajiet fid-dinja li ser tkun qed tiftaħ dan il-kors. Il-kors ħa jkun imqassam f’żewġ partijiet: l-ewwel parti li tibda f’Ottubru se tkopri s-sezzjoni tad-Diploma in Awareness of Dementia, filwaqt li f’Jannar tkompli t-tieni parti li twassal għal Certificate in Dementia. L-attendenza għal dan il-kors hija ta’ darbtejn fil-ġimgħa mis-2:00pm sal-5:00pm. Ta’ min jiċċara li wieħed jista’ jagħżel li jattendi għall-kors kollu jew għall-ewwel parti biss.“

    Nathalie spjegatli kemm huwa importanti li jitħarrġu l-ħaddiema fil-qasam tad-dimensja speċjalment meta r-rata tal-anzjani li qed ibatu minn din il-kundizzjoni qiegħda dejjem tiżdied. Fl-istess ħin infurmatni illi dan il-kors mhux maħsub biss għal dawk li jixtiequ jaħdmu f’dan il-qasam.

    “Aħna qed nagħmlu dax-xogħol għax nemmnu li apparti li qed noffru servizz, qegħdin ukoll nikkontribwixxu lejn is-soċjetà, għax la l-ġenerazzjoni tagħna qed tixjieħ, naturalment ħa jkollna bżonn aktar nies imħarrġa f’dan il-qasam. Bħalissa f’Villa Messina, aħna għandna sezzjoni speċjalizzata fid-dimensja magħrufa bħala Marigold Unit fejn in-neċessitajiet ta’ dawk li għandhom din il-kundizzjoni jistgħu jiġu indirizzati bl-aktar mod professjonali. Iżda l-viżjoni tagħna hija li f’kull dar tal-anzjani jkun hemm diviżjoni speċjali tad-dimensja ħalli b’hekk inkunu nistgħu nilqgħu aktar nies li jkollhom bżonn l-għajnuna tagħna. Naturalment dan ifisser li ser ikollna bżonn aktar nies imħarrġa f’dan il-qasam. Madanakollu hemm uħud li jattendu għal dan il-kors minħabba li jkunu qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd fil-familja u jkunu jridu jafu aktar dwar dan is-suġġett. Oħrajn jagħżlu dan il-kors bħala parti mill-formazzjoni edukattiva tagħhom.”

    Fl-istess żmien, CareMalta se tkun qed toffri wkoll kors tas-City and Guilds li jwassal għal Diploma fil-Kura tas-Saħħa. Waqt id-diskussjoni tagħna ħareġ illi dawk li jlestu b’suċċess dan il-kors, ikunu kkunsidrati biex jaħdmu bħala care-workers mal-kumpanija.

    “Anki dan il-kors huwa diviż f’żewġ partijiet u mis-sena li għaddiet, kull min japplika għal dan il-kors qed jiġi offrut ukoll li jattendi għal traineeship fejn wieħed apparti t-teorija, jkun jista’ jieħu wkoll esperjenza ta’ dan ix-xogħol. Forsi tajjeb li niċċaraw li dawn l-individwi jkunu qed jaħdmu fid-djar tagħna fis-shifts normali tax-xogħol. Biex it-taħriġ ikun aktar effettiv, dawn l-individwi jkollhom il-moniteraġġ ta’ mentor li jkun qiegħed jara li x-xogħol qiegħed jitwettaq kif suppost. Finalment, dawk li jlestu l-kors b’suċċess jistgħu jiġu offruti kuntratt ta’ xogħol ma’ CareMalta.”

    Id-diskors dar għal fuq il-ktieb 100 women, 100 stories, li minnu bdiet l-idea għal din l-intervista. Kelli kurżità dwar x’wassal għall-pubblikazzjoni tiegħu?

    “85% tal-ħaddiema ta’ CareMalta huma nisa u għalhekk il-kumpanija f’Jum il-Mara dejjem torganizza attività sabiħa fejn il-ħaddiema nisa  jkollhom l-oppotunità li jiltaqgħu kollha flimkien. Ġara li s-sena li100 women, 100 stories għaddiet, hekk kif konna miġburin, qsamt ħsibijieti ma’ sħabi fejn urejthom bl-idea tiegħi li noħolqu xi ħaġa biex is-sena ta’ wara nkunu nistgħu niċċelebraw b’mod speċjali ċ-ċentinarju ta’ dan il-Jum. Kelli ħafna ideat, fosthom li niġbru 100 ritratt tan-nisa li għandna fid-djar tagħna jew li niġbru 100 storja tagħhom. Janet Silvio, waħda mill-managers tagħna ħatfitni fil-kelma u għarrfitni li kienet lesta li tieħu ħsieb hi dan il-proġett.

    Matul sena sħiħa hija ltaqgħet ma’ 100 mara differenti li lkoll irrakkuntawlha mumenti mqanqla minn ħajjithom. Janet innifisha stqarret li dawn kienu mumenti maġiċi li fasslu esperjenza li mhi ser tinsa qatt hekk kif ftit ftit il-ktieb beda jinbena. Kien mezz kif nagħtu ġieħ lil dawn l-anzjani tagħna billi niġbru tifkiriethom u naqsmuhom mal-oħrajn sabiex ma jintesewx. Meta l-ktieb kien lest, kien mument intensiv u sabiħ ferm għal dawk kollha li kienu nvoluti. Diffiċli tinsa r-reazzjoni ħelwa tal-100 anzjana li taw sehemhom f’dan il-ktieb, hekk kif ġurnata minnhom laqqgħajnihom u tajnihom kopja kull wieħed ta’ dan il-ktieb. Kienu kburin ħafna bih u hekk kif kull storja ngħatat isem partikolari, ridt tara l-entużjażmu u l-kurżità ta’ kull waħda minnhom, hekk kif bdew iqallbu l-paġni tal-kotba biex jaraw il-ġrajja tagħhom x’ġiet intitolata!

    Nemmen li dan il-ktieb huwa parti mir-rikkezza tal-kultura Maltija hekk kif juri biċ-ċar dak li għaddew minnu dawn in-nisa u l-familji tagħhom matul iż-żmienijiet. Tara l-esperjenzi sbieħ tagħhom u d-diffikultajiet li għaddew minnhom u titgħallem tirrispetta l-kuraġġ li ħafna għexu bih. Personalment minn dawn il-ġrajjiet innutajt li dawk in-nisa li f’żogħżithom qasmu r-responsabbiltà tax-xogħol ma’ żwieġhom u allura kienu kemmxejn aktar indipendenti, mal-milja taż-żmien, hekk kif dawn sabu ruħhom weħidhom għax is-sieħeb tagħhom ġie nieqes, kienu kapaċi jfendu ħafna aktar minn dawk li dejjem iddependew mir-raġel fil-ħajja tagħhom. 100 women, 100 stories huwa ktieb miktub b’mod sempliċi ħafna imma li jolqtok. Huwa ħolma tiegħi li saret realtà. Bla dubju għandu jinteressa lil dawk il-familjari kollha ta’ dawn il-mitt anzjana imma mhux biss. Hemm ħafna x’wieħed jista’ jieħu minnu.”

    CareMalta toħroġ ukoll rivista bl-isem ta’ Carenet fejn fiha jkun hemm għadd ta’ artikli interessanti dwar diversi oqsma tal-anzjani, fosthom dwar id-dimensja. Kull min huwa interessat li jirċievi l-ħarġa li jmiss, li ser toħroġ f’Jannar/Frar li ġej, għandu jikkuntattja lill-kumpanija fuq 22584200. Aktar tagħrif dwar il-korsijiet jista’ jinġabar ukoll minn CareMalta Group Ltd, The Three Arches, Valletta Road, Mosta jew permezz tal-email: info@caremalta.com, inkella mill-website www.caremalta.com

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-16 t’Ottubru 2011)

    2011.10.16 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IL-MUŻEW TAL-ISTORJA NATURALI… minn wara l-kwinti

    “Għandek tkun taf li l-esebiti li jkunu esposti għall-pubbliku fil-vetrini tal-mużewijiet huma biss nitfa mill-kollezzjonijiet kollha li jkollhom,” qalli ftit ilu John Joseph Borg, Speedy Gonzalesil-Kuratur Prinċipali tal-Mużew tal-Istorja Naturali, filwaqt li stedinni biex xi darba nsib ftit ħin ħalli nitla’ nagħti titwila lill-kollezzjonijiet ta’ referenza tal-mużew tiegħu. U kif tista’ tgħid le għal stedina bħal din? Inqisha bħala xorti kbira din li f’pajjiżna għandna kuraturi li jafu jilqgħu daqstant lil kull min juri interess fil-mużew tagħhom. Meta tlajt dil-ġimgħa, ma kontx naf x’ser insib imma żgur li qatt ma bsart li fost il-kollezzjonijiet kellu fellus b’erbgħa saqajn jew qattus b’żewġt irjus! Ma naqsux lanqas xi ġrajjiet interessanti ta’ kif dawn il-kollezzjonijiet sabu ruħhom hemm ġew…

    “Parti mill-kollezzjonijiet li ser nurik inġabru madwar 100 sena ilu meta kien għad hawn il-mużew nazzjonali l-antik li kien jinsab fejn illum hemm l-uffiċini tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. Il-mużew nazzjonali ta’ dak iż-żmien kien jinkorpora fih għadd ta’ kollezzjonijiet varji: is-sezzjoni tal-arkeoloġija kellha bħala direttur u kuratur lil Temi Zammit, dik tal-arti kellha lil Vincenzo Bonello u n-naħa tal-istorja naturali kellha lil kuratur Ġużeppi Despott. Barra minn hekk, għall-perjodu qasir ta’ 3 snin, is-sezzjoni tal-minerali kellha kuratur għaliha, li kien ukoll sidha, Louis Mizzi. Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija dawn il-kollezzjonijiet tneħħew minn dan il-post u tqassmu f’inħawi differenti, fejn fosthom il-materjal tal-istorja naturali sab ruħu jistkenn f’Casa Leone ġewwa Santa Venera.

    Fl-1966 ġie deċiż li dan il-palazz fl-Imdina jibda jħaddan fih il-kollezzjonijiet tal-istorja naturali imma kien biss fl-1969 li bdew deħlin l-ewwel oġġetti. Sfortunatament, minħabba l-perjodu twil li dawn il-kollezzjonijiet għamlu magħluqa, tlifna ħafna mid-dokumentazzjoni li dawn l-oġġetti kellhom magħhom hekk kif il-kamla daret għalihom waħda u sew. Eventwalment, fit-22 ta’ Marzu 1973 dan il-Mużew tal-Istorja Naturali nfetaħ għall-pubbliku.”

    Bdejna mexjin matul il-kurituri antiki li jagħtu għal fuq il-bitħa tal-palazz. Minn hemm stajt nara numru ta’ individwi japprezzaw l-arkitettura tal-binja u jiġbdu r-ritratti. Grupp ieħor ta’ turisti kienu qed jisimgħu l-gwida tgħaddilhom l-informazzjoni dwaru. Madanakollu inkeddejt mhux ftit meta John spjegali li l-biċċa l-kbira ta’ dawn in-nies jaslu biss sa din il-bitħa u ma jidħlux jaraw il-kollezzjonijiet!

    “Għadna sal-ġurnata ta’ llum niftħu kaxxi li ma nafux sewwa x’fihom,” kompla John hekk kif fetaħ l-ewwel bieb sabiex nibda ż-żjara ‘minn wara l-kwinti’ kif sejħilha hu. “Bħalissa għaddejjin minn fażi ta’ Xkaffar modern għall-għasafarriorganizazzjoni sħiħa fil-mużew, kemm min-naħa tal-kollezzjonijiet u kif ukoll min-naħa tad-displays. Fosthom qed naraw l-ispazju li għandna disponibbli għalina sabiex nippjanaw kif nistgħu nutilizzawh bl-aħjar mod, kemm fit-tqassim tad-displays ġodda li ser ikollna għall-pubbliku u kif ukoll għal dawn il-kollezzjonijiet ta’ referenza.”

    Intbaħt li l-kuratur ma kienx qed jirreferi għall-kollezzjonijiet bħala “riservati” imma bħala “riferenzjali”.

    “L-iskop ta’ dawn il-kollezzjonijiet huwa sabiex l-istudenti u r-riċerkaturi jkunu jistgħu jagħmlu l-istudji neċessarji fuqhom. Ikun inutli jekk jibqgħu fil-vetrini jew fil-kaxxi fejn kienu. Infatti bi pjaċir ngħid illi jkollna domanda sabiħa minn diversi studenti barranin, li jibdew minn livell ta’ baċellerat u jibqgħu telgħin sa dottorat, sabiex jiġu jwettqu xi riċerka fuqhom. Riċentement kelli madwar 23 student li ġew minn madwar id-dinja kollha biex jistudjaw u anki biex jgħinu fix-xogħol li jirrikjedu kollezzjonijiet bħal dawn.  Nixtieq li nista’ ngħid l-istess għall-istudenti Maltin.”

    Sikwit jiġini d-dubju li forsi l-Maltin mhumiex daqshekk konxji li f’dawn il-mużewijiet, apparti li jistgħu jitgħallmu ħafna, jistgħu wkoll jgħinu fit-tindif u fit-tqassim tal-Kollezzjoni ta' bajd tal-għasafarispeċi u kif ukoll fil-manteniment tad-database tal-kollezzjonijiet. Ċertament, għal min għandu għal qalbu dan is-suġġett, din hija opportunità mill-aqwa biex ikun jista’ jmiss b’idejh u jifli sewwa dawn l-ispeċi differenti li wħud minnhom jaslu lura saħansitra sal-era glaċjali! M’hemmx bżonn li wieħed ikun espert biex jersaq jagħti daqqa t’id. Skont il-kuratur, l-importanti li wieħed ikun dedikat u li jkollu daqsxejn tal-paċenzja biex jagħmel ix-xogħol b’reqqa.

    “Hanwhekk dħalna fis-sezzjoni tal-konkoloġija, jew kif jafuha ħafna, tal-bebbux. Fil-preżent dawn il-kollezzjonijiet li wħud minnhom imorru lura aktar minn 100 sena, qed jiġu rranġati, stivati u anki ri-identifikati fid-displays ġodda li nxtraw għalihom. Dan ix-xogħol qiegħed isir bl-għajnuna ta’ erbgħa voluntiera pensjonanti li huma wkoll erbgħa awtoritajiet fil-qasam tal-bebbux hekk kif kollha kitbu xogħolijiet mill-iprem dwar il-bebbux ta’ Malta. Għaldaqstant, Paul Sammut, Charles Sammut, Charles Cachia u Costantino Mifsud qed iwettqu xogħol mitqlu deheb sabiex ir-riċerkaturi tal-bebbux ikollhom preżentazzjoni mill-aqwa tal-ispeċi lokali tagħna.”

    F’armarji mdaqqsa, f’kexxun wara l-ieħor, John urieni l-kollezzjonijiet imqassma b’ordni kbira li bla dubju jolqtu l-għajn; xi ħaġa li innutajt anki fil-bqija tal-materjal li wrieni fil-kmamar l-oħra.

    “Din hija l-parti tal-paleontoloġija jiġifieri tal-fossili. Fossila tista’ tkun fdal ta’ pjanta, annimal jew anki xi marki tas-saqajn bħal ta’ xi dinożawru jew tal-bniedem antik. Iridu jgħaddu mill-inqas miljunFossili tal-ħut sena biex tifforma fossila! Innota din ir-rizza per eżempju, meta l-partijiet ta’ ġewwa tmermru biż-żmien, il-vojt li tħalla ntela’ bir-ramel u hekk kif dan ibbies, ħa l-forma tar-rizza minn taħt u b’hekk l-ispeċi tinbidel f’ġebel. Issa ara din ir-rizza l-oħra, għalkemm għad fadlilha l-qoxra, jekk tittawwal fuq ġewwa tinduna li anki hi mimlija bir-ramel. Finalment permezz tal-ġebel li fih issib il-fossili, tkun tista’ tagħraf f’liema perjodu għexu dawn l-ispeċi u allura bejn wieħed u ieħor kemm għandhom żmien.

    Fl-istess sezzjoni insibu wkoll l-għadam ta’ annimali li sibna f’ċerti siti kwoternali glaċjali bħal Għar Dalam. Irrid niċċaralek li dawn mhumiex fossili imma għadam. Dawn huma vertebrae ta’ balena li nstabu fil-blat lokali. Din hija għadma ta’ għasfur li għex fi żmien il-Plejstoċene, filwaqt li din l-għadma kbira hija parti minn id ta’ hippopotamu li nstab f’Għar Dalam,” kompla jispjegali hekk kif tani l-għadma f’idi biex naraha aħjar u anki biex niżen it-toqol tagħha.

    Nistqarr li ċ-ċans uniku li tmiss b’idejk ħwejjeġ bħal dawn jagħtik sodisfazzjon inkredibbli. Tħajjart nistaqsi lil kuratur x’japprezza l-aktar, jekk hux fossila jew għadma?

    “Jiddependi xi nkun qed nistudja dak il-ħin. Mela biex infehmek aħjar, din hi biċċa qrun ta’ ċerva tal-era glaċjali. Issa biex jiena nagħraf aħjar liema speċi ta’ ċerva kienet, jeħtieġ li nagħmel riċerka dwarWaqt riċerka entomoloġika żewġ speċi partikolari: ir-red deer u l-fallow deer. Skont ta’ liema minn dawn joħroġ li hu dak il-qrun, toħroġ ukoll l-interpretazzjoni ta’ l-oriġini ta’ din iċ-ċerva. Dan għaliex fiż-żmien neolitiku nafu li l-fallow deer kienet ġiet domestikata u trasferita f’diversi gżejjer, hekk kif il-bnedmin ħaduhom magħhom meta marru jokkupaw artijiet differenti. Biex tasal għal soluzzjoni teħtieġ l-eqdem għadma li tista’ ssib sa l-iktar waħda riċenti, anki biex tkun tista’ ssegwi l-bidliet fl-evoluzzjoni ta’ dak l-annimal partikolari. Ma tista’ qatt toqgħod fuq eżempju wieħed jew tnejn għax inti jaf ikollok kampjun abnormali, li ma jkunx bħall-oħrajn. Każ relevanti huma l-għadam tal-annimali ċkejkna li sibna f’Għar Dalam. Qatt ma stajna nikkonkludu li kellna speċi ta’ annimali pygmies li kieku ma sibniex mijiet ta’ għadam li kollha juru l-istess tendenzi.”

    Kexxun miżgħud bis-snien tal-klieb il-baħar huwa fost l-aktar imfittex mir-riċerkaturi barranin, hekk kif din l-ispeċi tolqot il-kurżità ta’ ħafna. John spjegali kif mhux darba u tnejn li l-mużew lokali jibgħat xi kampjuni lil mużew ieħor barrani biex dawn jiġu studjati hemmhekk. L-istess jiġri anki bil-kuntrarju. Staqsejtu kif dawn il-kollezzjonijiet isibu ruħhom hemm ġew?

    “Bħala proċedura tal-mużew, aħna qatt ma nistgħu mmorru naqbdu xi speċi aħna biex inżommuhom għandna. Apparti li kif diġà semmejtlek, writna bosta kollezzjonijiet antiki mill-mużew ta’ qabel, minn żmien għal żmien jaslulna wkoll diversi donazzjonijiet mill-pubbliku in ġenerali u kultant anki minn mużewijiet barranin.

    Ara din waslitilna riċenti mingħand id-dentist Dr Zammit fejn ġabilna l-kollezzjoni personali tiegħu ta’ baħriji u friefet li kienet miżmuma tajjeb ferm u dokumentata kif suppost. Din kollezzjoni oħra li waslitilna mingħand riċerkatur li kien qed jistudja l-ispeċi tar-red palm weevil. Imbagħad din hija kollezzjoni ta’ pjanti li għaddilna tabib liema speċi huwa ġabar meta kien qed jagħmel l-istudji tiegħu fil-mediċina.”

    John urini wkoll il-kollezzjoni kbira ta’ Dr Carmelo de Lucca li kien ukoll kuratur tal-post u oħra ta’ ċertu Lanfranco. Spjegali kif mhux il-kollezzjonijiet kollha jaslu mqassmaSusa tal-lanġas fil-kxaxen tagħhom. Uħud jidħlu f’kaxxi differenti mdawwra bil-ġablo iżda mbagħad fil-mużew, dawn il-kollezzjonijiet jitnaddfu u jitqassmu skont l-ispeċi tagħhom filwaqt li jiġu kkatalogatizzati bin-numri u r-ritratti tagħhom.

    “Aħna ninsistu ħafna li min għandu xi kollezzjonijiet minn dawn u ma jafx x’ser jagħmel bihom, il-mużew dejjem lest biex jilqagħhom għandu ħalli jagħni aktar il-materjal tiegħu maħsub għar-riċerka.”

    Fil-kamra tal-entomoloġija l-insetti huma impressjonanti wisq: uħud sbieħ u kkuluriti bħal friefet u l-baħriji, oħrajn mhux daqstant, bħall-ħanfus li waħda minnhomIl-baħrija b'ras ta' mewt għoddha qajmitli ġismi xewk xewk u l-baħrija death head moth li aktar mid-diżinn tar-ras ta’ mewt li għandha fuq daharha, werwirni l-qies tal-kobor tagħha! Nistqarr li għalkemm ħassejt qalbi tingħafas meta rajt il-friefet wara l-ħġieġa, ma kellix l-istess reazzjoni għall-insetti l-oħrajn.

    “Ħafna nies meta ngħidilhom li din il-ħanfusa hi Maltija ma jemmnuniex. Dik mhiex ħlief is-susa tal-lanġas. Rigward il-baħrija l-oħra nista’ ngħidlek li mhux lilek biss iddejjaq. Biss biss nista’ nsemmilek meta darba kelli mmur ma’ pulizija ġo dar ta’ persuna li tgħidx x’għamlet meta sabet waħda ġo kamra minnhom u ċemplet għall-għajnuna biex jinħareġ dak l-insett minn hemm.”

    Imxejna għall-aħħar żewġt ikmamar li jħaddnu fihom l-ispeċi tal-għasafar. U proprju għaliex l-għasafar huma wisq għal qalb John, il-kuratur stqarr li fir-realtà dawn il-kollezzjonijiet iqanqlulu ħafna emozzjonijiet ta’ dwejjaq u rabja.

    “Hawnhekk hawn ħames freezers b’madwar elf għasfur li ġew ikkonfiskati mill-pulizija, fosthom numru ta’ ċikonji li nqatlu f’Mejju li għadda.”

    Hija ħasra kbira u tal-mistħija li tara din il-qerda kollha b’għajnejk: isqra, flamingos u għadd ta’ għasafar oħra li spiċċaw qabel żmienhom inutilment! Fil-kamra l-oħra, esebiti John Joseph Borgfi xkaffar modern għall-aħħar, John fetaħli xkaffa wara l-oħra mimlija b’għasafar ta’ kull xorta li wkoll messhom l-istess destin. Il-ġmiel tagħhom akkost li kienu mejta, kien għadu jitlob rispett. Ikolli ngħid li ħassejtni daqs naqra meta qrobt lejn ajkla kbira ferm b’dik il-ħarsa mkabbra u l-atteġġjament maestuż tagħha. Rajt anki l-barbaġann li llum spiċċa għal kollox minn pajjiżna. Flejt għasafar li qatt ma rajt bħalhom qabel, fosthom is-slender billed curlew li probabbilment, skont il-kuratur, illum huwa għasfur estint hekk kif seħħ xi ħaġa fil-postijiet fejn ibejjtu fis-Siberja u ilhom madwar 10 snin ma jirrikordjaw id-dehra ta’ wieħed minnhom.

    “Inħoss dwejjaq kbar meta nara dawn l-għasafar ibbalzmati. Biex tifhimni aħjar nista’ nirrakkuntalek każ klassiku li seħħ madwar sentejn ilu. Konna qattajna lejl sħiħ fuq l-irdumijiet biex nirringjaw il-friegħ tal-garnija u biex inwaħħlulhom is-satellite tags. Tliet siegħat wara, dħalt għax-xogħol u nirċievi telefonata mingħand il-Mepa biex tinfurmawni li kienet ser tasal konsenja ta’ għasafar konfiskati. Tista’ timmaġina kif bqajt meta l-ewwel żewġ għasafar li tawni f’idi kienu proprju żewġt ifriegħ tal-garnija! Ma stajtx inneħħi minn quddiem għajnejja li ftit tal-ħin qabel proprju dawn it-tnejn setgħu kienu wħud mill-għasafar li kienu qegħdin fuq rasi u f’ħoġri, jiftħu u jperpru ġwinħajhom lesti biex jitilqu. X’jibqa’ fik meta mbagħad tarahom mejtin f’idejk, b’saqajhom maqtugħin biex jeħdulhom dak li waħħalnilhom aħna bħala rikordju?”

    Ħallini bla kliem u mn’Alla li kien għad fadal is-sezzjonijiet l-aktar kurjużi ħalli nibdlu ftit l-atmosfera. Fost dawn, l-aktar oġġetti kurjużi kienu fellus b’erbgħa saqajnThomistoma gaudensis - ras ta' kukkudrill estint affetwożament magħruf bħala Speedy Gonzalez, ras ta’ skeletru ta’ kukkudrill estint tal-ispeċi thomistoma gaudensis li nstab f’Għawdex, qattus b’żewġt irjus, kelb ta’ San Bernard u anki basking shark twil 6 metri!

    Akkost li John iddedikali ħafna ħin biex indur ma’ dawn il-kollezzjonijiet, ma lħaqtx rajt kollox għax l-għadd ta’ speċi li hemm huwa kbir wisq. Iżda l-kuratur spjegali li darba f’sena huwa jorganizza ġurnata sħiħa biex fiha joqgħod idawwar lin-nies ma’ dawn il-kollezzjonijiet li mhux soltu jkunu esposti għall-pubbliku. Ċertament okkażżjoni oħra li mhux ta’ min jitlifha.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 ta’ Settembru 2011)

    2011.09.18 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • DAK L-ELEMENT TA’ UNIĊITÀ

    F’dinja fejn ħafna donnhom jippruvaw jimitaw moda jew mit biex finalment jispiċċaw qishom kopji sbieħ ta’ xulxin, jispikka u jiġi apprezzat ħafna iżjed dak l-individwu liVictoria Theuma jfittex li jkun differenti mill-oħrajn. U bl-istess mod, f’dinja teknoloġika fejn il-magni kapaċi jagħmlu eluf ta’ oġġetti perfetti u simili fi ftit tal-ħin, tixgħel aktar u aktar dik il-kapaċità ta’ biċċa xogħol unika maħduma bl-idejn. F’tal-aħħar, personalment jiġbidni l-ħsieb li bniedem poġġa bil-qiegħda u sawwar xi ħaġa fil-gosti tiegħu u bl-immaġinazzjoni tiegħu. F’kelma waħda, nifhem li meta nkun qed takkwista xi ħaġa maħduma bl-idejn, inkun qed nikseb ukoll parti mill-ħsibijiet u l-ideat ta’ dak l-individwu. “Kull oġġett li nagħmel ikollu parti mill-personalità tiegħi,” ikkonfermatli Victoria Theuma, id-diżinjatriċi tal-ġojjelli li kellimt dil-ġimgħa.

    Skoprejt it-talent ta’ Victoria b’kumbinazzjoni waqt li kont qed indur fil-Facebook. L-ewwel ma laqtuni kienu r-ritratti sbieħ li hi tħobb tiġbed tal-ġojjelli tagħha, tant li l-ewwel darba li rajthom, waqaft għal ftit tal-ħin biex nifli t-teknika tal-fotografija. Imbagħad għajnejja bdew jiffukaw aktar fuq l-oġġetti nfushom li kienu qed jidhru fir-ritratti u rrealizzajt kemm kienu partikolari u kreattivi. L-idea għal din l-intervista nħolqot hekk kif intbaħt li dawk il-ġojjelli kienu kollha maħduma bl-idejn. Ma stajtx nirreżisti milli niltaqa’ mal-persuna li kienet taħdimhom.

    Iltqajna d-dar tagħha, proprju fil-kamra fejn hi tħobb toħloq dawn il-ġojjelli tant għal qalbha. Moħbija fil-kxaxen u magħluqa f’diversi kaxxi, Victoria stqarret li kellha għadd kbir ta’ affarijiet lesti biex jagħmlu parti minn xi ġiżirana, brazzuletta, misluta… eċċetra eċċetra.

    “Ġieli nixtri xi ħaġa u ddum hemmhekk ix-xhur u mbagħad inkun qed inqalleb u nsibha u ngħid ill-aħwa, x’nagħmel biha din! L-istess ġieli jiġrili bid-diżinji li nħażżeż fl-Brazzuletta 2isketch books tiegħi hekk kif tiġini xi idea interessanti u npinġiha malajr ħalli ma ninsihiex. Imma sikwit jgħaddi ż-żmien minn fuqhom u għal xi raġuni jew oħra, ma nagħmel xejn bihom sakemm fl-aħħar tiġi dik il-ġurnata meta niddeċiedi li nagħti l-ħajja lil xi diżinn minnhom u allura nintefa’ hawnhekk, nifrex qabda oġġetti quddiemi u noqgħod inqabbel il-materjali, il-kuluri, il-perli, il-ħġieġ, il-buttuni, iċ-ċfuf u mitt ħaġ’oħra, u nieqaf biss meta fl-aħħar noħloq kumbinazzjoni oriġinali bihom.”

    Meta sirt naf minn fejn iġġib ċerti materjali biex taħdem bihom, ikolli ngħid li aktar inġbidt lejn ix-xogħol ta’ Victoria.

    “Ikun hemm mumenti meta niltaqa’ ma’ xi ħaġa interessanti b’kumbinazzjoni, bħal meta nkun qiegħda f’xi suq inħuf għal xi ħaġa individwali u jolqotni xi oġġett. Per eżempju darba minnhom ħadt grazzja ma’ kikkra u plattina tal-porċellana żgħar li jilgħabu bihom it-tfal u meta ħadthom id-dar, ommi qaltli li meta kienet żgħira hi, min jaf kemm lagħbet b’settijiet bħalhom! Minn dawn ir-rakkonti tagħha, ġietni l-idea li nagħmel xi ħaġa bl-isfond ta’ l-istorja ta’ Alice in Wonderland. Kont ilni ffissata li rrid noħloq xi ħaġa bit-tema ‘Down the rabbit hole’ u għalhekk bnejt din il-headband fuq il-karattru tal-Mad Hatter: bil-kikkra u l-plattina mwaħħla fuq u mżejjna b’xibka li tintuża għall-kpiepel.

    Ikun hemm drabi oħra meta mmur f’xi ħwienet li jbiegħu l-antikitajiet u hemm insibilhom xi ġojjelli ta’ valur imma li forsi jkunu nkisru jew tqaċċtu xi ftit, u jiena nuża ż-żibeġ u l-perli singulari tagħhomGizirana 1 sabiex nagħti dik il-laqta unika lix-xogħolijiet tiegħi. Xi minn daqqiet insib ukoll xi ġojjelli partikolari f’xi ħwienet li jbiegħu dawn l-affarijiet u jkolli nixtri ġiżirana sħiħa għax tolqotni xi żibġa minnhom. Sfortunatament, ċerti stili jew qisien ta’ żibeġ jew perli, ma ssibx tixtrihom bil-wieħed u għalhekk ikolli nixtri l-ornament sħiħ u mbagħad nieħdu d-dar, nifirdu, u nieħu dak li jkolli bżonn, sakemm xi darba nsib użu wkoll għall-biċċiet l-oħra.

    Imbagħad ġraw każi fejn il-materjal sabni hu flok sibtu jien… bħal meta dan l-aħħar kont qiegħda nilgħab f’bajja mat-tifel u hekk kif ħfint ir-ramel f’idi u ħarist lejh, ilmaħt għadd ta’ ħġieġ żgħir ikkulurit u għedt “Hawn aħna! Ġejja idea oħra!”

    Napprezzahom ferm nies bħal dawn li jirnexxielhom jibdlu ħafna mill-esperjenzi ta’ ħajjithom f’mumenti maġiċi. Infatti, l-idea biex tibda tagħmel dawn il-ġojjelli, seħħet madwar sena ilu, meta Victoria kienet wieqfa mix-xogħol tagħha bħala għalliema tal-Ingliż, peress li kellha l-ewwel tarbija tagħha.

    “L-affarijiet kreattivi minn dejjem kienu jinteressawni. Jiena ġejja minn familja ta’ ħajjata: in-nanna kienet tħit il-ħwejjeġ għat-tiġien u ommi hija ħajjata kapaċi ħafna wkoll, apparti li oħti, Fiona Vella, hi Imsieletdiżinjatriċi tal-ħwejjeġ. Ta’ 11-il sena, ommi kienet diġà qed tgħallimni nħit il-ħwejjeġ tiegħi u b’hekk stajt insostni l-gosti tiegħi li sikwit kienu jvarjaw minn dak li jkun hemm għall-bejgħ fil-ħwienet. Għall-ewwel bdejt bil-ħwejjeġ; meta ma kontx insib xi ħaġa li togħġobni, kont inħitha. Wara dort għall-ġojjelli, fejn kont nixtri xi ġiżirana jew imsielet, inneħħilhom xi żibeġ milli jkollhom u nibdilhom ma’ oħrajn, sempliċiment biex ikunu differenti mill-bqija.

    Dan il-passatemp li nagħmel il-ġojjelli ħa l-ewwel forma tiegħu madwar sena ilu meta darba kelli bżonn ġiżirana partikolari u ma stajt insib imkien bħala hawn Malta. Kont diġà ntfajt infittex fuq l-internet meta ħabta u sabta ġietni l-idea li nipprova nagħmilha jien. Għalhekk bdejt infittex iż-żibeġ li kelli bżonn, irriċerkajt ftit fuq l-internet dwar kif isiru dawn l-affarijiet u x’għodda u materjali jintużaw, ordnajt kwantita’ varja ta’ żibeġ biex ikolli biex nibda u bdejt nesperimenta. Imbagħad ħaġa ġġib lill-oħra sakemm illum wasalt biex dawn il-ġojjelli ma nagħmilhomx għalija biss imma bnejt anki klijentela sabiħa.”

    L-oriġinalità hija element kruċjali ħafna fil-ħajja ta’ Victoria.

    “Iddejjaqni dik li tkun liebsa xi ħaġa, speċjalment waqt xi okkażjoni, u tara lil xi ħaddieħor liebes eżatt l-istess ħaġa bħalek. U huwa għalhekk li ħafna mill-ġojjelli li nagħmelBrazzuletta arlogg 1 ikunu ‘one of a kind’, jiġifieri naħdimhom darba u daqshekk, tant li lanqas kopja għalija ma nerġa’ nagħmel jew inżomm. Ħalliha li mbagħad issib lil xi ħadd li jaqbad u jikkupjak u joħloqlok problema. Imma! Però anki dawk il-ġojjelli li nagħmel aktar minn kopja waħda bħalhom, ma nagħmilx aktar minn għaxra l-istess, sabiex dejjem inżomm dak iċ-ċertu livell, dik l-uniċità li tant ngħożż.”

    Xtaqt inkun naf x’jispiraha u jekk għandiex xi stil partikolari?

    “Kollox jispirani u għall-kuntrarju ta’ ħafna diżinjaturi tal-ġojjelli li jkollhom stil wieħed, jiena ma nħossx li għandi xi linja speċifika li nżomm magħha. Anzi! Min-natura tiegħi stess, jiena persuna li ħobb nibdel sikwit u għaldaqstant il-ġojjelli li nagħmel huma versatili wkoll. Dan hu evidenti ħafna mill-albums varji li għandi fuq il-facebook fejn ir-ritratti juru t-temi diversi li nitratta. Ngħidu aħna ‘Pearls and high heels’ huma ġojjelli eleganti iddiżinjati għal xi okkażjoni, mentri ‘Girls just wanna have fun’ huma sajfin u ikkuluriti.

    Nistqarr li nippreferi l-aktar il-ġojjelli magħmula kbar għax it-toqol tagħhom jagħtini dik l-emozzjoni individwali ta’ preżenza meta nilbishom. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju, bħalissa qed nesperimenta b’ġojjelli li ż-żibeġ tagħhom qed naħdimhom jien stess mill-karti kkuluriti tar-rivisti u għalhekk dawn huma ħfief ħafna.

    Il-muża kollox! Biex nagħtik eżempju, dan is-sajf xtrajt qabda ward ta’ qisien differenti għax xtaqt noħloq tema tar-rebbiegħa u anki xi ftit sajfija bihom. Però mbagħad fl-istess ħin kont qiegħda f’ħanut uBrazzuletta għoġbuni xi blalen magħmulin mill-feltru u għalhekk sibt ruħi qed naħdem ukoll imsielet pjuttost xitwin.”

    L-għan ta’ Victoria huwa ċar u sempliċi. Hi tkun tixtieq li dawk li jogħġobhom jixtru l-ġojjelli tagħha jkunu jistgħu jgawdu minn dik ix-xi ħaġa unika li mhux ser isibu fil-ħwienet. B’xogħolijietha tkun trid iddewwaqhom dik il-benna ħelwa ta’ xi jfisser li jkollok fil-pussess tiegħek xi ħaġa li ġiet maħduma għalik biss u li b’hekk meta tkun qed tilbisha, tagħżlek mill-bqija.

    “Huwa għalhekk li meta nkun qed nibni ġojjell, ma mmur qatt għall-kumbinazzjonijiet ovvji li kulħadd kapaċi jagħmilhom. Ngħidu aħna ma nagħżilx kuluri kumplimentari u minflok immur għal dawk li joħolqu kuntrast. L-għażla tal-ġojjelli hija importanti ħafna għax jiena nemmen li dawn jirrakkuntaw xi ħaġa dwar il-karattru u l-personalità ta’ dawk li jilbsuhom.”

    Mhux il-ġojjelli kollha jixirqu lil kulħadd. Skont Victoria dan jiddependi ħafna mill-forma tal-wiċċ u l-għonq tal-persuna u mill-komportament ta’ kull individwu. Dan skoprietu ngħidu aħna meta marret biex tagħmel il-ġojjelli għal Stephanie Zammit, il-kantanta tad-diska Moondance mal-Baklava.

    “L-ewwel nett kelli d-diffikultà li ridt naħdem fuqhom fi żmien qasir imma Stephanie hija ħabiba kbira tiegħi u xtaqt naqdiha ħafna. Barra minn hekk, minħabba li dawn il-ġojjelli kienu ser jintlibsu għall-Il-brazzuletta ta' Moondancefuq il-palk, waqt il-finali tal-Eurosong, kien mistenni li jkunu kemm jista’ jkun oriġinali. It-tajba hi li ċerti disinji malajr timmaġinahom u tpinġiehom imma mhux daqstant faċli li tmur biex taħdimhom. Kont limitata wkoll bl-affarijiet li stajt insib f’ħin qasir u għalhekk ordnajt l-aċċessorji mill-Ingilterra għax kont naf li ser jaslu malajr. Ix-xogħol ħabbattni mhux ftit għax kellu jinħadem fil-kobor filwaqt li fl-istess ħin ridt inżommu ħafif kemm jista’ jkun biex ikun prattiku. Imma biss biss insemmilek li parti mill-misluta kienet pendent ta’ linfa! Eventwalment meta l-ġojjelli kienu lesti, kemm jiena u kemm il-kantanta konna sodisfatti ferm bir-riżultat. Barra minn hekk, meta Stephanie dehret qed tkanta bihom fuq it-TV, tant intogħġbu, li numru ta’ nies ikkuntattjawni biex nagħmlilhom xi ħaġa bħalhom.”

    Għalkemm hemm xi ftit tax-xogħolijiet minn tagħha li ma tasal qatt biex tbiegħhom, mhux darba u tnejn li xi ħadd ikkonvinċiha biex tbiegħlu xi oġġett li kien għal qalbha ħafna.

    “Nammetti li kultant insibha diffiċli wisq biex ngħid le għax wara kollox, l-affarijiet biex jinbiegħu qegħdin. Impossibbli li żżomm kollox. Apparti minn hekk, meta nara li wieħed ikun apprezza xi ħaġa li għamilt jien, tant li jibqa’ jinsisti li jrid jixtriha, akkost li ngħidlu li mhiex għall-bejgħ, tolqotni ħafna.

    Każ simili ġrali meta kont qiegħda nipparteċipa fil-fiera Patches. Dakinhar flimkien mal-ġojjelli li xtaqt inbiegħ, ħadt ukoll arloġġ sabiħ ħafna li kien veru għall-qalbi u kont ċerta mija fil-mija li ma ridtx inbiegħu tant li ktibtlu ‘sold’ fuqu biex żgur li ħadd ma jitħajjar għalih. Imma kien hemm waħda li rabtet qalbha miegħu u ġiet tliet darbiet għalih biex inbiegħhulha u fl-aħħar aċċettajt. Għadni qatt ma rnexxieli nerġa’ nagħmel arloġġ sabiħ daqsu imma tant naf li hu għal qalbha dan l-oġġett tiegħi, li ma ddispjaċinix li tajtulha.”

    Victoria issostni li kull oġġett li tagħmel ikollu parti mill-personalità tagħha fih. Iżda mhux biss! Ċerti ġojjelli jkunu mżejjna b’oġġetti tagħha personali u allura dawn l-Dettall mill-qrib - gizirana arlogg 2affarijiet saħansitra jippossjedu parti intrinsika mill-istorja tagħha.

    “U dawn l-affarijiet naturalment ikunu żgur ‘one of a kind’ għax diffiċilment li terġa’ ssib bħalhom x’imkien ieħor. Ma nsewwidx qalbi meta ninfired minnhom għax l-ewwel nett inżomm tifkira ta’ kull oġġett li naħdem permezz tal-kwantità kbira ta’ ritratti li neħdilhom. U apparti minn hekk, b’dan il-mod inħoss li lil dak li jkun qed jixtri minn għandi, inkun letteralment qed nagħtih xi ħaġa minn ‘tiegħi’.”

    L-aktar oġġetti li qed tbiegħ bħalissa huma ġiżirajjen ħelwin ħafna li fir-realtà jikkonsistu wkoll f’arloġġ. U issa li jiena wkoll għandi wieħed minnhom, nista’ nikkonferma li huma oġġetti mill-ifjen u li jiġbdu fuqhom kumplimenti mhux ħażin! Il-ġojjelli li taħdem huma kollha għan-nisa. Għal xi raġuni donnha ma tispirax ruħha fil-qasam maskili.

    “Probabbilment ir-raġuni hija illi Marco, ir-raġel tiegħi, ma jħobbx jilbes ġojjelli u allura dak is-settur bħalissa ma nitrattahx. Għalkemm darba student Ġermaniż tilef ġiżirana fil-baħar u meta talabni nagħmillu waħda bħalha, ħdimtielu.”

    Ftit ftit, kemm il-klijenti tagħha u wisq aktar sħabha, qed jikkonvinċu lil Victoria biex tkompli tesplora u tiftaħ iżjed dan it-talent tagħha…

    “Waħda mill-ħbieb tiegħi żżewġet das-sajf u talbitni nagħmlilha l-head dress. Għall-ewwel għedtilha li jien qatt m’għamilt xi ħaġa hekk, imma fl-aħħar dawwritni u spiċċajt biex għamiltilha head dressGizirana arlogg ħelwa ħafna. Allura hekk kif ftit taż-żmien wara kelli nattendi tieġ jien, għedt issa nagħmel waħda għalija u ħloqt head dress kollha ward. Inzerta li kont ilni biex nagħmel xi ħaġa hekk. Kultant ikolli ħafna ideat u ma nkunx naf kif ser naqbad nesprimihom, sakemm tiġi sitwazzjoni hekk u nsib is-soluzzjoni.

    Darb’oħra kien hemm koppja ħbieb tagħna li mhux darba u tnejn li xtraw xi ġojjelli minn għandi. Mela xi żmien qabel il-Milied, dan il-ħabib tagħna staqsini jekk stajtx naħdimlu ċurkett biex jipproponi bih lit-tfajla tiegħu. Inizzjalment iddubitajt ftit jekk kontx kapaċi nagħmel ċurkett tal-engagement imma wara ftit ħriġt b’idea sabiħa u partikolari ta’ ċurkett kif tħobbhom hi. Tajhulha f’lejlet il-Milied u tistgħu taħsbu x’ħassejt meta nirċievi messaġġ minn għandha li kien jgħid “Għedtlu iva taf!”

    Iddeċidiet li tiġbor dawn ix-xogħolijiet tagħha taħt l-isem Peaches and Cream għax temmen li dawn l-oġġetti li toħloq hi huma friski u ħelwin daqs din id-deżerta.

    “Inzertajt li nħobb ħafna l-ħlewwiet u donni li anki f’dan ix-xogħol, dejjem indaħħal dak l-element ta’ ħlewwa f’kull oġġett. Fil-fatt il-motto tiegħi jgħid li meta wieħed ikollu aptit xi ħaġa ħelwa, minflok jiekol xi biċċa ċikkulata, jista’ jixtri xi ħaġa ħelwa minn għandi!”

    Meta kienet studenta l-università, Victoria studjat l-arti imma donnha qatt ma setgħet issib medium li jgħodd għaliha.Dettall fil-gojjelli

    “Iżda fl-aħħar naħseb li qtajt xewqti għax permezz ta’ dawn il-ġojjelli nħoss li tassew nista’ nesprimi ruħi. Huwa wkoll passatemp li jagħtini ħafna serħan u kuntentizza. L-apprezzament tan-nies lejn dawn l-oġġetti li noħloq jien jgħini nħossni tajjeb ħafna. Għandi wkoll is-sodisfazzjon li kemm il-Maltin u anki l-barranin ġew u xtraw xi ħaġa minn tiegħi u għalhekk issa nista’ ngħid li hemm biċċiet tax-xogħol tiegħi madwar id-dinja wkoll.”

    Għal dawk li jixtiequ jaraw dawn ix-xogħolijiet, illum il-Ħadd, 4 ta’ Settembru 2011, Victoria Theuma ser tkun qed tieħu sehem fil-fiera Patches li ser issir fil-ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq bejn l-4:30pm u l-10:00pm.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-4 ta’ Settembru 2011)

    2011.09.04 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • INT, SA FEJN KAPAĊI TASAL?

    Jiġu mumenti f’ħajtek meta tħossok waħdek wisq. Qalbek titqal u bħal taqa’ dalma quddiem għajnejk. Ġewwa fik tibda tħoss bħal vojt profond li m’għandu l-ebda qiegħ. Il-Woman answering phonekwistjonijiet ta’ madwarek  jibdew jidhru bla tarf u mingħajr ebda soluzzjoni. Nies f’dinjietek kemm trid imma ħadd minnhom li tista’ tafda b’dak li tant qed jifnik. Huma waqtiet fejn donnok tisma’ lil ruħek tixher għall-għajnuna, għall-attenzjoni, għall-imħabba. Tixxennaq imqar għal stranġier, li akkost li ma jafekx, xorta waħda lest li jagħtik ftit widen. Imqar leħen ħabib li jtaffilek kemmxejn mis-sikta u mis-solitudni tal-lejl. Imqar xi ħadd li jgħinek tara d-dawl mill-ġdid…

    “Is-solitudni hija l-akbar povertà” qalet darba Mother Theresa. “Waħda mill-agħar mardiet hija li ma tkun ħadd għal ħadd,” sostniet darb’oħra. Ma kienet tieqaf qatt tinkoraġġixxi lil dak li jkun biex jgħin “Jekk ma tistax titma’ mitt persuna, almenu itma’ waħda.” U finalment ammettiet illi “Il-miraklu mhux li aħna nwettqu dan ix-xogħol imma li aħna kuntenti li nagħmluh.”

    Dawn il-kwotazzjonijiet dwew f’moħħi hekk kif kont qed nisma’ dak li kellhom x’jgħiduli l-intervistati ta’ din il-ġimgħa. Svetlana Camilleri, il-Leader tas-Supportline 179 tal-Aġenzija Appoġġ, flimkien ma’ voluntier ta’ dan is-servizz, spjegawli dak li jiltaqgħu miegħu ta’ kuljum waqt il-ħabtiet meta jċempel it-telefon.

    “Fl-ewwel ġranet tiegħi bħala voluntier, nistqarr li kont nibża’ daqsxejn, għax meta terfa’ t-telefon, ma tkunx taf x’każ ser jippreżentalek dak li qiegħed iċempel. Imma mbagħad, ftit ftit, tibda tagħmel il-kuraġġ u t-taħriġ li tieħu flimkien mal-għajnuna kontinwa li jagħtuk l-istaff tal-Aġenzija Appoġġ, jgħinuk tidħol dejjem aktar fl-ambjent ħalli tkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor,” beda jispjegali l-voluntier.

    Bl-għajnuna ta’ numru ta’ voluntiera, is-servizz tas-Supportline 179 ilu għaddej għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, u preżentament l-Appoġġ għandha madwar 78 voluntiera f’dan il-qasam.

    “Għandna voluntiera li ilhom magħna mill-bidu,” infurmatni Svetlana. “Madanakollu kull sena ssir sejħa għall-voluntiera oħra sabiex inkunu nistgħu noffru servizz aħjar lil dawk li huma fil-bżonn. Is-sena li għaddiet irċevejna 16,446 telefonata u 10,868 minnhom kienu każijiet ġenwini.”

    X’tip ta’ telefonati jwieġbu dawn il-voluntiera?

    “Tista’ tgħid li jkun hemm telefonati ta’ kull xorta għax is-Supportline huwa vast ħafna. Ikun hemm min iċempel għax ikun qed ibati mis-solitudni u jkun jixtieq lil xi ħadd jisimgħu. Ikollu l-bżonn li jiftaħ qalbu ma’ xi ħadd li lest li jiddedikalu ftit ħin sakemm itarrafflu l-problemi tiegħu u dak li jkun għaddej minnu. Kultant tasal xi telefonata mingħand xi ġenituri li jkollhom id-dubju li wliedhom huma involuti fid-droga u allura dawn ikunu jeħtieġu parir dwar kif ser jaffrontaw din is-sitwazzjoni. Imbagħad nirċievu wkoll telefonati li jkollhom bżonn intervent immedjat bħal per eżempju meta qed iċċempillek mara li sabet ruħha barra t-triq flimkien mat-tfal tagħha, wara li kellha titlaq malajr mid-dar minħabba sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika. F’sitwazzjonijiet bħal dawn il-voluntier jiggwida lil mara biex tmur għand il-pulizija sabiex tagħmel rapport, filwaqt li jibda wkoll iċempel lix-xelters adegwati li forsi jkunu jistgħu joffru rifuġju temporanju lil din il-familja. Ikun hemm każijiet oħra fejn il-voluntier jeħtieġlu jsegwi b’attenzjoni lil xi ħadd li qed iċempel minħabba li għandu f’moħħu li jwettaq xi suwiċidju. Infatti, waqt dawn it-telefonati jkun hemm individwi li diġà jkollhom il-pjan lest ta’ kif ser ineħħu ruħhom b’idejhom. Oħrajn ikollhom il-ħsieb li xi darba jaslu għal din id-deċiżjoni u allura hawn tidħol l-abbiltà tal-voluntier li jkellem u jiggwida lill-persuna biex tersaq għall-għajnuna.

    Huwa importanti li niċċaraw illi l-voluntiera fl-ebda mument ma jkunu weħidhom waqt dawn it-telefonati. Fil-ħinijiet tal-uffiċċju ser isibu l-ħaddiema tal-Appoġġ bħala referenza, u wara dan il-ħin dejjem ikun hemm supervisors on call li ġeneralment dejjem ikunu social workers. Dan ifisser li matul l-24 siegħa li jkun għaddej is-servizz, il-voluntiera dejjem ikunu jistgħu jirreferu ma’ xi ħadd li huwa professjonali f’dan il-qasam.”

    Staqsejt min jista’ japplika biex isir voluntier u x’qiegħed ikun mistenni minnhom?

    “Fir-realtà kull min għandu ‘l fuq minn 21 sena jista’ jkun voluntier. L-importanti huwa li dawn l-individwi jkunu lesti li jieħdu dan l-impenn bis-serjetà u b’responsabbiltà. Aħna nistennew minnhom li jkunu jistgħu jattendu għal tliet xiftijiet fix-xahar, kull xift ta’ 4 siegħat. Hekk kif il-voluntiera jintagħżlu biex jagħtu dan is-servizz, huma jingħataw taħriġ bażiku sabiex jakkwistaw il-ħiliet neċessarji. Barra minn hekk, kull xahrejn, aħna norganizzaw support groups għall-voluntiera sabiex inkunu nistgħu niddiskutu dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom waqt dan ix-xogħol. B’dan il-mod, apparti li l-voluntiera jkunu qed jingħataw is-sosteniment regolari min-naħa tal-aġenzija, huma jkunu qed jitħarrġu dejjem iżjed f’ċirkustanzi varji li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

    Bħala Supportline, bħalissa l-aktar li għandna bżonn ta’ voluntiera huma fil-weekends, fil-ġranet pubbliċi u fix-xift ta’ fil-għaxija, jiġifieri bejn it-8.00pm u nofs-il-lejl. Peress li dan is-servizz jibqa’ għaddej 24 siegħa kuljum, huwa jagħti lok lil dawk l-individwi li jaħdmu imma li jixtiequ jagħtu daqqa t’id, sabiex isibu l-ħin adegwat li jistgħu jgħinu fih.

    Bħalissa għandna l-applikazzjonijiet miftuħa għal dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom bħala voluntiera u b’hekk min jixtieq isir jaf aktar dwar dan is-servizz, jista’ japplika sas-7 ta’ Settembru 2011. Wara din id-data, aħna nibagħtu għal dawk li jkunu applikaw sabiex jattendu għal interview. L-applikanti jiġu mistiedna wkoll bħala grupp ħalli b’hekk inkunu nistgħu nosservaw kif huma jirrelataw ma’ persuni oħra. Minn hawn ukoll, aħna nkunu nistgħu nindividwaw x’tip ta’ persuni qed japplikaw u fejn naħsbu li jistgħu jkunu l-aktar ta’ servizz, peress li l-voluntiera jistgħu anki jgħinu fis-servizz Programm Ulied Darna.”

    Tlabt lil Svetlana tgħidli aktar dwar dan is-servizz …

    “Il-voluntiera ta’ Programm Ulied Darna jmorru fid-djar ta’ familji li diġà qed jirċievu xi servizz ieħor li toffri l-Aġenzija Appoġġ, jew Aġenzija oħra fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.Svetlana Camilleri L-għan tal-voluntiera jkun li jgħinu lill-familji biex jakkwistaw ċerti abilitajiet sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw bl-aħjar mod possibbli bħal ngħidu aħna, jorganizzaw attivitajiet għat-tfal, jgħinu fl-interazzjoni u fil-komunikazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied billi per eżempju juruwhom kif jgħinu lit-tfal jagħmlu l-homework jew kif iżommu d-dixxiplina b’mod kostruttiv. Dawn il-voluntiera jistgħu wkoll jiddirezzjonaw aħjar lill-ġenituri f’kif jużaw il-flus tagħhom b’mod aktar effiċjenti, kif iqassmu x-xogħol tad-dar jew kif isajru ikel aktar bnin u tajjeb għas-saħħa.

    Fir-realtà dawn huma affarijiet prattiċi tal-ħajja ta’ kuljum, iżda li jagħmlu differenza kbira jekk ikunu nieqsa f’familja. Għaldaqstant meta nirrealizzaw li ċerti familji partikolari, b’dik id-daqsxejn għajnuna tal-voluntier, jistgħu jiġu lura fuq saqajhom, aħna noffrulhom dan is-servizz. Huwa importanti li nsemmu illi l-voluntier mhux ser imur fid-djar u jagħti xi lecture lill-membri tal-familja jew li min-naħa l-oħra ser ixammar il-kmiem u jagħmel ix-xogħol kollu hu. Infatti aħna nitolbu lil dawn il-familji biex meta l-voluntier ikun id-dar tagħhom, huma jibqgħu għaddejjin bir-rutina ta’ kuljum sabiex il-voluntier ikun jista’ josserva fejn hemm il-bżonn li l-familja tingħata l-għajnuna ħalli tissaħħaħ.”

    Waqt ir-riċerka tiegħi għal din l-intervista, iltqajt ukoll mal- Emotional Support Helpline 116 123.

    “Biex inżommu mal-linja tal-Unjoni Ewropeja dan in-numru joffri s-servizz tas-Supportline lil dawk l-individwi li jkunu jinsabu barra minn pajjiżhom, ħalli b’hekk ikun hemm numru ġenerali magħruf fejn wieħed jista’ jersaq għall-għajnuna. Dan ifisser li min forsi kien imdorri jċempel fuq il-helpline tal-pajjiż tiegħu, jista’ juża l-istess numru, u fil-każ ta’ Malta, it-telefonata tkun iddirezzjonata għall-voluntieri tas-Supportline 179.”

    Tlabt lill-voluntier li kien magħna waqt din l-intervista biex jgħaddili ftit l-esperjenza tiegħu f’dan ix-xogħol li qed jagħmel…

    “Issa ilni voluntier mas-Supportline għal dawn l-aħħar sitt snin u nista’ ngħid li sa llum għadni nħoss ħafna sodisfazzjon li qed inkun ta’ għajnuna għal dawk li jċemplu. Niftakar li għall-bidu ma kontx naf eżattament x’inhu r-rwol ta’ voluntier fuq Supportline imma meta mbagħad ingħatajt it-taħriġ, mill-ewwel għoġbitni n-natura tax-xogħol għalkemm irrealizzajt li kienet ġenerika ħafna.

    Waħda mill-aktar affarijiet li jolqtuni f’dan ix-xogħol hija l-opportunità li tmiss tassew mal-polz tas-soċjetà. Permezz tas-Supportline tesperjenza ġrajjiet li bosta nies qed jgħixu fil-magħluq. Dawn ma jkunux affarijiet li tista’ titkellem dwarhom ma’ kulħadd u allura f’ċirkustanzi regolari tal-ħajja, rari niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Huma realtajiet ta’ tbatija u żminijiet diffiċli li jgħaddu minnhom ċerti individwi li forsi nies oħra lanqas joħolmu biss li jeżistu. Fil-fatt jiġu mumenti fejn li kieku ma nkunx konxju li qed naħdem fuq sitwazzjoni vera, nasal biex nemmen li dak li qed nisma’ mhux tassew minnu!

    Minħabba dax-xogħol tibda tara l-ħajja minn lenti differenti. Tibda tapprezza ħafna iżjed l-affarijiet iż-żgħar f’ħajtek, bħal ngħidu aħna s-saħħa fiżika u mentali u l-affarijiet materjali li tgawdi minnhom. Man answering phoneTitgħallem tgħożż aktar lin-nies ta’ madwarek: lill-familjari, lill-ħbieb u lil bosta individwi oħra li tgħix magħhom ta’ kuljum, l-aktar meta tara x’iġarrbu n-nies li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom u l-proċess diffiċli li jgħaddu minnu sakemm jirkupraw. L-istess meta ttiegħem is-solitudni ta’ dawk li jċemplulek. Kif tista’ ma titqanqalx meta tara li ċerti nies iċemplu sempliċiment biex jitkellmu ftit għax m’għandhomx mod ieħor ma’ min jitkellmu? Tibda tifhem li inti tgawdi bosta affarijiet li ħaddieħor m’għandux u għalhekk apparti li tibda tapprezza aktar dak li għandek, tħoss aktar il-ħtieġa li tgħin.

    Meta jgħaddu s-siegħat li nqatta’ fuq is-Supportline nipprova ma nibqax naħseb dwar dak li nkun smajt għalkemm ikolli nammetti li mhux dejjem jirnexxieli għax ċerti sitwazzjonijiet li jgħixu wħud, imissulek qalbek wisq. Imma grazzi għat-taħriġ li ningħata regolarment mill-Aġenzija, jiena nitgħallem kif naqta’ ċertu linja bejn kemm ninvolvi ruħi ħalli hekk inkun fi stat tajjeb li ngħin lil ħaddieħor. Trid iżżomm ċar f’moħħok li mhux dejjem ser taqdi għal kollox lil dak li jkun għax jiġu waqtiet fejn dan ma jkunx possibbli. Fuq kollox trid iżomm lura milli tiġġudika, akkost liema sitwazzjoni tisma’ dwarha.

    Min-naħa tiegħi, nixtieq nagħmel kuraġġ lil dawk li huma mħajjra biex jingħaqdu bħala voluntiera mal-Appoġġ. Hemm ħafna x’tagħti f’dan ix-xogħol imma żgur li tieħu wisq aktar lura. Jiena għandi fiduċja kbira fit-taħriġ li jingħata u għalhekk jekk forsi hemm xi ħadd li jaħseb li din hija biċċa xogħol kbira wisq għalih, inħajjru jipprova xorta waħda, japplika, jattendi għat-taħriġ u mbagħad jieħu deċiżjoni wara. Ċertament irid ikollok xeħta u ħajra għal xogħol bħal dan. Nagħlaq billi nfakkar illi jekk ma tippruvax, żgur li ma tkunx taf sa fejn inti kapaċi tasal!”

    L-applikazzjonijiet jagħlqu fis-7 ta’ Settembru 2011. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq is-Supportline 179 jew 22959000. Inkella tistgħu tapplikaw permezz tal-websites: www.appogg.gov.mt jew www.fsws.gov.mt, jew tniżżlu applikazzjoni u tibgħatuha bil-posta, indirizzata lil: Christine Zammit, Aġenzija Appoġġ, 36 St Luke’s Road, G’Mangia, PTA 1318.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-28 t’Awwissu 2011)

    2011.08.28 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • TFAL, TITĦAJRU GĦAL AVVENTURA?

    Xi minn daqqiet jiġu mumenti meta ħabta u sabta, għal ftit sekondi, inħoss is-sensazzjoni ta’ memorji li għaddejt minnhom matul ħajti. Daqqa niftakar f’xi post uniku li żort, drabi oħra nxomm xi fwieħa li dari kont inħobb nuża, f’waqtiet oħrajn nisma’ xi kliem li darba qalli xi ħadd u f’okkażżjonijiet oħra narani nilgħab b’xi ġugarell favorit li kelli…. Huma pawsiet irreali imma sbieħ wisq, speċjalment meta jiġu hekk bis-serqa, bla mistennija. Huma intervalli li jiftħulna għajnejna dwar kemm hu importanti li lit-tfal tagħna noħolqulhom tfulija sabiħa sabiex xi darba meta huma wkoll isiru adulti, il-passat tagħhom ikun jista’ jħollomhom b’esperjenzi armonjużi. “It-tfal huma messaġġi ħajjin li aħna nibagħtu fi żmien li qatt mhu ser naraw,” kiteb l-awtur Amerikan, Neil Postman. Min minna ma jixtieqx li wliedu jgħixu aħjar milli qatt għex hu?

    Dawn il-ħsibijiet jitgerrbu f’moħħ il-ġenituri ta’ sikwit u mhux dejjem tkun faċli biex jagħrfu l-aħjar triq. Ħadd mit-tfal ma jitwieled bl-istruzzjonijiet miegħu u għalhekk il-Martin Borgġenituri jeħtieġ li jitgħallmu bl-esperjenza u bit-tagħrif li jsibu madwarhom. Akkost l-attenzjoni kontinwa, l-iżbalji jsiru xorta waħda speċjalment meta d-dinja ta’ madwarhom tinbidel b’rata tant mgħaġġla u t-tfulija li jiftakru huma ma jkollha x’taqsam xejn ma’ dik ta’ wliedhom. Niftakar li fi tfuliti, il-ġenituri tiegħi kienu  jispjegawli kif fi żmienhom kienu jilagħbu bix-xejn, b’xi ballun tal-karti jew b’xi ġugarell tal-injam u jien f’qalbi bilkemm ma kontx nitħassarhom. U allura kultant meta nara lil binti tilgħab b’logħob teknoloġiku tant żviluppat, bħal nitħasseb x’jidhrilha hi mill-logħob li kont nilgħab jien! Madanakollu Martin Borg, l-individwu li ntervistajt dil-ġimgħa, jemmen bis-sħiħ li t-tfal ta’ llum qed jitilfu ħafna f’ħajjithom, l-aktar meta qed jingħalqu f’did-dinja teknoloġika u strutturata bla ma jiddedikaw l-ebda mument għan-natura sabiħa ta’ madwarhom.

    “Jien ngħid li xi darba għad jibdew jimanifatturaw il-karozzi mingħajr it-twieqi ta’ wara għax ma jkunx hemm bżonnhom aktar. Illum hemm tfal li wara li jagħmlu ġurnata sħiħa jilagħbu bil-kompjuter, meta jiġu biex joħorġu, jaqbdu f’idejhom xi logħba elettronika oħra u jibqgħu deħlin jilagħbu biha fil-karozza. Lanqas titwila waħda barra ma jkunu taw! Karozzi oħrajn għandhom il-monitors ġol-headrest tas-seat ta’ wara u hemmhekk it-tfal jistgħu jilagħbu xi logħba jew jaraw xi film favorit tagħhom,” kompla jispjegali.

    Għalhekk huwa interessanti li tisma’ l-perspettiva ta’ nies differenti. Nistqarr li qatt ma kont irriflettejt dwar dawn il-karozzi b’dan il-mod. Anzi! Karozza hekk dejjem ikkunsidrajtha bħala lussu sabiħ u ftit li xejn għaddieli minn rasi li b’hekk, akkost li tkun qiegħda tivvjaġġa, iġġib ruħek daqs li kieku kont għadek magħluqa bejn erbgħa ħitan!

    “Dan il-kunċett huwa spjegat b’mod ċar ħafna fil-ktieb ‘Last child in the woods’ ta’ Richard Louv, fejn l-awtur juri l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kuntatt man-natura fuq it-tfulija. Infatti, bħal bosta studjużi oħra, dan l-awtur jinsisti li n-natura hija punt kruċjali ħafna fis-saħħa fiżika u psikoloġika tat-tfal peress li din saħansitra tgħin fl-iżvilupp fiżiku, mentali u emozzjonali tagħhom.

    Preżentament, il-ħajja tat-tfal saret strutturata mmens. Hekk kif jitwieldu, it-tfal ikunu diġà miktuba f’xi pre-school li min-naħa tagħha jkollha programmi strutturati ta’ dak li hu mistenni mit-tfal li ser jattendu. Minn hemm it-tfal jimxu għall-kindergarten li wkoll hija skola strutturata b’qafas ta’ mġieba u pjan ta’ tagħlim adegwat. Sentejn wara t-tfal jibdew il-primarja u anki hawn b’mod strutturat jibqgħu telgħin it-taraġ delineat sena wara sena biex jilħqu l-kwalifiċi neċessarji. F’kelma waħda, ħajjet it-tfal tibqa’ sejra hekk sakemm dawn jikbru u jidħlu fid-dinja strutturata tax-xogħol.

    Sfortunatament anki l-postijiet ta’ divertiment tat-tfal huwa strutturat illum. Tara’ ġonna sbieħ ħafna imma kollha ippjanifikati: għandek fejn tista’ tirfes u fejn le, għandek fejn tista’ tieqaf tħares lejn il-fjuri Kreattivita' fit-tfaljew lejn xi vaska sabiħa. Tmur f’adventure park u ssib il-logħob f’forma ta’ struttura wkoll: titla’ minn dak is-sellum, tgħaddi minn fuq dak il-pont u mbagħad tinżel minn dik iż-żurżieqa. Il-libertà tat-tfal fejnha? Rarament ikun hemm biċċa art vojta fejn it-tfal jistgħu jesprimu l-immaġinazzjoni tagħhom u jagħmlu dak li jiġi f’moħħhom. Jiena nisfida lil xi ħadd biex iħalli borġ ġebel fi spazju vojt fejn it-tfal jinġabru biex jilagħbu u joqgħod jinnuta x’kapaċi jagħmlu u jitgħallmu permezz tiegħu. Żgur li l-ewwel narawhom telgħin u neżlin fuq dal-ġebel, imbagħad narawhom jintebħu li ġebla kwadra żżommok filwaqt li oħra aktar tonda titgerbeb bik. Wara ftit jindunaw li jistgħu jibnu xi ħaġa bihom u allura jagħrfu li l-ġebel il-kbir irid joqgħod taħt u l-iċken fuq għax inkella jaqa’ kollox. Imbagħad jibda jitwieled il-logħob u narawhom jisfidaw lil xulxin dwar min minnhom ser iwaddab il-ġebla l-aktar il-bogħod? Xejn partikolari ma trid biex toħloq biċċa spazju bħal dan. Imma minflok donna aktar nippreferu nagħlqu t-tfal f’bozza u mmexxuhom biss minn fejn ngħidu aħna. U hekk x’jiġri? Nipproteġuhom veru imma neqirdulhom il-kreattività.”

    Dawn l-ideat qanqlu lil Martin biex joħloq xi ħaġa differenti għat-tfal. Huwa uża l-isfond tax-xogħol tiegħu biex biż-żmien adattah f’ dinja avventuruża u mimlija sfidi eċċitanti għat-tfal.

    “Jiena ġej minn kamp militari fejn għal 25 sena iffurmajt parti mill-forzi armati fejn kont membru mill-korp tas-salvataġġ bil-helicopter. Kien xogħol li tani ħafna sodisfazzjon, kemm għax żammni fiżikament b’saħħti u anki għax tani l-opportunità li ngħin lil min kien fil-bżonn. Dax-xogħol tellagħni wkoll f’ambjent ta’ dixxiplina, dedikazzjoni u responsabbiltà.

    Maż-żmien dħalt ngħin lil Dr Michael Aquilina fit-taħriġ tal-istudenti tal-università li jkunu għażlu l-linja bħala għalliema tal-edukazzjoni fiżika, u hawnhekk huwa introduċieni mal-qasam tal-Outdoor Education. Ftit ftit bdejt nifhem kemm dawn l-attivitajiet kienu neċessarji għat-tfal u kemm huma kienu jixtiequhom u b’hekk bdiet titnissel f’moħħi l-idea li nħajjar aktar tfal biex jipprattikawhom. Dr Aquilina inkoraġġieni ħafna biex inwettaq dawn l-ideat tiegħi. Sfortunatament, madwar sena u nofs ilu Dr Aquilina ħalliena u jiena sibt ruħi qed nieħu ħsieb dan il-qasam tal-Outdoor Education u kif ukoll dak tal-Water Rescue Unit tal-università.

    Meta spiċċajt mill-armata u kelli aktar ħin fuq idejja, sirt aktar determinat li niżviluppa dan il-potenzjal. L-affarijiet seħħew bil-mod imma b’mod konsistenti. Iddeċidejt li naqbad l-attivitajiet militari li Waħda mill-bunkers li bnew it-tfalkont tħarriġt jien stess fihom bħala suldat, u nadattahom biex ikunu ta’ aspett edukattiv għat-tfal. Bnejt sett ta’ attivitajiet u permezz tal-kuntatti li kelli mal-għalliema tal-edukazzjoni fiżika, maż-żmien sibt ruħi qed norganizza fun days, korsijiet tal-first-aid, abseiling, fire-fighting, zip-line u affarijiet bħal dawn f’diversi skejjel. Ikkonfermajt li t-tfal huma għatxana għal dan it-tip ta’ taħriġ li huma jikkunsidrawh ukoll bħala divertiment. Infatti, bi ftit ħsieb, ħafna drabi laqqgħajna dawn l-attivitajiet ma’ suġġetti oħra edukattivi bħal per eżempju darba minnhom ħadna grupp ta’ studenti fil-fortizza ta’ Selmun u hemmhekk dawn ġew introdotti ma’ diversi aspetti, fosthom dak storiku, edukattiv, sportiv u anki ambjentali speċjalment meta ddiskutejna l-vandaliżmu li kien qed isofri minnu s-sit. Darba’oħra waħħadna dawn l-attivitajiet mas-suġġett tal-PSD fejn ġiet trattata t-tema ta’ Calculated Risk-Taking permezz tal-abseiling. Niftakar li l-aktar mument sinifikanti dakinhar kien meta student magħruf sewwa bħala bully beża’ jagħmel l-abseiling, filwaqt li student ieħor li t-tfal sikwit jaqbdu miegħu, irnexxielu jagħmel dan l-isport mingħajr diffikultà ta’ xejn. F’temp ta’ ftit minuti l-folja nqalbet u dan it-tifel spiċċa l-eroj tal-klassi!”

    Dawn l-attivitajiet servew ukoll biex Martin skopra kemm fir-realtà, aktar ma titlob mit-tfal, aktar jikkonfermawlek kemm huma kapaċi jagħtuk lura.

    “Nistqarr li fil-bidu kont influwenzat b’ċertu ideat fissi, bħal ngħidu aħna li l-abseiling kienu kapaċi jagħmluh biss individwi ta’ 18-il sena ‘l fuq. Imma darba minnhom żewġt iħbieb tiegħi li kienu fil-boyscouts u li kien għad kellhom biss 16-il sena, xtaquni nurihom kif isir l-abseiling u ntbaħt li wara kollox anki huma kienu kapaċi jagħmlu sports bħal dan. Maż-żmien bdejt inħarreġ anki lill-istudenti li kienu jattendu l-Forms IV u V f’dan il-qasam u allura l-età li wieħed seta’ jipprattika l-abseiling fiha niżlet għal 14-il sena. Bqajna sejrin hekk sakemm darba minnhom, waħda ġabet lil ħuha magħha li kien għad kellu biss 7 snin u anki hu ma kellu l-ebda problema biex jirnexxi. Illum il-ġurnata ngħidlek li anki tfal ta’ 5 snin kapaċi jwettqu dan l-isport, naturalment b’tagħmir apposta għalihom.”

    Eventwalment Martin fetaħ l-Adventure School tiegħu taħt l-isem Kamaja Outdoors fejn matul l-istaġun tas-sajf, kull nhar ta’ Tlieta u kull nhar ta’ Ħamis, mid-9:00am san-Adventure school12:30pm huwa joffri taħriġ f’attivitajiet maħsuba li jagħtu l-libertà lit-tfal, filwaqt li fl-istess ħin jiffurmawlhom il-karattru tagħhom.

    “Il-ħsieb wara dan il-proġett tiegħi huma mnissla fuq tliet prinċipji fundamentali: id-dixxiplina, id-dedikazzjoni u r-responsabbiltà li jien tgħallimt fil-militar u li finalment iwasslu biex  it-tfal jitilgħu b’karattru aktar sod. Kollox isir taħt il-forma ta’ logħob iżda l-logħob innifsu huwa minsuġ ma’ tagħlim importanti għall-ħajja. Ngħidu aħna jitgħallmu jkunu ddixxiplinati billi jidraw jistennew wara xulxin, jitgħallmu d-dedikazzjoni meta jifhmu li jridu jqumu kmieni ħalli jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet kollha u jsiru responsabbli meta jieħdu ħsieb ħwejjiġhom u tagħhom infushom.”

    L-aħħar żvilupp fil-proġett ta’ Martin nhieda l-idea tal-bootcamp fejn it-tfal qed jiġu offruti l-opportunità li jipprattikaw diversi attivitajiet avventurużi waqt tliet ijiem li huma jagħmlu jgħixu flimkien ġewwa fortizza storika!

    “Fir-realtà ma vvintajt xejn ġdid għax il-bootcamps ilhom isiru għal diversi snin f’pajjiżi oħra. Xorta waħda nistqarr li għall-ewwel, anki jien kelli daqsxejn ta’ dilemma dwar liema tfal stajt nindirizza b’opportunità bħal din peress li f’pajjiżna għandna kultura protettiva ħafna fejn jidħlu t-tfal. Imma bil-mod il-mod, anki hawn ikkonfermajt li saħansitra minn età żgħira, ħafna tfal kapaċi jinqatgħu għal ftit tal-ġranet minn mal-ġenituri tagħhom mingħajr problemi ta’ xejn u jiddevertu bil-kbir għall-attivitajiet li noħolqilhom. Bl-eċitament li jkollhom biex ifittxu jibdew l-attivitajiet, ma niltaqa’ mal-ebda diffikultà biex iqumu kmieni, anzi jekk ma ngħidlikx li jqumu qabel il-ħin miftiehem! Barra minn hekk jidraw malajr li jridu jieklu f’ċertu ħin u li jridu jimxu minn attività għall-oħra bla waqfien. Nassigurak li tant ikunu qed jieħdu gost li ġieli jinsew iċemplu d-dar u hekk kif isir il-ħin tal-irqad, tant ikunu għejjew b’dak kollu li nkun ippreparajtilhom, li l-maġġoranza tagħhom jorqdu f’ħakka t’għajn.

    Infatti l-idea tal-bootcamp għandha l-iskop li dderri bil-mod il-mod it-tfal biex jibdew jinħallu minn mal-ġenituri tagħhom u jagħrfu s-sabiħ li tkun indipendenti. Jitgħallmu jikkomunikaw aħjar peress li m’hemmx il-preżenza tal-ġenituri li soltu jistrieħu fuqha. B’hekk jagħmlu wkoll ħbieb ġodda u jsibuha aktar faċli biex jaħdmu fi grupp, xi ħaġa li jsibu essenzjali f’ħajjithom, aktar ma jgħaddi ż-żmien.

    Fuq kollox l-attivitajiet huma maħsuba biex iqanqlu l-kreattività tat-tfal. Biex indaħħlek fl-istampa, attività minnhom tinvolvi li t-tfal jibnu bunker jew kamra bl-affarijiet li jsibu madwarhom, bħal pellets, tankijiet, ġebel, zkuk u friegħi tas-siġar eċċ. Hemmhekk it-tfal iġibulek għajnejk wara widnejk x’kapaċi jagħmlu u kemm jafu jikkoordinaw bejniethom! U għal min għandu xi dubju, m’hemm l-ebda differenza bejn subien u bniet għax kollha jidħlu b’ruħhom u ġisimhom biex jibnu l-aktar kamra prattika li kapaċi tagħtihom protezzjoni f’każ ta’ attakk. Is-sabiħ f’dan il-logħob huwa li m’hemmx strutturi u t-tfal jitgħallmu jaħdmu b’dak li jsibu.”

    Ikolli nammetti li bdejt inħoss ċertu għira għal dawn it-tfal, l-aktar meta Martin kompla jispjegali li waqt lejl minnhom, it-tfal jarmaw haversack, flixkun ilma u torch uAttivita' tal-bootcamp jerħulha għal night trekking. Barra minn hekk fost l-attivitajiet, huma jipparteċipaw fi treasure hunts, kompetizzjonijiet bil-qaws u t-tuffieħa bħal ta’ William Tell, operazzjonijiet ta’ salvataġġ taħt l-isem ‘Save the commander’, jagħmlu ħuġġieġa, volley ball fix-‘xita’, il-famuża aerial ropeway fejn it-tfal jiżżerżqu b’veloċità ma’ ħabel fejn l-aktar avventurużi jistgħu anki jinżlu rashom ‘l isfel u ħafna aktar.

    “Min japplika għal dawn il-bootcamps jirċievi lista b’dak kollu li jeħtieġlu jġib miegħu għal dawk it-tliet ijiem. Barra minn hekk it-tfal jiġu mitluba jagħżlu l-menu li jippreferu sabiex Janice, li hija Qualified Camp Cook tieħu ħsieb ta’ kollox. Min-naħa l-oħra Kayleigh għandha r-responsabbiltà tal-programm tal-attivitajiet u minn ġranet qabel hija tikkonferma wkoll li l-attrezzatura li ser jużaw it-tfal huma kollha sikuri.”

    Oh żmien ħelu kif għaddejtli… ħarbitli minn fommi. Imma Martin infurmani li għal min jixtieq, ċerti attivitajiet, fosthom tal-abseiling, isiru anki għall-adulti.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 t’Awwissu 2011)

    2011.08.21 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • ID-DESTIN: JEŻISTI JEW LE?

    Kien film li rajna dil-ġimgħa li beda l-istorja kollha…. il-ġrajja kienet qed tesplora l-potenzjal ta’ teknoloġija li tieħdok fil-futur sabiex tevita inċidenti li jistgħu jseħħu. U Paul P Borgf’ħin minnhom, hekk kif l-attur prinċipali rnexxielu jibdel id-destin ta’ waħda li kellha tmut, staqsejna – imma allura, jekk destinha kien li tmut hekk, issa x’inbidel? Jekk dak kien destinha, il-loġika tgħidlek li suppost dik il-mara xorta waħda kellha tmut b’xi ħaġ’oħra dakinhar stess. Jew? Din id-dilemma tal-eżistenza tad-destin minn dejjem qanqlet bosta diskussjonijiet u fehmiet. L-awtur Amerikan Henry Miller sostna illi “Kull bniedem għandu d-destin tiegħu u l-unika għażla li għandu hija li jsegwih u li jaċċettaħ, jieħdu fejn jieħdu”. Min-naħa l-oħra Anthony Robbins, konsulent Amerikan,  jemmen illi “Huwa fil-mumenti meta nieħdu ċerti deċiżjonijiet li d-destin tagħna jitfassal”. Fuq nota aktar skjetta xi ħaddieħor darba ikkummenta illi “Id-destin hu xi ħaġa li vvintajna aħna għax ma nifilħux naċċettaw il-fatt li kull ma jiġri huwa aċċidentali”. Imbagħad allura x’taqbad taħseb meta kumbinazzjoni aktar tard dil-ġimgħa ltqajt mal-awtur Paul P Borg u fost l-oħrajn skoprejt illi x-xogħolijiet l-aktar għal qalbu kienu jduru proprju ma’ dawn it-tip ta’ mistoqsijiet?

    “Waħda mill-ewwel kitbiet tiegħi kienet tnisslet sewwasew minn dawn il-mistoqsijiet li jitturmentaw lill-bniedem f’xi mument jew ieħor f’ħajtu. Jiena għext tfuliti f’Birkirkara imma kelli n-nanniet tiegħi joqogħdu Selmun. Fid-dar tagħna, fl-ambjent urban ta’ Birkirkara, la kellna bitħa u lanqas ġnien u meta toħroġ, kont tidħol dritt ġol-karozza u tmur għal triqtek. Għalhekk, meta ommi kienet tibgħatni nqatta’ xi ftit tal-ġranet man-nanniet, fl-ambjent agrikolu ta’ Selmun, kont inħossni qed ngħix f’dinja oħra u kont nimmaġinani xi re tal-irdumijiet, tal-baħar u tax-xagħri, hekk kif kont nintefa’ man-nannu naħrat jew indur bin-ngħaġ. Meta kbirt, ħassejtni ixxurtjat li esperjenzajt daż-żewġ realtajiet differenti u kull tant żmien kont nistaqsi, x’kien jinbidel minni li kieku jiena twelidt f’ambjent divers? Kont bdejt nirrifletti u nhewden dwar Alla u l-eżistenza tiegħu u dwar kemm il-bniedem kien jgħix tassew fil-libertà? Sikwit kont nitħasseb jekk it-triqat li kont qed nagħżel u d-deċiżjonijiet li kont qed nieħu, kontx qed nagħmilhom jien jew jekk kienx diġà fassalhom Alla għalija? U jekk kien tal-aħħar, allura jien x’saħħa kelli fuq l-għażliet tiegħi f’ħajti?

    Kelli xi tmintax-il sena meta ddeċidejt li nistħarreġ dawn it-taħbiliet permezz tal-kitba, li għall-ewwel żviluppaw f’novella qasira bl-isem ‘Dal-Lejl Ġie Alla’. Dan kien perjodu wkoll meta kont qed ngħix it-taqbida politika-reliġjuża. Mhux darba u tnejn li kont ikkunsidrajt li nsir qassis imma l-ġrajjiet li seħħew f’dawk is-snin affettwawni ħafna. Missieri kien Laburist kbir. Xogħolu kien bħala xufier mas-servizzi u mad-dockyard u dejjem bis-sensja mdendla fuq rasu. Kont inħoss wisq meta kont nisimgħu jgħid li tawh 3 soldi biss żieda. Ommi kellha tagħmel pont ħjata biex iġġannat u tara kif tagħmel ħalli tgħaddi l-familja. Kont konxju li kien jeħtieġ li jsir xi ħaġa biex il-qagħda ta’ ħajjitna titjieb.

    Meta mort il-Ġermanja biex nistudja d-diżinn fl-inġinerija, dawn il-ħsibijiet baqgħu jduru f’moħħi. U meta kont insib ftit ħin ħieles mill-istudju, kont nintasab f’xi lwog kwiet u hemm sibt ruħi nħarbex mill-ġdid in-novella ‘Dal-Lejl Ġie Alla’ f’aktar tul sakemm finalment saret ktieb.”

    Iżda għalkemm għaddew is-snin Paul ħass li ċerti mistoqsijiet minn dawn kien għadu ma analizzahomx sal-aħħar…

    “Issa li xjaħt u għaddejt minn ċerti esperjenzi fil-ħajja, xtaqt nifli mill-ġdid dawn id-dilemmi.  Fosthom staqsejt jekk dak li ngħixu kienx jiddependi minħabba ċ-ċirkustanzi li nitwieldu fihom, jew dal-lejl-gie-alla---rajt--l-alla-jibkiminħabba l-ambjent li nitilgħu fih, inkella sforz l-għażliet li nkunu għamilna, jew għax Alla hekk ried, jew f’kelma waħda, għax hekk kellu jkun? Minn dawn il-mistoqsijiet wellidt storja li tkompli ma’ dik ta’ qabilha, did-darba bl-isem ta’ ‘Rajt ‘l Alla Jibki’ fejn fiha nsibu l-protagonist ta’ l-ewwel ktieb jgħix dawn it-taħbiliet. Ngħidu aħna, f’mument minnhom dan ir-raġel li hu miżżewweġ u għandu t-tfal, narawh fil-bitħa tad-dar tiegħu u min-naħa l-oħra qed tħares lejh il-mara ta’ xi ħaddieħor. Titqanqal dilemma fir-raġel hekk kif jibda jixtarr xi jkunu l-konsegwenzi li kieku hu kellu jiltaqa’ ma’ dik il-mara? Imbagħad ir-raġel jibda jistaqsi dwar li kieku din l-għażla kellha tkun predestinata u allura hu setax qatt jaħrabha?

    Użajt dan il-ktieb biex nistaqsi diversi mistoqsijiet kruċjali. Weġibthom jew ma weġibthomx? Assolutament lanqas jien stess ma naf. Imma nħossni sodisfatt ħafna b’dan il-ktieb għax nista’ ngħid li għalija kien bħal terapija tremenda.”

    Infatti hekk kif it-taħdita tagħna żvolġiet aktar, Paul stqarr illi akkost li għarbel fuq li għarbel dwarhom, ċertu mistoqsijiet partikolari baqa’ ma weġibhomx.

    “U qatt mhu ser jirnexxieli nweġibhom! Iżda almenu permezz ta’ din l-analiżi wasalt fil-kundizzjoni li niddeċiedi li ma nibqax naħseb aktar għax kollu għalxejn. Għalhekk għażilt li ma nistaqsix aktar bħal kif finalment għaraf li għandu jagħmel il-poeta Dun Karm Psaila fil-poeżija twila tiegħu ‘Il-Jien u Lil’Hinn Minnu’, li personalment nemmen li hi l-isbaħ kitba li qatt inkitbet f’kull lingwa li qatt qrajt. Il-konklużjoni ta’ dan il-poeta għenitni ħafna u fakkritni li meta kont żgħir, kont niġri għand ommi meta jkolli bżonn l-għajnuna. Madanakollu meta kbirt, kelli bżonn lil xi ħadd oħla minn hekk għax id-diffikultajiet kienu akbar. U f’dawn il-każi għand min trid tirrivolġi? Sejjaħlu Alla, sejjaħlu li trid, imma tistaqsix aktar u aċċetta l-imħabba li tirċievi u li tagħti.”

    Ma tridx wisq biex tifhem li dan l-awtur huwa profond ħafna fi ħsibijietu. Imma għal aktar minn darba huwa stqarr li jiġu mumenti fejn jixxennaq li kien kapaċi jaħseb anqas.

    “Ma nafx ma nagħtix każ u nibqa’ għaddej minn fuq ċerti sitwazzjonijiet bħal kif jagħmlu individwi oħra. B’hekk inħoss ħafna u nbati kultant, apparti li ħafna affarijiet ikidduni. Imma m’għandix għażlaDemgħat għax hekk jien magħmul u dawn l-esperjenzi nara kif nibdilhom f’kitba. Fil-ġimgħat li ġejjin, uħud minn dawn in-novelli ser ikunu qed jiġu ppubblikati fit-Torċa. Ġeneralment ser inkun qed nikteb dwar affarijiet li jseħħu fis-soċjetà. Se niddeskrivi diversi sitwazzjonijiet fejn ngħidu aħna, dak li jkun xtaq jagħmel xi ħaġa u m’għamilix għax beża’. Se nitratta anki suġġetti li jnikktuna u li forsi soltu nippreferu nikinsuhom taħt it-tapit, bit-tama li xi darba ninsewhom. Imma huma realtajiet li s-soċjetà hija għaddejja minnhom. Fid-dinja jiġu mumenti meta niltaqgħu ma’ ċertu stejjer li xtaqna li ma smajna qatt. Imma x’nagħmlu? Ma niktbux fuqhom? Nagħmlu tajjeb li ninjorawhom bħallikieku mhux qed jiġru tassew?”

    L-awtur kompla jirrakkuntali kif kien hemm mumenti fejn akkost li xogħolu ġie apprezzat ħafna b’mod letterarju, min-naħa l-oħra, l-istess xogħol ġie iċċensurat.

    “Darba ħadt sehem f’konkors bid-dramm għat-TV ‘Il-Madonna x’ġenn!’ u dan ġie ġġudikat l-ewwel premju. Imma dal-premju qatt ma ħadtu għax ftit wara ħarġet deċiżjoni li l-premju ma jingħatax u d-dramm tiegħi ġie skwalifikat. Ir-raġuni kienet li peress li d-dramm kien jitratta l-mard mentali, ġie konkluż li dan seta’ jweġġa’ lil xi wħud u allura ma kellux jidher fil-pubbliku!

    Storja simili seħħet bid-dramm għall-palk ‘Dubbiena Kukkużejt’ fejn did-darba akkost li ngħatajt l-ewwel premju, min kien qed imexxi l-ġurija, iddeċieda li jiddistakka ruħu minn din id-deċiżjoni.  Dan qal li kellu ċerti riservi dwar kemm id-dramm tiegħi seta’ jidher fuq il-palk minħabba li kien jitratta l-pedofilja. U infatti la dan id-dramm u lanqas ta’ qablu qatt ma ntwerew lill-pubbliku.”

    Mit-titli tal-kotba tiegħu ‘Rajt ‘l Alla Jibki’, ‘Beżgħat’, ‘Demgħat’ u issa l-ktieb li ħiereġ dalwaqt ‘Weġgħat’, ħadt l-impressjoni li Paul hu bniedem kemmxejn pessimist. Iżda hu Beżgħatirribatta aktar minn darba li l-flixkun jarah nofsu mimli u li bl-ebda mod ma jiddeskrivi ruħu b’dan il-mod.

    “Ikun aktar korrett li kieku ssejjaħħli realistiku. Jiena nemmen li l-kittieb juża l-kelma mhux għan-nom tiegħu biss imma biex jirrapreżenta anki l-ħsibijiet, id-dwejjaq, il-ferħ u l-protesti tal-bqija tas-soċjetà. Il-letteratura hija riflessjoni soċjali li qed turi l-kuxjenza ta’ kulħadd. Ċertament jien kittieb li nikteb fuq sitwazzjonijiet fejn, kif jgħid il-Malti, l-ilsien imur fuq id-darsa li tuġgħu. Ma nkunx qed nikteb xi terapija għall-qarrejja għax jien ma jien l-ebda psikologu. Imma nkun nixtieq li min jaqra l-kitba tiegħi, sempliċiment jaqsam u jirrifletti aktar dwar dak li qed iseħħ madwaru.”

    Paul qabel miegħi illi huma l-emozzjonijiet qawwija ħafna, dawk li jġiegħluk tmiss mal-laħam il-ħaj tal-ħajja, li jħeġġuk biex tikteb.

    “Ejja ngħiduha kif inhi, meta nkun ferħan u għaddej nidħak, ma nħossx dik l-imbutattura għall-kitba. U jiena jekk ma nħossx dik ix-xi ħaġa li tqanqalni, ma niktibx. Però mbagħad naf inkun fi kwalunkwe post u f’kull xorta ta’ sitwazzjoni, u hekk kif nisma’ xi ħaġa li tolqotni, bħal qisha tfaqqa’ xi ħaġa ġo fija u minn hemm jibdew sensiela ta’ ħsibijiet, kultant kapitli sħaħ ta’ kotba u f’xi daqqiet saħansitra xi soluzzjoni għal xi dilemma li kelli qabel! ”

    Fost il-kotba tiegħu, Paul għandu wkoll kitbiet etnografiċi u ambjentalisti bħal ‘Stejjer minn Wied Għarbiel’, ‘Minn Fuq għal Isfel’, ‘Snajja’ u Xogħol il-Maltin Vol. I u II’, u In-nannu Pawlu u n-nanna Ġużeppa‘Nismagħhem Jgħidu Vol. I’. Uħud minn dawn il-kotba ġew f’idejja ħafna drabi għax huma ideali għar-riċerka tal-proġetti tal-iskola. Iżda żgur li qatt ma kont bsart xi ġrajjiet ħelwin inizzjaw il-ħolqien tagħhom. Infatti n-nannu Pawlu, li għalih hu msemmi l-awtur, u n-nanna Ġużeppa, kellhom influwenza kbira fuq it-triq li qabad dal-kittieb. Paul urini ritratt tagħhom u hekk kif ilmaħt it-tbissima ħelwa tan-nanna Ġużeppa, mill-ewwel fhimt x’kien li jiġbed il-kittieb kull darba lejn Selmun…

    “Bqajt immur inżurhom anki meta kbirt u tgħarrast. Kienet tiġbidni dik it-trankwillità u l-paċi li kont inħoss meta kont inkun fil-kumpannija tagħhom. Kien nannuwi, li għalkemm ta’ ftit kliem, ħabbibni man-natura u urieni kif sa l-inqas ħaxixa u ġebla għandhom l-użu tagħhom. Huwa introduċieni mas-sengħa tal-bidwi u flimkien mal-bdiewa l-oħra tal-madwar fehemni tassew xi tfisser li tkun bidwi. Min-naħa l-oħra n-nanna żrat fija l-imħabba għall-kitba u għall-qari. Permezz tagħha, f’età żgħira, kont diġà qrajt il-kotba klassiċi kollha Maltin hekk kif akkost li hi ma kinetx taf taqra u tikteb, xorta waħda xtrat dawn il-kotba u kull darba kienet titlobni biex naqralha xi silta minnhom. F’kotba bħal ‘Il-Ħuġġieġa’ kien ikun hemm ukoll xi novella qasira, li kont naqra diversi drabi, sakemm darba minnhom tħajjart jien ukoll inħarbex xi ħaġa. In-nanna Ġużeppa kienet tħobb tirrakkuntali ħafna ġrajjiet u għajdut u sikwit kont naħseb dwar dik il-ġurnata meta xi darba nannti kienet ser tħallina u magħha kien ser jindifen u jmut dak kollu li kienet taf. Hekk kien qed jiġri diġà mill-anzjani l-oħra tal-madwar, li min jaf kemm kont ħadt gost nismagħhom jirrakkuntawli l-esperjenzi tagħhom! Darba minnhom ħadt deċiżjoni u mill-informazzjoni li kont ġbart mingħand in-nanniet tiegħi u minn xi dettalji oħra li kont ksibt jien, ippubblikajt il-ktieb bl-isem ‘Selmun u l-Inħawi’ u ftit tas-snin wara ‘Selmun – A story of Love’.

    U ħaġa twassal għall-oħra… biż-żmien indunajt ukoll li anki s-snajja’ ta’ dawn l-anzjani kienu qed jispiċċaw u jmutu. U għalhekk meddejt għonqi biex did-Snajja u Xogħol il-Maltin Vol. 1darba niġbor dawn id-dettalji. Bdejt minn anzjan mill-Mellieħa, ċertu Pietru Gauci il-Pirrex u minn hemm imxejt minn individwu għall-ieħor sakemm ifforma l-ewwel ktieb ta’ ‘Snajja’ u Xogħol il-Maltin’. Bdejt nara lil dawn l-anzjani bħala sors ta’ informazzjoni kbir u ma ridt nitlef l-ebda parti minnha. Għadni sal-llum niġbor dan it-tagħrif, bil-kliem preċiż kif jingħad u bid-diżinji ta’ dak li nkun qed nara. Kien Ġorġ Mifsud Chircop, espert tal-folklor, li għeni ħafna f’dal-qasam u tani pariri sbieħ fejn fosthom irrakkomandali biex nipprova ma nofthomx lill-bniedem mis-sengħa tiegħu.”

    L-ambjent huwa wisq għal qalb dan l-awtur, tant li spiss, tkellmu fuq xhiex tkellmu, d-diskors idur mill-ewwel dwar das-suġġett.

    “Inizzjalment meta bdejt nikteb il-ktieb ‘Selmun – A story of Love’ kelli ftehim mal-amministraturi Ġermaniżi li kienu jmexxu l-lukanda tal-palazz ta’ Selmun, sabiex jiffinanzjawli dan ix-xogħol. Imma meta darba minnhom intbaħt li dawn kienu qed jagħmlu ħsara permanenti lill-arkitettura antika ta’ Selmun u kxifthom, dak li wegħduni ma tawhuliex, iżda l-ktieb ħriġtu xorta waħda u ħallastu jien minn buti. Il-ħsara li saret kienet nikktitni u rrabjatni ħafna. Ix-xogħol sar bla ħniena u bla rispett lejn dan il-bini ta’ valur fejn fosthom graffiti ta’ xwieni antiki li lanqas ritratt ma lħaqt ħadtilhom, ġew sandblasted u meqrudin darba għal dejjem! Bit-tama li nevita li ssir aktar ħsara,  wasalt biex anki dħalt mal-lejl flimkien ma’ ibni, b’mod klandestin, bi ftehim ma’ wieħed mill-gwardjani tal-post, sabiex inħaffer u nikkonferma li fis-sit tal-palazz, kien hemm il-pedamenti ta’ kappella li nbniet fis-seklu 15. Infatti apparti li sibna dawn il-pedamenti, skoprejna wkoll għadd ta’ fuħħar u għadam ta’ skeletri li ndifnu fiz-zuntier tal-kappella. Mort malajr nirraporta għand stazzjon televiżiv lokali u għalkemm ġew mill-ewwel u ħarġu feature waqt l-aħbarijiet, din l-istorja mietet hemm. L-għada stess, il-ħaddiema ġarrfu kollox u ma lħaqt żammejt xejn minn dak kollu ħlief widna ta’ ġarra tal-fuħħar! L-istess xtaqt inkun naf x’sar mill-għamara li kien hemm f’dan il-palazz. Ċertu Diego Spiteri, anzjan ta’ 101 sena, illum mejjet, darba stqarr miegħi li meta hu mar iqatta’ xi ġimgħat għall-qamar il-għasel f’dan il-palazz, l-għamara li kien hemm hemm ġew tant kienet sabiħa li ridt sebgħa għajnejn biex tħares lejha! ”

    Fil-ktieb ‘Quest for Identity – the Mellieħa experience’ li għalih huwa ngħata l-unur prestiġġjuż Premio Gianfranco Merli per l’Ambiente, l-awtur ħareġ b’teorija partikolari dwar il-bdiewa.

    “Minn riċerka li wettaqt ma’ diversi bdiewa ta’ pajjiżi differenti, inklużi dawk Maltin u dawk li qrajt dwarhom fil-kotba klassiċi ta’ Tolstoy u Dostoyevsky, intbaħt illi teżisti linja li tgħaqqadhom kollha Quest for identityflimkien. Akkost li jgħixu f’ambjenti differenti, minn kliemhom tara li r-relazzjoni li dawn il-bdiewa għandhom mal-art hija l-istess kullimkien. Ir-rispett, il-kura u l-imħabba li jieħdu ħsieb l-għelieqi tagħhom biha dejjem għandhom għan speċifiku; dik li xi darba dawn ser jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajhom bħalma huma qed igawdu l-art li twasslet lilhom minn dawk ta’ qabilhom. ”

    Meta staqsejt lil Paul P Borg x’jixtieq fil-ħajja, hu qalli li bħalissa jħossu għaddej minn żmien kreattiv ħafna u jispera li daż-żmien ma jmurx. Bla dubju, ser inkunu nafu aktar dwar dan l-awtur permezz tal-għażla ta’ novelli li ser ikun qiegħed jippreżentalna fil-ġimgħat li ġejjin fit-Torċa.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-14 t’Awwissu 2011)

    2011.08.14 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • DAQQA T’ID LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ

    Qawl Ċiniż jgħid: “Agħti ħuta lil xi ħadd u tkun tmajtu għall-ġurnata. Għallmu kif jistad u tkun tmajtu għal ħajtu.” L-għerf li hemm maħżun f’dan il-qawl huwa proprju l-Stephen Vella u Jessica Camillerigħan wara l-proġett Embark4Life. “Kull bniedem jiġi f’punt fejn irid jakkwista l-indipendenza f’ħajtu,” saħqu miegħi Stephen Vella, il-Project Leader, u Jessica Camilleri, il-Project Administrator ta’ dan il-proġett. “Imma hemm każi fejn individwu ma jkollux il-ħiliet bażiċi u lanqas l-għajnuna tant meħtieġa biex jilħaqhom, u għalhekk isibha diffiċli ferm biex ifendi għal rasu. Huwa hemm fejn nidħlu aħna biex nagħtu daqqa t’id. Iżda finalment huwa f’idejn iż-żagħżugħ li jagħraf il-bżonn li jaċċetta l-għajnuna tagħna u li jiddeċiedi li jibda kapitlu ġdid f’ħajtu.” X’hemm isbaħ milli wieħed jgħinek issib it-triq it-tajba u mbagħad iħallik fil-libertà biex tkompli miexi fejn tixtieq qalbek?

    Il-proġett Embark4Life beda fl-2009 u bħalissa qed isiru arranġamenti sabiex jibqa’ għaddej sal-aħħar tal-2012. Qed jiġi ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-European Social Fund u huwa ikkoordinat mill-Aġenzija Appoġġ u mill-Aġenzija Sedqa b’kollaborazzjoni mal-ETC u mal-Awtorità tad-Djar. Dal-proġett ġie partikolarment imfassal sabiex jagħti għajnuna lil żgħażagħ ta’ bejn l-eta ta’ 16 u 24 sena ħalli jintegraw aħjar fid-dinja tax-xogħol u fis-soċjetà.

    “Dehrilna li jekk diversi entitajiet jgħaqqdu l-forzi tagħhom flimkien, il-proġett ikollu ċans akbar li jkun ta’ suċċess. B’hekk apparti li l-ebda entità ma tkun qed taħdem għal rasha u forsi anki tidduplika x-xogħol, b’kollaborazzjoni akbar bejniethom, l-entitajiet konċernati jkunu jistgħu joffru qafas aktar sikur għal din l-istrateġija mmirata biex tgħin liż-żgħażagħ li jkunu ser jiġu introdotti għad-dinja tax-xogħol. Għall-istess raġuni, qed naħdmu wkoll id f’id ma’ numru ta’ istituzzjonijiet li huma relatati b’xi mod jew ieħor ma’ dal-qasam, bħal ngħidu aħna: Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Sedqa, Suret il-Bniedem, Dar Osanna Pia, u l-Probation Services.

    Ġie deċiż li naħdmu ma’ dik is-sezzjoni ta’ żgħażagħ li għandhom bejn l-età ta’ 16 u 24 sena minħabba li nemmnu li din hija l-faxxa l-aktar vulnerabbli biex tintegra fid-dinja tax-xogħol. Għażilna li l-età Embark4Life Poster 1tibda minn 16-il sena għax nixtiequ li għallinqas iż-żgħażagħ ikunu spiċċaw l-edukazzjoni formali tagħhom u idealment ikollhom l-ischool leaving certificate, ħalli b’hekk ikun hemm pedament sod ta’ edukazzjoni. Immirajna l-għażla tagħna sal-età ta’ 24 sena għax naħsbu illi f’dan il-perjodu, iż-żgħażagħ ikunu aktar miftuħa għat-tagħlim u għat-taħriġ. Barra minn hekk ġuvni ta’ 18-il sena li jsib ruħu fit-triq, ċertament issirlu iżjed ħsara u jista’ jiġi ħafna aktar sfruttat minn wieħed li jsib ruħu fl-istess kundizzjoni f’età akbar għax dan b’xi mod jew ieħor ikun tgħallem ikampa fil-ħajja u jkun diġà rabba ċertu qoxra.”

    Fhiex tikkonsisti l-għajnuna jew is-servizzi ta’ Embark4Life u għal min huma applikabbli ?

    “Hemm diversi servizzi li jingħataw u dawn dejjem jiddependu mill-ħtiġijiet partikolari ta’ kull individwu. Huma applikabbli għal żgħażagħ li qed isibu diffikultà biex jidħlu fil-qasam tax-xogħol minħabba diversi raġunijiet bħal ngħidu aħna dawk li jkunu trabbew f’xi istituzzjonijiet, dawk li qegħdin f’riskju li jiġu mkeċċija mill-familji tagħhom, dawk li kellhom problema ta’ droga u dawk li qegħdin fil-ħabs u qed jaħsbu kif ser jintegraw ruħhom meta joħorġu minn hemm ġew.

    Flimkien ma’ kull individwu aħna nfasslu pjan b’numru ta’ parametri li jkopru l-istili bażiċi li wieħed għandu bżonn biex jirnexxi fil-ħajja. Mhux kulħadd għandu l-istess ħtiġijiet. Ngħidu aħna, hemm min ikun falla ħafna lezzjonijiet meta kien l-iskola, tant li meta jiġi biex joħroġ, lanqas l-ischool leaving certificate ma jingħatalu. Hemm min għandu diffikultà biex jifhem il-lingwa Ingliża u allura mbagħad issibu jbati biex jgħaddi minn ċerti eżamijiet bħal per eżempju, biex iġib il-liċenzja tal-karozza. Żgħażagħ oħra jkun jonqoshom xi ‘O’ Levels u l-ġenituri tagħhom ma jkunux jifilħu jħallsulhom għall-lezzjonijiet. Lil dawn iż-żgħażagħ, aħna noffrulhom servizz ta’ taħriġ b’xejn, weħidhom jew fi grupp, biex jirkupraw l-edukazzjoni u ċ-ċertifikati li jkollhom bżonn. Nagħtu wkoll għajnuna f’dik li tikkonċerna l-komunikazzjoni u għaldaqstant inħarrġu liż-żgħażagħ kif jikkomunikaw aħjar, kif jużaw il-kompjuter, kif jidħlu fl-internet, kif jiktbu cv u kif jippreparaw ruħhom għal intervista.

    Sfortunatament naraw ukoll ħafna żgħażagħ li donnhom ma jkunu jistgħu joħorġu qatt mill-fażi tat-taħriġ. Jibqgħu jattendu għall-kors wara l-ieħor u jġibu ċ-ċertifikati kollha, imma mbagħad isibu Embark4Life Poster 2diffikultà biex jużaw dawk il-ħiliet li jkunu tgħallmu sabiex bihom isibu xogħol adattat. Lil dawn iż-żgħażagħ aħna ngħinuhom billi ninkoraġġuhom japplikaw għal xi xogħol, anki billi nuruhom bl-opportunitajiet kontinwi li jkun hemm fl-ETC. Kultant niltaqgħu ukoll ma’ żgħażagħ li ma jkunux qed japplikaw għax-xogħol peress li jidhrilhom li l-ebda pożizzjoni ta’ xogħol offruta ma tkun tixtraq għall-kwalifikazzjonijiet li jkollhom. F’dawn il-każi, aħna naħdmu ma’ dawn l-individwi biex infehmuhom li m’hemm xejn ħażin li tibda minn xogħol partikolari u mbagħad tibda tiela’ tarġa tarġa ‘l fuq. Bla dubju, jekk ma tibdiex minn x’imkien, żgur li ma tasalx u jekk ma taħdimx, ma jkollokx flus biex tmantni ruħek.”

    Iżda apparti mit-taħriġ edukattiv, Embark4Life joffri wkoll saqaf fuq ras numru ta’ żgħażagħ li jsibu ruħhom f’diffikultà…

    “Huwa inutli li tipprova tħajjar żagħżugħ biex imur jaħdem jekk dan m’għandux fejn joqgħod u ma jafx kif ser jiekol matul il-ġurnata! Daqstant ieħor hu impossibli li ssib impjieg lil xi ħadd li għandu problemi ta’ alkoħol jew droga. F’dawn il-każi partikolari aħna noffru wkoll sistemazzjoni temporanja fi djar jew hostels apposta bħal Suret il-Bniedem u Dar Osanna Pia, sakemm iż-żagħżugħ jitgħallem ħiliet biżżejjed u jsir aktar responsabbli tiegħu nnifsu sabiex jinqata’ minn dawn il-vizzji, jrabbi aktar fiduċja fih innifsu u jkun jista’ jvara ħajtu fid-dinja tax-xogħol. Nixtiequ niċċaraw li din is-sistemazzjoni hija waħda temporanja u allura matul numru stabbilit ta’ xhur, iż-żagħżugħ bl-għajnuna ta’ youth worker li tkun qed issegwih u tinkoraġġieh, irid juri biċ-ċar li lest li jgħin lilu nnifsu sabiex jirnexxi u allura jeħtieġ li jattendi għat-taħriġ li nippjanaw u li finalment jibda jmur jiċċekkja x’opportunitajiet hemm mal-ETC u anki jibda jirreġistra.  L-għajnuna tal-youth worker tinkludi wkoll taħriġ f’kif wieħed iqassam u jfaddal flusu ħalli fi ftit taż-żmien ikun jista’ jikri proprjetà għal rasu.

    Permezz ta’ Embark4Life, b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar, kull tant żmien, aħna nagħmlu sejħa pubblika għal dawk li għandhom xi appartamenti vojta u jkunu jixtiequ jikruhom lil dan il-proġett. Embark4Life Poster 3Eventwalment aħna nidħlu f’kuntratt mas-sid u nikru dawn il-postijiet għal mhux aktar minn sena. Fl-istess ħin, aħna nidħlu bi sħab maż-żagħżugħ jew żagħżugħa konċernata bi ftehim li huma jridu jħallsu d-dawl, l-ilma, l-ikel u l-ħtiġijiet l-oħra tal-post. Barra minn hekk, il-ftehim ikun jinkludi wkoll il-pjan li sa disgħa xhur wara, jridu jkunu bdew ifaddlu biżżejjed flus biex meta aħna noħorġu mill-kuntratt ta’ kiri, huma jkunu jistgħu jibqgħu jikru l-post bi flushom. Ovvjament dawn ir-regolamenti mhumiex inflessibli għax aħna nagħtu attenzjoni individwali lil kull każ. Infatti hemm każi fejn akkost li wieħed ikun tassew qed jgħin ruħu u jġemma’, ma jkunx irnexxielu jilħaq il-mira ppjanata saż-żmien stabbilit. Allura, anki biex ma jintilifx il-ġid kollu li nkunu għamilna miegħu, aħna nikkunsidraw li  nestendu das-servizz tagħna bi tliet xhur oħra.”

    Stephen u Jessica enfasizzaw kemm il-darba li s-suċċess ta’ dan il-proġett huwa rikonoxxut skont kemm jirnexxielhom jintegraw liż-żgħażagħ mal-bqija tas-soċjetà, b’mod speċjali fil-qasam tax-xogħol. Huma wrewni statistika ta’ kemm ġew mgħejuna żgħażagħ s’issa u kienu sodisfatti ħafna bir-riżultati li ottjenew kemm ilu li beda l-proġett.

    “Inħossu sodisfazzjon kbir meta naraw li ż-żgħażagħ qed jirrikorru b’mod konsistenti għall-għajnuna li qed noffru. Imma aktar minn hekk, il-ġid ta’ dan il-proġett ikun evidenti meta naraw bidla drastika jew aħjar tranżizzjoni f’dawn iż-żgħażagħ, fejn minflok li jirċievu biss, huma jsiru wkoll ċittadini parteċipi fis-soċjetà.

    Akkost li qed nuruk din l-istatistika, għalina kull każ partikolari huwa suċċess. Biex nagħtuk eżempju, dan l-aħħar koppja li ġew mgħejjuna permezz ta’ dan il-proġett, għażlu li jagħmlu l-festin tat-tieġ tagħhom proprju f’dawn l-uffiċini. Kien il-mod tagħhom kif ħallsuna lura ta’ dak li għamilna magħhom, billi wrewna wkoll li jqisuna bħala parti mill-familja tagħhom. Sfortunament fl-istess ħin, dan huwa wkoll eżempju ċar li jfissirlek is-sitwazzjoni li tinħoloq meta jkun hemm in-nuqqas tal-preżenza tal-familjari”.

    X’jista’ jagħmel żagħżugħ li jixtieq jipparteċipa f’dan il-proġett?

    “Min hu interessat jiġi referut mill-entitajiet li qed jipparteċipaw fil-proġett, prinċiparjament Aġenzija Sedqa u Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Żgħażagħ u l-Probation Officers. Madanakollu, meta jkun hemm żgħażagħ li ma kellhomx kuntatt ma’ dawn l-entitajiet, aħna nirreferuhom lil waħda mill-entitajiet rikonoxxuti sabiex tirreferihom hi. Ġieli jiġu każi meta ma nkunux nistgħu nsibu post alternattiv għal xi żagħżugħ li jeħtieġu u allura, fejn ikun possibbli, ngħidulu jistaporti ftit ieħor sakemm nirranġaw is-sitwazzjoni. Min-naħa l-oħra, ġieli jersqu għandna żgħażagħ għax ikunu imbuttati minn ħaddieħor, iżda ma jkollhom l-ebda ħeġġa biex jikkollaboraw. Ikun hemm ukoll min jidhirlu li m’għandux bżonn l-għajnuna tagħna, akkost li xi ħadd jirreferih għandna. Min jiġi hawn irid ikun liberu li jixtieq l-għajnuna, ma jistax jiġi sfurzat. Naturalment aħna ma nkeċċu lil ħadd u nagħtu ċans lil dak li jkun biex jagħraf x’inhi l-aħjar triq għalih. Però finalment hemm ħafna żgħażagħ oħra għatxana li jagħmlu bidla f’ħajjithom u Embark4Life jiftaħ il-bibien tiegħu beraħ għal dawn!”

    Sabiex inkun nista’ nara b’għajnejja r-riżultati ta’ Embark4Life, iltqajt ma’ żagħżugħ li bħalissa qiegħed jipparteċipa f’dan il-proġett…

    “Għandi 17-il sena. Kienet social worker tal-Appoġġ li ntroduċietni għal Embark4Life. Nistqarr li għall-ewwel ma tantx kont ħadtu ħafna bis-serjetà dan il-proġett u llum nistħi meta niftakar kemm ġieli ħallejt nies jistennewni biex jagħtuni xi taħriġ u jiena ma attendejtx! F’ħajti jiena għaddejt minn ċerti diffikultajiet…dort f’diversi istituzzjonijiet, tlaqt mill-iskola mingħajr school leaving certificate u saħansitra għamilt perjodu l-ħabs. Illum, meta noqgħod naħseb, nirrealizza li kelli wisq libertinaġġ u qisni ftit li xejn kelli kontroll fuqi nnifsi.

    Illum qed ngħix f’dar li tilqa’ ż-żgħażagħ u s-servizz li qed jingħata lili qed jiġi ssapportjat finanzjarjament mill-proġett E4L. Hawnhekk jieħdu ħsiebi ħafna u fuq kollox qed jgħallmuni kif insir aktar Embark4Life Poster 4responsabbli, iddixxipplinat u indipendenti. Fl-uffiċini ta’ Embark4Life, attendejt għal taħriġ maħsub għalija fejn permezz tiegħu ġibt l-ischool leaving certificate. Barra minn hekk, bħalissa qed nistudja l-Malti, l-Ingliż u l-kompjuter. Preżentament inħossni kburi ħafna li rnexxieli nżomm ix-xogħol għal dawn l-aħħar disgħa xhur u nofs, xi ħaġa li qatt ma kont kapaċi nagħmel qabel. Kien permezz ta’ dan ix-xogħol li ndunajt li togħġobni l-kċina u għalhekk ser nibda nieħu taħriġ fl-ITS.

    Hawnhekk għenuni ħafna speċjalment meta emmnu fija u meta ħallsuli dak li kelli bżonn biex niġi fuq saqajja. Għallmuni ħafna affarijiet tal-ħajja fosthom kif nikteb cv, kif insib xogħol u kif infaddal. Għamluli r-referenzi u sabuli dar fejn noqgħod temporanjament sakemm nitgħallem noqgħod għal rasi, għalkemm nammetti li s’issa din l-idea li noqgħod waħdi, tbeżżagħni xi ftit. F’dawn l-uffiċċji niltaqa’ wkoll ma’ sħabi, li forsi barra t-triq kienu jdaħħluni fl-inkwiet, imma hawn nieħu gost narahom jieħdu l-għajnuna u jitgħallmu bħali.

    Nirrakomanda liż-żgħażagħ li għandhom bżonn l-għajnuna sabiex jagħrfu jaċċettawha u jieħdu l-ġid minnha. Jekk f’qalbhom veru jħossu l-bżonn li jitgħallmu xi ħaġa, hawnhekk tajjeb ħafna. Żgur aħjar milli toqgħod tiġri barra bla skop!”

    Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett Embark4Life, wieħed jista’ jċempel fuq 21323520. Jista’ wkoll jibgħat email fuq e4l.fsws@gov.mt jew jidħol fil-website www.fsws.gov.mt. L-uffiċini ta’ Embark4Life jinsabu f’168, Triq il-Wied, l-Imsida.

    Dan il-proġett qed jitmexxa mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li tinkorpora Aġenzija Sedqa (www.sedqa.gov.mt), Aġenzija Appoġġ (www.appogg.gov.mt) u Aġenzija Sapport (www.sapport.gov.mt).

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-7 t’Awwissu 2011)

    2011.08.07 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • DIVERTIMENT F’POST L-INKWIET?

    Il-Milied li għadda, irċevejt email li ħallietni xxukkjata! Bagħtithieli ħabiba tiegħi barranija, studenta ta’ 18-il sena li ġiet Malta biex tistudja fl-Università tagħna. Tfajla kwieta, bilkemm tgħid kelma fil-klassi, aħseb u ara tinbex lil xi ħadd f’Paceville. “Qlajt xebgħa,” kitbitli. “Għandi mnieħri miksur u żewġ black eyes. Ġuvni barrani segwieni waqt li kont miexja lura lejn id-dar minn Paceville. F’ħin minnhom ħatafni u waddabni f’għalqa biswit ħafna djar. Ried bilfors ikollu x’jaqsam miegħi u meta rreżistejtu, qabad jagħtini bla ħniena bil-ponn f’wiċċi u telaqni biss meta ra xi nies resqin qrib.” Moħħi nixef u jdejja weħlu mal-keyboard. X’ser naqbad ngħidilha? Ċempiltilha wara ftit u għalkemm ippruvat tbellagħhieli li issa kienet aħjar, leħinha kien miksur u mbeżżgħa. Kien żmien meta suppost  kienet qed tistudja għall-eżamijiet u minflok kellha tgħaddi minn dit-trawma sħiħa f’pajjiżna! Tistgħu timmaġinaw x’baqa’ mill-ġenituri tagħha u mill-Maltin li kienu qed jilqugħha f’darhom.

    Din il-memorja reġgħet ġiet f’moħħi dil-ġimgħa hekk kif waqt li kont qed inqalleb il-paġni ta’ gazzetta lokali, nilmaħ dan il-kliem: “Did-darba lil ibni ġietu tajba… imma bħala ġenitur, missier ta’ erbgħa, inħossni nistħi li bqajt sieket għal tant żmien, akkost li kont konxju minn dak li qed jhedded liż-żgħażagħ, lil uliedi.” L-ittra kienet miktuba mill-avukat Dr Anthony P Farrugia li dan  l-aħħar għadda minn mumenti diffiċli wara li ibnu u t-tfajla tiegħu ġew attakkati minn grupp ta’ żgħażagħ li kienu għadhom kif serqu turist fl-inħawi tal-bajja ta’ San Ġorġ u dawn marru jagħtuh l-għajnuna. “X’nagħmel allura? Inwissi lil uliedi biex darb’oħra, jekk jaraw lil xi ħadd fil-bżonn, jibqgħu għaddejjin u ma jindaħlux sabiex ma jidħlux fl-inkwiet?”Dr Farrugia saħaq illi ġuvnott li kien magħhom, kellu jinżel saħansitra sa Spinola biex isejjaħ lill-pulizija. Huwa staqsa il-għala f’post fejn jinġabru tant żgħażagħ, m’hemmx aktar sorveljanza sabiex dawn jiġu protetti u anki biex tinżamm l-ordni pubblika?

    Naturalment, bħal kif jiġri s-soltu, il-karba ta’ dal-missier ma waqgħetx fuq widnejn torox u qamet agħa fost in-nies. Kulħadd jgħid tiegħu. Mitt bniedem, mitt fehma. Fosthom kien hemm min insista li dawn l-inċidenti jseħħu b’mod regolari mhux fl-inħawi ta’ Paceville biss imma anki fil-Gżira u f’Buġibba. Iżda oħrajn merewhom peress li kienu tal-fehma li fl-inkwiet jidħlu biss dawk l-individwi li jmorru fil-postijiet ‘żbaljati’ u li allura jkunu qed ifittxu l-ġlied. Dort dawra mal-gazzetti u fil-facebook u innutajt dak kollu li kien qed jintqal fuq ir-radju u fit-triqat. Ħassejt li b’mod ġenerali l-poplu huwa konxju li hemm problemi ta’ sigurtà f’dawn il-postijiet ta’ divertiment imma li ormaj tgħallem jgħix magħhom, hekk kif iċ-ċriev tgħallmu jgħixu mal-iljuni fil-ġungla. Infatti ż-żgħażagħ li ma jħossuhomx komdi f’dawn il-postijiet kellhom jagħżlu li jiltaqgħu f’inħawi oħra. Mentri oħrajn li sħabhom imorru hemm biss, jilludu ruħhom li lilhom qatt mhu ser jiġrilhom xejn għax huma ma jittantawx lix-xemx għaddejja. Innutajt li teżisti bħal passività “Għax hekk jew hekk x’tagħmel? Ma tmur imkien?” jistaqsuk. Donnu ħadd ma jrid joħroġ għonqu. Ta’ Maltin li aħna, ħafna minna nhedew inparlaw hekk kif il-media tiġbdilna l-ispaga sakemm imbagħad induru għal xi ħaġ’oħra u s-suġġett imut fuq ruħ ommu. U sadanittant l-impotenza tal-ġenituri li jipproteġu lil uliedhom kull darba li dawn joħorġu jiddevertu f’dawn il-postijiet, qiegħda tifni lil ħafna.

    Illum Paceville rari nitla’ iżda nistqarr li anki meta kont iżgħar, kont immur hemm għax bilfors. Hemmhekk kienu jinġabru l-maġġoranza ta’ sħabi u taż-żgħażagħ l-oħra u allura ma tantx kien hemm għażla. M’għandix xi memorji sbieħ tal-post, dejjem maħmuġ, bini fuq xulxin, taraġ imkisser mimli remettar (li llum wara tant snin ġie rranġat imma r-remettar għadu jkun hemm), nies jixorbu u jidħku jgħajtu biex jiġbdu l-attenzjoni, mużika għolja li ma tħallikx tgħid kelma ma’ dak li jkun, nies fis-sakra u oħrajn jilgħabuha li huma fis-sakra, barranin li donnhom qatt ma raw mara f’ħajjithom…. Ironikament kont nieħu r-ruħ meta jsir il-ħin biex nitlaq minn hemm, sakemm imbagħad kont niftakar li għad fadal saram ieħor. Kif ser immur lura d-dar? L-għażla kienet jew li noqgħod nittallab biex iwassalni xi ħadd minn sħabi, bit-tama li sakemm naslu biex nitilqu, ma jkunx xorob iżżejjed,  inkella li immur b’taxi, mgħaffġa bejn qabda żgħażagħ oħra li ma nafx, filwaqt li nispera li ser nasal sad-dar għax mhux darba u tnejn li kelli neħodha mas-sewwieqa biex ma jwaqqfunix f’xi pjazza wara li nkun ħallast biz-zalza! Meta ġibt il-liċenzja u xtrajt il-karozza ħsibt li kont akkwistajt il-libertà minn dan kollu. Fir-realtà spiċċajt is-sewwieqa ta’ ċertu sangisugi u meta kont nirrifjuta li nservihom, kont irrid naffaċċja t-triqat lura lejn il-karozza waħdi, fil-baħħ u fid-dlam.

    Sfortunatament mill-kummenti li bdejt naqra, għaraft li l-ħajja ma nbidlitx wisq għalkemm għaddew is-snin. Infatti bosta żgħażagħ ilmentaw li m’hux qed ikun hemm kontroll fuq l-età ta’ dawk li jitħallew jidħlu u wisq agħar jixorbu fil-clubs, b’uħud jinsistu li f’dawn il-postijiet, ċerti tfajliet taħt l-età qed ikunu wkoll ingaġġati bħala ‘żeffiena’. Barra minn hekk, akkost li kulħadd jaf li t-tipjip ġewwa dawn il-lwogi huwa projbit, jidher biċ-ċar li mhux kull post qed iżomm mar-regolamenti. Individwi oħra saħqu li oġġetti tal-ħġieġ f’dawn il-postijiet huma ta’ periklu kontinwu, hekk kif xi minn daqqiet, taf issib ruħek f’nofs ta’ ġlieda bla ma taf kif. Tfajla minnhom irrakkuntat kif proprju waqt ġlieda bħal din, hi spiċċat imwaddba fl-art minn bouncer tal-post, hekk kif dan ġera biex iferraq lill-ġellieda “u nara banketta għaddejja minn quddiem wiċċi!” Xi ħaddieħor kiteb: “Il-garanzija li jekk toqgħod attent ma jiġrilek xejn, hi biss illużjoni. Ċerti individwi juruk li jkunu għatxana biex jaqalgħu ġlieda u f’post fejn l-alkoħol (u mhux biss!) ikun għaddej bil-kwantità, tistenna li tinqala’ xi traġedja kbira xi darba.”

    Għalkemm numru ta’ żgħażagħ sostnew li l-preżenza tal-pulizija hija regolari f’Paceville u li meta jseħħ inċident, issibhom għall-għajnuna, oħrajn iddubitaw kemm in-numru ċkejken ta’ pulizija fuq il-post jista’ qatt ikun tassew effettiv meta f’ċerti ġranet ikun hemm tant nies miġburin f’dawn l-inħawi. Min-naħa l-oħra xi wħud dehrilhom li għalkemm il-pulizija jiġu fuq il-post, dawn ma jkunux ippreparati għal dak li jinqala’ … “meta ħabibti waqgħet u weġġgħet geddumha, lanqas stikka ma kellhom fuqhom!” kitbet waħda.

    Kultant xi żgħażagħ jiftħu qalbhom mal-ġenituri dwar xi ġlieda li jkunu raw isseħħ quddiem għajnejhom jew li jkunu spiċċaw fiha u dawn jistaqsuhom jekk ċemplux lill-pulizija? Omm kitbet li binha weġibha: “Għalxejn ma, għax il-pulizija dejjem jiġu meta jkun għadda kollox u min ikun qala’ l-inkwiet, ikun laħaq dabbar rasu!” U allura bir-raġun, numru ta’ żgħażagħ u ġenituri staqsew għala l-pulizija għandha tasal fuq il-post wara li jsir l-inċident, meta jaf ikun tard wisq. Għala trid tmur tfittex int lill-pulizija? Għala m’hemmx proċedura ta’ prevenzjoni? Għala l-pulizija ma jkunux qed iduru fit-toroq kontinwament sabiex il-preżenza tagħhom isservi bħala deterrent? Oħrajn xtaqu jkunu jafu għaliex m’hemmx aktar CCTV cameras li jissorveljaw l-inħawi u jekk wara kollox, dawk li hemm bħalissa, humiex qed jaħdmu tassew? Mistoqsija relevanti kienet jekk dawn is-CCTV cameras hux qed ikunu segwiti minn xi ħadd responsabbli waqt li ż-żgħażagħ ikunu miġburin fl-inħawi, inkella jekk jintużax biss ir-recording tagħhom wara li jilħaq jiġri l-fatt? Individwu ieħor staqsa jekk il-pulizija għandhomx aċċess faċli għar-recordings ta’ dawn il-filmati… “Jekk ikun involut barrani f’xi każ, mhux jilħaq idabbar rasu mill-pajjiż sakemm il-filmati jaslu għand il-pulizija, dejjem jekk il-camera tkun irrikordjat veru xi ħaġa!”

    Ċertament, kif jgħid qawl Ingliż, il-prevenzjoni hija aħjar mill-kura. U għaldaqstant ir-rota kull darba ddur fuq il-perċezzjoni ġenerali li dawn iż-żoni mhux qed ikunu regolati adegwatement sabiex l-inċidenti jiġu evitati. “Fl-aħbarijiet nisimgħu biss b’dawk l-inċidenti li jkunu gravi. Imma l-ġlied fil-bars iseħħ kemm il-darba” qal żagħżugħ. Min-naħa l-oħra ġenitur minnhom widdeb illi jekk xi darba ċċempillu bintu u tgħidlu jitla’ Paceville malajr għaliha għax qed jheddidha b’xi periklu xi ħadd, “Ma nkunx responsabbli ta’ x’ifettilli nagħmel! Niġi naqa’ u nqum jekk insibx xi tifel taħt l-età quddiemi dak il-ħin għax b’li jiġi f’idejja niftaħlu rasu!” Kien hemm min issuġġerixxa li jibda jintuża s-servizz tal-pulizija pajżana jduru fost iż-żgħażagħ “Għax int tkun dejjem ikkontrollat mill-ħsieb li ta’ ħdejk jista’ jkun il-persuna li jwaqqfek milli titkessaħ ma’ persuna oħra.” Madanakollu oħrajn insistew illi l-pulizija pajżana mhumiex ta’ deterrent daqs kemm meta qed tara l-uniformi quddiemek u li allura jservu biss biex jikkontrollaw ġlieda meta tkun diġà qamet.

    Din il-kwistjoni nislet ukoll battalja bejn dawk li ma jridux li niġu f’sitwazzjoni ta’ “stat polizjesk” u dawk li jinsistu li “il-preżenza tal-pulizija iddejjaq biss lil min beħsiebu jaqla’ l-inkwiet jew jagħmel xi ħaġa li mhux suppost.” Kummenti oħrajn sostnew illi l-pulizija li jiġu assenjati r-responsabbiltà ta’ dawk l-inħawi, għandhom ikunu mħarrġa apposta f’dak ir-rigward. “Għandu jkun hemm preżenza utli u effettiva. Idealment xi skwadra ta’ pulizija li flimkien ma’ riżorsi oħra ta’ servizzi, inkluż dak tal-SAG, joħolqu ambjent ta’ dixxiplina. Sfortunatament il-perċezzjoni tan-nies f’dik li hija dixxiplina mill-pulizija mhiex tajba ħafna u allura l-immaġni tal-pulizija qed tbati ħafna.” Xi ħaddieħor qal: “Jien rajt gang qed tisraq handbag ta’ tfajla u akkost li din bdiet tibki kemm tiflaħ u ssejjaħ għall-għajnuna, ħadd ma ta kasha, tant li dawk li serquha baqgħu fil-viċin ħalli jaraw x’kien hemm tajjeb għalihom fil-handbag!” Bla dubju f’territorju fejn m’hemmx biża’ li wieħed jista’ jinqabad minħabba n-nuqqas ta’ordni, l-inħawi jsiru fertili fil-kriminalità … “bħal ħmieġ li jiġbor il-ġrieden”.

    Kien hemm min farfar dil-kwistjoni malajr billi semma’ illi f’pajjiżi oħra, fl-inħawi tad-divertiment, isir wisq agħar u allura relattivament Paceville huwa sikur. U allura għandna nikkuntentaw b’dan? Oħrajn semmew kif f’bosta mill-clubs, wieħed isib numru ta’ bouncers u allura hekk kif xi ħadd jaqla’ l-inkwiet “jintrema l-barra”. Imma mbagħad kien hemm min staqsa “U lil dak li jintrema’ barra min jiġbru? Aktarx ħadd u allura jmur jaqla’ l-inkwiet x’imkien ieħor, probabbilment fit-triq fejn in-nies m’għandhiex daqshekk protezzjoni”. Infatti suġġeriment għaqli ħafna insista illi s-servizzi ta’ sigurtà li hemm fl-inħawi idealment għandhom jaħdmu flimkien. Ngħidu aħna, jekk xi ħadd huwa tant fis-sakra li mhux qed jara art jew li wasal fi stat li jaqla’ l-inkwiet, dan l-individwu m’għandux jitħalla barra fit-triq bla ma jingħata għajnuna. Biss biss, jekk ma jagħmel ħsara lil ħadd, jaf jilħaq isib il-karozza tiegħu u jipprova jsuq lura lejn id-dar b’konsegwenzi oħra serji.

    L-awtoritajiet saħqu illi l-pulizija qed jagħmlu mill-aħjar li jistgħu hemmhekk. Iżda għalkemm bosta jaqblu ma’ dan, ħafna min-nies jistqarru wkoll illi kieku kellha tiżdied aktar il-preżenza tal-pulizija, iħossuhom ferm aktar protetti. “In-nies meqjusa bħala ‘importanti’ tarahom għaddejjin bil-bodyguards magħhom. Allura uliedna mhumiex meqjusa importanti biżżejjed biex ikollhom il-protezzjoni f’dawn il-postijiet? Ma jistax ikun li nwaqqaf lil uliedi milli joħorġu. U fl-istess ħin għaliex uliedi għandhom jiġu mċaħħda milli jmorru f’dawn l-inħawi sempliċiment għax m’hemmx kontroll biżżejjed?” staqsa ġenitur inkwetat għall-aħħar.

    Anki l-pieni li jingħataw lil dawk li jinqabdu qed iwettqu xi reat qed idarrsu lil ħafna. “Riċentement wieħed weħel multa u twiddiba. B’daqshekk? Issa x’ser jiġri? Il-weekend li ġej ser nerġgħu insibuh Paceville mill-ġdid fostna? Forsi wasal iż-żmien li bħal ma jagħmlu fil-grounds tal-futbol, min jaqla’ l-inkwiet, tinħariġlu ordni biex għall-ammont ta’ żmien partikolari ma jersaqx lejn Paceville iktar. Dak żgur deterrent, meta ż-żgħażugħ għandu t-theddida li jekk ma jġibx ruħu sew, ser jiġi mifrud mill-bqija ta’ sħabu u mċaħħad minn dawn il-postijiet ta’ divertiment. B’hekk anki l-pulizija stess tħoss li xogħolha sewa għal xi ħaġa. Mhux bħal kif jiġri issa, tarresta bniedem illum u l-ġimgħa ta’ wara terġa’ ssibu jaqla’ l-inkwiet mill-ġdid!”

    Nittama li did-darba dil-kwistjoni ma tingħalqx hawn…

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-31 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.31 / no responses / Category: Torca - Perspettivi