Posts Tagged ‘Torċa’

  • MHUX X’TGĦID JGĦODD, IMMA KIF TGĦIDU

    L-intervista li għamilt lil Trevor Zahra dil-ġimgħa kienet ilha snin sħaħ tinħema f’moħħi, probabbilment sa mill-ewwel ktieb tiegħu li ġie f’idejja ‘Dwal fil-fortizza’. Kien l-Trevor Zahraewwel awtur Malti li fi tfuliti ħabbibni mal-lingwa tiegħi u kien hu wkoll l-ewwel wieħed li ħollomni li forsi xi darba nsir kittieba bħalu. Iżda nistqarr li lil dan l-awtur irbattu ma’ tfuliti u ftit li xejn kont qrajt mill-kitba tiegħu għall-adulti, sitwazzjoni li ċertament kelli nikkoreġiha qabel niddeċiedi li nintervistah. L-għażla kienet vasta għax sadanittant dan l-awtur kiteb madwar 130 ktieb! Jiena u nerfa’ jdejja lejn il-qanpiena tal-bieb tiegħu, wara dak li qrajt, bsart li ser niltaqa’ ma’ bniedem differenti minn dak li kont geżwirt f’qalbi snin twal ilu u kont imħassba dwar x’kont ser insib. Imma Trevor laqgħani għandu b’ġentilezza kbira u qattajna s-sigħat nitkellmu flimkien. Fost id-diskussjoni tagħna sikwit ħareġ dak li darba qal wieħed mill-awturi favoriti tiegħu stess, Gabriel García Márquez…. “L-importanti fil-ħajja mhux dak li tgħaddi minnu imma x’tiftakar minnu u kif tiftakru.”

    Ħadt miegħi l-ktieb ‘Dwal fil-fortizza’ għax xtaqtu jiffirmahuli, bħal donni ridt nagħlaq xi ċirku li nfetaħ żmien ilu. Iżda minflok rbaħt il-privileġġ li niftaħ kapitlu ġdid ta’ ħbiberija, hekk kif Trevor beda jirrakkuntali bosta siltiet minn ħajtu. Skoprejt li wara kollox kien hemm ħafna affarijiet simili bejnietna, fosthom li fi tfulitna, it-tnejn konna mitlufin wara l-kotba ta’ Enid Blyton.

    “Meta kont żgħir, missieri kellu librerija mimlija kotba imma kważi l-ebda wieħed minnhom ma kien adattat għat-tfal. Għalhekk kont spiċċajt nipprova naqra l-kotbaDwal fil-fortizza maħsuba għall-qarrejja adulti.  Dawk tal-Ingliż kienu diffiċli ferm biex nifhimhom. Min-naħa l-oħra l-kotba bil-Malti kienu dawk ġeneralment b’ambjent storiku bħal ‘Raġel bil-għaqal’, li għalkemm kienu interessanti, żgur li ma kienux jipprovokawli daqstant l-imaġinazzjoni tiegħi. Kotba bil-Malti għat-tfal ma kinux jeżistu ħlief ‘Ġabra ta’ Ward’ li kellna l-iskola u l-ktieb ‘Ġoġo Rummiena’ li ħareġ Albert Cassola fil-ħamsinijiet.

    Imma darba waħda, meta kelli 12-il sena ġie f’idejja l-ktieb ‘The Treasure Hunters’ ta’ Enid Blyton u ġġennint fuqu, l-ewwelnett għax indunajt li wara kollox kont naf naqra bl-Ingliż u t-tieninett għax fetaħli beraħ l-immaġinazzjoni tad-dinja tat-tfal. Dal-ktieb tant għoġobni li meta tfarfart ftit, tħajjart nittraduċih għall-Malti biex bħallikieku nagħmlu tiegħi. Eventwalment, meta kbirt, bqajt nistaqsi lili nnifsi għala t-tfal Maltin ma kellhomx kotba sbieħ bħal dak, miktubin bil-lingwa tagħhom? Biex tagħqad, meta dħalt ngħallem il-Malti, bdejt ninnota ħafna mit-tfal tal-iskola jaqraw il-kotba ta’ Enid Blyton u allura aktar komplejt nikkonferma li kien hemm għatx kbir għal kotba bħal dawn.

    Hekk twieled l-ewwel ktieb tiegħi ‘Il-Pulena tad-Deheb’ u minn hemm għamilt għaxar snin sħaħ nikteb dan il-ġeneru ta’ kotba. Din is-sensielaFuklar qadim u bnadar imċarrta marret tajjeb ħafna mat-tfal imma mbagħad ġie żmien meta xtaqt nibdel ftit l-istil tal-kitba tiegħi. Iddeċidejt li nagħlaq bl-aħħar wieħed ‘Il-Miraklu tal-Ġiżirana’ imma meta l-pubblikatur baqa’ jitlobni li nikteb aktar minnhom, wara 12-il sena għalaqt is-sensiela tassew bil-ktieb ‘Fuklar Qadim u Bnadar Imċarrta’. Infatti dan tal-aħħar huwa differenti ferm mill-kotba l-oħra u huwa l-aktar wieħed għal qalbi minnhom ilkoll għax għandu l-iżjed plot impenjattiv.”

    Tlabtu jfehemni kif jislet ideat ġodda għall-kotba tiegħu u ntbaħt li Trevor għandu prattika rigoruża f’dan il-qasam.

    “Għal kull ktieb tieħu l-ideat minn xi ħaġa madwarek, minn xi post jew minn xi ġrajja ta’ tfulitek. Nista’ ngħid li fir-realtà, kull ktieb ikollu xi ħaġa minni nnifsi ġo fih. L-idea tibda qisha żerriegħa ġo qasrija u tkun tiddependi minni kemm insaqqiha. Għaldaqstant meta nara li idea partikolari tkun qed teċitani, kull darba li nsib mument kwiet, nibda naħdem fuqha bis-sħiħ sabiex nara nistax noħroġ xi ħaġa ġdida minnha. Ovvjament, bħall-pjanti, mhux kull waħda tibqa’ ħajja. Uħud imutu u jispiċċaw fix-xejn, oħrajn forsi neħel f’nofshom u nabbandunahom, imma n-notamenti nżommhom kollha.  Mhux darba u tnejn illi wara xi żmien ninduna kif dik l-idea setgħet tkompli tiżvolġi u nerġa’ nibda naħdem fuqha.

    Sikwit jistaqsuni kemm indum biex nikteb ktieb? Fil-verità aktar indum nippjana u nirriċerka dwaru milli niktbu. Ġieli domt għaddej nirriċerka xi suġġett is-snin, biex imbagħad wara kollox nuża bissĦolm tal-Milied qatra minn dak kollu li nsib. Jien inħobb inqabbel din il-fażi mal-ħwawar fil-borma, titfa’ biss nitfa kemm tħawwar u biex tirfina t-togħma, għax jekk titfa’ żżejjed taħli kollox. Biex nagħtik eżempju, meta ktibt ‘Ħolm tal-Milied’ kont mort nikkonsulta ma’ żewġ tobba dwar il-marda li kien ser ikollu l-karattru tal-istorja. Ridt inkun naf is-sintomi u kif it-tabib jinduna bihom, il-pazjent kif iħossu, il-kura li jrid jingħata, meta t-tabib jiddeċiedi li l-pazjent m’għadux ta’ jdejh aktar u xi jħoss il-marid fl-aħħar mumenti? B’hekk, min jaqra l-ktieb ikollu stampa aktar realistika u preċiża ta’ dak li jkun qed iseħħ, għalkemm fl-istess ħin ma tirrendihiex tqila u teknika żżejjed.

    Meta mbagħad nibda nikteb, il-ktieb ikun diġà ppjanat kollu. Il-karattri nkun għaġinthom sewwa u anki nibnilhom l-arblu tar-razza ħalli kull wieħed ikun mirqum kif imiss. Kull kapitlu nkun naf kif ser jibda u kif għandu jispiċċa. Dan il-metodu nsibu utli ħafna għax b’hekk moħħi ma jkunx imtaqqal minħabba l-plot imma jkun jista’ jiffoka kompletament fuq it-teknika tal-kitba, it-tiswir tal-metafora u l-ġmiel tal-lingwa. Fuq kollox, jiena nemmen ħafna fil-frażi: l-arti hija 90% perspirazzjoni u 10% ispirazzjoni. Għalhekk wara li l-muża tagħmel tagħha billi tipprovdini bl-idea oriġinali, ix-xogħol isir billi npoġġi moħħi hemm u naħdem sakemm inlesti. Naturalment, dan huwa l-istil tiegħi, kull awtur għandu s-sistema valida tiegħu.”

    Kif jiddeċiedi jekk l-idea li jkollu hux ser tissawwar f’novella jew fi ktieb?

    “Biż-żmien trabbi ċerta intwizzjoni. Il-ġmiel tan-novella huwa l-qosor tagħha u li ma tagħtikx lok biex tibni l-karattri b’dettalji. Infatti l-karattri jkunu bħall-pinzellati f’xiIl-praspar kollha ta' Kunċett u Marinton kwadru impressjonista ta’ Monet, jagħtuk biżżejjed tagħrif biex imbagħad inti tkompli l-istampa mentalment. Imbagħad hemm ħaġ’oħra li tkun trid taħseb fuqha: ser tuża din l-idea għall-kitba tat-tfal jew għal dik adulta? Ċertu ideat ikunu ċari fejn ser iwasslu, waqt li oħrajn jieħdu aktar żmien sakemm joqogħdu weħidhom fil-garżella tagħhom.”

    Fil-kotba tiegħu tat-tfal jogħġbuni ħafna l-istampi li hu stess joħloq. Iżda żgur li qatt ma bsart li dawk l-istampi kienu jirrapreżentaw nies tassew, hekk kif sibt li l-awtur kien iqabbad xi nies jippużawlu, l-aktar familjari tiegħu, jeħdilhom ritratt fil-qagħda li jkun jixtieq hu u mbagħad ipinġi minn fuq ir-ritratti. Urini album b’ritratti simili u ngħid is-sewwa għaraft xi wħud li dehru fil-ktieb.

    “Lil Stella kont neħdilha l-pedamenti ta’ moħħha, dejjem inredden fuq il-karattri li jkolli f’moħħi u hi tieħu paċenzja bija u tismagħni. Tant konna nsiru midħla ta’ dawn il-karattri li darba minnhom, meta kelli diffikultà biex insib tifel li jixbaħ lill-karattru ta’ Leli fil-ktieb ‘Ħolm tal-Milied’, għarafnieh flimkien hekk kif ħareġ tifel abbati fuq l-artal waqt quddiesa. It-tajba kienet li dan it-tifel inzerta li kien jiġi mill-familja tagħna! ”

    Nammetti li kont qed inħossni daqsxejn skomda mmiss mas-suġġett ta’ Stella għax f’kitbietu l-weġgħa tan-nuqqas tagħha għadha taqta’ bħal sikkina fil-laħam il-ħaj. Fil-ktieb tiegħu ‘Penumbra’, in-novella “L-Għanja tal-Milied tal-Bieraħ” nikktitni, imma novella oħra li ġġib l-isem “Meta Tagħmel L-ewwel Xita”, ħasditni fid-deskrizzjonijiet qawwija tagħha.

    “Stella ilha mejta aktar minn 20 sena issa. Imma hi kienet marti, omm uliedi u fuq kollox il-maħbuba tiegħi u għadni nħossu ħafna n-nuqqas tagħha. Illum sibt il-kuntentizza fis-sieħba tiegħi Catherine li hi Trevor u Stella fil-jum taż-żwieġ tagħhomwkoll hija armla u anki hi u żewġha kienu jinħabbu ħafna. Iżda ċertament, it-tnejn inħossuna konxji li ħadd minna ma jista’ jieħu post is-sieħeb jew is-sieħeb li darba konna żżewwiġna f’żgħożitna.

    Semmejtli ‘Penumbra’ li bħal kif jixhed ismu, l-ebda karattru fin-novelli li fih m’huma ċari. Jinkludi anki ftit novelli li jiena ktibt meta kont għaddej minn żmien diffiċli ħafna, kont waħdi, kont għadni kif tlift lil marti fl-isbaħ żmien ta’ ħajjitha, kont imdejjaq ħafna. Il-ħabib tiegħi Mario Cassar li kull darba ngħaddilu l-kotba tiegħi biex jaqrahom qabel nippubblikahom, peress li nemmen ħafna fil-pariri tiegħu, dwar dan il-ktieb qalli “Dan il-ktieb ‘Penumbra’ ferraħħni ħafna u nikkitni ħafna. Ferraħni għax huwa l-aħjar xogħol li qatt għamilt s’issa. Imma nikkitni għax fih rajtek diżilluż, imdejjaq u li tlift il-fiduċja fil-ħajja!” Fortunatament iż-żmien itaffi u ormaj tgħallimt ngħix ma’ dan-nuqqas.”

    Imma esperjenzi bħal dawn isaħħuk jew ikissruk bħala kittieb?

    “Naħseb li bħala kittieb isaħħuk ħafna jekk tagħraf tużahom sewwa. Jgħinuk tikseb ċertu perspettiva li ma ġġibha bl-ebda mod ieħor. Infatti kien hemm min ikkummenta fuq xogħoli li tista’ taqsmu fi Penumbratnejn: dak ta’ qabel Stella u dak ta’ wara, filwaqt li sostnew li l-kitba li saret wara, hija superjuri ħafna għal dik ta’ qabilha. Stella kienet estensjoni minn ħajti, kienet jien innifsi u meta tliftha, il-ħajja ħadet bixra oħra u kelli nerġa’ npoġġi mill-ġdid il-prijoritajiet tiegħi f’posthom. Ersaqt ħafna eqreb lejn uliedi tant li llum inqishom ukoll bħala l-aqwa żewġ ħbieb tiegħi. F’waħda mill-isbaħ kitbiet ta’ Oscar Wilde, ‘De Profundis’, li huwa niseġ waqt li kien il-ħabs, laqtitni l-frażi tiegħu meta qal li “l-isbaħ esperjenza tal-ħajja hija l-uġigħ” fejn ried ifisser li l-bniedem li qatt ma weġġa’, qatt ma jikber, eżatt bħal dak il-metall li jibbies l-aktar meta jiddaħħal fil-forġa. Huma esperjenzi li jittemprawk, għalkemm trid toqgħod attent li ma jfasslukx fi bniedem kontinwament imnikket.”

    X’jaħseb dwar il-mewt? Jibża’ minnha?

    “Ma nibża’ xejn mill-mewt, aktar nibża’ mill-uġigħ fit-tul li taf iġġib marda li twassal għall-mewt. Imma mbagħad niftakar fit-tbatija li għaddiet minnha Stella u ħafna nies oħra li naf, u ngħid jekk ikollu jkun hekk, m’hemmx x’tagħmel. Jiena m’għandi xejn aħjar minn ħaddieħor biex ikun jistħoqqli biex nevita tmiem bħal dan. Fl-istess ħin il-mewt fiha nnifisha nħossha tqanqalli ħafna kurżità ta’ x’hemm lest għalina wara dil-ħajja. Għalkemm kultant niddubita, nixtieq ħafna li hemm xi ħaġa għax nixxennaq għal dik il-ġurnata meta nkun nista’ niltaqa’ mill-ġdid mal-maħbubin tiegħi li telqu qabli.

    Tmien snin ilu kelli tumur fil-pulmun imma għall-grazzja t’Alla wara li għamilt operazzjoni, għadda kollox b’wiċċ il-ġid. Anki f’dak iż-żmien għaddejt minn trawma kbira sakemm irċevejt ir-riżultati. Tħassibt jekk kienx wasal il-mument biex nibda nippakkja l-bagalji. Imma mid-dehra kien għadu mhux destini.”

    Meta semma’ d-destin ma flaħtx ma nistaqsihx għax b’mod speċjali mill-awtobijografija tiegħu ‘Il-Ġenn Li Jżommni F’Sikti’ u mill-ktieb ‘Stella, Jien u Hu’, kont intbaħt li Il-ġenn li jżommni f'siktin-numru 17 feġġ kemm-il darba f’mumenti partikolari f’ħajtu: fis-17 t’April 1967 għamel il-kuraġġ u kellem lil Stella għall-ewwel darba, fis-17 ta’ Mejju 1967 taha l-ewwel bewsa, fis-17 t’April 1971 iżżewġu u fis-17 ta’ Diċembru 1989 Stella mietet. Jemmen fid-destin?

    “Jiena darba qrajt vers “Aħna destinati biex nagħżlu liberament”.  X’ironija hux? Id-destin huwa waħda mill-preokkupazzjonijiet tiegħi. Nemminha daqs kemm ma nemminhiex. Nemminha daqs kemm nixtieq li ma nemminhiex. Imma hemm xi ħaġa li ttektek fija u ssostni mod ieħor.  Dik li ngħidu li ħajjitna hi ppjanata u tagħmel x’tagħmel ma tistax teħles minn destinek, hija daqsxejn kerha żżejjed, kważi fatalista. Mill-banda l-oħra qisni ninnota forma ta’ destin limitat, biss biss per eżempju, meta twelidt fl-1947, il-fatt li ġejt raġel u mhux mara, li twelidt f’Malta u kelli  dawk il-ġenituri partikolari, dak diġà qed jurini li ħajti kellha l-limitazzjonijiet tagħha. Kieku kellha tinbidel ċirkustanza waħda minn dawn kollha, ħajti kienet tinbidel kompletament. Allura dak mhux forma ta’ destin?

    Ġbidtli l-attenzjoni fuq in-numru 17 u infatti ġratli biċċa xogħol stramba konnessa ma’ dan-numru. Intbaħt biha meta kont qed nagħmel il-proofreading tal-ktieb ‘Meta jaqa’ ċ-Meta jaqa' ċ-ċparĊpar’ peress li ridt nippubblikah b’format ġdid.  Hemm irrealizzajt li meta jiena għażilt id-data tas-17 ta’ Diċembru fis-sagħtejn ta’ fil-għodu, meta t-tfal tal-ktieb għaddew miċ-ċpar misterjuż, dik kellha tkun ukoll id-data u kważi l-ħin preċiż ta’ meta Stella għaddiet minn din il-ħajja u sabet ruħha fi żmien ieħor! Kien destin jew koinċidenza stramba, meta bla ma ntbaħt, ħdax-il sena qabel, antiċipajt id-data u l-ħin tal-mewt ta’ marti f’wieħed mill-kotba tiegħi?”

    Affarijiet li jkexkxuk! Kif taqbad tirrispondi għalihom? Fil-kitba tiegħu meta rrakkonta dwar il-marda ta’ martu, Trevor niżżel fid-dettal dak li għadda minnu. Semma’ sikwit kemm talab għall-fejqan tagħha… Wara esperjenzi hekk tibqa’ temmen f’Alla?

    “Jien ma nżommx lil Alla responsabbli la tat-tajjeb u lanqas tal-ħażin ta’ dak li jiġrilna. Pjuttost naħseb li n-natura hija kapriċċuża u tiġi taqa’ u tqum minn kulħadd u tqassam l-affarijiet bl-addoċċ, bla ma jimpurtaha. Darba wieħed xebbaħ il-ħolqien t’Alla ma’ wieħed li fassal programm tal-kompjuter, xegħlu u telaq u ħalla kollox ikompli waħdu. Illum nasal biex nemmen li hekk sar. Fl-istess ħin ngħix fl-ambigwità li meta nħoss il-bżonn, nitlob, forsi għax il-qalb tibqa’ tittama li hemm xi ħadd li qiegħed jisma’.”

    F’kitbietu Trevor tenna kemm-il darba li mingħajr il-ħbieb ħajtu kienet tkun traġedja.

    “Il-vistu tiegħi beda mhux meta mietet Stella imma meta bdew għaddejjin ix-xhur u sfajt waħdi. Għandi lil ħuti li għamlu ħafna miegħi, immaStella, Jien u Hu dawn huma miżżewġin u magħhom in-nuqqas ta’ marti kont inħossu doppju għax hi biss kienet tkun nieqsa. Maż-żmien bdejt nagħmel ċirku ta’ ħbieb ġodda, fosthom sħabi l-għalliema l-oħra fejn kont naħdem. Apprezzajthom għax għaraft li kienu ħbieb ġenwini. Kienu jkunu miegħi mhux għax jitħassruni imma għax iħobbuni u għax jieħdu gost bil-kumpannija tiegħi. Għalhekk il-ħbiberija għandha valur tant qawwi għalija.”

    F’silta oħra l-awtur iddeskriva lilu nnifsu bħala “tifel maqful ġo ġisem ta’ raġel”. Min hu sewwasew Trevor Zahra?

    “Jiena kelli tfulija ferrieħa ħafna u tliet kwarti tal-kitba tiegħi tinkludi t-tfulija tiegħi fiha, anki meta ma tidhirx, hemm tkun. Fortunatament irnexxieli nżomm lit-tifel żgħir ta’ tfuliti ħaj ġewwa fija u permezz tiegħu nsib il-bilanċ fil-ħajja. Huwa dak it-tifel li jgħinni biex ma noqgħodx nargumenta żżejjed mad-dilemmi. Hu jaf meta għandu jieqaf janalizza.

    Bħala bniedem inħoss li jien sempliċement bħal ħafna oħrajn.  Infatti ħadt gost meta wara li ħriġt l-awtobijografija tiegħi, bosta kellmuni u qaluli li ħassew daqslikieku qed niddeskrivi ħajjithom. Ġeneralment niddeskrivi lili nnifsi bħala bniedem li nħobb ngħix, inħobb niċċajta, inħobb ingawdi u nħobb il-kumpanija. Imma naf li l-ħajja mhiex dik biss, hemm affarijiet oħra li trid teħodhom bis-serjetà.”

    Qalli wkoll li f’dawn l-aħħar snin iħossu li sar “aktar imqareb” u infatti mn’Alla ammetta għax ċertu kotba tiegħu tawni dik l-impressjoni, bħal ngħidu aħna ‘Il-ĦajjaIl-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa’, li dan l-aħħar ħareġ ukoll bil-lingwa Ingliża, fejn Trevor jittratta s-suġġett tas-sess b’mod li ma tantx imdorrijin bih f’pajjiżna. U meta dan l-aħħar iċċensuraw kittieba oħra, smajt lil min jikkummenta u jistaqsi kif imbagħad dil-kitba ta’ Trevor ġiet aċċettata?

    “Min iqabbel iż-żewġ tipi ta’ kitba jkun qed iħawwad, għax it-teknika hija kompletament differenti.  Jien immirajt lejn xogħol letterarju filwaqt li ħaddieħor x’aktarx immira lejn xogħol sensazzjonali. Ix-xogħol li qed issemmili jiena qrajtu wkoll. Fil-lat morali tiegħu ma rridx nidħol, iżda għalkemm ma nsiblux valur letterarju, xorta waħda nibqa’ niddefendilu sal-aħħar, id-dritt li jippubblikah. Allaħares f’Malta nkunu bl-inkwiżituri.

    Għall-kuntrarju ta’ dak li jistgħu jaħsbu wħud, jiena ma niktibx dwar is-sess biex nixxokkja. Ix-xokk għandu ħajtu qasira ħafna, malajr jindara u għalhekk ftit li xejn jibqa’ effettiv. Nikteb dwar is-sess sempliċiment għax is-sess jinteressani ħafna, mhux biss għall-gost fiżiku qed ingħid, imma għax hu parti integrali mill-ħajja. Jiena niddejjaq meta nara li f’pajjiżna, kitba jew taħdit dwar is-sess b’lingwi oħra naċċettawh daqslikieku xejn, imbagħad l-istess frażijiet bil-Malti nitkażaw bihom u nsejjħulhom vulgari! B’dan il-ħsieb, xi snin ilu iddeċidejt li nagħmel esperiment bil-play tiegħi Minn wara ż-Żipp li kienet kompletament dwar is-sess. Bi pjaċir ngħid li kemm meta tellgħajniha t-teatru Manoel u anki meta ppreżentajniha fit-teatru tal-Università, in-nies attendew kull darba bi ħġarhom u ntlaqgħet tajjeb immens mill-maġġoranza!”

    L-aktar kotba għal qalbu huma ‘Lubien’, ‘Provenz’, ‘Sepja’ u ‘Penumbra’ għax fihom seta’ jesprimi lilu nnifsu b’mod ċar. L-awtobijografija tiegħu kitibhaĦadd ma jista' jidħak jew jiekol pastizzi tal-piżelli għax xtaq jiċċara liema kienet il-verità u liema l-fantasija fil-kitbiet tiegħu. Fi żmien qasir ser jippubblika diversi kotba ġodda fostom: ‘Il-Ħrejjef Kollha ta’ Wied Peprina’, ‘Ħadd Ma Jista’ Jkanta Jew Idoqq Strument tal-Banda’, re-print ta’ ‘Qrempuċu f’Belt il-Ġobon’ u ktieb ta’ poeżiji għat-tfal bl-isem ‘Tqasqis’.

    Jiddeskrivi lilu nnifsu bħala kittieb u mhux bħala poeta akkost li jikteb poeżiji mill-aktar interessanti u umoristiċi speċjalment għat-tfal.  Ta’ min isemmi li dan l-aħħar, isem Trevor kien fuq l-ilsien ta’ ħafna minħabba t-taqbila li hu għamel dwar l-Arriva. Ma jinkwetax jekk xi darba jieqaf jikteb imma ma jistax jimmaġina ruħu ma jaqrax aktar. Isostni li l-kittieb huwa bniedem itturmentat u jgħix ħajja ta’ inċertezza kontinwa…

    “Issa li ktibt ħafna kotba aktar insibha diffiċli biex nikteb, għax irrid noqgħod attent li ma nirrepetix ruħi. Li jżommok tikteb huwa dak il-ħsieb li tkun xtaqt tgħid xi ħaġa, imma meta tiktibha, tinduna li ma rnexxilekx tikkonkretizzaha kollha kemm hi. Allura tikteb ktieb ieħor bit-tama li issa jirnexxilek tesprimi dak li kont ħallejt barra.  Imma lanqas dik id-darba ma tħossok sodisfatt. B’hekk mill-ġdid tikteb ktieb ieħor u tibqa’ sejjer hekk tiġri wara din l-idea li inti tixtieq tgħidha u qatt m’għedtha.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-24 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.24 / 5 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IS-SEĦER TA’ FILFLA

    Ilni niftakarha minn dejjem… tgħid hi kemm ilha tiftakru lil pajjiżna? Remota, solitarja, f’nofs ta’ baħar, f’distanza biżżejjed kemm ma nilħquhiex, imma fl-istess ħin, Filflatefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod, kemm naqbdu dgħajsa u nsibu ruħna fuqha. Uħud isostnu li mhiex ħlief ġebla insinifikanti u aċċettawha bħala parti mix-xenarju Malti, bħal kif draw wiċċ is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom wara tletin sena żwieġ. Iżda oħrajn bħali jsibuha affaxxinanti u akkost li jafu li fir-realtà mhiex ħlief gżira ċkejkna ferm, konxji li fuqha hemm il-ħajja, saħansitra endemika, u infatti l-gżira hija riserva naturali. Filfla!

    Kemm il-darba xtaqt inżurha imma mhux la kemm issib min jieħdok  ħdejha għax biex tersaq qribha teħtieġ il-permess u neħħieha minn rasek jekk taħseb li qatt tista’ tinżel fuqha illum ħlief jekk tkun qed tagħmel xi riċerka jew għal raġunijiet edukattivi. Għalhekk il-kilba li mqar għal darba naraha wiċċ’imbwiċċ aktar żdiedet u naturalment ħtaft l-opportunità hekk kif dan l-aħħar, Heritage Malta organizzat mawra sa ħdejha. Fuq kollox, kien ser jakkompanjana wkoll il-Kuratur Prinċipali tal-Mużew tal-Istorja Naturali, John Joseph Borg, li għal dawn l-aħħar tletin sena wettaq riċerka siewja dwar din il-gżira u l-ekoloġija tagħha. Ċertament individwu hekk ma kontx ser inħallih jaħrabli kif ġieb u laħaq, għallinqas mhux qabel itarraffli dak kollu li jaf dwar Filfla. U bdejna….

    “Meta kont żgħir, sikwit kont immur nistad ma’ missieri u allura n-natura minn dejjem kont inħobbha. Maż-żmien niftakarni niffoka aktar fuq l-għasafar fejn għamilt tliet snin nistudja l-barbaġann,John Joseph Borg sakemm darba inqerdu kollha minn pajjiżna! Minn hemm bdejt ninteressa ruħi aktar fl-għasafar tal-baħar hekk kif kont narahom jittajjru madwarna waqt li nkunu għaddejjin bid-dgħajsa. Bdejt nitħarreġ biex insir bird-ringer u fl-1980 ingħaqadt ma’ grupp li kellu l-għan li jagħmel bird-ringing fuq l-għasafar li kienu jinsabu fuq Filfla. Ħassejtni eċċitat ħafna għax qatt ma kont irfist fuq dil-gżira qabel u hekk kif dħalt fid-dgħajsa li kellha twassalna sa ħdejha, kelli kurżità kbira x’kont ser insib. L-esperjenza kienet inkredibbli speċjalment hekk kif bdejna nersqu lejha u ntbaħt li fil-fatt il-gżira kienet ħafna akbar minn kemm kont immaġinajtha oriġinarjament. Il-ġebel tagħha kien imponenti ferm, qisek għandek ħajt quddiemek. Madwarha kien hemm qabda blat imfarrak. Imma l-aktar li laqgħatni kien l-għajjat tal-gawwi li qatt ma smajt imkien bħalu f’inħawi oħra fil-gżejjer tagħna. Nistqarr li Filfla serqitli qalbi mill-ewwel darba li rajtha u ma’ l-ewwel passi li meddejt fuqha. Dakinhar sibna madwar 400 kanġu ta’ Filfla u minn dik il-ġurnata bqajt niġbor kemm niflaħ materjal dwar din il-gżira u waħħaltha f’rasi li nidħol aktar fil-fond fl-istudju tal-għasafar tal-baħar li jinsabu fuqha.”

    Skoprejt li aktarx l-isem Filfla ġej mill-kelma filfel li hija l-kelma Għarbija għaż-żerriegħa tal-bżar. Probabbilment ingħatat dan l-isem peress li l-forma tal-gżira kienet tixbaħ lil diż-żerriegħa, jew inkella dari kienu jikbru l-pjanti tal-bżar fuqha. Bħalha hemm il-gżira ta’ Kemmuna li hija msemmija għaż-żerriegħa tal-kemmun (cumin-seed). Filfla tinsab 5km ‘l bogħod mill-kosta tan-nofsinhar ta’ Malta. Il-wiċċ tagħha għandu l-wesgħa ta’ 2.5 ettaru u ċ-ċirkomferenza tagħha hija madwar 800 metru. Il-ġnub tagħha huma irdumijiet għoljin 60 metru li jiffurmaw medda ta’ art watja fuq nett.

    “Dokument antik li ltqajt miegħu dwar Filfla huwa datat għall-1575 u jikkonsisti f’manuskritt relatat maż-żjara pastorali tal-Isqof Pietro Dusina f’Malta. Il-kitbaIl-kwadru tal-Assunzjoni li kien jintuża fuq Filfla tikkonċerna t-talba tal-kappillan biex jitneħħa l-benefiċju li kien hemm fuq il-kappella li kienet tinsab fuq dil-gżira. Skont ir-rapport jingħad li l-qassis responsabbli sikwit kien qiegħed jiltaqa’ ma’ diffikultà kbira biex jinżel fuq il-gżira ta’ Filfla minħabba l-baħar imqalleb. Imma jiena aktar nemmen illi s-sajjieda kienu tilfu l-interess li jaqdfu lejn il-gżira kull nhar ta’ Ħadd biex jisimgħu l-quddies biex imbagħad ikollhom jaqdfu mill-ġdid lura ‘l barra fejn kienu qed jistadu. Hi x’inhi r-raġuni, it-talba tal-kappillan ġiet milqugħa u l-kappella ma baqgħetx ikkonsagrata. Ta’ min jgħid illi akkost illi fuq xi mapep antiki naraw lil din il-kappella mpinġija b’ħafna kobor u dettalji, fir-realtà ma kinetx ħlief għar, b’ħajt imtella’ quddiemha. Aktarx li l-qassis ma kien iħalli xejn hemm, lanqas il-kwadru tal-Assunzjoni li għaliha kienet iddedikata il-kappella. Kien jieħu kollox miegħu biex jiċċelebra l-quddiesa u mbagħad iniżżilhom lura miegħu mill-ġdid. Illum ma fadal xejn ħlief dan il-kwadru triptiku li wieħed jista’ jara fis-sagristija tal-parroċċa taż-Żurrieq. Aktarx li din il-kappella kienet inbniet bħala wegħda minn xi individwu li kien salva minn tempesta qalila li ħakmet lill-gżejjer fl-1343. Eventwalment il-kappella ġġarrfet waqt terremot li seħħ fl-1856 u llum ma fadal xejn minnha.”

    Fuq Filfla kienu jinżammu xi provvisti tal-ikel ħalli f’każ ta’ emerġenza, s-sajjieda jkunu jistgħu jinżlu hemm. Imma mhux huma biss kienu jagħmlu użu minn dil-gżira. Kienu jużawha anki l-pirati!

    “Il-pirati kellhom ħabta jinżlu fuq Filfla u jużawha bħala moħba biex minn fuqha jattakkaw ix-xwieni li jersqu qrib. Fuq kollox dak iż-żmien il-gżira kienet mogħnija b’nixxiegħa naturali li kienet tfeġġ Filfla 1930sminn bejn saff tafli u għalhekk kienet anki mfittxija għall-ilma. Is-sitwazzjoni tant gravat li fl-1761 il-Kavallieri ta’ San Ġwann iddeċidew li jeqirdu l-fonti billi jisploduwha bil-porvli u hekk sar. Imma l-ilma baqa’ ħiereġ xorta waħda.”

    Il-kavallieri ma rnexxielhomx jeqirduha imma ħaddieħor warajhom irnexxielu – illum għadu jnixxi daqsxejn ilma mit-tafal li fadal! Sfortunatament minn informazzjoni li ġbart sibt illi matul is-snin, Filfla kienet sfat letteralment il-mira ta’ diversi ġnus barranin fosthom dawk Franċiżi, Ingliżi, Taljani, Torok u anki Amerikani li kollha, b’xi skuża jew oħra ħassew li setgħu jifqgħu l-armi tagħhom f’din il-‘blata’ tagħna. Infatti l-akbar ħsara fuqha seħħet matul l-aħħar gwerra dinjija meta minħabba li l-Ingliżi dehrilhom li l-gżira tixbaħ lil aircraft carrier, huma użawha biex jeżerċitaw il-forzi militari tagħhom.

    “Għal 200 sena sħaħ, Filfla kienet tigi bbumbardjata mill-Ingliżi u aktar tard mill-forzi tan-NATO kemm mill-art, mill-baħar u kif ukoll mill-ajru. Mill-art l-eżerċizzji kienu jsiru permezz tal-batterija tal-Bombi fuq l-art ta' FilflaQrendi u mbaghad kienu anki ppruvaw kanun ġdid minn Bengħajsa. Sa ċertu punt jiena nifhem dak il-perjodu u n-neċessitajiet fi żmien il-gwerra li wieħed jipprattika għal kull eventwalità li tista’ tinqala’. Iżda min-naħa l-oħra nirrabja meta akkost li nġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar l-importanza tal-għasafar li kienu qed ibejtu fuq Filfla, dawn xorta baqgħu jibbumbardjawha għal snin wara. It-tkissir li hemm madwarha huwa riżultat ta’ dan. Barra minn hekk, meta fis-sebgħinijiet kien twaqqaf il-ħbit fuqha u xi għaxar snin wara ġew iżuruna xi uffiċċjali tan-Navy, l-FAM kienu marru fuq Filfla u splodew xi bombi li kienu sabu. Riżultat t’hekk il-ġebel li kien laħaq straħ reġa’ ċċaqlaq u mill-ġdid beda l-proċess ta’ deterjorament. Sal-ġurnata ta’ llum il-ġebel għadu nstabbli ħafna u din hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għala ħadd ma jista’ jinżel fuq din il-gżira mingħajr permess. Dan biex ma nsemmux il-bombi mhux sploduti li wieħed għadu jiltaqa’ magħhom, kemm fuq l-art u kif ukoll taħt il-baħar.”

    Jingħad x’jingħad l-insensittività tal-ħakkiema lejn il-Maltin tixgħel bil-qawwi u dar-rakkont li ġej huwa wieħed mill-eżempji, meta bi żball, bombi li ġew sparati minn fuq il-baħar, flok laqtu l-Filfla, baqgħu deħlin l-art!

    “L-eżerċizzji ta’ bumbardamenti li saru fuq Filfla kollha ġew reġistrati b’dettall kbir mill-awtoritajiet barranin fejn saħansitra ġie mniżżel kemm ġew sploduti bombi kuljum u liema tip ta’ azzjoni twettqet. Bombi fuq l-art ta' Filfla - 2Fost korrispondenza u dokumenti li kont sibt, iltqajt ma’ każ interessanti li kien jiddeskrivi kif frejgata li kienet qed tipprattika fl-inħawi, meta sparat il-kanuni tagħha minn wara Filfla, flok laqtet il-gżira ċkejkna kif kien pjanat, il-bombi tagħha baqgħu sejrin il-ġewwa u laqtu razzett fil-Baħrija fejn qatlu xi bhejjem u għasafar. B’xorti tajba ma weġġa’ ħadd min-nies tal-post. Madanakollu s-sidien xtaqu xi forma ta’ kumpens u marru jieħdu parir mingħand membru parlamentari tal-fiduċja tagħhom. Min-naħa tiegħu dan il-membru parlamentari kiteb lill-ammiraljat fejn talab l-ewwelnett li dawn il-prattiċi militari kellhom jitwettqu b’aktar responsabbiltà u t-tieni li almenu s-sidien kellhom jingħataw xi forma ta’ kumpens għall-ħsara li ġarrbu. Il-korrispondenza tkompli bil-kaptan jistaqsi lill-ammirall “Who does this young upstart think he is, ordering his majesty’s navy around?” Sfortunatament ma sibtx aktar dokumenti biex nara kif spiċċat dil-biċċa. Iżda dak l-MP ma kien ħadd ħlief il-Perit Duminku Mintoff u l-istorja kulħadd jaf kif tkompli.”

    Ma stajtx nirreżisti milli taħrabli tbissima mqarba u ta’ sodisfazzjon… John kompla jirrakkuntali kif fiż-żminijiet antiki, Filfla kienet għadha tagħmel parti mill-gżira prinċipali.

    “Il-qasma ġeografika magħrufa bħala l-Magħlaq probabbilment kienet il-kaġun li Filfla sfat gżira. F’dak il-perjodu kienu qed iseħħu katakliżmi kbar. Jista’ jkun li dan seħħ meta diġà kien hawn il-bniedem għax nafu sewwa illi f’ċertu nħawi f’Malta, fit-tarf tal-irdumijiet, insibu cart-ruts li jaqtgħu direttament għal fuq il-baħar. Teżisti medda ta’ mijiet ta’ snin fi Żmien il-Bronż f’Malta fejn m’hemm l-ebda sinjali tal-bniedem ta’ dak iż-żmien. Immaġinak qed tara madwar 500 kilometru art lejn in-naħa tax-Xlokk ta’ Malta nieżla kollha taħt il-baħar! X’tagħmel kieku? Mhux iddabbar rasek? Jekk dak kien il-każ, meta l-bniedem irritorna lejn Malta sab illi f’dawk l-inħawi, il-baħar kien mela d-differenza bejn iċ-ċaqliq tal-art u l-partijiet għoljin tal-inħawi ta’ Filfla li issa kienet saret gżira.”

    Minn rapport li kien kiteb il-Kuratur tal-Arkeoloġija F.S. Mallia skoprejt illi kienu nstabu tliet fdalijiet arkeoloġiċi fuq Filfla li kienu jikkonsistu f’xi fuħħar u għadma ta’ Il-bebbuxu ta' Filflaannimal. Waqt riċerka oħra sirt naf illi waqt il-pesta ħarxa tal-1813 ċertu Ġanni Attard kien sab rifuġju fuq Filfla flimkien mal-familja tiegħu, fejn minn żmien għal żmien, qarib tiegħu kien jibgħatlu xi provvisti u b’hekk dawn  irnexxielhom isalvaw minn din l-epidemija. Lil dil-biċċa blata jafulha ħajjithom ukoll bosta sajjieda li waqt xi maltempata qasmu jew għamu lejha, hekk kif jixhdu xi ex-voto li hemm fil-knisja tal-Qrendi. Minn għadd ta’ materjal miġbur dwar Filfla, John urieni wkoll intervista fuq gazzetta li kienet saret lill-pilota Ġermaniż li kien twaqqa’ bl-ajruplan tiegħu viċin Filfla waqt it-tieni gwerra dinjija u dan għam sa fuqha sakemm ajruplan ieħor salvah u ħadu miegħu. Fl-1818 Filfla kienet tappartjeni lill-familja De Noto, filwaqt li llum hija proprjetà tal-gvern Malti.

    “Sad-19-il seklu kien għad hemm il-fniek slavaġ jiġru fuq il-gżira li kienu tħallew fuqha fis-snin l-imgħoddija bl-iskop tal-kaċċa. Uħud mill-ħlejqiet li hemm illum fuq Filfla saru endemiċi fosthom: il-Il-gremxula ta' Filflagremxula magħrufa bħala Podarcis filfolensis filfolensis li għall-kuntrarju ta’ x’jaħsbu bosta, għandha denb wieħed biss. Għandha qies aktar kabbari minn dak li naraw fuq il-gżejjer l-oħra (madwar 30 ċentimetru) u hija ta’ kulur sewdieni bi tbajja ħodor jew koħol. Tip ta’ bebbuxu magħruf bħala Helicella spratti var. despotti huwa wkoll endemiku għal dil-gżira. Fuq Filfla wieħed isib ukoll numru ta’ għasafar ibejjtu bħaċ-ċiefa u l-gawwija. Imma ċertament l-aktar għal qalbi huwa l-Kanġu ta’ Filfla magħruf ukoll bħala Storm Petrel jew Hydrobates pelagicus melitensis.

    Dokumenti antiki dwar Filfla ftit li xejn insibu u ħafna minnhom huma miktuba minn ornitoloġisti li marru jistudjaw l-ekoloġija tal-post. Fl-1954 l-ornitoloġista E.L Roberts, fil-ktieb tiegħu The Birds of Malta iddikkjara illi fuq Filfla kien għad fadal biss żewġ pari kanġi. Għaldaqstant tista’ timmaġina l-ferħ ta’ sħabi tal-Malta Ornithological Society (illum BirdLife Malta) meta marru jinvestigaw fl-1968 u sabu li kien għad hemm kolonja ta’ elf kanġu fuqha akkost li l-gżira kienet għadha qed tiġi bbumbardjata! Kien minn daż-żmien li din is-Soċjetà flimkien mal-Kunsill Ċiviku taż-Żurrieq għamlet talba biex jieqfu l-bumbardamenti fuq il-gżira. Imma dawn waqfu biss fl-1971.”

    John urieni xi ritratti tal-kanġu ta’ Filfla. Kemm kien jixbaħ lill-ħamiema! Imma saqajh kienu qishom ta’ papra ċkejkna.

    “Fit-18-il seklu Giovanni Pietro Agius de Soldanis, storiku magħruf Għawdxi, kien kiteb li sab tmien għasafar ġo għar ġewwa Għawdex li jixbħu lill-beċċun imma ma għarafhomx bħala kanġi. Matul is-sninIl-kanġu ta' Filfla kienu saru diversi riċerki minn bosta studjużi biex isibu din il-kolonja imma ħadd ma kien irnexxielu. Fl-1987 dan l-għasfur li minn rixu jarmi riħa qawwija ta’ żejt tal-ħuta, tani waħda mill-isbaħ ġranet ta’ ħajti meta jien irnexxieli nsib kolonja ta’ kanġi f’għar ġewwa Ta’ Ċenċ f’Għawdex li wisq probabbli kienet l-istess waħda li tkellem dwarha De Soldanis!”

    Minn fuq il-ktieb Bird Studies on Filfla ta’ Joe Sultana u Charles Gauci (li t-tnejn kienu hemm waqt l-ewwel żjara li saret fuq Filfla fis-snin sittin), John beda l-bażi tar-riċerka tiegħu u maż-żmien kompla jibni fuqha. Eventwalment huwa beda jaħdem flimkien ma’ Joe Sultana fejn qed jirriċerkaw il-gżira ta’ Filfla u l-ekoloġija tagħha.

    “Darba fis-sena ninżlu fuq il-quċċata ta’ Filfla permezz ta’ helicopter biex nispezzjonaw il-popolazzjoni tal-gawwi. Imbagħad darbtejn jew tlieta fis-sena immorru nqattgħu lejl fuq Filfla biex insegwu l-popolazzjoni taċ-ċief u tal-kanġu. Illum hemm madwar 200 par ċief, 150 par gawwi u bejn 5000 u 8000 par kanġi jbejtu fuq Filfla.”

    John stqarr miegħi li huwa jħossu tassew ixxurtjat illi xogħolu u l-passatempi tiegħu huma l-istess ħaġa.

    “Anki meta nsiefer, suppost għal vaganza, tista’ tgħid li nkun xogħol. Infatti nippreferi nżur il-gżejjer sabiex inkun nista’ nikkompara t-tajr tal-baħar ta’ pajjiżi barranin ma’ dawk ta’ Malta. B’mod speċifikuFriegħ tal-gawwi fuq Filfla fir-rigward tal-kanġu, f’dawn l-aħħar snin qiegħed nikkompara il-popolazzjoni ta’ kanġi li hemm f’Filfla ma’ dawk li hemm f’Ta’ Ċenċ u anki ma’ kolonji barranin bħal ngħidu aħna l-kolonja ta’ kanġi li hemm fuq il-gżira ċkejkna Marittimo li tinsab fil-punent ta’ Sqallija, fejn hemm jgħixu 2000 par, jew il-kolonja li tgħix f’għar faċċata tal-belt ta’ Benidorm fi Spanja. Interessanti nsemmi li f’kull każ l-esperjenza hija totalment differenti hekk kif l-ambjent jaffetwa ħafna l-aġir ta’ dawn l-għasafar, b’mod speċjali kif ibejtu.”

    Għalkemm Filfla kienet tiġbidni ħafna, qatt ma kont bsart li kien hemm daqshekk tagħrif x’tiġbor dwarha! Fil-fatt John qiegħedXiutu l-Kbir (Filfla) jipprepara biex jippublika ktieb dwar dil-gżira li dwarha ilu jirriċerka tant. Hekk kif kont qed nisma’ dar-rakkonti, minn taħt il-għajn kont qed insegwi d-dgħajsa tagħna toqrob dejjem aktar lejha. U hemm intbaħt li ħdejn Filfla kien hemm żewġ blatiet kbar li kienu magħrufa bħala Xiutu l-Kbir u Xiutu ż-Żgħir. Sfortunatament hekk kif ersaqna qrib Filfla, il-baħar tqawwa f’daqqa, tant li kien impossibli li nduru magħha kif kien maħsub. Għaldaqstant inxtħett nieħu r-ritratti ta’ Filfla bla heda hekk kif sibt ruħi daqstant viċin tagħha.

    “Għall-ornitoloġisti Filfla hija ġawhra u infatti meta nattendi għal xi konferenza u nuri r-ritratti ta’ dak li hemm fuqha, nogħxa nara l-barranin jgħiru għalina. Infatti jkollna diversi talbiet minn għandFriegħ tal-gawwi qed ifaqqas fuq Filfla bosta studjużi li jkunu jixtiequ jakkumpanjawna meta ninżlu fuqha. Ormaj żort ħafna gżejjer oħra imma Filfla hija unika għalija. Meta nkun fuqha, l-atmosfera ta’ x’ħin ikun qed jidlam u tkun qed tistenna l-ewwel kanġu jew l-ewwel ċiefa dieħla, ma nibdilha ma’ xejn!”

    Għajnejja ma stajtx naqlagħhom minn fuqha daqs kemm kont ilni nixxennaq għaliha. U ta’ belha li jien, akkost li bdew iwiddbuna biex inpoġġu bil-qiegħda, saqajja bħal weħlu mal-art u bqajt hemm b’għajnejja nixrob sa l-inqas dettall tagħha. Kont irrabbjata għal dak il-baħar li ma ħallinix ingawdiha ftit aktar iżda fl-istess ħin iggustajtu hekk kif stħajjiltu l-protettur tagħha, jżommna ‘l bogħod mill-maħbuba tiegħu Filfla. Forsi bħali, kien xeba’ jara ‘l min jagħmlilha l-ħsara!

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-17 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.17 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • QRARA SSOLVI SERQA STORIKA

    Kultant inqabbel lil dawn il-gżejjer ċkejknin tagħna ma’ dak it-tip ta’ bniedem li aktar ma titkellem miegħu u iżjed ma ssir taf dwaru, aktar tgħożżu u torbtu ma’ qalbek u kważi kważi tixxennaq li tibqa’Illustrazzjoni tal-Ġgantija tal-1830s miegħu l-ħin kollu bit-tama li xi darba tasal biex tisma’ dak kollu li għandu x’jirrakkuntalek. Imma naħseb li diġà qtajt qalbi li għad insir naf kollox dwar pajjiżi. L-aktar meta kull darba joħroġ b’xi waħda ġdida! Infatti l-ewwel intervista titratta settijiet ta’ illustrazzjonijiet antiki tat-tempji tal-Ġgantija li qed jiġu esposti għall-ewwel darba fil-pubbliku. It-tieni intervista hija dwar graffit qadim li snin ilu kien insteraq minn santwarju Puniku u ġie rritornat dan l-aħħar permezz ta’ qrara…

    L-ewwel intervista ta’ llum laqqgħatni ma’ Nicoline Sagona, il-manager tas-siti ta’ Heritage Malta ġewwa Għawdex. Iltqajna fl-uffiċini ta’ Heritage Malta li jinsabu ġewwa ċ-Ċittadella, faċċata tal-Mużew tax-Xjenza Naturali. Kelli l-iskop li nsir naf aktar dwar wirja temporanja li kienet qed tittella’ fil-post rigward illustrazzjonijiet tad-19 il-seklu tat-tempji tal-Ġgantija.

    “Din il-wirja tikkonsisti f’kollezzjoni ta’ diżinji li ħafna minnhom saru fis-snin tletinijiet tad-19 il-seklu. Huma parti mill-kollezzjoni riservata tal-Mużew tal-Arkeoloġija li jinsab ġewwa l-belt Valletta u kollha juru veduti tat-tempji tal-Ġgantija. Ġew esposti għall-ewwel darba għall-pubbliku fin-Notte Gozitana li saret fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju li għadda. L-attendenza tal-pubbliku kemm ilha miftuħa l-wirja kienet tajba ħafna. Partikolarment it-turisti li jkunu għadhom kif żaru t-tempji tal-Ġgantija, japprezzawhom ħafna dawn l-illustrazzjonijiet.”

    X’inhi l-Istorja ta’ dawn l-illustrazzjonijiet?

    “Nibda billi niċċara illi l-Ġgantija qatt ma kienet mirduma għal kollox. Ngħidu aħna in-naħa ta’ wara, fejn għandek ħajt b’megaliti kbar immens, dejjem19th century souvenirs of Ġgantija kienet esposta għan-nies, kif jixhdu xi inċiżżjonijiet antiki. Dawn il-binjiet kienu jqajjmu interess kbir, l-aktar għax kienu jiġu abbinati mal-ġganti minħabba l-qies enormi tal-ġebel użat. F’dak il-perjodu, in-nies kienet għadha ma tafx bi Żmien il-Preistorja u infatti kienu jaħsbu li dawn it-tempji nbnew fi Żmien il-Feniċi.

    Fl-1820 il-Kulunell John Ottobayer, li kien il-Gvernatur t’Għawdex u kellu r-responsabbiltà mill-amministrazzjoni tal-gżira t’Għawdex, ħa l-inizzjattiva biex inaddaf l-intern ta’ dawn it-tempji mill-ħamrija u l-ġebel li kienu waqgħu għal fuq ġewwa, mill-partijiet ta’ fuq. U hekk kif inkixfu aħjar u wieħed seta’ anki jidħol fihom, it-tempji bdew jiġbdu ħafna aktar nies u t-turiżmu spara ‘l fuq, tant li llum nemmnu li dan il-perjodu huwa marbut mal-Istorja tat-turiżmu f’Għawdex.

    F’dawk is-snin kien hemm għatx kbir għall-antikitajiet u għall-informazzjoni dwar kulturi li għebu. Infatti n-nobbli u l-aristokratiċi kienu jitilqulha fuq speċi ta’ Grand Tour madwar siti antiki fl-Ewropa. Maż-żmien dan il-vjaġġ esplorattiv beda jwassal sal-Mediterran u eventwalment anki sa Malta. Ma ninsewx illi f’Malta kien hawn bosta palazzi sbieħ, filwaqt li l-port il-kbir kien ukoll jiġbed ħafna interess. B’hekk, meta l-Ġgantija tnaddfet u ġriet il-kelma dwar it-tempji, dawn it-turisti bdew anki jżuru l-gżira t’Għawdex biex jiġu jaraw b’għajnejhom ‘il-binjiet tal-ġganti’.

    Issa jidher illi madwar l-1830, xi artist ġie kkummissjonat biex iwettaq sett ta’ diżinji ta’ dawn it-tempji, aktarx biex iservu bħala souvenirs għal dawn il-viżitaturi. Il-kartolini kienu għadhom ma jeżistux 19th cent Ġgantija illustrations in colouru l-fotografija kienet għadha ma daħlitx u allura jekk xtaqt rikordju ma kienx hemm għażla oħra ħlief ta’ illustrazzjonijiet bħal dawn. Sfortunatament ma nafux min kien l-artist iżda mill-familjarità li kellu mal-pajsaġġ Għawdxi, jidher li hu kellu ħafna ċans sabiex idur u jesplora l-inħawi ħalli jkun preċiż kemm jista’ fix-xogħol tiegħu. Għandna l-ħsieb li jista’ jkun li l-artist kien Malti, xi ħadd mill-familja Busuttil li kienu familja ta’ artisti miż-Żejtun li mbagħad kienu ġew anki joqogħdu Għawdex. Imma s’issa għadna ma sibnix dokumentazzjoni li tipprovdina b’din iċ-ċertezza.

    Jidher li dan is-sett kellu ċirkolazzjoni kbira fejn per eżempju fl-1840, dawn l-illustrazzjonijiet dehru f’pubblikazzjoni dwar l-ivvjaġġar li ħarġet f’Pariġi fl-1840 bl-isem ta’ Malte et Gozo. Kopji eżatt bħalhom instabu wkoll miġbura f’manuskritt fil-Biblijoteka Nazzjonali, il-belt Valletta.

    Li hu interessanti f’din il-wirja hu li wara li sar dan is-sett ta’ tmien veduti tat-tempji tal-Ġgantija, li kienu ġew diżinjati bil-lapes, saru wkoll xi kopji tiegħu bil-kulur minn artisti oħra u hawnhekk għandna żewġ settijiet minnhom. Dawn is-souvenirs għandhom sinifikat importanti peress li nistgħu nqisuhom bħala dokumenti arkeoloġiċi importanti li ġew prodotti fid-19 il-seklu.”

    Dort nifli l-ewwel diżinji li kienu dettaljati ferm. Kienu maħduma b’artistrija mill-aqwa u minn perspettiva li tiġbdek u tħajjrek biex tmur tara fejn qiegħed dak il-post Illustrazzjoni tal-Ġgantija - 1830s bil-kulurpartikolari. Ma ridtx ħafna biex nifhem għala n-nies ta’ dak iż-żmien ħassitha fuq ix-xwiek sabiex tmur u żżur l-inħawi. Ħasra li llum jeżistu numru sewwa ta’ Maltin u Għawdxin li qatt ma rifsu f’dawn is-siti!

    It-tempji tal-Ġgantija jinsabu x-Xagħra Għawdex. Jikkonsistu f’żewġ tempji mibnija ħdejn xulxin u huma mdawwra b’ħajt. L-akbar tempju huwa l-eqdem u jmur lura 3600 Q.K. It-tempju l-ieħor inbena xi ftit tas-sekli wara. Fl-1980 it-tempji tal-Ġgantija ngħataw l-unur prestiġġjuż mill-UNESCO bħala patrimonju dinji. Aktar informazzjoni dwar dan is-sit megalitiku u dwar dawn l-illustrazzjonijiet ġiet ippubblikata fi ktejjeb maħruġ apposta minn Heritage Malta bl-isem The Ġgantija Temples: a history of its visitors and views.

    Din il-wirja ser iddum miftuħa sat-23 ta’ Lulju 2011. Ħinijiet matul il-ġimgħa mid-9:00am sal-5:00pm u s-Sibt mid-9:00am sa nofsinhar. Dħul b’xejn. Għal aktar dettalji ċemplu 21564188 jew idħlu fil-website www.heritagemalta.org

    L-intervista l-oħra wkoll saret fiċ-Ċittadella iżda did-darba kienet fiċ-Ċentru għall-Kultura u Arti fejn iltqajt ma’ John Cremona li huwa responsabbli mill-wirjiet tal-Il-parti minn fejn insteraq il-graffit ta' Ras il-WardijaMinisteru t’Għawdex.  Ħassejt ċertu emozzjoni stramba hekk kif dħalna f’dak li kien parti mill-ħabs l-antik għax hemm ġew, ġo kmajra minnhom, kien jinsab il-graffit li xi snin ilu kien insteraq minn ġo santwarju Puniku.

    F’rapport riċenti li ħareġ mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali dwar dan il-każ ġie rrappurtat illi fit-30 ta’ Marzu 1988 kienet ixxandret l-aħbar li kien insteraq graffit antik li kien hemm minqux ma’ ħajt fis-santwarju Puniku ta’ Ras il-Wardija. Din kienet telfa mhux biss għal Għawdex iżda għad-dinja kollha, speċjalment għal dawk l-ispeċjalisti tal-arkeoloġija Feniċja-Punika. B’xorti tajba, wara aktar minn għoxrin sena, il-graffit ġie rritornat lill-awtoritajiet Maltin filwaqt li sid l-art minn fejn kien insteraq il-graffit, irrinunzja favur il-Gvern kull dritt fuq l-iskultura.

    “Dan il-graffit ġie espost għall-pubbliku għall-okkażżjoni tan-Notte Gozitana imma tant tqanqal interess dwaru li qed naħsbu li nħallu din il-wirja miftuħa sa Awwissu. Wara li tagħlaq din il-wirja, il-graffit ser ikun espost għall-pubbliku b’mod permanenti fil-Mużew tal-Arkeoloġija f’Għawdex.”

    Il-ġebla li tħaddan il-graffit ġo fiha kienet magħluqa ġewwa kaxxa tal-ħġieġ, maestuża u siekta, imma bħal donnha tixtieq tirrakkonta l-istorja tagħha u ma tistax … Minflok Il-graffit ta' Ras il-Wardijanumru ta’ posters kbar u dettaljati kemm bl-informazzjoni u bir-ritratti kienu qed jimlew il-kuntest dwarha:

    Dan is-sit huwa magħruf bħala s-santwarju ta’ Ras il-Wardija u jinsab fit-tarf ta’ preċipizju bejn ix-Xlendi u d-Dwejra. Xi raded li hemm minquxin fil-blat li jinsabu fil-qrib jissuġġerixxu li l-inħawi kienu użati fi Żmien il-Bronż, wara l-1500Q.K., jekk mhux qabel. Jidher li dan is-sit reliġjuż imur lura għaż-Żmien Puniku u għall-perjodu bikri Ruman.

    “Dan is-sit arkeoloġiku ġie skavat mill-Missione Archeologica Italiana a Malta bejn l-1964 u l-1967 u r-ritratti li qed jidhru hawnhekk ġew ippubblikati wara li saru dawn ix-xogħolijiet. Bla dubju, in-nies tal-madwar kienet taf bl-eżistenza ta’ dan il-post, akkost li probabbilment ma kinetx taf eżatt x’inhu. Infatti, parti mill-faċċata tal-kamra tas-santwarju kienet magħluqa b’ħajt tas-sejjieħ u mid-dehra kien proprju bis-saħħa ta’ dan il-ħajt li s-sit baqa’ f’tant kundizzjoni tajba. Tant hu hekk illi minn meta l-ħajt twaqqa’ biex saru l-iskavi arkeoloġiċi fil-post, is-sit beda jiddeterjora minħabba li ġie espost għall-elementi.

    Ġewwa l-kamra tas-santwarju instabu bosta niċeċ u graffiti mal-ħitan. Wieħed minnhom kien dan il-graffit li għall-ewwel kien maħsub li huwa tal-figura Punika ta’ Tanit. Madanakollu wara xi studji li saruIs-santwarju wara li saru l-iskavi - bil-qiegħ tiegħu għadu mikxuf nstab li ma tantx hemm xebħ ma’ din il-figura u li l-graffit aktar kien iqarreb lejn figura umana bi driegħa miftuħin fil-pożizzjoni tas-salib. Jidher li min qala’ l-ġebla tal-graffit minn mal-ħajt, kien jaf sewwa x’qiegħed jagħmel għax din inqalgħet b’sengħa kbira. Iżda l-graffit xorta waħda ġarrab il-ħsara hekk kif parti mid-disinn vertikali tħassar. Ta’ min isemmi li jingħad li dal-post intuża wkoll bħala ermitaġġ fil-Medju Evu u għalhekk jista’ jkun li dan il-graffit jirrappreżenta salib Nisrani. Imma s’issa m’hemm xejn konkluż.”

    Mill-posters esebiti fil-post jidher illi waqt l-iskavi kienu nstabu: kamra rettangolari, kuridur, ġibjun u bir f’forma ta’ qanpiena u struttura esterna jew artal. Partijiet minn dawn is-sejbiet reġgħu ġew mirduma taħt it-trab sabiex jibqgħu ppreservati.

    Qatt ma kont smajt bih qabel dan is-santwarju ħlief riċentement waqt lekċer dwar il-Feniċi. Ħassejt li kont nonqos lili nnifsi u anki lilkhom jekk ma mmurx inżur dan il-post.  Għaldaqstant John Cremona infurmani dwar kif nasal għalih u b’qalbi tħabbat sitta sitta soqt lejn l-inħawi ta’ Kerċem.

    Skont l-istruzzjonijiet li tani, waqaft ħdejn l-Għadira ta’ Sarrafflu u pparkjajt fil-viċin. Faċċata tal-għadira ilmaħt irħama li tfakkar individwu li ħalla ħajtu fl-inħawi u minn hemm għaraft li kont wasalt qrib. Is-santwarju ta' Ras il-Wardija, GħawdexInżilt l-isfel minn trejqa ċkejkna u bqajt miexja matulha. Ma kienx esaġera John meta qalli illi x-xeni li kienu jidhru minn hemm fuq kienu meraviljużi! Sa mn’Alla li kont stennejt ix-xemx tbatti ftit għax b’hekk stajt nimxi bil-galbu biex ingawdi l-ġmiel tal-post. Iżda kien hemm ħaġa li kienet qed tinkwetani – l-artijiet li kont għaddejja minnhom kienu kollha privati u kont skomda mhux ftit li bqajt dieħla mingħajr il-permess ta’ ħadd. Qgħadt b’sebgħa għajnejn biex ma nirfes xejn u infatti tant kont aljenata insegwi s-sinjali li bla ma ntbaħt, għaddejt minn fuq is-sit u bqajt sejra ‘l quddiem sakemm finalment, wara li għaddiet aktar minn nofs siegħa u bqajt ma sibtx il-post, indunajt li kont intlift! B’irdumijiet għoljin fil-viċin ma tantx kien post li tiċċajta miegħu u għalhekk ċempilt lil John biex jerġa’ jfehemni aħjar. Erġajt lura lejn l-għolja kbira kollha ġebel li tindika s-sit tas-santwarju u mbagħad qbiżt ħajt tas-sejjieħ li kien hemm taħtha. U dlonk tfaċċa s-santwarju quddiem għajnejja.

    Nistqarr li ħallieni bla kliem bi sbuħietu u ħassejt għajnejja jitfawwru bl-emozzjoni…. Għadruni! Tgħidli qalbi qed nikber u qalbi qed issir żgħira wisq. Madanakollu naħseb li parti kbira mill-ferħ li ħassejt Dehra mill-bokka tas-santwarju ta' Ras il-Wardijakien imqanqal mill-ammont ta’ żmien li għaddejt nistudja dwar dawn l-imberkin Feniċi u issa hemm quddiemi kelli struttura li tiftakar proprju lil dan il-poplu antik li tant spiċċajt nammira. Is-silenzju tal-post bil-baħar fl-isfond ħassejtu jispirani u mill-bokka tal-kamra ħarist il-barra u ppruvajt nara b’għajnejn in-nies oriġinali tal-post. Fin-niċeċ madwari immaġinajt l-istatwi tal-allat u minn taħt il-għajn deherli li rajt lil xi ħadd inaqqax graffit wara l-ieħor….

    Dort daqsxejn mal-post u nkwetajt mhux ftit meta ndunajt illi s-sit kien qiegħed jiddeterjora b’rata allarmanti. Xhieda ta’ dan kienet id-differenza ovvja bejn ir-ritratti esposti fil-wirja u l-kundizzjoni li jinsab fiha illum. Jidher li hemm xi pjanijiet biex il-post jiġi ikkonservat imma ma kelli l-ebda konferma min-naħa tas-Sovrintendenza meta staqsejt. Hija dilemma kbira kif taqbad tipproteġi post bħal dan. Indubbjament is-sit huwa wisq espost għal kull element tan-natura imma ġmielu hu proprju dan. Hija ħasra kbira meta tara t-tinqix antik u ta’ valur tant kbir jisfuma fix-xejn fil-blat li oriġinarjament issawwar minnu. Nittama li issa li s-sit qed jiġbed tant attenzjoni fuqu, jiġbed ukoll l-interess ta’ min hu responsabbli biex jiġi protett mill-aktar fis possibbli. Nixtieq ħafna li l-ġenerazzjoni ta’ warajja jkollhom l-opportunità bħali li jħossu dik il-fjamma ta’ kburija li post bħal dan jinstab proprju f’pajjiżna!

    Ma kontx ċerta jekk għandix nagħti dawn id-dettalji preċiżi tal-post iżda l-arkeologu Dr Nicholas C Vella li jispeċjalizza fil-qasam tal-Feniċi, spjegali illi l-pubbliku għandu Is-santwarju fl-isfond tal-ambjent sabiħkull dritt li jkun jaf fejn hu post bħal dan għax huma n-nies stess li għandhom ikunu l-aqwa gwardjani tal-patrimonju kulturali tagħna. Inkwetah biss il-fatt li l-post fejn qiegħed is-santwarju huwa privat u li għalhekk ħadd ma jista’ jaqbad u jidħol mingħajr il-permess tas-sid.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 ta’ Ġunju 2011)

    2011.06.26 / 2 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • WAQT ĦARBA S’GĦAWDEX

    Ix-xogħol qatt ma bżajt minnu imma daqstant ieħor dejjem fittixt il-bilanċ fejn imqar għal ftit mumenti nkun nista’ nieqaf u nistrieħ u ngawdi l-frott ta’ dak li nkun qed Vincent Apapnaħdem għalih. Għaldaqstant hekk kif għal dawn l-aħħar ġimgħat tħabatt u stinkajt biex ippreparajt ruħi għall-eżamijiet, bl-istess ħeġġa dil-ġimgħa tlaqt daqsxejn ir-riedni u ħrabt lejn il-gżira qariba tagħna Għawdxija. Bakkart biex nilħaq il-vapur kmieni u hekk kif waqt il-vjaġġ qasir iżżerżaqna fuq wiċċ l-ilma kaħlani u sabiħ minn quddiem il-gżejjer ta’ Kemmuna, bħal iddubitajt jekk wara kollox nixtieqx li qatt jinbena dak il-famuż pont li għandu jgħaqqad liż-żewġ gżejjer prinċipali. Tgħid kieku dan is-sens ħelu ta’ avventura jogħsfor? Il-bieba kbira tal-vapur tniżżlet u soqt ħafif il-barra bħal għasfur ħiereġ mill-gaġġa. Fost l-attivitajiet l-oħra li kont ippreparajt, kelli ppjanati wkoll xi intervisti interessanti. Għeżież qarrejja, peress li dan l-aħħar ħassejt in-nuqqas tagħkom, iddeċidejt li waqt din il-vaganza neħodkhom miegħi…

    L-ewwel intervista kienet ma’ John Cremona fil-Ministeru t’Għawdex fejn bħalissa b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, għaddejja wirja ta’ xogħolijiet artistiċi tal-iskultur Vincent Apap. Uħud minn dawn ix-xogħolijiet kienu jinsabu fil-kollezzjoni riservata tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, filwaqt li xi oħrajn reċentement ġew mogħtija b’donazzjoni lil Heritage Malta mill-familjari tal-artist stess u allura din hija okkażżjoni unika biex wieħed jarahom kollha flimkien.

    “Kull sena fin-Notte Gozitana, ġewwa s-swali tal-Ministeru t’Għawdex, tittella’ wirja ta’ xogħolijiet ta’ kalibru sabiex il-poplu jkun jista’ jgawdi u japprezza t-talenti artistiċiIż-żewġt'aħwa tal-iskultur Vincent Apap ta’ numru ta’ individwi li għamlu isem f’pajjiżna. Din id-darba l-għażla tagħna waqgħet fuq l-iskultur rinomat Malti Vincent Apap. Nixtieq insemmi li din hija l-ewwel wirja tax-xogħolijiet ta’ dan l-artist li qed issir wara li huwa ġie nieqes fl-2003. Fuq uħud minn dawn ix-xogħolijiet artistiċi kien hemm il-bżonn li jsir xi xogħol ta’ konservazzjoni mid-Diviżjoni tal-Konservazzjoni ta’ Heritage Malta, kemm biex dawn jinżammu fi stat tajjeb u kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jiġu esposti għall-pubbliku f’din il-wirja.

    Din il-wirja ġiet maqsuma f’ħames taqsimiet: xbiehat, busti ta’ monumenti pubbliċi, xogħolijiet konnessi mal-familja rjali, xogħolijiet sagri u skulturi assoċċjati mat-tfal.”

    Bdejna nduru ma’ dawn ix-xogħolijiet li kollha għandhom l-istorja partikolari tagħhom. Fosthom laqgħatni ħafna bust li kien juri x-xbieha ta’ żewġt itfal; proprjament iż-żewġt aħwa tal-artist, li huwa wettaq meta kellu biss 14 il-sena!

    “Fis-sezzjoni tat-tfal naturalment tara l-ispontanjetà u l-immedjatezza tal-karattri. Huwa xogħol frisk u forsi ftit anqas tradizzjonali mill-oħrajn. Ta’ min isemmi illi Apap kien magħruf ħafna għall-ħeffa li Sir Winston Churchill (Vincent Apap)kien jaħdem biha, fejn fi ftit minuti kien kapaċi jifforma xbieha tajba ħafna ta’ dak li jkun poġġut quddiemu. Infatti waqt intervista li darba ta l-artist stess kien semma li ċerti individwi impenjatissimi ħafna, bħal ngħidu aħna Winston Churchill, kien allokalu għaxar minuti biss biex jippużalu. Il-kapaċità li jaħdem malajr xbieha fil-materjal li jkollu taħt idejh għenitu biex joħloq xogħolijiet li artisti oħra forsi jsibu aktar imprekattivi – bħal ngħidu aħna meta l-mudelli jkunu tfal u ma tantx ser joqogħdulek fl-istess poża għal ħin twil. Kien favorih ukoll il-fatt li kien jippreferi jaħdem ‘live’, bil-persuna preżenti quddiemu. B’hekk ix-xebħ kien joħroġ ħafna aktar.”

    Infatti inklużi fil-wirja kien hemm ukoll busti ta’ diversi personaġġi barranin magħrufa bħall-Prinċep Charles, id-Duka ta’ Kent u l-Prinċep Filippu, Duka ta’ Edinburgh.

    “Flimkien ma’ ħuħ Willie Apap li kien pittur, Vincent Apap kellu l-opportunità li jitla’ jaħdem f’Buckingham Palace fejn hemmhekk dawn iż-żewġ artisti Maltin wettquBust tal-Prinċep Charles (Vincent Apap) xogħolijiet mill-ifjen li llum jinsabu f’bosta kollezzjonijiet privati. Permezz ta’ din il-wirja għandna l-possibilità li napprezzaw l-id tal-iskultur li tidher ċara ħafna fuq dawn il-buzzetti tal-ġibs.”

    Imxejna aktar il-ġewwa fejn did-darba kien hemm xi buzzetti ta’ xogħolijiet sagri.

    “Vincent Apap ħadem bosta xogħolijiet għall-knejjes tal-gżejjer tagħna. Ma setax jonqos li peress li huwa kien minn Tas-Sliema, wieħed isib preżenza sabiħa u numeruża tax-xogħolijiet tiegħu fil-Knisja tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema. F’din is-sezzjoni fosthom għandna dan is-sett ta’ buzzetti konnessi ma’ personaġġi tal-Bibbja li minnhom finalment inħadmu statwi kbar li jinsabu fil-knisja li semmejna.”

    Inzerta illi l-biċċa xogħol l-aktar għal qalb John kienet proprju f’din is-sezzjoni…

    “Hija din l-istatwetta tal-ġibs mogħtija kulur sewdieni biex tixbaħ lill-materjal tal-bronż. Turi rappreżentazzjoni tat-tentazzjonijiet ta’ It-tentazzjoni ta' Sant'Antnin (Vincent Apap)Sant’Antnin. Jogħġobni ħafna l-istil li nħadmet bih: taħlita ta’ stil tradizzjonali klassiku flimkien ma’ dak modern. In-nisġa ta’ figuri li bħal donnhom qed jissieltu biex joħorġu mill-forma tax-xbieha tal-qaddis huma qawwija ħafna u jwasslu l-messaġġ b’mod b’saħħtu u ċar.”

    L-isfond tas-sala jagħlaq bil-kapolavuri monumentali ta’ dan l-iskultur li ċertament huma l-aktar magħrufa mal-pubbliku. Sett ta’ busti kbar, did-darba ta’ diversi personaġġi Grupp ta' busti ta' Vincent ApapMaltin kienu xempju tax-xogħol dettaljat li kien magħruf għalihom dan l-artist. Fl-istess ħin, il-qies imdaqqas tal-busti jagħti indikazzjoni ċara tal-kobor tax-xogħol finali meta komplut bil-bqija tax-xbieha tal-personaġġ. Ħasra li ma kienx hemm xi bust tal-ġganti li minnhom Vincent Apap sawwar il-funtana tat-Tritoni, liema xogħol probabbilment ser ikun dak l-aktar miftakar għalih.

    Sabiex wieħed ikollu aktar dettalji dwar il-ħajja ta’ dan l-iskultur u kif ukoll informazzjoni dwar ix-xogħolijiet preżenti f’din il-wirja, wieħed jista’ jakkwista l-pubblikazzjoni bit-titlu Vincent Apap (1909-2003) fejn wieħed isib kitbiet ta’ Sandro Debono, Bernadine Scicluna, Kenneth Cassar, Gabriel Pellegrini u t-tim li wettaq xogħol ta’ konservazzjoni fuq din il-kollezzjoni.

    Il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Lulju 2011 (esklużi il-festi pubbliċi). Dħul bla ħlas. Ħinijiet: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8:30am sas-12.45pm. Is-Sibt u l-Ħadd mid-9:00am sa 12:00pm. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel fuq 22100225.

    John Cremona li huwa responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ dawn il-wirjiet fis-swali tal-Ministeru t’Għawdex, ma naqasx milli jdawwarni wkoll mal-bqija tal-bini li ċertament għandu storja Faċċata tal-katalgu tal-wirja ta' Vincent Apapinteressanti ferm. Infatti dan il-bini kien jifforma parti minn sptar antik li nbena fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann għall-ħabta tat-18 il-seklu. Numru ta’ kwadri artistiċi li bosta minnhom kienu jżejjnu s-swali ta’ dawk iż-żminijiet, illum ġew restawrati u tpoġġew lura mill-ġdid mal-ħitan ta’ dan il-post ħalli jkunu jistgħu jitgawdew aktar mill-pubbliku. Marbuta ma’ dan il-post hemm ukoll ġrajja mqanqla dwar il-Kanonku tal-Kattidral t’Għawdex, Giovanni Maria Camilleri, li kien ħalla ġidu kollu biex inbena dan l-isptar, liema deċiżjoni probabbilment swietlu ħajtu meta huwa flimkien mas-seftura tiegħu sfaw maqtula f’daru fiċ-Ċittadella.

    U kumbinazzjoni, t-tieni lwog kien proprju fiċ-Ċittadella fejn did-darba John Cremona ħadni nżur wirja arkeoloġika li tinsab fiċ-Ċentru għall-Kultura u Arti (l-informazzjoni dwarha ser tidher il-Ħadd li ġej). Dan il-post li llum jilqa’ fih diversi wirjiet u attivitajiet kulturali, fi żmien il-ħakma Ingliża kien intuża bħala ħabs. Is-swali medjevali, illum imdawwla u rinovati, jilqgħuk ħafna. Imma ngħid għalija l-aktar impressjonanti kien it-tinqix antik fuq il-ħitan tagħhom, fosthom ta’ forom ta’ jdejn u xwieni, li l-priġunieri ta’ dak iż-żmien ħallew mal-ħitan bħala evidenza tal-preżenza tagħhom hemmhekk.

    “Hija proprju din l-atmosfera medjevali ta’ dawn il-galleriji li jiġbduni kull sena lejn Malta,” stqarret Colette Marchant, artista Franċiża li bħalissa qed tesponi x-xogħolijiet ta’ pittura tagħha f’dan il-post.

    Infatti din hija t-tielet wirja li din l-artista qiegħda ttella’ f’dan iċ-Ċentru. Magħrufa sewwa bħala pittriċi astratta, il-karatteristika ta’ Colette hija li tpinġi mingħajr l-użu tal-Pitturi ta' Colette Marchantpniezel u tiddiżinja biss b’idejha. Tispira ruħha ħafna mid-dawl u min-natura. Ix-xogħolijiet tagħha għandhom l-iskop li jwasslu messaġġ ta’ trankwillità u ta’ skoperta, b’mod sempliċi imma profond u kkulurit li jserraħ l-għajnejn, il-qalb u r-ruħ. Tgħix fi Franza imma waqt dawn il-wirjiet tagħżel dejjem li tmur toqgħod ix-Xlendi, post li hu għal qalbha ħafna, fejn speċjalment tapprezza l-kuluri ta’ nżul ix-xemx li jżejjnu l-inħawi tal-madwar.

    Din il-wirja ser iddum sas-26 ta’ Ġunju 2011. Ħinijiet mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-10.00am u l-4:00pm. Is-Sibt u l-Ħadd bejn il-11:00am u t-3:00pm. Aktar dettalji fuq 99855103.

    Deċiża li ngawdi dak kollu li seta’ joffrili l-post, did-darba paxxejt il-lat antropoloġiku tiegħi fejn fis-swali ta’ fuq taċ-Ċentru għall-Kultura u Arti skoprejt wirja oħra dwar il-Festi ta’ Dari f’Għawdex.

    Din il-wirja etnografika tinkludi fiha bosta oġġetti relatati mas-suġġett tal-festi fi żminijiet antiki. Fosthom wieħed isib dekorazzjonijiet antiki ta’ dari bħal skudetti tal-injam li jmorru lura għad-19-il sekluIl-Banda tad-Dudi li wħud minnhom huma fil-forma ta’ Kavallieri ta’ San Ġwann u li magħhom kienu jiddendlu l-bnadar. Personalment għoġbuni ħafna r-ritratti li kienu juru xeni differenti mill-ħajja ta’ snin imbiegħda. In-nies jippużaw ferħanin u kburin għar-ritratt kienu lebsin il-ħwejjeġ ta’ dak iż-żmien, uħud fi sfond ta’ nħawi li llum inbiddlu ħafna. Min jaf x’sar minnhom dawn l-individwi? Min jaf għadx hemm min kapaċi jagħrafhom illum bħala xi ħadd mill-antenati tiegħu? Ritratt minnhom kien juri l-Banda tad-Dudi, li kienet l-ewwel orkestrina li ffurmat f’Santa Luċija, Għawdex u li kienet tikkonsisti minn grupp żgħir ta’ mużiċisti  li kienu jduru fit-toroq Għawdxin sabiex iferrħu l-udjenzi li jinġabru madwarhom. Fost ritratti oħra li juru purċissjonijiet bl-istatwa tal-qaddis patrun, dak iż-żmien statwi ġodda fjamanti, kien hemm ukoll xi ritratti li juru tradizzjonijiet magħrufa bħall-Benedizzjoni Ewkaristika minn fuq il-baħar f’Marsalforn jew il-ġostra waqt il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fix-Xlendi, b’qatta’ żagħżagħ jistennew ħerqana biex jipparteċipaw.

    Ktejjeb żgħir miġbur mill-antropologu Dr Ray Debono Roberts ikompli jagħti aktar dettalji dwar dawn l-egħruq tal-festi Maltin. Sadanittant waqt din il-wirja wieħed isib ukoll formoli fejn qed tintalab informazzjoni u ritratti dwar il-festi t’Għawdex li kienu jsiru qabel l-1955 sabiex dawn jiġu nklużi f’pubblikazzjoni li qed tiġi ppreparata dwar dan il-qasam. Din il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Ġunju 2011.

    Stagħġibt kemm kien hemm x’tara u dan meta kont qed indur biss fl-akkwati tar-Rabat Għawdex! Iżda issa kien imiss li nistrieħ ftit u għaldaqstant erħejtilha lejn il-villaġġ tax-Xlendi, fejn qrib it-taħbita nebbiexa tal-baħar ċar kristall, poġġejt f’restorant li dewwaqni naqra benna tal-kċina Għawdxija. Fl-istess ħin kont qed nistenna x-xemx tbatti ftit għax f’moħħi kelli avventura ċkejkna. Imma għalissa ser nieqaf hawn sabiex ingawdi daqsxejn dawn il-memorji sereni. Ngħidilkhom aktar il-ġimgħa d-dieħla…

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 ta’ Ġunju 2011)

    2011.06.19 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • WIRT LI JPOĠĠINA FUQ PEDESTALL

    Dil-ġimgħa f’gazzetta lokali qrajt illi madwar 800,000 viżitatur fis-sena jżuru s-sit ta’ Stonehenge u jħallu warajhom madwar 6 miljun lira sterlina. Meta tqis illi n-nefqa Imnajdra - Maltakapitali biex jieħdu ħsieb dal-post hija ta’ 2.4 miljun lira sterlina fis-sena, tifhem sewwa x’valur għandu sit arkeoloġiku bħal dan għall-ekonomija tal-pajjiż. Awtomatikament ħsiebi jmur fuq is-siti arkeoloġiċi tagħna li wħud minnhom huma ferm eqdem u uniċi minn dal-post fl-Ingilterra u allura naturalment nistaqsi l-għala aħna ma jkollnix l-istess riżultati? Bil-kwantità ta’ mużewijiet u siti li għandna f’dawn il-gżejjer nippretendi li l-problema maġġuri tagħna tkun fejn ser inqiegħdu lit-turisti kollha li jkunu jridu jiġu jżuruhom u mhux kif ser niġbduhom lejn pajjiżna! Barra minn hekk nitħasseb sewwa meta nara illi f’ċertu nħawi importanti bħal per eżempju fis-sit f’Tas-Silġ f’Marsaxlokk lanqas biss nistgħu nirfsu aħna l-Maltin, aħseb u ara kemm nistgħu nilqgħu fihom lit-turisti.

    Għal din il-ġimgħa tkellimt mal-kap tad-dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija, Prof. Anthony Bonanno biex nifhem aħjar kif inhi s-sitwazzjoni arkeoloġika ta’ pajjiżna. Waqt id-diskussjoni tagħna sikwit ħareġ illi lokalment f’dan is-settur għadha teżisti taqtiegħa kontinwa biex aħna l-Maltin nasserixxu ruħna u nieħdu r-riedni tal-pajjiż f’idejna. Beda billi spjegali t-triq li għadda minnha hu stess sabiex eventwalment introduċa l-istudju tal-arkeoloġija fl-Università ta’ Malta.

    “Kienet ħaġa stramba kif f’pajjiż b’din ir-rikkezza kollha arkeoloġika qatt ma kellna t-tagħlim tal-arkeoloġija fl-Università ta’ Malta. Infatti waqt preżentazzjoni li attendejt għaliha dan l-aħħar, Dr Nicholas Prof. Anthony BonannoC Vella semma’ illi għal ftit xhur fis-sena 1939, il-professur Ingliż John Bryan Ward-Perkins kien appuntat bħala professur tal-arkeoloġija probabbilment bħala risposta politika Ingliża għal xogħol importanti ħafna li kien wettaq xi żmien qabel, ċertu arkeologu Taljan, L M Ugolini. Minħabba l-kwistjoni tal-faxxiżmu u x-xamma tat-tieni gwerra dinjija, dan l-arkeologu Taljan ma kienx tħalla jagħmel skavi. Iżda minflok huwa ngħata permess biex jiġbed ir-ritratti tal-fdalijiet kollha preistoriċi li kienu nstabu sa dak iż-żmien. Huwa ppubblika dawn ir-ritratti fi ktieb li semmieh ‘Malta origine della civiltà Mediterranea’ u bih qajjem reazzjoni kbira fil-qasam arkeoloġiku peress illi f’dawk is-snin kien hemm it-twemmin li kollox kien beda mill-orjent. Ward-Perkins dam biss ftit xhur hawn Malta għax fl-1939 faqqgħet il-gwerra u kellu jitlaq biex jissieħeb fl-armata.

    Fil-fatt it-tagħlim tal-arkeoloġija f’pajjiżna huwa pjuttost riċenti u jmur lura għall-1987. F’dik is-sena jiena kont ġejt appuntat bħala kap tad-Dipartiment tal-Klassiċi u ġew ikellmuni żewġ studenti li kienu għażlu l-Istorja u ssuġġerewli biex nintroduċi t-tagħlim fl-arkeoloġija. Nistqarr li l-idea kienet ilha tbherren f’moħħi u għalhekk rajt kif għamilt biex niġbor numru ta’ esperti ħalli flimkien magħhom infassal dan il-kors. Ftit ftit irnexxieli niġbor numru biżżejjed ta’ professjonisti biex jgħallmu d-diversi aspetti tal-arkeoloġija. Min-naħa tiegħi irrealizzajt li ma stajtx nibqa’ nillimita ruħi għall-arkeoloġija klassika li kont speċjalizzajt fiha u għalhekk iddeċidejt li ngħallem ukoll dwar l-aspett tal-preistorja ta’ Malta u kif ukoll dwar dik ġenerali sabiex nifirxu aktar dan il-kors. B’hekk, ma’ l-ewwel sena akkademika bħala kap tad-dipartiment, daħħalt għall-ewwel darba l-istudju tal-arkeoloġija fl-università tagħna. Bdejna proprju b’dawk iż-żewġ studenti u dawn gradwaw fl-1990. Interessanti li nsemmi li wieħed minnhom ma kien ħadd għajr Anthony Pace li llum huwa s-Superintendent għall-Wirt Kulturali.”

    Minn dak iż-żmien ‘l hawn is-sitwazzjoni nbidlet ħafna u numru dejjem jikber ta’ studenti qegħdin jersqu biex jitħarrġu f’dan is-suġġett.

    “Huwa sabiħ li tara l-interess jiżdied f’dan is-suġġett, għalkemm maż-żmien proprju minħabba l-ammont kbir ta’ studenti, kellna nbiddlu s-sistema tal-kors u dan naqqas kemmxejn mill-ħin tal-parteċipazzjoni tagħhom waqt il-lectures. F’dawn l-aħħar snin ġeneralment jiggradwaw madwar 10 studenti kull sena fl-arkeoloġija u nħossni ferm kburi u kuntent b’dan ir-riżultat.”

    Iżda dawn l-istudenti li jiggradwaw fl-Arkeoloġija, isibu opportunità ta’ xogħol f’dan il-qasam?

    “Dik tkun id-dilemma tiegħi meta fl-ewwel sena tal-kors ikolli naffaċċja madwar tletin student ġdid. Huwa għalhekk illi ngħidilhom li dan is-suġġett mhux bilfors ser jiftħilhom bieb għal xogħol fis-settur Skavar f'Għar ix-Xiħ Għawdexarkeoloġiku. Bħal kull suġġett ieħor fil-Fakultà tal-Arti, l-għan prinċipali tal-istudju tal-arkeoloġija huwa illi l-istudent jitrawwem tajjeb dwar kif jixtarr l-informazzjoni biex finalment ikun jista’ jasal għal konklużjoni indipendenti. U proprju biex niftħulu aktar triqat, waqt il-kors tal-Arkeoloġija, l-istudent jitħarreġ ukoll f’kapaċitajiet varji bħal ngħidu aħna f’ħiliet fit-tpinġija dettaljata, fil-qari u l-bini ta’ mapep u fil-fotografija.

    B’danakollu ma rridx nagħti x’nifhem illi min jiggradwa f’dan is-suġġett m’għandux il-possibilità li jaħdem f’dan il-qasam. Anzi! F’dawn l-aħħar snin rajt ħafna mill-istudenti li gradwaw fl-Arkeoloġija jsiru għalliema, kuraturi, jaħdmu ma’ Heritage Malta fil-qasam tas-Supretendenza tal-Wirt Kulturali, jiffurmaw kumpaniji speċjalizzati f’das-settur u saħansitra student minnhom, Dr Nicholas C. Vella, illum huwa wieħed mis-Senior Lecturers tad-dipartiment.”

    Probabbilment din l-attitudni kawta hija riżultat tal-fatt illi Prof. Bonanno kellu jimxi triq twila ferm sakemm wasal fejn hu llum. Fatt kurjuż li sirt naf waqt din l-intervista kien illi oriġinarjament hu qatt ma basar li xi darba għad isir arkeologu.

    “Naħseb li jiena kont tifel bħal ħafna tfal Maltin tipiċi, imwieled u mrobbi f’wieħed mill-irħula tagħna, iż-Żejtun. F’dak iż-żmien qatt ma kont nikkonċepixxi xi ħajja akkademika, aħseb u ara xi speċjalizzazzjoni fl-arkeoloġija! Però fl-età bejn 10 u 20 sena, kont nattendi l-Azzjoni Kattolika u l-qassis li kien jgħallimna kien iġibilna regolarment xi films mill-British Council li kienu jitrattaw suġġetti varji bħal l-ambjent u l-arkeoloġija. Minn dawn, l-aktar li baqgħuli f’moħħi kienu x-xeni ta’ campus universitarji barranin bħall-Università ta’ Oxford u naħseb li bil-mod il-mod, dawk ix-xeni daħlu f’moħħi u ħolquli dik l-aspirazzjoni li xi darba mmur nistudja f’xi pajjiż ieħor.

    Sadanittant meta ġejt biex nagħżel lingwa bejn il-Latin u l-Franċiż, iddeċidejt li nagħżel tal-aħħar. Biss, meta mort biex nidħol l-università sibt ruħi lampa stampa. Xtaqt ħafna nidħol fil-qasam tax-xjenza għax minn dejjem kelli daqsxejn orjentament matematiku u xjentifiku imma ma kellix suġġetti biżżejjed biex napplika. Daqstant ieħor ma stajtx nagħżel li nidħol għall-liġi peress li ma kontx studjajt il-Latin. Iżda imbagħad fortunatament tawni ċ-ċans li nitħarreġ f’din il-lingwa u b’hekk xorta waħda stajt nidħol bħala student każwali fil-qasam tal-arti fl-università.  Biż-żmien għaraft napprezzah ħafna l-Latin u fil-fatt tant mort tajjeb fl-eżamijiet illi l-professur tiegħi ssuġġerili li nkompli dan is-suġġett għal BA Hons u hekk għamilt.

    Iżda għalkemm il-Latin kien sar jogħġobni ħafna, bdejt nintebaħ illi dil-lingwa kienet qed tispiċċa speċjalment meta din ma baqgħetx il-lingwa tal-Knisja. Għalhekk deherli li kien ikun aħjar li nagħżel ambizzjoni ulterjuri u nkompli l-istudji tiegħi f’xi kamp li hu ġdid għal Malta. Kien hawn li tfajt għajnejja fuq l-arkeoloġija u ovvjament iffukajt fuq l-arkeoloġija klassika sabiex inkun nista’ nirrendi l-istudji li kont diġà wettaqt, aktar konkreti.”

    Prof. Bonanno fissirli kif permezz ta’ scholarship huwa kompla l-istudji tiegħu għal dottorat fl-Università ta’ Palermo u wara hu ntagħżel biex jaħdem bħala lecturer fl-Università ta’ Malta bil-kundizzjoni li jkompli jispeċjalizza biex iġib il- Ph.D.

    “Did-darba għażilt li nagħmel l-istudji tiegħi f’università f’Londra ħalli b’hekk nesponi lili nnifsi wkoll għall-ħsieb Ingliż. Nistqarr li wara li kont drajt l-orjentament Taljan, kważi ħadt xokk meta ġejt affaċċjat b’dak Ingliż. Prinċipalment id-differenza kienet illi t-Taljani jitkellmu b’dik iċ-ċertezza dwar xi ħaġa, mentri l-Ingliżi jirreferu għal xi ħaġa li probabbilment kienet hekk, li aktarx kienet hekk eċċ eċċ.

    Għad-dottorat Taljan kont għamilt teżi dwar l-iskultura Griega u Rumana li kien hawn f’ħafna kollezzjonijiet f’Malta, fejn kont eżaminajt madwar 90 biċċa li jibdew minn frammenti żgħar għal statwi sħaħ. Kien eżerċizzju tajjeb ħafna għalija għalkemm għadni qatt ma ppubblikajtu. Issa li għaddew tant snin biex nippubblika x-xogħol tiegħi jkolli bżonn nerġa’ nagħmel dak l-istudju minħabba li llum tant żviluppaw l-affarijiet li anki l-interpretazzjoni tiegħi nbidlet. Dan l-istudju ppreżentajtu f’teżi li qiegħda l-Melitensia imma l-quddiem għandi ħsieb li noħroġ din l-informazzjoni biċċa biċċa f’forma ta’ artikli f’xi magazin.

    Meta mort l-Ingilterra għażilt li naħdem fuq ir-ritrattistika (statwi) uffiċċjali fil-basso riljiev li kien joħroġ l-istat Ruman, l-ewwel fir-repubblika imbagħad fl-imperu sabiex jikkomemmoraw episodji storiċi.”

    Filwaqt li permezz ta’ dawn l-istudji f’pajjiżi oħra Prof. Bonanno kien qata’ xewqtu li jesperjenza campus universitarji barranin, hu saħaq kemm hija importanti li wieħed jesponi ruħu għall-ideat ta’ pajjiżi oħra.

    “Jiena nemmen li kull student Malti għandu jagħti din l-opportunità lilu nnifsu, dik li l-ewwel jidħol fil-fond fuq suġġett li mhux Malti biex wara jmur lura f’pajjiżu u japplika dak li jkun tgħallem. Fl-opinjoni tiegħi jekk wieħed jaħdem mill-ewwel fuq suġġett Malti jagħlaq lilu nnifsu, mentri jekk jistudja barra fuq suġġett iktar vast, jiftaħ moħħu aktar minħabba li f’pajjiżi oħra teżisti firxa aktar wiesgħa ta’ possibilitajiet.”

    Id-diskors reġa’ ħadna lura fi żmien meta jekk ridt tistudja l-arkeoloġija, ridt bilfors issiefer f’pajjiż ieħor. Imma kelli kurżità jekk f’dawk is-snin, in-nies kienetx tapprezza l-arkeoloġija lokali?

    “L-arkeoloġija kienet apprezzata imma għall-benefiċċju ta’ ċertu livell ta’ soċjetà. Ħadd ma kien jipprova jeduka lill-poplu biex jagħraf u jieħu ħsieb dal-wirt kulturali tiegħu. Ħlief Temi Zammit li apparti l-kapaċitajiet l-oħra kollha tiegħu kien ukoll kittieb tajjeb ħafna u permezz ta’ ġabriet qosra ta’ kitbiet informattivi huwa kien għen biex jinforma u jħabbeb lill-poplu ma’ dan il-qasam.”

    Tlabtu jgħidli fejn għamel l-ewwel skavi tiegħu u kemm jaħseb li hu importanti illi min qed jistudja l-arkeoloġija jipparteċipa f’tip ta’ eżerċizzju bħal dan?

    “L-ewwel skavi li għamilt kienu waqt li kont qed nistudja f’Palermo fejn kelli ċ-ċans li niskava f’belt antika fi Sqallija li kienet inqerdet mill-Kartaġiniżi fis-sena 395QK u kienet magħrufa bħala Himera. It-tempju tal-Vittorja f'HimeraGħalkemm l-iskavi ma jkunux obbligatorji waqt l-istudju tal-arkeoloġija, jiena naħseb illi degree fl-arkeoloġija mingħajr esperjenza ta’ skavi tista’ titqies bħala difettuża.”

    Naturalment Prof. Bonanno ħa sehem ukoll f’diversi skavi f’pajjiżna fosthom fil-Brockdorff Circle fix-Xagħra Għawdex, f’Tas-Silġ, fil-Villa Rumana taż-Żejtun u f’Għar ix-Xiħ f’Imġarr ix-Xini f’Għawdex. Madanakollu waqt id-diskursata ħareġ illi xi drabi mhux la kemm tippjana li ser tiskava x’imkien…

    “Ngħidu aħna meta ġejna biex inħaffru f’Tas-Silġ sibna illi l-aqwa partijiet tas-sit kienu diġà ġew allokati biex jiġu skavati minn grupp Taljan. Biex tgħaqqad l-ewwel applikazzjoni li għamilna fl-1995 ġiet irriffjutata peress li l-ministru responsabbli f’dak iż-żmien ingħata l-parir li minħabba li s-sit kien imwiegħed lill-barranin, kien ikun aħjar li aħna l-Maltin ma nitħallewx niskavaw! Niftakar li r-rettur, Fr Peter Serracino Inglott kien bagħat ittra iebsa lill-ministru u ftit wara tħallejna niskavaw. Xorta waħda l-partijiet li ġejna offruti kienu minimi – tliet trinek imdaqqsa biss. Iżda aħna xorta ppersistejna u użajna s-sit biex inħarrġu lill-istudenti tagħna kif jaħdmu bl-aħjar mod xjentifiku filwaqt li esponejnihom għall-mod reali ta’ kif isir skav.”

    Sfortunatament minn kliem il-professur donni fhimt li l-poplu tagħna għadu ma neżax għal kollox mill-influwenza kolonjali. Għajb għalina meta l-barrani jiġi ppreferut mill-Malti u mbagħad meta l-Malti qiegħed f’artu u huwa professjonist fil-qasam!

    “Meta mmur fuq ċertu siti arkeoloġiċi lokali li fuqhom ikunu qed jaħdmu l-barranin, apparti li jkun hemm bżonn il-permessi biex nidħol, mhux darba u tnejn li niġi trattat bħala ‘mistieden’ u bħallikieku qed jagħmluli xi pjaċir għax qed idawwruni mas-sit u juruni x’qed jagħmlu!

    Dan l-aħħar kelli wkoll xi diżgwid minħabba li l-persuna barranija li kienet skavat il-Brockdorff Circle xi snin ilu talbet madwar 1.25 miljun lira sterlina lil fondazzjoni Ingliża sabiex tkompli tiskava s-sit bil-pjan li f’sena prattikament tiżvujtah għal kollox. Jiena kont wieħed minn dawk li rreżistejt ħaġa bħal din għax l-ewwel nett nemmen illi meta jsiru skavi bħal dawn f’pajjiżna, għalkemm għandna nilqgħu l-għajnuna mill-barrani bil-qalb kollha, aħna l-Maltin għandna nkunu qed naħdmu magħhom bi sħab, fuq l-istess livell u b’rispett reċiproku. Imma apparti minn hekk, jiena ma naqbilx li sit għandu jiġi skavat kollu kemm hu. Sadanittant dax-xogħol ma sarx għax it-talba għall-flus ma ġietx aċċettata.”

    Prof. Bonanno sostna kemm hija kruċjali li tħalli parti minn sit mhux mimsusa sabiex din tiġi mgħoddija għall-investigazzjoni mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

    “Ejja nieħdu l-eżempju ta’ Għar Dalam li ġie skavat fis-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20. Illum meta naqraw ir-rapporti li saru dwar l-iskavar ta’ dan is-sit insibu li dawn  huma difettużi ħafna għax ovvjament Għar Dalam - Maltaissa għandna ħafna aktar mezzi u informazzjoni. U ċertament għad jiġi żmien meta l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna ser ikollhom teknoloġija ħafna aħjar minn tagħna. Issa f’Għar Dalam fadal biss roqgħa ċkejkna mmens li għadha mhiex skavata u allura jiena ma nimmaġinax li xi ħadd jista’ jmissha jekk ma jnaddafx il-ħajt kollu tal-madwar u jieħu kampjuni tal-pollinu li jsib.

    Biex nagħtik eżempju ieħor nista’ nsemmilek xi rqajja ta’ ħamrija miżgħuda bi fdalijiet umani li tħallew apposta ġol-Hypogeum b’dan l-istess għan li jiġu studjati fil-futur.”

    Kont kurjuża jekk matul dawn is-snin kollha jaħdem f’dan il-qasam, hu kienx qatt sab xi oġġett ta’ valur waqt l-iskavi?

    “Għad hemm ċertu pajjiżi fejn għadu jeżisti dak l-element ta’ avventura u ta’ skoperti ta’ teżori, bħal ngħidu aħna fl-Eġittu. Naf ħafna bħali li jgħiru għal arkeologi li jaħdmu fl-Eġittu bħal Zahi Hawass li kapaċi jsib xi nekropoli sħiħa! Imma fir-realtà illum l-arkeoloġija hija xjenza u xi skoperta ta’ dan it-tip hija pjuttost rari u għalhekk apprezzata ferm. Waqt li kont qed niskava f’Benghazi kont kuntent ħafna meta rnexxielna niskopru l-bidu ta’ mużajk Ruman. Nixtieq li xi darba insib xi biċċa statwa jew inkella xi biċċa vażun li għandu xena sħiħa mpinġija fuqu! Min-naħa l-oħra x-xorti daħket mhux ħażin lil grupp ta’ studenti li kienu qed jiskavaw miegħi fi Brockdorff Circle meta dawn sabu numru kbir ta’ skulturi u wieħed minnhom saħansitra sab sitt figurini flimkien.”

    Staqsejtu liema fl-opinjoni tiegħu huwa l-aktar sit arkeoloġiku ta’ valur f’pajjiżna?

    “Naħseb li kulħadd jaqbel li l-aktar sit arkeoloġiku ta’ importanza f’pajjiżna, anki minħabba li huwa uniku, bla dubju huwa l-Ipoġew ta’ Ħal-Saflieni. Anzi nasal biex ngħid li l-valur tiegħu jkompli jiżdied Hypogeum - Maltajekk tikkomparah f’dik li hija x-xena internazzjonali. Tempji ssib diversi madwar id-dinja imma monument bħall-Ipoġew huwa uniku, kemm minħabba li huwa daqstant estetikament pjaċevoli u anki għar-raġuni li apparti li l-arkitettura tiegħu hija meraviljuża, minnu ħarġu wkoll numru ta’ affarijiet artistiċi.”

    L-aktar pajjiżi barranin li jaffaxxinawh għall-arkeoloġija tagħhom huma l-Italja u l-Eġittu. U għalkemm dar diversi siti arkeoloġiċi madwar id-dinja, jixtieq ħafna jżur l-arkeoloġija tal-Perù. Ta’ min isemmi wkoll illi dan l-aħħar il-Prof. Bonanno irċieva żewġ unuri mprezzabbli minn żewġ pajjiżi barranin.

    “Meta ġejt mgħarraf li ngħatajt l-unur bħala Corresponding Member tal-German Archaeological Institute ħassejt sodisfazzjon kbir speċjalment minħabba li minn dejjem xtaqt ninvolvi lill-Ġermaniżi f’xi skavi tagħna peress li għandhom teknoloġija serja ħafna. Apparti minn hekk apprezzajt ħafna wkoll il-privileġġ li jinvolvi unur bħal dan: l-ospitalità f’diversi biblijoteki mill-aqwa mxerrda f’diversi pajjiżi oħra.

    L-aħbar l-oħra waslet b’sorpriża f’Jannar li għadda, fejn did-darba l-Archaeological Institute of America infurmani li kien għażilni bħala Corresponding Member tagħhom ukoll. Apprezzajtu ferm dan l-unur li jingħata lill-arkeologi li jkunu ddistingwew ruħhom barra mill-Amerika u l-Kanada għax fil-lista ta’ dawk magħżula qabli hemm ċertu ismijiet famużi bħal dak ta’ Kristos Dumas u Zahi Hawass.”

    Tlabtu jsemmili liema mill-kitbiet tiegħu kienu l-aktar għal qalbu?

    “Bla dubju l-aħħar ktieb Malta: Phoenician, Punic, and Roman għax fih inkorporajt ħafna mill-ideat li kienu sparpaljati u fil-passat ħarġu individwalment f’artikli. Imbagħad hemm ukoll il-ktieb Il-Malta -Phoenician, Punic and RomanPreistorja li għalija kien ta’ sfida kbira minħabba t-termini bil-Malti imma deherli li kien dover tiegħi li nissodisfa ċertu bżonn tal-Maltin, espressa bil-lingwa Maltija.”

    F’egħluq l-intervista semmejna wkoll l-Archaeological Society li apparti li l-professur huwa wieħed mill-fundaturi tagħha, illum huwa anki l-president ta’ din is-soċjetà.

    “L-iskop prinċipali ta’ din is-soċjetà huwa li tippromwovi l-arkeoloġija ma’ kulħadd, anki ma’ min huwa dilettant. Regolarment norganizzaw numru ta’ lectures u site visits u kull min jixtieq jeduka ruħu f’dal-qasam huwa mistieden li jingħaqad magħna. Min ikollu bżonn aktar informazzjoni jista’ jikkuntattjana fuq l-email: ann.gingell-littlejohn@um.edu.mt .”

    Għalkemm forsi fil-films il-ħajja tal-arkeologu hija deskritta b’ħafna aktar kulur, issa li kelli l-opportunità li nintervista lil wieħed mill-aktar arkeologi rinomati f’pajjiżna, xtaqtu jgħidli jekk jaħsibx li wara kollox l-arkeoloġija tagħtux dik il-laqta insolita f’ħajtu?

    “Ċertament inti u tħaffer fl-art fl-isfond tal-għarfien tal-istudji tiegħek hemm dak l-element ta’ eċitament. U anki jekk ma ssib l-ebda oġġett tad-deheb, l-iskoperta u x-xogħolIl-Preistorja tiegħek huma ta’ valur għax qed jikkontribwixxu għax-xjenza. Jekk inħares lura nista’ ngħidlek li kienet karriera li tagħtni bosta sodisfazzjon u laqqgħatni ma’ nies kbar. Ħolqitli wkoll is-sodisfazzjon li nara l-formazzjoni tal-mentalità tal-istudenti li ġew fdati f’idejja u li narahom jirnexxu fl-istudji tagħhom.

    L-arkeoloġija ta’ pajjiżna hija parti minna, hija wirt tagħna. Ma naħsibx li kont inkun daqshekk kburi li jien Malti li kieku ma kellnix it-tempji neolitiċi jew l-Ipoġew. Anzi aktarx kieku kont inħossni daqsxejn inqas. Il-fatt li għandna dak il-wirt għalija jpoġġina fuq ċertu pedestall.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-8 ta’ Mejju 2011)

    2011.05.08 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • MEMORJI TAL-ĠIMGĦA L-KBIRA FIŻ-ŻEJTUN

    Saret tiġrili kull sena f’daż-żminijiet u forsi llum wara din l-intervista, fhimt għaliex… Hekk kif jersqu dawn il-ġranet tal-Ġimgħa l-Kbira, nibda nħoss ċertu nostalġija u spiss jibdew għaddejjin  minn quddiem moħħi xi memorji ta’ dawn il-ġranet ta’ żmien tfuliti.

    Ngħidu aħna fi żmien ir-Randan, l-adulti kienu jinsistu wisq miegħi li m’għandix niekol ħelu u għalhekk hekk kif kont inkun qed inżejjen wiċċ il-figolli bil-ġelu kkulurit, Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, Żejtunqalbi kienet tixxennaq bit-tentazzjoni li nbill subgħajja, filwaqt li ruħi kienet titriehex bil-biża’ tal-kastig t’Alla! Minflok niftakarni nogħxa nħoll xi karamella tal-ħarrub f’ħalqi li nkun xtrajt bi ftit flus minn fuq iz-zuntier tal-knisja. Imbagħad kien hemm id-drawwa tas-sebgħa visti u kienet tkun qisha xi avventura hekk kif flimkien mal-familja tiegħi konna nduru minn knisja għall-oħra. Bħala Żejtunija naturalment ma setax jonqos li kont nistenna bi ħrara l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u ma nista’ ninsa qatt lil dak it-tifel li kien jagħmel il-parti ta’ Iżaak, għaddej ħafi matul it-toroq tal-purċissjoni! Barra minn hekk, id-dar tagħna, ħija Vince kien iħobb jarma l-vari li kien qed jixtri waħda waħda mingħand Diżma u allura hemmhekk kien ikollna purċissjoni oħra!

    Dawn il-ħsibijiet tqanqluli mill-ġdid meta dil-ġimgħa ġejt mistiedna minn Wirt iż-Żejtun biex nagħmel intervista lil Dr Alexander Cachia Zammit dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fiż-Żejtun fl-Dr Alexander Cachia Zammitimgħoddi. In-nies ġiet bi ħġarha biex tisma’ dak li kellu x’jirrakkontra t-tabib li llum għandu l-età ta’ 87 sena u b’hekk mill-ewwel kellna indikazzjoni tal-interess li kien hemm. Inġbarna fl-Oratorju ċkejken biswit il-knisja parrokkjali taż-Żejtun u nista’ ngħidilkom li matul dik is-siegħa li domna hemm ġew, Dr Cachia Zammit irnexxielu jdawwar lura qatiegħ l-arloġġ tal-istorja tal-Ġimgħa l-Kbira tar-raħal tagħna.

    “Illum uħud mill-użanzi ta’ dak iż-żmien spiċċaw għal kollox. Xi affarijiet ġew għall-aħjar iżda oħrajn hija ħasra li ntemmu. Imma x’tagħmel? Trid timxi maż-żminijiet…” beda mill-ewwel jikkummenta t-tabib.

    “Aħna minn dejjem konna familja b’devozzjoni kbira lejn il-Ġimgħa l-Kbira u nemmen li din l-imħabba daħlet b’saħħa f’qalbi b’mod speċjali permezz tan-nanna tiegħi li kienet tant devota. Meta kont għadni tifel, hi u ż-żewġ ħutha kienu jhedew jirrakkuntawli dwar dak li kien iseħħ fl-imgħoddi u dwar l-attivitajiet li kienu jipparteċipaw fihom. U jien kont nisma’ bil-qalb, tant li għalkemm illum kbirt, il-memorji tiegħi jmorru lura sa meta kelli sentejn u nofs.

    Aħna konna noqogħdu Birżebbugia u kien hemm erbgħa okkażżjonijiet partikolari meta konna nitilgħu ż-Żejtun għand in-nanna: fil-Ġimgħa l-Kbira, f’Corpus, f’San Girgor u f’Santa Katarina. Dawn huma l-ewwel memorji tiegħi taż-Żejtun u tal-festi tiegħu. Madankollu niftakar sewwa illi l-festa tal-Ġimgħa l-Kbira kienet għalina l-ikbar festa li kien ikun hawn ir-raħal. Niftakarni ċar, ta’ madwar sentejn u nofs, bil-qiegħda fil-gallarija tad-dar tan-nanna nistenna l-vari ħerġin u l-purċissjoni għaddejja minn quddiemna.”

    It-tabib kompla jirrakkuntali kemm il-preparamenti għaż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira kienu differenti minn dawk ta’ llum.

    “Dak iż-żmien il-festa tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żejtun kienu jagħtuha importanza kbira għax kien hawn devozzjoni kbira lejn il-passjoni ta’ Ġesù Kristu. Il-festa tal-Ġimgħa l-Kbira kienet iġġib magħha dik il-Parti mull-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, Żejtunkooperazzjoni kbira tal-poplu u għalhekk wieħed kien jidħol aktar fl-ispirtu tar-Randan. Il-preparamenti kienu jibdew minn Ras ir-Randan u dakinhar kienet tibda wkoll l-astinenza. Il-papà kien jgħid illi dari l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kienet tieħu madwar ħames siegħat għax kienet iddur mar-raħal kollu kif kienu jixtiequ n-nies. Il-parteċipazzjoni tan-nies kienet tkun kbira għax iż-Żwieten donnhom dejjem xtaqu jżommu dak il-kuntatt viċin ma’ dawk li jieħdu sehem fil-purċissjoni. Sa llum għadek tisma’ n-nies jgħidulek illi l-festa tal-Ġimgħa l-Kbira jgħożżuha aktar minn dik ta’ Santa Katarina għax għalihom din dejjem kienet okkażżjoni ta’ devozzjoni.”

    Issa li dil-ġimgħa ċċelebrajna l-festa tad-Duluri, tlabtu jgħidilna x’kien isir dari f’dal-ġranet.

    “Se ngħidilkhom waħda li forsi ħafna ma jafuhiex! Meta aħna ġejna hawnhekk fil-gwerra, iż-Żejtun konna waħda mill-ftit parroċċi f’Malta illi purċissjoni tad-Duluri ma konnixIl-purċissjoni tad-Duluri, Żejtun nagħmlu. Mhux darba u tnejn li kont ikkummentajtlu lill-arċipriet ta’ dak iż-żmien u spiss kont nurih ix-xewqa li xi darba norganizzaw il-festa tad-Duluri. Però huwa kien jgħidli biex ma nivvintax affarijiet bħal dawn. Madanakollu darba minnhom il-Bambin provdieli u ddeċidejt li nħallas għaliha jien dil-purċissjoni u hekk sar. Jekk ma niżbaljax kienet is-sena 1951 jew 1952 u kont organizzajt kollox jien: il-quddiesa bil-priedka u l-purċissjoni. In-nies mill-ewwel inġabret bil-kbir għax kienet ilha tixxennaq għal din il-purċissjoni. Għall-ewwel bdejna b’purċissjoni qasira imma biż-żmien il-konkorrenza tant kibret illi meta l-vara kienet tkun waslet biex tiddaħħal lura fil-knisja, is-serbut tan-nies li kien ikun hemm warajha, kien ikun għadu ħiereġ ftit ftit mill-knisja stess! Niftakar ukoll li meta ġejna biex inqabbdu r-reffiegħa kien inqala’ xi ftit tal-inkwiet għax kulħadd ried jerfa’ hu. Il-biċċa tant saħnet li kien hemm saħansitra min ried iħallas id-doppju biex jintagħżel hu! Xi ħaġ’oħra li ħolqot din il-purċissjoni kienet illi fejn qabel in-nies kienet tista’ tagħmel xi wegħdi u sagrifiċċji biss waqt il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, issa ċertu nies bdew jagħżlu li s-sagrifiċċji tagħhom ikunu marbuta mal-mixja wara d-Duluri. Dnub li qatt ma niżżilt il-kurunelli u t-talb li kienu jintqalu waqt din il-purċissjoni għax ir-rikkezza tagħhom kienet sabiħa ferm.”

    Mad-Duluri kien hemm ukoll marbuta xi wegħdi u sagrifiċċji oħra.

    “Ma nafx jekk fadalx min jiftakarha din. Kienet magħrufa bħala s-sebgħa bukkuni tal-Madonna tad-Duluri. Dan is-sagrifiċċju kien isir minn xi nies li jkunu qalgħu xi grazzja u kien jikkonsisti fil-mortifikazzjoni li tmur tittallab il-ħobż bieb bieb mingħand in-nies. Bosta drabi dawn ma kienx ikollhom għalfejn imorru jħabbtu l-bibien għax flus biex jixtru l-ħobż kien ikollhom. Imma s-sagifiċċju kien proprju dak li inti tmur titbaxxa u tittallab għand in-nies. Imbagħad meta kienu jiġbru sebgħa biċċiet tal-ħobż kienu jieklu lilhom biss għall-festa tad-Duluri.”

    Mur għamilha llum wegħeda bħal din! Meta rani maħsuda t-tabib Cachia Zammit kompla jispjegali dwar drawwa stramba oħra – dik tal-Erbgħa tat-tniebri u l-għala jsejħula hekk.

    “Dari, fl-Erbgħa tat-Tniebri kienu jkantaw l-għasar u kienu jgħattu bil-purtieri u bl-għażel it-twieqi tal-knisja biex joħolqu dak is-sens ta’ dlam. Kienu jitfu l-vari, xemgħat imkien, kollox fi dlam ċappa. Xi wħud minn dawk li attendewImbagħad wara li jispiċċaw l-għasar, kienu joħorġu x-xemgħat u wara kull salm li jitkanta tintefa’ waħda minnhom kull darba sakemm finalment tibqa’ tixgħel biss l-aħħar xemgħa li tirrapreżenta lil Kristu u din ma kinetx tintefa’.

    Din il-funzjoni kienu jsejjħulha wkoll tat-tniebri għax in-nies kienet tagħmel apposta ħafna storbju fil-knisja. Min kien iħabbat biċ-ċuqlajti, il-qassisin kienu jsabbtu mal-injam tal-kor fejn ikunu qegħdin bil-qiegħda, filwaqt li t-tfal kienu jmorru qalb is-siġġijiet u joqogħdu jagħmlu naqra fratterija. Il-ħsieb wara dan kollu kien li titfakkar il-maltempata li kienet inqalgħet meta kienu sallbu lil Kristu. Kienet drawwa partikolari u interessanti ħafna li llum spiċċat u ntesiet għal kollox.”

    Skont it-tabib, f’dawn iż-żminijiet il-kwadri tal-artali, il-kurċifissi u t-twieqi kienu jitgħattew bi drapp vjola biex titfakkar ġrajja partikolari fil-ħajja ta’ Kristu.

    “F’dawk iż-żminijiet meta fil-knisja kien jasal il-qari tal-ġrajja ta’ Lazzru, dak il-Ħadd kien jissejjaħ ‘Ħadd Lazzru’. Matul dan ir-rakkont tal-evanġelju naraw illi kienu qegħdin jippjanaw biex joqtlu lil Kristu imma hu kien ħarbilhom. Għaldaqstant minn dak l-inċident sakemm imbagħad Ġesù jerġa’ jitfaċċa u jsallbuh, kien magħruf bħala Ħadd Lazzru. B’hekk biex jiġi kkommemorat dan iż-żmien, f’dik il-ġurnata kien ikun hemm sens ta’ dieqa u ta’ luttu fil-knejjes. F’din il-ġurnata ma stajt torganizza l-ebda festa tant li niftakar li darba mort għall-festa ta’ San Ġużepp ir-Rabat u peress li nzertat f’din il-ġurnata, il-kwadru tiegħu kien mgħotti b’biċċa drapp vjola rrakkmata. Il-kurċifissi kieku jinkixfu s-Sibt fil-glorja u mbagħad kienu jinkixfu l-bqija tal-affarijiet l-oħra.”

    Għal bosta drabi Dr Cachia Zammit saħaq kemm dari l-funzjonijiet tal-knisja kienu jittieħdu b’serjetà u b’devozzjoni.

    “Il-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka kienet tkun sabiħa ħafna għax f’nofsinhar kienet tispiċċa l-funzjoni u mbagħad jibdew il-visti tas-sepulkru li dak iż-żmien kienu kważi kmandament għalina l-insara. Jekk ma tagħmilx il-visti daqs li kieku ser taqa’ d-dinja tant li biex ma tagħmilx il-visti ridt tkun veru marid li ma tistax toħroġ mid-dar! Imma l-atmosfera kienet tkun sabiħa wisq għax kulħadd kien jipparteċipa. Bosta nies kienu jitilgħu mill-kampanja u konna ningħaqdu fi gruppi ta’ rġiel għalihom u nisa għalihom. Nerġa’ ntenni… kien żmien ieħor!”

    Irrid jew ma rridx ikolli naqbel miegħu speċjalment meta tisma’ xi rakkont bħal dan li ġej issa. Għax lil min ser tgħid illum li jrid bilfors jattendi priedka ta’ tliet siegħat sħaħ u fid-dlam ċappa?

    “Oriġinarjament il-funzjonijiet kienu jsiru fil-għodu, mhux bħal-llum. Imma, kif għedtlek, il-knisja kienet tiġi magħluqa u mtappna minn kullimkien biex tintefa’ fid-dlam. Niftakar li l-ġimgħa, wara li kienetIl-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żejtun dari tispiċċa l-quddiesa għal xil-11:00am, kienet issir priedka twila tliet siegħat. In-nies kienet tipparteċipa bi ħġarha u biex tilħaq post ridt taħseb minn kmieni. In-nanna kienet tgħidli li lanqas biss kont tista’ tikkunsidra li ma tmurx għaliha priedka bħal din għax in-nuqqas ta’ attendenza għaliha kienet meqjusa bħala xi ħaġa kerha ħafna. Kienu jtellgħu l-vara l-kbira fuq il-presbiterju fejn il-predikatur kien joqgħod bil-wieqfa l-ħin kollu, jippassiġġa u jippriedka. In-nanna spiss kienet issemmi li kien hemm predikatur tajjeb ferm, ċertu Dun Ġwann Gauci. Darba minnhom dan ħareġ fuq l-artal f’dak id-dlam kollu u kiser is-silenzju billi tenn il-kliem li Kristu mhux veru li kien miet. In-nies kienet tħawdet bi kliemu imma meta mbagħad kompla l-priedka, tant tqanqlu, li ħafna minnhom ħarġu bid-dmugħ f’għajnejhom minn hemm ġew. Waqt din il-priedka minn ħin għall-ieħor kienu jitkantaw ir-responsorji bid-daqq tal-vjolini u xi strumenti oħra sakemm il-qassis jidħol ibill ftit griżmejh b’xi kikkra kafè jew xi ħaġ’oħra u mbagħad joħroġ ikompli jippriedka. Finalment waqt il-kant tar-responsorji kienu wkoll iniżżlu l-vara l-kbira u minflokha jtellgħu il-monument.”

    Fi żminijiet meta ma kienx hawn elettriku, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żejtun, li kienet twila ferm, kienet tispiċċa għall-ħabta ta’ nofs il-lejl u naturalment kien ikun dlam ċappa. Imma meta darba minnhom ħarġet ir-riforma u l-isqof ried li l-purċissjoni tidħol fit-tmienja, fir-raħal tagħna kienet inqalgħat agħa kbira.

    “Niftakar lil missieri jgedwed “X’għamlilna l-isqof!” Din tat-tmienja ma ntogħġbot xejn għax in-nies kienet drat tirranġa bejnietha. Infatti n-nanna kienet tgħidli illi meta l-purċissjoni kienet tgħaddi minn ħdejn Sant’Anġ, sa dak il-ħin kien ikun diġà beda jidlam. Allura n-nies ta’ Triq Santa Marija u l-madwar kienu jikru brazzi tal-ħadid bit-tazzi fuqhom u jdendluhom mixgħulin ma’ grampun mal-faċċata tad-dar  sabiex meta tgħaddi l-purċissjoni jkun hemm ftit dawl. Tant hu hekk illi jekk illum tmur f’din it-triq, għadek tista’ tilmaħ uħud minn dawn il-grampuni.

    Kien hemm ukoll ftehim man-nies li f’każ li tinqala’ x-xita waqt il-purċissjoni, dawn joffru kenn lill-vari. U għalhekk min kellu post adattat fejn tista’ tiddaħħall xi vara, jekk tinqala’ x-xita meta l-vari jkunu viċin, dawn kienu jiddaħħlu fi djarhom għall-kenn. Fil-fatt in-nanna kellha bieb kbir ħafna u darbtejn daħlet il-vara l-kbira u tliet darbiet il-monument hemm ġew. Iżda sa fejn naf jien, ix-xita qatt ma żammet milli ssir il-purċissjoni.”

    Xi ħaġ’oħra kurjuża kienet illi l-vari ma kienux jinżammu fil-knisja minħabba nuqqas ta’ spazju.

    “Niftakar sew fejn kienu jinżammu l-vari għax kont inħobb immur ngħin biex jintramaw ħalli jinġiebu fil-knisja. Il-vari kienu jkunu mqassmin f’ħafna knejjes żgħar imma tnejn minnhom kienu jinżammu Il-monument tal-Ġimgħa l-Kbira, Żejtungħand familja li kienet toqgħod viċin il-knisja. L-Ort kien jinżamm fil-knisja ta’ San Girgor, il-Marbut kien ikun f’dik ta’ Santa Marija, l-Aċċjomu kienu jagħmluh fil-kappella tal-Ispirtu s-Santu, il-vara l-kbira ġo Tas-Salvatur u l-Monument kien jinżamm fil-knisja parrokkjali. Il-Veronika u r-Redentur kif għedtlek kienu jinżammu għand familja.”

    Dr Cachia Zammit fakkar kif oriġinarjament il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kienet tgħaddi minn triq pjuttost deqja – dik ta’ Ħabel ix-Xgħir.

    “Dari l-uniku triq li tikkomunika r-raħal t’isfel mal-knisja kienet biss it-triq ta’Ħabel ix-Xgħir u għalhekk il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kienet tgħaddi minn hemm. Imma fl-aħħar bdiet tinħoloq id-diffikultà għax minħabba l-kobor tagħhom, ċertu vari ma kienux jgħaddu sewwa. Intant, meta għall-ħabta tal-1932/33 infetħet it-triq l-oħra, iż-Żejtun konna għadna kif ġibna vara tal-monument ġdida u nzerta li l-ġwienaħ tal-anġli kienu xi naqra miftuħa żżejjed u żgur li ma kienux ser jgħaddu minn ġo Triq Ħabel ix-Xgħir. B’hekk instabet ix-xoqqa f’moxtha u l-purċissjoni bdiet tgħaddi mit-triq il-ġdida.”

    U kif konna fil-kliem il-Kanonku Dun Joe Abela li kien qed jisma’ mal-pubbliku irrakkonta wkoll ġrajja personali marbuta ma’ dit-triq li għal naqra ma ħallitux mejjet!

    “Niftakarni li kelli xi tmien snin u kont qiegħed flimkien m’ommi fil-ġenb tat-Triq San Girgor insegwi l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għaddejja. F’daqqa waħda bħal nara dellL-inċident fi Triq San Girgor, Żejtun kbir ġej fuqi u ommi ġibditni malajr lura. Kienet il-vara tal-monument li għal naqra ma niżlitx fuqi! Il-monument kważi waqa’ għal kollox fl-art u kumbinazzjoni dan l-aħħar waqt li kont qed nara xi ir-ritratti, intbaħt li dan l-inċident inqabad ċar ħafna f’ritratt minnhom. Imn’Alla kienet ommi għalija dakinhar.”

    Il-ġrajjiet minn fomm it-tabib baqgħu għaddejjin, waħda wara l-oħra. U ċertament fi ftit tal-ħin irnexxielu jqanqal bosta memorji u kurżitajiet lin-nies li kien hemm miġbura.

    “Hemm ħafna x’wieħed jgħid għax id-devozzjoni lejn il-Ġimgħa l-Kbira fina ż-Żwieten hija antika ħafna u tmur lura għal ħafna snin. Ormaj qiegħda f’demmna. Mur aqtagħhomlhom dawn l-użanzi lin-nies! Lanqas qatt ma jirnexxielek. U dan hu evidenti fin-numru sabiħ ta’ żgħażagħ lillum jagħtu sehemhom biex din il-funzjoni tibqa’ ċċelebrata kif jixraq.”

    Il-gwerra biss irnexxielha żżomm il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ġewwa għal tliet snin sħaħ.

    “Dak kien żmien ikrah ferm li ma nixtieq lil ħadd jgħaddi minnu. Imma għal dawk it-tliet snin kellna nirrassenjaw ruħna bil-priedka tat-tliet siegħat biss u kollox bil-biża’ ta’ xi air-raid. Però aħna t-tfal fid-djar kellna l-minjaturi tal-vari u f’dawk il-ġranet konna nogħxew indawwruhom minn kamra għall-oħra tad-dar. B’hekk il-purċissjoni xorta kienet issir. Dak hu s-sigriet tal-ħajja wara dawn it-tradizzjonijiet.”

    Intqal ħafna aktar imma huwa mpossibbli li jitniżżel kollox. Intwerew ukoll numru ta’ ritratti antiki grazzi għas-Sur Carmelo P Baldacchino. Madanakollu din l-intervista ġiet irrekordjata sabiex isservi għal dawk kollha li huma interessati jkunu jafu aktar dwar dan il-qasam etnografiku tagħna l-Maltin. Min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jikkuntattja lil Wirt iż-Żejtun fuq www.wirtizzejtun.com

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-17 t’April 2011)

    2011.04.17 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • SWALI ĠODDA TAL-ARKEOLOĠIJA LOKALI

    L-ewwel darba li wrejt ix-xewqa li nsir arkeoloġista, l-adulti madwari tbissmu u għal darb’oħra fakkruni li xi darba hemm bżonn li nibda ngħix naqra fir-realtà. U infatti l-Sharon Sultanapressjoni tagħhom dawwritli triqti u għal diversi snin ħdimt f’bosta setturi oħra. Imma qalbi ma setgħetx tirrassenja ruħha u wara għoxrin sena sħaħ, kelli nċedi għall-emozzjonijiet tiegħi u finalment l-arkeoloġija qed nistudjaha tassew! Kultant lanqas inkun irrid nemmen illi fl-aħħar qed nagħmel dak li dejjem xtaqt u li fil-klassi nkun qed nisma’ jew niddiskuti proprju mal-arkeoloġisti li dejjem ammirajt. Madanakollu baqgħu jtambru f’moħħi t-twissijiet minn diversi individwi li bl-arkeoloġija f’Malta ma tasal qatt imkien. Għalhekk riċentement Dr. Nicholas Vella, wieħed mill-lekċerers tiegħi, laqqagħni ma’ Sharon Sultana, il-Kuratriċi Prinċipali tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u permezz tagħha fhimt li jekk tassew tixtieq xi ħaġa, destinek tista’ taħdmu int…

    “Inizzjalment l-arkeoloġija daħlet f’ħajti b’mod pjuttost stramb. Flimkien ma’ sħabi kont tlajt napplika biex nidħol nistudja l-liġi fl-università. Imma waqt li kont qed nistenna fil-kju, ġiet f’idejja xi informazzjoni dwar il-kors tal-arkeoloġija li mill-ewwel affaxxinatni. Fil-fatt l-arkeoloġija kienet togħġobni ħafna imma mhux li kelli xi pjanijiet li għad naħdem f’dak il-qasam. Ma nafx x’tani dak il-ħin u daqstant baqgħu mbellħin il-ġenituri tiegħi meta mort lura d-dar u infurmajthom li mhux il-liġi kont ser nistudja imma l-arkeoloġija! Anki lili staqsewni x’mingħalija li kont beħsiebni nagħmel b’kors bħal dak? Imma jien weġibt li wara li niggradwa imbagħad nara.

    Meta iggradwajt fl-1995, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija ngħalaq temporanjament sabiex isirlu xi ristrutturar u kien hemm il-bżonn ta’ żewġ individwi biex jagħmlu stima tal-kundizzjoni tal-oġġetti liSejbiet mit-tempji ta' Hal-Tarxien kien hemm esposti fil-wirja permanenti. Kont intagħżilt flimkien ma’ persuna oħra biex naħdem għal perjodu ta’ tliet xhur fejn matulu tħarriġt ukoll kif nevalwa l-oġġetti. Eventwalment, tant morna tajjeb, li bqajna naħdmu għal tliet snin u nofs oħra fejn did-darba ngħatajna taħriġ fil-konservazzjoni bażika u aħna stess wettaqna l-konservazzjoni tal-oġġetti li kienu ser jiġu esebiti fil-wirja l-ġdida tal-mużew. Wara għamilt perjodu ta’ żmien ma naħdimx biex nieħu ħsieb it-tfal u anke ħdimt f’qasam ieħor għal erbgħa snin.

    Iżda darba minnhom waslet l-opportunità biex naħdem bħala assistenta tal-Kuratur tal-Arkeoloġija. U pass wara pass, illum għandi r-responsabbiltà ta’ Kuratriċi Prinċipali tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.”

    Ikolli nistqarr li Sharon mill-ewwel laqtitni peress li l-idea li kelli ta’ kif ikun kuratur kienet kemmxejn differenti. Infatti sibt persuna ħelwa zokkor li ċertament apparti li tiġbdek lejha, tressqek ukoll b’aktar kunfidenza lejn il-mużew.

    “Kemm ilni kuratriċi, wieħed mill-iskopijiet tiegħi dejjem kien dak li nibdel l-attitudni tan-nies lejn il-mużew. Personalment nemmen li spiċċa dak iż-żmien meta lin-nies li jerqsu lejn il-mużew titlobhom biex iżommu s-silenzju u biex ma jmissu xejn. Minflok illum it-tendenza hija li wieħed jintegra mal-post li jkun fih sabiex finalment ikollu esperjenza sabiħa u ħajja u li jitgħallem xi ħaġa minnha.

    Huwa għalhekk illi minn żmien għal żmien it-tim tagħna joħroġ b’diversi ideat dwar kif min jiġi jżur dan il-post, iħossu kemm milqugħ u kif ukoll mgħarraf sewwa dwar dak li jkun qed jara. Biex nagħtikKopja ta' statwa - Muzew tal-Arkeologija Nazzjonali eżempju, fl-2009 id-direttur tal-Limestone Heritage Parks and Gardens irregala lill-mużew kopja eżatta ta’ waħda mill-istatwi li nstabet f’Ħaġar Qim, maħduma mill-ġebla franka. Din tpoġġiet quddiem l-istatwi oriġinali sabiex il-viżitaturi jkunu jistgħu jmissu dan il-mudell ħalli jiffamiljarizzaw ruħhom aktar ma’ kif tinħass l-istatwa proprja u kif inhi l-forma tagħha. Mudell bħal dan jgħin ukoll lil dawk neqsin mid-dawl biex jifhmu sewwa dwar xhiex inkunu qed nitkellmu meta nsemmu l-figuri ħoxnin pre-istoriċi.”

    Il-mużew innifsu huwa ġawhra arkitettonika. Inbena fl-1571 u kien jifforma parti mill-Berġja ta’ Provenzja li kienet tokkupa l-ispazju kollu fejn illum hemm diversi bini u ħwienet li jmissu mal-mużew.

    “Il-lok fejn hawn il-mużew kienet biss parti żgħira minn blokka kbira fejn il-kavallieri kellhom dak kollu li kellhom bżonn apparti r-residenza tagħhom. Saħansitra kellhom il-forn bil-furnara tagħhom Muchaġewwa l-bini. Il-ħsieb kien illi jekk jiġi l-bżonn li jinbarraw ruħhom għal xi żmien ġo din il-proprjetà huma jkunu awto-suffiċjenti. Wara l-kavallieri l-post ġie abitat minn diversi individwi u nqasam skont il-pjanijiet tagħhom. Tant hu hekk illi fi żmien l-Ingliżi dan il-post serva anki bħala lukanda u min jaf x’tibdiliet strutturali għadda minnhom! Fosthom dawn fetħu gallarija f’waħda mill-isbaħ kmamar magħrufa bħala l-Grand Salon ħalli fiha jorganizzaw il-ballijiet. Illum din is-sala tintuża biex nesebixxu fiha wirjiet temporanji u fil-fatt bħalissa qed issir l-esebizzjoni tal-artist Alphonse Mucha li għandha miftuħa sal-15 ta’ Mejju 2011. Kull min jiġi jżur dan il-post jifhem il-prestiġju tal-bini nnifsu apparti l-valur tal-kollezzjonijiet li jħaddan fih. Bosta li jaraw il-Grand Salon jistagħġbu bi ġmielha u dawk minnhom Maltin iħossuhom kburin li għandna wirt sabiħ bħal dan f’pajjiżna.

    Naturalment hemm ukoll l-iżvantaġġi li jkollok bini ta’ valur bħal dan. Peress li llum huwa skedat, mhux la kemm tagħmel xi tibdiliet fih. Barra minn hekk, peress li hu ma ġiex mibni għall-iskop ta’ mużew, irridu noqogħdu b’attenzjoni kbira għal x’nistgħu npoġġu fih. Ngħidu aħna meta konna qed nippjanaw x’nistgħu nesebixxu fis-swali l-ġodda tal-perjodu Ruman, inqalgħatilna diffikultà kbira minħabba li għandna ħafna fdalijiet goffi tal-irħam. Fil-fatt kellna nieħdu l-opinjoni tal-periti sabiex dawn jaraw x’toqol kapaċi jiflaħ post bħal dan. Fuq kollox, il-post hu li hu u ma tistax iżżid miegħu. Għalhekk ħafna drabi, akkost li nkunu nixtiequ nesebixxu ħafna iktar affarijiet, ikollna nilħqu kompromess.

    Forsi aktar il-quddiem jirnexxielna nirbħu aktar spazju meta nirristrutturaw is-sotterran tal-mużew. B’hekk, minn żmien għal żmien, inkunu nistgħu noħolqu esebizzjonijiet temporanji mill-bosta oġġetti li jinsabu fil-maħżen tagħna.”

    Wara li sarlu l-istrutturar meħtieġ il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija reġa’ nfetaħ għall-pubbliku fl-1998 b’esebizzjonijiet tal-perjodu Neolitiku li jkopri mill-fażi magħrufaHal Tarxien - fdalijiet arkeologici originali bħala Ta’ Għar Dalam (5200 Q.K) sal-fażi ta’ Ħal-Tarxien (2500 Q.K). Iżda naturalment l-arkeoloġija ta’ Malta hija wisq aktar vasta u minn dejjem kien hemm ippjanat li jinfetħu aktar swali bi fdalijiet ta’ fażijiet u żminijiet oħra.

    “Peress illi Heritage Malta għandha bosta mużewijiet u lwogi x’tieħu ħsieb, il-finanzi jridu jitqassmu u allura huwa impossibbli li jsir kollox f’daqqa. Iżda issa wasal il-mument biex il-pubbliku li jżur lil dan il-mużew iktar tard din is-sena, ikun jista’ jara wkoll il-wirt arkeoloġiku tagħna taż-Żmien tal-Bronż u tal-Feniċi, kif ukoll dak Puniku, Ruman u Biżantin.”

    Sharon spjegatli kif sar il-proċess biex dawn is-swali jkunu jistgħu jinfetħu. Saħqet ukoll illi flimkien mat-tim magħmul minn ħaddiema ta’ Heritage Malta, bħal designers, maintenance team, projects office,  u ma’ numru ta’ esperti, sar ħafna xogħol biex l-esebizzjonijiet ikollhom sfond b’xeħta moderna, kreattiva u edukattiva, mogħni anki b’diversi attivitajiet li jħajru lill-viżitaturi biex jintegraw mal-post.

    “Ċertament irrid nirringrazzja wkoll lill-Mediterranean Bank li permezz tal-patroċinju tagħhom nistgħu nintegraw iktar affarijiet interattivi li qed ngħidlek dwarhom. Fostom f’kull kamra ser ikun hemm xi Muzew Nazzjonali tal-Arkeologijaħaġa partikolari li n-nies jistgħu jimmanipulaw; bħal ngħidu aħna f’kamra minnhom ser ikun hemm għodda tal-insiġ primittiva, ovvjament kif naħsbu li kienet, li biha min jixtieq, jista’ jinseġ xi biċċa żgħira ħalli jifhem aħjar dwar l-insiġ ta dawk iż-żminijiet. Barra minn hekk, sistema ta’ dvds ser ikunu qed juru u jispjegaw dwar siti arkeoloġiċi f’Malta, fosthom per eżempju ħa naraw lil Dr David H Trump, jispjega dwar il-cart ruts ta’ San Pawl tat-Tarġa. Dvd ieħor ser ikun dwar Għar Mirdum u dan ser jinkludi anki filmati antiki miġjuba mill-PBS li juru l-esplorazzjoni ta’ dan is-sit fejn instabu xi affarijiet ta’ Żmien il-Bronż. Apparti minn hekk dan id-dvd ser ikollu wkoll intervista ma’ wieħed minn dawk li dakinhar kienu niżlu fis-sit.

    Ovvjament ħsiebna kien ukoll iffukat fuq dak li nistgħu noffru lit-tfal, kemm dawk li jiġu jżuruna ma’ xi adulti oħra u kif ukoll dawk li jiġu ma’ tal-iskola. Għalihom qed nippreparaw pakkett ta’ attivitajiet li jistgħu jaħdmu waqt li jkunu qed iduru l-mużew. Biex nagħtik xi eżempju, ser ikollna bankijiet apposta li fihom it-tfal isibu affarijiet differenti bħal cushions jew xi trundle wheels. B’dawn tal-aħħar it-tfal ikunu jistgħu jivverifikaw il-qies ta’ xi affarijiet li għandna fil-mużew wara li aħna nkunu tlabnihom jaqtgħu kemm jaħsbu li huma kbar. Ser nuruhom ukoll kif ikejjlu l-piedi b’saqajhom u x-xiber b’idejhom. L-iskop hu li nedukaw b’mod informali u li nintegraw suġġetti varji, bħall-matematika f’dan il-każ. Qegħdin ukoll noħolqu bookmark b’pakkett żgħir magħha mimli biż-żerriegħa tal-qamħ u x-xgħir – żrieragħ li kienu jużaw anki l-ewwel nies – ħalli wara jmorru d-dar u jiżirgħuhom.”

    Nistqarr magħkom li qed inħossni fuq ix-xwiek biex nara dawn is-swali l-ġodda li ser jibdew jinfetħu ftit ftit għall-pubbliku minn Ġunju li ġej. Wieħed mill-aktar affarijiet li laqtuni kien is-sarkofagu Feniċju li huwa pjuttost differenti minn dawk Eġizzjani – fosthom is-swaba’ tas-saqajn evidenti u mirquma u l-għajnejn magħluqa fil-wiċċ tagħha. Dawn l-affarijiet bħalissa huma miżmuma fil-maħżen tal-mużew u qed jistennew bil-ħerqa sabiex jinħarġu ħalli n-nies tiġi tarahom.

    “Uħud minn dawn l-oġġetti kienu diġà jiffurmaw parti minn esebizzjoni li kien hemm qabel il-mużew ngħalaq biex jiġi ristrutturat. Iżda oħrajn għażilnihom individwalment minn ġo dan il-maħżen fejn Dr David H Trumphemm kaxxi fuq kaxxi bl-affarijiet, kollha jistennew li jsir xi xogħol fuqhom. Ovvjament kellna nagħmlu ħafna riċerka u ġibna anki xi esperti biex jgħinuna nagħżlu l-aktar oġġetti importanti bħal Prof. Anthony Bonanno li huwa espert fil-qasam Ruman, Dr. Nicholas Vella li huwa espert fil-qasam Feniċju u Dr David Trump li għena fuq il-perjodu ta’ żmien il-Bronż. Irreferejna wkoll ma’ ħafna kotba u permezz ta’ xi stampi, irnexxielna nillokalizzaw uħud mill-oġġetti li ma konniex nafu l-provenjenza tagħhom. Infatti permezz ta’ dan il-proġett, oġġetti li f’kotba letterarji kienu mmarkati bħala ‘mitlufa’, issa ikkonfermajna li qegħdin għandna fis-sigurtà ta’ dan il-maħżen.”

    Moħħi tar bħal berqa fuq il-films ta’ Indiana Jones u ftakart kemm ngħir għalih kull meta narah f’xi xena għaddej minn bejn il-kaxxi ta’ xi maħżen mimli fdalijiet arkeoloġiċi fejn fosthom isib l-arka ta’ Noe! Naħseb kont lesta li nħallasha lil din il-kuratriċi biex tħallini nittawwal naqra f’dan il-post imma Sharon assiguratni li hemm ġew mhux la kemm taqbad u tidħol. Kelli nirrassenja ruħ għax ma tistax tiġik tajba dejjem. Iżda minflok Sharon urietni xi kaxxi li kienu għadhom kif inħarġu mill-maħżen. Fihom kien hemm xi fdalijiet tal-fuħħar.

    “Dawn l-oġġetti qed jiġu kollha dokumentati permezz tal-għajnuna ta’ xi volontarji li qed jieħdu ritratt ta’ kull wieħed, iqisu d-daqs u t-toqol tiegħu, jirrekordjaw il-provenjenza u jinkludu anki l-ismijiet Arkeologija ta' Malta - 1924ta’ xi letteratura assoċċjata magħhom.  Wara, dawn l-oġġetti qed jiġu mgeżwra ġo karti apposta u merfugħa ġo kaxxi tal-plastik. Oriġinarjament ħafna mill-oġġetti fil-maħżen kienu mpoġġija f’kaxxi tal-injam li mhux proprjament l-aħjar materjal li tista’ terfa’ fih. Barra minn hekk sibna li ħafna minn dawn il-kaxxi kienu nofshom vojta u għalhekk permezz tal-kontenituri tal-plastik qed noħolqu wkoll ħafna aktar spazju fil-maħżen.”

    Biex donnha tpattili, urietni wkoll ktejjeb tal-magħruf Sir Themistocles Zammit li ħallini bla kliem. Għax dwar dan il-personaġġ ilni nisma’ sa minn ċkuniti u issa hemm quddiemi kont qed nara kitbietu u t-taħżiż tad-diżinji tiegħu li kienu juru xi dettalji dwar l-iskavi u s-sejbiet arkeoloġiċi tiegħu. Ma nafx nispjega l-faxxinu li nħoss lejn l-arkeoloġija u xi ħaġa bħal din tqanqalni ferm.

    “Dan hu biss wieħed mill-ħafna noti li għandna tiegħu. Tant huma mimlija b’dettalji li trid tarahom paġna paġna. Il-ħin biss huwa l-problema!”

    Sharon qaltli illi l-interess fl-arkeoloġija hawn Malta qiegħed kull dejjem jiżdied, għalkemm huma l-barranin li l-aktar li jfittxu lil dan il-mużew b’ħeġġa.

    “Meta kien hawn l-esebizzjoni tat-Terracotta Warriors li nġabu miċ-Ċina, hawnhekk kienu ġew ħafna Maltin. Ħafna minnhom żaru il-bqija tal-mużew bl-esebiti lokali waqt li kienu hawn. Ma nistax ninsa kemm nies ġew għandna jistqarru li ma kienux jafu li anki aħna l-Maltin kellna dik ir-rikkezza kollha fil-mużew!”

    Minn teżi li hi għamlet dwar il-frekwentazzjoni tal-Maltin f’dan il-mużew, ir-riżultati tal-istħarriġ tagħha ħasduha mhux ħażin.

    “Mill-istudju tiegħi ħarġu tliet fatturi: kien hemm dawk li qatt ma żaru mużew tal-ebda tip, dawk li żaru mużewijiet lokali oħra imma qatt ma ġew hawn u dawk li żaru mużewijiet oħra fosthom dan ukoll. Min-naħa l-oħra meta staqsejt lil dawk li qatt ma żaru l-mużew dwar ir-raġuni ta’ din l-għażla tagħhom kien hemm min qalli li jikkunsidra l-mużewijiet bħala postijiet li jdejjquh, oħrajn saħqu li ma jikkunsidrawx irwieħhom li huma ta’ livell ta’ edukazzjoni biżżejjed biex jifhmu x’hemm f’mużew, filwaqt li l-maġġor parti minnhom stqarru li għalkemm dawk lokali ma jżuruhomx, huma jżuru l-mużewijiet ta’ pajjiżi oħra meta jsiefru minħabba li xtaqu jkunu jafu aktar dwar il-kultura ta’ ħaddieħor!”

    Huwa dan li jħeġġeġ lil Sharon tkompli taħdem biex tipprova tbiddel din il-mentalita ta’ ħafna Maltin u tixtieq li jibdew japprezzaw il-kultura tagħna iktar. Ħaġ’oħra li Sharon kontinwament insistiet fuqha kienet illi tixtieq tneħħi għal kollox l-idea minn ċertu mħuħ illi n-nies pre-istoriċi kienu differenti ħafna minna jew li kienu jgħixu bħas-slavaġ.

    “Infatti meta ġieli nsib ruħi ndur ma’ xi viżitaturi, spiss naqbad ma’ xi esebit partikolari u nistaqsihom x’jaħsbu li hu u għal x’hiex jaħsbu li kien jintuża. Imbagħad wara noħroġ oġġett simili imma li nużaw Il-koppja mghannqa - Muzew tal-Arkeologija Nazzjonaliillum il-ġurnata, bħal ngħidu aħna kuċċarun, u hemm in-nies jifhmu xi rrid ngħid. Għax dawk il-biċċiet tal-fuħħar m’huma xejn ħlief l-għodda li dawn kienu jaħdmu bihom jew it-tazzi, il-buqari u l-platti tagħhom. Biex nurihom li mhux qed nitkellem dwar xi nies slavaġ imma sempliċiment dwar bnedmin li għexu eluf ta’ snin qabilna, inħobb niġbed l-attenzjoni fuq statwetta ċkejkna tal-fuħħar. Din turi koppja mgħannqa li bla dubju hija xempju tal-essenza tal-umanità ta’ dawn il-bnedmin. Kienu biss nies li għexu fi żmien ieħor u li ma kellhomx ir-riżorsi li għandna llum. Imma ċertament kienu nies li jħossu bħalna, li jħobbu bħalna, li kellhom ix-xewqat u l-ħolm tagħhom bħalna u li kellhom skop f’ħajjithom.”

    Meta staqsejt lil Sharon liema mill-oġġetti kollha li kien hemm fil-mużew li kienu l-aktar għal qalbha, l-għażla tagħha mill-ewwel waqgħet fuq din l-istatwetta ċkejkna u fuq statwa oħra li turi l-Mara Rieqda.

    “Kif qed tara l-istatwetta tal-koppja mgħannqa hija ċkejkna ferm u għalhekk faċilment tinqabeż f’din il-vetrina mdaqqsa u mdawwra b’tant oġġetti oħra. Nixtieq ħafna li xi darba nkun nista’ nagħżilhaIl-Mara Rieqda f’vetrina għaliha ħalli nagħtiha l-importanza li jixirqilha. Min-naħa l-oħra, l-istatwa tal-Mara Rieqda nixtieq nesebiha b’tali mod u manjiera li tkun esposta minn kullimkien minħabba li fuq in-naħa ta’ wara u anki n-naħa ta’ taħt tagħha hemm diżinji interessanti ferm.”

    Għal min għandu għal qalbu l-arkeoloġija bħali, il-kuratriċi spjegatli wkoll illi l-mużew jagħti l-opportunità lil dawk li jixtiequ jiddedikaw xi ftit mill-ħin liberu tagħhom biex jagħmlu xi xogħol volontarju f’dan il-mużew. Ix-xogħol li hemm x’isir huwa varju ħafna u għalhekk hemm xi ħaġa għal kulħadd.

    Il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija jinsab fi Triq ir-Repubblika l-Belt u jiftaħ kuljum, apparti xi festi, mit-8:00am sas-7:00pm. Huwa faċilment aċċessibli fuq kull livell. Il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija huwa wieħed mill-mużewijiet u siti li għandha taħt il-kura tagħha Heritage Malta (www.heritagemalta.org).

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-10 t’April 2011)

    2011.04.10 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • META SER ISIRU X-SHELTERS GĦAŻ-ŻWIEMEL?

    Darba qrajt li teżisti l-użanza li jorbtu lill-iljunfanti żgħar ma’ lasta ta’ xkupa ħalli jderruhom joqogħdu f’post wieħed. Il-ħaġa tal-iskantament kienet illi meta dan l-istess Myriam Kirmond aġir jibqa’ għaddej matul il-ħajja ta’ dawn l-annimali, akkost li l-iljunfanti jikbru u jkunu kapaċi jkaxkru kull m’hemm, hekk kif sidhom jorbothom ma’ lasta ta’ xkupa, dawn jemmnu li ma jistgħux jiċċaqalqu aktar u jibqgħu jistennew fl-istess post! Ġrajja li kważi ma titwemminx imma li tagħtik ħafna x’taħseb għax tirrealizza li din it-tattika min jaf kemm il-darba tiġi prattikata anki magħna l-bnedmin. Min jaf kemm nies iġiegħluna nemmnu li għandhom saħħa kbira fuqna u jekk ma nieqfux u nirriflettu ftit, kapaċi nibqgħu taħt l-għamad u l-kontroll tagħhom għal dejjem. Tal-biża’! Min-naħa l-oħra, jekk nerġgħu lura mill-ġdid għad-dinja tal-annimali, li msieken aktarx m’għandhomx l-għażla li jaħsbu sabiex jibdlu destinhom, nintebħu li dawn iridu joqogħdu dejjem għall-ħniena ta’ sidhom. U hija proprju din is-sitwazzjoni li qanqlet lil Myriam Kirmond biex tiddedika ħajjitha tiddefendi lil dawk li ma jistgħux jiddefendu ruħhom.

    “Meta kont żgħira kont nara ħafna krudeltà ssir fuq l-annimali u avolja kienet issir b’mod pubbliku, donnu li ħadd ma kien jitfantas minnha. Kien jeżisti r-raġunar li l-bniedem huwa bniedem u l-annimal huwa annimal u allura tal-ewwel kellu l-jedd li jagħmel li jrid bl-ieħor. Iżda jiena qatt ma ħsibt fuq dawn il-linji, anzi dan l-atteġġjament minn dejjem kien jirritani ħafna.

    Niftakar li dari kien hemm ħafna aktar annimali jiġru fit-toroq. Fosthom kien hemm ukoll ħafna bejjiegħa li kienu jbiegħu l-prodotti tagħhom minn fuq karettun miġbud minn xi żiemel jew ħmar. Mhux darba u tnejn li rajt lil xi ħadd minn dawn il-bejjiegħa jsawwat liż-żiemel tiegħu sempliċiment għax jiċċaqlaq. U oħroġ il-għaġeb, kien jagħmel dan quddiem in-nies kollha u mank xi ħadd jiftaħ ħalqu! Jien kont żgħira wisq biex nagħmel xi ħaġa u għalhekk ġieli għedt lil ommi biex tgħidlu xi ħaġa hi. Imma din kienet tgħidli “Issa jien xi tridni nagħmel?” U infatti, ma kienet tagħmel xejn. Bejjiegħa oħra kienu jduru b’karettun mimli fniek u meta l-klijenti kienu jixtruhom, dawn il-bejjiegħa ma kienu jaħsbuha xejn biex joqtluhom dak il-ħin stess quddiem kulħadd, anki fil-preżenza tagħna t-tfal.

    Kienu esperjenzi u mumenti terribbli li ħallew effett qawwi ħafna fuqi. Ma stajtx nifhem kif jien kont inħoss tant għal dawn il-ħlejqiet filwaqt li ta’ madwari kienu tant jaċċettaw din il-krudeltà. Ħlift li meta nikber kont ser nagħmel xi ħaġa biex ngħin lil dawn l-annimali.”

    U l-ħalfa tagħha Myriam żammitha anki jekk sikwit sabet ix-xkiel.

    “Meta kbirt ftit kont nattendi fi skola Ingliża u hemm bdejt nistudja sabiex nakkwista scholarship biex immur nitħarreġ fil-London Zoo bil-ħsieb li wara niġi Malta u naħdem biex tinbidel l-attitudni lejn l-annimali tagħna. Ħdimt kemm flaħt u għaddejt mill-eżami imma l-ġenituri tiegħi ma ħallewnix immur għax iddeċidew li ma riedux jarawni naħli ħajti fuq l-annimali! Dan kien diżappunt kbir wisq għalija. Imma jiena inzertajt rasi iebsa ferm u jekk ma ngħaddix mill-bieb, ngħaddi mit-tieqa.

    Infatti wara xi snin sibt ruħi fil-Cayman islands u hemmhekk skoprejt il-problema tal-bushdogs. Indunajt biha b’kumbinazzjoni meta rajt kelb żgħir u tajtu xi ħaġa x’jiekol u hekk kif għamilt dan, ħarġu Myriam Kirmond ma' Cutiemadwar tużżana klieb oħra minn ġol-bush biex jieħdulu li tajtu! In-nies tal-post kellhom rispett kbir lejn in-natura tant li kull fil-għodu t-tfal tal-iskola kienu jittieħdu quddiem ix-xatt tal-baħar u hemm jirringrazzjaw ‘l Alla tal-ħolqien sabiħ li tahom. Imma dal-klieb li ma kienux jidhru għax kienu dejjem moħbija fil-bush, ftit kienu jafu bihom u daqstant kienu jagħtu kashom. Fil-fatt il-veterinarji tal-post spjegawli illi kif kien jispiċċa xi bushdog imweġġa’ għandhom, dawn mill-ewwel kienu jraqqduh. Jiena din ma stajtx naċċettaha u wara ħafna xogħol, irnexxieli noħloq kuxjenza dwar dan il-fatt u finalment il-pubbliku sar jaf b’dak li kien qed iseħħ. Bdejt ukoll soċjetà illi ħadet ir-responsabbiltà li tiġbor il-flus sabiex dawn l-annimali jinġabru u jinżammu f’postijiet adegwati u fejn kien possibbli l-ġriewi tagħhom jiġu mħarrġa biex ikunu jistgħu jitqassmu fid-djar li jkunu jixtiequ jieħdu ħsiebhom.”

    Matul is-snin Myriam tat sehemha f’diversi attivitajiet oħra fejn fosthom hi kienet ir-rappreżentanta lokali tal-WWF (World Wild Life Foundation) u tal-IFAW (International Fund For Animal Welfare) li jaħdmu favur id-drittijiet tal-annimali. Fosthom hija kienet ukoll waħda mill-fundaturi tal-Island Sanctuary, soċjetà li llum għadha għaddejja u tħaddan fiha numru sabiħ ta’ volontarji li daqs Myriam għandhom relazzjoni sabiħa mal-annimali tal-post. Illum hi tagħti sehemha wkoll fl-Animal Rights Group (Malta). Madanakollu għal dawn l-aħħar 11 il-sena l-isforzi ta’ Myriam kienu ffukati fuq problema li qed tinkwetaha mhux ftit.

    “Sikwit kont ngħaddi mit-triqat tal-Belt u ninnota t-tbatija li jgħaddu minnha ż-żwiemel tal-karozzini peress li m’għandhomx kenn adegwat speċjalment fix-xhur qliel tas-sajf. Għaldaqstant għamilt xi Ziemel jipprova jsib kennriċerka sabiex nara x’inhu jsir f’pajjiżi oħra u wara iddeċidejt li mmur inkellem lis-sidien tal-karozzini ħalli nifhem aħjar kif dawn kienu qed jitrattaw lill-annimali tagħhom u anki biex nisma’ dwar id-diffikultajiet tagħhom. Sibt li b’mod ġenerali s-sidien taż-żwiemel kienu jieħdu ħsieb sewwa lill-annimali tagħhom u anki lill-karozzini nfushom għax wara kollox dawn kienu jqallugħhom il-ħobża ta’ kuljum. Infatti meta ġie ssuġġerit illi kull sitt xhur kellha ssir vista liż-żwiemel minn veterinarju biex jiġi kkonfermat illi dawn jinsabu f’kundizzjoni tajba, il-Kumitat tal-Karozzini qabel mill-ewwel. Għaraft ukoll illi l-problema maġġuri tagħhom kienet illi ma kienx hemm kenn adattat fejn dawn iż-żwiemel setgħu jistkennu sakemm ikunu qed jistennew il-klijenti, kultant għal ħin twil mhux ħażin. Lanqas ma kellhom lok minn fejn setgħu jingħataw x’jixorbu u wisq inqas ilma sabiex is-sidien setgħu jnaddfu l-ħmieġ li annimali bħal dawn iħallu warajhom.

    Għal xi żmien kien hemm shelter temporanju fil-pjazza ta’ San Ġorġ il-Belt, għalkemm dan kien iservi biss lil numru żgħir ħafna ta’ żwiemel. Iżda mbagħad meta nbidel il-gvern, lejla waħda dax-shelter tneħħa malajr u tniżżel quddiem is-Sala ta’ Dar il-Mediterran fejn għadu sal-llum. M’hemmx xi ħaġa agħar milli tara annimal jonfoħ fix-xemx u għalhekk ingħaqadna madwar 22 NGO u flimkien iffurmajna koalizzjoni sabiex mal-GWU li kienet fetħet kawża lill-Kunsill tal-Belt, naraw li dax-shelter jerġa’ jitpoġġa fejn kien. Eventwalment il-kawża ntrebħet u twaħħlet tinda oħra imma sfortunatament ittieħdu qisien żbaljati u ż-żwiemel xorta baqgħu b’rashom barra fix-xemx! Issa naturalment, kemm ilu li sar it-tisbieħ ta’ Pjazza San Ġorġ, iż-żwiemel tneħħew għal kollox minn dak il-lok u llum tarahom ħdejn il-Waterfront tal-Belt jistennew f’serbut twil lit-turisti tal-cruiseliners. Lanqas hemm m’hemm l-ebda kenn u ironikament tara t-taxis ipparkjati fuq in-naħa dellija tat-triq filwaqt li ż-żwiemel ikunu qed jinxtwew fuq in-naħa li taqla’ x-xemx kollha ġo fiha! Imqar iħalluhom xi mkien għall-kenn u jsejjħulhom ftit ftit hekk kif jaslu l-klijenti.

    Għamilna bosta protesti u ntqalu diversi xorti. Fosthom ġie ssuġġerit li ż-żwiemel ikollhom speċi ta’ nappy biex tilqa’ l-ħmieġ tal-annimali fiha. Din id-deċiżjoni ttieħdet fuq xi ħaġa simili li ssir f’pajjiżi oħra imma s-shafts tal-karozzini lokali huma ferm iqsar minn dawk ta’ barra u ż-żwiemel minnufih irvellaw meta sabu ruħhom aktar u aktar imdejjqin b’dan l-intopp. Dan l-aħħar qed isiru wkoll arranġamenti biex il-kuċċiera jkollhom catching-net ħalli kif jaraw li ż-żiemel tagħhom ikun ser jaqdi l-bżonnijiet tiegħu, dawn jilqgħuh u ma jħalluhx jinżel fl-art.”

    Iżda jingħad x’jingħad id-diffikultà maġġuri ta’ dawn l-annimali hija s-sħana tremenda li jridu jistaportu waqt li jkunu qed jaħdmu jew jistennew u l-fatt li m’hemm imkien Karozza tal-linja pparkjata quddiem xelterminn fejn dawn jistgħu jixorbu ftit minn ħin għal ħin. Myriam urietni diversi dokumenti, ittri u kommunikazzjonijiet li saru biex tinstab soluzzjoni għal din il-problema u anki bosta ritratti li juru biċ-ċar id-diffikultà ta’ dawn iż-żwiemel. Ma tistax ma tħossx meta tara ritratt ta’ żiemel idawwar rasu biex jipprova jistkenn meta fil-fatt m’hemm xejn x’jilqagħlu jew ritratt ta’ żiemel ieħor li ħaddem ftit moħħu u daħħal rasu għall-kenn ġol-karozzin ta’ quddiemu. U xi ngħidu għar-rabja li tħoss meta tara ritratt li juri l-uniku kenn għal dawn l-annimali jiġi egoistikament imblukkat minn karozza tal-linja ipparkjata eżattament quddiemu? Imma x’aħna f’dal-pajjiż?

    “F’dawn l-aħħar snin qed naħdmu wkoll mal-WSPA (World Society for the Protection of Animals) u mat-TAWS (World Association for Transport Animal Welfare and Studies). Dawn irċevew numru ta’ lmenti minn diversi turisti li tkażaw wisq bil-kundizzjoni msejkna li sabu ż-żwiemel jilqgħuhom fiha hawn Malta. Infatti esperti tat-TAWS ġew jinvestigaw din is-sitwazzjoni f’pajjiżna f’Novembru tal-2009 u ħarġu rapport bir-rakkomandazzjonijiet tagħhom li ġie mgħoddi lil numru ta’ ministri, lill-Animal Welfare Dept., lill-Animal Welfare Council, lil Transport Malta, lill-Animal Rights Group (Malta) u lill-GWU li qed tieħu ħsieb id-drittijiet tal-kuċċiera. Iżda akkost il-laqgħat li kellna, is-sitwazzjoni baqgħet ma ssolviet qatt, jekk ma marritx għall-agħar ukoll.

    Tant hu hekk illi f’Awwissu tal-2010 l-esperti tat-TAWS reġgħu ġew biex jaraw x’kien sar u kienu iddiżappuntati mhux ftit bin-nuqqas ta’ progress. Minn pinchZiemel jistkenn go karozzin test li sar fuq iż-żwiemel instab li kważi kollha kienu dehydrated u li allura kienu qed isofru, jekk mhux ukoll jirriskjaw danni ferm agħar. Ġie meqjus li dawn l-annimali jkunu qed jaħdmu f’temperatura ta’ 38°C fix-xemx u 34°C fid-dell, u li allura żgur li kellhom bżonn jixorbu regolarment imqar kull sagħtejn. L-esperti reġgħu insistew li numru ta’ shelters f’postijiet adegwati kienu kruċjali u dawn kellhom ikunu mgħammra b’ilma għax-xorb tal-annimali, b’ilma għat-tindif tal-post u b’sistema ta’ dranaġġ u b’bins apposta biex fihom jinġabar il-ħmieġ taż-żwiemel li seta’ jiġi użat bħala fertilizzant.”

    Myriam saħqet fuq l-urġenza tax-shelters għal dawn l-imsejkna annimali li kull ma qed jitolbu huwa biss ftit kenn u mhux li ma jaħdmux.

    “Il-kuċċiera spiss jgħidulna li ma jafux x’ser jaqbdu jagħmlu biex jirranġaw dis-sitwazzjoni għax huma jistgħu jilbsu beritta u jinżlu mill-karozzin u jintasbu għad-dell, mentri ż-żwiemel għandhom posthom fi kju apposta u f’lok diżinjat għalihom u hemm ikollhom joqogħdu.”

    Minn dak li rrakkuntatli Myriam, fhimt ukoll li problema oħra li qed iżżomm lura biex xi darba jaslu għal xi soluzzjoni, hija n-nuqqas kbir ta’ komunikazzjoni bejn l-entitajiet konċernati.

    “Sfortunatament ħadd mir-rappreżentanti tal-Animal Welfare Dept. u tal-Animal Welfare Council qatt ma kienu preżenti għall-laqgħat li saru mal-Kumitat tal-Karozzini u allura dawn ma jistgħux jifhmu eżatt il-problemi li dawn il-ħaddiema jħabbtu ruħhom magħhom kuljum. Għaldaqstant ma nistax nifhem kif dan id-dipartiment jista’ jkollu r-responsabbiltà li jieħu ċertu deċiżjonijiet meta qatt ma mar f’ras il-għajn.

    Ħsibna wkoll li l-ministru Austin Gatt kien qed jieħu ħsieb din il-problema meta wegħedna li l-ministeru kien ser jiffinanzja numru ta’ shelters għaż-żwiemel tal-karozzini. Daqstant ieħor ħadna r-ruħ meta tlett proposti għal shelters fi Triq Marsamxett, Misraħ Sant’Iermu u Triq San Bastjan fil-Belt ġew aċċettati mill-MEPA. Iżda kollox donnu tar mar-riħ hekk kif dan l-aħħar ġejna nfurmati kif kienu ser isiru dawn ix-shelters: b’soqfa li minnhom jgħaddu r-raġġi tax-xemx u l-ilma tax-xita, b’post ċkejken wisq tant li jidħol iż-żiemel imma mhux il-karozzin li jkun il-ħin kollu marbut miegħu u biex tgħaqad b’€20,000 spiża għal kull shelter li finalment ġie deċiż li għandhom jitħallsu mill-kuċċiera! Jew hekk jew il-proġett jitwaqqaf ġew mgħarrfa n-nies involuti.

    L-istess ġralna meta issuġġerejna li tinbidel daqsxejn ir-rotta li jgħaddu minnha ż-żwiemel fejn bħalissa dawn iridu jiġbdu karozzin u erbgħa min-nies fuqu tul it-Telgħa tal-Kurċifiss. In-nies li jaraw lil dawn il-povra żwiemel telgħin dit-triq tgħidx kemm jikkummentaw mal-kuċċiera għax hi ċara li dawn l-annimali jkunu għaddejjin minn passjoni kbira. Waqt laqgħa li kellna ma’ Transport Malta, dawn qalulna li kienu ser jaraw x’jista’ jsir, imma ħożż fl-ilma għax fejn konna bqajna u din mhiex aċċettabbli!”

    Tul l-intervista kollha kienet ċara illi din is-sitwazzjoni kienet qed tkiddha sewwa lil Myriam. U hekk kif kienet qed tmelles lill-kelba ħelwa Cutie li hi salvat mit-triq, Myriam assiguratni li ma kienet ser tieqaf qatt titħabat sakemm tara lil dawn l-annimali jiġu trattati kif jixirqilhom.

    “Billi huma annimali ma jfissirx li ma jħossux bħalna. Din li aħna għandna d-dritt li nagħmlu bihom li rridu tagħtini ġewwa wisq. Ma niflaħiex! U llum naf li mhux jien waħdi nħoss dan għax niltaqa’ ma’ bosta nies li juru l-istess preokkupazzjoni dwar il-moħqrija tal-annimali.

    Infatti bħalissa qed niġbru xi firem għall-petizzjoni li qed nagħmlu sabiex dawn iż-żwiemel isirulhom shelters adegwati, postijiet minn fejn jistgħu jixorbu, faċilitajiet ta’ dranaġġ biex tinżamm l-indafa u liġijiet biex jipproteġu lil dawn iż-żwiemel li jaħdmu bil-karozzini. Rarament jirrifjutana xi ħadd milli jiffirma u dan juri li l-poplu jaqbel li dawn il-miżuri għandhom isiru.”

    Bi tbissima qarsa urietni kartolina fejn qed jiġi rreklamat mat-turisti l-karozzin Malti.

    “Nafu li hu qasam tant importanti għall-ekonomija tagħna u mbagħad nirrifjutaw li nsostnuh. U t-turisti għajnejhom f’wiċċhom qegħdin għax huma mhux dawn ir-ritratti sbieħ jemmnu imma dak li jsibuKartolina - il-karozzin ta' Malta jistennihom hekk kif jagħmlu l-ewwel ftit passi fuq artna u jifhmu l-moħqrija ta’ kuljum li qed jgħaddu minnha dawn iż-żwiemel.”

    Myriam kellha bosta suġġerimenti u ideat rigward din il-kwistjoni, li wħud minnhom ikkontribwewhom in-nies stess li ffirmaw il-petizzjoni, fosthom individwu li saħansitra bagħtilha kopja ta’ ritratt meħud fis-sena 1914 li juri l-inħawi tax-xatt ta’ Tas-Sliema, fejn dak iż-żmien iż-żwiemel kellhom shelter adattat u sabiħ.

    “Mhux li kien li xi darba tasal dik il-ġurnata li nara shelters prattiċi bħal dan għaż-żwiemel tagħna sabiex b’hekk il-Maltin jikkonfermaw kemm iħobbu u jirrispettaw lill-annimali tagħhom!”

    Din il-petizzjoni tista’ tintela’ wkoll online fuq: http://www.ipetitions.com/petition/cabhorses/

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-3 t’April 2011)

    2011.04.03 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • JISTA’ Ż-ŻMIEN JITREĠĠA’ LURA?

    Kultant l-attitudni ta’ binti lejn il-ħajja ġġiegħlni nħares lura lejn il-passat tiegħi sabiex nikkompara ħajti ma’ tagħha. Xi drabi ninħasad bid-differenza għax inħoss l-Pawlu Muscatimpressjoni li għaddew ħafna aktar snin milli naħseb jien. F’waqtiet oħra nitbissem meta nara s-similarità li donnu b’xi mod jew ieħor kull bniedem irid jgħix. Jiġu wkoll ġranet meta ngħir għaliha għax l-opportunitajiet li jeżistu llum, lanqas biss qatt ħlomt bihom meta kont tifla jien. Imma mbagħad niftakar ukoll ċertu affarijiet, li għalkemm sempliċi, ta’ tfal li konna, kienu jagħtuna ferm gost – affarijiet li llum posthom ittieħed minn għadd ta’ logħob elettroniku. Dan ikkonfermahuli Pawlu Muscat meta ltqajt miegħu għall-intervista ta’ dil-ġimgħa fejn hu sostna li l-maġġoranza ta’ dawk li jersqu biex jixtru l-vari u l-pasturi tiegħu, bosta drabi jkunu adulti u mhux tfal, kif forsi wieħed jista’ jaħseb.

    “Illum it-tfal, kompjuters biss jaraw. Dawn l-affarijiet ftit li xejn jagħtu kashom u għalhekk sfortunatament nibża’ illi jekk nibqgħu sejrin hekk, għad jiġi żmien meta ma jifdal ħadd li jibqa’ jagħmel dan ix-xogħol. Infatti għal numru ta’ snin, din is-sengħa kienet għoddha spiċċat u mkien ma kont issib tixtri ċertu affarijiet maħduma f’pajjiżna, bħal ngħidu aħna armar ċkejken biex iżejjnu l-mudelli tal-knejjes jew pasturi fi stil Malti.”

    Pawlu minn dejjem kien affaxxinat b’dan id-delizzju.

    “Meta kelli madwar erbgħa snin, morna noqogħdu fi Triq il-Kbira f’Birkirkara. Hemmhekk kien hemm id-drawwa li jarmaw għall-festa bil-lejl u jien niftakarni noqogħod lejl Immaġni fi platt tas-smidsħiħ fil-gallarija flimkien m’ommi biex noqgħod nosservahom jarmaw il-pavaljuni tal-karti. Ta’ xi tmien snin bdejt immur il-maħżen tal-għaqda tal-armar fejn kont noqgħod nifli x’inhu jsir u kultant nagħti daqqa t’id u niżbogħ xi ħaġa żgħira. Imbagħad ta’ xi tnax il-sena dħalt bħala fratell mal-fratellanza tas-sagrament.

    Ta’ erbatax il-sena qlajt l-ewwel sett vari tal-Ġimgħa l-Kbira mingħand iz-ziju u minn hemm nibet l-interess tiegħi f’dan il-qasam. Niftakar li darba minnhom kelli pastur u ddeċidejt li nibdlu f’Santa Liena. Għalhekk qbadt naqra plasticine u żid minn hemm u naqqas minn hawn, iffurmajtu fi statwa tagħha kif kont naf jien. Għamiltilha wkoll kuruna fuq rasha li tinqala’ u min jaf kemm lagħabna biha taparsi qed ninkurunawha fil-festa.”

    Din l-istatwa ċkejkna ta’ Santa Liena kienet merfugħa ġo armarju flimkien ma’ għadd ta’ statwi oħra li Pawlu bi kburija kbira jirreferi għalihom bħala ‘il-kollezzjoni tiegħi’.

    “Għall-ewwel kont noqgħod nesperimenta hekk, billi nifred partijiet tal-ġisem minn vari u pasturi differenti u nibdilhom f’xi personaġġ ieħor li nkun nixtieq jien. Eventwalment bdejt nipprova nagħmel il-pasturi tat-tafal tiegħi u għalkemm ovvjament tal-ewwel kienu ta’ kwalità fqira, ftit ftit bdejt inrawwem lili nnifsi f’din is-sengħa. Bdejt bil-fratelli u mbagħad komplejt inżid wieħed wara l-ieħor. Għamilt madwar għaxar snin naħdimhom u għalhekk huma għal qalbi ferm.”

    Tant hu hekk illi meta darba kien qed jipparteċipa f’wirja u turista insistiet biex tixtri ammont minnhom, hu m’aċċetta bl-ebda mod.

    “Ma tarax! Ma nasal qatt biex inbiegħhom għax dawk għamilthom għalija. Veru li nista’ nagħmel oħrajn bħalhom imma l-ewwel nett, dawn ifakkruni f’meta kont għadni nibda u barra minn hekk, tant jienVara mill-kollezzjoni ta' Pawlu Muscat imħabbat bħalissa, illi kieku kelli nbiegħhom, żgur li nsibha diffiċli biex insib iċ-ċans li noqgħod nerġa’ nagħmel bħalhom.”

    Fl-aħħar irnexxieli nsib raġel li kellu xi ħaġa marbuta ma’ qalbu tant li ma kienx jeżisti prezz għaliha! Min-naħa l-oħra, l-insistenza tan-nies biex tixtri x-xogħol tiegħu, finalment ħajritu biex jibda jaħdem xi ftit pasturi u vari għall-bejgħ.

    “Kont qed nipparteċipa f’Casal Fornaro f’Ħal-Qormi fejn qgħadt nuri lill-pubbliku kif isiru l-pasturi u l-vari. Bla ma naf kif, sibt ruħi bin-nies jordnawli x-xogħol u minn hemm bin-naqra n-naqra spiċċajt inbiegħ anki lil tal-ħwienet.”

    Għax ta’ min isemmi illi Pawlu iddeċieda li jaqbad linja partikolari meta ntefa’ għal din is-sengħa…

    “Minn dejjem kelli x-xewqa li nerġa’ nagħti l-ħajja lit-tradizzjoni tal-pasturi. Għaldaqstant, wara li għamilt ftit riċerka dwar x’tip ta’ pasturi kienu jinħadmu fl-antik u anki dwar kif kienu jgħixu l-Maltin ta’ Tal-pastizziqabilna, intfajt naħdem il-pasturi tipiċi Maltin. Dan ifisser illi l-pasturi tiegħi mhux biss jikkonsistu f’personaġġi tradizzjonali Maltin imma anki huma maħduma bi stil ftit li xejn irfinut, proprju kif kienu l-pasturi oriġinali ta’ pajjiżna.

    Għal madwar tletin sena, ma kont issibhom imkien pasturi bħal dawn u għalhekk inħossni kburi ħafna li rnexxieli nerġa’ ndaħħalhom fis-suq. Ormaj hemm numru sabiħ minnhom kif tista’ tara – tat-tanbur, tal-għonnella, tal-pastizzi, tal-qagħaq tal-għasel, l-għannejja tax-xriek, il-kebbies tal-fanali…. U kull sena qbadt id-drawwa li nżid xi personaġġi oħra.”

    Ippustjati wieħed wieħed ħdejn xulxin f’kontenitur apposta kien hemm għadd ta’ pasturi li kienu qed jitlestew għall-Milied li ġej. Biswithom kien hemm ukoll xi vari qed jinħadmu għall-Ġimgħa l-Kbira.

    “Hawnhekk il-ħin kollu sejjer. Xi ftit tas-snin ilu naqasli ħafna x-xogħol tiegħi bħala electrician u għalhekk iddeċidejt li niddedika l-ħin li sibt fuq idejja biex naħdem dawn l-affarijiet. Ftit ftit spiċċajt daħħalt il-membri kollha tal-familja tiegħi f’dan il-qasam, tant li f’ċerti perjodi nkunu għaddejjin qisna fabbrika.”

    Fil-fatt bintu Elena ttieħdet mhux ftit min-namra ta’ missierha biex jaħdem il-pasturi, filwaqt li ibnu Andreas u martu Terry jgħinuh iżejjen il-platti tas-smid u r-ross li huma tant popolari fil-perjodu tal-Ġimgħa l-Kbira.

    “Kollha kemm aħna inzertajna għandna talent sabiħ u sikwit nintefgħu naħdmu flimkien fil-għaxijiet, bosta drabi biex niżbgħu x-xogħol tat-tafal li nkun ippreparajt minn xi ġranet qabel. Għal daż-żmienPlatt tas-smid maħruġ il-barra nagħmlu wkoll il-platti u l-kwadri tas-smid u r-ross li jintogħġbu ħafna mill-pubbliku. Bla dubju, dax-xogħol jeħdilna ħafna ħin – l-akbar kwadru li ħdimna s’issa kellu l-qies ta’16 il-pied b’10 u kien jirrappreżenta l-ġudizzju universali ta’ Michelangelo li jinsab fil-Kappella Sistina u li ħadli ħames ġimgħat biex lestejtu. Però meta d-delizzju jkun fik, il-ħin ma tarahx u tagħmel kollox bil-galbu u bil-qalb.”

    Billi l-kamra li jaħdem fiha Pawlu mhiex ta’ xi daqs enormi, skantani kemm beda joħroġ u jurini oġġetti! Kellu kollox merfugħ f’kaxxi apposta, kollha mmarkati sewwa b’dak li kienu qed jerfgħu ġo fihom. Fosthom, numru ta’ kaxxi kellhom fihom 650 statwa li flimkien kienu jiffurmaw purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira twila madwar 40 metru!

    “L-ewwel bdejt b’purċissjonijiet ferm iżgħar imma meta bdiet toqrob is-sena 2000, xtaqt naħdem xi ħaġa oriġinali, li ma kienx hawn bħalha. Ta’ kull sena, aħna nħobbuGfriday. Imnarja 014 mmorru naraw il-purċissjonijiet li jsiru f’lokalitajiet differenti f’Malta u għalhekk kelli idea tajba ta’ x’kien meħtieġ. Barra minn hekk għamilt daqsxejn riċerka dwar il-purċissjonijiet kollha ta’ Malta fejn identifikajt l-aktar personaġġi li veru għandhom x’jaqsmu mal-istorja tal-Ġimgħa l-Kbira. B’dan il-ħsieb f’moħħi, fassalt pjan ċar ta’ x’ridt nagħmel, fejn kull personaġġ kellu l-post tiegħu partikolari. Inkludejt kollox fosthom il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, ir-reffiegħa, dawk li jiġbru bil-kopp, żewġ baned, il-pulizija tat-traffiku… insomma hemm kulħadd! Għamilt ħames siegħat kuljum għal sentejn sħaħ naħdem fuqha sakemm finalment fis-sena 2000 armajtha fiċ-ċentru parrokkjali f’isem is-Soċjetà Dun Filippu Borgia f’B’Kara.”

    Madanakollu, proprju minħabba l-kobor tagħha, dil-purċissjoni damet magħluqa għal disgħa snin sħaħ fil-kaxxi, sakemm darba minnhom ix-xorti daħkitilha bil-kbir għax spiċċat intramat fil-Palazz tal-President f’Sant’Anton!

    “Apprezzajt ħafna l-ġest ta’ fiduċja li wera miegħi l-President George Abela. Kollox beda waqt il-wirja taċ-ċitru li saret fl-istess palazz, fejn Terry ġietha l-idea li ntellgħu wirja tal-Ġimgħa l-Kbira b’din il-Vara tat-tafal l-abjadpurċissjoni tagħna u permezz tagħha niġbru fondi għall-Community Chest Fund. Fi ftit ġranet il-President laqa’ il-proposta tagħna, stedinni fil-palazz u flimkien iddeċidejna li ntellgħu din il-wirja fir-Russian Chapel. Ġew madwar 10,000 persuna jarawha u rnexxielna niġbru somma żgħira li stajna ngħaddu lill-President.”

    Iżda dakinhar Pawlu kiser il-wegħda li għamel miegħu nnifsu…

    “Iva u minn qalbi! Għal dik il-wirja, minbarra l-purċissjoni, tellgħajt ukoll sett ta’ vari mill-kollezzjoni tiegħi li kont ħallejt fuq l-istil naturali tat-tafal bajdani. Nistqarr li dak is-sett kien l-aktar ħaġa għażiża li kelli fil-kollezzjoni tiegħi għax kien ħadli ħafna xogħol biex għamiltu. Imma tant ħassejtni grat lejn il-President għall-unur u l-fiduċja li kien tani, li meta rajtu japprezzahom, iddeċidejt li nagħtihomlu u llum ix-xogħol tiegħi jinsab fil-palazz tiegħu.”

    Pawlu kompla jurini aktar xogħol minn tiegħu u fosthom għaraft li kien qed jaħdem oġġetti ċkejknin tat-tafal li bihom iżejjnu l-mudelli tal-knejjes.

    “Ftit ilu, ħanut fil-Belt li jbiegħ dawn l-affarijiet, ġietu l-idea li nibda naħdimlu xi ornamenti żgħar għad-dilettanti tal-mudelli tal-knejjes. Anki dawn kienu nqatgħu għal kollox f’Malta u għalhekk aktarOrnamenti għall-mudelli tal-knejjes dħaltlu bil-qalb proġett bħal dan. Bdejt billi tani xi kampjuni antiki ħalli nkun nista’ noħloq kopji bħalhom. Imbagħad bil-mod komplejt nevolvi l-ideat u l-istili.

    Anki jiena għandi mudell ta’ kappella żgħira u għalkemm mhiex irfinuta ħafna, għandi biżżejjed ornamenti biex narmaha kull ġimgħa b’xi ħaġa ġdida. Imma sfortunatament ħin għaliha m’għandix.”

    U nemmnu! Għax jien li kont qed nara biss, bilkemm stajt insib irkaptu ta’ dak kollu li kellu.

    “Jien hemm moħħi l-ħin kollu…. kif ser noħloq xi ħaġa ġdida. Darba minnhom, per eżempju, intbaħna li ma kellnix biex inżejjnu l-mejda tal-platti tas-smid u għalhekk ġieni f’moħħi li naqbad kwalitajiet ta’ għaġin differenti, inwaħħalhom flimkien f’forom varji u niżbogħhom kulur id-deheb. Ara, x’taħseb?”

    Tani f’idi kalċi mill-isbaħ illi kieku ma spjegalix minn xhiex kien maħdum, lanqas kont ninduna waħdi. Barra minn hekk, maħduma bl-istess mod kellu wkoll salib u xi Kalċi maħdum bl-għaġingandlieri li ċertament l-inġenjożità tagħhom tikkonferma l-kreattività ta’ Pawlu.

    “Għal kollox insib użu u bosta affarijiet jispirawni. Ngħidu aħna din il-minjatura tal-kamra tan-nar mgħammra b’murtali ta’ daqs differenti, kont ħdimtha wara li għamilt xi żmien nagħti daqqa t’id fix-xogħol ta’ kamra tan-nar. Waqaft meta bdejt noħroġ mal-mara għax ma xtaqtx nilgħab aktar mal-periklu.”

    Għas-sajf jaħdem il-pavaljuni, filwaqt li dis-sena beda jagħmel ukoll il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira fuq xi ordnijiet. Ftit ftit minn sempliċi dilettant, Pawlu irnexxielu jintroduċi s-sengħa tiegħu f’diversi oqsma tant li llum ix-xogħol tiegħu huwa mfittex ħafna.

    “Ngħidlek is-sew, imn’Alla timbuttani marti għax kultant għandi ħabta noqgħod lura. Imma hi tinkoraġġini biex inkompli u spiss tagħtini daqqa t’id biex inlaħħaq mad-domanda li jkolli. Anki hi għandha ħafna għal qalbha l-kultura Maltija u infatti għandha programm fuq ir-radju ta’ Birkirkara 94.5fm bl-isem ‘Ftit minn kollox’.

    Personalment l-iskop finali tiegħi dejjem kien li nerġa’ nrawwem dawn id-delizzji tas-snajja’ Maltin u nittama li aktar il-quddiem ikolli x-xorti nara dawn it-tradizzjonijiet jerġgħu jieħdu r-ruħ mill-ġdid.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Marzu 2011)

    2011.03.27 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • L-GĦERF TAX-XIĦ U L-ENERĠIJA TAŻ-ŻAGĦŻUGĦ

    Mhux soltu li nitratta s-suġġett tal-politika għax ma nħossx li hi l-linja tiegħi. Madanakollu din il-ġimgħa żort il-wirja tal-istorja tal-Partit Laburista li kienet imtella’ fiċ-Ir-ritratt oriġinali tas-suffaraĊentru Nazzjonali Laburista u mpressjonajt ruħi ferm bil-mod professjonali u dettaljat li nħadmet bih. Ċertament ma bsartx li l-wirja kienet daqshekk grandjuża, akkost li ħafna kienu ssuġġerewli biex immur nagħtiha titwila.  Infatti nistqarr li mort bil-ħatfa biex nara x’hemm u minflok sibt ruħi mitlufa nimxi bejn il-kurituri ta’ informazzjoni, ritratti u filmati. Fosthom laqgħatni ritratt partikolari li kien juri grupp ta’ nies, li wħud minnhom kienu qed isaffru biex itellfu l-meetings tal-laburisti. U hemm, fin-nofs tar-ritratt, iżżomm id tifla żgħira, nilmaħ lill-kunjata tiegħi, Helen Vella, li dakinhar, b’kurżità, kienet marret tittawwal biex tara x’inhu jiġri u spiċċat f’ritratt storiku! Maħkuma minn din l-atmosfera, iddeċidejt li nkellem żewġ individwi li għandhom il-politika ferm għal qalbhom u li l-mod kif daħlu f’dal-qasam, ukoll kien imnebbaħ minn ġrajjiet li llum jagħmlu parti mill-Istorja ta’ pajjiżna.

    William Lewis u Joseph M Zrinzo huma t-tnejn Koordinaturi Distrettwali tal-Partit Laburista. Għażilt li nkellem lilhom peress li William huwa żagħżugħ li ilu biss minn Ottubru li għadda f’din il-ħatra, filwaqt li Joseph ilu madwar 15 il-sena jħaddan din ir-responsabbiltà. Kelli kurżità nifhem jekk din id-differenza fl-esperjenza u fl-età kienetx taffetwa l-perspettiva tagħhom…

    Joseph beda bi kwotazzjoni tal-Perit Mintoff.

    “Darba kont qed nitkellem ma’ Mintoff u qalli dawn il-kelmiet “Jien irrid l-għerf tax-xiħ u l-enerġija taż-żagħżugħ biex naċċerta ruħi li d-dinja tibqa ddur.”

    Iż-żgħażagħ dejjem kienu l-fibra tal-Partit Laburista u jekk trid tikkonferma dan, tista’ tħares lejn dawk li fl-1958 bdew il-ġlieda għall-indipendenza u l-ħelsien ta’ Malta. F’dak iż-żmien jekk tara f’min kienet tikkonsisti l-maġġoranza tan-nies li sofrew u li spiċċaw il-ħabs tintebaħ li kienu żgħażagħ. Bosta għadhom jiftakru l-famuża battalja ta’ Raħal Ġdid, meta ż-żgħażagħ kienu ġġieldu bil-ġebel mal-qawwiet Ingliżi. Ta’ min ifakkar li ħafna mill-affarijiet li qed ingawdu llum huma sforz tal-kuraġġ taż-żgħażagħ ta’ dakinhar.

    L-anzjan għadda minn ċertu esperjenzi tal-ħajja li ż-żagħżugħ għadu m’għaddiex minhom. Għalina dak huwa żmien li għadda u mar u ma tistax terġa’ iġġibu lura għax telaq. Imma jiena nemmen li xorta jkun għad fadal l-opportunità li ssarraf dik il-maturità akkwistata mill-esperjenza tal-ħajja, billi tgħin liż-żagħżugħ ħalli jasal fl-ambitu li jixtieq, iżda li fl-istess ħin tevitalu li jaqa’ fin-nases tal-ħajja.

    Iż-żagħżugħ huwa rappreżentanza tal-progress innifsu u għalhekk ma tistax tara progress mingħajr ma temmen fiż-żagħżugħ. Jingħad illi l-progress tista’ tipprova tagħmillu l-bsaten fir-roti imma ma tista’ qatt trażżnu għal kollox. Għaldaqstant huwa inutli li tipprova taqta’ qalb iż-żagħżugħ għax fl-aħħar mill-aħħar, xorta ser jipprova jgħaddilek minn dik it-triq. Mela minflok, l-aħjar għażla hija li timxi id f’id miegħu sabiex jilħaq dak l-għan li qed jipprova jippromwovi.”

    William min-naħa tiegħu insista fuq il-ħtieġa tal-anzjan.

    “Wieħed għandu bżonn lill-ieħor. L-entużjażmu taż-żagħżugħ u l-ħolm tiegħu biex iwettaq ideat ġodda, bla dubju għandhom bżonn is-sosteniment tal-esperjenza tal-anzjan. Għax wara kollox jiena Mix-xellug - William Lewis u Joseph M Zrinzonemmen li ż-żgħażagħ huma kontinwazzjoni tal-anzjani u li dawn qed ikomplu fuq dak li l-anzjani bnew. B’hekk l-ideali oriġinali jibqgħu ħajjin matul is-snin ta’ wara filwaqt li jkomplu jissaħħu fuqhom ideat ġodda li ‘l quddiem jgħaddu f’idejn iż-żgħażagħ tal-ġenerazzjoni li jmiss. Kif stajt tara sewwa inti wkoll, kull min żar il-wirja li tella’ l-partit seta’ jikkonferma illi tul l-istorja tiegħu, dejjem kien hemm l-anzjani u ż-żgħażagħ imexxu flimkien.”

    Infatti t-tnejn saħqu miegħi illi biex wieħed jilħaq l-ideal tiegħu, l-ewwel nett irid ikun jaf, minn fejn telaq.

    “Biex tkun bniedem komplut, trid tkun taf minn fejn tlaqt u trid tkun taf fejn trid tmur. Jekk inti ma tafx minn fejn tlaqt, qatt ma tista’ tasal fejn trid tmur għax inti ma tafx fejn int, mitluf. Issa l-Partit Laburista mhux talli dejjem kien partit li jaf minn fejn telaq imma qatt ma nesa minn fejn telaq.”

    Joseph sostna li dik kienet differenza prinċipali bejn partit u ieħor.

    “Teżisti differenza kbira bejn politiku u politikant fejn il-politiku huwa dak li jaħdem biex iwassal policy maħluqa għall-ġid komuni biex tagħti riżultat, mentri l-politikant jagħmel dak li jaqbel għalih personali u għal xi erba’ ħbieb tal-ħbieb.

    Anki jekk inti sempliċiment tħares lejn l-innu tal-Partit Laburista, tifhem il-ġmiel tal-ideali li fih: li tħobb il-proxxmu tiegħek, li tgħin lill-batut u li ssostni lill-ħaddiem. Hu kredu kollu bbażat fuq minn fejn telaq dan il-partit u dik tagħmel id-differenza bejn il-PL u l-PN; dik li l-PL dejjem tela’ fil-gvern biex jaħdem għall-ġid komuni. Nammetti li l-PL għamel l-iżbalji tiegħu wkoll. Hekk jew hekk, kull bniedem li jagħmel xi ħaġa, għandu ċ-ċans li ser jiżbalja xi darba jew oħra. Però jekk wieħed jara l-opri kbar li l-PL għamel lejn in-nazzjon Malti jifhem aħjar x’qed ngħid.

    Jiena jiddispjaċini li ċerti affarijiet siewja bħal dawn ma tantx jissemmew, kultant lanqas mill-partit stess. Ngħidu aħna fi tfuliti, il-maġġoranza tat-tfal tal-età tiegħi spiċċaw emigraw. Il-Maltin kienu jitilqu bl-eluf kull sena minħabba n-nuqqas ta’ xogħol. Iżda kif tela’ l-labour fl-1971 l-emigrazzjoni mietet. Il-PL dejjem irnexxielu joħroġ b’ideat ġodda, bosta drabi b’kuraġġ kbir, akkost ix-xkiel qawwi li kellu jiffaċċja ruħu miegħu. Biss biss nista’ nsemmi s-sitt punti li għamel Mintoff u li għalihom ħa l-interdett filwaqt li llum ironikament dawn jagħmlu parti mill-kostituzzjoni tagħna. L-istess nistgħu ngħidu għal dak li qiegħed jagħmel il-mexxej tagħna ta’ llum, Dr Joseph Muscat bil-proposta tal-introduzzjoni tad-divorzju f’Malta.

    Jiena ma rridx nintilef fl-Istorja u fil-passat imma jekk hemm bżonn ċertifikat fejn il-PL għolla liż-żgħir u refa’ n-nazzjon fuq saqajh, ‘l hemm ngħid lin-nies biex iħarsu. Għax jiena nemmen bis-sħiħ li l-miraklu li l-PL għamel f’dawk iż-żminijiet, kapaċi jerġa’ jirrepetih illum jekk jingħata l-opportunità li jmexxi mill-ġdid.”

    William li llum huwa perit, jisħaq li huwa laħaq fejn laħaq proprju bis-saħħa tal-miżuri ġodda li kien għamel il-PL.

    “Ma nista’ qatt ninsa l-ġid li jiena ħadt mill-PL meta fosthom huwa tani l-possibilità li nidħol nistudja l-università ħalli nkun nista’ nibni l-karriera tiegħi. Missieri kien ħaddiem u li kieku ma kienx għall-PL, qatt ma kien ser ikollu fondi biżżejjed biex idaħħalni l-università.

    Missier William, Charlie Lewis, kien ukoll dak li inizzjah fil-ħidma għall-partit…

    “Minn meta kont daqsxejn ta’ tfajjel, missieri kien jeħodni insegwi l-meetings ta’ Mintoff. Sfortunatament is-snin tat-tmeninijiet ma tantx għamlu ġieħ lill-politika Maltija. Ma nista’ ninsa qatt per eżempju William Lewisl-inċidenti li kienu seħħew f’Ħaż-Żebbuġ meta waqt manifestazzjoni paċifika tal-laburisti kienu ntefgħu xi ballavostri fuq in-nies. Jiena kont qiegħed hemm dakinhar flimkien ma’ missieri u kuġinti u rajt il-konfużjoni li nqalgħet. Niftakar lil missieri jiġri bina lejn il-karozza u mbagħad jerġa’ lura biex jara jekk setax jagħti xi għajnuna lil dawk li ġew feruti. Aħna konna pparkjati ġo sqaq u f’ħin minnhom jien fettilli noħroġ mill-karozza u mmur nittawwal il-barra. U kien eżatt f’dak il-ħin li nara pulizija fuq mutur għaddej sparat minn ħdejja jiskidja fit-triq prinċipali. Kienu inċidenti li baqgħu stampati f’moħħi u kienu proprju huma li ħeġġewni biex ninvolvi ruħi fil-politika. Barra minn hekk, missieri dejjem kien attiv fil-kumitat tal-Ħamrun u kien minn hemm li hu rawwimni u fejn f’dawn l-aħħar snin kont involut f’karigi differenti.”

    L-istorja ta’ kif Joseph daħal fil-politika hija daqstant ieħor imqanqla…

    “Jiena ġej minn familja ultra nazzjonalista però ħu ommi nzerta laburist kbir. Dan kellu l-kuraġġ li fi żmien id-dnub il-mejjet kien imur iqassam il-Ħelsien. Jiena kelli madwar 15 il-sena u kont abbati imma bil-moħbi t’ommi kont immur inqassam il-Ħelsien miegħu. Bħala abbati kont nara b’għajnejja l-biża’ tan-nies minħabba l-bulettin. Allaħares ngħidlek il-ġrajjiet kollha li seħħu fejn il-laburisti batew ħafna. Biex nagħtik eżempju wieħed nista’ nsemmilek meta flimkien ma’ tal-Mużew kienu jtellgħu lilna t-tfal biex nitfgħu l-purfun fl-inħawi li jkun sar fihom xi meeting tal-labour “ħalli niddiżinfettaw il-post mid-dnub il-mejjet”.

    Ironikament kienet proprju din l-attitudni li ġibditni lejn il-PL. Jiena kont ġej minn familja tal-faxxa ta’ fuq tal-klassi medja. Kont immur skola privata u tista’ tgħid li ma kont nieqes minn xejn. Imma Joseph M Zrinzombagħad bħala boy-scout bdejt immur ngħin biex jitqassmu l-prodotti tal-CARE. Din kienet għajnuna Amerikana li kienet qed tingħata lill-Maltin peress li l-poplu tagħna ma kienx ħa l-Marshall Aid tal-gwerra. Konna mmorru nqassmu xi oġġetti bażiċi bħad-dqiq, zokkor, ġobon u butir f’numru ta’ djar. Kienet esperjenza li ħasditni għax rajt faqar li jien għalija ma kienx jeżisti. Skantajt kif xi wħud minnhom kienu jieklu ħobż imdellek bix-xaħam għax il-butir ma kienux jafu x’inhu. Meta qassamna l-ġobon f’ċertu djar, dik kienet l-ewwel darba li dan-nies kienu qatt daqu l-ġobon f’ħajjithom. Niftakarni mmur id-dar u nargumenta. Il-familja tiegħi kienet reliġjuża ħafna u kienet tagħmel bosta karità imma xorta waħda kienet taċċetta r-raġunar li kien qed jiġi propagat f’dawk iż-żminijiet – li wħud kienu nħalqu sinjuri u oħrajn kienu foqra u li ħadd ma kellu jibdel dis-sitwazzjoni. Tant hu hekk li min mill-foqra kien jittanta jgħolli rasu biex forsi jitla’ tarġa aktar il-fuq, kważi kważi kien jingħadd li qed jagħmel xi dnub mejjet. Kont niddispra b’dan ir-raġunament għax kont ngħid li allura dawn in-nies ma kellhom lil ħadd min jaqbeż għalihom. Imma mbagħad sibt is-sostenn fiz-ziju tiegħi li malajr beda jeħodni miegħu għall-meetings ta’ Mintoff. U hekk kif tibda tisma’ lil Mintoff jitkellem bħal donnu xi ħadd jagħtik injezzjoni qawwija ta’ eroiżmu fil-vina u tħoss saħħa daqs li kieku tista’ tmur taqleb kull m’hemm.

    Sal-ġurnata ta’ llum għadni nsib nies li ma jridux jemmnu li jien laburist. Anzi ġieli jidhru artikli u jgħidu li jien nazzjonalist! Imma jiena sa minn tfuliti qatt ma rajt il-valur umanitarju fil-PN bħalma narah fil-PL – xejn iktar u xejn inqas. Hemm affarijiet li kienu ħżiena fil-partit imma l-ideal li inti trid tgħin u ġġib kemm jista’ jkun ġid u ugwaljanza għal kulħadd, għalija dak huwa l-aqwa prinċipju. Min jaf il-PL, min jifhem l-ideal tiegħu, min jifhem l-ispirtu li l-PL jipprova joħloq, mhux talli jaċċettah imma talli jiġbdu biex jaħdem għalih.”

    Fost ir-responsabbiltajiet tal-Koordinaturi Distrettwali hemm dik li joħolqu attivitajiet biex kemm jista’ jkun jiġbru d-distrett flimkien. Dan l-aħħar William, għalkemm pjuttost novizz f’dal-qasam, irnexxielu joħroġ b’idea li mill-ewwel intogħġbot ferm.

    Infatti Joseph sostna illi “Permezz tal-idea tal-attività tal-maratona li ħareġ biha William, bħala Koordinatur Distrettwali, mar anki oltre minn hekk għax b’hekk mhux qed jingħaqad biss l-ewwel distrett imma d-distretti kollha. Hawnhekk qed naraw eżempju ċar kif idea brillanti ta’ żagħżugħ ingħatat l-appoġġ immedjat kemm mill-eżekuttiv u kif ukoll mis-sostenituri kollha tal-partit u flimkien ħdimna biex din titwettaq. Nistgħu ngħidu li permezz tal-maratona, William ser jagħmel eżatt dak li qed jippriedka Dr Joseph Muscat – dik li joħloq moviment ġdid, did-darba permezz tal-mixi jew ġiri.”

    Fil-fatt minn sempliċi idea li tnisslet f’Diċembru waqt attività oħra tal-partit, William sab ruħu qed jieħu ħsieb attività nazzjonali.

    “Mill-ewwel bdejna għaddejjin bil-preparamenti u bl-organizzazzjoni ta’ din il-maratona li l-għan prinċipali tagħha huwa illi jgħaqqad lil kulħadd flimkien f’familja waħda. Għaldaqstant l-oġġettiv finali ta’ Freedom Day Fun Rundin il-maratona mhux ser ikun dwar min ser jiġi l-ewwel imma li kull min jipparteċipa jasal sal-aħħar u jifraħ mal-wasla. Issa min jiflaħ jiġri jista’ jagħżel il-maratona ta’ 7km u min jiflaħ jimxi, għandu distanza ta’ 3km. Naturalment din hija attività li ser tiġbed anki lill-familji li jridu jqattgħu ftit ħin flimkien u għalhekk qed naħdmu biex noħolqu atmosfera pjaċevoli matul ir-rotot magħżula. Peress li oriġinarjament l-idea ħarġet mill-ewwel distrett, ir-rotta ġiet ippjanata biex tgħaddi minn quddiem iċ-ċentri laburisti tal-lokalitajiet tal-Belt, il-Furjana, il-Pietà, il-Marsa u l-Ħamrun. Iżda min hawn ninxtieq insostni li din mhiex attività tal-ewwel distrett biss imma tal-partit kollu.

    Permezz ta’ din il-maratona nixtiequ nħeġġu kemm l-ispirtu tal-komunikazzjoni bejnietna u kif ukoll dik li wieħed jieħu ħsieb saħħtu. Barra minn hekk dawk li ser jipparteċipaw f’din l-attività ser ikunu jistgħu jiltaqgħu mal-amministrazzjoni tal-partit li wkoll ser ikunu qed jieħdu sehem kemm fil-mixja u kif ukoll fil-ġirja. Ta’ min isemmi li anki Dr Joseph Muscat beħsiebu jipparteċipa f’din il-maratona għalkemm għalissa għadu indeċiż jekk jagħżilx li jimxi jew jiġri. Finalment, hekk kif tiġi fi tmiemha din il-maratona, ser tibda l-maratona ta’ ġbir ta’ fondi għall-PL u l-parteċipanti kollha huma mistiedna li jingħaqdu magħna.”

    Din il-maratona ser issir fil-31 ta’ Marzu 2011 u r-reġistrazzjonijiet għaliha ser jibqgħu jinġabru sas-26 ta’ Marzu 2011 fejn titħallas miżata żgħira għall-parteċipazzjoni. Wieħed jista’ japplika minn One Complex, miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u miċ-ċentri laburisti kollha tal-lokal. Ser jingħata ċertifikat lil kull parteċipant, filwaqt li numru limitat ta’ wrist bands bl-arma tal-partit se jingħataw lil dawk li jirreġistraw l-ewwel. Kull parteċipant għandu jilbes flokk abjad jew aħmar. Għal aktar informazzjoni u applikazzjonijiet tistgħu iċċemplu fuq 21249900, inkella email: funrun@partitlaburista.org, jew il-website www.partitlaburista.org, u anki mill-facebook Freedom Day Fun Run.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-20 ta’ Marzu 2011)

    2011.03.20 / no responses / Category: Torca - Perspettivi