Posts Tagged ‘Trevor Zahra’

  • Ġieħ lill-ktieb Malti

    Pawlu u Marija Mizzi.JPGIl-Gagga.jpg

    Il-Miklem Malti.jpgIl-volumi tad-dizzjunarju ta' Joseph Aquilina.jpg

    Għalkemm illum jeżistu alternattivi elettroniċi għall-ktieb tradizzjonali, personalment nemmen li s-sensazzjonijiet sbieħ li kapaċi jagħtina ktieb m’għandna nħalluhom jintilfu qatt. Għadni niftakar meta fi tfuliti, fejn diġà kont noħlom li la nikber xtaqt insir kittieba, kont insawwar kotba bl-istejjer tiegħi permezz tal-karti strazzi u kont nieħu gost inżommhom f’idejja u nqalleb il-paġni tagħhom. Kont nieħu xogħol mhux ħażin biex inqasqas il-karti ħalli jiġu kollha ta’ l-istess daqs, biex nikteb jew nittajpja fuqhom, u saħansitra biex niddiżinja u nagħti l-kulur lil xi stampi relevanti mal-ġrajja.

    Dawn il-memorji tqanqlu lura f’moħħi meta dil-ġimgħa erħejtilha lejn l-Imdina sabiex niltaqa’ ma’ Pawlu Mizzi li kien il-moħħ wara l-ħolqien tad-dar tal-pubblikazzjoni Klabb Kotba Maltin. Fl-isfond tat-tokki tal-qniepen tal-kattidral storiku u imponenti, Pawlu mar lura fiż-żmien sabiex jirrakkuntali kif twebbel biex jagħmel dan ix-xogħol u kif din ix-xewqa tiegħu affetwat il-bqija ta’ ħajtu u ta’ familtu, u anki l-aspett tal-ktieb Malti f’pajjiżna.

    Skont Pawlu Mizzi, kienet proprju osservazzjoni li darba kiteb Mikiel Anton Vassalli li wasslet biex qanqlet fih ħolma kbira li eventwalment sawwret il-ħolqien ta’ Klabb Kotba Maltin. “Kien qal illi l-Maltin bla tagħlim tal-Malti ma jistgħux jimxu ‘l quddiem,” irrimarka Pawlu. “Għalkemm kienu għaddew bosta snin minn meta Vassalli kiteb dan, anki f’żgħożiti stajt ninnota illi pajjiżi kien għadu nieqes bil-kbir mit-tagħlim tal-Malti. Fatt li kiddni ħafna. U minn dakinhar ‘l hemm bqajt nhewden xi stajt nagħmel jien sabiex nibdel din is-sitwazzjoni.”

    Il-bniedem huwa xi ftit jew wisq il-prodott ta’ żmienu u probabbilment din il-ħeġġa lejn il-lingwa ta’ pajjiżu tnisslet f’Pawlu sforz il-moviment qawmien letterarju li kien qiegħed iseħħ f’dawk is-snin. Barra minn hekk, l-istudju tal-Istorja fl-Università ta’ Malta, laqqgħu ma’ bosta personaġġi li komplew influwenzaw il-fehma tiegħu. Sadanittant, kien hemm diġà xi individwi li kienu qed jippruvaw iwittu triq aktar soda għall-Malti u għall-qari tiegħu. Imma sfortunatament, dawn il-proġetti kienu qed ifallu wieħed wara l-ieħor u għalhekk Pawlu ħass il-bżonn li jgħarbel sewwa dan il-qasam qabel imidd passejh il-quddiem.

    “Kien żmien meta kotba bil-Malti ftit li xejn kont issib. Iżda fuq kollox, il-Maltin ma kienu juru l-ebda ħajra li jaqraw bil-Malti u wisq inqas li jixtru l-kotba miktuba bil-Malti,” beda jfehemni Pawlu. “Għalhekk għall-ewwel iddeċidejt li nippubblika xi kotba skolastiċi ħalli nsir midħla ta’ x’kien jinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ ktieb, fosthom kemm kien hemm spejjeż.”

    Għalkemm huwa kien joqgħod Għawdex, Pawlu beda jistampa dawn il-kotba għand il-Lux Press f’Malta biex imbagħad ibiegħhom mill-ħanut Ideal Bookshop li kien jinsab Għawdex. Peress li dawn il-kotba skolastiċi kienu utli, huwa rnexxielu jbiegħhom u bis-saħħa tagħhom beda jintroduċi ruħu fil-qasam tal-pubblikazzjoni.

    “Imbagħad imxejt għall-pass li jmiss fejn tħarriġt aktar fis-settur tal-kitba billi bdejt naħdem bħala korrispondent mal-Allied Malta Newspapers u kont nirrapporta dwar dak kollu li jseħħ f’Għawdex,” kompla jirrakkuntali Pawlu.

    It-tielet pass kien jesiġi minnu deċiżjoni ferm aktar iebsa peress li huwa xtaq jistudja l-Istorja fl-Università ta’ Malta. “F’dak iż-żmien f’Għawdex kien hemm ftit li xejn opportunitajiet u jekk ridt tistudja kellek tinżel Malta għax lanqas is-servizz regolari tal-vapur li hemm illum ma kien jeżisti. Għalhekk jiena u marti Marija, flimkien mat-tliet uliedna Ginette, Anna Maria, u Joseph, inżilna ngħixu f’Malta sabiex jiena nkun nista’ nattendi l-università.”

    Hawnhekk Marija, il-mara tiegħu, irrakkuntatli l-esperjenza diffiċli li kellha tgħaddi minnha meta wara li żewġha ggradwa fl-Istorja fl-1966, huwa wrieha x-xewqa li jibqa’ Malta, kemm minħabba li ried iwettaq il-ħolma li kellu u anki għax din il-gżira kienet ser toffri opportunitajiet aħjar lit-tlied uliedhom li issa kienu qed jikbru.

    “Kien l-akbar xokk ta’ ħajti meta rrealizzajt li konna se nibqgħu Malta għax jiena minn dejjem kont marbuta ħafna m’Għawdex, il-post fejn trabbejt u għext, fejn kelli l-familja u l-ħbieb kollha tiegħi. Malta kienet pjuttost estranja għalija u domt sewwa sakemm aċċettajt il-ħajja hawnhekk. Infatti kienet weġgħa ta’ qalb kbira meta biegħejna d-dar li konna bnejna Għawdex fejn suppost kellna nirritornaw wara li jiggradwa Pawlu.”

    B’danakollu, kif stqarr Pawlu stess, martu dejjem kienet ta’ sostenn kbir għalih u dan jiena stajt nikkonfermah meta osservajt kemm kienet infurmata tajjeb dwar ix-xogħol u l-kotba li ppubblika żewġha matul is-snin.

    “Meta dħalt naħdem il-Polytechnic flimkien ma’ Johnny Sultana bħala librar, stajt insegwi parti oħra minn dan il-qasam,” kompla jgħidli Pawlu. “L-ewwel nett, hekk kif bdejna nikkatalogaw il-kotba ta’ din il-librerija, ma domtx ma ntbaħt li filwaqt li kotba bl-Ingliż kien hemm għażla tajba, dawk bil-Malti kienu joqogħdu kollha fi spazju ta’ ftit aktar minn xibrejn! Dan wera illi sa dak iż-żmien kien hemm selezzjoni wisq żgħira ta’ kotba bil-Malti. Min-naħa l-oħra osservajt illi l-istudenti ma tantx kienu jissellfu kotba, u bil-Malti ftit li xejn.”

    Kien jidher biċ-ċar li jekk tassew ried jagħmel xi ħaġa, Pawlu kien ser ikollu bżonn ta’ kapital kbir u għalhekk dejjem kien jara x’ser jivvinta sabiex joqrob aktar lejn il-ħolma tiegħu. “Darba minnhom fl-1968 niltaqgħu mal-Prof. Oliver Friggieri fi Strada Rjali l-Belt,” ftakret Marija. “U hemm Pawlu fetaħ qalbu miegħu dwar din il-ħolma kbira li kellu, jiġifieri dik li joħloq klabb tal-qari tal-Malti u li jibda jippubblika ktieb bil-Malti kull xahar. Iżda Oliver dlonk urieh li ma kien jaqbel xejn ma’ din l-idea, l-aktar minħabba li dan kien konxju sewwa mid-diffikultajiet u r-riskji li dan ix-xogħol jinvolvi. Però ormaj kien tard wisq biex tipprova ddawwar il-ħsieb lil Pawlu u meta huwa beda jaħdem fuq il-proġett tiegħu, Oliver kien wieħed minn dawk li tawh daqqa t’id sabiex isib awturi tajbin.”

    Infatti Klabb Kotba Maltin ġie stabbilit fl-1969 u l-ewwel ktieb li ġie ppubblikat fl-1971 kien Il-Gaġġa ta’ Frans Sammut, liema ktieb eventwalment kien inħadem ukoll bħala film. Iżda akkost li wasal s’hawn, bdew intoppi ġodda… “Fosthom tgħidx kemm irċevejna ittri psataż talli konna azzardajna noħorġu bil-kelma ‘klabb’ li skont uħud kienet forma mkissra tal-kelma ‘club’ bl-Ingliż,” qaltli Marija.

    “Imbagħad jiena spiċċajt ġejt insulentat u mwaqqa’ għaż-żufjett meta mort quddiem xi membri tal-parlament b’dan il-ktieb sabiex nurihom b’din l-inizzjattiva tiegħi,” kompla Pawlu. “Dan mhux ktieb tiegħek, qaluli wħud minnhom. X’qed tagħmel hawn b’dan il-ktieb jekk m’intix l-awtur?! Naturalment mhux kollha kellhom l-istess reazzjoni, fosthom Ġorġ Borg Olivier li kien qabad u tani ċekk ta’ 90 lira Maltin bħala sostenn għal dan l-impenn tiegħi.”

    Pawlu ma qatax qalbu u kompla bix-xogħol li kien daħal għalih. “Jien kont nemmen li jekk ma toħroġx ktieb bil-Malti b’mod regolari, il-Maltin ma kienux se jidraw jinteressaw ruħhom u jixtru dawn it-tip ta’ kotba. Għaldaqstant jiena ridt inderri lill-poplu tagħna u b’mod speċjali lill-membri li bdew jissieħbu ma’ Klabb Kotba Maltin, li dawn kienu ser jibdew isibu ktieb ġdid x’jakkwistaw fi żmien qasir. B’hekk, kien ser jiżdied ukoll l-interess lejn il-lingwa Maltija u l-qari tagħha.”

    Intant it-tieni ktieb li ħareġ minn taħt idejh kien Mas-Sejħa tat-Tnabar li kien jikkonsisti minn ġabra ta’ poeżiji ta’ erbgħa poeti Maltin. It-tielet ktieb kien L-Għanja tas-Sienja li kien traduzzjoni għall-Malti ta’ Ġużè Aquilina tar-rumanz Le Chant de la Noria li nkiteb minn Laurent Ropa. Ir-raba’ wieħed kien Lejn Tnissil ta’ Nazzjon tal-Prof. Henry Frendo, f’liema ktieb Manwel Dimech issemma għall-ewwel darba bħala patrijott Malti… u l-lista tkompli.

    “Kull pubblikazzjoni kienet tinvolvi spejjeż kbar u għalhekk ridt nara minn fejn ser inġib il-kapital. Biex nagħmel tajjeb għan-nuqqas jew għad-defiċjenzi tas-suq, mhux darba u tnejn li kellna nbiegħu xi proprjetà tagħna. Probabbilment ftit jirrealizzaw kemm dan ix-xogħol jinvolvi sagrifiċċji personali u minn dawn kelli nagħmel mhux ftit sabiex inżomm il-Klabb fuq saqajh. Kien għalhekk ukoll illi bejn l-1987 u l-1990 dħalt naħdem bħala direttur tal-Mediterranean Film Studios fejn fosthom kelli r-responsabbiltà li nsib postijiet ideali sabiex jinġibdu l-films fihom u nagħti pariri dwar l-istorja ta’ pajjiżna.”

    Tkellimna dwar numru ta’ proġetti sinifikanti li kienu baqgħu fuq l-ixkaffa tal-awturi għal xi snin imma eventwalment tpoġġew fuq l-ixkafef tal-ħwienet wara li Klabb Kotba Maltin daħal għar-responsabbiltà tal-pubblikazzjoni tagħhom. Fost dawn kien hemm ix-xogħolijiet monumentali tal-Miklem Malti ta’ Erin Serracino Inglott li jikkonsisti f’dizzjunarju, monolingwi, mill-Malti għall-Malti li jagħtik it-tifsiriet mill-għeruq tal-kliem Malti, u s-sitt volumi tad-dizzjunarju Malti-Ingliż-Malti ta’ Joseph Aquilina.

    Xi ħaġa oħra li Pawlu kellu jħabbat wiċċu magħha kienet iċ-ċensura ta’ wħud mill-kotba, fosthom dik ta’ Samuraj li nkiteb minn Frans Sammut u li għalih hu kien ingħata l-Premju Rothmans għal-Letteratura fit-taqsima tal-kitba kreattiva. Fatt kurjuż dwar dan il-ktieb hu li dan kien qed jifforma parti mis-sillabus tal-Malti imma tneħħa minnufih hekk kif ġie ċċensurat minħabba xi żewġ deskrizzjonijiet xotti xotti dwar is-sess.

    Fi kliem il-Prof. Oliver Friggieri, Pawlu jista’ jitqies bħala “missier il-ktieb Malti modern” hekk kif hu ħadem biex inħolqot vetrina fejn l-awturi Maltin setgħu jippubblikaw ix-xogħolijiet tagħhom. Din kienet ukoll opportunità li permezz tagħha ċerti kittieba għamlu l-kuraġġ biex jippubblikaw kitbiethom u llum saru kittieba prolifiċi, bħal ngħidu aħna Trevor Zahra li mal-Klabb kien beda bil-kotba ta’ Kunċett u Marinton.

    Maż-żmien, Pawlu ħass il-bżonn li jippubblika anki kotba b’lingwi barranin dwar Malta. “Parti mill-intwizzjoni ta’ missieri kienet illi huwa nduna bl-interess tal-barranin lejn l-istorja ta’ pajjiżna minħabba li Malta għandha storja sinifikanti mhux biss għalina l-Maltin imma anki f’kuntest ta’ storja ewropea u internazzjonali,” spjegali ibnu Joseph li llum imexxi dan il-Klabb. “Minn hemm huwa kompla jiżvolġi t-teorija tiegħu li kienet tgħid li kien inutli li tistampa kotba bil-Malti għall-Maltin biss. Kien jeħtieġ li s-suq jinfetaħ anki għall-barrani billi pajjiżna jimpenja ruħu li jippubblika kotba ta’ livell akkademiku għoli u anki ta’ preżentazzjoni professjonali. B’dan il-ħsieb missieri ħoloq is-sezzjoni MidSea Books Ltd u beda jistieden awturi u riċerkaturi barranin sabiex jiktbu dwar Malta. F’dak il-perjodu, din kienet xi ħaġa rari ħafna imma hu rnexxielu jqabbad anki din l-idea. L-ewwel ktieb ta’ dan it-tip kien miktub mill-medjevalista Anthony Luttrell dwar Ħal-Millieri. Minn hemm bdew resqin lejna aktar riċerkaturi, fosthom anki dawk Maltin.”

    Fl-1992, Pawlu Mizzi ġie onorat bil-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika iżda kien għad fadallu ħafna aktar xogħol siewi x’jagħmel. Infatti fl-1999 huwa kompla jespandi bit-tielet sezzjoni tiegħu li semma Heritage Books. “Din għandha l-għan li tipproduċi kotba ta’ referenza bl-Ingliż li japplikaw għall-pubbliku in ġenerali,” infurmani Pawlu. “Infatti hawnhekk aħna naħdmu flimkien ma’ diversi aġenziji, fundazzjonijiet, mużewijiet u għaqdiet li għandhom x’jaqsmu mal-konservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali.”

    Illum li jgħodd l-84 sena, u wara li ppubblika madwar 1200 ktieb, staqsejt lil Pawlu jekk kienx iħossu sodisfatt li ħolmietu twettqet. “Naħseb li tajt kontribut fil-qasam tal-Malti,” stqarr Pawlu. “Imma ma nħossx li għandi nitkabbar bih għax nemmen li jien biss wieħed miż-żgħar nett. Għamilt dak li kelli nagħmel u kuntent ferm li ibni Joseph se jkompli jsaħħaħ warajja dak li bdejt jien. Inħossni sodisfatt li matul is-snin rajt bidla kbira pożittiva fejn jidħol il-Malti. Iżda fl-istess ħin hija traġedja li wara kważi 50 sena mill-ftuħ ta’ Klabb Kotba Maltin, riċentement qed jiġi nnutat illi l-qari bil-Malti reġa’ naqas qatiegħ. U mill-ġdid niftakar x’kien qal Vassalli u ma nistagħġibx il-għala r-riżultati tal-istudenti Maltin qegħdin imorru lura wkoll.”

    “Il-ktieb minnu nnifsu sikwit jitqies bħala kumdità milli bħala bżonn,” kompla jfissirli Joseph. “Tixtrih jekk iħajjrek, jew jekk tinteressa ruħek fis-suġġett. Però anki jekk iħajjrek, mhux neċessarjament se tixtriħ għax ktieb tista’ tiddubbaħ jew tisselfu minn xi librerija jew mingħand il-ħbieb, tista’ tagħmlu fotokopja f’temp ta’ ftit minuti, u tista’ teħodlu ritratt. Jeżistu ħafna modi li jitfgħu lura lill-pubblikaturi u personalment kultant nara li ġejna f’sitwazzjoni agħar minn dik li beda minnha missieri. Ma ddejjaqniex il-kompetizzjoni ta’ oħrajn bħalna għax dik toħloq ambjent tajjeb sabiex tinżamm il-kwalità tal-prodott. Iżda fl-istess ħin, nixtiequ li l-awtoritajiet jirrikonoxxu aktar l-impenn u l-ispejjeż li jidħlu għalihom nies bħalna sabiex jippromwovu l-ktieb, bil-Malti u dwar Malta. Ngħidu aħna tkun tassew ta’ għajnuna għalina jekk dawk il-kotba li jinvolvu riċerka ta’ ċertu livell, jinżammu b’moratorju ta’ madwar 12 il-xahar, qabel dawn joħorġu fil-libreriji għall-użu tal-pubbliku.”

    “Għamilna bosta sagrifiċċji sabiex nagħtu importanza lill-ktieb Malti. Nittama li t-triq li wittejna flimkien ma’ individwi oħra li bħalna ħabbew il-ktieb Malti tkompli tissaħħaħ għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna,” temm jgħidli Pawlu hekk kif it-tokki tqal tal-katidral nebbħuni li kien sar il-ħin.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI fit-Torċa tal-10 t’Awissu 2014)

    2014.08.11 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • MHUX X’TGĦID JGĦODD, IMMA KIF TGĦIDU

    L-intervista li għamilt lil Trevor Zahra dil-ġimgħa kienet ilha snin sħaħ tinħema f’moħħi, probabbilment sa mill-ewwel ktieb tiegħu li ġie f’idejja ‘Dwal fil-fortizza’. Kien l-Trevor Zahraewwel awtur Malti li fi tfuliti ħabbibni mal-lingwa tiegħi u kien hu wkoll l-ewwel wieħed li ħollomni li forsi xi darba nsir kittieba bħalu. Iżda nistqarr li lil dan l-awtur irbattu ma’ tfuliti u ftit li xejn kont qrajt mill-kitba tiegħu għall-adulti, sitwazzjoni li ċertament kelli nikkoreġiha qabel niddeċiedi li nintervistah. L-għażla kienet vasta għax sadanittant dan l-awtur kiteb madwar 130 ktieb! Jiena u nerfa’ jdejja lejn il-qanpiena tal-bieb tiegħu, wara dak li qrajt, bsart li ser niltaqa’ ma’ bniedem differenti minn dak li kont geżwirt f’qalbi snin twal ilu u kont imħassba dwar x’kont ser insib. Imma Trevor laqgħani għandu b’ġentilezza kbira u qattajna s-sigħat nitkellmu flimkien. Fost id-diskussjoni tagħna sikwit ħareġ dak li darba qal wieħed mill-awturi favoriti tiegħu stess, Gabriel García Márquez…. “L-importanti fil-ħajja mhux dak li tgħaddi minnu imma x’tiftakar minnu u kif tiftakru.”

    Ħadt miegħi l-ktieb ‘Dwal fil-fortizza’ għax xtaqtu jiffirmahuli, bħal donni ridt nagħlaq xi ċirku li nfetaħ żmien ilu. Iżda minflok rbaħt il-privileġġ li niftaħ kapitlu ġdid ta’ ħbiberija, hekk kif Trevor beda jirrakkuntali bosta siltiet minn ħajtu. Skoprejt li wara kollox kien hemm ħafna affarijiet simili bejnietna, fosthom li fi tfulitna, it-tnejn konna mitlufin wara l-kotba ta’ Enid Blyton.

    “Meta kont żgħir, missieri kellu librerija mimlija kotba imma kważi l-ebda wieħed minnhom ma kien adattat għat-tfal. Għalhekk kont spiċċajt nipprova naqra l-kotbaDwal fil-fortizza maħsuba għall-qarrejja adulti.  Dawk tal-Ingliż kienu diffiċli ferm biex nifhimhom. Min-naħa l-oħra l-kotba bil-Malti kienu dawk ġeneralment b’ambjent storiku bħal ‘Raġel bil-għaqal’, li għalkemm kienu interessanti, żgur li ma kienux jipprovokawli daqstant l-imaġinazzjoni tiegħi. Kotba bil-Malti għat-tfal ma kinux jeżistu ħlief ‘Ġabra ta’ Ward’ li kellna l-iskola u l-ktieb ‘Ġoġo Rummiena’ li ħareġ Albert Cassola fil-ħamsinijiet.

    Imma darba waħda, meta kelli 12-il sena ġie f’idejja l-ktieb ‘The Treasure Hunters’ ta’ Enid Blyton u ġġennint fuqu, l-ewwelnett għax indunajt li wara kollox kont naf naqra bl-Ingliż u t-tieninett għax fetaħli beraħ l-immaġinazzjoni tad-dinja tat-tfal. Dal-ktieb tant għoġobni li meta tfarfart ftit, tħajjart nittraduċih għall-Malti biex bħallikieku nagħmlu tiegħi. Eventwalment, meta kbirt, bqajt nistaqsi lili nnifsi għala t-tfal Maltin ma kellhomx kotba sbieħ bħal dak, miktubin bil-lingwa tagħhom? Biex tagħqad, meta dħalt ngħallem il-Malti, bdejt ninnota ħafna mit-tfal tal-iskola jaqraw il-kotba ta’ Enid Blyton u allura aktar komplejt nikkonferma li kien hemm għatx kbir għal kotba bħal dawn.

    Hekk twieled l-ewwel ktieb tiegħi ‘Il-Pulena tad-Deheb’ u minn hemm għamilt għaxar snin sħaħ nikteb dan il-ġeneru ta’ kotba. Din is-sensielaFuklar qadim u bnadar imċarrta marret tajjeb ħafna mat-tfal imma mbagħad ġie żmien meta xtaqt nibdel ftit l-istil tal-kitba tiegħi. Iddeċidejt li nagħlaq bl-aħħar wieħed ‘Il-Miraklu tal-Ġiżirana’ imma meta l-pubblikatur baqa’ jitlobni li nikteb aktar minnhom, wara 12-il sena għalaqt is-sensiela tassew bil-ktieb ‘Fuklar Qadim u Bnadar Imċarrta’. Infatti dan tal-aħħar huwa differenti ferm mill-kotba l-oħra u huwa l-aktar wieħed għal qalbi minnhom ilkoll għax għandu l-iżjed plot impenjattiv.”

    Tlabtu jfehemni kif jislet ideat ġodda għall-kotba tiegħu u ntbaħt li Trevor għandu prattika rigoruża f’dan il-qasam.

    “Għal kull ktieb tieħu l-ideat minn xi ħaġa madwarek, minn xi post jew minn xi ġrajja ta’ tfulitek. Nista’ ngħid li fir-realtà, kull ktieb ikollu xi ħaġa minni nnifsi ġo fih. L-idea tibda qisha żerriegħa ġo qasrija u tkun tiddependi minni kemm insaqqiha. Għaldaqstant meta nara li idea partikolari tkun qed teċitani, kull darba li nsib mument kwiet, nibda naħdem fuqha bis-sħiħ sabiex nara nistax noħroġ xi ħaġa ġdida minnha. Ovvjament, bħall-pjanti, mhux kull waħda tibqa’ ħajja. Uħud imutu u jispiċċaw fix-xejn, oħrajn forsi neħel f’nofshom u nabbandunahom, imma n-notamenti nżommhom kollha.  Mhux darba u tnejn illi wara xi żmien ninduna kif dik l-idea setgħet tkompli tiżvolġi u nerġa’ nibda naħdem fuqha.

    Sikwit jistaqsuni kemm indum biex nikteb ktieb? Fil-verità aktar indum nippjana u nirriċerka dwaru milli niktbu. Ġieli domt għaddej nirriċerka xi suġġett is-snin, biex imbagħad wara kollox nuża bissĦolm tal-Milied qatra minn dak kollu li nsib. Jien inħobb inqabbel din il-fażi mal-ħwawar fil-borma, titfa’ biss nitfa kemm tħawwar u biex tirfina t-togħma, għax jekk titfa’ żżejjed taħli kollox. Biex nagħtik eżempju, meta ktibt ‘Ħolm tal-Milied’ kont mort nikkonsulta ma’ żewġ tobba dwar il-marda li kien ser ikollu l-karattru tal-istorja. Ridt inkun naf is-sintomi u kif it-tabib jinduna bihom, il-pazjent kif iħossu, il-kura li jrid jingħata, meta t-tabib jiddeċiedi li l-pazjent m’għadux ta’ jdejh aktar u xi jħoss il-marid fl-aħħar mumenti? B’hekk, min jaqra l-ktieb ikollu stampa aktar realistika u preċiża ta’ dak li jkun qed iseħħ, għalkemm fl-istess ħin ma tirrendihiex tqila u teknika żżejjed.

    Meta mbagħad nibda nikteb, il-ktieb ikun diġà ppjanat kollu. Il-karattri nkun għaġinthom sewwa u anki nibnilhom l-arblu tar-razza ħalli kull wieħed ikun mirqum kif imiss. Kull kapitlu nkun naf kif ser jibda u kif għandu jispiċċa. Dan il-metodu nsibu utli ħafna għax b’hekk moħħi ma jkunx imtaqqal minħabba l-plot imma jkun jista’ jiffoka kompletament fuq it-teknika tal-kitba, it-tiswir tal-metafora u l-ġmiel tal-lingwa. Fuq kollox, jiena nemmen ħafna fil-frażi: l-arti hija 90% perspirazzjoni u 10% ispirazzjoni. Għalhekk wara li l-muża tagħmel tagħha billi tipprovdini bl-idea oriġinali, ix-xogħol isir billi npoġġi moħħi hemm u naħdem sakemm inlesti. Naturalment, dan huwa l-istil tiegħi, kull awtur għandu s-sistema valida tiegħu.”

    Kif jiddeċiedi jekk l-idea li jkollu hux ser tissawwar f’novella jew fi ktieb?

    “Biż-żmien trabbi ċerta intwizzjoni. Il-ġmiel tan-novella huwa l-qosor tagħha u li ma tagħtikx lok biex tibni l-karattri b’dettalji. Infatti l-karattri jkunu bħall-pinzellati f’xiIl-praspar kollha ta' Kunċett u Marinton kwadru impressjonista ta’ Monet, jagħtuk biżżejjed tagħrif biex imbagħad inti tkompli l-istampa mentalment. Imbagħad hemm ħaġ’oħra li tkun trid taħseb fuqha: ser tuża din l-idea għall-kitba tat-tfal jew għal dik adulta? Ċertu ideat ikunu ċari fejn ser iwasslu, waqt li oħrajn jieħdu aktar żmien sakemm joqogħdu weħidhom fil-garżella tagħhom.”

    Fil-kotba tiegħu tat-tfal jogħġbuni ħafna l-istampi li hu stess joħloq. Iżda żgur li qatt ma bsart li dawk l-istampi kienu jirrapreżentaw nies tassew, hekk kif sibt li l-awtur kien iqabbad xi nies jippużawlu, l-aktar familjari tiegħu, jeħdilhom ritratt fil-qagħda li jkun jixtieq hu u mbagħad ipinġi minn fuq ir-ritratti. Urini album b’ritratti simili u ngħid is-sewwa għaraft xi wħud li dehru fil-ktieb.

    “Lil Stella kont neħdilha l-pedamenti ta’ moħħha, dejjem inredden fuq il-karattri li jkolli f’moħħi u hi tieħu paċenzja bija u tismagħni. Tant konna nsiru midħla ta’ dawn il-karattri li darba minnhom, meta kelli diffikultà biex insib tifel li jixbaħ lill-karattru ta’ Leli fil-ktieb ‘Ħolm tal-Milied’, għarafnieh flimkien hekk kif ħareġ tifel abbati fuq l-artal waqt quddiesa. It-tajba kienet li dan it-tifel inzerta li kien jiġi mill-familja tagħna! ”

    Nammetti li kont qed inħossni daqsxejn skomda mmiss mas-suġġett ta’ Stella għax f’kitbietu l-weġgħa tan-nuqqas tagħha għadha taqta’ bħal sikkina fil-laħam il-ħaj. Fil-ktieb tiegħu ‘Penumbra’, in-novella “L-Għanja tal-Milied tal-Bieraħ” nikktitni, imma novella oħra li ġġib l-isem “Meta Tagħmel L-ewwel Xita”, ħasditni fid-deskrizzjonijiet qawwija tagħha.

    “Stella ilha mejta aktar minn 20 sena issa. Imma hi kienet marti, omm uliedi u fuq kollox il-maħbuba tiegħi u għadni nħossu ħafna n-nuqqas tagħha. Illum sibt il-kuntentizza fis-sieħba tiegħi Catherine li hi Trevor u Stella fil-jum taż-żwieġ tagħhomwkoll hija armla u anki hi u żewġha kienu jinħabbu ħafna. Iżda ċertament, it-tnejn inħossuna konxji li ħadd minna ma jista’ jieħu post is-sieħeb jew is-sieħeb li darba konna żżewwiġna f’żgħożitna.

    Semmejtli ‘Penumbra’ li bħal kif jixhed ismu, l-ebda karattru fin-novelli li fih m’huma ċari. Jinkludi anki ftit novelli li jiena ktibt meta kont għaddej minn żmien diffiċli ħafna, kont waħdi, kont għadni kif tlift lil marti fl-isbaħ żmien ta’ ħajjitha, kont imdejjaq ħafna. Il-ħabib tiegħi Mario Cassar li kull darba ngħaddilu l-kotba tiegħi biex jaqrahom qabel nippubblikahom, peress li nemmen ħafna fil-pariri tiegħu, dwar dan il-ktieb qalli “Dan il-ktieb ‘Penumbra’ ferraħħni ħafna u nikkitni ħafna. Ferraħni għax huwa l-aħjar xogħol li qatt għamilt s’issa. Imma nikkitni għax fih rajtek diżilluż, imdejjaq u li tlift il-fiduċja fil-ħajja!” Fortunatament iż-żmien itaffi u ormaj tgħallimt ngħix ma’ dan-nuqqas.”

    Imma esperjenzi bħal dawn isaħħuk jew ikissruk bħala kittieb?

    “Naħseb li bħala kittieb isaħħuk ħafna jekk tagħraf tużahom sewwa. Jgħinuk tikseb ċertu perspettiva li ma ġġibha bl-ebda mod ieħor. Infatti kien hemm min ikkummenta fuq xogħoli li tista’ taqsmu fi Penumbratnejn: dak ta’ qabel Stella u dak ta’ wara, filwaqt li sostnew li l-kitba li saret wara, hija superjuri ħafna għal dik ta’ qabilha. Stella kienet estensjoni minn ħajti, kienet jien innifsi u meta tliftha, il-ħajja ħadet bixra oħra u kelli nerġa’ npoġġi mill-ġdid il-prijoritajiet tiegħi f’posthom. Ersaqt ħafna eqreb lejn uliedi tant li llum inqishom ukoll bħala l-aqwa żewġ ħbieb tiegħi. F’waħda mill-isbaħ kitbiet ta’ Oscar Wilde, ‘De Profundis’, li huwa niseġ waqt li kien il-ħabs, laqtitni l-frażi tiegħu meta qal li “l-isbaħ esperjenza tal-ħajja hija l-uġigħ” fejn ried ifisser li l-bniedem li qatt ma weġġa’, qatt ma jikber, eżatt bħal dak il-metall li jibbies l-aktar meta jiddaħħal fil-forġa. Huma esperjenzi li jittemprawk, għalkemm trid toqgħod attent li ma jfasslukx fi bniedem kontinwament imnikket.”

    X’jaħseb dwar il-mewt? Jibża’ minnha?

    “Ma nibża’ xejn mill-mewt, aktar nibża’ mill-uġigħ fit-tul li taf iġġib marda li twassal għall-mewt. Imma mbagħad niftakar fit-tbatija li għaddiet minnha Stella u ħafna nies oħra li naf, u ngħid jekk ikollu jkun hekk, m’hemmx x’tagħmel. Jiena m’għandi xejn aħjar minn ħaddieħor biex ikun jistħoqqli biex nevita tmiem bħal dan. Fl-istess ħin il-mewt fiha nnifisha nħossha tqanqalli ħafna kurżità ta’ x’hemm lest għalina wara dil-ħajja. Għalkemm kultant niddubita, nixtieq ħafna li hemm xi ħaġa għax nixxennaq għal dik il-ġurnata meta nkun nista’ niltaqa’ mill-ġdid mal-maħbubin tiegħi li telqu qabli.

    Tmien snin ilu kelli tumur fil-pulmun imma għall-grazzja t’Alla wara li għamilt operazzjoni, għadda kollox b’wiċċ il-ġid. Anki f’dak iż-żmien għaddejt minn trawma kbira sakemm irċevejt ir-riżultati. Tħassibt jekk kienx wasal il-mument biex nibda nippakkja l-bagalji. Imma mid-dehra kien għadu mhux destini.”

    Meta semma’ d-destin ma flaħtx ma nistaqsihx għax b’mod speċjali mill-awtobijografija tiegħu ‘Il-Ġenn Li Jżommni F’Sikti’ u mill-ktieb ‘Stella, Jien u Hu’, kont intbaħt li Il-ġenn li jżommni f'siktin-numru 17 feġġ kemm-il darba f’mumenti partikolari f’ħajtu: fis-17 t’April 1967 għamel il-kuraġġ u kellem lil Stella għall-ewwel darba, fis-17 ta’ Mejju 1967 taha l-ewwel bewsa, fis-17 t’April 1971 iżżewġu u fis-17 ta’ Diċembru 1989 Stella mietet. Jemmen fid-destin?

    “Jiena darba qrajt vers “Aħna destinati biex nagħżlu liberament”.  X’ironija hux? Id-destin huwa waħda mill-preokkupazzjonijiet tiegħi. Nemminha daqs kemm ma nemminhiex. Nemminha daqs kemm nixtieq li ma nemminhiex. Imma hemm xi ħaġa li ttektek fija u ssostni mod ieħor.  Dik li ngħidu li ħajjitna hi ppjanata u tagħmel x’tagħmel ma tistax teħles minn destinek, hija daqsxejn kerha żżejjed, kważi fatalista. Mill-banda l-oħra qisni ninnota forma ta’ destin limitat, biss biss per eżempju, meta twelidt fl-1947, il-fatt li ġejt raġel u mhux mara, li twelidt f’Malta u kelli  dawk il-ġenituri partikolari, dak diġà qed jurini li ħajti kellha l-limitazzjonijiet tagħha. Kieku kellha tinbidel ċirkustanza waħda minn dawn kollha, ħajti kienet tinbidel kompletament. Allura dak mhux forma ta’ destin?

    Ġbidtli l-attenzjoni fuq in-numru 17 u infatti ġratli biċċa xogħol stramba konnessa ma’ dan-numru. Intbaħt biha meta kont qed nagħmel il-proofreading tal-ktieb ‘Meta jaqa’ ċ-Meta jaqa' ċ-ċparĊpar’ peress li ridt nippubblikah b’format ġdid.  Hemm irrealizzajt li meta jiena għażilt id-data tas-17 ta’ Diċembru fis-sagħtejn ta’ fil-għodu, meta t-tfal tal-ktieb għaddew miċ-ċpar misterjuż, dik kellha tkun ukoll id-data u kważi l-ħin preċiż ta’ meta Stella għaddiet minn din il-ħajja u sabet ruħha fi żmien ieħor! Kien destin jew koinċidenza stramba, meta bla ma ntbaħt, ħdax-il sena qabel, antiċipajt id-data u l-ħin tal-mewt ta’ marti f’wieħed mill-kotba tiegħi?”

    Affarijiet li jkexkxuk! Kif taqbad tirrispondi għalihom? Fil-kitba tiegħu meta rrakkonta dwar il-marda ta’ martu, Trevor niżżel fid-dettal dak li għadda minnu. Semma’ sikwit kemm talab għall-fejqan tagħha… Wara esperjenzi hekk tibqa’ temmen f’Alla?

    “Jien ma nżommx lil Alla responsabbli la tat-tajjeb u lanqas tal-ħażin ta’ dak li jiġrilna. Pjuttost naħseb li n-natura hija kapriċċuża u tiġi taqa’ u tqum minn kulħadd u tqassam l-affarijiet bl-addoċċ, bla ma jimpurtaha. Darba wieħed xebbaħ il-ħolqien t’Alla ma’ wieħed li fassal programm tal-kompjuter, xegħlu u telaq u ħalla kollox ikompli waħdu. Illum nasal biex nemmen li hekk sar. Fl-istess ħin ngħix fl-ambigwità li meta nħoss il-bżonn, nitlob, forsi għax il-qalb tibqa’ tittama li hemm xi ħadd li qiegħed jisma’.”

    F’kitbietu Trevor tenna kemm-il darba li mingħajr il-ħbieb ħajtu kienet tkun traġedja.

    “Il-vistu tiegħi beda mhux meta mietet Stella imma meta bdew għaddejjin ix-xhur u sfajt waħdi. Għandi lil ħuti li għamlu ħafna miegħi, immaStella, Jien u Hu dawn huma miżżewġin u magħhom in-nuqqas ta’ marti kont inħossu doppju għax hi biss kienet tkun nieqsa. Maż-żmien bdejt nagħmel ċirku ta’ ħbieb ġodda, fosthom sħabi l-għalliema l-oħra fejn kont naħdem. Apprezzajthom għax għaraft li kienu ħbieb ġenwini. Kienu jkunu miegħi mhux għax jitħassruni imma għax iħobbuni u għax jieħdu gost bil-kumpannija tiegħi. Għalhekk il-ħbiberija għandha valur tant qawwi għalija.”

    F’silta oħra l-awtur iddeskriva lilu nnifsu bħala “tifel maqful ġo ġisem ta’ raġel”. Min hu sewwasew Trevor Zahra?

    “Jiena kelli tfulija ferrieħa ħafna u tliet kwarti tal-kitba tiegħi tinkludi t-tfulija tiegħi fiha, anki meta ma tidhirx, hemm tkun. Fortunatament irnexxieli nżomm lit-tifel żgħir ta’ tfuliti ħaj ġewwa fija u permezz tiegħu nsib il-bilanċ fil-ħajja. Huwa dak it-tifel li jgħinni biex ma noqgħodx nargumenta żżejjed mad-dilemmi. Hu jaf meta għandu jieqaf janalizza.

    Bħala bniedem inħoss li jien sempliċement bħal ħafna oħrajn.  Infatti ħadt gost meta wara li ħriġt l-awtobijografija tiegħi, bosta kellmuni u qaluli li ħassew daqslikieku qed niddeskrivi ħajjithom. Ġeneralment niddeskrivi lili nnifsi bħala bniedem li nħobb ngħix, inħobb niċċajta, inħobb ingawdi u nħobb il-kumpanija. Imma naf li l-ħajja mhiex dik biss, hemm affarijiet oħra li trid teħodhom bis-serjetà.”

    Qalli wkoll li f’dawn l-aħħar snin iħossu li sar “aktar imqareb” u infatti mn’Alla ammetta għax ċertu kotba tiegħu tawni dik l-impressjoni, bħal ngħidu aħna ‘Il-ĦajjaIl-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa’, li dan l-aħħar ħareġ ukoll bil-lingwa Ingliża, fejn Trevor jittratta s-suġġett tas-sess b’mod li ma tantx imdorrijin bih f’pajjiżna. U meta dan l-aħħar iċċensuraw kittieba oħra, smajt lil min jikkummenta u jistaqsi kif imbagħad dil-kitba ta’ Trevor ġiet aċċettata?

    “Min iqabbel iż-żewġ tipi ta’ kitba jkun qed iħawwad, għax it-teknika hija kompletament differenti.  Jien immirajt lejn xogħol letterarju filwaqt li ħaddieħor x’aktarx immira lejn xogħol sensazzjonali. Ix-xogħol li qed issemmili jiena qrajtu wkoll. Fil-lat morali tiegħu ma rridx nidħol, iżda għalkemm ma nsiblux valur letterarju, xorta waħda nibqa’ niddefendilu sal-aħħar, id-dritt li jippubblikah. Allaħares f’Malta nkunu bl-inkwiżituri.

    Għall-kuntrarju ta’ dak li jistgħu jaħsbu wħud, jiena ma niktibx dwar is-sess biex nixxokkja. Ix-xokk għandu ħajtu qasira ħafna, malajr jindara u għalhekk ftit li xejn jibqa’ effettiv. Nikteb dwar is-sess sempliċiment għax is-sess jinteressani ħafna, mhux biss għall-gost fiżiku qed ingħid, imma għax hu parti integrali mill-ħajja. Jiena niddejjaq meta nara li f’pajjiżna, kitba jew taħdit dwar is-sess b’lingwi oħra naċċettawh daqslikieku xejn, imbagħad l-istess frażijiet bil-Malti nitkażaw bihom u nsejjħulhom vulgari! B’dan il-ħsieb, xi snin ilu iddeċidejt li nagħmel esperiment bil-play tiegħi Minn wara ż-Żipp li kienet kompletament dwar is-sess. Bi pjaċir ngħid li kemm meta tellgħajniha t-teatru Manoel u anki meta ppreżentajniha fit-teatru tal-Università, in-nies attendew kull darba bi ħġarhom u ntlaqgħet tajjeb immens mill-maġġoranza!”

    L-aktar kotba għal qalbu huma ‘Lubien’, ‘Provenz’, ‘Sepja’ u ‘Penumbra’ għax fihom seta’ jesprimi lilu nnifsu b’mod ċar. L-awtobijografija tiegħu kitibhaĦadd ma jista' jidħak jew jiekol pastizzi tal-piżelli għax xtaq jiċċara liema kienet il-verità u liema l-fantasija fil-kitbiet tiegħu. Fi żmien qasir ser jippubblika diversi kotba ġodda fostom: ‘Il-Ħrejjef Kollha ta’ Wied Peprina’, ‘Ħadd Ma Jista’ Jkanta Jew Idoqq Strument tal-Banda’, re-print ta’ ‘Qrempuċu f’Belt il-Ġobon’ u ktieb ta’ poeżiji għat-tfal bl-isem ‘Tqasqis’.

    Jiddeskrivi lilu nnifsu bħala kittieb u mhux bħala poeta akkost li jikteb poeżiji mill-aktar interessanti u umoristiċi speċjalment għat-tfal.  Ta’ min isemmi li dan l-aħħar, isem Trevor kien fuq l-ilsien ta’ ħafna minħabba t-taqbila li hu għamel dwar l-Arriva. Ma jinkwetax jekk xi darba jieqaf jikteb imma ma jistax jimmaġina ruħu ma jaqrax aktar. Isostni li l-kittieb huwa bniedem itturmentat u jgħix ħajja ta’ inċertezza kontinwa…

    “Issa li ktibt ħafna kotba aktar insibha diffiċli biex nikteb, għax irrid noqgħod attent li ma nirrepetix ruħi. Li jżommok tikteb huwa dak il-ħsieb li tkun xtaqt tgħid xi ħaġa, imma meta tiktibha, tinduna li ma rnexxilekx tikkonkretizzaha kollha kemm hi. Allura tikteb ktieb ieħor bit-tama li issa jirnexxilek tesprimi dak li kont ħallejt barra.  Imma lanqas dik id-darba ma tħossok sodisfatt. B’hekk mill-ġdid tikteb ktieb ieħor u tibqa’ sejjer hekk tiġri wara din l-idea li inti tixtieq tgħidha u qatt m’għedtha.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-24 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.24 / 5 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • ĠLIEDA LILL-BRUDA GĦALL-POEŻIJA

    L-agħar destin ta’ poeta huwa li jkun ammirat mingħajr ma jkun mifhum…. Jean Cocteau (1889 – 1963)

    Fi tfuliti u anki ftit aktar il-quddiem mhux darba u tnejn li middejt idi biex nikteb xi poeżija iżda jkolli nistqarr li l-proża dejjem ġibditni aktar. Jista’ jkun għax jiena persunaKitba li nħobb nimraħ fil-kliem u nespandi fid-deskrizzjonijiet u għalhekk għandi bżonn l-ispazju. Jista’ jkun għax f’kitbieti ma nħobbx inkun imxekkla b’wisq regoli u jista’ jkun ukoll għax poeta trid titwieled. Għaldaqstant dawk il-kittieba li jagħżlu t-triq poetika jintrigawni u nħoss ċertu ammirazzjoni lejhom hekk kif bi ftit vrus kapaċi jqanqlu reazzjoni jew emozzjoni fil-qarrej.

    Min hu midħla tal-qasam tal-kitba jaf illi f’pajjiżna s-settur tal-poeżija huwa kemmxejn batut peress li ftit li xejn isib interess mill-pubbliku in ġenerali. Fil-fatt bosta awturi jgħidulek li jaħsbuha darba u tnejn biex jippubblikaw ktieb bil-poeżiji tagħhom minħabba li huma konxji li probabbilment ir-rispons għalih ser tkun fqira.

    “Xi kultant naħseb li mill-iskejjel forsi iktar ħloqna antipatija milli rispett lejn il-poeżija. Nemmen li l-għażla mhux adattata għall-etajiet u l-gosti tal-istudenti flimkien mal-pressjoni tal-eżamijiet neħħew il-gost tat-testi letterarji,” qalli Sergio Grech meta bdejna niddiskutu din il-problema.

    Iltqajt ma’ Sergio minħabba illi riċentement huwa kien wieħed minn dawk wara t-tnedija ta’ Fondazzjoni Poeżija.

    “Il-Fondazzjoni inħolqot bħala esperiment ġdid proprju bl-iskop li tiġġieled din il-bruda lejn il-poeżija. Permezz ta’ din il-fondazzjoni aħna nixtiequ nagħtu l-opportunità lil individwi differenti biex jippubblikaw ix-xogħolijiet tagħhom. Fl-istess ħin dan ser jgħin biex ikollna ċertu regolarità f’dan is-settur, xi ħaġa li bħalissa ma tantx għandna.

    Il-Fondazzjoni ser tkun qed taħdem bi skema ta’ abbonament fejn il-membri ser ikunu mitluba jħallsu €20 fis-sena. B’dan il-ħlas, huma ser ikunu intitolati għal żewġ kotba ta’ poeżiji li l-Fondazzjoni qed Sergio Grechtintrabat li ser tippubblika. Dawn il-kotba ser jingħataw disinn u stil wieħed fil-forma ta’ kullana u ser jkunu jikkonsistu f’ġabra ta’ poeżiji miktuba mill-membri stess. Bord indipendenti mill-Fondazzjoni ser ikun qed jagħżel il-poeżiji li jiġu ppubblikati u eventwalment ser joħroġ ukoll rapport li jiġġustifika din l-għażla. Il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-kotba ser tkun f’idejn Klabb Kotba Maltin imma naturalment kollox jiddependi fuq kemm ser ikollna rispons tajjeb mill-pubbliku.

    Hemm żewġ skemi differenti: waħda għal dawk li jħobbu jaqraw il-poeżija u li jixtiequ jappoġġjaw lill-Melitensja u lil din l-inizzjativa u oħra għal kittieba tal-poeżija. Tajjeb li nsemmi li s’issa diġà kellna ammont ta’ nies mhux ħażin li qed jinteressaw ruħhom f’dan il-proġett.”

    Lil Sergio ilni nafu ħafna u minn dejjem niftakru jitħabat u jistinka biex il-lingwa Maltija tiġi aktar apprezzata. Proġett ieħor li hu msieħeb fih huwa Poeżija Plus.

    “Permezz tas-sit www.maltapoetry.com qed nagħtu l-okkażżjoni lil min jixtieq iwassal il-kitbiet tiegħu lill-qarrejja. Bl-ikbar responsabbiltà ngħidlek illi f’dan il-każ ma qgħadnix nagħżlu mix-xogħolijiet imma ftaħna l-bieb lil min ried jikteb xi ħaġa. Fil-fatt qed jinkitbu ħafna poeżiji għalkemm nammetti li mhux kollha huma kitbiet letterarji. B’danakollu xorta waħda nemmen illi sit bħal dan huwa vetrina importanti għall-kittieba Maltin.”

    Fost id-diskussjoni tagħna ħareġ illi jeħtieġ li jsir aktar investiment fil-qasam tal-poeżija f’Malta.

    “Hemm bżonn li jkollna ċentru li jiftaħar bil-kittieba tiegħu u li jiddissemina tagħrif u informazzjoni. F’pajjiżi oħra tiltaqa’ ma’ ċentri simili fejn issib ġabra ta’ folders b’informazzjoni bażika dwar l-awturi li tkun tinkludi fost l-oħrajn: bijografija tagħhom, lista tal-kotba li ppubblikaw u xi siltiet li kitbu. Kollox isir b’mod sempliċi iżda bl-aktar mod impekkabbli bħala printing.

    Huwa neċessarju li jkollna naqra aktar kuraġġ biex ninvestu f’dan il-qasam. Tgħidli imma min irid jinvesti? Il-gvern? Jien ngħid le. Hemm numru ta’ partijiet li jistgħu jiltaqgħu u jaraw din kif tista’ ssir.

    Normalment bħala Mediterranji għandna tendenza li naħdmu bi stil paternali u dejjem irridu lil xi ħaddieħor biex jiddeċiedi għalina. Iżda wasal iż-żmien li mmorru oltre.”

    Sergio kompla jgħidli illi f’pajjiżi barranin jeżistu wkoll ċentri apposta fejn il-kittieba jiltaqgħu flimkien. F’dan il-lok huma jkollhom ukoll l-opportunità li jiktbu u li jiddiskutu x-xogħol ta’ xulxin. Imma jiena deherli li l-kittieb Malti huwa pjuttost għajjur għal xogħolu u mhux la kemm ser joqgħod jaqsam l-ideat tiegħu mal-oħrajn.

    “Kumbinazzjoni dan l-aħħar kont qed naqra intervista fuq gazzetta lokali u meta l-intervistat ġie mistoqsi x’beħsiebu jippubblika aktar, dan qallu illi għalissa ma setax jirrispondih għax inkella jeħdulu l-ideat tiegħu.

    Probabbilment dan jirriżulta mill-fatt li aħna gżira żgħira u dan iħalli l-impatt tiegħu. Hija wkoll kwistjoni ta’ opportunitajiet u ta’ possibilitajiet. Barra minn hekk, ħafna awturi qed ikollhom l-esperjenza li jridu jdaħħlu jdejhom fil-but huma stess.

    Is-sistema tagħna hija differenti minn dik ta’ pajjiżi oħra. Kittieb hawnhekk jew irid isib pubblikatur jew inkella jkollu jagħmel kollox hu mill-a saz-z. Barra minn Malta wieħed ikollu aġent li jressqu lejn Ċentri ta' kitba u diskussjonipubblikatur u jsiru ċertu tipi ta’ kuntratti li lokalment mhux dejjem jeżistu. Hemm anki differenza fil-kunċett tal-pubbliċità fejn ngħidu aħna fl-Italja, awtur illum qiegħed Milan, għada jmur Ruma u l-ġurnata ta’ wara jsib ruħu f’Firenze. F’Malta jekk il-kumpanija tal-kotba ma jkollix il-qasam tar-riklamar tagħha ħafna drabi l-pubbliċità jrid jagħmilha kollha l-awtur stess u dan jinkludi wkoll il-kitba tal-press releases u l-intervisti fuq ir-radju u t-TV. Trid jew ma tridx hawnhekk nużaw sistema diversa u kultant ikollok taċċetta r-realtà li timpedilek li taħdem b’ċerti skemi.”

    Iżda akkost dawn id-diffikultajiet kull sena jiġu ppubblikati numru ta’ kotba. Allura x’inhu l-iskop warajhom?

    “Forsi veru hija ġennata li tippubblika xorta. Imma jiena nħoss li l-poeżija hija arti u għalhekk forsi tista’ tagħmel il-ħajja tan-nies aħjar. Hija wkoll l-isfida u x-xewqa li tara l-kitba tiegħek ippubblikata. Fuq kollox huma l-impenn u d-dedikazzjoni tal-awturi li allavolja ma jiġbrux flus ta’ xogħolhom, jixtiequ jaqsmu l-ġmiel tal-poeżija ma’ min jixtieq japprezzaha.”

    Imma x’inhu l-għan tal-poeżija?

    “Naħseb li biex wieħed japprezza l-iskop tal-poeżija jrid iħares ftit lejn l-istorja u l-evoluzzjoni tagħha. L-ewwel poeżiji kienu jikkonsistu f’għanjiet u taqbiliet li għall-ewwel kienu jimxu minn bniedem għall-iehor. Maż-żmien ġiet żviluppata l-kitba u l-bżonn li dik il-kitba tkun organizzata f’versi, f’ritmi u f’affarijiet oħra bħal dawn.

    Li hu interessanti hu li kull żmien għandu l-poeżija tiegħu u kull żmien jixhed tip ta’ poeżija partikolari. Jekk per eżempju wieħed iħares lejn l-iskola romantika jara stil ta’ poeżija fejn il-poeta jitkellem dwar temi ambjentali, temi reliġjużi u temi patrijottiċi. Illum naħseb illi dawn it-temi skadew xi ftit jew wisq kemm għar-raġuni taż-żmienijiet li qegħdin ngħixu fihom u anki minħabba l-globalizazzjoni.

    Madanakollu, kollox ma’ kollox jidhirli li finalment il-poeżija hija dik l-arti rari, dik l-arti sabiħa li torganizza l-ħsieb tal-bniedem u li tista’ tressqu biex japprezza aktar lilu nnifsu; speċi ta’ eżami tal-kuxjenza imma iktar minn hekk.”

    Poeta titwieled jew issir?

    “Ma nafx. Jiena ma tantx nemmen ħafna b’dawn it-tip ta filosofiji. Aktar naħseb li wieħed jissejjaħ poeta skont kif wieħed jissaħħar bil-kelma: kemm ikun kapaċi jaħkem il-kelma, kemm jaf jilgħab bil-kelma, kemm għandu ħila juża kelma u imbagħad juża oħra u jibqa’ sejjer hekk filwaqt li kitbietu tibqa’ tagħmel sens.

    M’għandnix xi ngħidu hemm il-problema li kulħadd hu poeta. Teżisti din l-idea li l-poeżija tista’ tinkiteb minn kulħadd, sempliċiment billi tqabbel vers ma’ ieħor. Imma dik ma tagħmlikx awtomatikament poeta.  Ir-realtà hija li kittieb tajjeb irid jiddixxiplina lilu nnifsu. Irid jikteb ħafna imma jrid jarmi ħafna wkoll. Irid ikollu ċertu dixxiplina fil-kitba u jrid iġib ċertu esperjenza u ħiliet mill-qari u r-riċerka.

    Apparti minn hekk naħseb illi l-kittieb Malti jrid jitgħallem ikun aktar kritiku miegħu nnifsu. Xi kultant jiġi xi ħadd u jgħidlek “lili ma aċċettawlix il-poeżija tiegħi għax jiena ma nappartjenix lil dak it-tali grupp.” Dawn huma tip ta’ argumenti li narahom perikolużi ħafna. Ċertament fl-aħħar mill-aħħar huwa minnu illi ż-żmien huwa l-aqwa imħallef u kritiku tal-kittieb.”

    Teżisti differenza bejn il-poeżija Maltija u dik barranija?

    “Mhux mistoqsija faċli li tweġibha fi ftit ħin. Nemmen li hemm xi ħaġa li hi tagħna imma llum jidhirli li hemm temi universali. Illum il-kittieba Maltin għandhom il-benefiċċju li jattendu għal diversi kungressi barra minn Malta u li jieħdu sehem f’numru ta’ fieri f’pajjiżi oħra. Permezz tal-internet qegħdin ukoll ikunu aġġornati dwar dak kollu li qed iseħħ madwar id-dinja.

    Bi pjaċir ngħid illi meta l-awturi tagħna qegħdin joħorġu barra minn xtutna qed ikun hemm ħafna interess fuq dak kollu li qed jinkiteb fuq gżira ċkejkna bħal Malta. Hemm ukoll is-saħħa tat-traduzzjoni fejn allura permezz tal-kitba jitlaqqgħu kultura ma’ oħra. Fost xogħolijiet simili nista’ nsemmilek il-kitba ta’ Adrian Grima li ġiet maqluba għall-Ġermaniż u x-xogħol ta’ Immanuel Mifsud li ġie tradott għall-lingwa Pollakka; affarijiet li sa ftit snin ilu lanqas konna noħolmu bihom. Naturalment irrid insemmi li wara dawn it-traduzzjonijiet hemm ċertu ħiliet li forsi ftit jiġu apprezzati. Irridu niftakru li wara l-għażla tal-kliem tal-awtur oriġinali ikun hemm ħafna emozzjonijiet u ċertu metafori li t-traduttur irid jara kif ser isalvahom. Inzerta li l-bieraħ kont qed naqra ktieb ta’ poeżiji ta’ Louis Briffa li ġew maqluba għall-Ingliż minn Rose Marie Caruana u naħseb li rnexxielha tagħmel biċċa xogħol sabiħa mmens. Daqstant ieħor nista’ ngħid għat-traduzzjoni tal-kitba ta’ Achille Mizzi minn Fr Peter Serracino Inglott.

    Fl-aħħar mill-aħħar naħseb li l-poeżija Maltija miexja fuq livelli tajbin. Imma tibqa’ dejjem il-problema tal-pubblikazzjoni fejn b’mod partikolari ħafna mill-awturi jkollhom jippubblikaw ix-xogħol tagħhom stess.”

    Kemm taħseb li bħala lingwa, l-Malti jsellef ruħu tajjeb għall-kitbiet ta’ kwalità?

    “Naħseb li minkejja l-pessimiżmu ta’ ħafna, bil-Malti nistgħu nesprimu kollox fostom anki f’kitba b’suġġetti xjentifiċi. Bħala wieħed mill-eżempji nista’ nsemmi il-kitbiet tal-Kullana Kulturali fejn jekk wieħed jara l-glossarju ta’ dawn il-kotba jkun jista’ jinnota li hemm lingwagg bil-Malti mid-dinja tal-arkeoloġija, tal-istorja, tal-lingwi u anki tal-arkitettura fost l-oħrajn. Jiġifieri waqt li aħna dejjem naħsbu li ċertu kliem ma nistgħux insibu korrispondenza għalih bil-Malti, nirrealizzaw kemm dan l-argument huwa totalment żbaljat.

    Forsi hemm il-problema tal-mentalità, dik li dejjem naqgħu fuqha – li aħna żgħar u forsi niddubitaw kemm nistgħu nwettqu ċertu affarijiet. Imma jien dejjem ngħid li għandna bżonn iktar fiduċja fina nfusna u li għandna nħarsu lejn il-lingwa tagħna bħala xi ħaġa illi tista tesprimina u li m’għandnix fruntieri.”

    X’relevanza għandha l-poeżija fil-ħajja moderna ta’ llum?

    “Nemmen illi l-poeżija għadha rilevanti u hija parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. U dan hu proprju dak li nixtiequ nwasslu permezz tal-Fondazzjoni Poeżija: li l-poeżija mhux qegħdha hemmhekk għall-aktar nies intelliġenti, għall-akkademiċi jew għal dawk li ser jagħmlu l-eżamijiet. Imma fir-realtà din qegħdha hemm biex tpaxxi lil kulħadd f’settur wisgħa ta’ nies.

    Bl-istess argument, nisħaq illi l-apprezzament lejn il-poeżija jrid jibda sa mill-ewwel snin tal-iskola fejn irridu naslu lejn il-mentalità illi l-importanti fl-istudju tal-poeżija mhux kemm fiha versi u sillabar imma l-fehma u l-konoxximent tas-sentimenti u l-emozzjonijiet li xtaq inissel fik dak l-awtur b’dik il-kitba.

    Jekk l-istudenti jibqgħu indifferenti meta jaqraw poeżija jfisser li jew hemm xi ħaġa ħażina fl-individwi nfushom inkella fl-għażla ta’ poeżija li ġiet ippreżentata lilhom. Wisq nissuspetta illi dan-nuqqas ta’ Kitba tal-poeżija illumapprezzament lejn il-poeżija ġej mill-fatt illi meta aħna konna tfal, fl-iskejjel tagħna ġejna ppreżentati b’xogħlijiet li ma kienux jagħmlu parti mid-dinja tagħna, tant li ħafna baqgħu bl-impressjoni li l-poeti huma qatta’ mdejjqin, li ċertament mhux il-każ. Biex inkun ġust jista’ jkun li dak iż-żmien ma kienx hemm l-għażla ta’ kitbiet li hawn illum. Preżentament is-sitwazzjoni nbidlet xi ftit u fil-fatt issib ħafna kotba tal-poeżija mimlija enerġija u kuluri. Barra minn hekk numru ta’ għalliema qed jippruvaw jisseparaw il-poeżija mill-eżamijiet u b’hekk qed iwettqu rivoluzzjoni siekta li nemmen li biż-żmien għad tagħti l-frott tagħha.

    Fl-aħħar mill-aħħar ma nistgħux nisfurzaw lin-nies biex iħobbu l-poeżija imma umilment inħoss li min ma jirrispettax jew ma jħobbx il-poeżija, hemm xi ħaġa nieqsa fil-ħajja tiegħu l-istess bħal min ma jaqrax.

    Fondazzjoni Poeżija ser tkun qed toffri l-għajnuna tagħha lil kull min juri interess f’dan il-qasam. Għandna ħafna pjanijiet u ħsibijiet ta’ fejn irridu naslu fostom li nixtiequ nagħmlu numru ta’ workshops u korsijiet sabiex il-kittieba tagħna jimmaturaw fil-ħakma tal-kelma tal-poeżija. Imma kif għedtlek, irridu nimxu pass pass biex naraw kif ser jimxu l-affarijiet.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-4 ta’ Lulju 2010)

    2010.07.04 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • L-ISFERA – ĠURNAL ĠDID GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

    Nispera illi filwaqt li ħafna nies qegħdin barra jxommu l-fwieħa tal-fjuri, xi ħadd ieħor qed jiddedika ftit ħin biex jiżra aktar… Herbert Rappaport.

    M’ilnix ħafna żmien fil-qasam tal-kitba. Madanakollu minn dejjem niftakarni nħobb nikteb. L-ewwel tentattivi tiegħi kienu stejjer qosra fuq ktieb magħmul bil-karti strazzi. Kont anki npinġi xi stampi li jkunu relatati mal-istorja li nkun ktibt. Il-ħolma tiegħi kienet li meta nikber insir bħall-idolu li kelli – Trevor Zahra. Nikolhom kont il-kotba tiegħu!

    Dawn it-tifkiriet bdew għaddejjin minn moħħi hekk kif mort niltaqa’ ma’ tlett ġuvintur sabiex nitkellmu dwar proġett kbir tagħhom – dik li jistabilixxu l-ewwel gazzetta bil-Malti iddedikata liż-żagħżagħ…

    Kevin Mercieca  kien il-moħħ wara din l-idea. Kont kurjuża nkun naf kif beda kollox.

    Is-Sajf li għadda kont qed naħdem part-time mal-iSmash TV u s-Smash radio. Xogħli kien bħal dak ta’ ġurnalista, jiġifieri nikteb ir-rapporti għall-aħbarijiet u anki kont naqrahom. Minn hemm beda jbherren f’moħħi li noħroġ gazzetta immirata lejn iż-żagħżagħ minn 16-il sena l-fuq.

    Niftakar li għall-ewwel, meta mort niddiskuti din l-idea ma’ ħbiebi Kurt u Stefan, m’aċċettawx il-proposta tiegħi minnufih. Imma mbagħad, wara xi ħmistax, iddeċidew li jingħaqdu miegħi biex nagħmlu dal-proġett realtà.

    Kif ħriġtu bl-isem L-Isfera?

    Għamilna laqgħa bejnietna u kkunsidrajna diversi ismijiet. Iddeċidejna li nagħżlu l-isem L-Isfera għax l-isfera tiġbor kollox fiha u tolqot kull dimensjoni. Missier Kurt, Michael Pawley, iddiżinjalna anki l-logo tal-gazzetta li jidher fis-sit elettroniku tagħna.

    X’inhu l-iskop ta’ L-Isfera?

    L-iskop tal-gazzetta huwa biex nedukaw liż-żagħżagħ fil-qasam tal-kitba u l-qari tal-gazzetti u biex nifirxu aktar il-libertà tal-kelma, ovvjament mingħajr ma jinqabżu l-limiti tagħha. Nixtiequ li permezz Kevin Mercieca - Editur L-Isferata’ din l-opportunità, ħafna aktar żagħżagħ jitħajjru jgħidu tagħhom u ma jiddejqux jiktbu fehmithom. B’hekk fejn forsi f’gazzetti oħra stabbiliti huwa diffiċli ħafna biex jiktbu xi ħaġa, fil-gazzetta tagħna għandhom il-possibilità li jiktbu artiklu sħiħ jew saħansitra jkollhom is-sezzjoni tagħhom ukoll.

    Min jista’ jikteb fil-gazzetta L-Isfera u dwar liema suġġetti?

    Bħalissa l-kontributuri ta’ L-Isfera huma ħbieb tagħna stess u numru ta’ nies akkademiċi. Però kull min jixtieq jikteb fil-gazzetta tagħna, aħna ser nilqgħuh b’idejna miftuħa.

    Bħala suġġetti m’hemmx limitu. L-importanti huwa illi l-għan tal-artiklu jkun informattiv u edukattiv. Fuq kollox, nixtieq niċċara li aħna ma naċċettawx kitba ta’ politika partiġġjana. Niktbu dwar politika imma b’mod newtrali. Għaldaqstant kull min jixtieq jikkontribwixxi b’kitbietu jrid iżomm dan f’moħħu. It-tul tal-artikli ġeneralment ikun ta’ madwar 400 kelma. Anki jekk forsi l-Malti ta’ min jikteb ma jkunx xi wieħed ta’ livell għoli, l-importanti li jkun hemm messaġġ interessanti u mbagħad il-kitba nieħdu ħsiebha aħna. Idealment nixtiequ nsibu xi kontributuri regolari wkoll.

    Kemm sibtu ko-operazzjoni biex din il-gazzetta tkun suċċess?

    Jiena bniedem pożittiv iżżejjed kultant u l-immaġinazzjoni tiegħi tiġri bija. Ħsibt illi peress li dan il-proġett kien oriġinali u kellu skop li jeduka liż-żagħżagħ, konna ser insibu ħafna jdejn miftuħa biex jgħinuna. Imma b’dispjaċir kbir, sibna l-kuntrarju. Batejna ħafna biex ħriġna bl-ewwel gazzetta. Dorna bosta stamperiji u kollha tawna stimi għolja. Kellna bżonn ħafna riklami biex inkopruhom imma bosta ħwienet għalqulna l-bieb b’diversi skużi. Kien hemm min lanqas biss tana ċ-ċans nispjegawlu x’kien il-mottiv għala konna qed nitolbuh jirriklama magħna. Oħrajn qalulna “jien ma nħobbx naqra xbin” u tawna l-gazzetta lura bla ma biss taw ħarsa waħda lejha! Jiena nifhem illi mhux la kemm wieħed joħroġ il-flus mill-but imma nemmen ukoll li għandu jkun hemm aktar fiduċja fiż-żagħżagħ ħalli b’hekk dawn jiġu mgħejjuna joħolqu xi ħaġa għall-ġid.

    L-ewwel gazzetta li ħriġna għamilniha bil-ħlas – 51 ewro ċenteżmi. Imma minn 400 kopja, inbiegħu biss 20! Għamilna b’150 ewro telf. Mit-tieni edizzjoni ‘l hemm, ittantajna nagħmluha b’xejn imma s’issa qatt m’għamilna qliegħ, dejjem bit-telf.  Sfortunatament meta kienu jiżdiedu r-riklami fil-gazzetta, l-istima tal-istamperija kienet tiżdied ukoll. U dan meta ta’ riklam, ftit li xejn konna qed nitolbu flus.

    X’inhu r-rwol tiegħek f’din il-gazzetta?

    Jiena l-editur u allura r-rwol tiegħi huwa illi flimkien ma’ oħti Rachel Pulis (li hija l-editriċi assistenta tal-gazzetta), nieħdu ħsieb it-tqassim tal-artikli u r-riklami ta’ L-Isfera. F’idejja għandi wkoll il-kitba tan-novelli għad-diskussjoni.

    Kemm il-edizzjoni ta’ L-Isfera ġew ippubblikati s’issa?

    L-ewwel edizzjoni ta’ L-Isfera tqassmet f’Diċembru 2008. Il-gazzetta kienet toħroġ kull xahrejn u b’hekk ippubblikajna ħames edizzjonijiet. Iżda minn Settembru li għadda, kemm minħabba n-nuqqas ta’ L-Isferafinanzi u kif ukoll peress li ma tantx kellna rispons tajjeb, ħadna deċiżjoni li noħorġu l-gazzetta online. Jekk immorru tajjeb bil-websajt, nixtiequ li mbagħad ikollna l-kwartieri tagħna. Imqar nikru garaxx fejn in-nies ikunu jistgħu jiġu jiltaqgħu magħna u forsi jitħajjru jkunu disponibbli biex jiktbu huma wkoll.

    Sadanittant, aħna ser inkunu qed niktbu wkoll f’diversi gazzetti oħra lokali sabiex in-nies isiru jafu aktar bina. Il-pjan tagħna huwa illi b’hekk L-Isfera tissaħħaħ mill-ġdid u nkunu nistgħu nerġgħu ndawwruha f’gazzetta kif bdiet oriġinarjament permezz tal-għajnuna ta’ aktar riklami.

    Kull min daq il-ħajja jaf illi l-ewwel passi ta’ kull proġett, rari jkunu ward u żahar. U bis-sewwa jew bid-dnewwa, bosta minn dawk li jkollhom xi ħolma f’ħajjithom jirrealizzaw illi t-triq hija ferm aktar iebsa milli ħasbu. Xtaqt l-aħħar kummenti ta’ Kevin dwar dan….

    Akkost id-diffikultajiet li sibna, il-ħolma tiegħi għadha qawwija u għandi fiduċja kbira li naraha titwettaq fil-futur qarib. Fuq kollox meta nara l-progress li għamilna jiena u sħabi fostom f’kitbietna, fil-kuntatti li għamilna u fil-perserveranza u l-kuraġġ li qed naħdmu bih, ngħid illi dal-proġett diġà ħareġ ħafna pożittiv minnu.

    Fil-preżent L-Isfera toħroġ fuq websajt u tiġi rrinovata kull darba li tidħlilna xi kontribuzzjoni. Madanakollu għalkemm l-ispejjeż naqsu, xejn ma jsir b’xejn u lil min jeħdilna ħsiebha rridu nħallsuh.

    Ta’ fiduċjuż li jien, nemmen li xi darba għad nerġa’ nara l-gazzetta tagħna tiġri fl-idejn. Kull m’hemm bżonn daqsxejn fiduċja u għajnuna minn għand xi sponsors sabiex itaffulna l-ispejjeż tagħna u jagħmlulna aktar kuraġġ. M’għandix dubju li jeżistu bosta individwi u kumpaniji li jistgħu jagħtuna daqqa t’id. Issa li L-Isfera rat il-bidu tagħha, kull m’għandha bżonn hija imbuttatura tajba biex tkompli sejra soda fi triqitha.

    Tkellimt ukoll ma’ membru ieħor tal-Isfera – Stefan Darmanin.

    Kif ingħaqadt mat-tim tal-gazzetta L-Isfera u x’inhi l-parteċipazzjoni tiegħek fiha?

    Niftakar darba fost l-oħrajn kont quddiem id-dar ta’ Kevin u dan qalli li xtaq jagħmel gazzetta għaż-żagħżagħ. Għalkemm kont interessat, ħasadni dak il-ħin. Meta komplejt naħseb għedt u iva, din xi Stefan Darmanin - Ko-ordinatur L-Isferaavventura ta’ ftit… mhux ser iddum. Aċċettajt li nissieħeb miegħu u mal-mogħdija taż-żmien ħriġna b’ħames edizzjonijiet! Id-diffikultajiet li sibna kienu ħafna u kellna bżonn ħafna kuraġġ biex inkomplu peress li kellna problema biex insibu l-isponsors. Imma l-kuraġġ li wrew sħabi għeni biex anki jiena nwebbes snieni,  nagħmel il-qalb u nibqa’ naħdem flimkien magħhom.

    Oriġinarjament jiena kont inħobb nikteb l-iskripts għad-drammi. Imma ftit ftit inġbidt lejn l-Istorja tal-Ewropa u għalhekk meta ġejt biex nagħti l-kontribut tiegħi fil-gazzetta għażilt li nikteb il-paġna tal-Istorja.

    Barra minn hekk, ir-rwol tiegħi f’L-Isfera huwa dak ta’ ko-ordinatur.

    X’diffikultajiet iltqajtu magħhom biex stajtu tippubblikaw din il-gazzetta?

    Ħafna aktar milli ħsibna! L-ispiża tal-istamperija hija għolja immens u biex tagħmel is-sitwazzjoni aktar diffiċli, meta konna niġbru aktar riklami, din l-ispiża kienet togħla aktar! Aħna nissagrifikaw ħafna mill-ħin tagħna nduru ‘l hemm u ‘l hawn bit-tama li nsibu xi sponsor jew lil xi ħadd biex jirriklama magħna. Imma tiskanta kemm hi diffiċli biex xi ħadd jagħtik il-fiduċja u l-għajnuna tiegħu. Jgħidulek din xi ħaġa ġdida u ma nafx kif ser tmur. U jibżgħu.

    Min-naħa l-oħra l-qari fost iż-żagħżagħ naqas ħafna peress li fuq l-internet illum issib kollox. Għalhekk issa ddeċidejna li nagħmlu l-websajt tagħna. Imma fir-realtà aħna aktar nixtiequ li l-gazzetta tiġi ppubblikata kif konna nagħmlu qabel għax gazzetta taż-żagħżagħ ma naħsibx li qatt kien hawn u nemmen b’saħħa li l-pjan tagħna jagħmel sens.

    Kemm issibu entużjażmu miż-żagħżagħ biex jiktbu f’L-Isfera?

    Sfortunatament s’issa ma tantx kien hemm entużjażmu. Ħafna miż-żagħżagħ donnhom jibżgħu jesponu lilhom infushom u jiddejqu jidhru f’gazzetta. Jibżgħu li mhux kapaċi u li ser jaqgħu għaċ-ċajt. Forsi għax għadhom ma fehmux is-sodisfazzjon kbir li tieħu meta tara ismek u kitbietek stampati fuq gazzetta.

    X’inhuma l-lati pożittivi ta’ L-Isfera?

    Il-kuraġġ ta’ grupp ta’ żagħżagħ li jixtiequ jagħmlu xi ħaġa utli f’ħajjithom. Jiena xorta waħda bqajt inqis lil L-Isfera bħala avventura għax din il-gazzetta timlini bl-entużjażmu u bil-fiduċja fija nnifsi. Qabel dħalt għal dal-proġett, qatt ma kont ser noħlom li nidħol għal affarijiet hekk u daqstant ieħor sħabi. Bis-saħħa ta’ L-Isfera ħarġu biċ-ċar it-talenti li kellna fina. Forsi mingħajr din l-opportunità dawn qatt ma kienu ser jiżviluppaw. Issa li qed naħdmu fuq dan il-pjan ġdid tal-websajt, għalkemm huwa proġett akbar minn ta’ qablu, dħalt għalih b’aktar konvinzjoni u kuraġġ. L-importanti li t-tim tagħna jiġbor ħabel wieħed u li nsibu lil xi ħadd biex isostnina finanzjarjament.

    Ingħaqad magħna wkoll Kurt Pawley…

    L-Isfera, kif daħlet f’ħajtek u x’inhu r-rwol tiegħek fiha?

    Daħlet f’ħajti wara li daħlet f’moħħ Kevin. Tgerfixt għall-ewwel meta qalli bil-pjan tiegħu u xtaqt naħsibha ftit qabel naċċetta. Jien daqsxejn karattru negattiv u nkun irrid inqis l-affarijiet sewwa qabel nidħol għalihom. L-aktar li kien qed iħassibni kien kif konna ser niffinanzjaw proġett bħal dan. Min-naħa l-oħra kien hemm il-fatt illi l-kitba minn dejjem kienet togħġobni. Proprjament kont imdorri nikteb stejjer qosra bl-Ingliż imma meta rajt li kienet ser tiġi fdata f’idejja s-sezzjoni tal-films u l-movie reviews, iddeċidejt li nidħol għaliha u nissieħeb mat-tim ta’ L-Isfera.

    Barra minn hekk jiena wkoll is-Segretarju ta’ din il-gazzetta.

    X’jidhirlek mill-andament ta’ L-Isfera?

    Kif kont bassart, l-iffinanzjar tal-gazzetta kien iebes ħafna. Ma tantx sibna għajnuna. Anki l-aktar affarijiet sempliċi għamluhomlna iebsin! Biex infissrlek ftit per eżempju, meta konna mmorru nqassmu l-Kurt Pawley - Segretarju L-Isferakopji tal-gazzetta b’xejn fil-ħwienet, ġieli kien hemm min lanqas biss aċċetta li jgħaddihom lill-klijenti tiegħu. Oħrajn ħadulna tlett kopji biss biex imbagħad ħbewhom wara oġġetti jew prodotti oħra. Ġieli konna mmorru niċċekkjaw jiena u sħabi biex naraw kif qed tmur il-gazzetta tagħna u konna nsibuhom taħt xi kaxxa jew wara xi imbarazz ieħor. Kien hemm ukoll każi fejn ippruvajna nagħtu kopja lis-sid tal-ħanut biex jaqraha hu, ħalli jara fiex tikkonsisti. Numru minnhom qalulna li ma jħobbux jaqraw, oħrajn ħaduha u tefgħuha ‘l hemm quddiemna stess u xi individwi oħra lanqas biss aċċettawha! Tidher ċara illi ma tantx jeżisti interess meta toħroġ xi ħaġa ġdida.

    X’tikkummenta dwar il-fatt li issa L-Isfera qegħdha online?

    Dan huwa attentat biex niġbdu aktar żagħżagħ lejn il-gazzetta tagħna peress illi l-internet illum huwa ħaġa waħda mill-ħajja taż-żagħżugħ. Madanakollu ninsab konxju wkoll illi b’hekk hemm sfera ta’ nies ta’ ċerta età illi bl-internet ma tilħaqhomx għax ma jużawhx. U din hija ħasra għax irċevejna bosta ittri mingħand l-anzjani biex jinkoraġġuna f’dax-xogħol li qed nagħmlu. Peress li fil-gazzetta tagħna għandna rokna tal-anzjani, irċivejna ammont ta’ rispons minn għandhom. Niftakar waħda anzjana kitbitilna “Qawwejtulna qalbna b’dawn l-artikli.” Il-problema hija illi ż-żagħżagħ ftit li xejn ipparteċipaw. Nittama li b’dan l-esperiment jirnexxielna nħajjru aktar żagħżagħ jersqu lejna u jingħaqdu magħna.

    Lilek x’tagħtik L-Isfera?

    Esperjenza sabiħa fejn flimkien ikkumbattejna ħafna affarijiet u b’riżultat t’hekk inħoss li qalbi ssaħħet aktar. Akkost id-diffikultajiet, minflok qtajna qalbna, aktar rabbejna għeruq sodi biex nirnexxu. Meta nara l-gazzetta tagħna nieħu gost li qed inwassal xi ħaġa sabiħa u informattiva lil min qed jaqraha. Fuq kollox il-fatt li nikteb f’L-Isfera jagħtini sodisfazzjon kbir!

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-11 t’Ottubru 2010)

    2009.10.11 / no responses / Category: Torca - Perspettivi