Posts Tagged ‘White Star Line’

  • Wiċċ imb’wiċċ mat-Titanic

    Skont studju akkademiku li wettqet Jill Lane li jirrelata ma’ riflessjonijiet dwar it-traġedji u l-fotografija, hija tgħid illi l-fotografija dejjem tieħu s-sura ta’ leħħa ta’ berqa. Dan minħabba li permezz tagħha, wieħed donnu jagħma għal ftit biex imbagħad jillumina ruħu u jara aħjar. Hi tkompli tispjega illi f’sitwazzjonijiet traġiċi, ir-ritratti kapaċi jifirdu l-preżent mill-passat, hekk kif huma jaqbdu sitwazzjoni u jimmortalizzawha waqt li din tkun diġà saret parti mill-passat. B’hekk dik l-immaġni bħal donnha toħloq xaqq ta’ realtà bejn il-ħajja ta’ dak il-ħin u l-ħajja ta’ issa.

    Min-naħa l-oħra, fil-ktieb tiegħu ‘Camera lucida: reflections on photography’, Roland Barthes jisħaq illi l-fotografija kapaċi tikkrea punt li jipprovdi aċċess sottili għal dak li jsir oltre minnu. Għalhekk, bħal kif dari kien isir fid-drama tat-traġedji Griegi, fejn in-nies kienet tifhem xorta x’ġara akkost li l-vjolenza tkun seħħet ‘wara l-palk’, daqstant ieħor jiġri bil-fotografija meta wieħed ikun kapaċi jirrifletti sewwa dwar il-ħsara li tkun saret anki jekk ma jidher xejn fir-ritratt.

    Sitt xhur biss differenza

    Alexander James Littlejohn qabel it-trageda tat-TitanicInfatti kien permezz ta’ żewġ ritratti li ġew f’idejn Philip Littlejohn li hu seta’ jixtarr tassew dak li għadda minnu nannuh Alexander meta dan esperjenza waħda mill-agħar traġedji li qatt rat id-dinja – l-għarqa tal-vapur Titanic.

    “L-ewwel ritratt kien ħadu ftit taż-żmien qabel salpa fuq it-Titanic,” spjegali Philip. “Kif qed tara, fih tidher immaġni komuni ta’ raġel ta’ 40 sena, b’xagħru skur u b’mustaċċi folti. Issa jekk tħares lejn ir-ritratt l-ieħor tiegħu, żgur li taħseb li dan ħadu wara bosta snin, peress li xagħru u x-xagħar t’għajnejh huma bojod karti, daqs li kieku xjaħ. Madanakollu, fir-realtà, iż-żmien li għadda bejn iż-żewġ ritratti kien biss ta’ sitt xhur!”

    Bilkemm ridt nemmen lil għajnejja. U nistqarr li ksaħt meta ħarsti ġriet minn ritratt għall-ieħor. Għax akkost li r-ritratti kienu jidhru sempliċi, issa stajt nifhem li dawn kienu xhieda tan-niket u s-sofferenza kbira li għadda minnhom dak il-bniedem.

    L-14 t’April 1912

    Fil-11:40pm, fl-14 t’April 1912, RMS Titanic, l-akbar vapur mibni biex jivvjaġġa fuq l-oċeani, ħabat mal-quċċata ta’ massa ta’ silġ li qattgħet fih diversi toqob f’numru ta’ sezzjonijiet tiegħu u f’temp ta’ ftit ħin, destinu flimkien ma’ dawk li kienu rekbin fuqu, inbidel mill-lejl għan-nhar. Fil-fatt, il-vapur li kien intqal li lanqas Alla ma kien kapaċi jgħerrqu daqs kemm kien maħdum bir-reqqa, inbela’ taħt l-ilma ftit siegħat wara; eżattament fis-2:20am. Kien mument tal-waħx hekk kif dawk li rnexxielhom jirkbu d-dgħajjes tas-salvataġġ iċċassaw imbikkma lejn il-vapur għadu mixgħul, jinqasam u jinżel fl-abbissi mudlama b’aktar minn 1500 passiġġier li kienu għadhom abbord.

    L-għażla ta’ min se jsalva u min le

    Alexander James Littlejohn - sitt xhur wara t-trageda tat-Titanic“Kien lejl fejn kellhom jittieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet sinifikanti u diffiċli fi ftit tal-ħin u permezz tagħhom tfassal min kellu jsalva u min le,” irrakkuntali Philip.

    Fost dawn l-għażliet, bla dubju, kien hemm uħud li ħammru wiċċ bosta hekk kif l-aktar passiġġieri għanja ġew magħżula fost il-bqija sabiex iħallu l-vapur l-ewwel. Fl-istess ħin, kien hemm ukoll il-mumenti erojċi fejn għadd ta’ rġiel iddeċidew li jibqgħu fuq il-vapur ħalli jċedu posthom lin-nisa u lit-tfal.

    “Min jaf x’kien ikun id-destin ta’ nannuwi Alexander James Littlejohn, li kien sempliċiment baħri li kien qed jieħu ħsieb is-sezzjoni tal-Ewwel Klassi tal-passiġġiera tat-Titanic, li kieku mhux għax dan ġie ordnat biex jitla’ fuq id-dgħajsa tas-salvataġġ numru 13 sabiex jaqdef u jieħu għas-sigurtà lill-35 mara u tfal li kienu fuqha?” staqsa Philip.

    Il-ġrajja minn fomm wieħed li salva

    Meta staqsejtu jekk nannuh kienx ikellmu dwar din il-ġrajja, Philip stqarr illi bħal ħafna min-nies l-oħra li salvaw minn din it-traġedja, huwa rarament kien ilissen xi ħaġa rigward dak il-lejl. Però fl-1912, huwa kien ta din l-intervista lil ‘The Daily Telegraph’:

    “Mort biex nimla’ d-dgħajsa numru 13 u fiha telgħu madwar 35 mara u tfal. Peress li kien hemm spazju għal aktar nies, bdejna nsejjħu lil nisa oħrajn sabiex jiġu magħna imma ħadd ma resaq. Għalhekk, minflok, telgħu magħna xi rġiel li kienu tal-Ewwel Klassi. Uffiċċjal tat-Titanic ordna sabiex jitilgħu żewġ baħrin ma’ dawn in-nies biex jaqdfu d-dgħajsa, u b’xorti tajba, ipponta lejja…. F’ħin minnhom, rajna t-Titanic jgħereq min-naħa ta’ quddiem. Stajna naraw li kien għadu mixgħul u hekk kif beda jinbela mill-ilma, d-dawl beda jintefa ftit ftit. Bqajna nħarsu lejn il-vapur nieżel bil-mod sakemm f’daqqa waħda, donnu ta’ s-salt u hekk kif inqata’ d-dawl kollu li kellu fuqu, għosfor minn wiċċ l-ilma. Immedjatament wara bdejna nisimgħu qabda krib tal-biża’ u sejħiet għall-ajjut. Kien mument terribbli u ta’ qsim il-qalb.”

    Għal bosta snin, Alexander kien imexxi żewġ ħwienet tax-xorb f’Londra u Sussex. Imbagħad meta mietet martu fl-1910, huwa telaq ibaħħar u ħalla warajh it-tliet uliedu ċkejknin. Oħtu bdiet teħodlu ħsiebhom meta fl-1911, huwa beda jaħdem mal-kumpanija White Star Line. Kumbinazzjoni, beda x-xogħol fuq l-RMS Olympic meta din ħarġet fuq l-ewwel vjaġġ tagħha. Imbagħad fis-sena ta’ wara, huwa salpa mal-RMS Titanic li wkoll kien qiegħed jagħmel l-ewwel ħarġa tiegħu fuq il-baħar. Iżda x-xebħ bejn dawn it-tnejn jieqaf s’hemm minħabba li l-aħħar vjaġġ, kellu jimmarkalu ħajtu u d-dehra tiegħu għal dejjem. Sorprendentement, minkejja din l-esperjenza trawmatika, f’Ottubru tal-1912, huwa reġa’ beda jaħdem fuq il-baħar.

    L-iżgħar superstita tat-Titanic

    Mingħajr ma kien jaf, meta Alexander qadef kemm jiflaħ id-dgħajsa numru 13 biex isalva lin-nies li kien hemm fuqha, miegħu kien hemm l-iżgħar persuna li finalment rnexxielha ssalva mill-għarqa. Din kienet Millvina Dean li f’dak iż-żmien kellha biss disgħa ġimgħat. Aktar tard, hija kienet l-aħħar superstita minn dawk kollha li għexu din it-traġedja. Millvina u Alexander qatt ma ltaqgħu aktar u hu miet fl-1949 fl-età ta’ 77 sena. Madanakollu, hi rnexxielha tiltaqa’ man-neputi tiegħu Philip u dan għamel aktar minn 10 snin jaħdem magħha fuq ir-radju u t-televiżjoni. Millvina ħalliet id-dinja ta’ 97 sena f’Mejju tal-2009 u Philip kien preżenti għaċ-ċerimonja meta l-irmied tagħha ġie mxerred fil-baħar minn fejn it-Titanic kien salpa fuq l-ewwel u l-aħħar vjaġġ tiegħu.

    “Kien fatt ironiku li Millvina Dean u t-Titanic kellhom l-istess età,” fakkarni Philip. “Millvina kienet xtaqet ħafna tattendi għall-vjaġġ li sar fuq MS Barmoral sabiex jikkommemora l-100 anniversarju minn din it-traġedja terribbli u infatti konna ppjanajna li mmorru flimkien. Ta’ min isemmi li missierha kien wieħed minn dawk l-irġiel qalbiena li kien tqabad fost dik il-folla ta’ nies iddisprati li riedu jħallu l-vapur sakemm irnexxielu jtella’ lil martu u lil bintu fuq dgħajsa tas-salvataġġ. Ommha spiss irrakkuntatilha li kif ra li kienu sikuri fid-dgħajsa, hu tbissmilhom u sellmilhom, imbagħad tahom dahru u mexa ‘l ġewwa sabiex jistenna t-tmiem kiefer li kien jaf li ser jgħaddi minnu.”

    Għalkemm Millvina ma rnexxiliex tgħix sakemm sar dan il-vjaġġ, Philip inkluda l-ġrajja tagħha fis-serje ta’ lekċers li huwa taha lill-passiġġiera li kienu preżenti fuq MS Balmoral. Naturalment, huwa ma naqasx li jaqsam ukoll it-tifkiriet ta’ nannuh u dawk ta’ xi superstiti oħra li eventwalment inġabru mill-baħar mill-vapur Carpathia.

    Vjaġġ biex jikkomemmora seklu mit-traġedja

    Il-vapur MS Balmoral salpa fl-10 t’April 2012 minn Southampton sabiex isegwi bl-eżatt ir-rotta li kien ħa t-Titanic 100 sena qabel. Fuqu, huwa kellu 1,309 passiġġier; l-istess numru ta’nies li kellu fuq t-Titanic. Waqt il-vjaġġ ta’ 12 il-lejl, fuq l-MS Barmoral ġew offruti l-istess ikliet li kien hemm fil-menu tat-Titanic. Barra minn hekk, banda ta’ ħames mużiċisti ġiet mistiedna fuq il-vapur sabiex toħloq mill-ġdid l-istess atmosfera li kien hemm fuq il-vapur ta’ destin ikrah.

    Fil-lejl tal-14 t’April, dan il-vjaġġ kommemorattiv, waqaf fil-post fejn it-Titanic jinsab mgħarraq u hemm saret ċerimonja f’isem dawk li ħallew ħajjithom f’dawk l-inħawi fl-1912. Wara, dan il-vapur kompla fi triqtu lejn Halifax, il-Kanada fejn għadd minn dawk li tilfu ħajjithom waqt din it-traġedja kienu jinsabu midfuna. Eventwalment, dan il-vjaġġ intemm fi New York; il-post fejn it-Titanic kien mistenni li jasal seklu qabel imma baqa’ qatt ma tfaċċa’.

    Sinċerament, ma nafx jekk jien kienx ikolli l-kuraġġ li ningħaqad ma’ dawn il-passiġġiera li rħewlha għal dan il-vjaġġ partikolari għax ma tantx inħobb nisfida wisq id-destin.

    Philip stqarr illi, “Kien hemm xi kritiċi li maqdru din l-idea għax rawha makabra u mhux flokha. Imma għalija, dan kien vjaġġ uniku li permezz tiegħu stajt inżur post li hu tant sinifikattiv għall-familja tiegħi. L-istess qalu għadd ta’ passiġġiera oħra li l-familji tagħhom kienu għaddew mill-istess trawma.”

    Wiċċ imb’wiċċ mat-Titanic

    Iżda fir-realtà, Philip letteralment daħal aktar fil-fond f’din l-istorja hekk kif fid-29 ta’ Lulju 2001, huwa kellu l-opportunità li jirkeb f’sottomarin żgħir li ħadu 3,800 metru taħt il-baħar sabiex jara mill-qrib il-fdalijiet tat-Titanic.

    “Minn meta t-Titanic instab fl-1985, niżlu numru ta’ individwi ħdejh. Iżda jiena kont l-ewwel wieħed li kelli membru tal-familja fuq it-Titanic,” qalli Philip.

    “Dakinhar kont twassalt fuq il-post mill-istess vapur Russu li uża l-grupp ta’ James Cameron meta kienu qed jaħdmu d-dokumentarju ‘Ghosts of the Abyss’. Il-baħar kien lixx daqs iż-żejt. Kont qisni xi sewwieq tal-Formula 1 meta lbist il-ħwejjeġ protettivi kontra n-nar bħala prekawzjoni kontra l-ammont ta’ ossiġnu qawwi li kien ser ikun hemm fis-sottomarin. Finalment, tlajna fuq is-sottomarin Mir 1 u bdejna niżlin fil-qiegħ. L-ilma nbidel minn ikħal, għal aħdar, għal iswed aktar ma bdejna niġbdu ‘l isfel. Ma stajna nilmħu xejn li jurina kemm konna niżlin ‘l isfel fl-Atlantiku ħlief il-figuri tal-indikatur li bdew jixgħelu quddiemna ħalli juruna f’liema profondità konna qegħdin.”

    “Konnha tlieta abbord inkluż il-pilota Russu. Miegħi kien hemm wieħed li kien għamel riċerka qawwija dwar it-Titanic u għalhekk kien eċitat ferm li fl-aħħar kien ser jara dan il-vapur mill-qrib. Min-naħa l-oħra, ħsibijieti marru fuq nannuwi u f’moħħi staqsejt x’kienet tkun ir-reazzjoni tiegħu li kieku kellu jkun hemm miegħi, 89 sena wara li seħħet dik it-traġedja.”

    “Ħadna sagħtejn u nofs sakemm ilħaqna l-fdalijiet tal-vapur. Intbaħna li wasalna hekk kif ħabta u sabta t-Titanic tfaċċa taħt id-dawl tal-bozoz tas-sottomarin tagħna. Kien f’dak il-mument ukoll li rajna d-dawl tas-sottomarin Mir 2 li kien niżel magħna. Permezz ta’ żewġ idejn robotiċi, is-sottomarini ħallew plakka kommemorattiva ħdejn it-Titanic; waħda mill- British Titanic Society u l-oħra għall-ħaddiema tal-post li tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jippruvaw jiġbru l-ittri kollha hekk kif it-Titanic ħabat mas-silġ.”

    “Wieħed mill-aktar mumenti memorabbli kien meta sibna ruħna fil-parti fejn kien hemm id-dgħajjes tas-salvataġġ għax proprju hemm kien nannuwi f’dak il-lejl fatali,” ftakar Philip. “Madanakollu, kont emozzjonat ħafna wkoll meta għaddejna minn medda ta’ madwar 800 metru li fiha kienu għadhom jidhru sewwa xi oġġetti tal-passiġġiera li tkaxkru f’dan il-lwog meta għereq it-Titanic.”

    B’kollox dan il-vjaġġ ħa sitt siegħat hekk kif huma kellhom bżonn sagħtejn u nofs oħra biex reġgħu telgħu fil-wiċċ. Meta staqsejt lil Philip jekk qattx għaddielu minn rasu li seta’ jinqala’ xi inċident waqt li kienu ħdejn it-Titanic, huwa weġibni li lanqas biss qatt ħaseb dwar dan.

    Għall-kuntrarju ta’ ċerti kritiċi li jsostnu li l-post fejn it-Titanic jinsab mgħarraq għandu jiġi rispettat daqs ċimiterju u għalhekk għandu jitħalla fil-kwiet, Philip Littlejohn jemmen li din il-ġrajja għandha tibqa’ titfakkar ħalli b’hekk ma ninsewx.

    Fil-ktieb tiegħu ‘Waiting for Orders’ huwa jirrakkonta ġrajjet nannuh, “Inħoss li huwa obbligu li niftakru dak il-lejl infernali li ħalla warajħ tant vittmi fejn bosta kienu dawk li ġabu ruħhom ta’ eroj. B’hekk nittama wkoll li din l-istorja ma terġa’ qatt tirrepeti ruħha.”

     (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (4 parti) fit-Torċa tat-12 t’April 2015)

    2015.04.12 / no responses / Category: Torca - Features & Articles