Posts Tagged ‘Wied Ghammieq’

  • ARTI BL-GĦADAM UMAN

    L-ewwel darba li rajt ritratt tal-Kappella tal-Għadam li kien hemm il-Belt tkexkixt! Ma stajtx nifhem xi jwassal biex bniedem jibni xi ħaġa makabra bħal dik. Kien għalhekk Il-kappella tal-għadam li xtaqt nara l-perspettiva ta’ ħaddieħor dwarha. Intant, ftit tal-ġranet ilu nirċievi telefonata mingħand wieħed li xtaq jagħtini intervista proprju dwar din il-kappella. Laqgħatni ħafna l-fatt illi rrefera għaliha bħala kappella mill-isbaħ u aktar minn hekk meta qalli illi fi ċkunitu hu kien daħal fiha u kien għadu jiftakarha sewwa. Din kienet ix-xoqqa f’moxta biex finalment insir naf iżjed dwar din il-binja stramba. Stajt nobsor illi hekk kif kont ser niftaħ l-għatu fuqha kont ser niltaqa’ ma’ bosta rakkonti, esperjenzi u ġrajjiet uniċi u forsi wkoll xi ftit grotteski…

    Iltqajt ma’ Ralph Micallef quddiem il-bini tal-Evans il-Belt, eżattament ħdejn is-sit fejn illum jinsabu l-fdalijiet tal-Kappella tal-Għadam. Miegħu hu ġab kartolina antika li turi l-intern ta’ din il-kappella bil-ħitan u s-soqfa mżejjna bl-għadam uman.

    “Id-dehra tagħha kienet isservi ta’ attrazzjoni qawwija kemm għall-poplu Malti u kif ukoll għal numru kbir ta’ turisti. Fiha kienu jsiru wkoll diversi pellegrinaġġi ta’ devozzjoni speċjalment fix-xahar ta’ Novembru li huwa ddedikat għall-erwieħ.”

    Imma kappella hekk ma tarahiex makabra?

    “Le, lanqas xejn. Anzi jiena kont naraha sabiħa, sinifikanti u ta’ devozzjoni. Dħalt fiha għall-ewwel darba meta kelli xi sebgħa snin. Sħabi kienu ilhom jgħiduli biha u darba waħda tlabt lil ommi biex teħodni. Ma niftakarnix nibża’ jew nipprendiha, iktar nista’ ngħid li affaxxinatni fir-realtà. Minn dakinhar jiena u sħabi konna bqajna inżuruha xi kultant speċjalment peress li fil-viċin kien hemm ukoll l-iskola tagħna, dak iż-żmien magħrufa bħala Ta’ Sant’Iermu.”

    Imma possibbli ta’ età daqshekk tenera, affarijiet bħal dawn ma kienux ibeżżgħuk?

    “Ta’ tfal li konna, konna naħsbu li hekk jew hekk il-mewt ma kinetx ser tiġi għalina f’dak iż-żmien. Jista’ jkun ukoll li l-mewt ma kinetx timpressjonani daqshekk peress li   jiena kont abbati u mhux l-ewwel darba li akkompanjajt il-mejtin bil-karrijiet tagħhom.”

    X’memorji għandek ta’ dan il-post?

    “Kif tista’ tara mill-fdalijiet tal-bini, il-kappella kienet pjuttost żgħira. Kienet qisha kappella kwalunkwe iżda minflok l-ornamenti tas-soltu, l-ħitan tagħha kienu kollha miksija bl-għadam uman u stajt tagħraf sewwa l-partijiet tal-iskeletru; bħall-għadam tas-saqajn, il-qafas tas-sider, ir-ras eċċ. Kienu stivati b’mod tant pulit li letteralment kienu jidhru sbieħ u partikolari ħafna.

    In-nies ma kienux jiddejjqu minnha għax min kien imur hemm kien ikollu devozzjoni kbira lejn l-erwieħ. Kien anki jitqaddes il-quddies fiha għalkemm ħafna min-nies kienu jispiċċaw barra minħabba ċkunitha. Bħala parti mid-devozzjoni, in-nisa kellhom użanza li jiġu lebsin l-iswed akkost li ma kienx ikollhom vistu.

    Xi drabi ġieli attenda fiha wkoll San Ġorġ Preca fejn kien jagħti konferenzi dwar is-suġġett favorit tiegħu – dak tan-novissmi. Hu kien iħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu meditazzjoni dwar il-mewt, il-ġudizzju, l-Dettall mill-kappella tal-għadaminfern u l-ġenna u naturalment kien isib l-ambjent tal-kappella addattat ferm għal-laqgħat tiegħu. Kien jgħidilna “Ħuti, tafu li xi darba bħal dawn għad irridu nsiru, għadam. Għalhekk tajjeb li wieħed jgħix ħajja tajba għax il-ġisem jispiċċa u r-ruħ tmur tgawdi lil Alla jew tintilef fl-infern. ”

    Tiftakarha tiġġarraf il-kappella?

    “Jien niftakar l-aħħar gwerra mill-bidu tagħha sal-aħħar imma meta waqgħet dil-kappella aħna konna diġà tlaqna mill-Belt bħal kif kienu għamlu għadd ta’ Beltin oħrajn.

    Għall-ewwel konna bqajna noqogħdu f’darna l-aktar minħabba li missieri kellu ħanut il-Belt fejn kien jaħdem bħala skarpan. Iżda darba minnhom id-darRalph Micallef intlaqtet waqt attakk u kellna mmexxu kollox għall-ħanut. Meta l-ħanut tfarrak ukoll kellna nagħmlu xi ġranet ngħixu fil-kannierja ta’ taħt il-Knisja ta’ San Duminku li dak iż-żmien kienet tintuża bħala xelter u anki bħala abitazzjoni temporanja sakemm wieħed isib post ieħor fejn joqgħod. Finalment l-Uffiċċju tal-Protezzjoni kienu sabulna post fil-mina tal-vapur li tiġi eżatt taħt Kristu Re fil-mall tal-Furjana. Hemmhekk konna norqdu fuq il-krucjetti li kienu sodod jibdew mill-art impoġġijin waħda fuq l-oħra u titla għalihom b’sellum. Minn hemm morna noqogħdu f’mezzanin f’ċertu Sqaq numru 2 f’tal-Pietà imma anki hemm intlaqat bil-bombi! Din kienet qed tiġri lil bosta familji oħra u mhux lilna biss. Trid tarana kull darba nfittxu taħt it-tifrik tal-ġebel biex naraw x’nistgħu nsalvaw, niġbruhom fil-boroż tal-plastik  u nġorruhom magħna. Darba minnhom ġarrejna kollox ġo dar f’Birkirkara sakemm oħt patri Dumnikan saret taf bl-istorja tagħna u offritilna kamra kbira ġewwa dar fil-pjazza quddiem San Duminku fir-Rabat. Xelters kien hemm ftit li xejn u għaldaqstant meta kien isir xi attakk mill-ajru, konna nidħlu nistkennu taħt il-mejda. Fortunatament la Birkirkara u lanqas hawn ma ntlaqtu l-postijiet fejn konna noqogħdu. U niżżu ħajr ‘l Alla, il-membri kollha tal-familja tagħna għaddew il-gwerra qawwijin u sħaħ. Iżda kienu żminijiet koroh ferm fejn il-poplu Malti sofra ħafna minħabba l-barrani. Żgur li kien jistħoqqlu trattament ħafna aħjar minn sempliċi George Cross!”

    X’sinifikat ikollu r-reliġjon waqt il-gwerra?

    “Fil-gwerra r-reliġjon kien fl-aqwa tiegħu tant li ġieli anki għamilna purċissjonijiet bis-sagrament akkost il-biża’ tal-attakki mill-ajru u t-tifrik fit-toroq. Niftakar illi fil-festa ta’ San Duminku l-patrijiet kienu joħorġu bir-relikwa flok bl-istatwa. Ta’ min isemmi illi l-patrijiet Dumnikani ma kienux ħarġu mill-Belt u kienu baqgħu jassistu lill-ARP li kienu nies li jieħdu ħsieb lil dawk li jintradmu taħt il-ġebel. Il-feruti kienu jġorruhom biex jiddewwew fil-Liċeo li kien qed iservi bħala klinika. Imbagħad kienu  jittieħdu fl-isptar ċentrali l-Furjana li dak iż-żmien kien fejn hemm id-depot tal-pulizija llum.”

    Minn dawk l-inħawi għaddejt bosta drabi imma qatt ma ntbaħt bil-preżenza tal-fdalijiet ta’ din il-kappella. L-isem tagħha ‘The Chapel of Bones’ jinsab moħbi bejn il-friegħi ta’ Il-fdalijiet tal-kappella illumsiġra kbira. Akkost li xi snin ilu s-sit ġie studjat u kkurat mill-arkeoloġisti tal-Archaeology Services Co-op Ltd, illum dan jinsab ittraskurat u abbandunat għal kollox u pjuttost qisu miżbla bl-imbarazz li rmew fih. Ma nafx x’ġara mill-pjanijiet li kien hemm dwaru biex il-fdalijiet jinfetħu għall-pubbliku bħala parti mill-proġett tar-riabilitazzjoni tal-Belt Valletta!

    “Hija ħasra li dil-kappella spiċċat f’din il-kundizzjoni. Sal-lum għadhom jiġu t-turisti jistaqsu għaliha peress li kienu jsemmuhielhom il-ġenituri tagħhom li kienu jiftakruha.

    Nixtieq ħafna li nerġa’ nara dil-kappella tinbena għax kieku żgur li terġa ssir attrazzjoni kemm għall-poplu Malti u kif ukoll għat-turisti. Faċli biex tinbena għax il-kappella ċkejkna ħafna. Mhux qed ngħid illi għandha terġa’ ssir eżatt kif kienet imżejjna bl-għadam għax nifhem illi llum diffiċli. Imma almenu nemmen li għandha tittella’ kappella fuq il-pedamenti l-oriġinali u ġewwa fiha titpoġġa l-informazzjoni kollha dwar l-istorja kollha tagħha. Ikun xieraq li kieku d-Dipartiment tal-Kultura flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Belt jerġgħu jqajjmu l-interess f’din il-kappella għax hija parti mill-patrimonju antik ta’ Beltna u ta’ pajjiżna.”

    Komplejt nistħarreġ ftit aktar u sibt li l-istorja ta’ din il-kappella tmur lura saħansitra sa żmien il-kavallieri. Fil-fatt fl-1583 kienet ittellgħet kappella flimkien ma’ ċimiterju biswit il-bini tas-Sagra Infermerija fil-Belt u fl-1619 il-Kavallier Fra Giorgio Nibbia ħallas għall-bini ta’ kappella oħra fil-viċin. Din kienet iddedikata lill-Madonna tal-Ħniena għalkemm kienet ukoll magħrufa bħala “Ta’ Nibbia” u kienet isservi biex fiha jsir il-quddies għal ruħ dawk li jmutu fl-Infermerija. Meta fil-5 ta’ Settembru 1730 din il-kappella kienet qegħdha tinħatt, infetaħ il-qabar tal-fundatur tagħha u nstab illi l-katavru tiegħu kien għadu mhux mimsus. Fl-1731 l-kappella nbniet mill-ġdid u kien fiha żewġ artali. Fl-1776 iċ-ċimiterju tas-Sagra Infermerija mtela’ u għalhekk ġie mnaddaf u l-għadam tqiegħed f’ossarju. Fl-1852 il-Kappillan tal-Isptar, ir-Rev. Sacco iddeċieda li jżejjen il-kappella bl-għadam tal-mejtin li kien hemm midfuna fiċ-ċimiterju u minn dakinhar ‘l hawn il-kappella saret magħrufa bħala l-“Kappella tal-Għadam”. Din il-kappella ġġarfet fl-aħħar gwerra fl-14 ta’ Frar 1941 u mid-dehra l-għadam li kien fiha nġabar u ndifen f’xi post ġewwa ċ-ċimiterju tal-Addolorata.

    Mit-tiftix tiegħi sibt illi din l-użanza tat-tiżjin bl-għadam uman kienet imxerrda wkoll f’diversi pajjiżi oħra. F’moħħi baqgħet tbherren il-mistoqsija dwar kif setgħet twieldet drawwa bħal din.  Jidher illi waħda mir-raġunijiet kienet il-marda qalila tal-pesta li matul diversi snin ħasdet il-ħajja ta’ eluf ta’ individwi madwar id-dinja kollha. In-nies bdew imutu bil-gzuz, iċ-ċimiterji mtlew u anki l-għelieqi tal-madwar. Inħolqu l-ossarji imma anki dawn bdew ifuru u minn hemm ħarġet l-iktar idea bizzarra ta’ riċiklar – l-arti bl-għadam uman!

    Ma setax jonqos illi fuq suġġett bħal dan inkellem ukoll lill-ħabib tiegħi u riċerkatur Eman Bonnici. Kont deċiża li did-darba ma nħallihx iwaħħaxxni għax deherli li ormaj Oqbra fiċ-ċimiterju ta' Wied Għammieqkont naf x’isarraf. Imma mort imqarrqa għax mid-dehra għadni ma nafux biżżejjed! Fil-fatt għażel li niltaqgħu proprju fiċ-ċimiterju ta’ Wied Għammieq, fir-Rinella l-Kalkara u f’dak l-ambjent kelli nkompli nisma’ dak kollu li kellu x’jgħidli…

    “Snin ilu hawnhekk kien jintuża biex jindifnu dawk li mietu bil-pesta. Jingħad li Malta tant kienet intlaqtet b’din il-marda, li kien hemm żmien meta ġabu anki priġunieri minn Sqallija biex jidfnu lill-mejtin Eman Bonnici peress li ħadd aktar ma ried jagħmel dak ix-xogħol. Iżda sfortunatament mhux il-mejtin biss kienu jindifnu f’dan il-post! Il-biża’ li l-marda setgħet tkompli tixtered waslet biex uħud minn dawk li ġew infettati, ndifnu ħajjin flimkien mal-katavri l-oħra. Kienet mewta twila, tremenda u ddisprata u kien hemm min isostni li f’dawk iż-żminijiet, min kien jgħaddi bis-serqa mill-inħawi, kien jisma’ lil dawn l-imsejkna jitolbu bil-ħniena għall-ajjut mill-qiegħan ta’ qabarhom.”

    Hemm aħna! Daqshekk għamilt nies! Qalbi għamlet tikk u bdejt inħares madwari biex nipprova nifhem fejn seħħ dan kollu.

    “Illum l-oqbra huma vojta għax kif turi din il-lapida fl-1881 il-fdalijiet tal-midfunin inqalgħu kollha u tpoġġew kollha f’ossarju taħt dan is-salib. Ta’ min isemmi illi sal-ġurnata ta’ llum għadhom jiġu diversi nies biex jitolbu għal dawn l-erwieħ li mietu mewta daqshekk kiefra.”

    Il-kliem dar għal fuq l-użanzi tal-immummifikar u t-tiżjin bl-għadam uman.

    “Hemm min jgħid illi kienu l-patrijiet Kapuċċini li bdew dawn id-drawwiet. Huma kienu jagħtu ħafna importanza lill-mewt tant li kienu jirreferu għaliha bħala “oħthom”. Għidut ieħor jirrakkonta illi San Franġisk t’Assisi kien irnexxielu joħloq ir-riċetta għall-mummifikazzjoni perfetta, xi ħaġa li ma tantx tinżilli għax nemmen li dan il-bniedem kellu ħafna aktar affarijiet x’jagħmel.

    Bejn l-1725 u l-1730 taħt il-knisja u l-kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Minuri Kapuċċini l-Furjana, fuq idea ta’ Patri Ġużepp Grech, tħaffret kripta sabiex tilqa’ fiha l-membri ta’ din l-Ordni u anki lil xi membri ta’ familji nobbli. Il-kannierja kienet imżejjna b’bosta niċeċ u fiha kienu jitqiegħdu l-iġsma mqaddgħa – użanza li x’aktarx inġiebet mingħand il-Kapuċċini ta’ Palermo. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-kripta sofriet bosta danni waqt attakk mill-ajru u kien biss wara diversi snin illi ġiet restawrata, għalkemm did-darba l-għadam tpoġġa’ ġo ossarju.

    F’pajjiżi oħra fadal numru ta’ postijiet bħal dawn li għadhom intatti sal-lum u fihom imorru għadd kbir ta’ turisti. Waħda mill-aktar magħrufa hija l-kripta li tinsab maġenb il-Knisja ta’ Santa Maria dellaKripta ta' Palermo Pace f’Palermo. F’din il-kripta li tħaffret madwar 500 sena ilu, tpoġġew l-iġsma mmuffikati ta’ bosta persuni li llum huma mqassmin f’diversi kategoriji bħal: familji, xebbiet, trabi, kleru u uffiċċjali. Ħafna minnhom huma lebsin l-aħjar ilbies u jiġbdu ħafna l-għajn imma probabbilment l-aktar mummja mfittxija mill-viżitaturi hija dik ta’ Rosalia Lombardo; tifla ta’ sentejn li mietet fl-1920. Isejjħulha “La bella addormentata” peress li ġisimha wara dawn is-snin kollha baqa’ perfett daqs li kieku għadha tieħu n-nifs.

    Kripta oħra simili tinsab fil-Knisja ta’ Santa Maria della Concezione f’Ruma. Saret fl-istess żminijiet u fiha jinsabu l-fdalijiet ta’ 4000 patri li ndifnu bejn l-1500 u l-1870. Il-ħitan tal-kripta huma kollha miżgħuda bl-għadam uman u jistrieħu magħhom hemm ukoll xi patrijiet immumifikati.

    Post ieħor famuż u mfittex minn bosta turisti li jinteressaw ruħhom f’dawn il-lokalitajiet huwa l-ossarju ta’ Sedlec fir-Repubblika Ċeka. Dan jiġbor fih daqsSedlec - linef bl-għadam 70,000 skeletru li l-għadam tagħhom iżejjen il-lok b’mod tassew artistiku. Jingħad li ndifnu tant nies f’dan il-post minħabba d-devozzjoni li nħolqot wara li l-Abbati Enriku ta’ Ċisterċensi għamel żjara fl-Art Imqaddsa, ġab miegħu ponn trab minn fuq il-Golgotha u xerrdu fuq iċ-ċimiterju ta’ l-Abbazija. Dan l-ossarju huwa mpressjonanti ferm speċjalment minħabba li anki l-ornamenti bħal-linef u l-armi tal-familji huma kollha kemm huma maħduma mill-għadam uman.”

    Il-lista li ġab miegħu Eman kienet ferm itwal. Spikka l-fatt illi f’uħud minn dawn il-postijiet wieħed isib frażijiet bħal “Dan l-għadam tagħna. Tiegħek qed jistenna.” jew “Dak li inti int illum, xi darba konna aħna; dak li aħna aħna, xi darba għad tkun int.” Ovvjament Eman ġieli żar postijiet bħal dawn u għalhekk xtaqt inkun naf x’jidhirlu dwarhom?

    “Ma tridx tħares lejhom b’għajnejn moderni biss għax inkella tarahom makabri. Trid tiftakar li dan hu fenomenu li seħħ fil-Medju Evu fejn in-nies kellha kultura differenti peress li l-mewt kienet xi ħaġa ta’ kuljum u n-nies ma setgħetx ma tibnix kult madwarha.

    Fl-istess ħin, għalkemm nistqarr li l-użu tal-għadam uman għad-dekorazzjonijiet ta’ dawn il-postijiet hu eċċentriku, jirnexxieli xorta waħda nammira l-artistrija li dawn inħadmu biha. Għall-ewwel meta tisma’ l-frażi “kappella tal-għadam” jiġik f’moħħok ċimiterju u mewt. Imma meta tidħol f’dawn l-ossarji, l-kripti u l-kappelli u tara dak li l-bniedem kien kapaċi jagħmel b’sempliċi għadam uman, ma tistax ma tistagħġibx bis-sengħa użata għal dax-xogħol.

    Hemm min xorta waħda jsostni li postijiet hekk huma makabri filwaqt li oħrajn jgħidulek li huma artistiċi. Imma finalment naħseb li s-sinifikat tagħhom huwa wieħed spiritwali u li wara kollox dik kienet ir-raġuni prinċipali għala bdiet din l-użanza.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Ġunju 2010 u ġie wkoll magħżul minn Din L-Art Ħelwa għall-premju Prix D’Honneur fil-kompetizzjoni tal-Wirt Kulturali Mibni tal-2010)

    2010.06.27 / no responses / Category: Torca - Perspettivi