Posts Tagged ‘Wigi Bugeja’

  • SODI DAQS IS-SWAR TAL-BIRGU

    “Tista’ tieħu ritratt ta’ xi ħadd. Imma li jirnexxielek tikkonvinċi lill-individwi oħra biex iħossu xi ħaġa għalih billi turi l-qalba tal-umanità tiegħu, dik hija xi ħaġa oħra.” Paul Strand (Fotografu Amerikan, 1890-1976)

    Jiena nammira ħafna l-kreattività. Aktar u aktar meta l-individwu juża’ t-talent tiegħu biex f’dinja li tagħma wara tant xinxilli, huwa jagħti importanza lil nies li forsi ftit Joe Smithkieku kienu jintebħu bihom.

    Din il-ġimgħa ltqajt ma’ Joe Smith, fotografu Malti li wara snin ta’ esperjenza fil-fotografija, illum qiegħed jikseb suċċess wara l-ieħor bix-xogħlijiet tiegħu.   Din il-ġimgħa huwa ħareġ l-ewwel ktieb fotografiku tiegħu ‘Survivors -The Ageing Population of Birgu’, ktieb li kont ilni nistenna sa mill-ewwel darba li tajt daqqa t’għajn lejn uħud mir-ritratti tiegħu u speċjalment meta smajt xi stejjer li kien hemm warajhom…

    “Ilni sitt snin naħdem fuq dan il-ktieb. L-idea tiegħu ġiet b’kumbinazzjoni. Niftakar kien ċempilli Mario Azzopardi u talabni biex niġbed xi ritratti ta’ xi atturi barranin li kienu ser jagħtu spettaklu f’forma ta’ teatru tat-triq ġewwa l-Birgu. Aċċettajt u mort siegħa qabel biex nilħaq nieħu idea tal-post. F’ħin minnhom sibt ruħi fi Triq Hilda Tabone u nara mara anzjana qegħdha sserraħ ma’ grada. Ġibidni wiċċha, is-sempliċità taghha u dik il-qagħda tipikament Maltija. Għedt ħa nistaqsiha ħa neħdilha ritratt u kif ersaqt lejha għolliet idejha u qaltli “bonġu inti min hawn?” Weġibtha li jien mir-Rabat u hi pronta pronta rrispondietni li r-Rabat hi kienet qattgħet xi żmien bħala refuġjata waqt il-gwerra. Kif qed tgħidli dan, l-anzjana nqalgħet minn mal-ħajt u qaltli “ara jien hemmhekk anki dirgħajja tlift”. Dak il-ħin inblajt. Kompliet tgħidli li kien jisimha Inez Portelli u kif jum fost l-oħrajn irċeviet telefonata mingħand oħtha mill-għassa tal-pulizija. Oħtha kienet telgħet refuġjata qabilha r-Rabat u kellha bżonn ftit ħalib għat-tarbija tagħha. Bla ma tilfet ħin, Inez tefgħet xi ħalib fil-basket, qabdet lil binha ta’ tmien snin u flimkien telgħu bil-mixi mill-Birgu. Waslu r-Rabat f’silenzju kbir, ma kienx hemm ruħ fit-triq.  Inez ma ntebħitx li kienet waslet f’nofs air-raid warning! Inez Portelli fil-faċċata ta' SurvivorsF’daqqa waħda taqa’ bomba viċin li tajjrithom bil-blast tagħha. Hekk kif ġiet f’sensiha, Inez tara lil binha mimli demm u mwerwra bdiet tistaqsih xi ġralu. Imma mbikkem binha qalilha li d-demm li kellu miegħu kien tagħha u mbeżżgħa beda jimmarka lejn idejha. Hekk kif ħarset lejn idejha u ratha mdendla bil-biex, Inez intilfet minn sensiha u mn’Alla kien hemm tim mediku viċin li dewwiha malajr. Emminni Fiona, taf kemm il-darba rrakkuntajtha din l-istorja? Imma ara, għadu jaqbadni l-bard sal-lum kull darba li nerġa’ niftakar.”

    Anki jiena nħsadt meta smajt dan ir-rakkont. Joe kompla jgħidli kif ħadilha r-ritratt u mbagħad mar jiġbed l-atturi li kien ftiehem dwarhom. Imma moħħu baqa’ jbherren fuq Inez u meta s-Sindku tal-Birgu John Boxall stiednu jixrob miegħu, l-kliem waqa’ fuqha.

    “Qalli għadek ma tafx kemm hawn oħrajn bħalha ġol-Birgu. Hawnhekk 60% tan-nies għandhom il-fuq minn 70 sena u kollha għandhom storja simili. Għedtlu ill-aħwa x’ħasra. Jiġifieri dawn in-nies qed jixjieħu u jmutu u qed nitilfu dawn l-istejjer kollha? Qalli xi trid tagħmel? Dak il-ħin għaddieli l-ħsieb biex niġbed ir-ritratti u l-istejjer ta’ dawn in-nies. Tkellimt mas-Sindku u għoġbitu l-idea. Hu laqqagħni man-nies u l-bqija kif jgħidu hija storja.”

    Ir-ritratt ta’ Inez Portelli jinsab proprju fuq il-faċċata tal-ktieb ‘Survivors’.

    “Kienet hi li mmotivatni. Minnha beda kollox. Għandi rimors kbir li laħqet ħallietna sakemm ħareġ il-ktieb. Xi żmien ilu, bintha kienet qaltli kemm kienet ferħana li kienet ser tkun fuq il-faċċata.”

    Joe urieni xi ritratti oħra. Laqgħatni wieħed ta’ mara anzjana bit-tromba f’idejha…

    “Dik Maria Demarco. Meta mort għandha qaltli illi l-passatemp tagħha kien li toqgħod tħares bit-tromba lejn il-cruise liners deħlin fil-port. Għall-ewwel ma ntbaħtx bl-importanza ta’ dan il-kumment, Maria Demarcosakemm sirt naf illi żewġha kien ibaħħar fuq it-tankers u hi min jaf kemm żmien kienet għaddiet tgħarrex bit-tromba fuq il-baħar biex tarah ġej lura. Dik id-drawwa kienet saret parti minnha u qisha bla ma taf kienet għadha tfittex u tistennieh.”

    Ritratt ieħor kien juri raġel bil-qiegħda jħares dritt fil-kamera…

    “Iva, dak Lawrence Gatt. Meta ċempiltlu għall-appuntament, qalli ejja fid-9:30am. Inkun qed nieħu tè fil-każin tal-Labour.”

    Xtaqt inkun naf kif kien jiddeċiedi kif ser jeħdilhom ir-ritratt.

    “L-iskop kien li r-ritratti jirrakkuntaw storja u dan għamiltu permezz tal-ambjent stess li kienu mdawwrin bih. Trid tara kif ser toħloq l-istorja b’dak li ssib. Ngħidu aħna, f’dan ir-ritratt ta’ Lawrence Gatt inkludejt dik l-irħama fejn qed jissemma l-Perit Mintoff u l-atmosfera tal-każin li kien hemm dak il-ħin.

    Min-naħa l-oħra, ara, dan ir-ritratt ta’ Lorenza Rodgers huwa xhieda ta’ kif din il-mara, fis-solitudni tagħha, ssib il-kenn fit-twemmin u fir-reliġjon.

    Jiena bħala fotografu m’inix marbut b’xi stil partikolari. Però jekk tħares lejn xogħli, anki dak li mhux dokumentarju soċjali bħal dan, nipprova nikkomponih bi stil drammatiku. Daqs li kieku n-nies qegħdin fuq palk u jien qed niġbed ix-xena. Fil-fatt l-arti tispirani ħafna.”

    Kelli kurżità jekk waqt il-ġbid ta’ dawn ir-ritratti, qattx daħal f’xi post mhux tas-soltu…

    “Jiena qatt ma kelli l-intenzjoni li ninvadi l-privatezza tal-persuni. Imma meta drawni dawn in-nies letteralment kienu jsejjħuli fit-triq u jistaqsuni meta ser immur għandhom. Laqgħuni ħafna u Lawrence u Wiġi Bugejagħallmuni ħafna. Wieħed mill-postijiet li baqgħu f’moħħi kien meta mort nieħu dan ir-ritratt ta’ Lawrence u Wiġi Bugeja. Dawn kienu żewġt aħwa ġuvintur li sfortunatament illum m’għadhomx magħna. Irrakkuntawli stejjer sbieħ meta missierhom kien ibiegħ il-qubbajt u jdoqq iż-żaqq fil-festi. Luigi kien idoqq t-tambur miegħu meta kien tifel. Fettilli nistaqsihom jekk kienx għad fadlilhom xi ħaġa minn dawn l-affarijiet. Luigi qalli “imxi miegħi ħabib”. Daħħalni ġo garaxx mimli oġġetti antiki. Kien għad hemm l-imwejjed tal-qubbajt ta’ missierhom bil-wiċċ tal-irħam, il-miżien u s-skieken, ritratti mal-ħajt – teżor ta’ memorji. Imbagħad Luigi lemaħ it-tanbur mal-ħajt, ħadu miegħu u mxejna lura sad-dar. Tawni grokk whisky, poġġew bil-qiegħda u bdew idoqquli. Dak il-ħin ħassejtni qed ngħix f’mument maġiku li tani s-saħħa nagħmel imqar għaxar snin oħra xogħol bħal dan.”

    Nistqarr magħkom li ħassejtni ngħir għalih. Jiena nxebbaħ esperjenzi bħal dawn ma’ meta ta’ tifla li kont, ġieli kont naqbad f’idejja xi farfett sabiħ u fuq idi, hekk kif jaħrab, kien jitfarfar ftit mill-kulur ta’ ġwinħajh. Għaldaqstant kont kurjuża, proġett bħal dan, x’ħalla f’ruħ dan il-fotografu?

    “Mingħand dawn in-nies, smajt stejjer inkredibbli ta’ sofferenza u ġrajjiet dwar kif irnexxielhom jissoppravvivu. Skoprejt kemm dawn l-individwi kienu nies ta’ stoffa, b’saħħithom ħafna kemm fiżikament u kif ukoll mentalment. Felħu għal ħafna ċirkustanzi matul ħajjithom: gwerra, traġedji, mard. Ħafna minnhom għandhom lil uliedhom emigrati u allura ilhom żmien jgħixu weħidhom.

    Dan il-proġett ħalla fiha sens ta’ saħħa mentali: saħħa li timbuttak li jekk tħoss li int kapaċi tagħmel xi ħaġa f’ħajtek tagħmilha. Irrealizzajt kemm aħna ngergru għall-inqas affarijiet li jiġru f’ħajjitna. Ikollna naqra deni u nagħmlu għaġeb kbir. Meta niftakar minn xiex għaddew dawn in-nies, nara kemm aħna ffortunati li dawn iż-żminijiet lanqas biss nafu x’ifissru. Ikkonfermajt ukoll kemm is-semplicita fil-ħajja hija l-isbaħ ħaġa. Dawn kienu kollha nies sempliċi, fis-sens li ma jfittxux affarijiet kbar, m’hemmx lussu. U akkost id-diffikultajiet kollha li sabu ma’ wiċċhom, baqgħu għaddejjin. Daqs is-swar tal-Birgu b’saħħithom. Hekk inqishom jien.”

    Ir-ritratti tal-ktieb huma fuq stil abjad bl-iswed. Xtaqtu jgħidli għaliex uża dan l-istil.

    “Dan l-istil ineżża r-ritratt u jħalli biss dak li huwa essenzjali. L-attenzjoni qegħdha fuq dawn in-nies u fuq is-sempliċità tagħhom. Fuq kemm huma neqsin minn ċertu kumpanija… in-nuqqas tal-kulur joħroġ aktar dal-messaġġ.”

    Permezz ta’ ‘Survivors’ issa l-istorja ta’ madwar 85 persuna ser tixxerred fost ħafna oħrajn. Fil-fatt Joe beħsiebu anki jbiegħ dan il-ktieb barra minn pajjiżna.

    “Matul dawn l-aħħar erbgħa snin ġejt mistieden minn assoċjazzjoni Ingliża tal-fotografija professjonali biex nagħti xi lekċers waqt il-konvenzjoni annwali tagħhom. Darba minnhom tellgħajt miegħi għażla minn dar-ritratti u urejthom lill-mistiedna li kien hemm. Fl-isfond semmajtilhom ukoll arranġament mużikali Malti tal-Etnika u l-Budaj li jġib l-isem ‘Lament’ u li żewwaq ferm tajjeb is-suġġett tar-ritratti. Intilfu fuqhom u talbuni ntella’ l-kotba miegħi meta jkunu lesti. Stqarrew li laqatgħom ħafna l-istil “raw” li kienu ppreżentati fih u li kien jispikka fl-oriġinalità meta kkomparat mal-fotografija kummerċjali li mdorrijin naraw illum.”

    Ta’ min isemmi illi l-format ta’ ‘Survivors’ diġa’ rebaħ premju fil-kompetizzjoni prestiġġjuża Prix de La Photographie Paris fil-kategorija tal-kotba. Il-livell ta’ din il-kompetizzjoni huwa għoli ferm tant li l-ġurija tinkludi fostom lill-edituri tan-National Geographic, tat-Time Magazine u tal-Corriere Della Sera.

    Premju ieħor ta’ valur kbir ingħata lil Joe Smith is-sena li għaddiet meta huwa rebaħ l-ewwel premju minn fost 2500 kompetitur ewropew ieħor. Fil-fatt ir-ritratt tiegħu ġie inkluż f’kalendarju bit-tema ‘Cultures On My Street’ li nediet l-Unjoni Ewropeja meta iddikkjarat is-sena 2008 bħala Is-Sena tad-Djalogu Interkulturali.  Bla dubju din kienet rebħa mhux biss għall-fotografu imma anki għal isem ta’ pajjiżu. B’dan il-ħsieb, f’Settembru li għadda l-Kunsilli Lokali tar-Rabat u ta’ Ħad-Dingli onorawh għall-kontribuzzjoni li huwa ta fil-qasam tal-arti u partikolarment fil-fotografija.

    Fil-fatt Joe Smith ma bdiex bħala fotografu imma bħala pittur.

    “Tħarriġt għand Esprit Barthet u Antoine  Camilleri. Ġieli għamilt xi wirjiet bix-xogħlijiet tiegħi. Waħda li niftakar sewwa hija wirja li għal dak iż-żmien kienet xi ħaġa ġdida f’Malta. Kien jisimha ‘Art-Poetique’ u kont ħdimtha flimkien ma’ Raymond Mahoney. Jiena kont pinġejt il-kwadri u hu kien kiteb dwarhom. Għadni sal-lum nipprattika xi ħaġa. Per eżempju nħobb noqgħod nesperimenta billi nuża proċess partikulari biex nittrasferixxi ritratti fuq watercolour paper ħalli mbagħad nintervjeni fuqhom b’pinzell jew b’lapes.”

    Il-pittura għenet meta hu daħal fil-qasam tal-fotografija?

    Iva. Inħoss li l-bażi li kelli fid-diżinn jidħol b’mod awtomatiku fil-fotografija. Minħabba l-esperjenza li kelli fl-arti viżiva fid-diżinn klassiku bla dubju illum nista’ nikkomponi ritratt ħafna aħjar.”

    Joe saħaq illi hu jħossu xxurtjat illi esperjenza ż-żminijiet tad-dark-room fejn hu kien anki jiżviluppa r-ritratti. Fil-fatt, kważi r-ritratt kollha ta’ ‘Survivor’ ma nġibdux b’kamera diġitali. Kien hu li ħadem fuq in-negattiva, żviluppahom u skannjahom għall-użu fil-ktieb.

    “F’dawk iż-żminijiet, jekk ridt li jkollok ritratt tajjeb, ridt tuża dixxiplina tremenda li fl-istess ħin tgħallmek ħafna. Żball ma stajtx tirranġah. Kont tiġbed ir-ritratt u daqshekk. Ġbidt film u ma tafx x’għandek qabel tiżviluppah. Għalhekk ridt tippjana sewwa qabel tieħdu. Ridt tistudja l-kompożizzjoni, tiċċekkja d-dawl u taħdem bla għaġġla żejda għax jaf ma jerġax ikollok iċ-ċans li terġa’ tiġbed ritratt bħal dak.

    Illum qbadt kamera diġitali f’idejk u ġbidt ritratt. Tista’ tara dak il-ħin ġiekx tajjeb jew le. U jekk trid terġa’ tieħdu. Veru hemm il-kumdità imma hemm ukoll nies li qed jilludu ruħhom li saru fotografi mill-lum għal għada. Fil-fatt ġieli tismagħhom jirraġunaw “issa nieħdu u mbagħad nirranġah bil-kompjuter”. Imma dan hu l-periklu tal-fotografija diġitali. Ritratt tajjeb qatt ma jittieħed hekk. Jekk ma jkollux kompożizzjoni tajba mill-ewwel, ma tkunx tista’ ssalvah.

    Inħobb ngħallem lill-istudenti tiegħi tal-fotografija illi mhux neċessarjament l-ewwel soluzzjoni tkun l-aħjar waħda. Mhux la kemm tpoġġi xi ħaġa bejn erbgħa naħat u tiġbed. Meta titħarreġ kif tittrenja għajnejk, hekk kif tiffrejmja u tikklikja, trid tkun qisek kompożitur li ħloqt sinfonija f’sekonda – s’hemm trid tasal finalment. Ġieli kull ma tkun trid li titbaxxa ftit jew li tibdel il-pożizzjoni jew il-lenti. Is-sigriet hu li jkollok l-imħabba lejn il-fotografija. It-taħriġ, id-dixxiplina u d-dedikazzjoni mbagħad iwittulek it-triq sabiex issir fotografu professjonali.”

    Kif għandu jkun għalih ‘ritratt sabiħ’?

    “Ritratt li jemozzjonani, li jħalli marka ġo fija u li jġegħelni nħares lejh darbtejn, tlieta.”

    Joe għad għandu l-ewwel ritratt li kien ħa. Kellu 20 sena u kien għadu kif xtara l-ewwel kamera tiegħu waqt btala fil-Kanada. Kelli kurżità nkun naf jekk iġorrx kamera miegħu kull fejn imur.Xtaqtu wkoll isemmili jekk qattx ħa xi ritratt bla mistenni…

    “Iva. Jiena l-kamera dejjem tiġri miegħi. Ritratt għal qalbi ħafna u li ħadt bla mistenni kien fl-2005 meta kont waqt vaganza f’Firenze flimkien mal-familja tiegħi. Niftakar li rajt tallab bla saqajn mixħut fit-San Gimignanotriq. Ħdejh, fl-art kellu par saqajn artifiċjali u bott quddiemu. Bgħatt lit-tifel tiegħi biex jagħtih xi ħaġa u ġie xi jgħidli biex nistaqsih nistax neħodlu ritratt. Hu aċċetta u kif kont qiegħed bil-kamera m’għajnejja ninduna li max-xellug tiegħu, f’ħanut sabiħ tal-ħwejjeġ, kien jidher mudell ta’ mara b’dublett twil b’saqajha sbieħ u eleganti fiż-żarbun. Għedt ara x’ironija: il-pupa kellha ġmiel ta’ saqajn u r-raġel ta’ quddiemi kellu saqajħ maqtugħa! U hekk ġbidtu.

    Ritratt ieħor simili ġbidtu f’xita qliel f’San Gimignano biex naqbad lil waħda mara li b’riżoluzzjoni baqgħet għaddejja fi triqitha lejn il-quddies anki meta kulħadd kien qed jistkenn.”

    Xtaqt nagħlaq billi nistaqsih xi tfisser il-fotografija għalih?

    “Jiena fid-dinja ta’ llum ngħid li ma fadal xejn ħlief l-arti. Forsi qed inkun egoist, fis-sens ta’ artist. Imma nammetti illi nimxi ħafna ma’ kumment li jgħaddi wieħed mill-karattri ta’ Oscar Wilde – Art is the supreme truth and life a temporary illusion. L-arti ġġegħlek tħobb, iżżommok il-bogħod mill-perikli tal-ħajja u tgħinek tikkonċentra fuq affarijiet sbieħ. Fiha l-frustrazzjonijiet tagħha wkoll per eżempju sakemm jigi l-kunċett ta’ x’ħa tikkrea. Imma s-sodisfazzjon li tagħtik huwa kbir. Tħossok kuntent minn ġewwa.”

    X’parir jagħti lil min hu mħajjar għall-fotografija?

    “Jekk tħossu l-ġibda lejn il-fotografija titilquhiex. Niltaqa’ ma’ ħafna nies li jgħiduli “jien kont dilettant taf imma dejjem imħabbat”. Dik mhix skuża valida. Trid tibda bil-mod sakemm toħloq stil għalik. Il-premijiet u l-unuri mhumiex it-tragward jew it-tmiem. L-aspett prinċipali tal-fotografija huwa l-komunikazzjoni u l-espressjoni viżiva tal-artist. Li jiġi wara, jiena nqisu bħala bonus. L-aqwa li tkun ikkomunikajt ma’ xi ħadd u li tkun ħadt pjaċir b’dak li għamilt.”

    Il-ktieb ‘Survivors’ ser ikun għall-bejgħ f’Caraffa Stores, Vittoriosa Waterfront mis-Sibt 24 t’Ottubru 2009 sal-Ħadd 1 ta’ Novembru 2009 bejn id-9:00am u l-4:00pm.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-25 t’Ottubru 2009)

    2009.10.25 / no responses / Category: Torca - Perspettivi