-
STUDENTI JGĦINU BIEX TKUN IRKUPRATA L-ISTORJA MITLUFA
“Dawn il-fdalijiet instabu b’kumbinazzjoni fl-1961 meta bdew ix-xogħlijiet għall-bini ta’ din l-iskola. Il-magni goffi użati biex titneħħa l-ħamrija ħalli jinkixef il-blat għas-sisien tal-bini ta’ l-iskola ltaqgħu ma’ knaten kbar tal-ġebel li d-daqs tagħhom kien juri li kien hemm xi bini tal-qedem, probabilment Ruman.”
Hekk bdiet l-istorja tas-sit tal-villa Rumana li tinsab fuq parti mill-art tal-iskola sekondarja Carlo Diacono fiż-Żejtun, infurmana wieħed mid-Diretturi tal-iskavi, Prof. Anthony Bonanno.
Għal dawn l-aħħar ħmistax, l-istudenti tal-Baċellerat tal-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta kienu qed jgħinu fl-iskavi ta’ dan is-sit.
“Wara dawk ix-xhur kollha ta’ teorija, kull student ikun qed jistenna illi jagħmel ftit tal-prattika,” qalilna Dr Nicholas Vella d-Direttur l-ieħor tas-sit arkeoloġiku.
Meta staqsejna lil Prof. Bonanno għala intagħżel proprju dan il-post huwa spjegalna illi “Jeżistu ħafna siti oħrajn li jistħoqqilhom u qed jistennew li jiġu esplorati kif imiss. Iżda dan is-sit sibnieh ideali għaliex huwa mħares bil-ħitan ta’ l-iskola. Raġuni oħra hija illi ridna nitfgħu dawl fuq ħafna aspetti ta’ dan il-lok bħal ngħidu aħna l-aspett storiku – iż-żmien li fih inbniet il-villa u kemm damet tintuża, l-aspett soċjali – l-istatus soċjali tas-sidien tal-villa matul iż-żmien u l-aspett teknoloġiku fostom dak relatat ma’ l-għasir taż-żejt tas-sit. Barra minn hekk sibna kooperazzjoni u għajnuna sħiħa kemm mit-tmexxija ta’ l-iskola nnifisha u kif ukoll mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun u mis-Suprintendenza għall-Wirt Kulturali.”
Min-naħa tiegħu Dr Vella qalilna illi x-xogħol li sar din is-sena fuq is-sit kompla jikkonferma kemm dan il-post għandu storja interessanti speċjalment ukoll minħabba li jidher illi għadda minn diversi fażijiet differenti. Fil-fatt jista’ jkun illi dan il-bini jmur lura għal żmien il-Kartaġiniżi jiġifieri fl-età Punika u baqa’ jiġi użat għal ħafna snin wara, sa żmien il-Biżantini. Skont Dr Vella s-sejba ta’ serje ta’ ħitan li nkixfu waqt it-tħaffir probabbilment kienu l-pedamenti ta’ xi sistema ta’ fortifikazzjoni li kien hemm lejn il-baħar, lejn in-naħa ta’ M’Xlokk.
“Aktarx min kien jitla’ min-naħa ta’ M’Xlokk kien jara villa imponenti, kważi fortifikata. Sfortunatament illum mill-bini m’għadu jeżisti xejn ħlief il-pedamenti. Imma permezz tat-tfittix tagħna aħna qed nippruvaw immorru lura fiż-żmien ħalli nippruvaw nifhmu l-post.”
“Għall-ewwel il-fdalijiet kienu tqiesu bħala ‘ftit wisq’ biex jibda tħaffir arkeoloġiku fuqhom. Madanakollu fl-1964, waqt li x-xogħol fuq l-iskola kien għadu għaddej, tfaċċaw aktar fdalijiet. Fil-fatt taħt il-ħarsien ta’ l-awtoritajiet tal-Mużew instabu ġiebja kbira, ringiela ta’ kanali ta’ l-ilma u kamra bil-madum. Sfortunatament ma sar xejn iktar sal-1971 meta beda t-tiftix bis-sehem ta’ studenti barranin taħt is-superviżjoni tal-Kuratur ta’ l-Arkeoloġija, Tancred Gouder.”
Prof. Bonanno kompla jgħidilna kif fl-1976 u l-1977 huwa mexxa skav żgħir fuq xi trinek li kien fassal Tancred Gouder. Iżda s-sit kellu jistenna 20 sena oħra qabel ma reġa’ beda l-iskav li qed isir mill-2006 ’l hawn mid-Dipartiment ta’ l-Arkeologija ta’ l-Università ta’ Malta. Barra minn hekk, permezz ta’ dan ix-xogħol qed isir attentat biex tiġi rkuprata l-informazzjoni li ntilfet mill-1970 ‘l hawn.
“Jien, min-naħa tiegħi, żammejt noti tal-ġimgħatejn tiftix li kont mexxejt. Iżda s’issa għadna ma sibna l-ebda notamenti ta’ l-iskavi tas-snin 60 u 70 ħlief pjanta magħmula minn Frans Mallia fl-1971 u l-ftit informazzjoni ppubblikata fil-Museum Annual Reports. Għalhekk, per eżempju, għadna qed nitħabtu biex nikxfu fejn tinsab il-ġiebja l-kbira li nstabet fl-1964. Ta’ min jgħid iżda li l-fdalijiet ta’ fuħħar u oġġetti oħra li ħarġu mit-tiftix ta’ Tancred Gouder kollu għadu maħżun fil-kaxxi (bil-marki ta’ minn fejn ġew) fil-Palazz ta’ Vilhena fl-Imdina. Dan il-materjal kollu qiegħed jiġi studjat,” ikkonferma Prof. Bonanno.
Xtaqna nkunu nafu jekk ħmistax il-ġurnata humiex biżżejjed biex tilħaq tagħmel riċerka adegwata…
“Ħmistax ifissru fir-realtà għaxart ijiem, li minnhom tneħħi jumejn moħlija biex tinkixef l-għata protettiva li nkunu poġġejna s-sena ta’ qabel u biex fl-aħħar tal-ħidma tagħna nerġgħu ngħattu. Madankollu sar ħafna xogħol siewi billi inżilna mhux ħażin fil-ġiebja (jew bir) li sibna. Kxifna għal kollox ġebla ċatta kbira u lixxa li rriżulta li kienet il-qiegħ ta’ ħawt kbir rettangolari li fih kien jinġemgħa ż-żejt magħsur taż-żebbuġa. Fuq din tidher evidenti fażi oħra iktar tard fiż-żmien, ta’ attività strutturali, aktarx agrikola. F’dawn il-ħmistax saret ukoll ħafna dokumentazzjoni li ma setgħetx tistenna sas-sena d-dieħla.”
Xorta waħda ż-żewġ diretturi saħqu illi mis-sena d-dieħla qed jisperaw illi jżidu ż-żmien tal-iskavar għal erbgħa ġimgħat. L-iskop ewlieni ta’ l-iskavi huwa biex jitħarrġu arkeologi ġodda fil-metodi xjentifiċi tat-tiftix arkeoloġiku u biex jitkattar l-għerf dwar l-antenati tagħna. Il-ħsieb huwa illi l-iskavi jibqgħu jsiru f’dan il-post sakemm jiġi eżawrit l-iskop tar-riċerka.
“Nixtiequ nikkoperaw ma’ dawk kollha, fostom mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun, li jixtiequ jagħmlu minn dan is-sit attrazzjoni edukattiva mhux biss għat-turisti iżda wkoll għall-Maltin. Imma dan jeħtieġ rieda u riżorsi biex dak li nkixef jiġi kkonservat u mħares mill-elementi sabiex ikun jista’ jitgawda minn ta’ dawk li jiġu warajna.”
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 ta’ Lulju 2009)
Category: Torca - Features & Articles | Tags: 1964,1971,Biżantini,Direttur tal-iskavi,Dr Nicholas Vella,età Punika,fdalijiet,Fiona Vella,għasir taż-żejt,irkuprata,Kartaġiniżi,Kunsill Lokali Żejtun,Museum Annual Reports,Palazz ta’ Vilhena fl-Imdina,Prof. Anthony Bonanno,sit arkeoloġiku,skola sekondarja Carlo Diacono Żejtun,studenti tal-Baċellerat tal-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta,Tancred Gouder,Torċa,villa,żejt taż-żebbuġa