-
L-età ġusta biex isir is-sess
Jafu li qed jiksru l-liġi?
Probabbilment uħud minnkhom jiggustaw jaraw ritratti bħal dawn ta’ żgħażagħ jiskopru l-ewwel imħabba tagħhom. Kuntrarjament, ċerti ġenituri, speċjalment dawk ta’ tfajliet żgħar, jafu jitmeżmżu b’immaġni bħal dawn għax ma jridux jaraw lil uliedhom f’età daqstant żagħżugħa, diġà f’relazzjoni intima. Min-naħa l-oħra, iż-żgħażagħ infushom, fosthom dawk ta’ taħt it-18 il-sena, aktarx se jqisu esperjenzi bħal dawn bħala affaxxinanti u mixtieqa. Iżda minn dawn kollha li semmejt hawn fuq, kemm minnhom huma konxji li dawn iż-żgħażagħ li qed ikunu intimi bejniethom f’età ta’ inqas minn 18 il-sena, qegħdin fil-fatt jiksru l-liġi ta’ Malta?
Propost tibdil fil-liġi relatat mal-attività sesswali taż-żgħażagħ
Dan l-aħħar Dr Etienne Grech li huwa Membru Parlamentari, Ċermen tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa u tabib tal-familja, ħareġ bil-proposta li għandha tiġi kkunsidrata d-dekriminilizazzjoni tal-attività sesswali bejn il-minuri fl-età bejn it-13 u l-15 il-sena. Dan meta bħalissa għaddejjha wkoll diskussjoni jekk l-Età tal-Kunsens Sesswali għandiex titnaqqas minn 18 għal 16 il-sena.
“Nistqarr li għall-ewwel, suġġeriment bħal dan, jaf jaħsad lil ħafna minħabba li se jkun hemm min jaħseb li se niftħu l-bieb għall-libertinaġġ sesswali,” spjegali Dr Grech. “Imma ninsab ċert li meta wieħed jixtarr ir-raġunijiet wara proposta bħal din, ikun jista’ jifhem u japprezza aktar il-bażi wara dan l-argument.”
“Minn studji li qegħdin isiru, qegħdin naraw biċ-ċar illi mill-età ta’ 14 il-sena, numru konsiderevoli ta’ żgħażagħ qegħdin ikollhom relazzjonijiet sesswali kemm bejniethom u kif ukoll ma’ individwi ta’ età akbar. Fl-istess ħin qegħdin nirrealizzaw ukoll, illi ħafna minn dawn lanqas biss għandhom l-iċken idea li b’dan l-aġir tagħhom huma jkunu qed jiksru l-liġi; hekk kif il-liġi tagħna ma tagħtix kunsens lil dawk ta’ anqas minn 18 il-sena li jkollhom atti sesswali. Jintebħu b’dan biss jekk xi ħadd mill-ġenituri jippreżenta xi kwerela u minn hemm jibda l-inkwiet.”
Hija kontra l-liġi li tabib jeżamina individwu taħt it-18 il-sena mingħajr il-preżenza ta’ adult
Iżda b’tagħrif bħal dan u minħabba li hu tabib tal-familja, Dr Grech huwa konxju li din il-kwistjoni għandha riperkussjonijiet oħra.
“Hija wkoll kontra l-liġi li tabib jeżamina jew jagħti trattament lil individwi li għadhom m’għalqux it-18 il-sena, jekk ma jkunux akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom jew minn xi adult responsabbli minnhom,” fehemni Dr Grech.
“Għaldaqstant, jekk tiġi tfajla ta’ taħt it-18 il-sena weħidha għandi u tistaqsini biex ninfurmaha dwar il-kontraċettivi jew biex nagħtiha r-riċetta ħalli tixtri kontraċettiv, jiena mistenni li nirrifjuta li ngħinha. Jekk le, inkun qed nikser il-liġi. Issa immaġina din is-sitwazzjoni fejn tfajla qed tgħidlek biċ-ċar li għandha l-intenzjoni li jkollha att sesswali u qed titlob biex tieħu prekawzjoni u inti trid tgħalqilha l-bieb f’wiċċha. Taħseb li billi inti ma tipprovdihiex b’kontraċettiv, lil din se twaqqafha milli tmur tagħmel li għandha tagħmel, jekk hemm bżonn anki mingħajr il-protezzjoni li xtaqet?”
Żgħażagħ li jiddarsu mill-preżenza tal-ġenituri
“Għalkemm individwi ta’ din l-età jkunu lesti li jersqu għand tabib tal-fiduċja tagħhom biex jistaqsu għal pariri bħal dawn, uħud mill-istess żgħażagħ mhu se jitkellmu qatt dwar dan is-suġġett fil-preżenza ta’ xi ħadd mill-ġenituri tagħhom. U b’hekk is-sitwazzjoni kif inhi, qed titfagħhom f’riskju ta’ mard sesswali, tqala mhux mixtieqa u problemi oħra.”
Fil-fatt, waqt punti relatati li tqajjmu mill-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ intqal illi jekk titnaqqas l-età tal-kunsens sesswali u b’hekk dawn it-tip ta’ relazzjonijiet ma jibqgħux jitqiesu bħala illeċiti, probabbilment aktar żgħażagħ ser ikunu lesti li jfittxu informazzjoni adegwata mingħand nies professjonali. Madanakollu, huma saħqu wkoll illi tibdil bħal dan jista’ jpoġġi f’riskju akbar lil nies vulnerabbli, u li għalhekk il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tat-tfal għandha tkompli tiġi nfurzata. Barra minn hekk, huma għafsu fuq il-bżonn ta’ aktar edukazzjoni dwar dawn it-temi sabiex iż-żgħażagħ ikunu kapaċi jsiru aktar assertivi ħalli jirriffjutaw azzjonijiet mhux mixtieqa.
Malta fost il-ftit pajjiżi bl-ogħla età tal-kunsens sesswali fl-Ewropa
Dwar dan is-suġġett, Dr Joanne Cassar, lekċerer fil-qasam tal-Istudji taż-Żgħażagħ u l-Kommunità, ippreżentat xi punti sinifikanti minn servej nazzjonali li sar fl-2012 mill-Ministeru tas-Saħħa bl-isem ‘Tagħrif Sesswali, Attitudnijiet u Kondotti’. Fost ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ ġie indikat illi 41% taż-żgħażagħ Maltin ta’ età bejn 16 u 18 il-sena diġà kellhom relazzjoni sesswali. Fost ir-raġunijiet prinċipali l-għala sar l-ewwel att sesswali, iż-żgħażagħ irrispondew hekk: 47.5% għax kienu jħobbu s-sieħeb/sieħba tagħhom; 44.7% għax dak kien il-pass naturali li kien imiss fir-relazzjoni tagħhom; u 25.4% għax ħassew li kellhom l-età ġusta biex ikollhom din l-esperjenza. Minn dawn 41.6% użaw il-kondom waqt l-ewwel relazzjoni sesswali tagħhom, mentri l-oħrajn ma ħadu l-ebda prekawzjoni. Fost dawn iż-żgħażagħ li kellhom relazzjoni sesswali, 82.5% qablu li jeħtieġ li tkun tħobb lis-sieħeb/sieħba tiegħek biex tagħmel dan l-att. Intant, din ir-riċerka uriet ukoll illi fost il-pajjiżi Ewropej, Malta, it-Turkija u l-Vatikan kellhom l-ogħla età, dik ta’ 18 il-sena, f’dak li hu kunsens sesswali. Biex insemmi xi pajjiżi oħra: fi Spanja, din l-età tinżel għal 13; fil-Ġermanja, 14; fl-Iżvezja 15; fl-Iżvizzera, 16; u fl-Irlanda, 17.
Ma tistax titfa’ liż-żgħażagħ kollha f’keffa waħda
Cassar qalet illi meta l-attività sesswali titqies bħala xi ħaġa tajba miż-żgħażagħ ta’ 16 il-sena, dan l-aġir jista’ jiġi kkunsidrat bħala parti mill-iżvilupp tagħhom bħala individwi. L-esplorazzjoni tagħhom fil-qasam tas-sesswalità tgħinhom jistabilixxu sens akbar ta’ identità hekk kif huma jkunu qed jesperjenzaw is-sodisfazzjon tal-intimità sesswali u ta’ relazzjonijiet interpersonali. Skont din il-perspettiva, stqarret Cassar, mhux addattat li wieħed jikkriminalizza lil dawn iż-żgħażagħ minħabba l-atteġġjament sesswali tagħhom. Iżda min-naħa l-oħra, hija semmiet li wieħed ma jistax jitfa’ ż-żgħażagħ kollha f’keffa waħda peress li mbagħad issib ukoll individwi tal-istess età li għalihom esperjenza ta’ relazzjoni sesswali lanqas biss joħolmu li jgħixuha għalissa, għax mhumiex lesti għaliha u għax pjuttost hi xi ħaġa li tbeżżagħhom.
Jeħtieġ tissaħħaħ l-edukazzjoni dwar is-sesswalità u s-saħħa riproduttiva
Anki l-psikoterapista Amanda Grech taqbel li għandu jinħoloq bilanċ bejn li nsegwu lil dawn iż-żgħażagħ imma li fl-istess ħin, inħallulhom l-ispazju fejn jikbru. Hija spjegat kif skont ċerti studji li saru jidher illi jeżistu numru ta’ fatturi li jistgħu jbassru l-possibilità li xi żgħażagħ jistgħu jidħlu għal relazzjoni sesswali kmieni ħafna fil-ħajja. Fost dawn hemm dawk li jgħixu ma’ ġenitur wieħed, dawk li għandhom ġenituri b’attitudni sesswali permessiva, u dawk li kienu vittmi ta’ esperjenzi trawmatiċi waqt it-tfulija tagħhom, partikolarment f’każ ta’ abbuż sesswali. Għaldaqstant, hija tirrakkommanda illi għandha tissaħħaħ aktar l-edukazzjoni dwar is-sesswalità u s-saħħa riproduttiva, u li din għandha tiffoka partikolarment fuq it-tip ta’ familji li semmiet fuq. Barra minn hekk, jgħin ukoll jekk tingħata iżjed għajnuna relatata mat-tagħlim tal-kapaċitajiet ġenitorjali ħalli b’hekk ikun hemm aktar ġenituri mgħarrfa dwar dan il-qasam.
Tista’ tiżżewweġ ta’ 16 imma twettaq is-sess ta’ 18
Dun Joseph Mizzi, id-Direttur ta’ Kana, irrimarka wkoll dwar id-diskrepanza li teżisti bħalissa fejn wieħed jista’ jiżżewweġ fl-età ta’ 16 il-sena, jekk ikollu l-permess tal-ġenituri tiegħu, imma fl-istess ħin imbagħad teżisti liġi oħra li tgħid li l-età tal-kunsens sesswali hija dik ta’ 18 il-sena. U din ir-realtà toħloq inkonsistenza u konfużjoni.
Min-naħa l-oħra, huwa tkellem ukoll dwar il-preokkupazzjoni li jekk titbaxxa l-età tal-kunsens sesswali, dan jista’ jinċentiva u jħajjar aktar attività sesswali barra miż-żwieġ. Għaldaqstant huwa saħaq illi f’każ li titbaxxa din l-età, l-istat, il-Knisja, l-NGOs, u l-korpi kollha konċernati m’għandhom qatt jieqfu mill-kampanja soda u intensiva ta’ edukazzjoni u formazzjoni tal-karattru tat-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ tagħna. Fl-opinjoni ta’ Mizzi, is-suġġett tal-Personal, Social and Careers Development (PSCD) li qed jiġi mgħallem fl-iskejjel tagħna, qed imiss wisq ħafif ħafif mat-tema tas-sesswalità u b’hekk jiddubita kemm huwa effettiv.
Ma jemminx li s-soluzzjoni tinsab fit-tnaqqis tal-età tal-kunsens
Min-naħa tiegħu, George Buttigieg, Konsulent fl-Ostretiċija u Ġinekologu, jelenka dawn l-erbgħa argumenti favur li l-età tal-kunsens sesswali titniżżel għal 16 il-sena:
- li Malta tiġi uniformi mal-parti l-kbira tal-Ewropa;
- li din il-bidla tirrifletti l-aġir sesswali taż-żgħażagħ Maltin fil-preżent;
- l-eliminazzjoni jew tnaqqis ta’ każijiet li jitressqu quddiem il-qrati taħt l-Att 203 (sitwazzjonijiet li umanament ma jagħmlux sens iżda li jistgħu jitressqu la l-liġi hi kif inhi); u
- il-faċilità tal-kura medika assoċċjata ma’ problemi sesswali fiż-żgħażagħ taħt it-18 il-sena li ma jersqux liberament għal din il-kura.Madanakollu, Buttigieg ma jemminx li s-soluzzjoni tinsab fit-tnaqqis tal-età tal-kunsens imma li jingħata għarfien u saħħa lill-prinċipju tal-age banding li jgħaqqad ir-rispett tan-natura umana fis-seklu 21 flimkien mal-ħarsien tal-vulnerabbilità sesswali taż-żgħażagħ tagħna.
L-ebda liġi mhu se twaqqaf liż-żgħażagħ milli jwettqu s-sess
Fil-fehma tiegħu, bosta żgħażagħ m’humiex konxji minn dak li tgħid il-liġi. Iżda anki jekk ikunu jafu, ma jaħsibx li dawn se jagħtu każ jew li se jibżgħu mill-liġi. Lanqas ma jaħseb li jekk tinżel l-età tal-kunsens sesswali għal 16 il-sena, se tiżdied aktar it-tqala fost iż-żgħażagħ għax fir-realtà, jidhirlu li qegħdin f’dinja fejn kulħadd jagħmel dak li jfettillu bla ma joqgħod jagħti każ x’jgħidu t-tobba jew il-politikanti.Personalment, fir-realtà li qed ngħixu fiha, l-aktar ħaġa neċessarja b’mod immedjat hija li niffaċilitaw l-aċċess għall-għajnuna medika għaż-żagħżagħ ta’ 16 il-sena billi nħalluhom fil-libertà li jmorru għand tabib għall-kontraċezzjoni, pariri relatati u kura ta’ mard li jista’ jirriżulta mill-attività sesswali.
Il-professjoni medika qiegħda tiġi mxekkla mill-liġi
Ċertament, dan l-aħħar argument tqajjem ukoll mill-Kunsill Mediku ta’ Malta minħabba li bħalissa, il-professjoni medika qiegħda tiġi mxekkla mill-liġi milli tgħin lil dawn iż-żgħażagħ f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa sesswali, peress li kif diġà semmejt qabel, mhux permess li tabib jara żagħżagħ taħt it-18 il-sena mingħajr il-preżenza ta’ adult. B’hekk, kemm is-saħħa sesswali taż-żgħażagħ u kif ukoll il-kommunità nnifisha qegħdin ikunu f’riskju, anki għax individwi li jkollhom xi problemi ta’ mard jew infezzjonijiet relatati mas-sess, ma jistgħux jersqu għand tabib u b’hekk tinħoloq ħafna tbatija inutli u tixrid ta’ dan il-mard mhux ikkurat.Wasal iż-żmien li naffaċċjaw ir-realtàBħala ġenituri taż-żgħażagħ tagħna, huwa ideali li nibqgħu noħolmu li wliedna se jistennew l-età ġusta sabiex ikollhom l-ewwel esperjenza ta’ relazzjoni sesswali. Madanakollu, ir-riċerka li qed issir qiegħda turi realtà differenti fejn numru konsiderevoli taż-żgħażagħ ta’ llum qegħdin jiddeċiedu li jwettqu dan l-att, akkost il-konsegwenzi kollha li jista’ jkun hemm, bħall-mard u tqala mhux mixtieqa. B’hekk, naħseb li ta’ min li wieħed jirrifletti kemmxejn dwar l-argumenti li saru hawn fuq mill-esperti konċernati.