Posts Tagged ‘perspettivi’

  • ĠMIEL IN-NATURA MALTIJA

    Guido BonettNista’ ngħid li l-artikli ta’ Perspettivi bdewli l-vjaġġ tiegħi fid-dinja tal-kitba. Permezz tagħhom kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ diversi individwi li qasmu miegħi l-fehmiet u l-ġrajjiet tagħhom sabiex jiena nwassalhom lilkhom. Tawni wkoll iċ-ċans biex nifhem il-potenzjal tal-midja u kemm hu għaqli li wieħed ikun responsabbli fil-messaġġ li jibgħat f’kitbietu. Finalment dawn l-artikli dewwquni wkoll il-ħlewwa tas-sodisfazzjon meta tirċievi l-apprezzament tal-qarrejja. Iżda bħal f’kull ħaġa oħra, Perspettivi illum ser jaslu fi tmiemhom u bix-xieraq xtaqt nagħlaq l-aħħar artiklu b’dedikazzjoni għal dawk kollha li għoġobhom isegwuni matul dawn l-aħħar snin, permezz tal-ġmiel tar-ritratti li l-fotografu tan-natura Guido Bonett għoġbu jaqsam magħna.

    “In-natura minn dejjem kienet għal qalbi ħafna tant li ommi kienet tħobb tgħidli li l-ewwel kelma li jiena lissint kienet “allimal”,” beda jirrakkuntali Guido bi tbissima. “Aktar il-quddiem inġbidt ukoll lejn il-qasam tal-fotografija sakemm eventwalment irnexxieli nżewweġ liż-żewġ imħabbiet tiegħi flimkien.”

    Ma kellix wisq diffikultà biex nifhem x’ried jgħid hekk kif bdejt inqalleb il-paġni tal-ktieb riċenti tiegħu ‘The Natural History of The Maltese Islands’.

    “Minn daqshekk inħossni xxurtjat għaliex minħabba li jiena midħla sewwa tan-natura, għandi aktar għarfien dwar fejn u meta nista’ nsib ċerti speċi u ħlejqiet. Biex nagħtik Id-debba tax-xitan (dragonflies)eżempju nista’ nurik dar-ritratt ta’ koppja tal-ispeċi tad-debba tax-xitan (dragonflies) li hu għall-qalbi ħafna kemm għad-dawl, il-kuluri, il-kompożizzjoni u l-azzjoni li rnexxieli nislet fih. Veru li jkun hemm element ta’ kumbinazzjoni imma hawnhekk ngħidu aħna, kont ilni nara lil din il-koppja ddur ‘l hemm u ‘l hawn u kont naf li dawn l-insetti għandhom it-tendenza li jerġgħu lura fl-istess post minn ħin għall-ieħor. Bsart ukoll li ser naqbad din l-azzjoni u allura stennejt f’post adegwat sakemm ilmaħthom fil-pożizzjoni li xtaqt u ħadt ir-ritratt.”

    Il-valur ta’ ritratt jitqies proprju f’dik il-kapaċità li taqbad mument qasir u rrepetibbli fil-ħajja u tagħnih bl-eternità hekk kif imbagħad wieħed jista’ jibqa’ jara u jifli dik l-azzjoni għal kemm il-darba jrid.

    “Kont ilni erbgħa snin naħdem fuq dan il-ktieb. Dort il-gżejjer kollha f’Malta u Għawdex sabiex niġbor rikordju fotografiku tal-ispeċi lokali tal-fawna u l-Qanfud (hedgehog)flora. Ħadt madwar 8000 ritratt li 524 minnhom ġew inklużi f’dan il-ktieb. Qattajt siegħat sħaħ speċjalment fil-ġranet ta’ tmiem il-ġimgħa nistenna bosta drabi f’pożizzjonijiet skomdi, kultant mixħut mal-art għal tuli fit-tajn, fil-kesħa u fis-sħana, għall-gdim tal-insetti u dak kollu li tiltaqa’ miegħu f’dawn is-sitwazzjonijiet. Għaldaqstant meta mbagħad jirnexxielek tmur lura d-dar b’erbgħa ritratti sbieħ tħoss sodisfazzjon kbir, bħal ngħidu aħna meta nzertajt żewġt isriep qed jiġġieldu u rnexxieli naqbad dak il-mument taħt il-lenti tiegħi.”

    Guido spjegali kif l-idea wara dan il-ktieb żvolġiet maż-żmien.

    “Peress li jiena membru tal-Malta Photographic Society, sħabi spiss kienu jistaqsuni kif kien jirnexxieliPepprin (poppies) nieħu ċerti ritratti, liema lenti wżajt, x’apparat kelli bżonn, fejn insib ċerti insetti, f’liema żmien jikbru ċerti pjanti u fejn hu l-abitat ta’ ċerti annimali? Għaldaqstant darba minnhom iddeċidejt li nibda nieħu xi ritratti ħalli niġborhom f’fuljetti li kellhom iservu ta’ gwida f’dan il-qasam. Imma hekk kif beda għaddej iż-żmien u bdew jakkumulaw ir-ritratti, għaraft li kien hemm materjal biżżejjed biex isir dan il-ktieb.”

    Fil-fatt taħt kull ritratt li jinkludi dan il-ktieb, wieħed isib ukoll indikat diversi dettalji dwar it-teknika u l-apparat li ġew utilizzati biex ittieħdet dik ix-xbieha. Barra minn hekk, sezzjoni minnu hija wkoll immirata lejn dawk li huma interessati li jitħajjru jiġbdu ritratti tajbin tan-natura.

    “Permezz ta’ dan il-ktieb xtaqt inħajjar aktar individwi biex jinteressawInsetti Maltin ruħhom fin-natura għanja tal-gżejjer tagħna: kemm biex nuri l-potenzjal tal-varjetà tal-ispeċi li jeżistu, kemm biex nistieden lil dawk li qatt ma qabdu kamera b’idejhom ħalli jittantaw jiġbdu l-ewwel ritratti tagħhom u anki biex nispira lil fotografi oħrajn li forsi ma tawx ħafna importanza lil dan il-qasam sabiex jiftħu għajnejhom għall-possibilitajiet li toffri n-natura.

    Nixtieq niċċara illi f’dan il-ktieb wieħed ser isib ideat bażiċi tat-teknika li tista’ tintuża fir-rigward tal-fotografija tan-natura peress li f’dan il-qasam wieħed jeħtieġ apparat apposta u azzjoni partikolari ta’ kif għandu jersaq lejn insett, annimal jew pjanta. Iżda naturalment għalkemm jeżistu ċerti regoli, xorta waħda nemmen li wieħed għandu jesperimenta sabiex jakkwista riżultati interessanti u oriġinali.”

    Għal aktar minn darba Guido saħaq illi l-għan prinċipali tiegħu huwa li jkisser il-mentalità li fil-gżejjer Maltin m’hawnx ħafna natura x’tara.

    “Teżisti l-idea żbaljata li pajjiżna huwa fqir f’dan il-qasam imma jaħasra ħafna ma jafux kemm huma żbaljati! Infatti mhux darba u tnejn li nara wħud jistagħġbu meta jaraw ċerti ritratti tiegħi għax ma Serp (snake)jkunux iridu jemmnu li dawk il-ħlejqiet jgħixu f’pajjiżna: bħal ngħidu aħna numru ta’ rettili li jiena nħobb niġbed ħafna kemm għax diffiċli ferm biex tieħu ritratt ta’ wieħed minnhom u anki għax ġeneralment mhumiex il-favoriti ta’ fotografi oħra. Bosta mill-ispeċi tan-natura trid tmur tfittixhom għax dawn iżommu ‘l bogħod min-nies u mhux la kemm tarahom kif ġieb u laħaq. Oħrajn jgħixu fl-abitat partikolari tagħhom il-barra mill-bini, kultant saħansitra fuq xi gżira iżolata bħal Filfla. Dawk kollha li qallbu l-paġni numerużi ta’ dan il-ktieb kienu mpressjonati bil-varjetà tal-ħolqien lokali li jinkludi. Nittama li permezz tiegħu finalment il-Maltin u l-Għawdxin jifhmu r-rikkezza tal-wirt naturali li pajjiżna hu mogħni bihom.”

    Iżda l-ktieb ma jurikx dan biss! Għalkemm ormaj Guido huwa sinonimu mal-fotografija tan-natura fejn anki rebaħ bosta unuriThe Natural History of The Maltese Islands kemm lokali u anki internazzjonali, intbaħt li dan il-fotografu għandu kwalità prezzjuża u rari – l-umiltà. U għaldaqstant hu jħalli f’idejk biex tiddeċiedi dwar il-livell tat-talent impressjonanti li dawn ir-ritratti nġibdu bih. Min-naħa tiegħi m’għandix dubju li hekk kif jiġi f’idejkhom dan il-ktieb, intom ukoll ser tagħrfu dan ma’ l-ewwel daqqa t’għajn li ser tagħtu lejn ir-ritratti tiegħu.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 ta’ Diċembru 2011)

    2011.12.18 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IR-RAKKONT TAL-AKBAR ĠRAJJA

    Anton Galea Skont W J Cameron “Kien hemm biss Milied wieħed…. il-bqija huma kollha anniversarji.”  U ħadd ma jista’ jlumu għax hekk hu. Forsi għalhekk li aktar ma jgħaddi ż-żmien, is-sinifikat oriġinali tiegħu qiegħed dejjem kull ma jmur jintilef u jinbidel fit-tema ta’ festini u xalar. Madanakollu b’xorti tajba mhux kollox mitluf għax fil-qalba ta’ ċertu djar, wieħed għadu kapaċi jiltaqa’ mat-tifsira ġenwina tal-Milied. Infatti dil-ġimgħa hekk kif mort inżur il-kollezzjoni grandjuża tal-Milied ta’ Anton Galea fir-Rabat Għawdex skoprejt illi għalih il-Milied qatt ma jgħaddi peress li hu sab mezz kif jibqa’ jgħixu f’kull jum matul is-sena.

    “Il-Milied minn dejjem kont inħobbu imma nistqarr li qatt ma bsart li għad ikolli dil-kollezzjoni tant kbira! Però donni li b’xi mod antiċipajt li dawk il-pasturi sempliċi li kont nilgħab bihom meta kont żgħir, kellhom xi darba jfissru ħafna aktar għax dejjem bżajt għalihom u qatt ma kissirthom. Illum li għandi 76 sena, dawn il-pasturi huma prezzjużi ħafna għalija, anki jekk wiċċhom u surithom mhumiex daqshekk sbieħ. Imma huma jirrappreżentaw tfuliti u jqanqluli nostalġija kbira kull darba li nħares lejhom.”

    Ħafna minn dawn il-pasturi antiki huma miġbura ġewwa vetrini apposta fejn ġurnata wara l-oħra dawn ifakkru dil-ġrajja qaddisa. Fl-istess ħinIl-pasturi l-antiki huma wkoll rikordju tas-snajja’ Maltin.

    “L-ewwel pasturi tiegħi kienu tat-tafal. Kont xtrajthom mingħand Majsi Zahra li kien pasturar Għawdxi. Wara bosta snin magħluqin fil-kaxxi, darba minnhom iddeċidejt li nqabbad lil Toni Buhagiar minn Birżebbuġa biex jaħdimli presepju b’ambjent Għawdxi ħalli nkun nista’ npoġġiehom fih u b’hekk inkun nista’ ngawdihom matul is-sena kollha.”

    Iżda n-namra tant qawwija mal-ġrajja tal-Milied seħħet meta ħuħ Joseph Galea waqqaf il-grupp Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta li kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin.

    “Probabbilment ħija jħobbu ħafna aktar minni l-Milied għax kieku ma kienx jidħol għal biċċa xogħol bħal din. Stinka ħafna biex rawwem din l-għaqda u llum huwa kburi li hemm bosta membri mseħbinIl-presepju l-ġdid ta' dis-sena fiha li huma dilettanti kbar tal-Milied. Naturalment jiena kont wieħed minn tal-ewwel li sirt membru u hekk kif bdejt niġi espost għat-tagħlim ta’ ċerti nies tas-sengħa li ta’ kull sena jiġu juruna kif isir dax-xogħol konness mal-presepji u l-pasturi, bdejt nitħajjar immidd idejja jien ukoll f’dal-qasam. Barra minn hekk, bħala membru ta’ din l-għaqda, darba f’sena jkolli l-okkażjoni li nattendi għall-kungress li jsir l-Italja, filwaqt li kull erbgħa snin isir kungress internazzjonali f’Innsbruck fejn jinġabru għad ta’ dilettanti bħali tal-presepju. Waqt dawn il-mawriet nieħu ħafna ideat ġodda u nistħarreġ il-possibilità tal-użu ta’ materjali differenti minn dawk li aħna mdorrijin naħdmu bihom hawnhekk. Dawn l-esperjenzi jibqgħu stampati f’moħħi u nirritorna lura lejn pajjiżi kollni mħeġġeġ u mħajjar biex noħloq presepju ġdid. Finalment bl-iskop li jkolli biċċa xogħol ġdida x’nesebixxi kull sena fil-wirja li torganizza l-għaqda, sibt ruħi qed nibni presepju wara l-ieħor sakemm illum spiċċajt biex għandi kollezzjoni sħiħa.”

    Ta’ min jgħid li dawn il-mawriet f’pajjiżi oħra jservu wkoll sabiex Anton jaħtaf l-opportunità biex jgħarrex għal xi sett ta’ pasturi jew xi presepju interessanti ieħor x’iniżżel miegħu lejn Malta.

    “Ormaj għandi mijiet ta’ pasturi u presepji ta’ kull daqs, xorta u materjal. Ara, dan presepju tal-kartun li jmur lura għaż-żmien ta’ qabel it-tieni gwerra dinjija u kont Wieħed mill-presepji tal-kollezzjonixtrajtu mill-Amerika, filwaqt li dal-presepju ċkejken ġie maħdum mill-injam taż-żebbuġ u xtrajtu mill-Iżrael. Dan is-sett ta’ pasturi huwa tal-porċellana u ġibtu minn Lourdes, mentri dan il-presepju li hu maħdum mill-lava u hu mżejjen bil-pasturi tat-terracotta xtrajtu minn Catania. Dan is-sett imżejjen biż-żrar akkwistajtu minn Taranto u dan bil-pasturi mlibbsin huwa minn Napli.”

    Baqa’ għaddej ifehemni d-dettalji dwar din il-kollezzjoni fejn fosthom urini wkoll presepju tax-xemgħa, presepju maħdum f’bajda u tnejn oħra f’ġewża u f’lewża. Presepju ċkejken ieħor kien imqiegħed f’kaxxa tas-sulfarini, filwaqt li ieħor iċken kien imsawwar fir-resin u saħansitra kien hemm bżonn lenti biex tara s-sett ta’ tmien pasturi rqaq li kien mogħni bihom! Ovvjament kellu wkoll xogħolijiet lokali li kollha kellhom xi ġrajja interessanti marbuta magħhom.

    “Dal-presepju ċkejken tahuli Victor Darmanin mill-Kalkara u hu l-minjatura ta’ presepju akbar li ħadem lil xi klijent tiegħu. Dan sett ta’ pasturi li għaddhieli l-ħabib tiegħi Għawdxi Toni Portelli li Parti mill-kollezzjoni ta' Anton Galeasfortunatament m’għadux magħna. Kif qed tara, ma kienx laħaq żebagħhom kollha imma għalija dak hu l-preġju tagħhom għax hekk ifakkruni kif kien tahomli hu. Dan il-presepju huwa ta’ Mary Haber minn Raħal Ġdid u dan ta’ Jesmond Micallef minn Ħal-Qormi. Dawn t’hawn huma sett pasturi għal qalbi ħafna għax kien għamilhom pazjent li kien jinsab fi sptar mentali. Niftakar darba kont mort inżur lil xi ħadd hemmhekk u nara lil dan l-individwu jħokk xi ġebel mal-ħajt. Intbaħt li peress li ma setax ikollu strumenti, kien qed jagħmel hekk biex jagħtihom il-forma u mbagħad permezz ta’ musmar kien ikompli jigref il-fattizzi tal-pasturi.”

    Aktar ma bdejt nisma’ dwar dan id-delizzju, stajt nagħraf li fir-realtà dan kellu bosta saffi ta’ sinifikati: fosthom biex iservi ħalli jgħaqqad il-kulturi u d-drawwiet ta’ pajjiżi differenti.

    “Mhux darba u tnejn li nistiednu lil xi dilettanti barranin f’pajjiżna sabiex anki huma jintroduċu ruħhom max-xogħol tagħna. Il-presepju Malti għandu numru ta’ karatteristiċi tiegħu bħall-użu tal-imtieħen tar-riħ u anki ċertu forom ta’ djar bħal per eżempju fl-istil Għawdxi ġieli ninkludu l-galleriji antiki li Għawdex hu magħruf ħafna għalihom. Imbagħad hemm ukoll pasturi partikolari li ma ssibhomx fi presepji barranin bħal ngħidu aħna x-xabbatur, l-imgħaġġeb, l-adoratur, id-daqqaqa u l-bejjiegħa lokali u x-xrik (li jkunu żewġ pasturi mgħannqin flimkien). Uħud minn dawn il-pasturi jinbiegħu wkoll bl-ilbies tradizzjonali tagħhom u dawn huma mfittxija ħafna mill-barranin.”

    Intant min-naħa tiegħu Anton irnexxielu jadotta s-sengħa tad-dijorama; fejn presepju jkun mibni bħallikieku kien sett fuq palk u allura jkollu l-perspettiva ta’ dak li hu viċin u dak li hu bogħod.

    “Meta waqaft mix-xogħol li kelli bħala għalliem tal-arti għax ħriġt bil-pensjoni, stajt niddedika aktar ħin għal dan id-delizzju. Ftit ftit bnejt sett ta’ sebgħa episodji li juru l-fażijiet differenti li wasslu għat-Id-dijorama tat-twelidtwelid tal-Bambin. L-ewwel dijorama li għamilt kienet turi t-twelid innifsu u personalment nemmen li hija waħda mill-aqwa xogħolijiet li qatt għamilt. L-għan prinċipali tad-dijorama huwa li jagħti sfond lix-xena u allura n-naħa ta’ wara tagħha ma tkunx kwadra imma fit-tundjatura, kemm biex ma toħloqx dellijiet u anki biex tagħti l-impressjoni tal-wisgħa. Apparti x-xogħol dettaljat li fihom biex toħloq ix-xena nnifisha, dawn id-dijorami jkunu qed jaħbu fis-saqaf tagħhom il-bozoz, il-wires u l-extractor biex jagħtu dehra sabiħa u raffinata. Barra minn hekk il-kuluri nfushom ikunu qed inisslu l-karattru tal-istorja bħal ngħidu aħna għat-tħabbira tal-Madonna għażilt il-kulur bajdani, filwaqt li ż-żjara għand Eliżabetta hija aktar ħamranija biex tagħti l-aspett ta’ nżul ix-xemx. Meta l-koppja marret tinkiteb għaċ-ċensiment il-kulur huwa aktar naturali imma mbagħad meta l-koppja kienet qed tfittex lukanda l-kulur huwa ikħal skur għax kien dieħel il-lejl.”

    Sibt li l-kollezzjoni ta’ Anton kienet ħafna akbar milli tani x’nifhem għax ma riedet tispiċċa qatt! Infatti biex idaħħal il-kollezzjoni kollha huwa qiegħed ftit ftit jimla l-kmamar tad-dar kollha u s’issa rnexxielu anki jinżel mal-ħajt tat-taraġ bil-vetrini tiegħu, kollha magħluqin wara l-ħġieġ u mgħottija b’purtieri tad-drapp biex ix-xogħolijiet jitħarsu mill-ħsara tad-dawl.

    “Dis-sena ma kellix aktar post fejn inpoġġi l-oġġetti li kont xtrajt. Għalhekk ordnajt dawn il-vetrini li hawn fit-taraġ u sakemm il-mara marret qadja ta’ nofs ta’ nhar, waħħalthom malajr u sabithom lesti hawn. Ma tantx ħadet gost bija u kelli nwegħedha li mhux se nkompli ninżel aktar ‘l isfel!”

    Imma x’inhi dil-passjoni li ġġiegħel lill-kollezzjonist jibqa’ jixtri presepju wara l-ieħor li wara kollox qed jirrakkuntaw l-istess ġrajja?

    “Għadilli tassew kollha juru l-istess xeni, fil-kumplessità u fit-totalità tagħhom ta’ tqassim, materjal, pasturi u kuluri, kollha jkollhom dak il-karattru partikolari li jiddistingwihom minn xulxin. Għalija dinIl-kollezzjoni tal-pasturi il-kollezzjoni hija ħajti u sserraħħni ħafna bħala delizzju. Meta nkun qiegħed fil-kamra tax-xogħol qed noħloq xi ħaġa ġdida biex inżid magħha, inħoss serenità kbira f’qalbi. Nittama li meta jiġi ż-żmien li din il-kollezzjoni tgħaddi f’idejn oħra, din tibqa’ apprezzata u maħbuba bħal kif dejjem żammejtha jien. Nixtieq ħafna li ma tispiċċax miegħi u li għand min issib ruħha jagħraf l-imħabba u d-dedikazzjoni li ssawret bihom.”

    Tiskanta l-ideat li jiġu f’moħħ l-artist kultant! F’naħa minnhom, Anton urieni presepju li hu fforma ġewwa nkwatru li hu u martu kienu qalgħu fit-tieġ. Imma xejn ma mpressjonani daqs il-presepju li hu rnexxielu jarma ġewwa l-ewwel sett tat-TV li kellu!

    “Moħħi l-ħin kollu għaddej fuq dawn l-affarijiet, tant li anki jekk inkun inkwetat fuq xi ħaġa, ngħid ħa naħseb fuq xi oġġett li nista’ nagħmel dal-Milied u b’hekk ninsa l-Presepju fis-silġproblemi kollha. Darba minnhom wara li ġejna mill-Ġermanja, iddeċidejt li noħloq presepju mhux tas-soltu fejn ix-xena tat-twelid ambjentajta ġo dar tal-injam imdawwra bis-silġ. Darb’oħra waqt li kont għaddej f’park fi Vjenna, sibt biċċa zokk interessanti u ġibtu miegħi sakemm finalment akkwistajt pasturi żgħar minn Napli li stajt nirranġah bihom. Għall-kuntrarju, ġurnata oħra xtrajt sett ta’ pasturi tal-ħġieġ minn Venezja biex imbagħad bnejtilhom sfond bil-ħġieġ ikkulurit li ġbart minn fuq ir-ramel tax-xtajtiet tagħna.”

    Emmnuni, kelli bżonn is-siegħat biex nara l-kollezzjoni kollha. Fosthom Anton kellu bambin iswed maħdum bix-xemgħa li probabbilment jgħodd il-250 sena. L-aktar presepju għal qalbu huwa dak li għamlitlu n-neputija tiegħu Hilda meta kellha sitt snin. U bħalissa jinsab kuntent ferm bl-aħħar presepju li ħadem fuqu biex jesponih għal-wirja ta’ din is-sena.

    “Fir-realtà jiena ngħix il-Milied is-sena kollha għax il-ħin kollu għaddej nara x’ser nivvinta biex naħdem għal din il-festa li hija tant għal qalbi. Meta nħares lura lejn ix-xogħol, l-impenn u l-investiment li Id-dijorama tat-tħabbiraddedikajt għal din il-kollezzjoni ma jiddispaċini xejn għax naf sewwa li min-naħa tagħha hi tatni u għadha tagħtini ħafna ferħ lura. Fosthom tgħini nġedded il-memorji ta’ meta bħala tfajjel ċkejken kont nistenna b’tant ħerqa l-ġranet tal-Milied sabiex noqgħod nilgħab bil-presepju u bil-pasturi. Għalija dak hu l-Milied: is-serenità li kapaċi jwassal presepju fis-sempliċità tiegħu hekk kif jirrakkonta l-akbar ġrajja li qatt rat id-dinja!”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-11 ta’ Diċembru 2011)

    2011.12.11 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • WISQ AKTAR MINN GĦAR

    L-għerien joħolqu ċerta ġibda partikolari fil-bniedem. Forsi minħabba li fl-ewwel snin bikrin tiegħu dawn offrewlu rifuġju, filwaqt li ħitanhom servew bħala tila primittiva għall-espressjoni tal-eqdem artisti. Jista’ jkun ukoll minħabba li fil-qalba mudlama tagħhom l-għerien jagħtu lok għal kull xorta ta’ ħolm u leġġendi fejn il-bniedem jista jimraħ u joħloq mostri waħxin, kreaturi strambi, annimali feroċi, draguni fantastiċi, sħaħar potenti, friefet il-lejl li jixorbu demm in-nies u l-lista ma tispiċċa qatt. Fl-istessIl-bambin fl-Għar ta' Xerri, Għawdex ħin huwa interessanti wkoll li saħansitra l-Bambin Ġesù għażel li jitwieled f’għar u allura hawnhekk l-atmosfera ta’ dawn il-postijiet tinbidel f’waħda ħelwa, solenni u qaddisa, għalkemm fqira. Issa li beda Diċembru, ma teħodhiex bi kbira hekk kif tibda tara numru konsiderevoli ta’ mudelli żgħar t’għerien iżejjnu ħafna mid-djar tal-Maltin, kull wieħed mirqum bl-istil partikolari tiegħu, imma kollha jħaddnu dik l-istatwetta ċkejkna tat-tarbija divina. Madanakollu żgur li qatt ma bsart li anki f’25 pied taħt l-art, fis-silenzju antik ta’ l-Għar Ta’ Xerri, kelli nsib ukoll ix-xbieha tat-tfajjel ċkejken jitwennes mill-ġmiel tal-istalaktiti u l-istalagmiti tal-post.

    Żort bosta għerien f’diversi pajjiżi u kollha kellhom dik ix-xi ħaġa partikolari tagħhom: uħud kienu kbar ħafna, tant li biex dornihom irkibna tren, f’oħrajn kellna nikru l-ġgieget tal-post għax il-kesħa kienet ixxoqq il-għadam, filwaqt li f’numru żgħir ħafna kien hemm ukoll taħżiżiet primittivi mal-ħitan. Did-darba fil-gżira t’Għawdex fix-Xagħra, għand Ta’ Xerri, sibt għar relattivament imdaqqas u li jista’ jitqies bħala teżor ġeoloġiku. Imma nistqarr li l-aktar li laqgħatni f’dan il-post kien dak is-sens ta’ merħba fil-familja, hekk kif numru ta’ familjari minn Ta’ Xerri fosthom Mananni, Vicky, Joanne, u Joseph ġew jiltaqgħu miegħi sabiex jirrakkuntawli dwar is-sejba storika ta’ dan l-għar.

    “Fl-1923 nannuwi Ġużeppi Xerri kien qiegħed iħaffer spiera fid-dar tiegħu. F’dawk iż-żminijiet f’dawn l-inħawi ma kienx hemm servizzi tal-ilma u għalhekk kull min kien jibni daru hemmhekk, kellu jħafferĠużeppi Xerri li sab l-Għar Ta' Xerri spiera biex jinqeda għall-bżonnijiet tiegħu. Kienet biċċa xogħol iebsa hekk kif il-blat kellu jitbaqqan biċċa biċċa bl-idejn. Għalhekk tista’ taħseb x’baqa’ f’Ġużeppi hekk kif wara li niżel 25 pied taħt l-art titfaċċa toqba kbira quddiemu. Ħaseb li kien iltaqa’ ma’ xi dagħbien żda meta hu niżel biex jittawwal ħalli jara x’sab, għaraf li fir-realtà x-xorti kienet daħkitlu għax hemm, proprju taħt daru, kienet iffurmat opra naturali ta’ stalaktiti u stalagmiti l-ġmiel tagħhom.”

    Joseph Xerri li llum għandu 69 sena, jiġi n-neputi ta’ Ġużeppi, u jiftakar sewwa lin-nannu jheda jirrakkonta dwar dik il-ġurnata immemorabbli.

    “Naħseb li kultant ikun destin għaliex meta sfrundat l-art, in-nannu nzerta li ġie proprju fil-qalba tal-għar u għalhekk seta’ jifhem mill-ewwel il-valur tal-post. Li kieku minflok niżel ħarira lejn naħa jew oħra, jew kien ikisser xi biċċa minnu, inkella jaf kien isib biss xi żewġ stalaktiti u jibqa’ nieżel ‘l isfel bla ma qatt jiskopri dan is-sit. Xi 35 sena qabel, madwar 100 metru ‘l bogħod, kien instab l-Għar ta’ Ninu li wkoll kellu dawn il-karatteristiċi u għaldaqstant in-nies kienu diġà jafu sewwa bil-preġju ta’ postijiet bħal dawn.”

    Inżilna 36 tarġa ‘l isfel matul garigor dejjaq li wassalna proprju fil-post fejn kienet infetħet il-bokka tal-għar. Joseph beda jurini kif għall-ewwel l-għoli tal-għar kien biss ta’ 4 piedi.

    “Nannuwi kien ambjentalist kbir u għalhekk lanqas dam jaħsibha xejn biex iwaqqaf ix-xogħol kollu li kien qed jagħmel għall-ispiera ħalli minflok jara kif jista’ jippreserva l-post u jirranġah biex ikun jista’Il-garigor fl-Għar Ta' Xerri wkoll jilqa’ l-pubbliku fih.  Minnufih beda jqatta’ fil-qiegħa tal-art biex iżid l-ispazju fejn wieħed seta’ jimxi aktar komdu madwar il-mogħdijiet li fforma hu stess. In-nies kellha kurżità kbira biex tara x’kien sab Ġużeppi u l-viżitaturi kienu jiġu bil-gzuz anki minn Malta u minn pajjiżi oħra. Ta’ min isemmi li fil-bidu ma kienx hawn dan il-garigor biex tinżel minnu. Infatti n-nies kienu jitniżżlu wieħed wieħed permezz ta’ apparat magħruf bħala buzzell fejn wieħed kien jirkeb fuq pjattaforma ċkejkna li kienet marbuta ma’ xi ħbula ħoxnin, imbagħad żewġ persuni kienu jdawwru l-manki fuq kull naħa u dak li jkun jitniżżel isfel. Però n-nannu jirrakkonta li darba minnhom ġie jżur dan il-post Lord Strickland u meta ra dik il-meravilja ta’ post offra huwa stess li jħallas għall-ispejjeż biex sar dan il-garigor u anki għall-kamra fl-entratura tad-dar fejn il-familja setgħet tilqa’ b’mod aktar komdu l-viżitaturi li kienu jiġu.”

    Għal mument bdejt nimmaġina x’kien jgħaddi minn moħħ dawk li dari kienu jitniżżlu ‘l isfel f’dal-qiegħan bil-ħbula. Ma kellix dubju li kien stil aktar avventuruż imma ċertament ukoll aktar imwiegħer. Għax anki int u nieżel mill-garigor modern tħossok qisek nieżel fil-qalba tad-dinja! Joseph jiftakar lil nannuh iwiddibhom biex ma jinżlux weħidhom ġo l-għar għax kien jibża’ li jagħmlulu l-ħsara. Imma wisq naħseb li l-inkwiet ta’ Ġużeppi kien ħafna akbar minn hekk għax darba kienet ser tiġri waħda tinkiteb fil-familja!

    “Darba minnhom ħu n-nannu bla ma qal xejn lil ħadd, fettillu jinżel jittawwal waħdu fl-għar. Niżżel miegħu xemgħa u kaxxa sulfarini u beda għaddej matul il-mogħdijiet meta f’ħin minnhom waqgħatlu l-L-Għar Ta' Xerrikaxxa tas-sulfarini, intfietlu x-xemgħa, u ma seta jara xejn aktar, la biex jerġa’ jagħmel ftit dawl u lanqas biex isib il-bokka tal-għar. Imwerwer beda jwerżaq u jgħajjat kemm jiflaħ imma minn hemm taħt, mhux la kemm tisimgħu! Id-dar l-antika tan-nannu kienet differenti minn kif inhi llum. Kienet kbira ħafna u bejn il-biċċa abitata u dan l-għar kien hemm bitħa wiesgħa. Fuq kollox kienet ġo sqaq dejjaq li ma jinfidx. Meta t-tfajjel baqa’ ma rritornax id-dar, il-familja tiegħu ħarġet tfittxu ma’ kullimkien imma ħadd ma basar fejn kien. Għamel jumejn waħdu hemm isfel sakemm fl-aħħar xi ħadd ġietu f’moħħu li jfittxu fl-għar u sabuh! Min jaf kemm il-darba smajtha dil-ġrajja minn fomm iz-ziju stess stess imma l-għar xorta baqa’ dejjem għal qalbu ħafna, tant li meta kiber, kompla ħaffer pied ieħor ‘l isfel fl-art biex nies ta’ statura itwal ikunu jistgħu joqogħdu aktar komdi. Aktar il-quddiem in-nies saret taf lil zijuwi bħala Dun Mikelanġ Xerri.”

    Ir-rakkonti komplew għaddejjin. Kont qed napprezza ħafna nitkellem ma’ Joseph li kien qed jgħaddili din l-informazzjoni tant prezzjuża speċjalment peress li kienu żminijiet li għex hu stess. Fosthom qalli li fi żmien it-tieni gwerra dinjija, dan l-għar serva wkoll bħala xelter għall-familja.

    “Ommi kienet tgħidli li kelli sitt xhur meta kienet tniżżilni hawn fi żmien il-gwerra. Għall-ewwel kienu jistkennu madwar il-garigor imma meta mietu xi nies fix-Xagħra wara li waqgħu xi bombi fl-inħawi, huma bdew jibżgħu li jekk taqa’ bomba fil-bokka tal-għar, kienu jmutu kollha hemm. Għalhekk in-nannu beda jqatta’ l-ħin ikompli jħaffer aktar il-ġewwa fl-għar. Hekk jew hekk kien perikoluż wisq biex jibqa’ jaħdem fl-għelieqi. Ħaffer ukoll kamra f’ħajt minnhom fejn ma kien hemm l-ebda karatteristiċi partikolari u meta kien isir xi attakk, konna nistkennu hemm sakemm jgħaddi kollox. Meta l-gwerra spiċċat, in-nannu reġa’ mbarra l-kamra bil-ġebel iżda t-tifkiriet li għexna hemm isfel għadhom ħajjin sewwa.”

    Forsi issa tistgħu tifhmuni aħjar dwar x’ridt infissrilkhom meta ddeskrevejt x’laqgħatni l-aktar f’dan il-post. Għax b’differenza ta’ inħawi oħra, f’dan l-għar, apparti li tista’Formazzjonijiet fl-Għar Ta' Xerri tapprezza l-ġmiel tal-post, tista’ tħoss ukoll il-polz innifsu ta’ din il-familja li wara kollox tirrappreżenta l-bqija tas-soċjetà tagħna. Ħadt gost nisma’ lil Joseph jispjegali u jimmarkali l-aktar partijiet interessanti tal-għar fejn fosthom stajna nagħrfu kwantità kbira ta’ forom fil-ġebel li kienu jixbħu għadd ta’ annimali, tjur u bosta figuri oħra mlewwna b’ilwien varji li skulaw fil-ġebel mill-ħamrija ta’ fuq.

    “Ara hawnhekk…. isma’ ftit il-ħoss differenti li jagħmlu dawn l-istalaktiti,” qalli hekk kif ħabbat bir-reqqa fuqhom u għamlu ħoss sabiħ kull wieħed. “Sfortunatament kien hawn oħra bħalhom hawnhekk li hi wkoll kellha l-ħoss partikolari tagħha. Imma darba minnhom ġew salt viżitaturi f’daqqa u bla ma ntbaħna, xi ħadd qaċċatha biex ħadha miegħu bħala rikordju!”

    Ħallini bla kliem. Kulħadd jaf li dawn il-forom ġeoloġiċi jieħdu numru kbir ta’ snin biex jieħdu surithom. U mbagħad hawn min tiġih f’rasu li jqaċċathom f’sekonda!

    “Għalhekk għandna dawn in-noti hawnhekk biex ħadd ma jmisshom b’idejh imma kultant ċerti nies ma jifhmux xi ħsara jkunu qed jikkawżaw meta jmorru kontra dawn ir-regoli. Biss biss ara, dil-kolonna hija l-ikbar waħda li hawn f’dan l-għar u din jaħsbu li ħadet madwar nofs miljun sena biex kibret!”

    Imxejna passejn oħra u Joseph qabad biċċa ġebla partikolari li kienet hemm apposta biex tintwera lill-pubbliku. Kienet tqila ferm, lanqas temmen li ffurmat biss mill-ilma u Joseph Xerrimill-minerali.

    “Dal-materjal jgħidulu alabastru u ġebla bħal din li kieku kellha tiġi sserata min-nofs tkun il-ġmiel tagħha. Ħares lejn il-forma tal-ġebel l-ieħor li jieħu surtu skont il-karatteristiċi differenti li jsib ruħu fihom: per eżempju dawk il-forom li aħna nistħajjluhom widnejn l-iljunfant ma sarux permezz tal-qtar tal-ilma bħall-istalaktiti u l-istalagmiti, imma billi l-ilma ċarċar magħhom u ħareġ dak id-disinn.”

    Għaddejna minn parti oħra li kient tidher wisq għall-qalb Joseph.

    “Ma nixba qatt inqatta’ l-ħin hawn taħt u aktar u aktar meta nkun qed nuri dawn il-kapolavuri naturali lil xi ħadd. Partikolarment din in-naħa hija mżejjna b’għadd ta’ ġebel li nafuh bħala qroll u kif inkun għaddej minn hawn, aktar nistħajjilni għaddej minn ġo xi għar taħt qiegħ il-baħar milli taħt l-art.”

    Finalment ġejna wkoll ħdejn spiera li did-darba nannuh Ġużeppi kien irnexxielu jħaffer sal-aħħar.

    “In-nannu mmarka post ieħor fejn ra li ma setax jagħmel ħsara lill-għar u reġa’ beda jħaffer ftit ftit sakemm laħaq dan l-għar u mbagħad baqa’ nieżel 15-il pied ieħor sakemm sab it-tafal u l-ilma. Fil-bidu kien jittella’ l-ilma bil-barmil u t-tarjola. Illum ix-xogħol eħfef għax hawn il-pompa.”

    Kienet ix-xbieha tat-tarbija ċkejkna tal-Bambin Ġesù li laqgħatna hekk kif dħalna fl-għar u kienet hi wkoll li sellmitilna hekk kif wasalna biex nitilqu. Naturalment titpoġġaKolonna maħsuba li ħadet nofs miljun sena biex issawret hemm biss f’dan iż-żmien ħlejju tal-Milied, anki sabiex tkompli tagħti laqta’ oħra aktar familjari lill-post. Hija ħasra li llum il-viżitaturi f’dan il-għar naqsu ħafna b’mod speċjali t-turisti.

    “Ħafna mit-turisti li jiġu fil-gżira t’Għawdex ikollhom programm lest mill-gwida tagħhom fejn ser jittieħdu. Imma għal xi raġuni, ħadd m’għadu jġibhom ‘l hawn. Jeħduhom iżuru l-postijiet tas-soltu, dawk l-aktar popolari, u mbagħad jerġgħu jħaffuhom lura lejn Malta. Aħna nikkunsidraw lil dan il-post bħala sit importanti daqs l-oħrajn. Ma naħsbux li hu sewwa li dawk li jiġu jżuru gżiritna qed jiġu mċaħħda milli jiskopru wkoll dawn it-tipi ta’ siti li għandna hawnhekk. Infatti dawk il-Maltin u t-turisti li jsiru jafu b’dan l-għar u jiġu jarawh, kollha jibqgħu impressjonati ħafna bi ġmielu. ”

    U ntenni għal dawk li huma responsabbli minn dawn it-turisti li jżuru l-gżejjer tagħna – tinsew qatt li wieħed mill-aqwa prodotti Maltin hijaL-entratura għall-Għar Ta' Xerri sempliċiment l-akkoljenza sabiħa u ġenwina li l-poplu tagħna kapaċi jwassal u li ilu magħruf għaliha għall-mijiet ta’ snin. Infatti ħames familji minn Ta’ Xerri joqogħdu fl-inħawi tal-għar, fejn saħansitra t-triq issemmiet għal dal-post, sabiex kuljum, anki fil-ħdud u l-festi huma jilqgħu bil-qalb lil kull min jogħġbu jinteressa ruħu f’dat-teżor sabiħ tagħhom.

    “L-Għar Ta’ Xerri huwa għal qalbna ħafna għax ifakkarna fil-galbu li wera Ġużeppi meta nstab dan il-post u l-ħila li kellu biex żammu u ppreżentah lin-nies bl-aħjar mod possibbli. Inħossuna obbligati li nkomplu naqsmu l-imħabba li hu kellu għal dan l-għar u li llum tħeġġeġ anki f’qalbna. Huwa wirt sabiħ li ħallilna sabiex nibqgħu nġeddu l-memorji tiegħu u anki biex nuru lil kulħadd x’kapaċi toħloq din l-art sbejħa tagħna.”

    L-Għar Ta’ Xerri jinsab fi Triq l-Għar Ta’ Xerri fix-Xagħra, Għawdex.

    INTERVISTA: JOHN JOSEPH BORG – Kuratur Prinċipali tal-Mużew tal-Istorja Naturali

    Tkellimt ukoll ma’ John Joseph Borg dwar dawn il-fenomeni naturali, fejn fosthom staqsejt kif jiffurmaw l-istalaktiti u l-istalagmiti, jekk f’inħawi fejn jinstabu numru ta’ għerien bħal dawn ikunx hemm il-periklu li l-art tkun instabbli u anki xi tfisser dagħbien?

    “L-istalaktiti u l-istalagmiti jiffurmaw meta jkollok kundizzjonijiet ideali fosthom: ilma li jiskula minn ġewwa l-blat, bil-mod iżdaJohn Joseph Borg konsistenti, ġir (lime), u klima adatta ġewwa l-għar, jiġifieri mingħajr kurrenti tal-arja kif ukoll temperatura stabbli.

    L-inħawi tax-Xagħra huma magħmula mill-ġebla tal-Qawwi Ta’ Fuq (Upper Coralline Limestone). F’ċerti żoni ta’ dan il-blat xi drabi jistgħu jiffurmaw kanali, għerien u spazji vojta oħrajn. Infatti fix-Xagħra nsibu numru ta’ għerien bħal Ta’ Xerri, Ta’ Ninu, Ta’ Calypso, Tal-Ġnien, Ta’ Ghejżu u oħrajn. Jista’ jkun li bejn l-għerien ikun hemm iżjed xpakkaturi imma l-fatt li jeżistu dawn l-għerien ma jfissirx li l-blat hu nstabbli.

    Dagħbien huma ħofor fil-blat li ġeneralment ikunu mimlija bil-ħamrija kwaternarja (ta’ Żmien is-Silġ). F’xi każi, wieħed isib  ukoll għadam ta’ annimali li kienu jgħixu f’dak iż-żmien bħal ċriev, iljunfanti, ippopotami u speċi oħra. Għal min ikun qiegħed iħaffer spiera jew bir, dawn l-ispazji “vojta” fil-blat iħaffu ħafna fit-tqattiegħ tal-ġebla.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-4 ta’ Diċembru 2011)

    2011.12.04 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • MEMORJI STORIĊI F’TA’ BRAXIA

    Mix-xellug - Dr Alexander Welsh u Charles Gatt biswit monument li għandu l-ħsara tal-gwerraIl-ħajja tal-bniedem hija kumplimentari mal-bqija tan-natura u għaldaqstant għandha wkoll il-fażijiet tagħha: tibda mit-twelid, tkompli bit-tfulija, tiżvolġi fil-ħajja adulta, timxi għall-anzjanità u tintemm bil-mewt. Iżda l-mewt mhiex finali għax finalment hemm ir-reġenerazzjoni. U hekk kif l-ewwel xtieli żgħar ħadranin ifiġġu mill-ħamrija skura mxarrba wara li jkunu spiċċaw il-pjanti ta’ qabel, dawk li jemmnu, jifhmu li r-ruħ tal-individwu tkun imxiet għall-ħajja aħjar, dik eterna, filwaqt li  l-ħajja ta’ dawk li jkun ħalla warajh tkompli għaddejja fid-diżinn maħluq għaliha. Madanakollu hemm ħaġa li tifridna mill-bqija tal-ħolqien: aħna l-bnedmin nibqgħu niftakru fl-antenati tagħha, tant li għal ħafna dawn jibqgħu bħallikieku ħajjin f’qalbhom. Finalment waħda mill-funzjonijiet taċ-ċimiterji hija proprju dik li jibqgħu jħaddnu l-memorja ta’ dawk li jkunu tbennu fil-qalbha t’arthom. Għaldaqstant, dawk li jieħdu ħsieb dawn il-lwogi jkunu qed jaċċertaw li dawk li għexu qabilna ma jintesewx. Dawn il-ħsibijiet tfasslu f’moħħi hekk kif dil-ġimgħa, biex nagħlaq l-aħħar artiklu ta’ Novembru, iltqajt ma’ Charles Gatt u ma’ Dr Alexander Welsh sabiex inżur għall-ewwel darba ċ-ċimiterji li jinsabu f’Ta’ Braxia fejn fosthom ġew anki midfuna prinċpijiet u prinċipessi magħrufa.

    Dr Alexander Welsh, li huwa l-Viċi President tal-Assoċjazzjoni ‘The Friends of Ta’ Braxia’ huwa storiku li qatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu jaħdem fuq diversi proġetti ta’ restawr f’pajjiżi differenti. Iżda hekk kif f’dawn l-aħħar snin huwa beda jgħix f’pajjiżna fehem illi: “F’Malta jeżisti wirt kulturali f’kull metru kwadru aktar minn imkien ieħor fid-dinja u biex ikompli jagħnih, dan il-wirt tħalla minn bosta kulturi differenti. Ngħidu aħna nisimgħu ħafna bl-arkeoloġija u bl-iskoperti mmensi tal-Eġittu imma dawn huma mxerrda ma’ firxa kbira ta’ art. Il-meravilja ta’ Malta hija li f’kull pass li tagħti fuq din l-art tiltaqa’ ma’ xi ħaġa ta’ valur storiku. Hija ħasra li forsi wħud mill-Maltin stess ma jintebħux u ma japprezzawx dan.”

    Charles Gatt li huwa d-Direttur Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni u għamel snin jaħdem bħala arkitett navali, fissirli l-preġju taċ-ċimiterju prinċipali Ta’ Braxia: “Dan iċ-ċimiterju jmorru lura għas-seklu dsatax u fih ġew midfuna għadd ta’ individwi magħrufa li ffurmaw parti mill-istorja ta’ Malta. Għalhekk dal-post minbarra li jitlob rispett minħabba l-funzjoni tiegħu, jesiġi l-apprezzament peress li huwa ġawhra arkitettonika  u  monument storiku nazzjonali.”

    Inġbarna bilqiegħda ġo kmajra li tintuża bħala l-uffiċċju tal-Assoċjazzjoni. Anki din il-kmajra kellha l-istorja interessanti tagħha.

    “Snin ilu, din il-kamra kienet tifforma parti mid-dar ta’ John Mizzi li kellu arranġament biex jgħix proprju hawn fit-tarf taċ-ċimiterju ħalli jkun jista’ jieħu ħsieb dan il-post. Sfortunatament meta John ġie nieqes, iċ-ċimiterju f’Ta’ Braxia ntelaq għal rieħu, tant li finalment in-natura nnifisha ħabtet tipprova tidfnu taħt il-ħaxix, il-pjanti u s-siġar li bdew telgħin ma’ kullimkien.”

    Ir-rakkont ta’ dan iċ-ċimiterju jeħodna lura lejn iż-żmien meta pajjiżna għadda taħt il-kuruna Ingliża fil-bidu tas-seklu 19.

    “F’dak iż-żmien il-Kattoliċi Maltin kienu jindifnu taħt l-art tal-knejjes tagħhom u għalhekk dawn il-barranin li kienu jħaddnu reliġjon ieħor, ma setgħux jindifnu fl-istess postijiet. Mal-miġja tal-IngliżiIċ-ċimiterju prinċipali f'Ta' Braxia f’Malta bdew jiżdiedu r-residenti, l-vjaġġaturi, is-suldati, il-baħrin u n-negozjanti barranin li wħud minnhom mietu f’pajjiżna u għalhekk kellu jinstabilhom post fejn jindifnu. Għall-ewwel bdew jintużaw xi inħawi li kienu jinsabu ġewwa s-swar tal-Furjana sakemm matul is-snin dan id-dfin infirex u laħaq is-swar tal-Imsida. Eventwalment dan tal-aħħar ġie kkonsagrat bħala ċimiterju u huwa l-uniku wieħed li għad fadal mis-siti l-oħra. Infatti minflok iċ-ċimiterju kbir li kien jinsab fis-Sur tal-Kwarantina u dak aktar żgħir tal-Ortodossi Griegi, illum insibu l-art tal-lukanda l-ġdida Excelsior.

    Meta ċ-ċimiterju li kien jinsab fuq is-swar tal-Imsida ntela’ kien hemm bżonn ta’ ċimiterju ġdid u fl-1857 intagħżlet biċċa art magħrufa bħala Ta’ Braxia li kienet viċin l-inħawi tal-Bieb tal-Bombi. Iċ-ċimiterju ġie diżinjat minn Emanuele Luigi Galizia (1830 – 1906) li kellu biss 25 sena dak iż-żmien (aktar tard hu kien responsabbli wkoll mid-diżinn taċ-ċimiterju tal-Addolorata). B’differenza taċ-ċimiterji ta’ qablu li kienu ssawru skont il-ħtieġa, dan kien ippjanat b’mod mirqum u li jilqgħek. Infetaħ uffiċċjalment fid-9 t’Ottubru 1857 bil-għan li jilqa’ fih nies minn kull reliġjon. Madanakollu inizzjalment dal-post ħa l-fama fost il-Maltin bħala ‘Tal-Protestanti’ u ħadd mill-Kattoliċi Maltin ma ried jindifen fih.”

    Issa konna ħriġna nduru madwar iċ-ċimiterju prinċipali. Inzertat ġurnata sabiħa minn dawk li jaf jagħti biss pajjiżna u nistqarr illi li kieku ma kienx għal-lapidi, l-post aktar kien qisu xi ġnien kbir antik u sabiħ. L-għana ħlejju tal-għasafar kien qed jikser is-sikta solenni tal-post filwaqt li kien ukoll qed jostor taħtu l-ħoss tat-traffiku għaddej fil-qrib. Min jaf kemm il-darba għaddejt biswit dan il-post u qatt ma ntbaħt li hemm kien hemm lwog tant interessanti! Infatti minħabba s-siġar kbar tal-post, qatt m’għaraft li f’naħa minnhom kien hemm kappella mdaqqsa li apparti li kienet qed iżżejjen l-inħawi, kellha wkoll nisġa ħelwa ta’ storja ta’ mħabba msawwra fiha.

    “Il-kappella taċ-ċimiterju Ta’ Braxia hija partikolarment interessanti minħabba li hija l-uniku eżempju arkitettoniku tal-istil ‘High-Gothic’ f’Malta. Inbniet minn Sir Arthur Hamilton Gordon K.C.M.G li kienIl-kappella f'Ta' Braxia magħruf ukoll bħala Lord Stanmore u kien għamel żmien bħala gvernatur ta’ New Brunswick, Trinidad, Mauritius, Fiji, New Zealand u Ceylon. Il-kappella kellha tkun bħala tifkira ta’ martu Rachel Emily Hamilton Gordon li waqt li kienet fuq vjaġġ minn Ceylon lura lejn id-dar tagħha fl-Ingilterra, inħakmet minn marda qalila u kellha titniżżel hawn Malta fejn mietet fis-26 ta’ Jannar 1889 fl-età ta’ 60 sena. John Loughborough Pearson, perit magħruf ħafna f’Londra u li kien jispeċjalizza fil-bini tal-knejjes, ġie mqabbad jiddiżinja din il-kappella li fuq in-naħa ta’ wara tagħha kellha tinkorpora l-qabar tal-mara.”

    Għalkemm din il-kappella hija xempju ta’ kif mill-mewt ma jiskappa ħadd, fl-istess ħin hija tikkonferma mill-ġdid li dawn il-postijiet għandhom ħabta jfakkruk aktar fl-imħabba milli fil-mewt, jekk tiftaħ biżżejjed qalbek għalihom. L-istess kif jagħmel il-monument maestuż ta’ Olof Fredrik Gollcher, li l-bust tal-bronż tiegħu jserraħ fuq kolonna twila tal-irħam, bi xbieha mnikkta femminili tal-bronż taħtu. Daqstant ieħor l-oqbra tal-prinċpijiet u l-prinċipessi Poutiatine li għal xi żmien kienu gawdew mir-rifuġju ta’ pajjiżna; il-prinċipessa Nathalie Poutiatine li mietet fil-21 ta Jannar 1984 kienet iżżewġet lill-Malti Edgar Tabone u min jaf kemm ferrħet nies biż-żfin tagħha fit-teatri tagħna, filwaqt li finalment kienet ukoll hi li rawwmet oħrajn f’dan il-qasam meta fetħet l-ewwel skola tal-ballet klassiku f’pajjiżna.

    “Hawn minn kull xorta ta’ nies midfuna hawnhekk: maġġuri, ġenerali, suldati, isqfijiet, reverendi, negozjanti, vjaġġaturi, eċċ. Preżentement hawn madwar 5000 persuna midfuna f’dan il-post li ħafna minnhom għandhom storja interessanti bħal Grabiel Vassalli li kien it-tifel il-kbir ta’ Mikiel Anton Vassalli, Lord Moynihan li kien missier it-tabib ta’ Churchill u Mary Olga Katherine Mills li kienet waħda mill-pijunieri tal-fidi Bahá’í. Nistgħu ngħidu li żewġ terzi minn dan iċ-ċimiterju huwa storiku filwaqt li l-bqija għadu jintuża sal-llum.”

    Infatti huma għarrfuni li hemm lista twila ta’ nies, saħansitra Maltin, li llum jixtiequ jindifnu f’dan il-lwog. Madanakollu bħalissa m’hemmx aktar oqbra ġodda għalkemm qedPassaġġi wiesgħa li jistgħu jilqgħu aktar oqbra isiru xi diskussjonijiet mal-gvern dwar dan il-qasam. Huma wrewni l-passaġġi wiesgħa li huwa mogħni bihom iċ-ċimiterju li għalkemm fil-preżent qed isebbħu l-post, parti minnhom tista’ sservi bħala spazju għal oqbra ġodda. L-art taċ-ċimiterju hija tal-gvern għalkemm l-oqbra huma privati u s-sidien għandhom id-dritt li jidfnu l-familjari tagħhom hemm. Matul it-triq Charles u Alexander bdew juruni s-sinjali tal-ħsara li ħalliet warajha t-tieni gwerra dinjija.

    “Dal-post intlaqat diversi drabi mill-bombi li twaqqgħu fuq il-pajjiż. Ħafna mil-lapidi nkinsu mal-art bil-blast tagħhom filwaqt li oħrajn tqattgħu bis-shrapnel tal-bombi. Ammont konsiderevoli minn din il-ħsara ġiet irrestawrata lura imma kif qed tara, għad hemm ħafna aktar x’isir.”

    Peress li dan iċ-ċimiterju kien għamel żmien mitluq, il-kundizzjoni tiegħu kienet tbikkik u mhux darba u tnejn li ġew xi barranin biex iżuru l-antenati tagħhom u tkażaw bis-sitwazzjoni li kien jinsab fih. Finalment fl-2001 ġiet imwaqqfa l-Assoċjazzjoni ‘The Friends of Ta’ Braxia’ li tifforma parti mill-NGO Din L-Art Ħelwa. Il-President ta’ din l-Assoċjazzjoni huwa l-imħallef Maurice Caruana Curran li huwa wkoll il-president fundatur ta’ Din L-Art Ħelwa.

    “B’kollaborazzjoni ma’ Din L-Art Ħelwa u mad-Dipartiment tas-Saħħa sar ftehim biex jinħarġu fondi sabiex jiġi restawrat dan il-post. Permezz ta’ xi voluntiera minn Din L-Art Ħelwa u anki ta’ xi individwi oħra u bl-għajnuna ta’ xi benefatturi bħall-familja Gollcher, inbeda x-xogħol biex jitnaddaf il-post u biex tiġi rranġata ċertu ħsara strutturali u arkitettonika, kemm minħabba t-tkissir li ħalliet warajha l-gwerra u li kienet baqgħet ma ġiet irranġata qatt u anki d-danni kkaġunati mill-mogħdija taż-żmien. Illum, għaxar snin wara, daċ-ċimiterju jinsab f’qagħda ħafna aħjar milli sibnih fejn fosthom installajna wkoll is-sistemi tal-ilma u d-dawl u xi servizzi oħra li jistgħu jinqdew bihom dawk li jiġu jżuru l-post. Imma l-kobor tal-post jirrikjedi ħafna fondi għaż-żamma tiegħu u għall-bqija tax-xogħol li għad fadal isir fih. Il-membri tal-Assoċjazzjoni jħallsu miżata ċkejkna biex jgħinu f’dan u uħud minnhom jinġabru magħna kull nhar t’Erbgħa biex naraw x’għandu bżonn isir u nagħmlu xi manutenzjoni fiċ-ċimiterju. Nixtiequ ħafna li kellna aktar fondi u voluntiera biex inwettqu dak kollu li hemm bżonn!

    Ma rridux ninsew insemmu lil individwi bħal-Maġġur Anthony Camilleri li huwa d-direttur u t-teżorier tal-Assoċjazzjoni, għall-għajnuna u l-pariri tiegħu rigward l-aspett militari, u lil numru ta’ persuniMonumenti sbieħ f'Ta' Braxia li qed jittieklu biż-żmien oħra li għenuna biex nidentifikaw lil kull min jinsab midfun f’dan iċ-ċimiterju, tant li llum jiġu numru konsiderevoli ta’ nies biex ifittxu jekk l-antenati tagħhom jinsabux midfuna hawn. Ta’ min jgħid ukoll illi dan iċ-ċimiterju jaqa’ taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa, filwaqt li d-dokumentazzjoni uffiċċjali tad-dfin jinżammu fl-uffiċċju taċ-ċimiterju tal-Addolorata.”

    Iżda kien għad fadal aktar x’niskopri f’dan il-post, hekk kif wara entratura ċkejkna maqtugħa f’ħajt apparti, Dr Welsh urieni ċimiterju żgħir ieħor fejn fih dari kienu jindifnu l-Lhud. Huwa għaddieli rivista bl-informazzjoni dwaru miġbura minn Alan Keighley.

    “Għal dawn l-aħħar 3000 sena kien hawn għadd ta’ Lhud joqogħdu fil-gżejjer Maltin, għalkemm teżisti ftit li xejn informazzjoni dwarhom f’dawn is-snin bikrin. Huwa mill-14-il seklu ‘l fuq li nibdew insibu xi dettalji dwar il-komunità Lhudija f’Malta. Fiż-Żmien Nofsani kien hawn numru sostanzjali ta’ Lhud f’Malta, tant li f’perjodu minnhom, madwar terz tal-popolazzjoni tal-Imdina kienet Lhudija. Fl-1492, il-Lhud sfaw imkeċċija minn Malta minħabba l-Inkwiżizzjoni Spanjola. Aktard tard, fl-era tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-Lhud spiss kienu jittieħdu lsiera minħabba li kienu jitħallsu flus tajba għal-ħelsien tagħhom. Kien hawn numru ta’ ċimiterji f’Malta għal dawk il-Lhud li kienu jmutu fil-pajjiż u fl-1784 infetaħ wieħed fil-Kalkara. Meta l-Franċiżi daħlu Malta fl-1789, Napuljun ordna li l-Lhud, li ħafna minnhom sa dak iż-żmien kienu meqjusa bħala skjavi, kellhom jibdew jitqiesu bħala ugwali mal-bqija tas-soċjetà. Meta f’Settembru tal-1800 waslu l-forzi Ingliżi f’Malta, il-Lhud setgħu wkoll jipprattikaw it-twemmin tagħhom fil-beraħ.

    Jingħad li għall-ħabta tas-sena 1827, waqt li Sir Moses Montefiore, li kien sinjur kbir u filantropiku Lhudi, kien qiegħed għal btala f’Malta, il-komunità Lhudija talbitu jgħinhom biex ikollhom post ieħor fejn setgħu jindifnu peress li ċ-ċimiterji ta’ qabilhom kienu qed jintlew. Huwa tkellem mal-Gvernatur Ponsonby u dil-biċċa art żgħira f’Ta’ Braxia ġiet akkwistata u llum hija proprjetà tal-komunità Lhudija.”

    Dr Welsh qalli li meta hu u martu raw dan il-post għall-ewwel darba, lanqas biss kellhom idea x’kien. Dak iż-żmien Dr Welsh kien responsabbli mit-tim li kien qiegħed jieħuIċ-ċimiterju tal-Lhud imiss mal-ħitan ta' bini aktar riċenti ħsieb ir-restawr f’Ta’ Braxia u din il-biċċa art kienet miżgħuda bis-siġar u l-pjanti slavaġ li kienu għattew l-oqbra u l-monumenti kollha taħthom.

    “Meta l-post beda jitnaddaf għarafna li kien ċimiterju Lhudi. Għall-ewwel konna xi ftit konfużi peress li ċerti iskrizzjonijiet li kienu baqgħu leġġibbli kienu miktuba bil-lingwa Taljana filwaqt li oħrajn kienu bil-lingwa antika Ebrajka. Iżda permezz tal-għajnuna tal-istoriku militari Alan Keighley irnexxielna nidentifikaw 120 qabar u permezz tal-lapidi stajna nagħtu isem lil 56 persuna li jinsabu midfuna f’dan il-post. Madanakollu l-iskrizzjonijiet bil-lingwa antika Ebrajka għadhom qatt ma ġew tradotti għax jidher li dil-kitba tmur lura ferm.

    Sal-1880 dan iċ-ċimiterju ntela’ wkoll u għalhekk infetaħ ċimiterju ieħor għal-Lhud fil-Marsa. Jidher li biż-żmien dan il-post intesa, tant li llum ftit li xejn jiġu jżuruh filwaqt li eżatt miegħu ttella’ bini kbir li kompla jisraq mill-karattru tas-sit.

    Xorta waħda, kif qed tara, kemm dan iċ-ċimiterju tal-Lhud u anki ċ-ċimiterju prinċipali f’Ta’ Braxia, qed jinżammu fl-aħjar stat possibbli permezz tal-għajnuna imprezzabbli tal-voluntiera, li mingħajrha bla dubju, dawn il-postijiet ma jkunux daqstant miżmuma.”

    Bqajt indur għal ftit ħin ieħor waħdi fiċ-ċimiterju prinċipali sabiex nosserva, niġbed ir-ritratti u nifhem aktar dik l-informazzjoni li kont għadni kif ġbart. Fosthom, biswit xiĦajt imwaqqgħa f'Ta' Braxia lapidi tal-oqbra fuq in-naħa ta’ wara taċ-ċimiterju, innutajt parti minn ħajt imwaqqgħa li ċertament ikerraħ dal-post li jixraqlu ħafna aktar dinjità. Tgħaġġibni dil-ħelwa Malta tiegħi kemm kapaċi tissorprendini kull darba. U kważi nitnikket meta nintebaħ li tant hawn postijiet u ġrajjiet li ma nafx bihom, li ħajja waħda mhux ser isservini biżżejjed biex niskoprihom kollha! Almenu qalbi tistrieħ meta nifhem li permezz ta’ dawn l-artikli nista’ naqsam dan it-tagħrif magħkom bit-tama li nqanqal l-imħabba u l-kilba għal aktar għarfien fostkhom, b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ tagħna li għad xi darba jkomplu warajna.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-27 ta’ Novembru 2011)

    2011.11.27 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IMĦABBA BLA KUNDIZZJONI

    Is-solitudni fit-tfalNgħiduha kif inhi, sikwit dil-ħajja mhiex faċli tgħixha. Bosta drabi teħodlok ħafna aktar milli tagħtik u lil uħud minna għandha ħabta tkabarhom saħansitra xi ftit aktar mill-oħrajn. Jiġu mumenti meta jagħtik li tfendi għal rasek u li tħalli l-mewġ iħabbat mal-bqija… min jiflaħ jikkumbatti jgħix u min ma jiflaħx jintilef. Iżda xi ħaġa ġewwa fik ma tħallikx tirraġuna hekk għal tul ta’ żmien. “Ma nistax nibdel id-dinja waħdi, imma nista’ nitfa’ ġebla matul l-ilmijiet sabiex noħloq ħafna rimi,” inkoraġġiet darba Madre Tereża bi sfida quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja. L-eżempju ta’ nies bħalha huwa kruċjali biex nagħrfu ngħixu l-umanità tagħna. Il-ħlewwa ta’ dawn ir-rimi messew miegħi din il-ġimgħa meta waqt intervista ma’ John Rolè u Pat Bonello mill-Appoġġ dwar il-fostering u dwar servizz ġdid ta’ Trobbija Speċjalizzata li għadu kemm ġie mniedi dan l-aħħar, dawn qaluli li dawk li jidħlu biex jagħtu l-għajnuna tagħhom jagħmlu dan bil-ħsieb sħiħ li jwettqu xi ħaġa tajba f’ħajjithom.

    INTERVISTA: JOHN ROLÈ – Leader, Fostering Services

    FOSTERING

    L-idea tal-fostering minn dejjem kienet tintrigani għax nista’ nobsor li jesiġi ħafna kuraġġ. Kont kurjuża biex nifhem min kien kapaċi jħobb daqstant, kemm kien hemm nies minn dawn, u x’riżultati qed ikollu dan il-qasam?

    “Aħna konxji li l-fostering mhiex xi biċċa xogħol faċli biex tidħol għaliha għax fiha diversi sfidi, titlob impenn serju u tirrikjedi ħafna mħabba,” beda jispjegali John Rolè. “Huwa każ fejn l-individwi letteralment jiftħu l-familja tagħhom sabiex jilqgħu fiha lil dawn it-tfal ħalli jgħinuhom jgħixu ħajja aħjar. Fortunatament jeżistu numru ta’ familji Maltin u Għawdxin li bil-ġenerożità enormi tagħhom lesti li jagħtu daqqa t’id biex jingħata ċans ieħor lil dawn it-tfal li jgawdu d-dritt ta’ tfulija xierqa. Infatti bħalissa għandna 250 tifel u tifla fostered, filwaqt li hemm 201 familja li qed jagħtu l-għajnuna fil-qasam tal-fostering.

    Is-sistema formali bħala tim tal-fostering fl-Appoġġ ilha għaddejja biss mis-sena 2000. Madanakollu diġà qed naraw il-frott tax-xogħol li sar u huwa dan li jżommok għaddej. Bħala eżempju, nista’ nsemmilek il-każ ta’ tifel li kien fostered u li llum huwa żagħżugħ iggradwat bħala avukat, fejn fil-preżent jifforma wkoll parti mill-board tal-fostering. Għad irridu naraw x’ser ikun ir-riżultat tal-għadd ta’ tfal li qed igawdu mill-għajnuna tal-fostering. Biss biss illum qegħdin indaħħlu anki trabi direttament ma’ foster carers, minflok li jgħaddu l-ewwel fl-istituzzjonijiet, kif kien isir qabel. Is-sena l-oħra kellna 12-il tarbija li ġew fostered, filwaqt li b’kollox kien hemm 50 tifel u tifla li ġew milqugħa f’familji oħra. Dis-sena kien hemm 14-il tarbija li ġew fostered u għad baqa’ 115-il tifel u tifla li qed jistennew lil xi ħadd biex jilqagħhom għandu.”

    Is-sejħa għal familji ġodda li lesti biex jgħinu hija dejjem miftuħa. John spjega dwar il-proċess li jgħaddu minnu dawk li juru l-ħajra li jiffosterjaw.

    “Meta aħna nirċievu talba jew applikazzjoni mingħand xi familja li tixtieq tidħol għall-fostering, aħna mmorru nżuruhom sabiex niddiskutu aktar fil-fond dwar din il-possibilità. Naturalment l-għan ta’ din il-laqgħa tkun kemm biex infiehmu aħjar fhiex jikkonsisti dan ix-xogħol, kemm biex naraw x’wassal lil din il-familja biex tieħu din id-deċiżjoni, u anki biex nevalwaw l-ambjent li fih dawn il-foster carers prospettivi ser ikunu qed jilqgħu lit-tfal. Huwa importanti ħafna li f’dawn il-każi, fejn hemm diġà t-tfal fil-familji, dawn ukoll jiġu kkonsultati u nklużi fid-deċiżjoni sabiex finalment jitwettaq pass għaqli.

    Dawk il-familji li jidhrilna li jistgħu jgħinu jgħaddu imbagħad għall-pass li jmiss: fejn huma jiġu mitluba li jattendu għal 6 laqgħat ta’ 3 siegħat il-waħda. F’dawn il-laqgħat huma jingħataw taħriġ f’diversi John Rolèaspetti tal-fostering bħal: il-fostering x’jinvolvi b’mod ġenerali, it-tfal min huma, it-trawmiet li jgħaddu minnhom u l-pakkett li jġorru magħhom,  min huma l-ġenituri ta’ dawn it-tfal u l-problemi li dawn ikunu sabu ruħhom fihom li finalment wassluhom biex uliedhom ikollhom bżonn il-fostering, l-abilitajiet neċessarji fil-foster carers: x’inkunu qed infittxu aħna bħala aġenzija – f’din is-sessjoni jattendu anki xi foster carers stess biex jgħaddu l-esperjenzi tagħhom, nitellmu wkoll fuq l-effett tal-fostering fuq il-koppja u fuq uliedhom u kif dawn għandhom jieħdu ħsieb lil xulxin. Finalment niddiskutu l-possibilità li dawn it-tfal imorru lura għand il-ġenituri tagħhom u allura x’għandhom jagħmlu l-foster carers matul is-snin sabiex ikun hemm tranżizzjoni tajba jekk jasal dan il-mument. U allura hawn jidħol ukoll l-aspett ta’ kif il-foster carers ser jgħixu u jaċċettaw din it-tranżizzjoni? U x’tip ta’ kuntatt jista’ jibqa’ jkun hemm ma’ dawn it-tfal, jekk dawn ikunu marru lura għand il-ġenituri tagħhom.”

    Xtaqt nifhem kif it-tfal jiġu magħżula biex imorru għand xi familja partikolari għal fostering?

    “Ġeneralment in-nies għandhom it-tendenza li jmorru direttament fl-istituzzjonijiet fejn jinżammu t-tfal meta jkunu jixtiequ jagħmlu l-ġid lil xi tifel jew tifla. U allura jkun hemm każi fejn koppja torbot qalbha ma’ xi tifel jew tifla partikolari li jgħixu f’dawn il-postijiet u eventwalment jitħajjru biex ikunu l-foster carers tagħhom. Għalkemm aħna napprezzaw il-ġest ta’ dawn l-individwi, nippreferu ħafna aktar illi l-kuntatt ma jsirx b’dan il-mod għax jaf ikun hemm sitwazzjonijiet li jikkumplikaw jew li jagħmlu impossibli dan l-arranġament. Biex nagħtuk eżempju, immaġina li t-tifel li xi ħadd ikun jixtieq li jrabbi, bla ma jafu, jinzerta t-tifel ta’ xi ġar u jkun hemm ċirkustanza fejn l-identità tal-foster carer ma tkunx tista’ tiġi mikxufa.

    Fil-fatt qabel ma aħna niddeċiedu min minn dawn it-tfal ser imur għand xi familja partikolari, inkunu evalwajna sewwa kull aspett sabiex din l-esperjenza tibda u tkompli possibilment bl-iktar mod stabbli. Għalhekk inqisu l-ħtiġijiet tat-tfal u naraw li l-kwalitajiet li għandhom il-foster carers u l-ambjent u s-sitwazzjoni li qegħdin jgħixu fihom, huma adattati għal dan il-każ. Biex nagħtuk eżempju ieħor, jekk ikun hemm xi tfal oħra fil-familja, ġeneralment naraw li t-tfal li jiġu fostered ikunu iżgħar, kemm biex it-tfal tal-koppja jkunu ta’ eżempju għalihom u anki biex dawn ma jqisuhomx bħala kompetizzjoni għalihom imma idealment jieħdu ħsiebhom huma wkoll.

    Illum qed issir ħafna enfażi li għandha tinħoloq stabbiltà fil-ħajja tat-tfal u allura ma nistgħux nippermettu li jsiru ċerti żbalji li bihom terġa’ tinħoloq l-instabbiltà. Tgħallimna ħafna mis-sitwazzjonijiet u l-konsegwenzi tal-passat. U għalkemm ma nistgħu qatt nagħtu garanzija li kollox ser jirnexxi kif nixtiequ aħna, min-naħa tagħha aħna nippruvaw nagħmlu mill-aħjar biex kull esperjenza ta’ fostering tagħti l-frott meħtieġ.”

    John  sostna li ma jrid bl-ebda mod jitfa’ xi dell ikraħ fuq l-istituzzjonijiet varji li jieħdu ħsieb it-tfal għax dawn ċertament jagħmlu ħafna ġid fost it-tfal li jieħdu ħsieb. Iżda fl-istess ħin ir-riċerka turi li l-kuntatt one-to-one mat-tfal joffri aktar opportunità sabiex dawn jakkwistaw il-ħiliet tant neċessarji fi tfulithom.

    “Forsi wieħed ma jirrealizzax li wħud minn dawn it-tfal ikunu saħansitra nieqsa mill-aktar affarijiet bażiċi li aħna neħduhom bħala ovvji. Ngħidu aħna, jekk tarbija tibki, normalment il-ġenitur jew il-kustodju, ser jerfagħha, jħaddanha miegħu u jara x’għandha bżonn. Iżda sfortunatament, mhux it-trabi kollha jgawdu minn din il-kura. F’ċerti każi, it-trabi jibdew jiġu mċaħħda mill-possibilità li jikkomunikaw sewwa u anki milli jifhmu u jitgħallmu ċerti emozzjonijiet. Per eżempju jekk tarbija għandha l-ġuħ, dak il-ħin għaliha jkun l-aħħar tad-dinja jekk ħadd ma jitmagħha. Għalhekk meta ommha taqbadha f’idejha u tħaddanha magħha biex tisqiha, it-tarbija tagħraf li hemm min jieħu ħsiebha u titgħallem tisma’ t-taħbiet kalm tal-qalb tal-omm u tirregola t-taħbiet ta’ qalbha ma’ tagħha. B’mod awtomatiku, f’dawn il-mumenti kruċjali, it-tarbija tkun qed titħarreġ kif aktar il-quddiem għandha tirreaġixxi għad-diffikultajiet tal-ħajja. Min-naħa l-oħra, tarbija li tiġi injorata u titħalla tibki għal ħin twil ġo cot, jew tarbija li titwaqqa’ jew anki tiġi msawwta, titla’ konfuża, beżgħana u anzjuża kontinwament. Aktar il-quddiem, meta din ser tikber u ssib ruħha taħt stress, mhux ser tkun kapaċi tilqagħlu daqshekk u tippanikja mingħajr ma tkun taf sewwa x’għandha tagħmel biex tikkalma.

    Dawn l-esperjenzi jikkonfermaw għala t-tfal igawdu aktar meta jkunu ġewwa familja fejn jistgħu jingħataw attenzjoni individwali. Permezz tal-foster carers li jiġu mħarrġa apposta, biż-żmien dawn it-tfal jingħataw il-ħiliet biex inaqqsu l-biża’ u jitgħallmu li hemm nies li jħobbuhom u li tixirqilhom il-fiduċja tagħhom. Mhux darba u tnejn li jiġu foster carers li jgħidulna b’dawn il-mumenti mqanqla fejn akkost li juru ħafna mħabba lit-tfal li jkunu fostered, dawn isibu diffikultà biex jirrispondu lura. “Imma jiena nħobbok tant!” jgħidulhom. U t-tfal iwieġbu, “Ma nafx kif inħobb. Għini!”

    Speċjalment fil-bidu l-foster carers iridu jkunu konxji li huma ser jagħtu ħafna mingħajr ma jieħdu daqstant lura. Iċ-ċavetta hija hekk kif jirnexxielhom jibnu relazzjoni sabiħa ma’ dawn it-tfal li f’ħajjithom ikunu diġà għaddew minn tbatija kbira. Infatti għal kull sena trawmatika tagħhom, huma jkollhom bżonn sentejn biex ifiequ: sena biex ineħħu dak li kellhom ġewwa fihom u oħra biex jassorbu dak li kellhom jitgħallmu f’dik is-sena ta’ qabel. Meta t-tfal jibdew jesperjenzaw il-veru mħabba bla kundizzjoni li suppost ħadu fil-bidu nett, hemm normalment tibda tara t-trasformazzjoni hekk kif it-tfal bil-mod jibdew jidraw jafdaw u finalment jikkomunikaw tajjeb u jħobbu lil dawk ta’ madwarhom.”

    Iebsa biex tifhem kif xi ħadd daqstant żgħir ikun diġà għadda minn tant inkwiet f’ħajtu u hija inkwetanti jekk toqgħod taħseb x’jista’ jiġri minn dawn it-tfal jekk xi ħadd ma jieħux ħsiebhom kif jixraq. Iżda John u Pat sikwit semmew ukoll it-tbatija li jgħaddu minnha l-ġenituri nfushom ta’ dawn it-tfal li xi drabi minħabba d-diffikultajiet tagħhom, isibu ruħhom fis-sitwazzjoni ħarxa li jagħtu t-tfal tagħhom għal foster caring bit-tama li almenu wliedhom jgħixu ħajja aħjar minn tagħhom.

    “Fil-fatt ħafna minn dawn it-tfal li jiġu fostered, akkost li jkunu batew fil-familja tagħhom, xorta waħda jkollhom lealtà kbira lejn il-familjari tagħhom. Għalkemm mhux kollha jkunu jridu jew jistgħu jmorru lura fid-dar tal-ġenituri tagħhom, xorta waħda huma jkunu ħerqana li jkunu jafu li “xi ħadd qiegħed jieħu ħsieb il-mummy” u li “xi ħadd qiegħed jagħti każ tal-problemi li kien hemm fil-familja tagħna”. Naturalment mhux it-tfal kollha jkollhom din il-lealtà.

    Għandna każi fejn ir-rabta bejn it-tfal u l-foster carers tant kibret, li anki meta laħqu l-età tagħhom, dawn għażlu li jibqgħu jgħixu ma’ din il-familja li ħadet ħsiebhom fl-agħar mumenti ta’ ħajjithom.

    Bħala eżempju ta’ x’iġġib din il-bidla fit-tfal nista’ nsemmilek każ li seħħ dan l-aħħar fejn tifel ta’ 9 snin li ġie fostered ra tarbija tat-twelid li qed tiġi iffosterjata u lil dawk li qed jieħdu ħsieb lilu qalilhom “Kemm hu tajjeb li ser tmur għall-fostering dik it-tifla! Għax għallinqas hi ser tiffranka dak kollu li għaddejt minnu jien u mhux ser ikollha d-diffikultajiet li jien qed inġib hawn lilkhom!”

    Ma tistax ma tħossx għal kliem bħal dan u għalhekk ma kontx sorpriża daqstant meta ntbaħt li sitwazzjonijiet bħal dawn iqanqlu anki lil dawk li kienu qed ikellmuni u li min jaf kemm jaraw aktar b’għajnejhom!

    INTERVISTA: PAT BONELLO – Manager, Out of Home Care Programme

    TROBBIJA SPEĊJALIZZATA

    F’dawn l-aħħar ġranet l-Appoġġ fetħet tip ta’ servizz ieħor  magħruf bħala Trobbija Speċjalizzata. Dan huwa maħsub biex jagħti għajnuna lil tfal li għandhom aktar diffikultajiet fil-ħajja minn tfal oħrajn u għalhekk anki l-pakkett finanzjarju li jingħata lil min ikun qed jieħu ħsiebhom huwa kemmxejn akbar u jista’ jilħaq  l-€10,000 – li fih ikun inkluż ic-Child in Care Benefit, għal kull tifel jew tifla li jkollhom bżonn din it-tip ta’ trobbija.  Il-familji jew individwi li se jilqgħu din l-isfida, li biha jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ dawn it-tfal jew żgħażagħ, iridu jkunu lesti li jilqgħuhom fi ħdan il-familja tagħhom u jagħtuhom żmien ta’ trobbija li tilħaq il-bżonnijiet partikolari tagħhom.

    “In-nies li ser jitħajjru għal dan it-tip ta’ servizz ser ikollhom sfida akbar minħabba ċ-ċirkustanzi tat-tfal. Fost dawn l-isfidi nistgħu nsemmu tfal li jkunu aktar kbar fl-età, tfal b’xi diżabilità, tfal b’xi mardPat Bonello kroniku, żewġt aħwa flimkien, tfal jew żgħażagħ li missew mad-droga, tfajla tqila b’tarbija li ma tistax tgħix mal-familja tagħha minħabba li tinsab f’periklu eċċ. Aħna nafu li mhux ser ikun hemm mijiet li jidħlu għal dan ix-xogħol imma anki jekk jirnexxielna nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ ftit minn dawn it-tfal inkunu qed nagħmlu ħafna. Naturalment aħna ser inkunu qed noffru taħriġ adegwat għal dawk li jiddeċiedu li joffru l-għajnuna tagħhom, filwaqt li dawn ser ikunu wkoll segwiti b’mod regolari minn ħaddiema soċjali inkarigati apposta. Ċertament ir-riżultati, għalkemm sikwit jiġu bil-mod ħafna, jagħtu bosta sodisfazzjon lil kull min ikun involut.

    “M’hemmx dubju! L-aħjar post għat-tfal huwa mal-familji tagħhom u aħna nippruvaw nagħmlu minn kollox biex it-tfal ma jinħarġux mid-dar tagħhom. Imma sfortunatament ikun hemm każi fejn għall-protezzjoni u għall-ġid tat-tfal stess, dan ikollu jsir. Xi wħud minn dawn it-tfal jibdew jgħixu ġewwa l-istituzzjonijiet u hemmhekk huma jingħataw l-opportunità li jkunu maħbuba u li jibdew mill-ġdid jgħixu tfulithom. Ta’ min isemmi li ħafna minn dawn it-tfal irnexxew fil-ħajja bil-ħiliet differenti tagħhom u llum huma adulti eżemplari. F’dawn l-aħħar snin, numru minnhom qed jimxu wkoll għand familji ġodda li b’imħabba u b’ġenerożità kbira qed jieħdu ħsiebhom u jrabbuhom daqs li kieku kienu wliedhom.

    Kien ikun ħafna aħjar li kieku dawn it-tfal qatt m’għaddew minn dawn l-esperjenzi trawmatiċi. Imma issa hekk ġara u ma nistgħux immorru lura! Għalhekk issa jiddependi kemm aħna ser inkunu lesti li ngħinuhom jirkupraw dak li tilfu fis-snin bikrin ta’ ħajjithom. Studji varji flimkien mal-esperjenzi tagħna ta’ kuljum jikkonfermaw li l-bidla u l-fejqan huma possibbli. Iżda kollox jistrieħ fuq kemm nies ser ikunu lesti li joffru spalla ta’ kuraġġ u l-kenn ta’ djarhom biex dawn it-tfal iduqu l-ħlewwa ta’ xi jfisser li tkun maħbub tassew.”

    Għal aktar tagħrif jew biex tapplika biex toffri l-għajnuna tiegħek bħala foster carer tista’ ċċempel fuq Supportline 179 jew lill-Aġenzija Appoġġ fuq 22959000 jew permezz tal-website www.appogg.gov.mt Jekk tixtieq tipprovdi servizz ta’ Trobbija Speċjalizzata, jew tixtieq aktar informazzjoni, tista’ wkoll iċċempel fuq in-numri ta’ hawn fuq jew inkella tibgħat email fuq outofhome.appogg@gov.mt

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-20 ta’ Novembru 2011)

    2011.11.20 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • DFIN JEW KREMAZZJONI?

    Iż-żieda konsiderevoli fil-prezzijiet tal-oqbra li ġiet imħabbra dan l-aħħar qanqlet reazzjoni fost numru ta’ individwi. Uħud tkażaw kif anki meta tiġi biex tagħlaq għajnejk trid tħabbel rasek minħabba l-finanzi. Oħrajn staqsew il-għala l-kremazzjoni għadha qatt ma ddaħħlet f’pajjiżna? Individwi oħra saħqu illi la jkunu mietu, jista’ jsir li jrid minn ġisimhom għax ma jimpurtahomx. Rajt li kien il-mument li nħoss ftit il-polz tal-perspettiva tas-soċjetà tagħna dwar dan is-suġġett u malajr ikkonfermajt li hekk kif tmiss mal-kwistjoni tal-mewt, bħal donnok tbexxaq l-għatu tal-kaxxa ta’ Pandora. Elf emozzjoni joħorġu għalik…. uħud tilmaħhom f’għajnejn in-nies hekk kif tarahom jitħabtu biex jispjegawlek fehmithom, oħrajn tinnutahom mill-ġibda subkonxja fiżika hekk kif jingħalqu fihom infushom kważi jixtiequk tibdel is-suġġett, nies oħra jaqbdu jiċċajtaw bil-goff biex jagħtuk x’tifhem li ma jimpurtahomx, filwaqt li ma’ wħud ikollok tagħlaq is-suġġett malajr għax tinduna li qed tkiddhom wisq. Eventwalment meta ġbart il-kummenti kollha ntbaħt li kien hemm element prinċipali li ħafna kienu qed jaħarbu minnu. Għax veru li meta tmut jistgħu jagħmlu bik li jridu. Imma dan mur spjegah lil min tkun ħallejt warajk mgħobbi bir-responsabbiltà ta’ x’għandu jagħmel bik!

    DR MICHAEL GALEA: Psikologu Kliniku u Terapista tal-Familja

    Il-mewt hija tema universali fil-ħajja tal-bniedem. Imma psikoloġikament din teffetwa lil kulħadd bl-istess mod? Stħarriġt dan mal-Psikologu Kliniku u Terapista tal-familja Dr. Michael Galea.

    “Minkejja kull ktieb li jinkiteb u kull kliem li jista’ jingħad, xejn ma jħassar l-esperjenza qarsa tal-mewt. Int kemm int persuna soċjali, l-esperjenza tal-mewt hija realta’ li jkollok tiffaċċjaha waħdek. Il-Dr Michael Galeaproċess tan-niket huwa proċess li jeħtieġ iseħħ, u  jseħħ sew, jekk irridu nimxu lil hemm mill-mewt b’mod san u pożittiv. Minkejja d-differenzi bejnietna, hemm xi reazzjonijiet universali għan-niket ta’ mewt, li jinkludu sintomi fiżiċi, emozzjonijiet, ħsibijiet u azzjonijiet differenti bħal rabja, sens ta’ ħtija, anzjeta’ u oħrajn.

    Kull telfa hi unika daqs ir-relazzjoni personali li aħna kellna mal-persuna li mietet. Telfa ta’ xi ħadd familjari hi differenti minn dik ta’ ħabib, għalkemm wieħed ma jistax  jiġġeneralizza. Mill-banda l-oħra, telfa ta’ ġenitur hi differenti minn dik ta’ partner jew ta’ ulied. Meta aħna nitilfu xi ġenitur, nitilfu l-passat tagħna. Meta nitilfu l-partner tagħna, nitilfu l-preżent. U meta nitilfu xi ħadd minn uliedna, nitilfu l-futur.

    Kull persuna għandha l-personalita partikolari u speċjali tagħha u l-metodu individwali kif tiffaċċja r-realta’ li tgħaddi minnha. Xi wħud huma kapaċi iktar minn  oħrajn quddiem ċerti kriżijiet, u inqas kapaċi quddiem kriżijiet oħra. Issib min quddiem il-mewt jidħol għal iktar  xogħol, oħrajn ifittxu iktar ma’ min jitkellmu, filwaqt li individwi oħra jinqatgħu għal kollox minn kuntatti soċjali. Ħafna drabi n-niket se jkun jirrifletti kif ngħixu ħajjitna u allura jekk is-soltu naħarbu permezz ta’ iktar xogħol jew ningħalqu fina nfusna, quddiem telfa emozzjonali kbira, hekk ukoll nagħmlu quddiem il-mewt.

    X’jgħin l-iktar quddiem din t-tbatija? Patricia Murphy, counsellor li tispeċjalizza fuq il-proċess tan-niket, tistqarr li x-xogħol involut fin-niket huwa wieħed mill-iktar xogħlijiet emozzjonali iebsin li persuna tista’ tagħmel. Li tibni relazzjoni ma’ xi ħadd huwa proċess li jieħu ż-żmien u enerġija twila. Hekk ukoll fit-telfa. Dan il-proċess, li fih taċċetta t-telfa (letting go), huwa spiss kumplikat u jinkludi attenzjoni u ħidma fuq diversi livelli kemm emozzjonali u intellettwali kif ukoll fl-atteġġjament.

    Quddiem il-mewt kulħadd jipprova b’xi mod ibiegħed ruħu minn din r-realta’ bit-tama li jtaffi xi ftit mit-tbatija li ġġorr magħha din it-telfa. Sinjal importanti li persuna qiegħda tirkupra huwa meta tibda tirrikonoxxi li seħħet it-telfa. Ritwali funebri jgħinuna biex naċċettaw ir-realta’. L-istess meta naslu li nkunu nistgħu nitkellmu dwar it-telfa. Minkejja li sikwit nixxukkjaw ruħna quddiem xi emozzjonijiet li jista’ jkollna, tajjeb nifhmu li dawn huma normali u parti naturali tal-proċess tat-telfa. Hawnhekk ta’ min isemmi li xi kultant, nidħlu f’dubji meta nħossu li forsi l-proċess tan-niket tagħna għadu mhux komplut. Importanti li naslu għal konklużjoni fil-proċess naturali tan-niket  tagħna. Konklużjoni partikolari tista’ tkun ukoll personali, bħal xi ritwal żgħir u privat, ngħidu  aħna, iddoqq diska favorita tal-mejjet quddiem ritratt jew tifkira tal-persuna għażiża li tlift. Il-proċess tan-niket allura hu kemm uniku għalik, u wkoll ma jistax jiġi mgħaġġel.”

    RUTH ZAMMIT: Favur il-Kremazzjoni

    Nistqarr li anki lili jkiddni ħafna das-suġġett. Qatt ma fhimt għala kreatur jista’ joħloq xi ħaġa għal qalbu u magħha jwaħħal anki data ta’ skadenza. Inħoss li Alla għażlilna tmiem kiefer wisq li tagħmel x’tagħmel ma tistax tiskappah! Barra minn hekk, jekk toqgħod taħseb, jiġuk ħafna dubji oħra li jekk ma teħlisx minnhom malajr jaslu biex jifnuk. Bħal ngħidu aħna, x’inhu l-aħjar: li tixxennaq li tmut int qabel il-maħbubin tiegħek ħalli ma ssofrix it-telfa tagħhom imma b’hekk iġġarrab lilhom, jew li tarahom jitilqu qablek u ssofri t-telfa int? Għal nies oħra, anki l-ħsieb li għad iridu jindifnu jew jidfnu lil xi ħadd joħolqilhom ħafna tensjoni. Fost dawn hemm Ruth Zammit li f’dawn l-aħħar snin qiegħda tipprova toħloq kuxjenza dwar id-dritt li tiddaħħal il-kremazzjoni f’Malta.

    “Minn dejjem kienet tkiddni din li f’pajjiżna m’għandnix l-għażla tal-kremazzjoni. Personalment il-ħsieb li xi darba jiena jew l-għeżież tiegħi għad irridu nsibu ruħna taħt l-art biex nispiċċaw ikel għall-Ruth Zammit insetti, tnikkitni. Biżżejjed li l-mewt iġġib il-problemi tagħha. Nixtieq li almenu jkolli s-serħan il-moħħ li ġismi għad jinħaraq u nevita dak it-tmiem li jiena nemmen li hu degradanti għall-bniedem.

    Forsi ssib min jgħaddik biż-żmien għax jgħidlek li la tkun mejjet, mhu ser tħoss xejn. Imma jiena naf x’inġarrab meta jkolli nattendi għal xi funeral hawn Malta u jkolli ngħix il-mumenti orribbli li nara t-tebut ta’ familjari jew ħbieb tiegħi nieżel taħt l-art. Uħud minnhom ġieli jkunu individwi li kienu jikkuraw ruħhom ferm f’ħajjithom u nitkexkex meta nirrealizza kif ser jispiċċaw. Nemmen li l-kremazzjoni toffri tmiem aktar dekoruż milli wieħed jitħalla jiddeterjora biż-żmien.

    Ma nistax nifhem għala l-kremazzjoni għadha ma ddaħħlitx f’pajjiżna. Kull fejn nistaqsi, ħafna jaqblu miegħi illi li kieku kellhom l-għażla, jippreferu li jiġu kkremati milli jindifnu. Uħud jgħidulek li l-proċess tal-kremazzjoni huwa għali wisq u allura l-ebda kumpannija mhu ser tinteressa ruħha biex tidħol għalih lokalment. Mela xi ngħidu għall-prezzijiet li qed jitħallsu għall-oqbra, u dan meta kulħadd jaf ukoll li hemm lista pendenti twila ta’ nies li jixtiequ li jkollhom il-qabar tagħhom? Oħrajn isostnu li bil-kultura tagħna fejn dejjem konna mdorrija biss bid-dfin, ftit li xejn ser ikun hemm interess. Imma jiena apparti minn dak li nisma’ madwari, ftaħt ukoll Facebook page taħt l-isem Let’s introduce cremation in Malta u fi ftit taż-żmien daħlu aktar minn 1000 membru. Jiġifieri l-interess hemm qiegħed.

    Il-kremazzjoni hija wkoll proċess aktar nadif u bla dubju iżjed effiċjenti hekk kif tirrikjedi ħafna inqas spazju. Toffrilek ukoll diversi għażliet ta’ x’tista’ tagħmel bl-irmied ta’ qrabatek, għalkemm il-Knisja ma taqbilx li l-irmied jinħareġ miċ-ċimiterju nnifsu. F’pajjiżi oħra, l-irmied jitpoġġa f’urna u n-nies tingħata diversi għażliet: tista’ tidfen l-urna f’post apposta, tista’ tieħu l-urna d-dar miegħek u b’hekk ikollok dak is-sentiment aktar pożittiv li l-għeżież tiegħek għadhom miegħek u mhux mitluqin f’post stranġier, imbagħad hemm ukoll min jiddeċiedi li jferrex l-irmied f’xi post li kien għal qalb il-mejjet.

    Jiena mhux qed ngħid li d-dfin għandu jieqaf għax naċċetta li kulħadd għandu l-fehma tiegħu. Imma fl-istess ħin jidhirli li mhux xieraq li f’Malta m’għandnix il-possibilità li nagħżlu bejn id-dfin u l-kremazzjoni. Ħafna mill-membri tal-Facebook u xi nies li jafuni qed iħajjruni biex norganizza demostrazzjoni sabiex nuru kemm hawn nies tal-fehma li l-kremazzjoni għandha tiddaħħal f’pajjiżna. Jiena nemmen illi fl-aħħar mill-aħħar pajjiżna minn hemm għad irid jgħaddi għax ma nistgħux inkomplu nkabbru ċ-ċimiterji tagħna għal dejjem. Nittama li sakemm jasal il-mument tiegħi, din il-bidla tkun saret realtà.”

    Min stħarriġ li għamilt, ikkonfermajt li minn dawk li wieġbu għall-mistoqsija tiegħi jekk jippreferux id-dfin jew il-kremazzjoni, il-maġġoranza għażlu l-kremazzjoni. Dawn huma wħud mill-kummenti tagħhom:

    “Nippreferi li jaħarquni milli  nirriskja li jniżżluni taħt l-art!”

    “Nagħżel li nagħti l-organi li jkunu tajbin u mbagħad li jikkremawni.”

    “Il-kremazzjoni aħjar, aktar indafa.”

    “Nagħżel il-kremazzjoni għax b’hekk intaffu l-problema tal-ispazju.”

    “Il-kremazzjoni hija ħafna orħos. F’pajjiżi oħra jeżistu kumpanniji li saħansitra jikkrulek it-tebut u għalhekk tħalli inqas piż finanzjarju fuq dawk li tħalli warajk.”

    “Kieku nista’ nagħżel, nixtieq li wara li jikkremawni jxerrduni fil-baħar.”

    “Kremazzjoni! Il-ħsieb biss li ġismi jintefa’ biex jagħmel festa minni l-wirdien iwaħħaxni.”

    Terz ta’ dawk li wieġbu għażlu d-dfin u dawn kienu wħud mill-kummenti tagħhom:

    “Nippreferi li nindifen għax nemmen li xi darba l-ġisem jerġa’ jieħu l-ħajja u għalhekk ma jixraqlux li jiġi maħruq.”

    “Nindifen. Il-memorja tal-mejjet tkun ferm isbaħ. Dik li tkun taf li fil-qabar hemm il-kadavru sħiħ huwa ferm aħjar milli jibqagħlek biss l-irmied.”

    “Nagħżel li nindifen għax jiena nirrispetta lil ġismi anki wara l-mewt! Anki dik li l-familja tiegħek tista’ tiġi fuq qabrek biex titlob għal ruħek, nippreferiha…. forsi għax din hi parti mill-kultura tagħna.”

    “Kieku nista’ nagħżel nippreferi li jidfnuni, idealment jimmumifikawni. Jidhirli illi l-proċess biex jaħarquni u finalment biex ikissru l-għadam tiegħi sakemm iġibuh irmied huwa spiża inutli għax dan jista’ jitwettaq xorta b’mod naturali matul iż-żmien. Fl-istess ħin, ejja ma ninsewx li n-nar dejjem ikkawża t-telf tal-Istorja, tal-evidenza u tal-memorji. B’kuntrast, ċiviltajiet li ppreservaw il-ġisem, akkost li għaddew snin kbar, għadhom qed jipprovduna b’informazzjoni dwar l-oriġini tagħhom u dwar skoperti u tagħrif li kienu ntilfu mal-medda taż-żmien.”

    “Nindifen għax ma rridx ninħaraq fin-nar tal-infern!”

    Numru żgħir ieħor ħallew din id-deċiżjoni skabruża f’idejn dawk li ser iħallu warajhom:

    “Jagħmlu li jridu għax jien mhux ser inkun hawn.”

    “Jidhirli li għażla bħal din tiddependi ħafna mir-reliġjon ta’ dak li jkun. Personalment nemmen li l-ispirtu huwa dak li jibqa’ ħaj u l-ġisem imut. Għalhekk inħalli din id-deċiżjoni f’idejn min għad irid jieħu ħsiebi.”

    “Ma jinteressanix! La nkun mejta?!”

    “Għalija difna jew kremazzjoni ma tagħmilx differenza, la nkun tlaqt, tlaqt. Jagħmlu li jridu bil-fdalijiet tiegħi. Jekk xejn, il-kremazzjoni ma tikkunsmax iktar mill-art limitata li għandna. Bil-kremazzjoni l-qraba jistgħu jieħdu wkoll parti mill-irmied tagħna u jgħożżu t-tifkira tagħna, jekk iridu, iktar milli jħallu għadamna jitmermer fl-umdita’ taħt l-art. Għal min ma jridx ikun ikkremat, naħseb li jeżistu oqbra biżżejjed u ma jkollniex għalfejn nestendu ċ-ċimiterji li għandna kważi f’kull raħal.”

    Imma l-istorja inbidlet drastikament hekk kif il-mistoqsija tbiddlet ħarira u minflok staqsejt dwar xi tkun l-għażla ta’ dak li jkun meta dan ser jiġi biex jiddeċiedi jidfinx jew jikkremax lill-għeżież tiegħu? Rajt uħud mill-istess nies li qabel weġbuni f’ħakka t’għajn u bi tbissima li la jkunu mejtin, jagħmlu bihom li jridu, issa jisserjaw u jitħassbu. Ir-risposta ma baqgħetx faċli, tant li wħud qatt ma waslu biex jirrisponduni. Il-maġġoranza waqqgħu l-għażla fuq il-mejjet innifsu fejn qalu li idealment dan ikun qalilhom x’jippreferi hu minn qabel. Oħrajn qaluli li ż-żewġ għażliet huma kiefra u koroħ. Żewġ kummenti partikolari kienu dawn:

    “Marti għandha biża’ esaġerata mill-wirdien u ġegħlitni nwegħedha li jekk tmut qabli u jkun hemm il-kremazzjoni, ġisimha għandu jintemm hekk. Naturalment jiena m’għandi l-ebda oġġezzjoni jekk dik hi x-xewqa tagħha. Imma sinċerament li kieku kellu qatt jiġri hekk, troffa minn xagħarha nżommha żgur.”

    “Idealment wieħed għandu jħalli bil-miktub fit-testment tiegħu dwar il-fehma tiegħu ta’ x’irid li jsir mill-katavru tiegħu wara mewtu. Li kieku kelli nagħzel jien wara l-mewt ta’ xi qraba u l-mejjet ma jkunx ħalla istruzzjonijiet, nikkonsulta mal-qraba l-oħra u nislet fehma ġenerali ma’ tiegħi u nieħdu d-deċiżjoni. Mhux ħafif twieġeb iva jew le għal mistoqsija bħal din, għax l-għażla timmatura matul iż-żmien bil-mod kif tkun drat il-komunità tul snin sħaħ ta’ tradizzjoni. Barra minn hekk qed nirreferu hawnhekk għal deċiżjoni li trid tittieħed f’inqas minn 24 siegħa u f’dik l-għaġġla mhux hekk ħafif tmur kontra l-kurrent tat-tradizzjoni ġenerali u tal-familja partikulari…..”

    EMAN BONNICI: Favur id-dfin u tagħrif ieħor

    Il-ħabib tiegħi Eman Bonnici li huwa intiż ħafna f’dal-qasam taċ-ċimiterji u l-funerali insista miegħi illi ħafna Maltin jgħidu li jippreferu l-kremazzjoni għax fir-realtà qatt maEman Bonnici raw il-proċess tagħha kif isir. Huwa wieħed minn dawk li jippreferi d-dfin għax jisħaq illi dan huwa l-aktar metodu rispettabbli ta’ kif wieħed għandu jintemm. Fuq nota aktar leġġera huwa bagħtli xi informazzjoni dwar numru ta’ personalitajiet famużi li ġew ikkremati.

    Anthony Perkins: Tilef lil missieru l-attur James Ripley Osgood Perkins meta kellu biss 5 snin. Aktar tard f’ħajtu jirrakkonta kif darba minnhom bla ma qaltlu għaliex, ommu ħaditu magħha, kriet dgħajsa bl-imqadef, ħarġet il-barra mix-xtajta tax-xmara u bla kliem u bla sliem mill-basket tagħha ħarġet vażett mimli bil-fdalijiet ta’ missieru u żvujtatu fl-ilma. Bħala tifel jgħid li kien baqa’ xxukkjat b’dan l-għemil tagħha għax ħass is-sensazzjoni daqs li kieku ommu fflaxjat lil missieru fit-toilet. Ironikament anki Anthony Perkins ġie kkremat filwaqt li martu mietet xi snin wara meta kienet bħala waħda mill-passiġġieri tal-ajruplani li ntużaw waqt l-attakk terroristiku tal-11 ta’ Settembru fl-2001.

    Marlon Brando: Meta ġie ikkremat, il-fdal tiegħu inġabar flimkien ma’ dak ta’ ħabib ta’ tfulitu Wally Cox u anki ma’ dak ta’ ħabib ieħor. Parti mill-fdalijiet tagħhom tferrex f’Death Valley filwaqt li l-kumplament intefa’ fuq gżira f’Tahiti li darba kienet tal-attur.

    Gene Rodenberry: Huwa kiteb is-sensiela ‘Star Wars’. Miet fl-1991 u ġie kkremat. Parti mill-irmied tiegħu ġie sparat fl-ispazju xi snin wara l-mewt tiegħu.

    Fredric Baur: Kien il-fundatur tal-Pringles. Skont ix-xewqa tiegħu, meta miet ġie kkremat u filwaqt li parti mill-irmied tiegħu tpoġġa f’urna u ngħata lill-familjari tiegħu, parti oħra ngħalqet f’bott tal-Pringles u ndifen fil-qabar tiegħu fi Springfield.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-13 ta’ Novembru 2011)

    2011.11.13 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IL-MERA TAD-DEFFIEN

    Alfred Mifsud“Twelidna mhu xejn ħlief il-bidu tal-mewt tagħna” kiteb il-poeta Edward Young (1681 – 1765). Ħsieb pjuttost negattiv u anki kemmxejn makabru…. imma reali. “Xi nies tant jibżgħu li għad imutu li qatt ma jibdew jgħixu” innota l-awtur u saċerdot Henry Van Dyke (1852 – 1933). “Kulħadd jgħid, ‘Kemm hi diffiċli din li rridu mmutu’ – ilment pjuttost stramb meta ħiereġ minn ħalq nies li kellhom jgħixu” irrimarka l-kittieb Mark Twain (1835 – 1910). Min-naħa l-oħra l-ġurnalist Norman Cousins (1915 – 1990) sostna illi “Il-mewt mhiex l-agħar telfa fil-ħajja. L-agħar telfa tikkonsisti f’dak li jmut ġewwa fina meta nkunu għadna ħajjin.” B’mod aktar pożittiv l-intraprenditur u filosofu William Penn (1644 – 1718) ikkummenta li “Il-mewt mhi xejn ħlief il-bidla tagħna miż-żmien, għall-eternità.” Fehmiet differenti ta’ nies li għexu f’ċirkustanzi diversi. Daqstant ieħor huwa ta’ min jixtarr dawn iż-żewġ kummenti ħerġin minn fomm nies li kienu jafu sewwa li l-mewt kienet wara biebhom: “Il-mewt taf tkun waħda mill-aqwa barkiet tal-bniedem” Socrates, filosofu (c. 469–399 QK) u “Dak li ma jibżax mill-mewt, imut darba biss” Giovanni Falcone, maġistrat (1939 – 1992). Madanakollu, jingħad x’jingħad, ħafna jibqgħu tal-opinjoni li l-mewt m’hawnx agħar minnha u jekk jistgħu, lanqas isemmugħa biss ma jridu. U allura, staqsejt, x’jgħaddi minnu deffien li biex jaqla’ l-għixien tiegħu jeħtieġlu jmiss mal-mewt kuljum?

    “Hu xogħol li tidrah bħal kull xogħol ieħor,” qalli Alfred Mifsud li sa ftit taż-żmien ilu kien jaħdem bħala deffien. “Il-familja tagħna ilha ‘l fuq minn mitt sena tagħmel dan ix-xogħol. Beda din il-linja z-ziju ta’ missieri Lukardu Pace li kien iġorr il-mejtin bil-karrijiet taż-żwiemel. Huwa miet meta ġie mtajjar waqt inċident tat-traffiku fil-Wied ta’ Birkirkara u warajh kompla missieri Fidiel li llum jgħodd it-93 sena. Missieri rawwem lili u lil ħuti f’dan ix-xogħol, għalkemm jien biss ħriġt bħala sewwieq tal-karrijiet taż-żwiemel. Ħuti qabdu linja oħra però żammu xorta waħda f’dan il-qasam fejn fosthom għandhom negozju tat-twiebet.”

    Sibt li Alfred kien bniedem ġentili u li jaf jilqgħek ħafna. Ix-xogħol tiegħu għamlu dejjem bil-qalb u qatt ma tmeżmeż minnu. Imrobbi sa minn ċkunitu jaċċetta l-mewt bħala parti mill-ħajja, għalih kienet l-aktar ħaġa naturali li ta’ tnax-il sena jaqbad ir-rota u jmur mill-Ħamrun saċ-ċimiterju ta’ Ħal-Qormi biex jgħin lid-deffien Pawlu ta’ Setti. Ta’ età hekk żgħira, kien diġà jmur jagħti daqqa t’id ukoll lil missieru meta kien imur ikeffen il-mejtin.

    “Qabel in-nies ma kienux imutu l-isptar imma ħafna drabi kienu jieħdu l-aħħar nifs tagħhom ġo djarhom stess. Għalhekk, meta kien imut xi ħadd, il-kummisjonant kien jaqla’ lil dak tal-karru biex imurAlfred qed iġorr tebut - huwa l-ewwel wieħed fuq ix-xellug jiġbor lill-mejjet. Dak iż-żmien il-mejjet kien jinġarr sal-kappella tar-raħal fuq l-ispalla u kien jiġi akkumpanjat minn purċissjoni ta’ familjari, ħbieb u fratelli ta’ fratellanzi bħal dawk Tas-Sagrament jew Tar-Rużarju. Magħhom ġieli kien ikun hemm ukoll is-sorijiet tal-kunventi tal-karitajiet li kienu jinġiebu fid-dar tal-mejjet biex jitolbu għalih qabel jittieħed għad-difna. Spiss dawn is-sorijiet kienu jieħdu magħhom ukoll lil xi tfal tal-abbatija. F’ċerti każi jien kont niġi mqabbad inkun wieħed mir-reffiegħa tat-tebut. Fil-kappella kienet issir l-uffizzjatura fejn titkanta l-libera u ssir funzjoni qasira għall-mejjet mis-saċerdot. Wara, it-tebut kien jinġarr sal-karru tal-mejtin u jien kont inwasslu saċ-ċimiterju fejn bosta drabi dfint il-mejjet ukoll. F’każi fejn il-mejjet kien jindifen f’ċimiterju tal-gvern, bħal dak tal-Addolorata, id-dfin kien isir mid-deffiena tal-post. ”

    Kollox kien isir fl-ewwel siegħat tal-jum peress li dawn in-nies kollha kienu jridu jmorru jkomplu jlaħħqu max-xogħol tagħhom tal-ġurnata. Għalhekk dak li kien jarma l-karrijiet, kien ikollu jibda jipprepara kollox mal-lejl… Kien hawn li beda jifforma d-destin ta’ Alfred u Mary, li l-quddiem kellha tkun il-mara tiegħu.

    “Inzerta li l-ġar tagħna fejn konna noqogħdu f’Santa Venera, kien jarma l-karrijiet tal-mejtin u ta’ xi 14-il sena, Alfred kien imur jgħinu. Imma niftakar li dak iż-żmien jien kelli xi 7 snin u kont nitwaħħax meta kont noħroġ kmieni għall-quddies u nsib dawk il-karrijiet qed jintramaw fit-triq wieħed wara l-ieħor biex jintrabtu maż-żwiemel suwed u kbar, b’rixa twila fuq rashom! Għal xi raġuni, mhux mill-karrijiet kont nibża’ imma miż-żwiemel. Għadni sa llum nitwerwer miż-żwiemel u b’xejn mhu ser tressaqni lejn xi wieħed minnhom.

    Nistqarr li fl-istess ħin il-karrijiet kienu jiġbdu ħafna aktar ir-rispett tan-nies għax kulħadd kien jintebaħ li għaddejjin b’xi ħadd mejjet u kienu jieqfu għal mument minn dak li jkunu qed jagħmlu. Niftakar darba minnhom rajt karru abjad qed iġorr tebut abjad ta’ tfajla ta’ 14-il sena li kienet fil-klassi tiegħi u qgħadna narawh għaddej u għedna talba għal ruħha.”

    Nassumi li apparti r-rispett kien hemm ukoll doża ta’ kurżità. Imma kontra dak li jiġri llum, fejn id-dinja tibqa’ ddur akkost kemm imutu nies, dak iż-żmien il-Maltin kienu jhedew jirrakkuntaw u jwasslu l-aħbarijiet ta’ min naqas minn wiċċ id-dinja f’dawk l-aħħar siegħat, u kien rari li xi ħadd jibqa’ minsi…

    “In-nannu kien l-ikbar raġel tal-Mellieħa: kemm mill-persuna u minn kollox,” kompliet tiftakar Mary. “Il-funeral tiegħu sar fis-17 ta’ Diċembru, f’ġurnata kiesħa b’bard ixoqq il-għadam. Kien joqgħod in-Funeral kbir fl-antiknaħa tal-Belleview ħdejn il-bandli u minn hemm ir-reffiegħa kellhom iġorruh fuq l-ispalla sal-knisja tal-Mellieħa! Kollox mar sew sakemm wasalna fil-knisja u kollha ngħatajna xemgħa tixgħel f’idejna. Imma f’daqqa waħda, wieħed minn dawk li kienu refgħu lil nannuwi t-triq kollha, għadda x-xemgħa lil ta’ ħdejh, tah attakk ta’ qalb u miet hemm sobtu! Naturalment kellna nkomplu bil-funeral tan-nannu fejn ħadnih ftit metri bogħod għad-difna fiċ-ċimiterju tal-post. U sakemm wasalna sad-dar ftit tal-ħin wara, kulħadd kien diġà jaf li miet wieħed mir-reffiegħa tal-Pirrex, kif kienu jsejjħu lil nannuwi.”

    Infurmawni li l-funzjoni tal-quddies għall-mejjet bdiet biss mas-snin sebgħinijiet.

    “Meta l-funeral kien jikkonsisti biss f’funzjoni qasira, ġieli laħħaqt madwar tlieta, erbgħa difniet. Imma mbagħad meta bdiet issir il-quddiesa, ma stajtx naħdem aktar minn tnejn. Kont naħdem f’diversi ċimiterji fosthom tnejn f’Ħal-Qormi; dawk ta’ San Bastjan u ta’ San Ġorġ, tnejn f’Ħaż-Żebbuġ; f’dak magħruf bħala tar-raħal u f’ta’ San Blas, u fiċ-ċimiterji ta’ Ħaż-Żabbar, tal-Gudja, tal-Birgu u tal-Imġarr.”

    Alfred ġabli xi ritratti fejn hu kien qed jidher waqt xogħolu. Iżda magħhom kellu wkoll xi ritratti li juru karrijiet oħra interessanti.

    “Ara dan hu l-karru li kont insuq jien. Innota ftit, għalkemm jingħad li l-mewt ma taħfirha lil ħadd u żżomm lil kulħadd ugwali, xorta waħda l-bniedem irnexxielu joħloq il-livelli anki f’dan il-qasam. Għax meta l-mejjet kien ikun sinjur, il-karru tiegħu kien ikun tal-prima, b’ħafna skultura kulur id-deheb u kien jinġarr minn erbat iżwiemel. Imma meta l-mejjet ma kienx daqshekk tat-tajjeb, kien jintuża l-karru tas-sekonda li kien ikun sempliċiment miżbugħ biss u kien jinġarr minn żewġt iżwiemel. Osserva wkoll il-karozzi li hemm fuq wara peress li f’dik il-ħabta kienu qed jintużaw iż-żewġ mezzi f’daqqa.

    Min-naħa l-oħra dar-ritratt b’serbut ta’ karozzelli għaddejjin mill-Ħamrun qed juri kif kienu jsiru l-funerali kbar ta’ dari. Issa dan ir-ritratt l-ieħor huwa eżempju tal-ewwel karru li kien jintuża għad-dfin fl-Il-karru li ġarr lil Nerik Mizzi, lil Dun Karm Psaila u lil Dun Ġorġ PrecaAddolorata; interessanti kemm kien differenti minn dak li kien jintuża fi żmieni. Ara, dan hu karru ieħor li kien ta’ wieħed Żejtuni li kienu jafuh bħala tad-Dmura u fih kienu nġarru Nerik Mizzi, Dun Karm Psaila u Dun Ġorġ Preca. Issa agħti ħarsa lejn dan ir-ritratt li qed juri karru barrani… id-differenza hija kbira ħafna għax sempliċi għal kollox. M’hemm l-ebda maestrija evidenti fl-iskultura u t-tiżjin tiegħu bħal kif kienu l-użanzi tagħna lokalment.”

    Komplejna nqallbu r-ritratti u fosthom rajt lil Alfred isuq wiginet; li kien bħal karozzin bla tinda u l-passiġġiera kienu jidħlu minn wara u joqogħdu bil-qiegħda fil-ġnub tiegħu (kif nagħmlu llum f’jeep). Imma din id-darba mhux mejjet kien qed iġorr imma lil waħda mill-parteċipanti ta’ Miss Malta ta’ madwar 50 sena ilu waqt festival tal-inbid. F’ritratt ieħor kien hemm il-parteċipanti ta’ Miss Malta qed jippużaw mal-wiginet u ma’ wieħed miż-żwiemel li soltu kien ikun involut f’xogħol ieħor għal kollox differenti. Tgħid kienu jafuh dan? Alfred urieni wkoll inkwadru kbir imwaħħal fis-salott fejn hu kien il-kuċċier ta’ karru.

    “Ġie żmien meta riedu jaqtgħu lil dawn il-karrijiet imma kien inqala’ xi nkwiet minħabba l-ħlas tan-nofs venda. Ġara li min kellu jaqsam l-ħlas ma’ missieri ma riedx iħallas is-sehem tiegħu u allura missieri sostna li ried jibqa’ jarma. Għaldaqstant meta miet wieħed mill-Ħamrun magħruf bħala Pisani tad-dawl u qabbad lilna, aħna morna għalih bil-karru imma magħna ġew ukoll il-pulizija. B’hekk konna aħna li wassalna l-aħħar mejjet bil-karru ġewwa l-Addolorata għax imbagħad missieri tħallas u l-karrijiet waqfu.”

    Ormaj intervistajt lil bosta individwi u kważi dejjem nispiċċaw imdawwrin madwar mejda naraw ir-ritratti għax il-viżwal jogħġobni wisq! Imma jkolli nistqarr li did-darbaAlfred isuq il-wiginet akkumpanjat mill-parteċipanti ta' Miss Malta kont qed inħossni kemmxejn stramba nqalleb ritratti ta’ xeni bħal dawn. Wieħed minnhom kien qed juri lil Alfred qed jerfa’ tebut. Impressjonajt ruħi kif hu kien kapaċi jiftakar il-mejjet li kien qed iġorr f’kull wieħed mir-ritratti. Imma nħsadt wisq aktar meta Alfred beda jirrakkuntali kif kien jiġi trattat minn ċerti nies fil-passat, sempliċiment minħabba t-tip ta’ xogħol li kien jagħmel…

    “F’ċerti rħula meta kienu jarawna ġejjin biż-żwiemel, xi ħwienet kienu jagħlqu l-bibien tagħhom sabiex ma nidħlux nieħdu xi belgħa tè minn għandhom. F’Ħal-Kirkop, f’Ħal-Safi u fin-naħat ta’ fuq ta’ Malta kienu jagħmluha spiss din. Mhux għax jibżgħu mill-mewt biss imma għax kienu jitqażżuna. Batejna. Immaġina tkun xi ġurnata kiesħa fil-għodu kmieni u tkun ilek ġej tul triq twila bilqiegħda fuq dak is-saldatur kiesaħ fir-riħ u fil-bard. Tkun tixtieq tixrob xi ħaġa sħuna u ħadd ma jrid idaħħlek. Ġieli kellhom jagħtuna mill-knisja biex nixorbu xi ħaġa.”

    Prosit kemm konna nsara! Martu kompliet tgħidli…

    “F’xi ħwienet tal-Mellieħa, il-parruċċani kienu jisħqu li n-nies bħal Alfred kellhom jużaw skutella jew makk għalihom għax ħadd ma ried jixrob minn warajhom. U darba l-kappillan kien widdeb lin-nies li jekk jibqgħu jagħmlu hekk, ma kien ser jifdal ħadd mir-raħal biex jidfen lin-nies t’hemm u jitilgħu l-barranin minflok.  U llum il-ġurnata hekk qed jiġri.”

    Anki meta ġie biex isib tfajla kellu l-problemi Alfred.

    “Ġieli ppruvajt inkellem lil xi tfajla u m’aċċettatnix minħabba x-xogħol li kont nagħmel. Kien jiddispjaċini imma kont nifhem għax kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu. Nifhimha li hawn minIt-tfajliet ta' Miss Malta jippużaw mal-wiginet ta' Alfred jimpressjona ruħu b’xogħol bħal dan.”

    Ara Mary ma kellha l-ebda problema dwar dan. Mhux talli, imma biex żgur tkompli mal-andament tad-destin, il-laqgħa tagħhom li kellha finalment twassal għaż-żwieġ tagħhom seħħet waqt li hi kienet waqt funeral u Alfred kien qed jagħmel xogħolu!

    “Lil Alfred kont ilni nafu u dejjem wera li kien ġuvni bieżel u bil-għaqal. Ix-xogħol tiegħu qatt ma dejjaqni u bih għejjixna familja ta’ erbat itfal. Kont niddejjaq żgur li kieku kien xi wieħed għażżien jew bla xogħol!”

    Min ser ilumha? Fortunatament illum dawn l-affarijiet inqatgħu ħafna. Uliedhom is-subien ħadu x-xogħol ta’ missierhom u ma sabux problemi minn dawn. Barra minn hekk, bint minnhom iżżewġet f’familja miż-Żejtun li hi magħrufa ħafna għall-istess xogħol ta’ missierha. Issa Alfred fadallu biss il-memorji ta’ dax-xogħol li hu saħaq li qatt ma ried jibdlu ma’ xejn.

    “Ma konniex nitħallsu wisq imma l-ħobża ta’ kuljum dejjem qlajtha. Hemm mumenti li jdejjquk bħal f’kollox. Ngħidu aħna meta tinżel f’qabar biex tnaddfu mill-għadam u jitla’ l-wirdien għalik, tiddejjaqAlfred u Mary Mifsud le? Imma jien ma nibżax minnu, infarfru minn fuqi malajr u nkompli fuq xogħoli. Barra hekk, min jaf kemm ġieli rqadt iljieli  ħdejn il-mejtin li kienu jitħallew 24 siegħa f’kamra apposta fiċ-ċimiterju qabel jindifnu. Qatt ma bżajt u nassigurak li qatt ma qam ħadd.”

    Staqsejtu jekk qatt difinx lil xi ħadd jiġi minnu.

    “Iva. Lil ħija li miet ta’ 22 sena għax kien marid bil-kliewi. Miet madwar 29 sena ilu u għalkemm indifen fl-Addolorata, dakinhar kienu ħallewna nniżżluh aħna. Tħoss naturalment tarah nieżel taħt l-art. Imma meta tiftakar kemm kien qed ibati, għax dak iż-żmien ma kienx hemm kura għall-mard bħal dan, tagħraf li fir-realtà straħ u b’hekk tistabar.”

    Mary ftakret f’mument partikolari meta Alfred ġie lura mix-xogħol b’qalbu maqsuma…

    “Darba ġie u qalli ‘Mer, taf li qatt ma bkejt fil-funerali imma llum tifel żgħir ta’ erbgħa snin qasamli qalbi. Tilef lil ommu u ma setax jifhem meta raha nieżla fil-qabar għaliex qed tħallih u beda jgħajjat u jibki “Ma ejja, ma ejja!”

    Rakkont ġibed lil ieħor…

    “Snin ilu kienu jmutu ħafna trabi. Min jaf kemm ġarrejt trabi fil-karru l-abjad minn Lazzaret fejn kienu jeħduhom meta kienu jimirdu! Imma darba nqalgħat waħda li ma tinsihiex kif ġieb u laħaq. Inzerta liAlfred għaddej bil-karru tiegħu fl-istess ġurnata mietu żewġt itrabi bl-istess kunjom. Aħna morna għal waħda minnhom u tlaqna bil-korteo magħna. Iżda kif konna kważi wasalna biha fiċ-ċimiterju, tant li konna ħdejn is-shipbuilding, ġie jilħaqna l-kummissjonant biex jgħarraffna li kienu tawna t-tarbija żbaljata! U kulħadd kellu jmur lura għall-katavru tat-tarbija proprja.”

    Smajt bosta rakkonti oħra għax Alfred għamel snin twal jaħdem f’dan il-qasam. Biex nagħlaq xtaqt inkun naf jekk dan ix-xogħol biddlilhomx il-perspettiva tagħhom dwar il-mewt u jekk kienux jibżgħu mill-mewt wara kollox?

    Bdiet Mary, “Ma tistax ma tibżax mill-mewt għax anki Kristu beża’ minnha meta waslet is-siegħa Tiegħu. Imma ommi dejjem għallmitni li bħalma ħadna l-ħajja hekk irridu nieħdu l-mewt. Hekk jew hekk inutli tibża’ għax xorta trid tiġi.”

    Min-naħa tiegħu Alfred għalaq hekk “Jiena nirraġuna li l-mewt hija parti mill-ħajja tal-bniedem: hekk kif tgħix taf ukoll li trid tmut. Ma nħossx li nibża’ wisq mill-mewt. Inqis ix-xogħol li kelli bħala mera jew ritratt ta’ dak li rrid ngħaddi minnu. Imma nemmen li l-aqwa li tgħix sewwa u l-bqija tħallih f’idejn Alla.”

    Forsi ta’ min jixtarr dak li qal il-poeta William Ross Wallace (1819 – 1881) “Kull bniedem imut. Mhux kull bniedem jgħix tassew.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Novembru 2011)

    2011.11.06 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • L-ILLUŻJONI TAS-SBUĦIJA

    Chantelle Alamango Jingħad li Cleopatra kienet tinħasel f’banju mimli ħalib imżejjen bil-petali tal-ward sabiex ikollha ġilda mill-ifjen u sabiħa. Imma min minna jiflaħ lussu bħal dak? U fir-realtà, kemm hu importanti li tidher sabiħa? Numru ta’ studji jsostnu illi l-individwi li huma meqjusa bħala ‘sbieħ’ igawdu minn ħafna aktar vantaġġi minn dawk inqas attraenti, saħansitra meta jiġu biex jintagħżlu f’xi post tax-xogħol. Madanakollu ħafn’oħrajn jinsistu illi l-veru sbuħija tinsab fir-ruħ u fil-karattru tal-bniedem u mhux f’surtu. Xorta waħda ħafna nisa jistqarru li wħud mill-isbaħ sensazzjonijiet f’ħajjithom huma dawk il-mumenti qosra meta jkunu qed japplikaw il-make-up sabiex jidhru aħjar. Iżda oħroġ il-għaġeb, numru konsiderevoli ta’ rġiel jgħidulek li jippreferu mara b’wiċċha naturali, bla żebgħa xejn! Għal dil-ġimgħa ddeċidejt li nixtarr ftit dan is-suġġett u għalhekk iltqajt ma’ Chantelle Alamango li l-make-up tista’ tgħid li hu d-dinja tagħha.

    “Personalment nemmen li l-make-up jgħinek tħossok isbaħ u aktar kunfidenti u għalhekk iwasslek biex ikollok atteġġjament ħafna aktar pożittiv lejn il-ħajja. B’hekk bla dubju, il-persuna ma tkunx qed tirrifletti biss is-sbuħija esterna ta’ wiċċha imma anki l-ħlewwa interna tal-karattru tagħha,” marret mill-ewwel fuq il-likk Chantelle.

    Skont il-poeta u kittieb Oscar Wilde (1854-1900) “L-ebda oġġett mhu daqshekk sabiħ, li f’ċerti kundizzjonijiet ma jidhirx ikraħ”.

    “Ħadd m’huwa perfett imma llum tant teżisti għażla kbira ta’ make-up li b’xi mod jew ieħor żgur li jinstab xi rimedju għal dik id-diffikultà partikolari ta’ kull wieħed minna. Għax wara kollox is-sigriet prinċipali tal-make-up huwa li joħloq illużjoni: dik li jitfi dak li mhux daqstant attraenti, filwaqt li jenfasizza dak li hu sabiħ.”

    Ralph Waldo Emerson (1803-1882) kittieb u poeta ieħor, jgħid illi “L-imħabba għal dak li hu sabiħ hija mfassla skont il-gosti, filwaqt li l-kreazzjoni tas-sbuħija hija arti.”

    “Infatti l-aqwa riżultati bil-make-up jiġu akkwistati meta wieħed jagħraf juża’ l-materjali differenti u l-għodda varji li jeżistu f’dan il-qasam. Nemmen li ċertu ammont ta’ kapaċità trid tkun qiegħda fik imma sinċerament il-veru maestrija ġġibha billi titħarreġ kemm tiflaħ u billi tinnota l-ħin kollu l-oħrajn x’qed jagħmlu. Personalment ma tiġix rivista quddiemi li ma niflihiex minn qoxra sa qoxra biex nara l-mudelli li jidhru fuqha x’make-up għandhom. Barra minn hekk meta suppost inkun qed nara film, aktar inkun moħħni fl-artisti femminili biex insegwi x’tip ta’ make-up ikunu għamlulhom għal xeni differenti.

    Il-make-up minn dejjem kien jolqotni imma f’dawn l-aħħar snin bdejt ninteressa ruħi ħafna iktar. Għall-ewwel iddeċidejt li nattendi għal kors bażiku biex nitgħallem kif napplika make-up sabiħ fuqi nnifsi. Imma bil-mod il-mod, sibt ruħi qed nidħol aktar f’dan il-qasam u għalhekk tħarriġt f’livell aktar professjonali, bħal ngħidu aħna f’kif tagħmel il-make-up għal xi photo-shoot, għall-għarajjes tat-tieġ u għal okkażżjonijiet oħra. Illum kburija li għandi l-klijenetela tiegħi. Inqisu bħala unur kbir għalija meta mara tħalli f’idejja li nagħmlilha l-make-up proprju fl-iktar mumenti sbieħ tagħha; bħal per eżempju għat-tieġ.

    Huwa għalhekk li trid iżżomm ruħek aġġornata l-ħin kollu ma’ make-up ġdid li jkun qed joħroġ u mal-ideat friski tal-oħrajn. Fir-realtà ma tieqaf qatt tiskopri ideat u stili ġodda. Biss biss, jekk tidħol fl-internet issib għażla kbira ta’ videos li jispjegawlek pass pass kif toħloq ċerti riżultati mixtieqa. Irid ukoll ikollok l-interess li tesperimenta ftit biex tiskopri elementi ġodda. Intant dalwaqt ser inkun qed nipparteċipa f’taħriġ ibbażat fuq make-up użat għall-istage, għat-televiżjoni u għall-effetti speċjali u ninsab ċerta li ser ikun siewi ħafna.”

    Lil Chantelle pjuttost kont nafha interessata fil-qasam tal-Accounts li hija l-linja tax-xogħol tagħha. Huwa biss riċentement li skoprejt din il-passjoni tagħha.

    “Naf li huma oqsma għal kollox differenti minn xulxin u huwa proprju għalhekk li togħġobni din l-istil ta’ ħajja, għax it-tnejn jeħduni f’dinja differenti. Sinċerament ma nimmaġinanix nagħżel bejniethom għax it-tnejn jagħtuni ħafna sodisfazzjon.”

    “Inti tħobbni għax jiena sabiħ, jew jiena sabiħ għax inti tħobbni?” staqsa darba Oscar Hammerstein II (1895 – 1960) direttur teatrali. Qabel poġġejt bil-qiegħda biex nikteb danMake up by Chantelle Alamango 1 l-artiklu għamilt ftit riċerka dwar dan is-suġġett tas-sbuħija u l-make-up, staqsejt ukoll xi fehmiet lil numru ta’ nies li ltqajt magħhom u ħadt l-opinjoni ta’ dawk li rrispondewni fuq Facebook. Kien kurjuż il-fatt li hekk kif in-nisa b’mod ġenerali qaluli li bil-make-up iħossuhom aktar attraenti, daqstant ieħor b’mod ġenerali l-irġiel insistew li n-nisa jogħġbuhom l-aktar meta jkunu mingħajr make-up.

    “M’hemmx isbaħ minn mara naturali” kiteb wieħed. “Inutli li mara tagħmel xebgħa make-up biex wara li tneħħiħ twerwrek!” iċċajta l-ieħor. “Għaliex din il-falsità? L-irġiel m’għandhomx ċuċati hekk!” kompla jesprimi ruħu. Pronta pronta waħda weġbitu li minflok jinżebaħ, raġel jagħżel li jidher billi jmur jarma xi karozza… u komplew sejrin hekk. Imma l-irġiel ma ċedew qatt. Kollha baqgħu tal-istess fehma.

    Allura jekk il-make-up mhux arma tajba biex jiġbed l-irġiel, għal xhiex jew għal min jiġi applikat? X’inhu s-sinifikat tiegħu?

    “Naħseb li hu l-make-up esaġerat li jdejjaq lil dak li jkun għax fir-realtà nemmen li ż-żewġ sessi japprezzaw id-dehra ta’ make-up applikat tajjeb” saħqet waħda. “Il-make-up għandu s-saħħa li jgħinek tħoss sensazzjoni ta’ kuntentizza bħal meta tmur tixtri xi ħaġa għalik. Jieħdok f’dinja oħra u jneħħilek ħafna mill-istress,”esprimiet ruħha persuna oħra. “Finalment mara tagħmel il-make-up biex tintogħġob magħha nnifisha u xejn aktar,” għalqet il-kummenti tagħha oħra.

    Iżda hemm naħa oħra tal-munita… Ammont ieħor ta’ nisa jgħidulek li m’għandhomx ċans għal dawn il-ħmerijiet, li hekk jew hekk iħossuhom tajjeb mingħajr make-up għax huma komdi b’wiċċhom kif jidher b’mod naturali u m’għandhomx bżonn jistaħbew wara maskri!

    “Kulħadd għandu d-dritt għall-opinjoni tiegħu,” ikkummentat Chantelle. “Personalment jien ma ngħaddix mingħajr make-up u hija tassew rari meta noħroġ mingħajru. Anki jekk ikolli ftit ħin biss, nara kif nagħmel u napplika xi ħaġa ħafifa imma qatt mhu ser nagħżel li nidher fil-pubbliku mingħajr ma nirtokka wiċċi. Jekk ma nagħmilx hekk inħossni li qed nintelaq u ma nħossnix kuntenta. Ma nafx kif hawn min jgħid li ma jsibx ħin għal dawn l-affarijiet għax wara kollox ftit minuti biss huma wkoll effettivi biex isebbaħ id-dehra tiegħek. Jidhirli li la hemm il-mezzi biex tidher aħjar, tkun qed titlef ħafna jekk ma tużahomx.”

    Kompliet tgħidli li anki meta tmur tgħum fis-sajf tara li tagħmel il-make-up adattat għalkemm naturalment ma tinżillx taħt l-ilma. Saħansitra meta tagħżel x’tiekol, toqgħod attenta li ma tkunx xi ħaġa li ser tirrovinalha l-make-up. Staqsejtha jekk jiġux mumenti meta tħossha skjava ta’ din il-passjoni tagħha stess?

    “Lanqas xejn! Ormaj din hija parti mir-rutina tiegħi. Kif inqum fil-għodu, nara li nagħmel make-up tajjeb li kapaċi jżomm il-ġurnata kollha u huwa hekk kif isir il-ħin biex norqod li nneħħih. Meta mbagħad nidħol id-dar wara x-xogħol u nkun ser nerġa’ noħroġ, ibqa’ ċerta li nibdel il-make-up mill-ġdid sabiex nadatta għal fejn inkun sejra.”

    Skont Chantelle, l-għodda li jintużaw biex jiġi applikat il-make-up huma l-qofol ta’ riżultat sabiħ.

    “Illum hawn għażla ma tispiċċa qatt tal-make-up, b’ditta aqwa mill-oħra li kollha għandhom il-prodotti tagħhom. Iżda għalkemm ċerti ditti tassew ikunu superjuri għall-oħrajn, l-għodda użata hija s-sigriet ta’ kollox. Fost dawn, il-pniezel huma l-aktar neċessarji hekk kif kull wieħed minnhom għandu funzjoni partikulari. Biss biss ngħidlek li biex nagħmel il-make-up tal-għajnejn għandi ħames pniezel differenti!”

    “Kollox għandu s-sbuħija tiegħu imma mhux kulħadd kapaċi jaraha,” qal il-filosfu Confucius (551-479 Q.K.). Akkost li huwa xogħol pjuttost għali biex iżżomm ċertu livell professjonali, Chantelle tħoss li s-sodisfazzjon li tara f’għajnejn il-klijenti tagħha, jagħtiha wisq kuraġġ biex tkompli f’dan il-qasam.

    “Il-kulur tal-karnaġġjon ivarja minn persuna għall-oħra, apparti li trid tikkunsidra wkoll l-età u allura jrid ikollok għażla sewwa għal kull eventwalità ħalli tipprovdi l-prodott ġust. Jeħtieġ li jkollok ukoll selezzjoni varja ta’ kuluri ta’ eyeshadows, lipsticks, blushers, mascaras u dak kollu li jkun hemm bżonn. Madanakollu s-sodisfazzjon li nieħu meta nara l-klijenti jħarsu lejn id-dehra mibdula tagħhom b’dik iċ-ċertu kburija, tinżilli għasel u tgħini nħossni kburija b’dak li qed nagħmel.”

    “M’hemm xejn assolut li jiddeċiedi x’inhu sabiħ jew le. U dak hu preċiżament dak li jagħmel it-tfittxija għas-sbuħija aktar interessanti,” kiteb John Kenneth Galbraith (1908 – 2006) ekonomista.

    “Bi ftit ħsieb u dedikazzjoni, wieħed jista’ jirranġa d-dehra tiegħu b’mod tassew faċli. Kull ma jkun hemm bżonn huwa li wieħed ikun jaf kif japplika l-prodotti xierqa u fil-post it-tajjeb. Ngħidu aħna kulur skur mal-ġenb tal-imnieħer u kulur ċar fuq l-għadma tal-imnieħer, ser jagħtuh dehra idjaq. Min-naħa l-oħra, bronzing mad-dawra ta’ wiċċ kemmxejn imfaqqgħa, tgħinu jieħu xeħta aktar definita. Għajnejn qrib ħafna ta’ xulxin jirrikkjedu kulur ċar fuq ġewwa u skur fuq barra ħalli jidhru aktar simettriċi. Il-lista hija twila ħafna u l-possibilitajiet ma jieqfu qatt.”

    Skont Chantelle, hemm bosta gwidi u regoli li wieħed jista’ jimxi magħhom imma mbagħad kulħadd għandu l-fehma tiegħu.

    “Ngħid għalija ma naqbilx li għarusa bilfors trid tagħmel make-up bi stil naturali. Naf li ħafna professjonisti u li fuq ħafna rivisti jiġi rrakkomandat hekk. Imma t-tieġ huwa ġurnata importanti ħafna għall-għarusa u għalhekk jidhirli, li sakemm ma tkunx qed titlob xi ħaġa li mhiex adattata, m’għandhiex għalfejn tingħalaq b’regoli biex imbagħad tispiċċa ma tħosshiex hi u ma tkunx kunfidenti.”

    Lanqas ma taqbel mal-make-up permanenti…

    “Tbeżżagħni l-idea ta’ xi ħaġa permanenti għax imbagħad jekk jiġi żmien meta dak li tkun għamilt ma jogħġbokx aktar, x’tagħmel?Min-naħa l-oħra napprezza ħafna l-affarijiet li jistgħu jitneħħew faċilment: bħax-xagħar t’għajnejn artifiċjali li jagħti dehra affaxxinanti u eleganti lill-għajnejn u l-wiċċ.”

    Fil-make-up Chantelle tmur ħafna għall-kuntrast.

    “Hawn min għandu l-idea li jrid iqabbel il-make-up mal-ħwejjeġ imma dan joħloq ċertu monotonija u pjuttost jitfi d-dehra ta’ dak li jkun. Hekk jew hekk illum f’paletta ta’ eyeshadow bażika wkoll ikollok Makeup by Chantelle Alamango 2għażla varjata ta’ kuluri sbieħ. Ngħidu aħna ma’ libsa ħamra tista’ tuża’ l-kulur tar-ram jew tal-bronż, filwaqt li ma’ libsa’ kaħla jixraq ħafna l-kulur tal-fidda jew vjola. Wieħed qatt m’għandu jmur għal dak li hu ovvju bħal dik li tuża lipstick u nail-polish aħmar għax inti liebsa libsa ħamra. Il-kuntrast jiġbed ħafna iktar l-għajn u wara kollox dik hi l-funzjoni tal-make-up.”

    L-aktar fattizz f’wiċċ il-bniedem li jogħġobha huma l-għajnejn…

    “Għax hemm proprjament tista’ turi l-ħila tiegħek peress li tista’ timraħ b’kemm kuluri trid.”

    Eva Green (1980) mudella u attriċi tistqarr li meta ma tkunx qed taħdem tippreferi toqgħod libera mingħajr ħwejjeġ inkaxxati, tkaken u make-up… “Huwa sabiħ li tkun tista’ tieħu nifs!” Iżda bla dubju Chantelle taqbel aktar ma’ dak li qalet l-attriċi Lana Turner (1921 – 1995) “Nippreferi nitlef l-aqwa misluta li għandi milli jaqbduni mingħajr make-up!”

    “Nemmen b’fermezza li wieħed għandu jagħmel minn kollox biex jidher bl-aħjar mod tiegħu. Wara kollox, dan hu sinjal ta’ rispett u mħabba lejna nfusna u xejn aktar.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-30 t’Ottubru 2011)

    2011.10.30 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IRRID NIDĦOL F’KULL KAPPELLA

    Marija Bambina - Mtahleb - RabatIl-gżejjer tagħna huma miżgħuda bit-tifkiriet ta’ missirijietna imma tiskanta kemm il-milja taż-żmien għandu l-ħabta li jnessi ċerti ġrajjiet. Fost dawn hemm l-għadd ta’ kappelli ċkejknin, bosta minnhom dejjem magħluqin, donnhom abbandunati. Minn dejjem kienu jiġbduni lejhom, wieqfa hemm b’dik ir-rassenjazzjoni, f’dik is-solitudni. U meta fi tfuliti skoprejt il-kotba ta’ Kilin, erħini nipprova nfittex dawk il-kappelli l-aktar strambi u mwarrba bħal bi sfida personali miegħi nnifsi. L-hena tiegħi kienet meta kont insib xi twejqa miftuħa u noqgħod niġġebbed u nittawwal fid-dlam ta’ ġewwa bit-tama li nara x’hemm. Iżda jidher li dawn il-kappelli ma laqtux lili biss. Tant hu hekk illi l-grupp ta’ nies li ltqajt magħhom dan l-aħħar minn dawn il-kappelli rnexxielhom joħolqu kapolavur!

    “Minn mindu kont tifel kienu jaffaxxinawni dawn il-kappelli mwarrbin u mibnijin f’postijiet remoti,” beda l-kliem  Roderick Busuttil. “Kienu jqanqluli bosta mistoqsijiet li għall-ewwel ma kontx naf nirrispondi. Ngħidu aħna, għala għandu wieħed jibni kappella bħal dik iddedikata lil San Pawl proprju f’nofs Wied il-Qlejgħa, jew kif inhi magħrufa, iċ-Chadwick Lakes? Jew x’sinifikat kellha l-kappella tal-Madonna ta’ Itria moħbija f’Binġemma? Inkella x’sens kienet tagħmel il-kappella ta’ San Dimitri fuq tarf ta’ rdum fl-Għarb Għawdex? Min-naħa l-oħra imbagħad tmur fl-irħula u f’ċerti nħawi taf issib xi żewġ kappelli mibnija ħdejn xulxin, b’uħud saħansitra ħajt ma’ ħajt! U tistaqsi x’riedu jgħidu bihom?”

    Għalkemm forsi wħud minn dawn id-dilemmi, Roderick għadu ma sabx tarf tagħhom, min-naħa l-oħra huwa rnexxielu jsarraf din il-ġibda tiegħu f’sit mill-aktar informattivMix-xellug - Noel Ciantar, Anthony M Brincat, Caroline Busuttil, Roderick Busuttil u Joe Brincat dwar dawn il-kappelli li huma tant għal qalbu. Jista’ jkun li x-xorti daħkitlu ftit ukoll għax flimkien miegħu hemm grupp ta’ nies jaħdmu qatiegħ biex permezz tas-sit www.kappellimaltin.com jiftħu b’mod virtwali bosta minn dawn il-kappelli sabiex il-pubbliku jkun jista’ japprezzahom aktar. Poġġejna madwar mejda ta’ kafeterija nixorbu belgħa tè sħuna biex inpattu għar-riħ u l-kesħa li kien hemm barra u sadanittant bdejt insir naf aktar lil dan il-grupp u x-xogħol li jwettqu.

    “Kull tant żmien, jiena u Roderick konna ntellgħu xi programmi għar-radju u darba waħda staqsewna jekk konniex lesti li ntellgħu sensiela sħiħa dwar xi suġġett partikolari. Wara ħafna diskussjonijiet iddeċidejna li nibnu sensiela dwar il-kappelli u għalhekk intfajna nagħmlu r-riċerka dwarhom fosthom permezz tal-kotba ta’ Kilin,” kompla jirrakkuntali did-darba Joe Brincat. “Organizzajna wkoll diversi intervisti ma’ individwi li kienu ntiżi f’dan il-qasam bħall-Prof. Stanley Fiorini, il-Prof. Michael Buhagiar, ir-riċerkatur Tony Terribile, l-espert fil-qasam tax-xwieni Joseph Muscat u anki ma’ Kilin innifsu li stqarr magħna li fil-kotba li ħareġ fil-bidu kellu xi żbalji li eventwalment ġew irranġati kollha fil-ktieb ‘Wayside Chapels’. Preżentament wieħed jista’ jisma’ dawn l-intervisti minn fuq is-sit tagħna.”

    Infatti tant ġabru informazzjoni li Noel Ciantar ħajjarhom biex itellgħu sit sabiex din ir-riċerka ma tintilifx u anki biex jagħtu daqsxejn promozzjoni lill-programm tagħhom tar-radju “Mat-tokki ta’ qniepen żgħar”. L-idea ntogħġbot u Noel sab ruħu jfassal hu stess dan is-sit, tant li llum huwa l-webmaster tiegħu.

    “Is-sit infetaħ għall-pubbliku ftit qabel beda l-programm tar-radju, fit-22 t’Ottubru tal-2007. Għalkemm il-programm innifsu spiċċa wara disgħa xhur u kien ta’ suċċess kbir tant li baqgħu jixxandru r-San Blas Chapel (Caroline Busuttil)repetizzjonijiet tiegħu, dil-ġimgħa ser inkunu qed niċċelebraw ir-raba’ anniversarju mit-twaqqif tas-sit. Ftit ftit in-nies bdiet issir midħla tas-sit tagħna sakemm illum nistgħu ngħidu li kull min hu tassew dilettant ta’ dawn il-kappelli, xi darba jew oħra daħal fih jew għallinqas sema’ bih, filwaqt li oħrajn jużawh bħala mezz ta’ referenza. Is-saħħa tiegħu tinsab fil-kwantità u l-kwalità ta’ informazzjoni li hemm miġbura f’post wieħed, tant li meta s-sena li għaddiet semmew is-sit tagħna fl-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali, irreferew għalih bħala enċiklopedija. Biex nagħtik ħjiel, apparti informazzjoni dettaljata dwar għadd ta’ kappelli, wieħed isib ukoll listi sħaħ ta’ isqfijiet, granmastri, muniti, inkwiżituri, papiet u żjajjar pastorali. Hemm ukoll glossarju li jagħti t-tifsira ta’ għadd ta’ kliem relatat ma’ dan il-qasam, informazzjoni dwar xi qaddisin u intervisti ma’ individwi dwar xi passatempi tagħhom. Illum is-sit jikkonsisti f’200 paġna,” qalli kburi Noel.

    Spjegawli kemm siegħat jiddedikaw għar-riċerka minħabba li huma jkunu jridu jikkonfermaw li dak li jiktbu jkun validu u minnu, segwit kif xieraq b’referenzi relatati. Anthony M Brincat li huwa espert f’dan il-qasam tal-kappelli, għandu r-rwol ta’ konsulent tal-grupp.

    “Fil-gżejjer tagħna hawn 328 kappelli (eskluż il-kappelli privati u dawk li jinsabu fil-kunventi u fiċ-ċimiterji),” infurmani Roderick. “Anthony dar dawn il-kappelli kollha u għamel studju intensiv dwarhom. Infatti kien ta’ għajnuna siewja biex niksbu l-informazzjoni, ir-ritratti u biex insiru nafu fejn qegħdin ħafna minnhom. S’issa aħna żorna 220 kappella, għalkemm fis-sit għandna informazzjoni dettaljata dwar 132 minnhom. Imma jiena għandi ħolma li nixtieq inwettaq…. xi darba rrid nidħol fihom kollha! Fi tfuliti kont inħobbhom il-kappelli imma illum iffissat! Biex tifhimni nista’ nirrakkuntalek kif dakinhar li ħriġna l-inviti tat-tieġ, jien kont qed indur il-kappelli ma’ Anthony u ma’ Joe u l-invit tajtulhom hemm.”

    Mhux hekk biss, imma spiċċa biex daħħal f’din l-istorja anki lill-mara tiegħu Caroline li f’dan il-grupp ġiet assenjata r-rwol tal-fotografu uffiċċjali.

    “Meta konna għadna għarajjes Roderick kien moħħu biex immorru nżuru dawn il-kappelli u jien biex ma niddejjaqx bdejt nieħu r-ritratti. Bdew joħorġu tajbin u ntogħġbu u b’hekk sibt ruħi bir-St. John the Evangelist Chapel - Ħal Millieri (Caroline Busuttil)responsabbiltà li niġbed ir-ritratti tal-kappelli. Mhux faċli daqs kemm wieħed jaħseb li tieħu ritratti sbieħ ta’ dawn il-kappelli u mhux darba u tnejn li spiċċajna morna aktar minn darba fl-istess post sakemm sibna l-mument tajjeb. Daqqa ssib xi karozza pparkjata eżatt quddiemhom, drabi oħra trid tara kif tipprova tnaqqas mill-wires u l-arbli li jkunu qed ikerrħu l-ambjent ta’ madwarhom u mbagħad hemm oħrajn li trid tmur f’xi ħin partikolari biex tiġbidhom minħabba li x-xemx tinzerta eżatt warajhom f’ċerti ħinijiet u ma tieħux ritratt wieħed sura.”

    Kollha qaluli li wieħed mill-akbar xkiel huwa biex tinzerta ssib xi kappelli miftuħa jew biex issib lil xi ħadd lest li jiftaħhomlok.

    “Hemm ċerti kappelli li jinfetħu darba fis-sena biss għal xi okkażjoni partikolari, filwaqt li oħrajn huma abbandunati jew ma jinfetħu qatt.  Infatti illum jiena u Caroline noħorġu dejjem bil-kamera magħna ħalli jekk ninzertaw xi waħda miftuħa, nieħdu x-xoqqa f’moxtha. B’xorti tajba kemm ilni naħdem fuq dawn il-kappelli għamilt bosta ħbieb u kuntatti. Biż-żmien skoprejt li f’kull raħal jew belt fil-gżejjer tagħna, dejjem ser issib lil xi individwu li tassew ikun dilettant jew intiż fl-istorja u li jirranġalek biex tidħol fil-kappelli tal-post, bħal ngħidu aħna Tony Abela li fetħilna l-kappelli kollha taż-Żejtun. Għalina huwa importanti ħafna li nuru l-kappelli kemm minn barra u kif ukoll minn ġewwa għax ġeneralment dak ser ikun l-uniku mezz kif il-pubbliku jkun jista’ jara l-intern ta’ ċerti postijiet.”

    Interessanti l-fatt li dan il-grupp ġibidli l-attenzjoni li meta nirreferu għal dawn il-binjiet bħala kappelli nkunu qed niżbaljaw…

    “Proprjament il-kappella hija parti mill-knisja u ma tistax tkun fiżikament maqtugħa għaliha: infatti illum il-kurituri li nsibu fuq kull naħa ta’ knisja nafuhom bħala kappelluni. Meta l-Isqof De Mello żar Malta fis-seklu ħmistax huwa sab l-ewwel għaxar kappelli (u mhux waqqafhom kif hawn min isostni!). Dak iż-żmien De Mello rrefera għalihom bħala cappelli di campagna li biex nifthiemu kienu qishom il-parroċċi ta’ llum. Meta mbagħad ġie l-Isqof Dusina fis-seklu sittax huwa sejħilhom chiese di campagna u allura dawn suppost jissejħu knejjes żgħar u mhux kappelli.”

    Ilkoll saħqu li s-sit huwa ideali għax dejjem tista’ żżid fuqu. Infatti meta xi ħadd jibgħatilhom xi biċċa informazzjoni tajba jew xi ritratt li jista’ jiġi inkluż fis-sit, huma jilqgħuha bil-qalb kollha għax jixtiequ li s-sit ikun meqjus bħala “ta’ kulħadd”. Dan l-aħħar il-grupp fetaħ ukoll paġna fuq Facebook bl-isem ‘Kappelli Maltin – Wirt Artna’.

    “Xi kultant ninnota li l-Facebook jolqot tip ta’ nies differenti minn dawk li jidħlu fis-sit,” fehmitni Caroline. “Forsi għax fuq Facebook l-informazzjoni hija aktar kompatta. Huwa wkoll aktar interattiv għax jagħti ċ-ċans lil dak li jkun li jistaqsi mistoqsija u ftit wara jibda jara r-risposti deħlin lura… u mhux minn għandna biss! Infatti sikwit jiġri li minn suġġett jispiċċaw jifirxu fuq ieħor u jinħoloq djalogu sħiħ. Il-Facebook jagħtik opportunità li tiltaqa’ ma’ nies li aktarx li kieku ma kienx hu, qatt ma kont ser tiltaqa’ magħhom. Per eżempju ftit ilu tellgħajna ritratt ta’ kampnar ta’ kappella u staqsejna lill-imseħbin jekk hux kapaċi jagħrfu ta’ fejn kienet. Dlonk weġibna qassis li qalilna li hu xeba’ jqaddes hemmhekk u hekk allura issa għandna kuntatt ieħor għal din il-kappella. Intant, fuq din il-paġna tal-Facebook aħna ntellgħu xi ftit informazzjoni ġdida minn żmien għal żmien sabiex inħajjru lin-nies jinġibdu aktar lejn il-kappelli.”

    Infatti meta dħalt fil-paġna tagħhom sibt li kien hemm mad-900 membru u wħud minnhom jagħtu kontribut interessanti immens. Ngħidu aħna Jacqui Agius poġġiet ritrattiPittura ta' Jacquis Agius ta’ pitturi mill-isbaħ ta’ kappelli lokali li pittret hi. Oħrajn bħal John Scerri, Malti li joqgħod il-Kanada, u li bosta drabi jaqta’ fejn huma l-kappelli ħafna qabel nagħrfuhom aħna li noqogħdu hawn, iħobb jinkludi xi ritratti antiki ta’ kappelli li llum m’għadhomx jeżistu. Ħaġa twassal għall-oħra u finalment il-grupp iddeċieda li jagħti widen għat-talbiet tal-membri biex tinħoloq għaqda biex tlaqqgħa lil dawk li japprezzaw il-kappelli.

    “Konna ilna nixtiequ li nagħmlu għaqda għan-nies li jħobbu l-kappelli, għalkemm fl-istess ħin, nixtiequ nżommu s-sit u l-Għaqda separati minn xulxin. F’Lulju li għadda ppruvajna naraw kemm kien hemm interess. Għalhekk organizzajna l-ewwel laqgħa f’kappella f’Ħ’Attard u kellna attendenza sabiħa. B’hekk għamilna l-qalb u flimkien ma’ numru ta’ individwi oħra bdejna naħdmu biex titwaqqaf din l-għaqda b’mod formali. Fil-fatt il-laqgħa ġenerali fundatorja tal-Għaqda Ħbieb tal-Kappelli Maltin ser issir nhar it-Tnejn li ġej, 24 t’Ottubru 2011 fis-7:00pm fis-Sala Parrokkjali ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.”

    Kont kurjuża liema minn dawn il-kappelli kienu l-aktar għal qalbhom. Noel jippreferi dawk li jgawdu minn xenarju mill-isbaħ u għalhekk għażel il-Kappella tal-Madonna ta’ Madonna ta' Itria - Binġemma (Roderick Busuttil)Itria li tinsab f’Binġemma u dik li hija ddedikata lil Santa Marija Maddalena li hemm fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Caroline tippreferi l-Kappella ta’ San Pawl Eremita li hemm fil-Mosta għax tinsab maqtugħa għaliha mistura ġewwa għar f’wied. Lil Joe jaffaxxinawh l-aktar il-kappelli tal-perjodu medjevali…

    “Il-Kappella tas-Simblija li hemm Ħad-Dingli bilkemm tingħaraf li hi kappella u għalhekk tiġbidni. Imbagħad hemm ukoll il-Kappella ta’ San Mikiel is-Sanċir fir-Rabat, Malta li apparti l-arkitettura partikolari tagħha, tinsab f’nofs l-għelieqi, maqtugħa mill-bini modern, u meta tidħol fl-ambjent tagħha tħossok qisek mort lura fiż-żmien. Kienu rrestawrawha madwar 20 sena ilu imma sfortunatament issa reġgħet qed tiddeterjora. Għax l-ikbar problema ta’ dawn il-kappelli hija illi jekk ma ssibilhomx funzjoni, akkost li tirrestawrahom, jekk tabbandunahom mill-ġdid u ma ssibilhomx funzjoni, dawn ser jerġgħu lura għall-istat ħażin li kienu fih qabel.”

    Ma kellix għalfejn nistaqsih wisq lil Roderick liema kienu l-favoriti tiegħu għax ir-risposta bsartha.

    “Jiena kollha nħobbhom għax kollha sbieħ. Kif tista’ ma tħobbhomx meta tibda tara d-dedikazzjoni kbira li dawn inħadmu u żżejnu biha matul iż-żminijiet? Imma jekk għandi nsemmilek tnejn ferm għal qalbi dawn huma dik ta’ San Dimitri għax taffaxxinani l-leġġenda tagħha u dik Tal-Lunzjata f’Ħal-Millieri għax l-affreski li fiha huma inkredibbli.”

    Tkellimna fuq mitt ħaġ’oħra li mpossibbli ninkludihom kollha hawnhekk. Il-grupp għandu għatx kbir għal aktar informazzjoni dwar il-kappelli tal-gżejjer tagħna u għalhekkSt. Lucia Chapel - Kerċem (Caroline Busuttil) huma jistiednu lil kull min jixtieq jgħaddilhom xi tagħrif sabiex jikkuntattjahom. Sostnew li huma jagħtu kreditu xieraq fis-sit tagħhom lil kull min jagħti xi tip ta’ kontribut. Sadanittant fit-22 ta’ Ottubru 2011 ser inkun qed nattendi għall-attività li huma qed jorganizzaw biex jiċċelebraw ir-raba’ anniversarju minn meta beda s-sit www.kappellimaltin.com

    “Għażilna li mmorru nduru dawra mal-kappelli ta’ Birkirkara, taħt il-gwida tas-Sur Philip Xuereb biex infakkru din l-okkażjoni. Sfortunatament setgħu jattendu biss 25 persuna u l-postijiet mal-ewwel inbelgħu. Però, jekk ikun hemm biżżejjed nies interessati biex norganizzaw xi attività oħra bħal din, aħna nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex nikkuntentawhom.”

    Għalaqt billi staqsejthom x’inhu l-iskop wara dan ix-xogħol u l-entużjażmu kollu?

    “L-iskop prinċipali tagħna huwa li nqajjmu l-interess fil-kappelli għax nemmnu li b’hekk tħajjar lin-nies biex imorru jarawhom. Imbagħad jekk in-nies isibu xi kappelli magħluqin, ser jaraw kif jagħmlu biex jiftħuhomlhom. U meta jirnexxielhom, jekk isibuhom f’kundizzjonijiet ħżiena, ser joħolqu pressjoni biex dawn jiġu rrestawrati. Dan iċ-ċiklu huwa l-għan aħħari tagħna sabiex ftit ftit dawn it-teżori ċkejknin tagħna jingħataw lura s-sbuħija u d-dinjità tagħhom mill-ġdid.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-23 t’Ottubru 2011)

    2011.10.23 / 4 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • TAĦRIĠ FIL-KURA TAS-SAĦĦA TAL-ANZJANI U D-DIMENSJA

    “Li kieku kont naf li ser ngħix daqshekk, kont nieħu ħsieb tiegħi nnifsi ħafna aħjar,” stqarr Mickey Mantle (1931 – 1995). “Matul ħajti kollha ġejt mgħallem kif nista’ mmut, imma qatt ħadd ma ħarriġni f’kif nixjieħ,” irrealizza Billy Graham li llum jgħodd it-93 sena. “Iż-żmien tax-xjuħija hija l-iktar ħaġa mhux mistennija li tista’ qatt tiġri lill-bniedem,” kiteb fid-djarju tiegħu Leon Trotsky (1879 – 1940) waqt li kien fl-eżilju. Irridu jew ma rridux, iż-żmien tax-xjuħija xi darba jew oħra ser jasal fuqna lkoll, għalkemm ngħiduha kif inhi, hemm min jibqa’ ma jaċċetta qatt dan il-fatt … “Għalija, iż-żmien tax-xjuħija huwa dejjem ħmistax-il sena aktar milli għandi jien,” ikkummenta Bernard M. Baruch 1870–1965.

    Il-bidu ta’ dan ix-xahar kien dedikat lill-anzjani u għalhekk kien tassew opportun meta waqt xi riċerka li kont qed nagħmel, iltqajt ma’ ktieb relatat li laqgħatni ferm – 100 women, 100 stories. Fih kienNathalie Briffa Farrugia hemm ir-rakkonti personali ta’ 100 mara li jgħixu fi djar differenti tal-anzjani f’Malta. Kull ġrajja qasira kienet bħal ritratt li jkopri snin sħaħ ta’ ħajja ta’ bniedem. Ħassejt li l-ktieb innifsu kien teżor etnografiku msejjes fuq il-kultura, l-istorja u t-tradizzjonijiet ta’ dawk l-anzjani li għoġobhom jaqsmu mal-qarrejja din l-informazzjoni direttament minn fommhom. Ma kellix dubju li ktieb bħal dan, kellu ħafna aktar warajh. U ma mortx imqarrqa! Infatti, meta ltqajt ma’ Nathalie Briffa Farrugia li hija l-moħħ wara dan il-ktieb u s-CEO ta’ CareMalta Group Ltd. u ma’ Charlo Bonnici li huwa l-HR u l-Marketing Manager tal-kumpanija, sibt ruħi wkoll niddiskuti l-qasam tal-anzjani u dak li qiegħed isir bħalissa biex jitjieb dejjem aktar is-servizz u l-kura li jingħatawlhom.

    “Illum hemm kategoriji differenti ta’ anzjani. Fejn fl-antik individwu ta’ 60 sena kien jingħadd bħala anzjan, illum wieħed tal-istess età jitqies bħala relattivament żgħir fis-settur tal-anzjani. Infatti nistgħu ngħidu li l-anzjani ta’ llum jitqassmu f’kategoriji li jibdew minn 60 sa 75 sena, għal 75 sa  85 sena u minn 85 sena l-fuq. Iżda xorta waħda ma tista’ qatt titfa’ lil kulħadd fl-istess keffa sempliċiment minħabba l-eta tiegħu,” fehmuni t-tnejn. “Ngħidu aħna riċentement tkellimna ma’ anzjana ta’ 100 sena li ċertament timpressjonak f’kemm għadha ċara fi ħsibijietha u fil-memorja tagħha. Sfortunatament imbagħad tiltaqa’ ma’ anzjani ferm iżgħar fl-età li minħabba l-kundizzjoni tad-dimensja lanqas jibqgħu jagħrfu lill-aktar għeżież qrib tagħhom.”

    Insistew li l-għarfien dwar il-kundizzjonijiet differenti li jistgħu jolqtu lill-anzjani tagħna huwa kruċjali mmens kemm għal min qiegħed jieħu ħsieb l-anzjani u kif ukoll għall-anzjani nfushom biex ikunu jistgħu jgħixu livell ta’ ħajja aħjar.

    “Kien b’dan il-għan li ddeċidejna li nħarrġu lill-istaff kollu ta’ CareMalta u mhux lill-care-workers biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-għarfien dwar il-bżonnijiet tal-anzjani. Ħassejna li peress li kulħadd b’xi mod jew ieħor ikun f’kuntatt ma’ l-anzjani li qegħdin fid-djar tagħna, kien ser ikun siewi li dawn isiru jafu aktar dwar dak li jistgħu jkunu għaddejjin minnu dawn l-individwi. Għalhekk introduċejna l-ħaddiema tagħna wkoll mas-sitwazzjonijiet li jgħixu l-anzjani li jbatu bid-dimensja u spjegajnilhom aktar dwar ir-realtà tal-ħajja ta’ dawn il-persuni, fejn uħud minnhom saħansitra jkunu qed jgħixu f’dinja għalihom, bosta drabi f’perjodi meta kienu ħafna iżgħar fl-età. Dan għen biex il-ħaddiema jkollhom attitudni aħjar ma’ dawn il-persuni hekk kif issa bdew jifhmu aħjar ir-raġunijiet wara ċertu mġieba. Setgħu jirrikonoxxu aktar per eżempju ċertu mumenti diffiċli jew partikolari li dawn l-anzjani jkunu għaddejjin minnhom: bħal ta’ dak l-anzjan li l-ħoss tal-lift tiela’ u nieżel beda jfakkru fil-gwerra u joħloqlu anzjetà kbira jew bħal ta’ dik l-anzjana li hekk kif rat libsa ħamra mixħuta fuq siġġu ftakret fil-libsa l-ħamra li darba kellha hi meta kienet żagħżugħa u f’dak il-ħin emmnet li kienet ferm iżgħar u telqet tiġri meta fir-realtà bilkemm kienet tiflaħ timxi.”

    Kien għalhekk ukoll li l-kumpanija CareMalta ħasbet biex toffri Outreach Programmes għal dawk li qegħdin jieħdu ħsieb lil xi ħadd fil-komunità.

    “Aħna nemmnu li l-anzjani aktar ma jgħixu fil-komunità tagħhom jkun ħafna aħjar għalihom għax bosta drabi l-bidla għall-ambjent ġdid toħloq skumdità fil-bniedem sakemm jidra l-post l-ieħor. Fl-istess ħin nafu wkoll illi dawk li jkunu qed jerfgħu r-responsabbiltà li jieħdu ħsieb l-anzjani, bosta drabi jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet u għalhekk ikollhom bżonn min jiggwidahom aħjar. Sikwit dawn il-laqgħat jolqtu kategoriji ta’ nies differenti. Ngħidu aħna fil-laqgħat li għamilna dwar id-dimensja attendew ukoll individwi li xtaqu biss jinfurmaw ruħhom dwar dan l-istat tal-ħajja u l-bidliet li jġib miegħu. Resqu wkoll għal dawn il-laqgħat ċerti anzjani stess li riedu jkunu mgħarrfa aħjar dwar dak li jista’ jinqala’ aktar il-quddiem.

    Sfortunatament ċertu kundizzjonijiet iġibu ħafna tbatija, kemm fl-individwu nnifsu li jintlaqat u anki fil-familjari li jkunu jridu jieħdu ħsiebu. Kultant ninnutaw kemm hu diffiċli li l-familjari jammettu li xi qarib tagħhhom qed ibati bid-dimensja, b’mod speċjali s-sieħeb jew is-sieħba tagħhom, li ma jkunux jistgħu jaċċettaw dak li l-individwu affetwat ikun għaddej minnu. Ġieli anki bejn l-ulied stess tal-persuna jibda jinħoloq id-diżgwid: b’xi wħud minnhom jintebħu bis-sinjali minn kmieni mentri l-oħrajn jibqgħu jassiguraw ruħhom li f’dik l-età huwa mistenni li l-anzjani jibdew jinsew ċerti affarijiet u jġibu ruħhom b’tali mod.

    Nisħqu li l-għarfien dwar din il-kundizzjoni huwa l-aktar arma importanti anki minħabba l-fatt illi jekk tinqabad fil-bidu tagħha, fil-preżent jeżistu mezzi kif wieħed inaqqas kemmxejn l-effetti tad-dimensja. Għaldaqstant bi ftehim ma’ numru ta’ kunsilli lokali, aħna qed immorru f’diversi postijiet sabiex inwasslu taħriġ u informazzjoni dwar xi oqsma tal-anzjani, fosthom dwar id-dimensja, lil dawk li qed jieħdu ħsieb lil xi anzjan fil-komunità tagħhom. S’issa dawn il-laqgħat saru fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Ħad-Dingli, il-Mellieħa, tas-Sliema, fil-Vittoriosa, fil-belt Valletta u f’San Lawrenz u x-Xagħra f’Għawdex. Il-laqgħat isiru mingħajr ħlas għal dawk li jattendu peress li jiġu sponsorjati mill-kunsilli lokali”

    Is-suċċess li kellhom permezz ta’ dawn il-programmi wasslu lill-kumpanija biex taħseb biex toffri wkoll korsijiet li jħarrġu individwi fil-qasam tad-dimensja.

    “Il-Magister Academy hija l-post fejn il-kumpanija toffri t-taħriġ tagħha. Għall-ewwel darba din is-sena ser inkunu qed noffru dan il-kors li tfassal u ġie liċenzjat lilna mis-City and Guilds u anki ġie kkonfermat mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni. Infatti CareMalta ser tkun waħda fost l-ewwel entitajiet fid-dinja li ser tkun qed tiftaħ dan il-kors. Il-kors ħa jkun imqassam f’żewġ partijiet: l-ewwel parti li tibda f’Ottubru se tkopri s-sezzjoni tad-Diploma in Awareness of Dementia, filwaqt li f’Jannar tkompli t-tieni parti li twassal għal Certificate in Dementia. L-attendenza għal dan il-kors hija ta’ darbtejn fil-ġimgħa mis-2:00pm sal-5:00pm. Ta’ min jiċċara li wieħed jista’ jagħżel li jattendi għall-kors kollu jew għall-ewwel parti biss.“

    Nathalie spjegatli kemm huwa importanti li jitħarrġu l-ħaddiema fil-qasam tad-dimensja speċjalment meta r-rata tal-anzjani li qed ibatu minn din il-kundizzjoni qiegħda dejjem tiżdied. Fl-istess ħin infurmatni illi dan il-kors mhux maħsub biss għal dawk li jixtiequ jaħdmu f’dan il-qasam.

    “Aħna qed nagħmlu dax-xogħol għax nemmnu li apparti li qed noffru servizz, qegħdin ukoll nikkontribwixxu lejn is-soċjetà, għax la l-ġenerazzjoni tagħna qed tixjieħ, naturalment ħa jkollna bżonn aktar nies imħarrġa f’dan il-qasam. Bħalissa f’Villa Messina, aħna għandna sezzjoni speċjalizzata fid-dimensja magħrufa bħala Marigold Unit fejn in-neċessitajiet ta’ dawk li għandhom din il-kundizzjoni jistgħu jiġu indirizzati bl-aktar mod professjonali. Iżda l-viżjoni tagħna hija li f’kull dar tal-anzjani jkun hemm diviżjoni speċjali tad-dimensja ħalli b’hekk inkunu nistgħu nilqgħu aktar nies li jkollhom bżonn l-għajnuna tagħna. Naturalment dan ifisser li ser ikollna bżonn aktar nies imħarrġa f’dan il-qasam. Madanakollu hemm uħud li jattendu għal dan il-kors minħabba li jkunu qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd fil-familja u jkunu jridu jafu aktar dwar dan is-suġġett. Oħrajn jagħżlu dan il-kors bħala parti mill-formazzjoni edukattiva tagħhom.”

    Fl-istess żmien, CareMalta se tkun qed toffri wkoll kors tas-City and Guilds li jwassal għal Diploma fil-Kura tas-Saħħa. Waqt id-diskussjoni tagħna ħareġ illi dawk li jlestu b’suċċess dan il-kors, ikunu kkunsidrati biex jaħdmu bħala care-workers mal-kumpanija.

    “Anki dan il-kors huwa diviż f’żewġ partijiet u mis-sena li għaddiet, kull min japplika għal dan il-kors qed jiġi offrut ukoll li jattendi għal traineeship fejn wieħed apparti t-teorija, jkun jista’ jieħu wkoll esperjenza ta’ dan ix-xogħol. Forsi tajjeb li niċċaraw li dawn l-individwi jkunu qed jaħdmu fid-djar tagħna fis-shifts normali tax-xogħol. Biex it-taħriġ ikun aktar effettiv, dawn l-individwi jkollhom il-moniteraġġ ta’ mentor li jkun qiegħed jara li x-xogħol qiegħed jitwettaq kif suppost. Finalment, dawk li jlestu l-kors b’suċċess jistgħu jiġu offruti kuntratt ta’ xogħol ma’ CareMalta.”

    Id-diskors dar għal fuq il-ktieb 100 women, 100 stories, li minnu bdiet l-idea għal din l-intervista. Kelli kurżità dwar x’wassal għall-pubblikazzjoni tiegħu?

    “85% tal-ħaddiema ta’ CareMalta huma nisa u għalhekk il-kumpanija f’Jum il-Mara dejjem torganizza attività sabiħa fejn il-ħaddiema nisa  jkollhom l-oppotunità li jiltaqgħu kollha flimkien. Ġara li s-sena li100 women, 100 stories għaddiet, hekk kif konna miġburin, qsamt ħsibijieti ma’ sħabi fejn urejthom bl-idea tiegħi li noħolqu xi ħaġa biex is-sena ta’ wara nkunu nistgħu niċċelebraw b’mod speċjali ċ-ċentinarju ta’ dan il-Jum. Kelli ħafna ideat, fosthom li niġbru 100 ritratt tan-nisa li għandna fid-djar tagħna jew li niġbru 100 storja tagħhom. Janet Silvio, waħda mill-managers tagħna ħatfitni fil-kelma u għarrfitni li kienet lesta li tieħu ħsieb hi dan il-proġett.

    Matul sena sħiħa hija ltaqgħet ma’ 100 mara differenti li lkoll irrakkuntawlha mumenti mqanqla minn ħajjithom. Janet innifisha stqarret li dawn kienu mumenti maġiċi li fasslu esperjenza li mhi ser tinsa qatt hekk kif ftit ftit il-ktieb beda jinbena. Kien mezz kif nagħtu ġieħ lil dawn l-anzjani tagħna billi niġbru tifkiriethom u naqsmuhom mal-oħrajn sabiex ma jintesewx. Meta l-ktieb kien lest, kien mument intensiv u sabiħ ferm għal dawk kollha li kienu nvoluti. Diffiċli tinsa r-reazzjoni ħelwa tal-100 anzjana li taw sehemhom f’dan il-ktieb, hekk kif ġurnata minnhom laqqgħajnihom u tajnihom kopja kull wieħed ta’ dan il-ktieb. Kienu kburin ħafna bih u hekk kif kull storja ngħatat isem partikolari, ridt tara l-entużjażmu u l-kurżità ta’ kull waħda minnhom, hekk kif bdew iqallbu l-paġni tal-kotba biex jaraw il-ġrajja tagħhom x’ġiet intitolata!

    Nemmen li dan il-ktieb huwa parti mir-rikkezza tal-kultura Maltija hekk kif juri biċ-ċar dak li għaddew minnu dawn in-nisa u l-familji tagħhom matul iż-żmienijiet. Tara l-esperjenzi sbieħ tagħhom u d-diffikultajiet li għaddew minnhom u titgħallem tirrispetta l-kuraġġ li ħafna għexu bih. Personalment minn dawn il-ġrajjiet innutajt li dawk in-nisa li f’żogħżithom qasmu r-responsabbiltà tax-xogħol ma’ żwieġhom u allura kienu kemmxejn aktar indipendenti, mal-milja taż-żmien, hekk kif dawn sabu ruħhom weħidhom għax is-sieħeb tagħhom ġie nieqes, kienu kapaċi jfendu ħafna aktar minn dawk li dejjem iddependew mir-raġel fil-ħajja tagħhom. 100 women, 100 stories huwa ktieb miktub b’mod sempliċi ħafna imma li jolqtok. Huwa ħolma tiegħi li saret realtà. Bla dubju għandu jinteressa lil dawk il-familjari kollha ta’ dawn il-mitt anzjana imma mhux biss. Hemm ħafna x’wieħed jista’ jieħu minnu.”

    CareMalta toħroġ ukoll rivista bl-isem ta’ Carenet fejn fiha jkun hemm għadd ta’ artikli interessanti dwar diversi oqsma tal-anzjani, fosthom dwar id-dimensja. Kull min huwa interessat li jirċievi l-ħarġa li jmiss, li ser toħroġ f’Jannar/Frar li ġej, għandu jikkuntattja lill-kumpanija fuq 22584200. Aktar tagħrif dwar il-korsijiet jista’ jinġabar ukoll minn CareMalta Group Ltd, The Three Arches, Valletta Road, Mosta jew permezz tal-email: info@caremalta.com, inkella mill-website www.caremalta.com

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-16 t’Ottubru 2011)

    2011.10.16 / no responses / Category: Torca - Perspettivi