Posts Tagged ‘skultur’
-
WAQT ĦARBA S’GĦAWDEX
Ix-xogħol qatt ma bżajt minnu imma daqstant ieħor dejjem fittixt il-bilanċ fejn imqar għal ftit mumenti nkun nista’ nieqaf u nistrieħ u ngawdi l-frott ta’ dak li nkun qed
naħdem għalih. Għaldaqstant hekk kif għal dawn l-aħħar ġimgħat tħabatt u stinkajt biex ippreparajt ruħi għall-eżamijiet, bl-istess ħeġġa dil-ġimgħa tlaqt daqsxejn ir-riedni u ħrabt lejn il-gżira qariba tagħna Għawdxija. Bakkart biex nilħaq il-vapur kmieni u hekk kif waqt il-vjaġġ qasir iżżerżaqna fuq wiċċ l-ilma kaħlani u sabiħ minn quddiem il-gżejjer ta’ Kemmuna, bħal iddubitajt jekk wara kollox nixtieqx li qatt jinbena dak il-famuż pont li għandu jgħaqqad liż-żewġ gżejjer prinċipali. Tgħid kieku dan is-sens ħelu ta’ avventura jogħsfor? Il-bieba kbira tal-vapur tniżżlet u soqt ħafif il-barra bħal għasfur ħiereġ mill-gaġġa. Fost l-attivitajiet l-oħra li kont ippreparajt, kelli ppjanati wkoll xi intervisti interessanti. Għeżież qarrejja, peress li dan l-aħħar ħassejt in-nuqqas tagħkom, iddeċidejt li waqt din il-vaganza neħodkhom miegħi…
L-ewwel intervista kienet ma’ John Cremona fil-Ministeru t’Għawdex fejn bħalissa b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, għaddejja wirja ta’ xogħolijiet artistiċi tal-iskultur Vincent Apap. Uħud minn dawn ix-xogħolijiet kienu jinsabu fil-kollezzjoni riservata tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, filwaqt li xi oħrajn reċentement ġew mogħtija b’donazzjoni lil Heritage Malta mill-familjari tal-artist stess u allura din hija okkażżjoni unika biex wieħed jarahom kollha flimkien.
“Kull sena fin-Notte Gozitana, ġewwa s-swali tal-Ministeru t’Għawdex, tittella’ wirja ta’ xogħolijiet ta’ kalibru sabiex il-poplu jkun jista’ jgawdi u japprezza t-talenti artistiċi
ta’ numru ta’ individwi li għamlu isem f’pajjiżna. Din id-darba l-għażla tagħna waqgħet fuq l-iskultur rinomat Malti Vincent Apap. Nixtieq insemmi li din hija l-ewwel wirja tax-xogħolijiet ta’ dan l-artist li qed issir wara li huwa ġie nieqes fl-2003. Fuq uħud minn dawn ix-xogħolijiet artistiċi kien hemm il-bżonn li jsir xi xogħol ta’ konservazzjoni mid-Diviżjoni tal-Konservazzjoni ta’ Heritage Malta, kemm biex dawn jinżammu fi stat tajjeb u kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jiġu esposti għall-pubbliku f’din il-wirja.
Din il-wirja ġiet maqsuma f’ħames taqsimiet: xbiehat, busti ta’ monumenti pubbliċi, xogħolijiet konnessi mal-familja rjali, xogħolijiet sagri u skulturi assoċċjati mat-tfal.”
Bdejna nduru ma’ dawn ix-xogħolijiet li kollha għandhom l-istorja partikolari tagħhom. Fosthom laqgħatni ħafna bust li kien juri x-xbieha ta’ żewġt itfal; proprjament iż-żewġt aħwa tal-artist, li huwa wettaq meta kellu biss 14 il-sena!
“Fis-sezzjoni tat-tfal naturalment tara l-ispontanjetà u l-immedjatezza tal-karattri. Huwa xogħol frisk u forsi ftit anqas tradizzjonali mill-oħrajn. Ta’ min isemmi illi Apap kien magħruf ħafna għall-ħeffa li
kien jaħdem biha, fejn fi ftit minuti kien kapaċi jifforma xbieha tajba ħafna ta’ dak li jkun poġġut quddiemu. Infatti waqt intervista li darba ta l-artist stess kien semma li ċerti individwi impenjatissimi ħafna, bħal ngħidu aħna Winston Churchill, kien allokalu għaxar minuti biss biex jippużalu. Il-kapaċità li jaħdem malajr xbieha fil-materjal li jkollu taħt idejh għenitu biex joħloq xogħolijiet li artisti oħra forsi jsibu aktar imprekattivi – bħal ngħidu aħna meta l-mudelli jkunu tfal u ma tantx ser joqogħdulek fl-istess poża għal ħin twil. Kien favorih ukoll il-fatt li kien jippreferi jaħdem ‘live’, bil-persuna preżenti quddiemu. B’hekk ix-xebħ kien joħroġ ħafna aktar.”
Infatti inklużi fil-wirja kien hemm ukoll busti ta’ diversi personaġġi barranin magħrufa bħall-Prinċep Charles, id-Duka ta’ Kent u l-Prinċep Filippu, Duka ta’ Edinburgh.
“Flimkien ma’ ħuħ Willie Apap li kien pittur, Vincent Apap kellu l-opportunità li jitla’ jaħdem f’Buckingham Palace fejn hemmhekk dawn iż-żewġ artisti Maltin wettqu
xogħolijiet mill-ifjen li llum jinsabu f’bosta kollezzjonijiet privati. Permezz ta’ din il-wirja għandna l-possibilità li napprezzaw l-id tal-iskultur li tidher ċara ħafna fuq dawn il-buzzetti tal-ġibs.”
Imxejna aktar il-ġewwa fejn did-darba kien hemm xi buzzetti ta’ xogħolijiet sagri.
“Vincent Apap ħadem bosta xogħolijiet għall-knejjes tal-gżejjer tagħna. Ma setax jonqos li peress li huwa kien minn Tas-Sliema, wieħed isib preżenza sabiħa u numeruża tax-xogħolijiet tiegħu fil-Knisja tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema. F’din is-sezzjoni fosthom għandna dan is-sett ta’ buzzetti konnessi ma’ personaġġi tal-Bibbja li minnhom finalment inħadmu statwi kbar li jinsabu fil-knisja li semmejna.”
Inzerta illi l-biċċa xogħol l-aktar għal qalb John kienet proprju f’din is-sezzjoni…
“Hija din l-istatwetta tal-ġibs mogħtija kulur sewdieni biex tixbaħ lill-materjal tal-bronż. Turi rappreżentazzjoni tat-tentazzjonijiet ta’
Sant’Antnin. Jogħġobni ħafna l-istil li nħadmet bih: taħlita ta’ stil tradizzjonali klassiku flimkien ma’ dak modern. In-nisġa ta’ figuri li bħal donnhom qed jissieltu biex joħorġu mill-forma tax-xbieha tal-qaddis huma qawwija ħafna u jwasslu l-messaġġ b’mod b’saħħtu u ċar.”
L-isfond tas-sala jagħlaq bil-kapolavuri monumentali ta’ dan l-iskultur li ċertament huma l-aktar magħrufa mal-pubbliku. Sett ta’ busti kbar, did-darba ta’ diversi personaġġi
Maltin kienu xempju tax-xogħol dettaljat li kien magħruf għalihom dan l-artist. Fl-istess ħin, il-qies imdaqqas tal-busti jagħti indikazzjoni ċara tal-kobor tax-xogħol finali meta komplut bil-bqija tax-xbieha tal-personaġġ. Ħasra li ma kienx hemm xi bust tal-ġganti li minnhom Vincent Apap sawwar il-funtana tat-Tritoni, liema xogħol probabbilment ser ikun dak l-aktar miftakar għalih.
Sabiex wieħed ikollu aktar dettalji dwar il-ħajja ta’ dan l-iskultur u kif ukoll informazzjoni dwar ix-xogħolijiet preżenti f’din il-wirja, wieħed jista’ jakkwista l-pubblikazzjoni bit-titlu Vincent Apap (1909-2003) fejn wieħed isib kitbiet ta’ Sandro Debono, Bernadine Scicluna, Kenneth Cassar, Gabriel Pellegrini u t-tim li wettaq xogħol ta’ konservazzjoni fuq din il-kollezzjoni.
Il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Lulju 2011 (esklużi il-festi pubbliċi). Dħul bla ħlas. Ħinijiet: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8:30am sas-12.45pm. Is-Sibt u l-Ħadd mid-9:00am sa 12:00pm. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jċempel fuq 22100225.
John Cremona li huwa responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ dawn il-wirjiet fis-swali tal-Ministeru t’Għawdex, ma naqasx milli jdawwarni wkoll mal-bqija tal-bini li ċertament għandu storja
interessanti ferm. Infatti dan il-bini kien jifforma parti minn sptar antik li nbena fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann għall-ħabta tat-18 il-seklu. Numru ta’ kwadri artistiċi li bosta minnhom kienu jżejjnu s-swali ta’ dawk iż-żminijiet, illum ġew restawrati u tpoġġew lura mill-ġdid mal-ħitan ta’ dan il-post ħalli jkunu jistgħu jitgawdew aktar mill-pubbliku. Marbuta ma’ dan il-post hemm ukoll ġrajja mqanqla dwar il-Kanonku tal-Kattidral t’Għawdex, Giovanni Maria Camilleri, li kien ħalla ġidu kollu biex inbena dan l-isptar, liema deċiżjoni probabbilment swietlu ħajtu meta huwa flimkien mas-seftura tiegħu sfaw maqtula f’daru fiċ-Ċittadella.
U kumbinazzjoni, t-tieni lwog kien proprju fiċ-Ċittadella fejn did-darba John Cremona ħadni nżur wirja arkeoloġika li tinsab fiċ-Ċentru għall-Kultura u Arti (l-informazzjoni dwarha ser tidher il-Ħadd li ġej). Dan il-post li llum jilqa’ fih diversi wirjiet u attivitajiet kulturali, fi żmien il-ħakma Ingliża kien intuża bħala ħabs. Is-swali medjevali, illum imdawwla u rinovati, jilqgħuk ħafna. Imma ngħid għalija l-aktar impressjonanti kien it-tinqix antik fuq il-ħitan tagħhom, fosthom ta’ forom ta’ jdejn u xwieni, li l-priġunieri ta’ dak iż-żmien ħallew mal-ħitan bħala evidenza tal-preżenza tagħhom hemmhekk.
“Hija proprju din l-atmosfera medjevali ta’ dawn il-galleriji li jiġbduni kull sena lejn Malta,” stqarret Colette Marchant, artista Franċiża li bħalissa qed tesponi x-xogħolijiet ta’ pittura tagħha f’dan il-post.
Infatti din hija t-tielet wirja li din l-artista qiegħda ttella’ f’dan iċ-Ċentru. Magħrufa sewwa bħala pittriċi astratta, il-karatteristika ta’ Colette hija li tpinġi mingħajr l-użu tal-
pniezel u tiddiżinja biss b’idejha. Tispira ruħha ħafna mid-dawl u min-natura. Ix-xogħolijiet tagħha għandhom l-iskop li jwasslu messaġġ ta’ trankwillità u ta’ skoperta, b’mod sempliċi imma profond u kkulurit li jserraħ l-għajnejn, il-qalb u r-ruħ. Tgħix fi Franza imma waqt dawn il-wirjiet tagħżel dejjem li tmur toqgħod ix-Xlendi, post li hu għal qalbha ħafna, fejn speċjalment tapprezza l-kuluri ta’ nżul ix-xemx li jżejjnu l-inħawi tal-madwar.
Din il-wirja ser iddum sas-26 ta’ Ġunju 2011. Ħinijiet mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-10.00am u l-4:00pm. Is-Sibt u l-Ħadd bejn il-11:00am u t-3:00pm. Aktar dettalji fuq 99855103.
Deċiża li ngawdi dak kollu li seta’ joffrili l-post, did-darba paxxejt il-lat antropoloġiku tiegħi fejn fis-swali ta’ fuq taċ-Ċentru għall-Kultura u Arti skoprejt wirja oħra dwar il-Festi ta’ Dari f’Għawdex.
Din il-wirja etnografika tinkludi fiha bosta oġġetti relatati mas-suġġett tal-festi fi żminijiet antiki. Fosthom wieħed isib dekorazzjonijiet antiki ta’ dari bħal skudetti tal-injam li jmorru lura għad-19-il seklu
li wħud minnhom huma fil-forma ta’ Kavallieri ta’ San Ġwann u li magħhom kienu jiddendlu l-bnadar. Personalment għoġbuni ħafna r-ritratti li kienu juru xeni differenti mill-ħajja ta’ snin imbiegħda. In-nies jippużaw ferħanin u kburin għar-ritratt kienu lebsin il-ħwejjeġ ta’ dak iż-żmien, uħud fi sfond ta’ nħawi li llum inbiddlu ħafna. Min jaf x’sar minnhom dawn l-individwi? Min jaf għadx hemm min kapaċi jagħrafhom illum bħala xi ħadd mill-antenati tiegħu? Ritratt minnhom kien juri l-Banda tad-Dudi, li kienet l-ewwel orkestrina li ffurmat f’Santa Luċija, Għawdex u li kienet tikkonsisti minn grupp żgħir ta’ mużiċisti li kienu jduru fit-toroq Għawdxin sabiex iferrħu l-udjenzi li jinġabru madwarhom. Fost ritratti oħra li juru purċissjonijiet bl-istatwa tal-qaddis patrun, dak iż-żmien statwi ġodda fjamanti, kien hemm ukoll xi ritratti li juru tradizzjonijiet magħrufa bħall-Benedizzjoni Ewkaristika minn fuq il-baħar f’Marsalforn jew il-ġostra waqt il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fix-Xlendi, b’qatta’ żagħżagħ jistennew ħerqana biex jipparteċipaw.
Ktejjeb żgħir miġbur mill-antropologu Dr Ray Debono Roberts ikompli jagħti aktar dettalji dwar dawn l-egħruq tal-festi Maltin. Sadanittant waqt din il-wirja wieħed isib ukoll formoli fejn qed tintalab informazzjoni u ritratti dwar il-festi t’Għawdex li kienu jsiru qabel l-1955 sabiex dawn jiġu nklużi f’pubblikazzjoni li qed tiġi ppreparata dwar dan il-qasam. Din il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Ġunju 2011.
Stagħġibt kemm kien hemm x’tara u dan meta kont qed indur biss fl-akkwati tar-Rabat Għawdex! Iżda issa kien imiss li nistrieħ ftit u għaldaqstant erħejtilha lejn il-villaġġ tax-Xlendi, fejn qrib it-taħbita nebbiexa tal-baħar ċar kristall, poġġejt f’restorant li dewwaqni naqra benna tal-kċina Għawdxija. Fl-istess ħin kont qed nistenna x-xemx tbatti ftit għax f’moħħi kelli avventura ċkejkna. Imma għalissa ser nieqaf hawn sabiex ingawdi daqsxejn dawn il-memorji sereni. Ngħidilkhom aktar il-ġimgħa d-dieħla…
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 ta’ Ġunju 2011)
-
WIRJA TAL-ĠIMGĦA MQADDSA – wirja bi skop
Fil-ħajja kultant jiġu mumenti meta tibda titħasseb jekk Alla jeżistix tassew f’ħajjitna. Partikolarment meta jseħħu traġedji kbar u tara popli sħaħ jinkinsu qishom nemel mejtin, jiġik id-dubju jekk wara kollox hux qegħdin weħidna hawn isfel u li m’hemm ħadd jieħu ħsiebna fir-realtà! Ħsibijiet koroh ħafna li jqanqlu fik emozzjonijiet ta’ disperazzjoni li tħosshom iridu jiklulek qalbek. Diffiċli l-ħajja meta tgħolli għajnejk il-fuq lejn is-sema kaħlana u moħħok jgħidlek li dak hu l-limitu tal-eżistenza tiegħek u li m’hemm xejn aktar. Iebsa wisq biex taċċetta li m’hemm l-ebda entità lejn min tista’ tirrivolġi għall-għajnuna u li dak li ġejt mgħallma u li emmint matul ħajtek kollha huwa biss gidba.
Biex tgħaqqad, l-atteġġjament ta’ wħud minn dawk li jagħżlu li jkunu r-rappreżentanti tal-messaġġ t’Alla, xi kultant aktar jitfgħek fil-limbu milli jurik id-dawl. Nagħżel biss illi nsemmi każ li seħħ il-ġimgħa li għaddiet fejn għad-diżappunt u l-inkredultà tal-familjari u l-mistednin, tarbija ta’ koppja mhux miżżewġa, ġiet mgħammda għaliha weħidha, f’sala ta’ knisja u wara li spiċċat il-quddiesa u telaq kulħadd il-barra! U dan meta waqt il-quddiesa, smajna priedka mqanqla mill-qassis b’messaġġi kontinwi ta’ tolleranza u mħabba filwaqt li fl-istess ħin, f’rokna mwarrba f’dak il-post, kien hemm dit-tarbija u l-ġenituri tagħha jistennew ħalli titgħammed. Tgħid Kristu hekk kien jagħmel kieku għex dis-sitwazzjoni? Nitbissem meta mbagħad jiġi xi ħadd jistagħġeb il-għala qed jonqsu n-nies mill-Knisja!
Iżda trid jew ma tridx, bosta drabi jkollok tagħraf illi għandek bżonn li temmen sabiex tkun tista’ tibqa’ għaddej. U għalhekk, meta tiltaqa’ ma’ grupp ta’ żgħażagħ jaħdmu mimlija fiduċja u ħeġġa sabiex jiċċelebraw dal-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa, qalbek donnha tistejqer u fik terġa’ tinbet dik il-fjamma li tkun għoddha ntfiet….
Ryan Bezzina, il-viċi Chairman tal-Kummissjoni Festa Esterna –Fgura laqgħani ġewwa l-Knisja l-Antika tal-Fgura. Flimkien ma’ sħabu, huwa kien qiegħed ilesti l-aħħar preparamenti sabiex tittella’ l-wirja annwali tal-Ġimgħa l-Kbira.
“Flimkien ma’ missieri Raymond u l-Kummissjoni, ilni ntella’ din il-wirja għal dawn l-aħħar sitt snin,” beda d-diskors Ryan. “Fil-fatt kien missieri stess li rawwimni f’dan il-qasam. Sa minn meta kont żgħir,
kont narah jgħin fl-armar tal-festa u maż-żmien anki jiena bdejt immidd idi. Ftit wara beda jitħajjar jixtri xi statwa żgħira u minn hemm id-delizzju kiber tant li missieri beda jikkollezzjona sett ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Iżda wara xi snin iddeċieda li jieqaf u minfloku għażilt li nkompli nibni s-sett jien. Sadanittant bdejna ninteressaw ruħna wkoll f’xi oġġetti antiki tal-arti sagra. Meta rawni daqshekk iddedikat, sħabi ħajjruni ntella’ wirja u ddeċidejt li nipprova. Flimkien mal-Kummissjoni u permezz ta’ xi kollezzjonijiet privati oħra, jiena u missieri bdejna ntellgħu wirja annwali fejn kull sena, inżidu xi ħaġa ġdida. Nistgħu ngħidu li kollox beda minn sett ta’ vari żgħar!”
Il-wirja hija mqassma f’erbgħa sezzjonijiet…
“Aħna nippruvaw nolqtu d-diversi interessi ta’ dawk kollha li jiġu jżuru din il-wirja li daqs kemm kibret illum, aktar tista’ ssejħilha esebizzjoni. Fil-fatt in-nies timxi matul xenarji mibnija apposta u tittieħed minn sezzjoni għall-oħra akkompanjata minn selezzjoni professjonali ta’ dawl u mużika sagra. L-iskop tal-wirja huwa li ndaħħlu lin-nies fl-atmosfera tal-Ġimgħa Mqaddsa, nifhmu aktar il-passjoni ta’ Kristu u x’tirrappreżenta l-Ġimgħa l-Kbira u f’dan kollu ndaħħlu wkoll it-tradizzjonijiet lokali.
L-ewwel sezzjoni, eżatt kif tidħol, tikkonsisti f’sett ta’ vari tradizzjonali li magħhom insibu wkoll xogħol ta’ fidda, skultura, rakkmu mill-isbaħ u fin-nofs kurċifiss antik tal-kartapesta. Interessanti nsemmi wkoll illi hawnhekk ser ninkludu wkoll ventartal antik (artal li jintrama quddiem l-artali għall-okkażżjoni) u karti tal-glorja fi tlieta (li dari kienu jitqiegħdu fuq l-artali biex tingħad il-quddiesa minn fuqhom).
It-tieni sezzjoni ser tkun imżejjna b’xenarju msejjes fuq il-pittura tal-aħħar ċena ta’ Leonardo Da Vinci fejn hemmhekk in-nies tista’ tara l-mejda tal-appostli armata bi stil Lhudi, eżatt kif jingħad li kienet fl-aħħar ikla li għamel Kristu magħhom. F’din il-parti jispikka ħafna x-xogħol tal-platti tal-ismid fostom il-platti bl-ismijiet tal-appostli.
It-tielet sezzjoni hija dik li l-aktar li timpressjona n-nies u fiha nsibu statwi life-size. Kemm l-istatwi u kemm ix-xenarju li jdawwarhom huma maħduma fuq il-film The Passion of The Christ. Għażilna dan l-
istil peress li jidhrilna li dan il-film kien l-aktar wieħed qawwi u realistiku. L-ewwel ma ħdimna kienet l-istatwa ta’ Kristu u din mall-ewwel laqtet ħafna lil kull min ġie jaraha. L-iskultura tagħha hija xogħol ta’ James Azzopardi min-Nadur. L-oriġinalità tal-istatwa toħroġ l-aktar peress li din mhiex imlibbsa parrokka (kif soltu jkunu statwi bħal dawn.) Minflok din għandha x-xagħar tar-ras u s-suf tal-ġisem, imdaħħlin waħda waħda minn ġilda partikolari tal-fibre li jagħtu lill-istatwa s-sensazzoni ta’ ġilda ta’ bniedem veru, meta tmissha. Bl-istess mod, inħadem ukoll is-suldat il-manigold li jidher qiegħed isawwat lil Kristu. Ta’ min isemmi li dis-sena f’dix-xena ser jiżdied ukoll iċ-ċenturjun bil-qiegħda qed jgħodd is-swat ta’ Kristu.
Finalment in-nies tasal għar-raba’ sezzjoni li bosta jsibuha bħala l-aktar naħa prezzjuża, propju minħabba li fiha nesebixxu selezzjoni ta’ oġġetti sagri antiki
li kienu jintużaw ġol-knejjes. Hawnhekk kull sena nagħmlu xi ħaġa ġdida u ċertu nies jiġu letteralment biex jaraw din il-parti. Għaldaqstant ma nistax niżvela ħafna minn dak li ser jaraw. Nista’ però nsemmilek illi fostom ser ikun hemm kollezzjoni ta’ kurċifissi antiki maħduma minn materjali differenti u li wħud minnhom imorru lura għal aktar minn 300 sena. Kważi daqstant antik ser isibu wkoll vestwarju li kien jintlibes mill-qassisin fiż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Ser ikun hemm ukoll għadd ta’ platti tal-ismid, kollha maħdumin mill-membri tagħna.”
Ryan qalli illi t-tradizzjoni tal-platti tal-ismid inbdiet f’Ħaż-Żebbuġ u llum daħlet f’ħafna rħula oħra. Huwa xogħol ta’ paċenzja kbira imma r-riżultat tiegħu huwa mpressjonanti u mill-isbaħ (kif qagħad jurini Christian Brincat li biex ifehemni kif isir dan ix-xogħol, beda jżejjen platt tal-appostli quddiemi). Għal dis-sena wieħed mill-attrazzjonijiet ser ikun platt ta’ ftit akbar minn metru maħdum bis-smid u mibni fuq kwadru. Huwa x-xogħol ta’ żgħażugħ ta’ 21 sena, Emmanuel Spiteri…
“Domt naħdem fuqu ġimgħatejn, erbgħa siegħat kuljum. Huwa xogħol li trid attenzjoni u paċenzja kbira għalih imma li jekk tagħmlu bil-qalb, wara jagħtik sodisfazzjon kbir. Tgħallimt dis-sengħa
hawnhekk, fil-maħżen tal-Kummissjoni. Oriġinarjament aħna konna nqabbdu lil ħaddieħor biex jagħmlilna dawn il-platti. Ġara li darba minnhom dan l-individwu ma setax jaqdina bħas-soltu u sħabi ħajjruni nipprova nagħmel xi ħaġa jien. Jiena kont ilni ninnota kif isir dax-xogħol għax l-arti minn dejjem togħġobni. Iddeċidejt li nipprova u ftit ftit irnexxieli naħdem l-ewwel platti sakemm bil-mod bnejt it-tattika partikolari tiegħi. Is-sigriet qiegħed fil-kapaċità ta’ kif tħallat u tpoġġi l-kuluri fuq il-platti. Kemm ilni membru fil-Kummissjoni tgħallimt ħafna minn sħabi akbar minni. Fil-fatt hawnhekk tħarriġt ukoll fis-sengħa tal-ixkatlar li aktar il-quddiem wasslitni biex sibt xogħol f’dan il-qasam.”
L-iskop oriġinali tal-Kummissjoni Festa Esterna – Fgura huwa li ttella’ l-festa ta’ dan ir-raħal imma l-għan tagħha jmur aktar minn hekk.
“Permezz tal-maħżen tal-armar, aħna niġbru ż-żgħażagħ aktar lejna u nżommuhom il-bogħod mill-inkwiet u l-vizzji ħżiena. Nitgħallmu diversi snajja’ flimkien u fl-istess ħin nieħdu pjaċir naħdmu kollha għal għan wieħed. Tista’ tgħid li f’dal-maħżen prattikament niġu kuljum għax dejjem inkunu għaddejjin fuq xi proġetti ġodda.
Is-sena 2010 hija sena importanti ħafna għall-Fgura minħabba li dis-sena ser ikunu qegħdin qegħdin jiġu ċċelebbrati bosta anniversarji sinifikattivi għall-għaqdiet tal-parroċċa fostom il-25 sena mill-ftuħ mill-każin tal-banda imma b’mod speċjali l-anniversarju tal-50 sena mill-wasla tal-vara titulari tal-Madonna tal-Karmnu. Fil-fatt f’Ottubru li ġej ser inkunu qed intellgħu wirja Marjana fuq statwi antiki li jirrappreżentaw lill-Madonna. U kif qed insemmu dan, ta’ min navżaw ukoll li dis-sena l-festa tal-Fgura mhux ser tiġi ċċelebbrata fit-tieni Ħadd ta’ Lulju kif isir is-soltu, imma minflok ser issir fl-1 t’Awwissu 2010.”
B’entużjażmu kbir, Ryan u sħabu dawwruni mal-imħażen fejn rajt uħud mix-xogħolijiet li kienu qed isiru fostom dak tal-induratura u l-fibre. Kien hemm membri ta’ kull età, saħansitra tfal żgħar li kienu qed jaħdmu fuq liedna twila.
“Aħna nilqgħu lil kull min juri interess li jixtieq jaħdem magħna,” qalli Ryan. “U mhux nies mill-Fgura biss huma membri ta’ din il-Kummissjoni. Kull fil-għaxija, għall-ħabta tal-5:00pm, niftħu l-bibien
tal-maħżen u tara l-membri ġejjin, kulħadd iddedikat fuq xogħolu għax kull wieħed minnhom għandu xi parti li hu responsabbli minnha. Hawnhekk jiġu nies li bosta drabi lanqas ikunu jafu li għandhom l-arti fihom iżda mbagħad maż-żmien toħroġ b’mod naturali peress li hawn l-ambjent iħajjrek tmidd idejk. Nagħmlu dax-xogħol għax inħobbu l-armar għax mill-bqija hawn kollha volontarji. Huwa xogħol impenjattiv li jagħtik sodisfazzjon kbir. Tagħmel ukoll ħafna kuraġġ meta tara ż-żgħażagħ jaħdmu bil-ħerqa.
Għall-ewwel darba dis-sena, flimkien ma’ din il-wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa ser issir ukoll rappreżentazzjoni ħajja bl-għajnuna tal-atturi tal-Fgura Paegant Group. Il-Ħamis 25 ta’ Marzu 2010 ser issir it-tisliba (wara l-ftuħ uffiċċjali tal-wirja). Imbagħad ser ikun hemm rappreżentazzjoni ta’ ċenaklu ħaj fl-1 t’April 2010 (Ħamis ix-Xirka) mit-8:00pm il-quddiem u l-għada t-2 t’April 2010 (il-Ġimgħa l-Kbira) mid-9:00am sa nofsinhar.
Din il-wirja ser tittella’ fil-Knisja l-Qadima tal-Fgura. Ftuħ: il-Ħamis 25 ta’ Marzu 2010 mis-7:00pm sat-8:30pm; il-Ġimgħa 26 ta’ Marzu 2010 mill-5:30pm sad-9:00pm; is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ Marzu 2010 mit-8:30am sa nofsinhar u mis-6:00pm sat-8:00pm; it-Tnejn 29 u t-Tlieta 30 ta’ Marzu 2010 mis-6:00pm sat-9:00pm; l-Erbgħa 31 ta’ Marzu 2010 mis-6:00pm sad-9:30pm; il-Ħamis l-1 t’April 2010 mit-9:00am sa nofsinhar u mis-6:00pm sal-11:00pm u l-Ġimgħa 2 t’April 2010 mit-8:00am sa nofsinhar.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 ta’ Marzu 2010)
-
ĦAJTI HI AVVENTURA
Il-bniedem ma jistax jiskopri ibħra ġodda jekk ma jkollux il-kuraġġ jitlaq minn fuq ix-xatt… Andre Gide (1869-1951) kittieb Franċiż u rebbieħ tal-premju Nobel fil-letteratura – 1947.
It-talent tal-iskultur jaffaxxinani. Dik il-kapaċità li jagħti l-ħajja u l-valur lil daqsxejn materjal permezz tal-kreattività tiegħu, sabiħa wisq! Wisq aktar impressjonanti huwa l-fatt illi individwu ieħor li m’għandux dik l-arti f’demmu, lest li jdaħħal idejh fil-but u jħallas għal dik il-biċċa xogħol li jixtieq.
Dan l-aħħar iltqajt ma’ Christopher Ebejer, diżinjatur u skultur li għalkemm għad għandu biss 30 sena, irnexxielu jibni karriera f’dan il-qasam u diġà mexa sewwa fit-triq tas-suċċess. Fostom huwa ġie magħżul biex jaħdem il-monument tal-Isptar Mater Dei….
“Kienet kompetizzjoni nazzjonali u ntagħżilt jien. Ħassejtni kburi ferm għax fost l-artisti li pparteċipaw, kien hemm saħansitra eks għalliema tiegħi. Dan il-monument kellu l-għan li jkun is-simbolu tal-Mater Dei. Il-proċess biex inħadem ħa sentejn u hu madwar 3 metri għoli.”
Iżda ejja mmorru lura….lejn kif inħobb nibda jien… Kif nibtet din il-passjoni lejn l-iskultura?
“Sa minn meta kont żgħir, dejjem kont ninteressa ruħi f’affarijiet mhux tas-soltu. Dejjem kelli gosti li jmorru lil hinn mill-popolarità tal-massa tan-nies. U allura fejn bosta minn sħabi kienu jħobbu l-futbol
per eżempju, minflok jiena kien jogħġobni s-sens ta’ avventura u b’mod speċjali x-xogħlijiet tal-arti. Irrealizzajt illi l-arti tiftaħlek beraħ l-opportunitajiet biex tagħmel affarijiet differenti. Kien għalhekk illi ntfajt b’ruħi u ġismi nesperjenza u nitħarreġ f’forom differenti tal-arti fostom fid-diżinn, fl-interior design, fil-pittura, fid-direzzjoni ċinematografika u fl-iskultura. Fir-rigward tal-iskultura kienet tiġbidni ħafna t-tanġibilità tagħha, il-fatt li tista’ tmissha. U fl-iskultura, b’mod partikolari, kienet tinteressani l-arti monumentali. Ġara li f’ċertu punt minn ħajti bdew deħlin diversi kummissjonijiet tal-iskultura u allura ġiet b’mod naturali li jiena naqbad dik it-triq.”
Artist titwieled jew issir?
“Bla dubju li l-arti tkun fin-natura tiegħek imma mbagħad biex tagħmel xi ħaġa biha tassew, trid tistudja u titkisser fuqha.
Jiena studjajt l-arti fil-forma tradizzjonali, kif kienet tiġi mgħallma fl-iskola l-antika tal-arti, jiġifieri studjajt l-anatomija tal-bniedem, il-kompożizzjoni, id-diversi forom, il-profili u l-istili differenti. Iżda fl-iskola tal-arti nnifisha ma domtx aktar minn sentejn għax ħassejt illi l-istil akkademiku ma kienx dak li kont qed nistenna. Jiena ppretendejt tagħlim aktar akkademiku bħal ngħidu aħna li jħarriġni fil-proporzjonijiet tal-figura jew f’kif għandu jkun it-taħlit tal-kuluri, inkella kif nibni statwa. Minflok sibt illi aktar minn kollox, din l-iskola kienet toffrilek l-inkoraġġiment biex tesprimi ruħek u l-bqija trid tara kif titgħallmu int.
Jiena nemmen illi artist irid ikollu żewġ elementi bażiċi: l-element akkademiku u l-kreattività. Kien għalhekk illi attendejt ukoll għal numru ta’ korsijiet privati li ħallast minn buti. Iżda ma rridx nonqos milli nsemmi l-bażi formattiva u siewja ħafna li rnexxieli nieħu minn għand Tarcisio Montebello, iben l-iskultur magħruf Marco Montebello. Niftakar li dak iż-żmien sikwit kont nintasab ħdejn Tarcisio meta kien qiegħed jaħdem il-kor il-ġdid tal-Knisja ta’ Raħal Ġdid. Hemm, fuq l-iscaffolding, kont noqgħod ninnutah iqatta’ u jsawwar l-ornamenti sbieħ fil-ġebla bħall-weraq imnaqqxa mal-orgni tal-knisja. Tarcisio għallimni ċerti teknikalitajiet fuq affarijiet attwali li qatt ma stajt nesperjenzahom ġo skola.
Imbagħad komplejt ukoll niżviluppa waħdi. Qrajt ħafna. Sifirt ħafna u dort bosta mużewijiet mal-Ewropa kollha, nifli u nistudja x-xogħlijiet. Ftit ftit tibda tiddakkar mix-xogħol, teduka aktar għajnejk, tibda’ tiżviluppa għajn artistika u titgħallem tiddistingwi l-arti minn waħda tajba għal oħra inqas tajba.
Imma fir-realtà l-istudju ma jrid jieqaf qatt. Anki llum li lħaqt ċertu livell, inżomm ruħi aġġornat u nesperimenta l-ħin kollu biex nara kif ser norqom aktar xogħli. Ngħidu aħna, jekk qed nagħmel statwa mlibbsa, naqbad biċċa drapp, inpoġġiha fil-pożizzjoni li nixtieq u noqgħod nara kif qed jaqa’ d-dawl fuqha sabiex b’hekk inkun nista’ nesprimi dak li qed nara b’mod aktar realistiku fix-xogħol tal-ġebla.”
Kemm kien diffiċli li tiddeċiedi li tibni karriera mill-iskultura?
“Jiena twelidt u ngħix fir-raħal tal-Qrendi. Raħal sabiħ bil-bosta, mgħoni b’natura miftuħa imma b’mentalità magħluqa ferm. Meta turi r-rieda li ssir artist, jgħidulek inti mhux hawn trabbejt, mal-istess erbat itfal? Għaliex taħseb li tista’ taspira għal dan? U fuq kollox kif taħseb li ser tiekol bl-arti biss? Tirċievi l-istess reazzjoni daqs li kieku għedt li tixtieq issir astronawta, xi ħaġa li wkoll ma narax impossibbli sempliċiment għax int Malti. Bilkemm ma jibdewx jidħku bik. Ma ssibx wisq min isostnik meta tħares lejn xi ħaġa li hija barra min-normalità tal-aspirazzjoni ġenerali tal-mentalità tan-nies. Xi ħaġa li ddejjaqni u tirritani ħafna. Li tibdel din il-mentalità kienet waħda mill-akbar ostakli speċjalment meta jiena m’għandi lil ħadd fil-familja li jagħmel dax-xogħol. Madanakollu jiena bniedem rasi iebsa ħafna u dak li noħlom nibqa’ nibqa’ sakemm nagħmlu, jieħu kemm jieħu żmien. Minn dejjem kont ċert x’irrid f’ħajti u ta’ 16-il sena kont iddeċidejt li ser insir skultur professjonali. U hekk sirt.”
X’inhu dak li jispirak f’xogħlok?
“Il-mużika klassika u s-soundtracks tal-films. Tispirani wkoll ħafna l-arti tal-passat għax nemmen illi artist għandu jkun kontinwazzjoni tal-istorja u allura jrid ikompli fejn ħallew ta’ qablu. Huwa ħażin li nikkunsidraw ix-xogħlijiet li saru qabel bħala antiki. Irid ikollok stil tiegħek. Imma minn dak li kien hemm qabel irid jibda kollox.”
Liema hu l-aktar xogħol li joffrilek sfida?
“Ix-xogħol monumentali. L-arti monumentali hija skola għaliha. Tikkonsisti fostom fl-istudju tal-pjanifikazzjoni urbana jiġifieri tkun trid tikkunsidra bir-reqqa l-pjazza, it-triq u l-ambjent ta’ fejn ser jitpoġġa l-monument. Trid tara per eżempju li dan il-monument mhux ser jostakola l-post, la min-naħa tat-traffiku u lanqas mil-lat viżwali. Barra minn hekk, jekk hemm siġar kbar idawwru l-post, ma tistax tħalli lix-xogħol jinbela’ minnhom. Għaldaqstant trid toqgħod attent ħafna għad-dehra ħolistika, għall-proporzjonijiet: illi l-istatwa qegħdha tidher tajjeb meta kkomparata mal-pedestall tagħha u li l-pedestall u l-istatwa qed jikkumplimentaw id-dehra tal-post in ġenerali.
Meta l-monument ikun ta’ figura umana mbagħad hemm sfidi oħra wkoll. Il-figura tal-bniedem hija l-aktar ħaġa li ġiet interpretata matul is-sekli mill-artisti, proprju għax toffri diversi sfidi. L-ewwel nett, trid tkun artist imħarreġ sewwa biex timmudella figura. U t-tieni nett irid ikollok għarfien biżżejjed biex tkun taf tesprimi l-espressjonijiet, il-pożizzjonijiet u l-istili differenti tal-figura nfisha.
Fil-fatt niddiżappunta ħafna ruħi meta nara li f’pajjiżna ċertu xogħol monumentali jiġi fdat f’idejn individwi li ma ġewx imħarrġa f’dan il-qasam. Fl-istatwar hawn diversi ġeneri ta’ arti bħal ngħidu aħna l-istatwi tal-festi. Imma min jagħmel dat-tip ta’ xogħol mhux neċessarjament ikun ikkwalifikat biżżejjed biex jaħdem monument. Biex infehmek aħjar, dan bħal meta qed ngħidu illi tqabbad kompożitur ittrenjat fuq il-marċi biex jiktiblek opra. Mhux sejjer ma jagħmiliex. Imma la ma kienx imħarreġ f’dal-ġeneru ta’ mużika, żgur li mhux ser ikun kapaċi jitfa dik il-finezza, dik l-emozzjoni fix-xogħol u aktarx li ser iħallat l-istili. L-istess ħaġa jiġri fil-qasam tal-monumenti.
Sfortunatament hawn Malta hawn nuqqas ta’ distinzjoni għax teżisti kultura li kollox jgħaddi. U dan huwa ħażin ferm għax bla ma jrid wieħed ikun qiegħed jhedded il-kredibilità ta’ min huwa professjonali. Persuni illi għamlu sagrifiċċji kbar fil-karriera tagħhom biex jilħqu livell professjonali, ħafna drabi jsibu ruħhom kważi kważi trattati pari passu ma’ ċertu dilettantiżmu. U dan jagħmel ħafna ħsara għax qed iwassal għall-mentalità illi jekk trid karriera fil-qasam artistiku, m’għandikx għalfejn tagħmel sagrifiċċju, m’għandikx għalfejn tistudja u m’għandikx għalfejn titkisser u titħarreġ. Jekk tagħmel xi ħaġa, għandek kull dritt tesponiha, hi ta’ liema livell hi. Tmur għall-intervisti fuq it-TV u anki tbiegħ xogħolok. M’hemmx distinzjoni. Qegħdin indaħħlu lil kulħadd bl-amment, anki fl-esebizzjonijiet. U l-kwalità qed tmur il-baħar. Dan kollu hu permess għaliex m’hawnx biżżejjed għarfien kulturali dwar l-arti u ftit wisq hawn min jaf jagħraf biċċa xogħol artistika tajba minn oħra. Huwa għalhekk meta mbagħad tkun qed tikkompeti għal biċċa xogħol, wieħed jiflaħ jagħti prezz u l-ieħor ieħor. Jekk inti investejt ftit li xejn fik innifsek, tiflaħ titlob prezz anqas għal xogħlok. Mentri jekk wieħed investa ħafna aktar u kapaċi joffri xogħol ta’ kwalità iprem ma jistax jitħallas bl-istess prezz.”
Imma professjoni bħal din tirrendi finanzjarjament?
“Biex tkun professjonist trid taħdem full-time fuq xi ħaġa. Irid ikollok ukoll timbru partikolari li jiddistingwixxi x-xogħol tiegħek minn dak ta’ l-oħrajn. Barra minn dan, trid tkun kapaċi twettaq il-proġetti li tidħol għalihom b’mod dinjituż u bihom tolqot l-attenzjoni tal-pubbliku in ġenerali. Biż-żmien takkwista ċertu rispett artistiku u l-kummissjonijiet jibdew deħlin. Fil-fatt bħalissa għaddej fuq diversi xogħlijiet li finalment jirrenduli sodisfazzjon finanzjarju tajjeb.”
Min huma l-klijenti tipiċi tiegħek?
“Għandi żewġ tipi ta’ klijenti: il-kollezzjonisti tal-arti u diversi organizzazzjonijiet li jikkummissjonawli l-monumenti bħal ngħidu aħna l-gvern, il-kunsilli lokali u xi fundazzjonijiet.”
S’issa tellgħajt tliet esebizzjonijiet solo. Kif mort fihom u għandek xi ħsibijiet li tagħmel xi ħaġa oħra simili?
“Iva, tellgħajt esebizzjoni minnhom fil-Vilhena Palace l-Imdina taħt l-isem Nostalgia. Ħafna mix-xogħlijiet inbiegħu u tant intogħġbu li kelli ntella’ wirja oħra f’Għawdex peress li kelli domanda qawwija mill-Għawdxin. Esebizzjoni oħra taħt l-isem Phantoms ittelgħet ġewwa l-Birgu. Din ukoll kienet ta’ suċċess, tant li kelli nestendi 15 il-biċċa xogħol oħra billi kien inbiegħ kollox.
Ħadt sehem ukoll f’esebizzjonijiet barra minn Malta fostom f’Madrid fejn ix-xogħlijiet tiegħi ġew apprezzati ħafna.
Bħalissa qiegħed fi stadju li nibni kollezzjoni prestiġġjuża ta’ xogħol ġdid, xogħol fil-bronż b’suġġetti varji.”
Liema hi l-aktar biċċa xogħol għal qalbek?
“Aktar milli norbot qalbi ma’ xi xogħol, kultant biċċa xogħol partikolari tkun timmarka fażi importanti fil-karriera tiegħi u allura nkun nixtieq inżommha.
Każ minn dawn huwa l-mudell taż-żiemel ta’ Trojja li jiena ħdimt għal film Helen of Troy li nħadem għat-TV hawn Malta. Kont diġà ħdimt fil-qasam tad-diżinn tas-settijiet ċinematografiċi f’diversi
produzzjonijiet li saru f’pajjiżna, fostom fuq is-sett ta’ Julius Ceasar. Illum l-iskulturi f‘pajjiżna tgħoddhom fuq subgħajk u allura ma domtx ma ġbidt l-attenzjoni ta’ dawk li kienu jaħdmu f’dan il-qasam. Ġara illi f’Helen of Troy inbidel id-diżinjatur tal-produzzjoni u min ġie minfloku, meta ra l-kwalità ta’ xogħli, talabni naħdimlu mudell żgħir taż-żiemel sabiex imbagħad jitkabbar permezz tas-CGI (computer generated image). Kont sodisfatt ħafna għax fl-età ta’ 23 sena, produzzjoni Amerikana kienet afdatni b’biċċa xogħol ta’ responsabbiltà bħal dik. Iż-żiemel sar u l-film inġibed bih u ntwera lil miljuni ta’ nies. Darba minnhom kont qiegħed għal symposium fiċ-Ċina u kont qed nitkellem ma’ skultur mill-Guatemala. F’ħin minnhom waqa’ d-diskors fuq l-istorja ta’ Trojja u dan staqsini jekk kontx rajt il-film Helen of Troy u lil dak iż-żiemel li tant kien impressjonah. Jien m’għedt xejn, ħadtu miegħi fl-appartament li kont ngħix fih u urejtu r-ritratti li kelli dwar kif kont ħdimt dak iż-żiemel. Baqa’ jħares mistagħġeb u lanqas ried jemmen lil għajnejh li kien qiegħed jitkellem proprju ma’ dak li kien ħadem iż-żiemel li tant kien għoġbu! Kien mument ta’ sodisfazzjon kbir għalija. Minn dak iż-żiemel kont għamilt 4 kopji u żammejt waħda għalija.”
Imma oġġett hekk, tasal biex tbiegħu?
“Offrewli somma tajba għalih imma ma rħejtux minn idi. Jiena nemmen illi arti tajba bħall-inbid tajjeb…aktar ma jgħaddi żmien minn fuqha, aktar titjieb. Min jaf? Forsi xi darba, jekk nara li hu l-mument ġust, inbiegħu.”
Dawn l-irġiel! Kif donnhom mhuma kapaċi jorbtu qalbhom ma’ xejn hux? Ngħir għalihom kultant għax jiena xi ħaġa hekk kieku ngħożża ma’ qalbi u rrid immut biex teħodhieli… Imma inkomplu… Chris, mill-websajt tiegħek stajt nara illi l-ewwel monument li għamilt, sar propju fiċ-Ċina…
“Kultant ċertu affarijiet iseħħu meta l-inqas li tkun qed tistenniehom. Darba kien hemm ħabib tiegħi li nfurmani illi fiċ-Ċina kien ser isir symposium kbir tal-arti fejn fih kienu ser jiġu mistiedna jipparteċipaw 25 skultur minn madwar id-dinja. Min xtaq ikun eliġibbli biex jattendi, kellu jissottometti diżinn ta’ monument u jien hekk għamilt.
Sadanittant jiena tlajt Los Angeles biex nattendi għall-kors fid-direzzjoni tal-filming peress li f’dak iż-żmien kien jinteressani ħafna dak ix-xogħol u kont qed nikkunsidra anki li nibqa’ ngħix hemm. Hekk kif
qed inlesti l-kors, irċevejt l-aħbar illi d-diżinn tiegħi li bgħatt iċ-Ċina kien intagħżel fost il-25. Nistqarr li dak il-ħin tfixkilt. Hemmhekk kont sirt ħbieb mal-Prinċep Lorenzo dei Medici li kien qed jattendi kors fil-produzzjoni tal-films. Kien hu li mbuttani biex nerħi kollox u mmur nattendi għas-symposium. Kelli kollox issusidjat miċ-Ċina għal xahrejn u nofs sħaħ. Kont ngħix f’appartament imdaqqas u saħansitra kelli s-segretarja u l-interpretu tiegħi. Finalment, kull wieħed mill-iskulturi magħżula kellu jibni l-monument li kien fassal u naturalment jiena bnejt il-monument tiegħi ukoll. Kienet veru esperjenza interessanti fejn minn kultura liberali għall-aħħar fl-Amerika, ħabta u sabta sibt ruħi f’kultura għal kollox differenti li kienet pjuttost spiritwali u riservata.
Iżda dik ma kienetx l-unika esperjenza tiegħi fiċ-Ċina għax għadni sal-lum nibgħat xi xogħol fil-funderiji tagħhom tal-bronż. Fil-fatt għandi diversi proġetti oħra li aktar il-quddiem irrid nitla’ ċ-Ċina biex jitwettqu. Huma proġetti kbar imma għadhom fil-konċepiment tagħhom u ma nistax niżvelahom minn issa.”
Is-sena li għaddiet inti ġejt ikkummissjonat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana biex taħdem monument f’ġieħ il-perit Pietro Paolo Floriani, liema xogħol issa jinstab fil-pjazza ta’ Robert Sammut fil-Furjana. Xi tgħidilna dwar l-istil barokk ta’ dan il-monument?
“Għażilt dan l-istil biex jidentifika sewwa maż-żminijiet li kien jgħix fihom il-perit Floriani. Qabel iddiżinjajt dan il-monument għamilt bosta riċerka biex nagħraf sewwa min kien dan il-personaġġ. Fil-fatt kien hemm min tani diżinji tiegħu mill-Biblijoteka Nazzjonali sabiex inkun nista’ nagħmel rikostruzzjoni faċċjali aktar ġenwina. Għalkemm ix-xogħol qed jinħadem illum, jiena ridt inżomm l-interpretazzjoni tas-seklu 17. Barra minn hekk tkixxift kif kienu l-karattru u l-attitudni tiegħu, x-xogħlijiet li għamel u kemm kien famuż. Dan kollu wassalni biex noħroġ bi stil eżuberanti li jidher ċar fil-kostumi tal-epoka u fl-interpretazzjoni in ġenerali ta’ dan il-monument.
Fir-rigward ta’ dan il-monument, ġejt ukoll mistieden mill-Kontessa Carla Compagnioni Floriani ġewwa Macerata, peress li hija dixxendenti tiegħu. Hemmhekk intlabt nagħti konferenza ntitolata ‘The Making of a Baroque Monument in the 21st Century’ lill-istudenti u lill-professuri fl-Accademia di Belle Arti. Ta’ min isemmi illi, taħt dan l-isem ukoll, qiegħed infassal ktieb dettaljat ħafna li juri l-proċess kollu ta’ dan il-monument, bid-dokumentazzjoni kollha, bir-riċerka u bir-ritratti, mill-konċepiment sakemm ġie inawgurat. Fil-fatt dan ser ikun l-ewwel ktieb tal-ġeneru tiegħu hawn Malta. L-iskop tiegħu huwa illi meta llum naqsu ħafna l-monumenti, nixtieq nuri lill-ġenerazzjonijiet ta’ llum u t’għada x’jinvolvi x-xogħol biex jitwettaq monument.”
X’inhu s-sigriet wara s-suċċess tiegħek?
“Id-dedikazzjoni, is-sagrifiċċju u l-perseveranza.”
X’inhi l-filosofija tiegħek dwar l-iskultura u għaliex jogħġbok tant dan ix-xogħol?
“Il-filosofija tiegħi hija “Beauty is a joy forever”… dak li hu sabiħ illum huwa sabiħ dejjem u mhux marbut ma’ stil jew żmien. L-akbar sodisfazzjon ta’ dan ix-xogħol huwa li dak li qed tagħmel, għada pitgħada ser isir patrimonju nazzjonali. Mhux ser jitgawda mill-ġenerazzjonijiet ta’ llum biss imma anki minn dawk futuri. U allura x-xogħol irid isir b’responsabbiltà biex li tagħmel tagħmlu sewwa u li jpaxxi l-għajn. Dan hu l-ħsieb tiegħi in ġenerali wara kull biċċa xogħol tal-arti.
Jogħġobni dax-xogħol għax permezz tiegħu ħajti hija avventura. Ma nibdlu ma’ xejn dak l-eċċitament li tħoss meta kuljum qed tiltaqa’ ma’ nies differenti, ma’ klijenti u periti ġodda, ma’ diversi persuni minn kull angolu tal-ħajja fostom il-ħafna nies tas-sengħa bħal dawk li jaħdmuli l-bronż, il-ħadid u l-irħam, il-bosta organizzazzjonijiet u s-sens ta’ innovattività li tagħmillek kull ġurnata differenti mill-oħra.”
F’pajjiżna taħseb li teżisti opportunità biżżejjed f’dax-xogħol?
“Opportunitajiet hawn imma ma tistax tirrestrinġi ruħek għal Malta biss, inkella tingħalaq. Trid tħares lejn pajjiżi oħra u twessa’ l-opportunitajiet tiegħek. Aktar minn hekk nisħaq li huwa inutli li nistaqsu jekk hemmx opportunità għax l-opportunità inti trid toħloqha u mhux tistenna li ssibha.”
La jgħaddu s-snin u n-nies tkun qed tiddiskuti x-xogħlijiet tiegħek, inti kif tixtieq li tibqa’ mfakkar?
“Bħala wieħed li dejjem insista li jagħmel xi ħaġa sabiħa li kapaċi tibqa’ sabiħa għal dejjem.”
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-7 ta’ Frar 2010)
-
L-EWWEL PASSI TA’ SKULTUR
“Rajt anġlu f’irħama u qbadt nonqox fiha sakemm illiberajtu,” qal darba Michelangelo meta staqsewh x’wassal biex għamel skultura partikolari.
L-arti minn dejjem kienet għal qalbi. Dik li artist titwieled u mhux issir nemmen biha u għaldaqstant taffaxxinani. Il-fatt li għandek dik ix-xi ħaġa aktar biex tirnexxi fil-ħajja, qisha bħal tagħtik mbuttatura biex tippersevera u tasal. Fuq kollox l-arti tagħnik b’waħda mill-isbaħ doni – l-eternità. Għax anki meta tasal il-ġurnata biex l-artist iħalli din id-dinja, jekk ikun ħadem b’għaqal, permezz ta’ xogħlijietu, hu ma jintesa qatt.Dil-ġimgħa ltqajt ma’ żagħżugħ li qabad it-triq tal-iskultura. Għalkemm għad għandu 23 sena, mix-xogħlijiet li għamel s’issa tintebaħ li fil-vini tiegħu hemm jiġri d-demm ta’ artist. Bniedem li għall-ewwel tistħajjlu mistħi imma hekk kif jintefa’ jkellmek dwar ix-xogħol tal-iskultura, tara fih id-determinazzjoni ta’ żagħżugħ li jrid iwettaq dak li jemmen li twieled għalih. Permezz tiegħu xtaqt nara l-perspettiva ta’ l-ewwel passi ta’ skultur fid-dinja tal-arti….
Temmen illi skultur titwieled jew issir?
Jien naħseb illi titwieled miegħek. It-taħriġ li tieħu jgħallmek ċertu regoli li jeżistu u jipperfezzjonalek xogħlok. Imma l-arti trid tkun fik. Jekk inti m’għandikx l-arti fik, tista’ tmur titgħallem taħdem l-iskultura u veru, finalment jekk tippersisti, xi ħaġa tagħmel. Imma min jaf sewwa dan ix-xogħol jintebaħ illi nies li mhumiex verament artistiċi, jaslu sa ċertu punt u jeħlu hemm. Ma jkunu jistgħu jilħqu qatt livelli għolja biżżejjed sabiex xogħolhom jiġi kkunsidrat bħala biċċa xogħol artistika.
Kif bdiet in-namra tiegħek lejn dan ix-xogħol?
In-nannu u ommi jgħidu illi l-bużnannu tiegħi kien jaħdem l-istatwi għan-niċeċ. Jiġifieri jidher li l-iskultura tiġri daqsxejn fil-vini tal-familja tiegħi. Ommi tħobb ħafna l-pittura u d-diżinn u lili kienet
tħajjarni ħafna biex nagħmel xi ħaġa sa minn meta kont żgħir. Kultant kont immur magħha għall-lezzjonijiet tal-pittura fl-Iskola tal-Arti u minn hemm komplejt tħeġġiġt għal din it-triq. Fil-fatt inpinġi nħobb ħafna imma fl-istess ħin kont inħoss ġibda partikolari lejn l-iskultura. Niftakar li meta kont żgħir, kont sibt mezz kif inħoll il-pasturi l-antiki biex nagħmel oħrajn ġodda. Dak iż-żmien ommi kellha ħabiba li kienet taħdem fix-xogħol tat-tafal u tgħidx kemm kont niffittaha biex tgħallimni. Imma hi kienet tgħidli “la tikber, jekk tibqa’ miġbud lejn l-iskultura, mur fl-Iskola tal-Arti għax hemm qegħdin il-veru għalliema”. U meta kbirt hekk għamilt.
Tant kont deċiż li naqbad din il-linja illi tlaqt mill-Awstralja, fejn il-familja tiegħi kienet marret toqgħod u erġajt lura Malta waħdi biex inkun nista’ nitħarreġ f’dan ix-xogħol. Qalbi marbuta wisq ma’ pajjiżi u mal-arti li tidwi minn kull rokna tiegħu.
Barra minn hekk, jien dilettant tal-knejjes. Meta kont Malta, kont ngħaddi s-sajf kollu narma d-dar tagħna, il-knisja tal-Mosta u nieħu ħsieb kappella. L-Awstralja hemm differenza kbira. Il-Maltin tal-Awstralja ma jarmawx u ma jiċċelebrawx bħalna. Kelli nieħu deċiżjoni iebsa imma importanti f’ħajti. Fuq kollox ridt ukoll nagħżel fuq liema tip ta’ arti kont ser nintefa’. Il-pittura togħġobni ħafna għax il-kulur inħobbu wisq. Finalment iddeċidejt li nispeċjalizza fuq l-iskultura u b’hekk bdejt nitħarreġ f’dan il-qasam.
Fhiex jikkonsisti t-taħriġ fl-iskultura u kemm hawn opportunità biex titgħallem hawn Malta?
Opportunitajiet biex titgħallem hawn kemm trid f’pajjiżna. Għandna l-Iskola tal-Arti, is-Soċjetà tal-Arti, l-MCAST u diversi privatijiet oħra.
Jiena ddeċidejt illi nattendi għall-lezzjonijiet li jsiru fil-għaxija fl-Iskola tal-Arti, l-Belt. Il-kors huwa twil ħames snin u jwassal għal Diploma. Apparti illi titħarreġ kif taħdem l-iskultura b’modi differenti, titgħallem ukoll l-Istorja tal-Arti fejn issir taf aktar dwar ix-xogħlijiet li saru fil-passat u l-artisti li għamluhom. Matul is-snin nippruvaw nikkuppjaw dawn ix-xogħlijiet biex nibnu dik it-teknika partikolari tagħna. Fl-aħħar tal-kors inkunu rridu nippreżentaw teżi biex fih nuru dak kollu li nkunu tgħallimna matul is-snin.
Kemm huwa possibbli li taħdem ma’ skultur professjonali biex tissoda aktar fil-linja tiegħek?
Dik iebsa ħafna għax ħadd ma jkun irid jurik it-teknika ta’ kif jaħdem hu. Fil-fatt kif għedtlek, opportunità biex tibda titgħallem issib. Imma biex veru tkun fuq dan ix-xogħol, diffiċli immens għax it-teknika ħadd ma jkun irid jgħallimilek. Għalkemm ġieli nisimgħu xi intervisti ta’ xi skulturi li jgħidu li jħarrġu lill-istudenti, dan bosta drabi ma jkunx minnu. Darba kont għadni kif rajt intervista simili fuq it-TV ta’ skultur partikolari. Mort għandu dakinhar stess imma meta urejtu għal xiex kont mort, saħaq li hu ma jgħallimx!
Biex taħdem ikollok bżonn tipperfezzjona t-teknika ta’ kif jitħalltu l-materjali. Per eżempju kif tinħadem il-kartapesta kelli niskopri waħdi minn hemm u minn hawn għax din fl-iskola ma nitgħallmuhiex. It-taħlita tal-kolla u l-ġibs hija essenzjali għall-kwalità finali tax-xogħol. Ikollok titgħallem bl-esperjenza sakemm torqomha kif suppost. Titgħallem mill-iżbalji u mill-pariri li kultant iżerżaqlek xi ħadd.
Però għall-grazzja t’Alla kultant jitfaċċa xi ħadd differenti, li jkun lest li jgħinek. Fl-Iskola tal-Arti sirt naf lil Paul Mizzi li laqqagħni mal-iskultur Joe Chetcuti u dan tani ċ-ċans li naħdem miegħu għal tlett xhur fil-funderija tiegħu li hija l-unika funderija f’Malta li tagħmel kull tip ta’ xogħol tal-bronż. Għalkemm il-bronż ma kienx fil-linja tiegħi, maż-żmien sibt li tgħallimt ħafna. Hemmhekk skoprejt is-sengħa ta’ kif jittella’ monument mill-bidu. Kien hemm ukoll l-iskultur Renzo Gauci li għalkemm ma offrilix xogħol miegħu, tani l-opportunità li ngħinu u nosservah waqt li kien qed jagħmel xi xogħol għall-Knisja tal-Mosta. Dan l-aħħar qed nagħmel xogħol fil-ħidma tal-fidda u allura qed nitrawwem f’dan il-qasam ukoll. Biċċa xogħol tiegħi fil-fidda s’issa għadni qatt ma ħdimt imma xi darba tasal ukoll. Tirrealizza li kull ma titgħallem ftit ftit ikun qed jagħlaq f’ċirku tond biex finalment issir artist sħiħ b’ħiliet differenti.
B’liema materjali taħdem u liema tippreferi?
Bdejt bit-tafal u mbagħad tgħallimt naħdem il-forom tal-ġibs. Wara komplejt fuq il-fibre. Il-fibre huwa materjal veru effiċjenti għax ix-xogħol jiġi mirqum mill-ewwel mingħajr ħafna logħob. Barra minn hekk hu materjal b’saħħtu wkoll. Ovvjament kollox ikun fih tiegħu… Per eżempju dan il-wiċċ ta’ Kristu nħadem fil-fibre. Ara, kif qed tinnota fir-ritratt, kelli ndaħħal għajnejh mill-ewwel ħalli nagħtihom il-forma tajba mill-ewwel għax fil-fibre ma tantx tista’ tillima. Suppost dan ser ikun qed jagħmel parti miċ-Ċena tal-Każin ta’ Ħal-Għaxaq.
Dan il-bust ta’ Dun Anġ Camilleri ukoll maħdum mill-fibre. F’dan ir-ritratt nidher qed niżbgħu bil-patina tal-bronż. Dan il-bust irregalajtu lir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone tal-Mosta li xtaqu li jkollhom tifkira ta’ dan il-qassis peress li kien hu li kien jagħtihom il-permess li jaħdmu mill-Oratorju.
Ara dal-bust ta’ wiċċ dil-mara… dak maħdum bil-pastellina. Il-pastellina huwa materjal li ma jinbidilx u jħallik taħdem fih kemm trid. Fil-fatt dik hija pastellina tal-iskola u għandha mal-50 sena llum! Minn dik il-forma ħriġt bust tal-ġibs. Il-pastellina mbagħad terġa’ tintuża għal xogħol ieħor.
L-aktar li nieħu pjaċir naħdem fit-tafal għax kull biċċa xogħol, minnu trid tibda u permezz tiegħu toħroġ veru dak li trid u tħoss. Taqbad b’idejk u tiffurmah. Għalhekk jogħġobni.
Liema huwa l-aktar skultur Malti li tammira?
Lil Ċensu Apap. Jista’ jkun għax hu ħadem ħafna fil-knisja tagħna tal-Mosta u għalhekk trabbejt ma’ xogħlijietu. Sikwit kont nara ċertu intervisti tiegħu fuq it-TV u l-kotba. Kien jimpressjonani li għalkemm kellu mat-80 sena, xorta kien baqa’ jaħdem dax-xogħol. Għalija huwa wieħed mill-aħjar artisti Maltin. Kont nixtieq ħafna li xi darba niltaqa’ miegħu imma sfortunatament kien miet meta jiena kont l-Awstralja. Inħares ħafna lejn ix-xogħol tiegħu biex nitgħallem minnu. Kumbinazzjoni l-iskultur Joe Chetcuti, li miegħu ħdimt fil-funderija, kien l-aħħar student li kellu l-istess Ċensu Apap. Għalhekk aktar u aktar apprezzajt iż-żmien li kont naħdem miegħu, spċejalment meta kien jispjegali dwar xi metodu li kien juża hu.
Liema hu l-aktar stil li tippreferi taħdem fih?
Jiena jogħġobni ħafna x-xogħol tal-knejjes u allura nippreferi naħdem xogħol klassiku jew aħjar dak tradizzjonali kif aħna mdorrijin naraw aħna l-Maltin fil-knejjes tagħna. Inħobb li l-proporzjonijiet tal-figuri jkunu kif suppost u l-istil tal-panneġġi (il-mod kif joqgħod id-drapp fuq l-istatwi) jinżel dritt mal-figuri. Ikolli nistqarr illi l-iskola jippruvaw iħajjruni biex nagħfas aktar fuq il-modern ħalli ma ningħalaqx fuq dan l-istil biss. Imma qalbi hemm mitfugħa – fuq il-klassiku.
Meta tkun qed taħdem fuq il-fattizzi ta’ statwa, minn fejn iġġibhom?
Jekk ser tagħmel bust ta’ xi ħadd partikolari, ovvjament ikollok bżonn diversi ritratti tiegħu: profil, faċċata, minn wara… Jekk imbagħad tkun ser tagħmel xi statwa ta’ xi personaġġ magħruf, bħall-Papa
per eżempju, jkollok bżonn ukoll tagħmel riċerka u tniżżel stampi jew ritratti tal-ilbies tiegħu ħalli kemm jista’ jkun tkun korrett fix-xogħol tiegħek. Imma meta min-naħa l-oħra nkun qed naħdem xi bambin jew xi anġlu, qishom idejja dejjem jaqgħu għall-istess fattizzi. Dik qisha tkun il-firma tiegħek. Fil-fatt minn hemm tagħraf ix-xogħlijiet t’artisti oħra. Ġieli tara statwa ta’ profeta u statwa ta’ Madonna u xorta jirnexxielek tinnota fattizzi komuni li jindikaw mill-ewwel minn taħt liema jdejn ħarġu. Naturalment inkun nixtieq invarja l-uċuh u mhux l-ewwel darba li ninnota xi nies li ngħid ara, dak jagħmel anġlu sabiħ u dik tagħmel Madonna ħelwa.
Dak ix-xogħol tad-drapp fuq statwa kif jirnexxielek tagħmlu daqshekk realistiku?
Trid tkun taf kif jaqa’ d-drapp. Fuq it-tafal trid tiffurmah inti. Imma meta tkun qed taħdem fuq il-kartapesta, li normalment l-istatwi li ssib fil-knejjes, kollha maħdumin hekk, taħdem l-ilbies tagħhom bl-ixkejjer. Nibda billi nqabbad mastrudaxxa jippreparali bażi tal-injam bil-kaxxa u s-seratizz tiela’ ‘l fuq wieqaf. Imbagħad fuqu nibni l-figura tat-tafal, noħdilha l-forom tal-ġibs u nippressa fihom gazzetti mxarrbin li nkun iffurmajt fi speċi ta’ kolla. Bihom nibni ħxuna ta’ madwar 5mm. Inħalli kollox jinxef imbagħad nibda nlibbes bl-ixkejjer. Naqta’ biċċa biċċa, inlibbes u ngħaddi bil-passati ta’ taħlita ta’ kolla u ġibs. Wara 14-il passata, l-ilbies jiġi iebes ġebla u tifforma l-libsa. Meta d-drapp ma jkunx ilaħħaq, noqgħod inħit il-biċċiet flimkien u ngħaddi minn fuqhom. Xogħol ta’ ħafna paċenzja imma meta tarah lest tieħu wkoll ħafna sodisfazzjon.
Semmili xi xogħlijiet li għamilt s’issa…
L-iskola għamilt diversi xogħlijiet. Ovvjament, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar tissaħħaħ u ġieli tħares lura u tgħid, ara dik kemm stajt għamiltha aħjar! Sakemm taqbad għall-ewwel tbati ftit imma
mbagħad meta jidrawk, jibdew jafdawk aktar. Fil-fatt ħdimt fuq xi xogħlijiet magħrufa fostom ħdimt il-forom tal-monument tal-Mater Dei li għamel Chris Ebejer. Ħdimt fuq il-monument ta’ Pietru Pawl Floriani li ġie inawgurat ftit ilu fil-Furjana. Għamilt ukoll l-arma għall-Każin ta’ Ħal-Għaxaq. Barra minn hekk ħdimt ukoll fuq l-istatwi l-ġodda ta’ Santa Marija u ta’ San Ġużepp fl-okkażjoni tal-400 sena tal-parroċċa tal-Mosta. L-istatwi li kien hemm qabel kienu xogħol Ċensu Apap imma kienu tal-konkos u tmermru. Bdilnijiehom u għamilniehom tal-bronż. Kull xogħol ikun għal qalbi imma dak li naħdem għar-raħal tiegħi, il-Mosta, ikun speċjali wisq għalija. Nixtieq li xi darba jkolli l-opportunità li nagħmel xi xogħol partikolarment għall-Knisja tagħna.
Dan l-aħħar kelli anki ċ-ċans li nagħmel xogħol li mar l-Awstralja. Ommi wriet xi xogħol tiegħi lil wieħed li jorganizza l-festa ta’ Santa Marija f’Sidney. Xogħli għoġbu u meta riċentement ġie Malta ħdimna flimkien fuq l-istatwa li xtaq. Il-Madonna kienet għolja erbgħa piedi. Domt għaddej fuqha mhux ħażin imma meta qaluli li waslet qawwija u sħiħa l-Awstralja u li lin-nies għoġbithom, ħadt pjaċir ħafna. Dalwaqt joħorġuha għall-festa t’hemm għall-ewwel darba.
Kemm huwa diffiċli biex issib min jafdak taħdimlu xi biċċa xogħol meta tkun għadek tibda?
Kull bidu huwa iebes imma mbagħad meta n-nies tidrak timxi. Hawnhekk sikwit jiġu jittawluli biex jaraw x’jiena nagħmel. Issib lil min ikun irid jibqa’ miegħek il-ħin kollu meta jagħtik xi biċċa xogħol. Jiddettalek x’għandek tagħmel u jaħlilek ħafna ħin. Biex kultant fl-aħħar mill-aħħar jaqa’ lura għal dak li tkun għedtlu oriġinarjament. Anki l-ideat li ġieli jiġu bihom: kultant jew ma jkunux possibbli, inkella ma jkunux korretti. Meta jkollok dubju, jkollok tieħu parir u tagħmel ftit riċerka. Inkun irrid noqgħod attent li dak li jkun ma jirriduċilix xogħli għal dak ta’ dilettant. Jiena naħdem fuq livell artistiku u għalhekk mhux kollox jista’ jgħaddi.
Xi tfisser l-iskultura għalik?
Hija parti minni. Ma nistax nimmaġinani ma naħdimx l-iskultura! Issib min jaqtagħlek qalbek u kultant tkun wasalt biex taqta’ qalbek. Imma jekk veru tkun trid tasal, b’ħafna perseveranza u mħabba lejn ix-xogħol, finalment jirnexxielek.
Leonardo da Vinci darba qal illi l-arti qatt ma tkun lesta imma sempliċiment tiġi abbandunata. X’tikkummenta?
Naqbel miegħu perfettament! Jekk tibqa’ għaddej fuq xi ħaġa, ma tlesti qatt. Iktar ma jgħaddi ż-żmien aktar titgħallem u allura tibda tara d-difetti f’dak li għamilt qabel. Jekk tibqa’ tikkoreġi ma tagħmel qatt xejn.
Xi tgħid lil min hu mħajjar għal dax-xogħol?
Biex ma jaqtax qalbu. It-triq iebsa u għat-telgħa. Imma mbagħad meta tibda tara x-xogħol tiegħek lest u apprezzat, s-sodisfazzjon li tħoss, m’hemmx prezzu!
L-aħħar kumment tiegħek…
Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lil kull min tani daqqa t’id biex nasal fejn wasalt. Fostom ma rridx ninsa nsemmi lill-ewwel għalliema tiegħi: lil Joseph Casha (skultura), Manuel Cardona (forom tal-ġibs), Chris Attard (Storja tal-Arti), lill-Kap tal-iskola Joe Mallia li jieħu paċenzja bija ferm, lil Joe Micallef u lil Alfred Caruana Ruggeri (diżinn). Mhux mill-inqas lill-iskultur Joe Chetcuti li meta laqqgħuni miegħu, mhux talli ma rriffjutanix, talli qalli “sieħbi, jiena għandi xogħol kemm irrid. Jekk il-quddiem tibda taħdem bħali, nieħu pjaċir għax inkun nista’ ngħid li rawwimtek jien”. Grazzi wkoll lill-familja tiegħi li nkoraġġietni u lil kull min qatt emmen fija.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 ta’ Lulju 2009)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | ||||||
2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 |
9 | 10 | 11 | 12 | 13 | 14 | 15 |
16 | 17 | 18 | 19 | 20 | 21 | 22 |
23 | 24 | 25 | 26 | 27 | 28 | 29 |
30 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23