Posts Tagged ‘Xiaosheng’

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (Id-9 Parti) Il-Palazz tas-Sajf

    Meta żżur il-palazzi antiki taċ-Ċina ma tistax ma timpressjonax ruħek. Għandhom wisq stil distint u sabiħ u bla ma trid tħossok donnok qiegħed f’dinja oħra. L-istil magħżul tal-arkitettura jidher biċ-ċar li hu maħsub biex iħaddan u mhux jirkeb fuq in-natura u b’hekk joħloq ambjent ħlejju ta’ serenità u ta’ spazju. Mhux ta’ b’xejn li ta’ kuljum dawn il-palazzi u l-ġonna tagħhom ikunu miżgħuda bin-nies, kemm tal-lokal u kif ukoll turisti minn kull pajjiż madwar id-dinja.

    Aktar minn hekk, kull palazz għandu l-istorja, il-karattru u l-faxxinu tiegħu. Dan ikkonfermajtu mill-ġdid meta ġejt akkumpanjata ġewwa l-Palazz tas-Sajf f’Pekin u hemm għal darb’oħra stagħġibt u mmeraviljajt ruħi bis-snajja’ nvoluti sabiex inbena dan il-post u d-dedikazzjoni neċessarja biex reġa’ ngħata l-ħajja mill-ġdid wara li popli barranin għamlu ħerba minnu.

    Il-Palazz tas-Sajf (The Summer Palace)

    Sezzjoni mill-Palazz tas-SajfDan il-palazz jinsab fil-majjistral tas-subborgi ta’ Pekin. Jokkupa medda ta’ art ta’ madwar 2,900,000 metru kwadru. L-istrutturi tiegħu jikkonsistu f’għadd ta’ swali, torrijiet, galleriji, paviljuni u pontijiet. Dawn huma mqassma fi tliet sezzjonijiet: il-parti amministrattiva, il-parti residenzjali imperjali u l-parti tar-rilassament.

    Barra minn hekk, il-palazz huwa mdawwar bi ġnien vast li jinkludi fih għolja magħrufa bħala L-Għolja tal-Ħajja Twila (Longevity Hill), u l-għadira Kunming (Kunming Lake) li tirċievi l-ilmijiet tagħha min-nixxiegħat ta’ Yuquanshan jew l-Għolja tar-Rebbiegħa tal-Jade (Jade Spring Hill).

    Trid sebgħa għajnejn biex tapprezza dan il-ġnien li huwa magħruf bħala l-akbar u l-aqwa ġnien klassiku imperjali li għadu jfakkar id-Dinastija Qing. Huwa wkoll magħdud bħala teżor kulturali tal-arti u tal-arkitettura tal-ġonna Ċiniżi. Sadanittant, hekk kif il-gwida rama jispjegalna dwar il-karatteristiċi tiegħu, intbaħna li dan il-lwog jista’ jiġi kkunsidrat ukoll bħala mużew tal-istili arkitettoniċi varji tal-ġonna li wieħed isib f’diversi reġjuni madwar iċ-Ċina.

    L-istorja tal-post

    Matul it-12 il-seklu, l-Imperatur Zhangzong tad-Dinastija Jin beda jibni l-palazz temporanju tiegħu hawnhekk. Aktar tard, fit-13 il-seklu, l-Imperatur Kublai Khan tad-Dinastija Yuan, qabbad lil Guo Shoujing, inġinier idrawliku famuż, sabiex isib sistema li biha jwassal l-ilma mill- Għolja tar-Rebbiegħa tal-Jade għat-tarf tal-Għolja tal-Ġarra (Jar Hill). Infatti, Guo rnexxielu jagħmel dan u b’hekk huwa ħoloq ġibjun kbir tal-ilma li sar magħruf bħala l-Għadira tal-Punent (West Lake).

    Fl-1494, l-Imperatur Xiaozong tad-Dinastija Ming ordna l-kostruzzjoni tat-Tempju tal-Perfezzjoni u t-Trankwillità (Temple of Perfection and Tranquility). Imbagħad, fis-16 il-seklu, l-Imperatur Wuzong tad-Dinastija Ming sawwar il-Ġnien tal-Għolja Meraviljuża (Garden of Marvelous Hill) f’dan il-post.

    L-Għadira KunmingJidher li dawn l-inħawi għamlu xi żmien abbandunati. Iżda sa nofs is-seklu 18, l-arkitettura tal-ġonna klassiċi Ċiniżi kienet laħqet livelli għoljin ħafna u numru ta’ ġonna imperjali bdew jissawwru madwar din il-medda ta’ art. Kien f’dan il-perjodu illi l-mexxejja tad-Dinastija Qing iddeċidew li jittrasformaw dan il-post fi lwog spazzjuż fejn wieħed seta’ jieħu gost u jistrieħ. Dan eventwalment wassal għall-kreazzjoni tat-Tliet Għoljiet u l-Ħames Ġonna (The Three Hills and Five Gardens).

    Fl-1750, l-Imperatur Qainlong tad-Dinastija Qing iddeċieda li jibni Qingyiyuan jew il-Ġnien taċ-Ċafċif Ċar (Garden of Clear Ripples) bħala rigal għal ommu l-Imperatriċi Armla Xiaosheng f’għeluq is-60 sena tagħha. Dan il-ġnien kien jifforma parti mit-Tliet Għoljiet u l-Ħames Ġonna. Sena wara, isem l-Għolja tal-Ġarra nbidel fl-Għolja tal-Ħajja Twila filwaqt li l-Għadira tal-Punent saret magħrufa bħala l-Għadira Kunming.

    Ġara illi dan il-ġnien grandjuż ħa ħmistax il-sena biex tlesta kollu, tant li omm l-imperatur laħqet mietet. Imma meta x-xogħol fuqu ġie komplut, dan is-sit kien wieħed mill-aktar ġonna raffinati fiċ-Ċina.

    Madanakollu, fl-1860 it-truppi Brittaniċi u Franċiżi li attakkaw lil Pekin, daru anki għal dan il-post fejn serqu kull ma sabu u taw in-nar lill-bqija. B’hekk, kull struttura tal-injam li kien hemm fil-Ġnien taċ-Ċafċif Ċar saret irmied.

    Intant, fl-1885, l-Imperatriċi Armla Cixi, li kienet ilha tmexxi ċ-Ċina bil-moħbi permezz ta’ binha l-imperatur li kien għadu tifel żgħir, daħħlet f’moħħha li terġa tagħti r-ruħ lil dan il-post. U biex għamlet dan, hija ħadet fondi li kienu maħsuba għat-taqsima navali. Meta dan il-proġett kien għoddu tlesta fl-1888, Cixi bidlet isem il-post għall-Ġnien tal-Preservazzjoni Armonjuża (Garden of Harmonious Preservation) jew il-Palazz tas-Sajf kif inhu magħruf mat-turisti li jżuruh illum.

    Xena fuq l-Ghadira KunmingSfortunatament, fl-1900, dan is-sit ġie attakkat mill-ġdid, did-darba mill-Forzi Alleati tat-Tmien Pajjiżi. Dawn reġgħu żarmaw il-palazz mit-teżori kollha li kellu fih u qerdu l-bini.

    Issa l-finanzi tat-tmexxija Qing kienu marru lura ħafna u bl-ebda mod ma setgħu jinstabu fondi sabiex dan il-post jerġa’ jiġi restawrat. Għalhekk, fl-1902, Cixi rranġat kif setgħet l-inħawi tal-Għolja tal-Ħajja Twila u bniet mill-ġdid il-parti tal-Lvant tal-palazz.

    Wara r-rivoluzzjoni tal-1911, fejn it-tmexxija Qing ġiet imwarrba, dan il-palazz serva għal xi żmien bħala r-residenza tal-membri tal-ex familja imperjali. Fl-1920, il-post inbidel f’park u mbagħad fl-1949 il-ġnien ġie restawrat wara li twaqqfet ir-Repubblika taċ-Ċina, hekk kif il-gvern beda jirranġa diversi siti ta’ importanza kulturali.

    Finalment, fl-1998, il-UNESCO poġġiet il-Palazz tas-Sajf fil-lista tagħha bħala Wirt Kulturali Dinji.

    X’hemm x’tara

    Il-Kuritur TwilWara li sirt naf minn xhiex għadda dan il-post meraviljuż, aktar u aktar bdejt napprezza u nammira l-istat sabiħ li qiegħed fih illum. Għajnejja ħalfu li jixorbu l-ilwien kollha li kienu mżejjna bihom l-istrutturi, filwaqt li mnifsejja gawdew l-arja bnina msoffija mill-pjanti u s-siġar ta’ kull tip u qies li kienu jinsabu f’dan il-ġnien.

    Il-Palazz

    Il-palazz huwa esperjenza fih innifsu. Huwa diffiċli biex tfisser sbuħitu u l-ambjent li hu mdawwar bih. Ċertament l-opportunità li tidħol f’uħud mis-swali u l-paviljuni tiegħu hija xi ħaġa indimentikabbli. Ix-xenarju tal-inħawi li joffri l-ogħla torri tiegħu huma spettakolari.

    Il-Kuritur Twil (Long Corridor)

    Dan il-passaġġ maħdum kollu kemm hu mill-injam inbena fit-18 il-seklu. Għandu tul ta’ 728 metri u ġie mqassam f’273 sezzjoni li ġew iddekorati b’madwar 14,000 pittura li juru episodji importanti mill-letteratura klassika Ċiniża, stejjer folkloristiċi, figuri storiċi u leġġendarji u bini u xenarji magħrufa fiċ-Ċina.

    Id-Dgħajsa tal-Irħam (Marble Boat)

    Id-dghajsa tal-irhamDin l-istruttura li għandha forma ta’ dgħajsa rjali ġiet mibnija f’parti mill-Għadira Kunming. Ngħatat l-isem ta’ Qingyanfany jew id-Dgħajsa tal-Purità u r-Rilassament (Boat of Purity and Ease).

    Id-dgħajsa nbniet fuq żewġ sulari minn irħam kbir u għandha tul ta’ 36 metru. Ġiet maħluqa għall-Imperatur Qianlong sabiex minnha jgawdi x-xenarju tal-inħawi tal-madwar. Kienet ukoll maħsuba li tissimbolizza l-istabbilità tad-Dinastija Qing. Iżda jidher li fl-1860 din ġiet meqruda u reġgħet inbniet mill-ġdid bi stil tal-Punent minn Cixi li tatha isem ieħor – Qingyanfang jew Paċi Universali (Universal Peace).

    L-Għadira Kunming

    Din l-għadira tkopri tliet kwarti tas-sit kollu. L-ilma tagħha mhux fond u ma jistax isir għawm fiha. Madanakollu, il-viżitaturi għandhom l-opportunità li jirkbu dgħajsa sabiex igawdu l-ambjent mill-isbaħ kemm tal-għadira, kemm tal-ġnien u kif ukoll tal-palazz li jħares fuqha.

    Mir-rebbiegħa sal-ħarifa jikbru l-fjuri tal-ġilju tal-ilma (lotus) ġewwa l-ilmijiet ta’ din l-għadira. Min-naħa l-oħra, fix-xitwa, wiċċ l-għadira jinbidel f’silġ u n-nies ikunu jistgħu jmorru bl-iskejt fuqu.

    Nies bi snajja’ u arti varji

    Pittur fil-Palazz tas-SajfApparti li dan il-lwog joffrilek iċ-ċans li tiltaqa’ man-nies tal-post, fih wieħed isib ukoll diversi artisti. Fosthom, aħna sibna pittur anzjan li kien qiegħed jiddisinja xeni dettaljati mill-Palazz tas-Sajf. Kien hemm ukoll grupp ta’ nies li bl-istrumenti diversi tagħhom kienu qed jakkumpanjaw żewġ kantanti.

    Min jixtieq jara xi filmati li ħadna f’dan il-post jista’ jidħol f’Youtube permezz ta’ din il-ħolqa:

    https://www.youtube.com/watch?v=HlHIDVjYzGQ

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-8 ta’ Marzu 2015)

    2015.03.08 / no responses / Category: Torca - Features & Articles