• Il-bżonn li tinsa li qed tgħix

    Oliver Friggieri 1It-tfal jigu bil-vapuri

    La jibnazza nigi luraDik id-dghajsa f'nofs il-port

    Il-ġimgħa li għaddiet ippreżentajtilkhom l-ewwel taqsima tal-intervista tiegħi mal-Prof. Oliver Friggieri, li prinċiparjament kienet tikkonsisti f’riflessjoni dwar ħajjet dan il-kittieb. Did-darba, se nkun qiegħda nitratta l-analiżi li ddiskutejt flimkien ma’ dan l-awtur dwar il-kultura, is-soċjetà u l-politika, partikolarment fl-ambitu tat-triloġija tiegħu ‘Hekk tħabbat il-qalb’.

    It-triloġija ‘Hekk tħabbat il-qalb’

    Fir-rigward ta’ din it-triloġija li ġiet iffurmata mir-rumanzi ‘It-tfal jiġu bil-vapuri’, ‘La jibnazza niġi lura’, u ‘Dik id-dgħajsa fil-port’, Friggieri stqarr hekk: “Jiena ma ridtx nikteb rumanz biss. Ridt nikteb teżi, jiġifieri proposta ta’ x’inhu l-poplu Malti. Dan il-ktieb għalija huwa mixja ta’ 12 il-sena peress li domt naħdem fuqu mill-1998 sa l-2010. Fih ippruvajt inpoġġi dak kollu li jiena naħseb dwar is-soċjetà Maltija bħala gżira, bħala pajjiż żgħir ħafna, bħala pajjiż dejjem maqsum fi tnejn, bħala pajjiż antik li għandu l-qedem u x-xjuħija, bħala pajjiż Mediterranju, u bħala pajjiż fin-nofsinhar tal-Ewropa.”

    Skont Charles Briffa li għamel l-introduzzjoni ta’ din it-triloġija, “F’idejn Friggieri l-istorja ssir mezz biex bih jitkellem fuq żmienu stess. Il-letteratura tagħtih il-wisgħa għad-diskussjoni intelletwali u r-rumanzi tiegħu jsiru aġenti tal-imaġinazzjoni morali. Sikwit jifrex quddiemna l-ideat kontroversjali tiegħu fuq is-soċjetà biex jixxukkjaha u tinduna b’xi jkun għaddej.”

    Il-poplu Malti vs l-Ingilterra u l-Italja

    Infatti Friggieri beda l-analiżi tiegħu b’dan il-kliem: “Għalija llum il-poplu Malti huwa poplu li kapaċi jħares fil-mera u jaċċetta wiċċu. Il-poplu tagħna għamel żmien twil mingħajr din il-mera u allura kien ikollu jistaqsi lil ħaddieħor “Kif inhu wiċċi?”. U kulħadd kien jirrispondih “Ikraħ wiċċek. Ikraħ ħafna!” Iżda riċentement, meta fl-epoka romantika, il-poplu Malti skopra l-mera u beda jħares ġewwa fiha, huwa beda jara x-xbieha tiegħu u jistaqsi “Imma dak huwa jien?” Il-mera ma hi xejn ħlief il-perċezzjoni li jkollu wieħed tiegħu nnifsu.”

    “L-epoka romantika seħħet fis-seklu 19, meta r-rabta ta’ Malta mar-risorġiment Taljan u l-kunflitt mal-Ingliżi, ħoloq il-mistoqsija jekk omm il-poplu Malti kinetx l-Italja jew l-Ingilterra? Iżda ftit wara, dawn iż-żewġ ġenituri ġġieldu u tqabdu bl-aħrax kontra xulxin waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. U hekk kif it-Taljani bdew ixerrdu l-qilla tal-bombi tagħhom fuqna, bosta mill-Maltin stagħġbu u qalu “Dawk mhux ħutna?” Fl-istess ħin, kienet il-preżenza tal-Ingliżi f’pajjiżna li ġibdet il-ħruxija tal-popli l-oħra fuq artna. U għalhekk finalment, it-tfal iddeċidew li jitilqu mid-dar u jfittxu l-indipendenza. Hawn rajna lil Duminku Mintoff u lil Ġorġ Borg Olivier; żewġt aħwa jiġġieldu b’modi differenti però fuq l-istess ħaġa. Żewġt aħwa li t-tnejn jiftaħru li għamlu l-istess ħaġa imma aħjar. Kif qed tara, għandek mixja loġika ħafna li tista’ faċilment tinterpretaha bħala familja.”

    “L-implikazzjonijiet ta’ dawn il-ġrajjiet li seħħu fl-istorja ta’ pajjiżna għadhom evidenti saħansitra llum. Ħares lejn l-ammont kbir ta’ Maltin li dan l-aħħar qegħdin jissapportjaw lit-timijiet tal-futbol ta’ l-Italja u ta’ l-Ingilterra. Il-Maltin dejjem qiesu li huma t-tfal ta’ xi ħadd. Però sadanittant, huma għexu wehidhom fuq gżira żgħira u iżolata, b’lingwa semitika u bi drawwiet ewropej. Huma poplu żgħir li jrid jidher kbir bħall-ġenituri tiegħu u huwa għalhekk li waqt dan il-logħob tal-futbol naraw lil xi wħud minna jxejjru l-bnadar barranin. Hemm min ma jinżillu xejn aġir bħal dan. Imma jiena naħseb li m’għandniex għalfejn nieħdu din il-kondotta wisq bis-serjetà għax dawn huma tfal lebsin il-paġama ta’ missierhom u se jaqgħu fiha għax mhux tagħhom. Għaldaqstant ma ninkeddx meta narahom għaddejjin ferħanin bil-bnadar ta’ pajjiż ieħor. Nara biss ix-xewqa li konna kbar minħabba li Malta dejjem għexet fid-dell ta’ imperi u popli kbar.”

    Il-mentalità tradizzjonali: raġel vs mara

    “F’din it-triloġija jiena ppruvajt nistabilixxi verżjoni immaġinattiva, fittizja. Però fil-verità mhi fittizja xejn. Il-karattri kollha jingħarfu. Ippruvajt ukoll nitkellem f’termini ta’ realtà li tinħass dwar is-soċjetà kif inhi u s-soċjetà kif tidher. Dejjem hemm il-mentalità tal-unur fejn f’dawn ir-rumanzi, li tfajla toħroġ tqila huwa diżunur u l-qassis li jidħol għaliha biex isalvaha, jissogra li jaqa’ fil-malafama. Sadanittant, il-missier huwa dejjem fil-poter u l-mara ma tgħodd xejn. Qisha hi ġġib it-tafal imma l-iskultur mhux hi għax huwa l-missier li jiddeciedi kif jaħdmu.”

    Hawnhekk Friggieri stqarr, “Jiena dejjem kont kapaċi biss inpinġi mara li hija tajba ħafna imma li hija sottomessa, li taf li għandha ċertu poter morali imma mhux dak legali, soċjali, jew eżekuttiv u għalhekk finalment ma tgħaddix tagħha. Madanakollu, kif irrakkuntajt anki f’dawn ir-rumanzi, għalkemm il-mara kienet inferjuri għar-raġel, min-naħa l-oħra, moralment kienet tikkmanda hi u allura eventwalment, ir-raġel ikollu jċedi għaliha minħabba li normalment il-mara kien ikollha raġun. Il-mara kienet tkun kapaċi tlissen bl-imħabba dak li l-missier kien jgħid bid-daqqa ta’ ponn.”

    “Min-naħa l-oħra, jiena ma nafx inpinġi raġel li huwa twajjeb. Infatti fir-rumanzi tiegħi, l-irġiel dejjem ikollhom karattru aggressiv. Sa ftit tas-snin ilu, hawn Malta konna qed ngħixu f’soċjetà maskili fejn il-mara ma kienet preżenti f’xejn. Il-mara kienet pupa, teżisti biss biex tħobbha u biex tieħu pjaċir biha. Xi drabi tinqeda biha. Pero ma teħodhiex bis-serjeta għax hija pupa. Eżempju ta’ dan narawh rifless fir-relazzjoni bejn Susanna u Stiefnu.”

    L-istatus tal-mara llum

    “Intant, meta l-mara kisbet id-drittijiet tagħha, dik l-innoċenza tilfitha wkoll. U meta l-mara emanċipat ruħha, studjat, sabet impieg u saret awto-suffiċjenti, l-aktar f’termini ta’ flus, il-mara Maltija tbiddlet u fil-fehma tiegħi, tbiddlet ukoll is-soċjetà Maltija, primarjament fil-funzjoni tal-mara. Fill-fatt, f’dawn l-aħħar 40 sena, il-futur tal-mara nqaleb kompletament. Jien niftakar iż-żmien tas-sittinijiet meta fl-università ma kienx hemm tfajliet. Infatti fil-kors tagħna, fejn konna madwar 100 student, tlieta minnhom biss kienu tfajliet u naturalment l-ebda mara ma kienet lekċerer. Lanqas biss kienet tgħaddilek minn rasek!”

    “Illum, b’xorti tajba r-realtà hija l-oppost: aktar hawn tfajliet milli ġuvintur fl-università. Dan huwa sinjal sabiħ għax jiena nemmen li f’termini intelletwali, xi darba l-mara għad tieħu l-kontroll. U din tkun xi ħaġa tajba. Sinċerament, jien nixtieq li xi darba d-dinja tkun immexxija mit-tfal u min-nisa, għaliex s’issa l-gwerer kważi kollha ġew organizzati, maħsuba u mfassla mill-irġiel. Sadanittant, huwa fatt kurjuż, li bosta min-nisa li rnexxew fil-politika kellhom ikunu b’xi mod maskili, bħal ngħidu aħna Margaret Tatcher. Min-naħa l-oħra, sikwit ninnota li anki l-femminiżmu huwa pjuttost maskilista. Illum il-mara hija kkundanatta li tkun libera, jiġifieri li tagħżel li taħdem, mentri dari, mara kellha d-dritt li tibqa’ d-dar.”

    Fl-opinjoni ta’ Charles Briffa, l-awtur tat-triloġija “… qiegħed fuq vjaġġ ta’ tiftix ta’ ġustizzja għall-karattri differenti li s-soċjetà moderna qed toħloq u tagħġen…. Friggieri bena l-karattru ta’ Susanna skont il-moda postmodernista li abbandunat l-għamliet tradizzjonali tal-karatterizzazzjoni diretta u mfissra mid-dittawtur. Minflok jurina l-karattru tagħha jinħema mill-ġrajjiet u l-attitudnijiet ta’ ħaddiehor li jagħfsu fuqha.”

    “Permezz ta’ din il-ġrajja waħda msensla minn tliet rumanzi, jiena xtaqt niddiskuti wkoll il-problema tal-maternità llum: x’inhi r-relazzjoni tat-tfajla-omm li mhiex miżżewġa, u r-relazzjoni tagħha ma’ wliedha u s-soċjetà li tgħix fiha,” spjegali Friggieri. “Hemm ukoll il-kwistjoni ta’ x’inhi r-responsabbiltà taż-żagħżugħ li taqqalha għax dan ma ħoloqx xi ktieb jew statwa! Ġab bniedem fid-dinja. Ħoloq lil xi ħadd bħalu b’ġisem u b’ruħ tiegħu.”

    L-għeruq ta’ poplu u ta’ pajjiż

    F’kitbietu, Friggieri spiss jirreferi għat-tradizzjonijiet, għall-għeruq, u għall-arloġġ mhedi jtektek u jimmarka ż-żmien dejjem għaddej… “Kelli f’rasi li npinġi raħal li huwa tassew maqtugħ il-bogħod mid-dinja. In-nies li jgħixu hekk, jiena ngħir għalihom. Ironikament, Malta għandha dan il-privileġġ imma llum qed tagħmel minn kollox biex tneħħih. Malta kellha vantaġġ li tgħix gallarija, f’iżolament parzjali. Imma dan il-vantaġġ li tgħix f’fosdqa, Malta qiegħda titlfu, kemm għax hi parti mid-dinja, imma anki għax tixtieq titilfu.”

    “Issa jiena dejjem kelli f’moħħi li l-aktar bniedem kuntent għandu mnejn kien Robinson Crusoe li kien jgħix fid-dinja imma mhux fiċ-ċentru. Iżolament relattiv u organizzat joffrilek il-ġenna tas-sempliċità li tidħol u toħroġ mid-dinja meta trid ħalli b’hekk iżżomm biżżejjed il-bogħod minn dinja li hija nkwieta. Il-bniedem tant jgħix ftit u l-ħajja tant hi interrotta mid-dwejjaq illi l-bniedem għandu bżonn jinsa li qed jgħix. Malta tista’ tgawdi mill-possibilità li tieħu t-tajjeb ta’ pajjiżi oħra filwaqt li ma taċċettax il-ħażin. Għax hi żgħira, kważi ħadd ma jeħodha bis-serjetà u għalhekk tista’ żżomm il-kejk u tieklu wkoll, kif jgħidu l-Ingliżi.”

    Dwar dan l-aspett tal-awtur, Briffa kiteb hekk: “Friggieri qed ikellem lin-nazzjon biex ixammar il-kmiem bid-determinazzjoni ħalli jaffaċċja l-elementi li qed imorru kontra t-tradizzjoni f’isem il-bidla mingħajr ma jitlef kollox. Il-Malti għandu jimxi l-quddiem bla ma jitlaq l-essenzjal ta’ qdumitu. Il-punt ta’ Friggieri mhux li neħduha kontra l-bidla imma li niffaċċjaw il-bidla bil-karattru nattiv tagħna.”

    It-tradizzjonijiet huma sinifikanti ħafna għal Friggieri. Infatti, huwa jirreferi għall-qedem ta’ pajjiżna b’pożittività. “Meta jikkritikaw lil Malta li tilgħab bil-festi, bl-istatwi u bil-marċi, jiena nawgura li d-dinja kollha tagħmel bħalha. U li kieku kellhom jistednuni nagħmel diskors fin-Nazzjonijiet Uniti, hekk kont ngħidilhom “Agħmlu bħal Malta! Ilgħabu bil-ġugarelli li ma jweġġgħu lil ħadd.”

    “Illum id-dinja qed tilgħab bil-missili u pajjiżna jrid joqgħod attent sa liema punt irid jidhol fid-dinja. Jidhirli li Malta għandha żżomm is-semi privatezza tagħha. Hija pajjiż żgħir u trid tgħix ta’ pajjiż żgħir. Għandha bżonn tuża pass meqjus meta tkun qed tagħżel sa fejn trid issir bħall-bqija tad-dinja. Trid tagħraf li hi gżira b’popolazzjoni kbira fuq art żgħira. Jiena qed nissuġġerixxi illi li kieku nagħrfu nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba, n-nies f’pajjiżna jkunu jistgħu jgawdu l-pjaċir tal-weekend il-ġimgħa kollha fejn jgħixu bħala part-timers biss mal-problemi. Ninsab konxju li fir-realtà ma tistax tgħix hekk imma tista’ tirreżisti kemm tiflaħ. Dan ma jfissirx li għandna nżommu lura l-progress. Ma hemmx tradizzjoni ħajja u tajba mingħajr modernità, u ma hemmx modernità f’saħħitha mingħajr tradizzjoni matura.”

    Dan it-tifsil ta’ ħsieb huwa l-bażi tat-triloġija kollha u kif jinnota wkoll Briffa, f’dawn ir-rumanzi jinħass il-“Kunflitt bejn ġenerazzjonijiet suċċessivi: għax il-kbar igawdu istint ta’ konservazzjoni soċjali u ż-żgħar iħarsu lejn l-innovazzjoni.”

    “L-għeruq huma realtà li xi ħadd isibha lesta. Hi l-wirt li jitwassal minn ġenerazzjoni għal oħra, tradizzjoni tajba. Il-ġejjieni ta’ dan il-wirt nobbli jinsab f’idejn iż-żgħażagħ ta’ llum: fidi, lingwa nazzjonali, storja, ambjent, tradizzjonijiet, – maħżen ta’ valuri kbar li mingħajrhom Malta ma għandha ebda futur. Dan il-patrimonju morali, kulturali, reliġjuż ta’ bosta sekli hu waħdu l-mezz li bih iż-żgħażagħ Maltin jistgħu jibqgħu jemmnu fihom infushom u jirrispettaw lilhom infushom bħala l-ulied ta’ din l-art, żgħira u sħiħa u nobbli. Mentalità internazzjonali, Ewropea, moderna, tinbena biss fuq dawn is-sisien. Din hi l-lezzjoni ewlenija tal-Ewropa llum. Soċjetà pluralista, b’qalb miftuħa lejn kulħadd, mibnija fuq ir-rispett u l-imħabba lejn kulħadd.”

    Il-qofol essenzjali Malti

    “Bit-triloġija ta’ ‘Hekk Tħabbat il-Qalb Maltija’ qiegħed nagħti s-sehem tiegħi biex il-qofol essenzjali Malti jerġa’ jsir iċ-ċentru tal-kultura Maltija kollha, u mhux sempliċiment tal-kompartiment letterarju. Qiegħed nittama li din l-istedina tasal għand tliet kategoriji ewlenin tas-soċjetà Maltija: is-saċerdoti, l-għalliema u l-istudenti. L-isfida ewlenija li għandha Malta hi morali, u għalhekk l-Edukazzjoni – mill-Kindergarten sal-Università – għandha wkoll id-dmir li tagħraf is-sinjali taż-żmien. Saċerdoti, għalliema u studenti għandhom il-kompetenza li biha jiggarantixxu li Malta ta’ għada ma tkunx pajjiż imċaħħad mill-punti tar-riferiment, miċ-ċertezzi, mill-valuri li bis-saħħa tagħhom Malta nbniet bħala Nazzjon, u kibret bħala Stat.”

    Jum Nazzjonali wieħed

    Tkellimna dwar bosta aspetti oħra imma se jkolli nieqaf hawn. Madanakollu nixtieq nagħlaq b’punt interessanti li Friggieri semma: “Fil-futur nixtieq nara aktar għaqda nazzjonali. Noħlom b’Jum Nazzjonali wieħed fejn il-Prim Ministru flimkien ma’ l-Oppożizzjoni jiftiehmu dwar jum partikolari. Fl-opinjoni tiegħi din għandha tkun ġurnata ‘ivvintata’ ħalli b’hekk ma jkollha l-ebda marki ta’ swaba, tal-ebda partit jew interessi oħra.”

     

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (9 Parti) fit-Torċa tad-29 ta’ Ġunju 2014)

    Category: Torca - Features & Articles | Tags: