• Ipitter bil-kliem u bil-kuluri

    Kilin (Mikiel Spiteri)Pittura ta' Kilin - 1

    Iz-Zmien Isajjar Il-BajtarTinsiex Publius Tinsiex

    Kultant tiltaqa’ ma’ ċertu kotba li jsaħħruk, mhux biss għat-tema li jkunu qed jitrattaw imma anki għall-preżentazzjoni insolita tagħhom u għall-istil ta’ kitba kreattiva li jkunu mogħnija bih. Niftakar li darba ġrali hekk meta fil-librerija tal-iskola primarja fejn kont nattendi, sibt il-kotba ta’ Kilin li kienu ddedikati lil diversi kappelli li jinsabu madwar il-gżejjer tagħna. Dlonk intlift inqalleb il-paġni ta’ dawn il-kotba ċkejknin li donnhom kienu maħduma apposta għal idejn it-tfal. L-immaġinazzjoni mill-ewwel ġriet bija hekk kif bdejt nosserva d-diżinji tal-kappelli u naqra l-informazzjoni dwarhom. Ma domtx naħsibha wisq biex issellift dawn il-kotba u ma qgħadtx bi kwieti qabel irnexxieli nikkonvinċi lil missieri biex kull nhar ta’ Ħadd jeħodni nfittex dawk il-binjiet antiki li kienu jissemmew fihom. Bla tlaqliq ta’ xejn nistqarr li kienu proprju dawn il-kotba li komplew ġibduni lejn il-kultura u lejn l-istorja ta’ pajjiżi.

    B’xorti tajba, diversi snin ilu, irnexxieli niltaqa’ ma’ Kilin waqt li kont qed naqra novella tiegħi fi programm tar-radju. Kien ħa gost ferm meta rani nħobb tant il-Malti u kien għamilli l-qalb u awgurali biex nibqa’ nikteb. Fl-2008, Kilin ħalliena fl-età ta’ 90 sena iżda jiena qatt ma nsejt la lilu u lanqas il-kotba tiegħu. Infatti, issa li għandi din is-sensiela, deherli li finalment kien wasal iż-żmien biex inroddlu ftit lura minn dak li tani. U għalhekk, għal dil-ġimgħa għażilt li niltaqa’ ma’ xi familjari u ħbieb tiegħu sabiex jirrakkuntawli min kien tassew Kilin?

    Kilin it-tfajjel

    Kilin twieled ir-Rabat fl-20 ta’ Awissu 1917. Ommu Anna u missieru Diegu Spiteri kienu għadhom kif tilfu lil binthom Salvina u għalhekk kienu qegħdin b’sebgħa għajnejn fuqu. Kien żmien meta t-trabi kienu jmutu f’qasir il-għomor u infatti mill-għaxart itfal ta’ din il-koppja, sebgħa biss salvaw. Iżda ġara li akkost din l-attenzjoni kollha, darba minnhom Kilin ħa xemxata kbira u kien għoddu telaq għand Alla wkoll. Għalhekk ommu ġriet lejn il-knisja u għamlet wegħda u meta rat li binha baqa’ ħaj, kull nhar ta’ Tlieta bdiet tlibbsu ta’ patri skont l-użanza ta’ dak il-perjodu.

    Ismu proprju kien Mikiel Spiteri iżda ommu kienet issejjaħlu Kelinu. U minn hemm tnissel l-isem ‘Kilin’.

    Kilin l-istudent

    Kilin mill-ewwel deher li kien se jipprometti fl-iskola għax kien tifel li kellu interess f’kollox u kien determinat li ried jirnexxi. Ħutu sikwit kienu jirrakkuntaw li Kilin kien ikun dejjem għaddej b’xi ktieb f’idejh u bil-lejl kien jibqa’ jistudja fid-dawl tal-lampa. Anki t-tabib tal-familja kien innota li t-tifel kellu potenzjal, tant li kien irrakkomanda lil ommu biex jieħdu ħsieb l-edukazzjoni tiegħu aktar fil-fond. Imma l-familja ma tantx kellha flus u mn’Alla li kien hemm zijuh Pawlu li tah daqqa t’id sabiex ikompli jistudja.

    Xorta waħda, Kilin ma baqax idejh fuq żaqqu. Huwa għen lilu nnifsu billi stinka kemm felaħ biex rebaħ premju wara l-ieħor u b’hekk huwa xtara l-kotba li kellu bżonn għall-iskola. Xi ftit tas-snin wara, hu saħansitra rnexxielu jirbaħ scholarship biex jidħol il-Liċeo. F’moħħu kellu diġà ppjanat li ried jidħol l-Università biex jieħu l-kors ta’ perit. Imma meta pajjiżna daħal fil-gwerra, il-pjanijiet kollha tiegħu sfaxxaw fix-xejn.

    Kilin ir-raġel u l-missier

    Biex ma jħossux bħala piż fuq il-familja, Kilin ħabrek biex sab xogħol mal-gvern. Imma sfortunatament, maċ-ċivil, huwa qatt ma ħassu apprezzat biżżejjed għax spiss kien jara li kien qed jinqabeż meta jiġi għall-promozzjonijiet. Infatti, mhux darba u tnejn li ġieli beka d-dar, tant kemm kien ikun iddispjaċut.

    Imma għallinqas Kilin sab xortih fl-imħabba għax ma damx ma tgħarras lil Ġuża li kienet tfajla ħelwa u grazzjuża ferm. Iżżewwġu fil-gwerra u naturalment ma setgħux jonqsu r-rakkonti mhux tas-soltu dwar dan il-perjodu. Fil-fatt il-libsa tal-magħmudija ta’ l-ewwel wild tagħhom kienet saret mis-satin ta’ paraxut tal-għadu li kien inġabar mill-Maltin.

    Sfortunatament, dan l-ewwel wild li kien jismu Joe, miet meta kien għadu tarbija u dan il-fatt ħalla niket kbir f’qalb il-ġenituri tiegħu. Imma, aqraw x’kiteb Kilin stess dwar dan il-mument imqanqal fil-ktieb awtobijografiku tiegħu ‘Iż-żmien isajjar il-bajtar’:

    “Miet wara li tawh xi aċċessjonijiet. Aħjar waqgħet bomba u radmitni. F’sidri kelli ħofra. Qisu xi ħadd daħħal idu u qalgħali qalbi. Il-Ħadd 29 keffnuh f’libsa twila. Aktar minn qatt qabel kien qisu pupu. Ftakart li lanqas ritratt tiegħu ma kellna. Biex neħodlu wieħed ma kellix. Qbadt karta u lapes u pinġejtu. Il-karta erfajtha fil-Bibbja.”

    Wara l-ewwel wild, Kilin kellu sebgħat itfal oħra: Victor, Maria, Dora, Anna, Cecilia, u t-tewmin Agatha u Rosalie. Kienu l-mimmi t’għajnejh u spiss kien iħobb joħroġhom fil-beraħ tal-kampanja. Uliedu jiftakruh bħala missier ċajtier, anki jekk forsi bixrietu kienet tidher pjuttost serja. Madanakollu kien hemm il-lat rett tiegħu wkoll, fosthom meta kien iqassmilhom id-dmirijiet u kien jesiġi li jobduhom.

    Kilin il-kittieb

    Kilin stess jistqarr li hu qatt ma basar li għad isir awtur. Però l-Malti minn dejjem kien iħobbu, anki jekk tgħallmu wara li ħareġ mill-iskola minħabba li fi tfulitu din il-lingwa ma tantx kienet apprezzata. Mhux darba u tnejn li Kilin kiteb fil-ġurnali biex jikkummenta dwar xi żbalji fil-Malti li jkun għamel xi ġurnalist. Kien jinkwieta meta kien jara l-Maltin jitkellmu b’lingwa mgħaffġa bejn l-Ingliż u l-Malti u spiss kien jitħasseb li għad nitilfu l-lingwa Maltija darba għal dejjem. Din is-sitwazzjoni qanqlet lil Kilin biex jibda jikteb bil-Malti u l-ewwel xogħolijiet tiegħu letterarji kienu poeżiji miġbura fil-kotba: ‘Burdati’ u ‘Burdati 71’.

    Iżda kien hemm rabja oħra li mbuttatu biex joħroġ l-ewwel kollezzjoni ta’ esejs li ġew ippubblikati fil-ktieb ‘Tlikki Tlikki ma’ Wenzu’. Din id-darba din id-dagħdigħa tnisslet mir-rovina li kien qed jinnota sseħħ fl-ambjent ta’ pajjiżna waqt li hu kien joħroġ mal-familja fil-kampanja. Bi skuża ta’ Wenzu, li kien ir-radju li kien jieħu tassew miegħu waqt dawn il-ħarġiet, Kilin esprima s-sogħba tiegħu għall-qerda tal-ambjent. U b’kitbietu, huwa beda jxenxel l-ewwel għeruq li finalment qajjmu kuxjenza dwar dan l-aspett f’pajjiżna. Dan il-ktieb kien mar tajjeb mal-qarrejja u għalhekk Kilin kiteb ukoll il-kotba: ‘Hawn Aħna Wenz’, u ‘Kif Għedtlek Wenz’.

    Aneddotu ħelu li għandu x’jaqsam ma’ din il-parti tal-istorja ta’ Kilin huwa li dan ir-radju, li semmieh Wenzu, huwa kien rebħu minn xi lotterija. Kien għal qalbu wisq u kien jieħdu miegħu kullimkien. Imma darba minnhom ħallih fil-karozza ta’ waħda minn uliedu u serquhulu! Kilin tant ħadha bi kbira li kien kiteb ittra fil-gazzetta biex min ħadulu, jirritornahulu lura minħabba l-valur sentimentali li kellu. Imma t-talba tiegħu waqgħet fuq widnejn torox u Wenzu qatt ma ġie lura.

    Fl-1973 Kilin rebaħ il-Premju Rothmans għal-Letteratura bid-dramm ‘Bl-Irġulija u bl-Onestà’ u fl-1981 hu rebaħ it-tieni premju fil-Konkors Buġelli bir-rumanz ‘Tmint Ijiem fi Dragunara’. Fost ix-xogħolijiet l-oħra tiegħu nsibu r-rumanzi ‘L-Għafrid’, ‘It-Tapit Imsaħħar’, u ‘Tinsiex, Publius, Tinsiex!’.

    Ċertament wieħed mill-aktar xogħolijiet popolari ta’ Kilin kien ‘L-Għajn ta’ San Bastjan’ fejn l-awtur għażel li jirrakkonta l-ġrajjiet personali tiegħu msensla flimkien mal-istorja ta’ pajjiżna. Dan kien segwit bil-kotba ‘Fuq il-Għajn ta’ San Bastjan’ u ‘Iż-Żmien Isajjar Il-Bajtar’ fejn bl-istil partikolari tiegħu, Kilin imur lura fiż-żmien u jikteb qisu qiegħed jgħix il-mumenti dak il-ħin stess. B’hekk wieħed isib ruħu affaxxinat jaqra dawn ir-rakkonti li apparti li jitfgħu dawl fuq ħajjet l-awtur, huma jagħtu wkoll stampa ċara ta’ dak li seħħ f’pajjiżna matul dawk is-snin.

    ‘Kappelli u Knejjes Żgħar’, ‘Djar is-Sultana’, ‘Nistqarr’ u ‘Osanna’ kienu l-kotba li jien kont tant apprezzajt meta kont daqsxejn ta’ studenta u anki aktar il-quddiem. Iżda dawn ma kienux għoġbu lili biss għax fir-realtà tant marru tajjeb li nbiegħu kollha! Aktar tard, dawn il-kotba ġew anki maqluba għall-Ingliż taħt l-ismijiet ‘A Maltese Mosaic’, ‘A Hundred Wayside Chapels of Malta and Gozo’ u ‘Wayside Chapels’, sabiex b’hekk anki t-turisti li jiġu jżuru l-gżejjer tagħna, jkunu jistgħu jużaw dawn il-kitbiet sabiex bihom imorru jħufu u jiskopru l-inħawi sbieħ li għandna f’pajjiżna.

    Apparti l-imħabba li kellu għal-lingwa Maltija, Kilin kien japprezza ħafna wkoll l-ilsna barranin. Infatti huwa kien wieħed mill-fundaturi tal-Hispanic Circle f’Malta u għal xi żmien kien jaħdem ukoll bħala traduttur. Fosthom huwa ttraduċa l-ktieb ‘L-Alla li ma Nemminx Fih’ mill-Ispanjol għall-Malti.

    Kilin l-artist

    Bosta mill-ħbieb ta’ Kilin kienu jirreferu għalih bħala “artist li jpitter bil-kliem u bil-kuluri”. Dan għaliex huwa kellu mħabba kbira lejn l-arti u jdejh kienu jiekluh biex ipinġi. Infatti fi wħud mill-kotba tiegħu, fosthom f’dawk tal-kappelli, il-qarrejja jistgħu jhedew ukoll bid-diżinji li huwa għamel sabiex jibni stampa aktar ċara tas-suġġett li kien qed jitkellem dwaru.

    Intant, waqt dawn l-intervisti, kelli l-opportunità li nara għadd ta’ xogħolijiet oħra artistiċi ta’ Kilin li bosta minnhom kienu juru xenarji maħduma bl-akkwarelli. Illustrazzjonijiet oħra kienu juru lil xi membri tal-familja tiegħu, fosthom wieħed t’ommu, li skont Kilin kien l-uniku xbieha li ġietu tajba.

    Kilin u l-mużika

    Min jaf kemm il-darba kont kantajtha d-diska tal-Greenfields ‘Il-Vapur tal-Art’. Imma żgur li qatt ma bsart li l-kliem tagħha kien kitbu Kilin!

    “Ejja mmorru nduru dawra, mill-Imdina bil-vapur,

    Ċiki ċiki ċi, ċiki ċiki ċu,

    Ħuuuu, ħuuuu, Ċiki ċiki ċu….”

    Joe u Carmen Tanti tal-Greenfields qaluli li dak iż-żmien huma kienu qed jippjanaw biex jibdew ikantaw fil-qasam tal-folk Malti u Kilin kien ippreżentalhom il-kliem ta’ din il-kanzunetta li ma damitx ma qabdet u għamlet suċċess u sa llum in-nies għadhom jitolbuhom biex ikantawha.

    Permezz ta’ wliedu Rosalie, Dora u Cecilia sirt naf li missierhom kellu l-mużika ħafna għal qalbu u kien jaf idoqq ukoll xi strumenti, fosthom il-mandolina u t-tanbur. Min jaf kemm il-darba kien itellagħhom fuq il-bejt u kienu joqogħdu jdoqqu hemm. U meta kien jidlam, kienu jimteddu jħarsu ‘l fuq lejn il-kwiekeb sbieħ u Kilin kien jintefa’ jsebbaħ dak il-mument permezz ta’ tiżwieqa tal-kanzunetta ‘Turna a Suriento’ fuq il-mandolina.

    Kilin u r-reliġjon u l-aħħar ktieb tiegħu

    Għal Kilin, ir-reliġjon kien parti sinifikanti minn ħajtu u f’dak kollu li jagħmel, hu kien joqgħod attent li jgħix ta’ Nisrani. Din il-passjoni tiegħu lejn ir-reliġjon huwa esprimiha fl-aħħar ktieb li ppubblika ‘Tinsiex Publius Tinsiex’, li huwa rumanz ambjentat fil-perjodu storiku ta’ żmien il-miġja ta’ San Pawl fil-gżejjer tagħna. Fih Kilin iqanqal għadd ta’ mistoqsijiet filosofiċi, fosthom dik dwar is-sinifikat tal-mewt fil-ħajja tal-bniedem. Fatt kurjuż huwa li meta darba minnhom ġurnalist staqsa lil Kilin x’kien jaħseb dwar l-aspett tal-mewt, hu wieġeb hekk: “Fejn tidħol il-mewt, Alla huwa bħal dak il-pittur li jċarrat pittura…”

    Dan il-ktieb kien ħafna għal qalb Kilin u fil-fatt kien iddiżappunta ruħu mhux ħażin meta huwa ħass li ma kienx ngħata l-importanza li kienet tixraqlu meta huwa ppreżentah għall-Premju tal-Ktieb. Madanakollu, dan ma żammux milli jibda jittraduċi l-ktieb għall-Ingliż, anki sabiex jilħaq bih pubbliku aktar wiesgħa. Iżda Kilin ma laħaqx lesta dan il-proġett, għax meta kien għad fadallu biss l-aħħar żewġ kapitli, ix-xemgħa tiegħu ntfiet, u ħalliena. Però dan ma kienx ifisser li spiċċa kollox. Anzi!

    Għaddew sitt snin sakemm waħda minn uliedu, Cecilia Testa, kompliet it-traduzzjoni li kien għad fadal, filwaqt li bintu l-oħra, Rosalie Caruana, irnexxielha ssib il-pubblikatur u l-fondi biex dan il-proġett ta’ missierhom jitwettaq. Infatti, dan il-ktieb wasal biex jiġi ppubblikat bl-isem ta’ ‘The Island was called Melite’ wara li finalment Rosalie rċeviet l-għajnuna ta’ €1000 mill-Good Causes Fund. Ta’ min isemmi li hekk kif joħroġ dan il-ktieb ta’ Kilin għall-bejgħ, il-flus kollha li se jinġabru, se jmorru kollha għad-Dar tal-Provvidenza, is-Siġġiewi.

    Unuri

    Il-fama ta’ Kilin bħala wieħed mill-aqwa awturi li kellna f’pajjiżna hija magħrufa sewwa. Fost l-unuri li rċieva, fis-sena 2000, huwa ngħata l-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika, filwaqt li fl-2007 Kilin ġie assenjat premju speċjali mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li kienet segwita minn ovazzjoni kbira minn sħabu. Riċentement, issemmiet ukoll triq għalih fir-Rabat – Triq Kilin (Mikiel Spiteri) Kittieb: 1917 – 2008.

    Iżda ċertament, l-aktar mument mistenni minn dawk kollha li jgħożżu t-tifkira tiegħu, huwa t-twaqqif ta’ bust iddedikat lil Kilin sabiex bih huwa jibqa’ mfakkar għall-posterità. Rosalie Caruana, li ħadmet bis-sħiħ biex din il-ħolma ssir realtà, infurmatni li għadha kif irċeviet il-konferma mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li kien inħareġ il-permess biex dan il-bust ta’ missierha jitpoġġa fi Triq il-Kulleġġ, faċċata tal-funtana li tinsab ħdejn l-iskola Primarja tar-Rabat. Jonqos biss li jinstabu xi sponsors sabiex jgħinu fl-ispiża tax-xogħol involut biex jinħadem dan il-bust, ħalli dan il-personaġġ li tant ikkontribwixxa għall-pajjiżna, finalment isib ruħu biswit l-istudenti li hu tant kien iħobb u li min jaf kemm żar il-klassijiet tagħhom sabiex jinkoraġġihom iħobbu l-kitba u b’mod speċjali l-Malti.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (6 parti) fit-TORĊA tat-8 ta’ Ġunju 2014)

    Category: Torca - Perspettivi | Tags: