• PONT MAĊ-ĊINA – L-EWWEL PARTI – Is-sena taż-żiemel

    Il-hruq tal-'fire crackers' It-tfal jircievu l-'lucky money' - 1

    Il-hsieb principali tac-celebrazzjonijiet ta' l-ewwel tas-sena huwa li jqarreb lill-familji flimkienL-ikla tal-ewwel tas-sena tigbor il-familji flimkien

    Hekk kif xi ħadd isemmi ċ-Ċina, f’moħħna l-Maltin mill-ewwel jitfasslu dehriet ta’ firxa immensa ta’ art, b’popolazzjoni enormi, b’kultura u bi tradizzjonijiet differenti, b’kitba distinta u b’lingwa li ma nifhmux. Din id-diversità flimkien mad-distanza ġeografika li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi spiss iwasslu biex ftit li xejn Maltin iżuru liċ-Ċina, u peress li rari jkollna l-opportunità li niltaqgħu ma’ individwi Ċiniżi f’Malta, iċ-Ċina u niesha għandhom ħabta jieħdu sura leġġendarja u misterjuża. Konsegwenza t’hekk hemm min iħossu affaxxinat u kurjuż biex jiskopri aktar dwar dawn l-aspetti, mentri oħrajn jagħżlu li ma jintrigawx ruħhom b’dak li hu insolitu, u jieqfu hemm. Għaldaqstant din id-darba deherli li għandi nittanta nimla xi ftit minn dan il-vojt billi permezz ta’ sensiela ta’ artikli, nesplora u niskopri xi fatti u rakkonti interessanti dwar iċ-Ċina u niesha, bit-tama li eventwalment inkun qarribt xi ftit aktar liż-żewġ kulturi lejn xulxin.

    Is-sena l-ġdida u l-kalendarju lunari

    Bħala introduzzjoni, ħassejt li għandi niddedika l-ewwel artiklu liċ-ċelebrazzjonijiet tas-sena l-ġdida Ċiniża, liema ġurnata ma tiġix iċċelebrata fl-ewwel ta’ Jannar. Peress li l-kalendarju tradizzjonali Ċiniż huwa ibbażat fuq il-fażijiet tal-qamar, l-ewwel tas-sena fiċ-Ċina ma tiġix dejjem fl-istess ġurnata minħabba li din tiddependi minn meta jidher il-qamar kwinta li ġeneralment jaħbat lejn l-aħħar ta’ Jannar u l-bidu ta’ Frar. Infatti l-bidu tas-sena 2014 ġie iċċelebrat fil-31 ta’ Jannar miċ-Ċiniżi.

    Skont it-tradizzjoni, dan il-kalendarju lunari nħoloq fi żmien antikissimu minn grupp ta’ antenati bdiewa li kienu jqassmu x-xogħol agrikolu tagħhom b’konformità mal-fażijiet tal-qamar. Il-qamar kwinta tas-sena l-ġdida kien jiftaħ staġun ieħor għaż-żriegħ u sabiex jiġbdu fuqhom il-fortuna, is-soċjetajiet primittivi ħolqu ċerimonja li kienet tkopri diversi ġranet sabiex matulhom jitwettqu diversi sagrifiċċji lill-allat. Jingħad li biż-żmien din iċ-ċelebrazzjoni nbidlet f’festa li llum hija magħrufa bħala l-Festival tar-Rebbiegħa (Spring Festival).

    Spring Festival

    Nibda biex insemmi li bosta Ċiniżi jirrikonoxxu lil dan il-festival ukoll bl-isem ta’ “Guo Nian”. Dan it-terminu hu marbut ma’ leġġenda antika li tirrakkonta illi fil-ġranet tal-aħħar tas-sena, kull darba kien qed jitla’ mostru mill-baħar bl-isem ta’ Nian li kien iħalli ħerba sħiħa warajh u għadd ta’ nies maqtula. Jidher li ħadd ma seta’ jsib irkaptu ta’ dan il-bhima sakemm darba minnhom raġel xiħ żvela lin-nies tal-inħawi li dan il-mostru kien jibża’ mill-istorbu u min-nar. Għalhekk, dik is-sena n-nies qabdu ħuġġieġa kbira bil-qasab u hekk kif Nian tela’ l-art u sema’ t-tfaqqiegħ tal-qasab u ra d-dawl tan-nar, huwa lebbet rasu lura lejn il-fond tal-baħar u qatt ma rritorna aktar. B’hekk in-nies setgħet tiċċelebra l-Guo Nian, li fi kliem ieħor tfisser il-libertà li n-nies tieħu gost fl-ewwel ġurnata tas-sena mingħajr il-biża’ ta’ Nian. Bħala tifkira ta’ din il-ġrajja, waħda mid-drawwiet f’dan iż-żmien hija li jinħaraq gozz ġigġifogu sabiex b’hekk tinħoloq l-istess atmosfera li jitkexkex minnha Nian.

    Dan il-festival huwa marbut ħafna ma’ qalb iċ-Ċiniżi minħabba li wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu huwa wkoll li jgħaqqad il-familji flimkien sabiex dawn jibdew is-sena fil-kumpanija sabiħa ta’ xulxin. Fil-fatt, fil-ġranet ta’ qabel, miljuni ta’ Ċiniżi li jkunu f’inħawi oħra fiċ-Ċina jew saħansitra f’pajjiżi oħra madwar id-dinja, jitilqu kollox warajhom sabiex imorru lejn id-djar tal-ġenituri tagħhom ħalli jiċċelebraw magħhom dawn il-jiem sbieħ. Huwa neċessarju li kulħadd jilħaq jasal qabel lejliet l-ewwel tas-sena għaliex hekk kif tinżel ix-xemx, mill-ewwel jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet.

    Huwa interessanti li wieħed ikun jaf illi l-iSpring Festival huwa l-aktar ċelebrazzjoni importanti u l-itwal wieħed fost iċ-ċerimonji kollha fiċ-Ċina, hekk kif dan idum għaddej għal 15 il-ġurnata sħaħ! Infatti, minħabba li dan il-festival jinvolvi għadd ta’ funzjonijiet u attivitajiet f’kull ġurnata, il-preparamenti għalih jibdew minn xi xahar qabel.

    L-ewwel biċċa xogħol tikkonsisti fit-tindif elaborat tad-dar sabiex kull sfortuna li jista’ jkun hemm ġo fiha titneħħa, ħalli tagħmel post għax-xorti t-tajba li tkun riesqa mal-bidu tas-sena. Imbagħad imiss ukoll li jinqatgħu numru ta’ strixxi ta’ karti ħomor sabiex fuqhom jiġu ddiżinjati xi poeżiji qosra. Dawn l-istrixxi, magħrufa bħala ‘couplets’, jitwaħħlu mal-bieb ta’ barra u għandhom il-funzjoni li jkeċċu l-ispirti ħżiena u li jistiednu x-xorti t-tajba lejn id-dar. Min-naħa l-oħra, fuq it-twieqi jitwaħħlu wkoll diżinji ta’ xi allat antiki jew ukoll xi simboli tagħhom, dejjem bl-istess għan ta’ protezzjoni għar-residenti ta’ dik id-dar kontra l-influwenzi ħżiena.

    Ċertament, waħda mill-attivitajiet li tinvolvi ħafna xogħol hija l-ikla ta’ lejliet l-ewwel tas-sena, l-aktar għax din hija mistennija li tkun abbundanti ħafna. Peress li ċ-Ċina hija kbira u allura anki t-temperaturi jvarjaw, it-tip ta’ tisjir għal din l-ikla jinbidel minn post għall-ieħor. Ngħidu aħna fit-tramuntana tal-pajjiż, fejn ġeneralment ikun hemm is-silġ u kesħa kbira, platt minnhom jeħtieġ li jinkludi d-‘dumplings’ f’forma ta’ boroż li jagħtuk l-impressjoni li huma mimlija bl-ingotti tad-deheb, sabiex dawn jiġbdu l-ġid u l-prosperità fuq in-nies miġbura hemm. Min-naħa l-oħra, fl-inħawi tan-nofsinhar taċ-Ċina, fejn it-temp ikun aktar sħun, l-ikla tkun mistennija li tinkludi xi platt ħut għax dan jissimbolizza l-possibilità li taqla’ ġid ħafna aktar minn dak li qatt tista’ tistenna. Intant, din l-attività ddum għaddejjha l-lejl sħiħ għaliex in-nies jibqgħu mqajjma sakemm jasal il-ħin biex isellmu lis-sena l-antika u jilqgħu lil dik ġdida. Dakinhar fuq it-TV għadd ta’ programmi ta’ divertiment iżommu kumpannija lin-nies u jgħinu biex tinħoloq atmosfera ferriħija matul dawn is-siegħat ta’ stennija.

    L-ewwel tas-sena

    F’dan il-jum kulħadd ikun mistenni li jmur iżur lill-qraba l-aktar anzjani, imbagħad lill-membri l-oħra tal-familja u lill-ħbieb. L-anzjani u l-antenati huma rispettati ħafna fil-kultura Ċiniża u infatti ċerti ċelebrazzjonijiet f’dawn il-ġranet ikunu maħsuba wkoll biex ifakkru anki lill-membri mejta tal-familja. Min-naħa l-oħra, it-tfal ikunu qed jistennew bi ħġarhom il-famużi pakketti bil-flus tax-xorti li jingħataw lilhom f’din il-ġurnata mingħand il-qraba anzjani tagħhom. Dawn il-flus jitpoġġew ġewwa envelop aħmar peress li dan il-kulur huwa marbut max-xorti t-tajba. Infatti, din id-drawwa li tmur lura għal aktar minn 2000 sena, hija aktar imfittxija għar-risq milli għall-flus innifishom.

    Il-Festival tal-Lanterni

    F’din iċ-ċerimonja, in-nies idendlu għadd kbir ta’ lanterni mad-djar u fit-triqat biex joħolqu atmosfera maġika u meraviljuża. Din hija l-aħħar ġurnata taċ-ċelebrazzjonijiet tas-sena l-ġdida u probabbilment għalhekk ix-xalar u l-briju jkun kbir ħafna. Għadd ta’ żeffiena jilbsu kostumi kkuluriti u jagħtu spettaklu mill-aqwa li ġeneralment jinkludi wkoll iż-żfin tradizzjonali bix-xbiehat tad-draguni u bl-iljuni. Tant ikun hemm nies, karrijiet, tiżjin u kuluri fit-triqat, li t-turisti li jinzertawhom sikwit jirreferu għal din il-ġurnata bħala l-Karnival taċ-Ċiniżi. Naturalment, anki f’dawn il-festeġġjamenti ssib id-diversità fl-inħawi differenti taċ-Ċina. Infatti fil-provinċja ta’ Heilongjiang, f’Qiqihar li tinsab fit-tramuntana tal-pajjiż, in-nies jiċċelebraw il-Festival tal-Lanterni billi jintefgħu jinqalbu fuq is-silġ għax skont tradizzjoni antika dan ibiegħed il-mard u l-isfortuna u jġib is-saħħa, is-suċċess u l-paċi fis-sena l-ġdida. Min-naħa l-oħra, fil-provinċja ta’ Shanxi, ġewwa Huairen li tinsab f’parti aktar ċentrali taċ-Ċina, in-nies jagħmlu torri kbir, jagħtuh in-nar u hekk kif il-ħuġġieġa titla’ ‘l fuq lejn is-smewwiet, il-folla ddur tliet darbiet magħha fuq naħa u mbagħad tliet darbiet oħra bil-kontra sabiex iġibu fuqhom is-saħħa u x-xorti tajba. Fatt kurjuż huwa li din is-sena, il-Festival tal-Lanterni nzerta fl-14 ta’ Frar, meta aħna konna qed niċċelebraw il-festa ta’ jum San Valentinu.

    Tibdiliet matul is-snin ta’ dawn it-tradizzjonijiet

    Dawn it-tradizzjonijiet inbidlu ħafna matul is-snin. Infatti, uħud mill-użanzi spiċċaw għal kollox, mentri oħrajn ġodda ġew introdotti. Fosthom, nistgħu nsemmu illi llum bosta Ċiniżi jużaw il-kalendarju bis-sistema tal-Punent, għadilli l-bdiewa għadhom jimxu fuq il-kalendarju lunari. Drawwa oħra li ttieħdet mill-Punent hija illi n-nies li jgħixu fl-ibliet qed imorru jiċċelebraw l-ikla tal-ewwel tas-sena f’xi ristorant minflok jibqgħu d-dar. Finalment, għalkemm kull min jista’ jipprova jirritorna lejn art twelidu u lejn familtu f’dawn iż-żminijiet, dawk li jinqabdu bix-xogħol jew b’xi rbit ieħor, ikollhom jikkuntentaw b’xi telefonata minn fuq il-mobile jew permezz ta’ xi mezz ta’ teknoloġija oħra li tippermetti li għallinqas il-familjari jaraw lil xulxin fuq skrin. Ormaj hawn bosta Ċiniżi li jgħixu f’pajjiżi differenti madwar id-dinja u akkost li jkunu l-bogħod minn pajjiżhom, dawn jagħmlu minn kollox biex jiċċelebraw uħud mit-tradizzjonijiet tagħhom sabiex jaqsmu l-ġmiel tal-kultura tagħhom ma’ kulturi oħra differenti.

    Is-snin marbuta mal-annimali taż-żodjaku

    Hemm 12 il-annimal marbut maż-żodjaku Ċiniż u mal-kalendarju tradizzjonali lunari. Dawn huma fl-ordni tagħhom: il-far, il-barri, it-tigra, il-fenek, id-dragun, is-serp, iż-żiemel, il-mogħża, ix-xadina, is-serduk, il-kelb u l-majjal. Hemm bosta leġġendi li jispjegaw kif intagħżlu dawn l-annimali u kif dawn tpoġġew hekk wara xulxin, fosthom waħda li tgħid li darba minnhom l-imperatur sejjaħ lil xi annimali u dawn wara bosta avventuri, waslu għandu f’din l-ordni.

    Kull Spring Festival jimmarka l-bidla ta’ sena minn oħra u hekk kif tinqaleb is-sena l-ġdida, jibda l-perjodu tal-annimal li jmiss, sakemm jgħaddu t-12 il-sena u l-lista terġa’ tibda mill-ġdid. Skont din l-użanza, il-karetteristiċi ta’ kull persuna li titwieled ikunu marbuta mal-annimal partikolari li għalih tkun iddedikata dik is-sena.

    Is-sena 2014 – is-sena taż-żiemel

    Fil-kalendarju tradizzjonali Ċiniż, is-sena 2014 hija s-sena taż-żiemel. L-aspett prinċipali marbut ma’ dan l-annimal huwa l-ħeġġa bla waqfien biex wieħed jagħmel progress f’ħajtu. Aspetti pożittivi mistennija mill-individwi li jitwieldu fis-snin li jinzertaw iddedikati liż-żiemel huma li jkunu enerġetiċi, intelliġenti, u ta’ qalb tajba. Dawn in-nies ikollhom kapaċità kbira li jikkomunikaw, huma popolari fost il-ħbieb u jħobbu jkunu mdawwra b’ħafna nies. Jagħmlu minn kollox biex jiġbdu l-attenzjoni fuqhom u kultant għandhom tendenza li jpaċpċu żżejjed. Fuq ix-xogħol huma nies attivi ħafna u mhux la kemm jaċċettaw li ma jirnexxux f’xi ħaġa. L-aspetti negattivi huma li ma tantx jifilħu r-rabta u l-interess tagħhom għandu ħabta jkun superfiċjali u mingħajr sustanza. Ġeneralment huma bla paċenzja, jitla’ d-demm għal rashom malajr u ma jafux jieħdu telfa. Għandhom reżistenza qawwija imma jbatu minn temperament ikraħ. Huma nies indipendenti u rari jieħdu parir. Peress li jħobbu jidhru, bosta drabi m’għandhomx idea ta’ rażan u għalhekk ibatu biex ikunu effiċjenti fil-finanzi tagħhom. Uħud minn dawk imwielda fis-sena taż-żiemel jippreferu l-kumpanija ta’ nies ta’ suċċess u jaspiraw dejjem għall-karriera li tagħtihom importanza. Xi minn daqqiet jhedew jintrigaw ruħhom b’wisq affarijiet, tant li dan iwassal biex frekwentement ma jlestux il-proġetti li jkunu daħlu għalihom.

    Ċelebrazzjonijiet tas-sena taż-żiemel f’Malta

    Is-sena taż-żiemel ġiet iċċelebrata anki f’pajjiżna mill-gruppi etniċi Ċiniżi. Infatti fix-xahar ta’ Jannar, fi Pjazza San Ġorġ, fil-belt Valletta, wieħed seta’ jara spettaklu mill-isbaħ ta’ kuluri, mużika u żfin fejn numru ta’ artisti b’kostumi mill-isbaħ, qasmu d-drawwiet kulturali tagħhom mal-poplu Malti u taw gost lil kull min inzerta fl-inħawi.

    Barra minn hekk, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta organizza numru ta’ attivitajiet li kienu marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-iSpring Festival fejn fosthom twaqqfet esebizzjoni b’informazzjoni interessanti dwar dawn l-użanzi Ċiniżi marbuta ma’ dan iż-żmien. Fl-istess ħin, fit-triqat tal-belt quddiem iċ-Ċentru wieħed seta’ jduq xi ikel Ċiniż jew jakkwista prodotti ta’ mużika u ta’ arti tradizzjonali Ċiniża. Intant, bħala parti mill-attivitajiet tal-Festival tal-Lanterni ġew armati wkoll għadd ta’ lanterni fit-triq sabiex tinħoloq l-atmosfera ħelwa li wieħed soltu jsib fiċ-Ċina f’dawk il-ġranet.

     

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela PONT MAĊ-ĊINA (1 Parti) fit-Torċa tat-23 ta’ Marzu 2014)

    Category: Torca - Features & Articles | Tags: