Posts Tagged ‘Gwida’
-
L-EWWEL PRESEPJU MEKKANIKU
“Għandi ħolma!” qal il-Monsinjur Emmanuel Galea lil neputih Pawlu Pavia.
Kien l-1945 u Malta kienet għadha kif għaddiet miż-żmien qalil tal-gwerra. L-isqof kien mar joqgħod iż-Żejtun minħabba l-attakki kontinwi fuq l-Isla u matul dak iż-żmien huwa kien laħaq bħala direttur
tal-Istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu. Hemmhekk sab presepju b’pasturi li kienu jagħmlu movimenti żgħar permezz ta’ spaga li t-tfal tal-istitut stess kienu jiġbdu minn taħt il-mejda. Kien presepju ħelu imma l-isqof kien jitħasseb meta jara lit-tfal qed jagħmlu dak ix-xogħol.
Għalhekk huwa ddeċieda li jibni presepju ieħor, ħafna ikbar minn dak li kien hemm u fuq kollox kellu jkun l-ewwel presepju f’Malta li kellu jkun
immekkanizzat bl-elettriku. L-isqof stess xammar il-kmiem biex flimkien ma’ neputih bena l-presepju bil-kartapesta u bil-kolla. Imbagħad Pawlu ra kif għamel u bil-ftit affarijiet li kien hemm dak iż-żmien, huwa bena għadd ta’ pasturi u b’mod inġenjuż irnexxielu jimmekkanizzahom kollha b’mutur wieħed!
Il-presepju nfetaħ għall-pubbliku għall-ewwel darba fil-Milied tal-1947. Pawlu Pavia, li llum għandu 85 sena jiftakar li dakinhar kien inqala’ pandimonju sħiħ! In-nies ġiet minn kullimkien għax presepju bħal dak qatt ma kienet rat. Sa kellha tiġi l-pulizija biex iżżomm il-kontroll tal-folla.
Forsi llum ftit jafu li dan huwa presepju daqshekk storiku. Wara sittin sena taħt ir-responsabbiltà ta’ Pawlu Pavia, illum dan il-presepju qed jiġi kkurat min-neputi tiegħu Joseph Pavia li matul din l-aħħar sena huwa għamel bosta xogħlijiet biex taha aktar ħajja lil dan il-presepju antik. Fostom huwa ħadem ukoll fuq kummentarju li f’ħames lingwi differenti jirrakkonta din il-ġrajja ħelwa tal-presepju.
Ta’ min isemmi illi fuq l-ordni tal-Isqof Galea nnifsu, dan il-presepju nħadem biex jirrakkonta l-ħames misteri tal-ferħ. B’hekk kull min iżuru, ma jarax biss il-grotta tal-Bambin imma jifhem ukoll l-istejjer
tal-evanġelju li jirrakkuntaw dak li ġara qabel u wara t-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Interessanti wkoll huwa l-fatt illi bħalissa għaddejja l-kawża għall-kanonizzazzjoni ta’ dan l-isqof, li jekk isseħħ, żgur li tkompli tagħni dan il-presepju tant għażiż.
Dan il-presepju mekkaniku jinsab fl-Istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu fi Triq l-Isqof Emmanuel Galea, ż-Żejtun. Il-ġranet tal-ftuħ huma mill-14 ta’ Diċembru 2009 sas-6 ta’ Jannar 2010. Ħinijiet: 9:30am – 12:00pm u 4:00pm – 7:00pm.
Dan l-artiklu ġie ppubblikat fuq ir-rivista GWIDA Ħarġa Nru 5 (31/1/2010 – 6/2/2010)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | 2 | 3 | ||||
4 | 5 | 6 | 7 | 8 | 9 | 10 |
11 | 12 | 13 | 14 | 15 | 16 | 17 |
18 | 19 | 20 | 21 | 22 | 23 | 24 |
25 | 26 | 27 | 28 | 29 | 30 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23