• IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823

    The story in the 1823 journalDan l-aħħar, għaddiet ġrajja minn għala widnejja li qatt ma kont smajtha qabel. Tikkonċerna traġedja li seħħet fil-Karnival tal-1823, fil-ġurnata tat-11 ta’ Frar, li fiha, għadd kbir ta’ tfal mietu ġewwa l-Kunvent tal-Franġiskani, fil-Belt Valletta.

    Iddeċidejt li nistħarreġ dan ir-rakkont aktar fil-fond sakemm irnexxieli nsib id-dettalji kollha ta’ dan l-inċident miġburin fl-arkivji tal-Librerija Nazzjonali tal-Belt. Inizzjalment, l-aħbar ta’ din it-traġedja twasslet permezz ta’ nota li nkitbet mis-Segretarju Prinċipali tal-Gvern, Richard Plasket, fil-Malta Government Gazette (Num. 557) tal-14 ta’ Frar 1823, fejn dan fosthom informa illi kienet qed issir inkjesta dwar dan il-każ. Sussegwentement, id-dettalji kollha tniżżlu f’Suppliment (paġni 3391 -2) marbut mal-istess ġurnal li jġib l-istess data msemmija hawn fuq.

    F’din il-kitba dettaljata tiegħu, Plasket jinkludi informazzjoni li waslet għandu minn tagħrif tal-Arċisqof ta’ Malta, minn evidenza ta’ persuni li dehru quddiem il-Maġistrat tal-Pulizija (li kienu jinkludu kemm familjari tal-vittmi u anki individwi oħra li kienu preżenti waqt dan l-inċident), u kif ukoll minn rapport mediku relatat mal-każ.

    Huwa jibda billi jagħti sfond lil din il-ġrajja, hekk kif isemmi illi f’dawk l-aħħar snin, f’Malta, kienet nibtet id-drawwa illi fil-ġranet finali tal-Karnival, kienu jinġabru għadd ta’ subien tal-età bejn it-8 u l-15 il-sena li kienu ġejjin mill-klassi baxxa tal-inħawi tal-Belt u tat-Tliet Ibliet (Birgu, Isla u Bormla). Dawn it-tfal, li kienu jipparteċipaw għal din l-attività minn jeddhom, kienu jinġabru f’purċissjoni u jittieħdu l-Furjana jew f’xi inħawi oħra fejn wara li jisimgħu quddiesa, huma kienu jirċievu xi ħobż u frott. Dan l-ikel kien jiġi provdut permezz ta’ ftehim li kien isir bejn il-gvern u xi benefatturi oħra. L-għan prinċipali wara din l-attività kien li jżomm lit-tfal protetti mill-ġlied u mill-konfużjoni tal-Karnival li kien ikun hemm f’dak il-perjodu fl-ibliet imsemmija. L-arranġament ta’ din il-purċissjoni kien jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-Diretturi Ekkleżjastiċi tal-Istituzzjoni li kienet tgħallem il-Katekiżmu.

    Infatti, jidher illi fl-10 ta’ Frar 1823, skont din it-tradizzjoni, xi tfal kienu ttieħdu jisimgħu quddiesa l-Furjana u mbagħad kienu twasslu lejn il-Knisja ta’ Ġieżu l-Belt Valletta fejn hemmhekk ġew irregalati xi ħobż u frott, mingħajr ma nqala’ l-ebda inċident.

    Iżda dan il-pjan sfratta għal kollox l-għada, meta akkost li din l-attività kienet mistennija li tirrepeti ruħha bla problemi, sensiela ta’ żbalji, wasslu għal traġedja kbira li ħadd qatt ma kien basar li għad tiġri.

    Ta' Giezu Church in VallettaGħall-ewwel, fil-11 ta’ Frar 1823, kollox kien miexi ħarir u kif suppost. It-tfal inġabru bħas-soltu u ttieħdu jisimgħu quddiesa l-Furjana. Madanakollu, did-darba, iċ-ċerimonja damet ma ntemmet siegħa aktar mis-soltu u għalhekk meta dawn it-tfal twasslu sal-Knisja ta’ Ġieżu, il-festeġġjamenti tal-Karnival kienu laħqu spiċċaw. B’hekk, il-wasla tagħhom ħabtet mal-ħin meta n-nies li kienu qed jieħdu sehem fil-briju tal-Karnival, bdew jirritornaw lejn djarhom. U l-bużillis inqala’ meta numru ta’ tfal u adulti oħra li saru jafu b’din l-attività f’Ta’ Ġieżu, tħalltu baxx baxx mat-tfal l-oħra bil-ħsieb li jieħdu xi ħaġa anki huma.

    Issa, skont il-pjanijiet tas-soltu, is-subien kienu mistennija jidħlu mill-bieb tas-sagristija tal-Kunvent ta’ Ġieżu u kellhom joħorġu mill-bieb ta’ faċċata li kien jagħti għal Triq Sant’Ursula, fejn hemmhekk, huma kienu jirċievu l-ħobż u l-frott. Sabiex jiġi evitat illi ċertu tfal jidħlu dabtejn, huma kienu jitħallew jistennew f’kuritur u l-bieb tas-sagristija kien jingħalaq warajhom.

    Però ġara li f’din il-ġurnata, il-bieb tas-sagristija tħalla miftuħ aktar mis-soltu minħabba li kienu qed jistennew lit-tfal ġejjin mill-Furjana, b’konsegwenza illi nies oħra, apparti t-tfal tas-soltu, baqgħu deħlin. B’hekk, minflok madwar mitt tifel, kif kien ikun hemm fi drabi oħra, inġabar ammont ħafna akbar ta’ nies u din il-folla bdiet kull ma tmur timbotta lit-tfal li kien hemm aktar il-quddiem. Dawn bdew jingħafsu kontra bieb li kien jinżamm nofsu magħluq, biex it-tfal joħorġu minnu wieħed wieħed.

    Hekk kif sar il-ħin, min kien responsabbli milli jagħlaq il-bieb tas-sagristija, sakkar din id-daħla u peress li kien qabad jidlam, dan ma ntebaħx li kienet daħlet miġemgħa mhux mistennija. Biex tgħarraq is-sitwazzjoni, lampa li s-soltu kienet titħalla mixgħula f’dan il-kuritur, għal xi raġuni ntfiet, u b’hekk kulħadd spiċċa fi dlam taqtgħu b’sikkina.

    Hekk kif sabu ruħhom fid-dlam, in-nies bdew jimbuttaw lil xulxin biex joħorġu mill-bieb l-ieħor, u t-tfal li kienu l-eqreb tal-bieb l-ieħor, tgerrbu fit-tmien tarġiet li kienu jinsabu biswit l-entratura, u waqgħu fuq xulxin. B’hekk, l-uniku bieb minn fejn setgħu joħorġu, kompla jiġi mbarrat u minħabba li dan kien jinfetaħ il-ġewwa, aktar żdied il-paniku.

    An ancient illustration produced by Sir General George WhitmoreL-individwi li kienu fuq barra jqassmu l-ħobż u l-frott lit-tfal ma damux ma bdew jisimgħu t-twerżiq tat-tfal l-oħra li nqabdu f’dak is-saram. L-għajjat wasal anki s’għand il-ġirien tal-madwar u minnufih in-nies ħarġu sabiex jaraw x’ġara u biex jagħtu l-għajnuna. Naturalment, huma ppruvaw jiftħu n-nofs l-ieħor tal-bieb li kien jagħtu fuq Triq Sant’Ursula iżda dan ma seta’ jinfetaħ b’xejn peress li kellu t-tfal mixħutin fuqu. Għalhekk, xi wħud ġrew lejn is-sagristija biex isibu ċ-ċavetta tal-bieb l-ieħor u meta għamlu dan, huma daħlu minn fost in-nies li kien hemm fil-kuritur sabiex jilliberaw lit-tfal mill-bieb ta’ wara. Iżda, sfortunatament, għal ċerti tfal, kien diġà tard wisq!

    Infatti, numru ta’ tfal inħarrġu barra t-triq mejta, oħrajn b’ħass ħażin kbir fuqhom u oħrajn fi stat pjuttost ħażin. Eventwalment instab illi 110 tifel tal-età bejn it-8 u l-15 il-sena kienu mietu fgati billi ġew magħfusa fi spazju żgħir jew minħabba li ntrifsu waqt il-konfużjoni li nqalgħet.

    Skont il-Lutenent Gvernatur, mill-inkjesta li saret u mill-informazzjoni li nġabret, ġie konkluż li dan kien inċident sfortunat li ġie kkawżat minħabba d-dewmien fiċ-ċerimonja tal-Furjana li ta lok lil dawk li kienu qed jiċċelebraw il-Karnival sabiex jingħaqdu ma’ dawn it-tfal. Kaġun ieħor kien in-nuqqas ta’ dawl fl-imsemmi kuritur li ċertament kompla żied fil-mortalità. Iżda, finalment ħadd ma ġie akkużat bil-mewt ta’ dawn it-tfal peress li xejn ma kien sar bi ħsieb ħażin li joħloq din it-traġedja.

    Plasket kompla jsemmi kif f’dik il-ġurnata kerha, kulħadd kien ikkollabora biex jgħin kif jista’; anki l-familjari tal-vittmi li ħallew lill-pulizija u lis-suldati jaħdmu sabiex isalvaw kemm jistgħu individwi. Huwa faħħar ukoll lill-ġirien li għamlu minn kollox biex jagħtu daqqa t’id f’dak kollu li kien hemm bżonn.

    Ma naqasx li jirringrazzja wkoll lit-tobba u lill-infermieri li kienu ġrew lejn il-post biex jagħtu l-għajnuna malli semgħu bl-aħbar. Huwa wera l-gratitudni tiegħu anki lejn l-uffiċjali tal-Pulizija u lejn il-membri tar-Reġiment Royal Malta Fencibleli kienu mmexxija mill-Kaptan tagħhom, il-Kulunell Markiż Giuseppe De Piro. Bis-saħħa ta’ dawn kollha, Plasket ikkonkluda, il-konsegwenzi ta’ din it-traġedja tnaqqsu drastikament.

    Colonel Marquis Giuseppe De PiroGħall-ewwel bqajt bla kliem, inħares siekta lejn dawn iż-żewġ paġni antiki li kienu qed jitfgħu dawl fuq is-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien u fuq il-faqar li kienu għaddejjin minnu wħud mill-Maltin. Ma stajtx ma nixxukkjax ruħi u nħoss għal dak l-għadd kbir ta’ familji, li f’jiem suppost ta’ ferħ u daħk bla tarf tal-Karnival, spiċċaw jgħixu ħabta w sabta din it-traġedja tal-waħx!

    Xi ħaġa ġegħlitni nkompli nfittex u nixtarr din l-informazzjoni ħalli nsir naf kemm jista’ jkun dwar dak li seħħ. Għaldaqstant, tkellimt mal-ħabib tiegħi, il-Markiż Nicholas De Piro li mill-ewwel rama jgħinni billi għaddieli l-informazzjoni li kellu ħalli nkomplu nibnu din l-istorja.

    Fil-fatt, huwa pprovdini b’immaġni tal-antenat tiegħu, il-Markiż Giuseppe De Piro li dakinhar tal-inċident, kien qed imexxi lir-reġiment tas-suldati tar-Royal Malta Fencible. Barra minn hekk, huwa għaddieli wkoll ritratt tal-Ġeneral Sir George Whitmore flimkien ma’ illustrazzjoni antika li probabbilment turi din it-traġedja, li pinġha l-ġeneral stess, peress li hu kien qed iservi f’pajjiżna f’dak il-perjodu.

    Għalaqt din ir-riċerka tiegħi billi mort infittex ukoll il-Knisja ta’ Ġieżu ħalli nara b’għajnejja fejn kien sar dan il-fatt. U hemm, 192 sena wara, hekk kif ironikament fil-Belt kienu qed jippreparaw għall-Karnival tal-2015, bħal deherli li fil-bogħod, smajt it-twerżiq tal-imsejkna tfal…

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-15 ta’ Frar 2015)