-
Mużew żgħir bi stejjer kbar
Il-mewt tal-arċipriet Dun Eric Overend li seħħet fit-28 t’April 2013, ħasdet liż-Żejtun kollu, aktar u aktar minħabba li dil-belt kienet għadha qed tipprova tfejjaq il-ferita tat-telfa tal-viċi tiegħu, Dun Renè Cilia, li tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku ftit xhur qabel. Għal xi żmien fiż-Żejtun, l-arloġġ tal-ħajja donnu weħel itektek fuq l-istess siegħa, iżda finalment id-dinja tkompli għaddejja, u dawk li jibqgħu, ikollhom id-dmir li jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex il-ħidma ta’ dawk li ġew qabilhom, ma tintilifx fix-xejn. Fil-fatt Dun Gino Gauci kompla jaħdem fuq il-proġett li huwa kien beda flimkien ma’ Dun Overend bil-għan li tingħata ruħ ġdida lill-Mużew tal-Parroċċa taż-Żejtun. Intant, wara ħafna xogħol u bl-għajnuna ta’ diversi individwi, għada, dan il-Mużew tal-Parroċċa ser jinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku u b’hekk finalment il-ħolma ta’ Dun Eric Overend u ta’ ħafna oħrajn, ser issir realtà.
Din il-ġimgħa żort dan il-mużew li jinsab fil-bini ta’ biswit l-Oratorju, proprju taħt l-Alexandria Hall. Huwa interessanti li wieħed ikun jaf li oriġinarjament din l-art kienet tifforma parti minn ġnien kbir, kif juru xi ritratti antiki tal-Parroċċa taż-Żejtun. Kien fl-1955 meta Mons. Mikiel Spiteri, l-arċipriet taż-Żejtun ta’ dak iż-żmien, deherlu li din il-biċċa art setgħet tiġi żviluppata f’Ċentru għal skopijiet edukattivi, soċjali u reliġjużi, u għalhekk ġie mqabbad il-perit Orazio Diacono biex jagħmel il-pjanti ta’ dan il-proġett. It-tifsila ta’ dawn il-pjanijiet kienet tinkludi kappella (li llum m’għadhiex teżisti u minflok hemm l-uffiċċji parrokkjali), librerija (fil-preżent dawn il-kotba qegħdin preservati u merfugħa f’post ieħor), sala fejn in-nies tal-lokal setgħu jiltaqgħu (illum Alexandria Hall), u swali oħra fejn bdew jinġabru bosta oġġetti li kienu relatati b’xi mod jew ieħor maż-Żejtun (fil-preżent il-mużew). Ironikament, l-ewwel ġebla ta’ dan il-bini tqiegħdet fid-29 t’April 1956 (proprju 57 sena qabel it-telfa ta’ Dun Overend) mill-arċipriet Mons. Mikiel Spiteri fil-preżenza tal-Isqof Emmanuel Galea, liema ġebla mmarkata b’salib, tinsab fil-ġenb tal-lemin tal-entratura ta’ dan il-bini. F’Diċembru tal-1962 din il-binja ġiet inawgurata iżda l-mużew kien jinfetaħ għall-pubbliku darba fis-sena biss, waqt il-purċissjoni tal-festa ta’ Santa Katarina. Hawnhekk huwa neċessarju li wieħed jifhem id-differenza fil-perspettiva ta’ dak il-perjodu fejn l-għan prinċipali tal-mużew kien li jsalva u li jippreserva l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu maż-Żejtun, aktar milli biex jesebihom. Min-naħa l-oħra, illum, l-emfasi tiffoka iżjed lejn il-kapaċità li dawn il-ġabriet tat-tifkiriet ikunu kapaċi jirrakkuntaw storja.
Iltqajt ma’ Dun Gino Gauci fejn huwa spjegali fid-dettall dwar it-tqassim tal-mużew. L-ewwel kamra ser tkun iddedikata għall-materjal viżiv li juri l-iżvilupp soċjo-kulturali taż-Żejtun u tal-parroċċa tiegħu. Iż-żewġ swali l-oħra ser jinkludu diversi esebiti fosthom: kollezzjoni ta’ artifatti arkeoloġiċi tal-fuħħar li nstabu f’numru ta’ oqbra tal-perjodu Puniku-Ruman f’xi nħawi taż-Żejtun, affarijiet marbutin mal-ewwel parroċċa taż-Żejtun li kienet iddedikata lil Santa Katarina (illum magħrufa bħala ta’ San Girgor), oġġetti konnessi mal-parroċċa l-ġdida fosthom kalċi li jmur lura għat-18 il-seklu u li llum jintuża waqt il-festa ta’ Santa Katarina, dokumenti li jirrakkuntaw l-istorja taż-Żejtun bħal ngħidu aħna t-talba li saret miż-Żwieten lill-Granmastru Hompesch biex ir-raħal tagħhom jingħata t-titlu ta’ belt, u esebizzjoni ta’ ħwejjeġ antiki li kienu jintużaw fil-liturġija u li huma partikolari mmens minħabba n-nisġa distinta tad-drapp tagħhom.
Barra minn hekk, dan il-mużew jinkludi wkoll esebizzjoni ta’ skulturi u kwadri li huma ħafna għal qalb Dun Gino Gauci, speċjalment peress li hu espert u lekċerer tal-Istorja ta’ l-Arti. L-ewwel żewġ statwi li tkellimna dwarhom inġiebu mill-parroċċa antika ta’ San Girgor u t-tnejn huma maħduma mill-injam bi stil Barokk. L-istatwa ta’ San Mikiel ġiet maħduma minn zokk ta’ siġra, kif jikkonfermaw iċ-ċrieki ta’ siġra evidenti hekk kif taqleb il-pedestall u hija kollha indurata għalkemm xi partijiet minnha ġew miżbugħa matul is-snin. Il-provenjenza ta’ din l-istatwa mhiex magħrufa imma probabbilment inħadmet fi Sqallija minn artist b’influwenza artistika Spanjola. Min-naħa l-oħra, l-istatwa ta’ San Ġużepp bil-Bambin f’idu ġiet mibnija permezz ta’ numru ta’ twavel tal-injam li tqiegħdu fil-forma li naraw illum. Anki jekk ma tkunx tifhem wisq fl-arti, mill-ewwel tintebaħ li din l-istatwa hija ta’ ċertu valur peress li l-libsa tal-qaddis trid sebgħa għajnejn biex tħares lejha daqs kemm hi sabiħa u dettaljata, kemm fil-kuluri magħżulin u kif ukoll fit-teknika tad-dekorazzjoni tagħha. B’xorti tajba din l-istatwa qatt ma ġiet mimsusa u allura għadna nistgħu ngawdu l-indurar u l-kuluri kollha oriġinali. Ta’ min isemmi illi snin ilu, meta din l-istatwa kienet fil-parroċċa ta’ San Girgor, kien hemm l-użanza li meta titwieled tarbija, l-ġenituri tagħha kienu jirregalaw libsa ta’ tarbija lil din il-knisja ħalli għal xi ġranet tintlibes mill-Bambin ta’ San Ġużepp li kien jinqala’ apposta.
Statwa ċkejkna imma b’rakkont interessanti hija dik li turi lil Ġesù għarkubbtejh quddiem kolonna, akkompanjat b’żewġt anġli mbikkma. Għal Dun Gino din l-istatwa minn dejjem kienet kemmxejn kurjuża, partikolarment minħabba l-pożizzjoni ta’ Kristu li mhux soltu narawha hekk. Infatti, wara ħafna riċerka, huwa sab li dan ix-xogħol kien qiegħed jirrappreżenta lil Ġesù wara l-flaġellazzjoni u li b’hekk din l-istatwa hija unika fil-gżejjer tagħna. Biex ifehemni aħjar, Dun Gino fetaħ in-niċċa tal-istatwa, silet maktur mill-but u rranġah f’idejn l-id il-leminija tal-figura ta’ Kristu. Huwa stqarr li dan id-dettall skoprieh wara li studja xi xogħolijiet tal-artist Spanjol Bartolome’ Esteban Murillo li fit-18 il-seklu spiss kien pitter xeni li jixbħu ferm lill-kompożizzjoni ta’ din l-istatwa, li turi lil Kristu qed jiġber il-porpra mill-art wara li din tneħħiet minn fuqu sabiex jiġi flaġellat. Mhux darba u tnejn li l-esperti tal-arti jużaw din is-sistema biex ikunu jistgħu jifhmu aħjar ix-xogħolijiet li jkollhom quddiemhom, l-aktar minħabba li ġeneralment, l-istili tal-iskultura u tal-pittura sikwit jirriflettu lil xulxin matul perjodi differenti. Intant, wara li għal numru ta’ snin dan ix-xogħol kien maħsub li huwa tal-artist Malti Xandru Farrugia, riċentement Dun Gino kkonferma li din l-istatwa fir-realtà kienet xogħol Spanjol. Dan seħħ meta huwa ħa lil Marjorie Trusted, Kuratrici Anzjana tal-Victoria and Albert Museum f’Londra u esperta tal-istatwi Spanjoli, biex tara dan ix-xogħol li kien jinsab fil-knisja tas-Salvatur, fir-Raħal t’Isfel, iż-Żejtun. Hi spjegatlu kif iċ-ċavetta għal din it-taħbila kienet tinsab f’dettalji żgħar imma ċari mmens: fid-dmugħ tal-anġli u fl-għaraq tad-demm ta’ Kristu li kienu magħmula mill-ħġieġ, u fix-xagħar tal-għajnejn ta’ Kristu li kien xagħar tassew.
Esebit ieħor affaxxinnati huwa l-abbozz maħdum mill-bronż li juri l-magħmudija ta’ Kristu u li fuqu kienet inħadmet l-istatwa artistika magħmula mill-irħam li fil-preżent tinsab fuq l-artal tal-Kattidral ta’ San Ġwann, il-Belt. Il-prestiġju ta’ dan l-abbozz huwa li dan ġie maħdum mill-iskultur Alessandro Algardi minn Bologna li kien artist magħruf ħafna u antagonist kbir tal-iskultur ta’ fama Gian Lorenzo Bernini. Fortunatament dan ix-xogħol ġie akkwistat mill-aħwa Salvatore u Katarina Caruana, magħrufa bħala Ta’ Nardu, li fl-1892 irregalawh lill-Parroċċa taż-Żejtun u b’hekk issa jista’ jitgawda mill-pubbliku.
Imxejna lejn il-kwadri kbar imwaħħla mal-ħitan tal-mużew u waqafna quddiem l-akbar wieħed minnhom li juri x-xena tal-martirju ta’ Santa Katarina u li dwaru dan l-aħħar inħolqot il-leġġenda li l-kreatur tiegħu seta’ kien Caravaggio. Huwa fatt illi xi figuri minn dan il-kwadru u l-istil ta’ kif jaqa’ d-drapp ġew imfassla fl-istil ta’ Caravaggio u għalhekk hu maħsub illi jekk ma kienx hu li għamel dax-xogħol, probabbilment kien xi artist ieħor li kien qrib ħafna tiegħu. Madanakollu hemm ħafna elementi oħra, bħall-profil tat-tifel, li huma batuti wisq biex ikunu ta’ dan l-artist mill-iprem. Din il-leġġenda ssawret meta dan l-aħħar il-kwadru ntbagħat Firenze biex jiġi restawrat u hekk kif ratu r-restawratrici Lapucci dehrilha li din setgħet kienet biċċa xogħol mhux iffirmata ta’ Caravaggio. It-teorija tagħha ġiet ibbażata fosthom fuq ix-xebħ li għadni kif semmejt, fuq il-fatt li dan il-kwadru huwa vertikali (kif kien jippreferi jaħdimhom dan l-artist), u partikolarment fuq l-anatomija u l-wiċċ tal-figura mixħuta fl-art li aktar għandhom dehra maskili milli dik femminili. Infatti l-ipoteżi hija li dan seta’ kien il-kwadru oriġinali tal-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann il-Battista li ġie ordnat mill-Ordni mingħand Caravaggio biex jitpoġġa fl-Oratorju tal-Kattidral ta’ San Ġwann. Possibilment, dan il-kwadru kellu jiġi skartat minħabba li l-Ordni xtaqet kwadru orizzontali u minflok, aktar tard, ix-xena ġiet modifikata minn xi artist ħabib ta’ Caravaggio fuq ordni ta’ kavallier devot ta’ Santa Katarina taż-Żejtun, sabiex iservi bħala ex-voto f’ġieħ din il-qaddisa wara li hu ħelisha mill-mewt waqt taqbida qalila. Infatti fil-ġenb tax-xellug tal-kwadru hemm xi kitba akkumpanjata minn mappa li turi l-ħbit tal-inħawi fejn illum hemm il-belt Valletta u fix-xena jidher ukoll l-akwedott ta’ Wignacourt li b’hekk jagħti indikazzjoni tad-data tat-18 il-seklu. Sadanittant, mill-istudji tekniċi li saru fuq il-kwadru jidher ċar illi l-figura tal-kavallier, il-kitba u l-mappa ġew miżjuda aktar tard.
Kwadru ieħor sinifikattiv huwa maħsub li juri l-Gran Karrakka (flagship) ‘Santa Maria’ tal-Gramastru l’Isle Adam. Mhux magħruf min pitter dan il-kwadru iżda dan ix-xogħol sab ruħu ż-Żejtun meta familja rregalatu lil Dun Spir Grixti li poġġieh fiċ-ċentru taż-żagħżagħ, magħruf bħala d-Domus. Għal dawn l-aħħar snin, peress li dan il-kwadru huwa antik ferm u anki minħabba l-valur sentimentali tiegħu, huwa kien jinsab protett u magħluq ġo kamra. Imma b’hekk ftit li xejn nies setgħu qatt igawduh. Għaldaqstant ġie deċiż li dax-xogħol jiġi misluf lill-mużew sabiex ikun jista’ jiġi apprezzat minn dawk kollha li jżuru l-post, speċjalment minn dawk li huma interessati fil-qasam marittimu peress li fih jidhru ħafna dettalji u affarijiet partikolari fosthom li dan ix-xini kien iddekorat bis-siġar u b’arloġġ kbir.
Kwadru ieħor interessanti huwa dak tal-Madonna taċ-ċirkunċiżżjoni li juri lil Bambin li għadu kif ġie ċirkonċiż qiegħed jistrieħ fi ħdan Ommu. Dan ix-xogħol ġie maħdum bi stil rinaxximentali u oriġinarjament kien jifforma parti minn kwadru trittiku fejn fuq il-pannelli tal-ġenb tiegħu kien hemm ix-xbiehat ta’ Santa Katarina u ta’ San Pawl. Madanakollu meta fl-1614 seħħ attakk qawwi mill-furbani fuq il-knisja ta’ San Girgor, il-pannelli tal-ġenb ġew meqruda waqt li l-bqija ġarrab diversi daqqiet fuqu. Peress li dan il-kwadru kien għażiż ħafna għan-nies tal-post, tqabbad l-artist Don Pedro Malo y de Villa Vicencio li kien jaħdem fil-bottega ta’ Mattia Preti, sabiex jirrestawrah. Iżda dan kif lesta xogħolu, iffirma ismu u ta x’jifhem li kien hu li ħadem il-kwadru fl-1662. Però minn riċerka ta’ Charlene Vella, lekċerer fid-Dipartiment tal-Istorja ta’ l-Arti, jidher li dan ix-xogħol seta’ kien tal-artist Antonio de Saliba peress li hemm xebħ kbir bejn dan il-kwadru u xogħolijiet oħra tiegħu. Intant, meta saru xi testijiet bl-x-rays inkixef il-wiċċ oriġinali tal-Madonna taħt dak ġdid li kien għamel Vicencio u l-kwadru ġie restawrat. Iżda għal min hu interessat li jara x’kien bidel dan l-artist, wieħed jista’ jara r-rikostruzzjoni tiegħu li hemm quddiem l-artal tar-rużarju fil-parroċċa taż-Żejtun.
Ċertament rakkonti bħal dawn jgħinu aktar lill-viżitaturi biex japprezzaw l-esebiti ta’ mużew ta’ din ix-xorta. Bħas-soltu, hemm ħafna aktar oġġetti interessanti x’wieħed jixtarr, fosthom kwadri ta’ personaġġi magħrufa fiż-Żejtun bħal dak ta’ Dun Ġwann Tabone u ta’ Dun Ġwann Farrugia. Għaldaqstant kulħadd huwa mistieden biex għada t-Tnejn 18 ta’ Novembru, fis-7.00pm, jattendi għall-kunċert vokali li ser jittella’ fil-knisja parrokkjali taż-Żejtun mill-kor ‘Collegium Musicum’ taħt it-tmexxija ta’ Mro. Prof. Dion Buhagiar, Maestro di Cappella Cathedralis. Wara, l-E.T. il-President ta’ Malta, Dr George Abela, ser jinawgura l-ftuħ uffiċjali tal-Mużew tal-Parroċċa taż-Żejtun.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (3 Parti) fit-Torċa tas-17 ta’ Novembru 2013)
Category: Torca - Features & Articles | Tags: Alessandro Algardi,Alexandria Hall,Antonio de Saliba,Bartolomé Esteban Murillo,Caravaggio,Charlene Vella,Domus,Don Pedro Malo y de Villa Vicencio,Dun Eric Overend,Dun Ġino Gauci,Dun Ġwann Farrugia,Dun Ġwann Tabone,Dun Renè Cilia,Dun Spir Grixti,Fiona Vella,Gian Lorenzo Bernini,Gramastru l'Isle Adam,Gran Karrakka,Granmastru Hompesch,Isqof Emmanuel Galea,Katarina Caruana,Marjorie Trusted,Mattia Preti,Mons. Mikiel Spiteri,Mro. Prof. Dion Buhagiar,Mużew tal-Parroċċa taż-Żejtun,Oratorju tal-Kattidral ta' San Ġwann,Orazio Diacono,Salvatore Caruana,San Girgor,San Ġużepp,San Ġwann il-Battista,San Mikiel,Santa Maria,Ta' Nardu,Victoria and Albert Museum,Żejtun