Posts Tagged ‘San Girgor’
-
Meta toħlom akbar
Il-Bibbja tirrakkonta l-istagħġib tar-rgħajja meta waqt lejl tas-skiet, is-sema ddawwlet b’dawl mhux tas-soltu filwaqt li anġlu ħabbrilhom li kien twieled ir-Re li Alla kien wiegħed li ser jibgħat. Wieħed jista’ jimmaġina l-emozzjoni tagħhom hekk kif dawn ġrew lejn il-post indikat u hemm sabu lil Marija u lil Ġużeppi jbennu lil binhom Ġesù li kien għadu kif bexxaq għajnejh u lemaħ lid-dinja tagħna.
Minn dak iż-żmien ‘l hawn kienu bosta l-popli li ttantaw joħolqu mill-ġdid din l-atmosfera mbierka u unika fil-ġranet ħelwin tal-Milied. Probabbilment il-bozoz tad-dawl żgħar u kkuluriti li nżejjnu diversi postijiet bihom, għandhom il-għan li jikkreaw mill-ġdid l-atmosfera tad-dwal li deheru fis-smewwiet f’dak il-lejl imqaddes, filwaqt li l-istatwa tal-bambin Ġesù tintuża bħala rappreżentazzjoni tat-tarbija divina.
F’dawn il-ġranet naraw ukoll il-ħeġġa ta’ bosta individwi li jagħmlu minn kollox biex iqanqlu dik is-sensazzjoni antika ta’ stagħġib u ferħ li l-Milied biss kapaċi jġib miegħu. Ħafna minna, biex inferrħu lil xulxin, insibu ruħna niċċelebraw ir-ritwali li mxew minn ġenerazzjoni għall-oħra. Imma mbagħad issib ukoll lil min jaspira aktar minn hekk, issib lil dawk li jazzardaw joħolmu akbar, lil dawk li joħorġu l-barra mit-tradizzjoni sabiex b’azzjoni mhux tas-soltu, jerġgħu jqajjmu dik ix-xrara ta’ stagħġib u ferħ li mhux la kemm wieħed jinsa.
Wieħed minn dawn huwa bla dubju l-Kavallier George Vella, Żejtuni ta’ 80 sena li llum joqgħod Birkirkara, u li dil-ġimgħa stedinni għandu sabiex jirrakkuntali dwar tliet attivitajiet partikolari li hu flimkien ma’ sħabu ħarġu bihom fi żmien il-Milied tas-snin sittin. Qabel inġbarna fl-istudju tiegħu ħalli ngħarrxu fost il-ġabra ta’ dokumenti, kotba, ġurnali u ritratti li hu pprepara għalija, George ma naqasx milli jdawwarni dawra mad-dar tiegħu sabiex jurini biċ-ċar ir-rabta tiegħu ma’ din il-festa, espressa fosthom permezz tal-kwantità ta’ presepji differenti li għandu, bil-bambin li xtara minn Betlehem lura fl-1956 u bis-siġra tal-Milied li huwa stess żejjen b’għadd ta’ ornamenti, bozoz ikkuluriti, u mużika ħelwa.
L-ewwel tifkira ħaditna lura għall-1960 ġewwa l-bini tal-Juventutis Domus Sagra Familia fiż-Żejtun, fejn f’dak iż-żmien, George Vella kien is-segretarju tal-għaqda li kienet tmexxi l-attivitajiet tal-post. Ta’ min isemmi li oriġinarjament din il-binja li tinsab fi Triq San Girgor, kienet il-palazz ta’ l-Isqof Ferdinand Mattei li kien jużaha bħala residenza għas-sajf u anki biex minnha jkun jista’ jsegwi l-pellegrinaġġ annwali ta’ San Girgor li kien jgħaddi proprju minn din it-triq (kif għadu jiġri sa llum). Kien fl-1911 meta Dun Spiridione Grixti u Angelo Baldacchino staqsew lill-Arċipriet taż-Żejtun, Dun Lawrenz Degabriele, sabiex jingħataw il-permess ħalli jiftħu ċentru ta’ tagħlim fejn it-tfal iż-żgħar setgħu jitgħallmu d-duttrina u fl-istess ħin fejn iż-żagħżagħ setgħu jinġabru u jinżammu l-bogħod mill-perikli tal-ħajja, skont it-tagħlim ta’ San Ġwann Bosco.
Għall-ewwel inkriet dar ċkejkna fi Triq San Girgor u d-Domus infetaħ uffiċċjalment fl-24 ta’ Frar 1912. Iżda aktar tard, fit-13 ta’ Diċembru tal-1920, ġie ffirmat il-kuntratt tal-akkwist ta’ dan il-palazz u d-Domus ġie trasferit għal dan il-post. Intant, madwar 40 sena wara, fl-eqqel tal-ġlieda politiko-reliġjuża, il-parteċipazzjoni fid-Domus min-naħa tat-tfal u ż-żagħżagħ bdiet tonqos ħafna u biex jerġgħu jiġbdu lura l-interess tagħhom, George Vella flimkien ma’ xi membri oħra, fosthom Generoso Vella u Joseph Turban, iddeċidew li minflok jagħtu r-rigali tal-Milied lit-tfal tal-membri, lill-abbatini, u lil dawk li kienu jattendu d-Domus minn ġewwa ċ-Ċentru bħas-soltu, huma kienu se jibgħatu lil Father Christmas idur madwar ir-raħal sabiex iqassam ir-rigali fid-djar tat-tfal stess, akkumpanjat mid-daqq tal-banda taż-Żejtun Boy Scouts.
L-ewwel wieħed li messietu x-xorti li jilbes ta’ Father Christmas kien Joseph Mansueto li fl-1960 ħareġ fuq karru miġbud minn tractor armat b’żewġt iċriev kbar li kienu qed jiġbdu warajhom żlitta kbira ħamra mimlija bir-rigali u mdawwra bi qniepen elettriċi. Din l-idea mal-ewwel intlaqgħat tajjeb kemm mit-tfal u kif ukoll mill-membri tad-Domus u wkoll mill-ġenituri tat-tfal. Infatti minn dik is-sena ‘l hemm, il-membri tad-Domus u t-tfal kienu jibdew jaħdmu fuq dan il-karru minn xi xahar qabel, peress li kull sena l-forma tiegħu kienet tinbidel. Fost il-forom użati nsibu sputnik, rocket spazjali, ferrovija, żlitta miġbuda miċ-ċriev, żwiemel ħajjin eċċ.
Maż-żmien tant ħadet din id-drawwa, li biex tkun tista’ tilqa’ t-talba biex jitqassmu r-rigali kollha fl-istess ħin kellhom joħorġu tnejn min-nies lebsin ta’ Father Christmas. Huwa interessanti li wieħed ikun jaf li meta wieħed kien jintagħżel biex jilbes ta’ Father Christmas għal waqt din l-attività, dan kien jitqies bħala unur kbir peress li l-individwu magħżul kien ikun dak li ta l-akbar kontribut lid-Domus matul dik is-sena. Ftit ftit il-kelma ġriet u d-Domus taż-Żejtun beda jirċievi talbiet anki minn inħawi oħra f’Malta sabiex il-Father Christmas bil-karru tiegħu flimkien mal-banda tal-Boy Scouts imorru jferrħu u jqassmu r-rigali anki lit-tfal t’hemmhekk. Naturalment, ma damux ma nibtu attivitajiet bħal dawn mal-inħawi kollha tal-gżejjer tagħna, tant li din id-drawwa għadha għaddejjha fostna sa llum.
It-tieni ġrajja li rrakkuntali George Vella seħħet fit-23 ta’ Diċembru 1963 meta wara talba li saret mid-Domus, id-dipartiment tar-relazzjonijiet pubblici tal-Hafmed NATO kienu rregalaw lill-poplu Żejtuni siġra kbira tal-Milied twila madwar 30 pied li nġiebet apposta min-Norvegja u tpoġġiet fi Pjazza Diċembru 13 (qabel Pjazza Brittanika). Dakinhar saru festi kbar hekk kif madwar is-siġra mixgħula, inġabru għadd ta’ Żwieten u anki uffiċċjali għoljin tan-NATO flimkien mal-familji tagħhom. Wara li tkantaw xi għanjiet tal-Milied, intfiet il-pjazza kollha fid-dlam u f’ħin minnhom, Tony Mifsud, li għal dik is-sena kien intagħżel biex jilbes ta’ Father Christmas, għamel daħla trijonfali liema bħalha, hekk kif wasal fuq żiemel abjad biex iqassam ir-rigali lit-tfal minn taħt din is-siġra kbira. Ċertament dan ukoll kien avveniment kbir għaż-Żejtun u dwaru kienu tkellmu l-gazzetti kollha ta’ Malta u kif ukoll il-mezzi tax-xandir.
Iżda l-kbir kien għadu ġej għax it-tielet ġrajja li kellu lest għalija George kienet waħda tassew fantastika u stagħġibt mhux ftit kif jiena, bħala Żejtunija, qatt ma kont smajt biha qabel. Kollox beda waqt logħba table tennis, hekk kif Ltn. Commander Cliff Perry, R.N., b’ammirazzjoni lejn ix-xogħol li kienu qed jagħmlu dawn il-membri tad-Domus biex joħorġu b’ideat ġodda, huwa offra ruħu biex jagħti sorpriża kbira lit-tfal taż-Żejtun. Din kienet tikkonsisti fl-opportunità li għal dik is-sena, il-Father Christmas tad-Domus seta’ jitwassal minnu permezz ta’ ħelikopter tar-Royal Navy. Naturalment, okkażżjoni unika bħal dik ma kienux ser jitilfuha u George flimkien ma’ sħabu, intefgħu jippjanaw din l-attività l-ġdida.
Ħafna mill-anzjani Żwieten jiftakru lil dan il-ħelikopter itir fuq iż-Żejtun fil-ġranet ta’ qabel il-Milied tal-1964, fosthom Carmelo P Baldacchino, li għaddieli xi ritratti li ħa ħu Ġeorge stess, Johnny Vella, dakinhar li seħħet din l-avventura. B’għaġeb kbir tat-tfal tal-iskola l-ġdida primarja taż-Żejtun (magħrufa bħala Carlo Diacono) f’ħin minnhom jidher ħelikopter b’maskra kbira ta’ Father Christmas fuq il-buq tiegħu u mżejjen b’dawl ikkulurit, u wara li ttajjar ftit fuq l-iskola, huwa deher nieżel fil-bitħa mdaqqsa tagħha u minnu ħareġ il-Father Christmas biex iqassmilhom ir-rigali li kellu jistennewh fi żlitta fil-qrib.
George jiftakar ċar li t-tfal tbellħu meta raw dan kollu jiġri quddiemhom u tgħidx xi fratterija qamet, kulħadd jiġri ‘l hemm u ‘l hawn biex jara x’qed jiġri u biex jaċċerta ruħu li kien ser jaqla’ rigal. Wara dan kollu, il-Father Christmas ta’ dik is-sena, Anthony Sinagra, rikeb ġewwa ż-żlitta tiegħu u erħielha jqassam ir-rigali madwar iż-Żejtun kollu. Sadanittant il-ħelikopter reġa’ ntrefa’ fis-smewwiet u minnu nxteħtu għadd ta’ bżieżaq fuq l-inħawi tal-iskola. Ftit wara, il-ħelikopter deher jieqaf mill-ġdid fl-ajru fuq l-istitut tas-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun u hemm niżlet xita ta’ ħelu għat-tfal li kienu residenti f’dan il-post.
George kien emozzjonat ħafna b’dawn il-memorji iżda meta rani daqstant interessata, ma damx ma beda jirrakkuntali dwar għadd ta’ ġrajjiet oħra hekk kif minn armarji, kxaxen u kaxxi, huwa beda joħroġ diversi tifkiriet ħalli jispjegali aħjar dwar dak li kien qiegħed ifehemni. Fosthom skoprejt li matul ħajtu huwa żar diversi postijiet madwar id-dinja minħabba x-xogħol tiegħu fejn anki hemm ma naqasx l-element tal-avventura. Kien ukoll kittieb u riċerkatur fejn fosthom huwa kien ġabar u ppubblika t-tagħrif tal-Pronostiku Malti għal 25 sena sħaħ.
Ċertament laqgħat ma’ individwi bħal dawn juru biċ-ċar kemm niesna huma riżors importanti ta’ esperjenzi u informazzjoni li jistgħu jitfgħu dawl fuq is-soċjetà, il-kultura u l-istorja tagħna. Nistgħu ngħidu li bosta mid-djar tagħna jistgħu jiġu kkunsidrati bħala arkivji fihom infushom mibnija personalment b’dedikazzjoni kbira minn nies differenti, skont l-oqsma varji ta’ l-interessi tagħhom. Personalment nemmen li flimkien mal-istorja ġenerali, dawn il-ġabriet tat-tifkiriet imxerrda fost diversi familji, kapaċi jippreżentaw sfumaturi sinifikanti sabiex wieħed ikun jista’ jara stampa akbar ta’ ġrajjiet pajjiżna.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (it-8 Parti) tat-Torċa datata 22 ta’ Diċembru 2013)
-
Mużew żgħir bi stejjer kbar
Il-mewt tal-arċipriet Dun Eric Overend li seħħet fit-28 t’April 2013, ħasdet liż-Żejtun kollu, aktar u aktar minħabba li dil-belt kienet għadha qed tipprova tfejjaq il-ferita tat-telfa tal-viċi tiegħu, Dun Renè Cilia, li tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku ftit xhur qabel. Għal xi żmien fiż-Żejtun, l-arloġġ tal-ħajja donnu weħel itektek fuq l-istess siegħa, iżda finalment id-dinja tkompli għaddejja, u dawk li jibqgħu, ikollhom id-dmir li jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex il-ħidma ta’ dawk li ġew qabilhom, ma tintilifx fix-xejn. Fil-fatt Dun Gino Gauci kompla jaħdem fuq il-proġett li huwa kien beda flimkien ma’ Dun Overend bil-għan li tingħata ruħ ġdida lill-Mużew tal-Parroċċa taż-Żejtun. Intant, wara ħafna xogħol u bl-għajnuna ta’ diversi individwi, għada, dan il-Mużew tal-Parroċċa ser jinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku u b’hekk finalment il-ħolma ta’ Dun Eric Overend u ta’ ħafna oħrajn, ser issir realtà.
Din il-ġimgħa żort dan il-mużew li jinsab fil-bini ta’ biswit l-Oratorju, proprju taħt l-Alexandria Hall. Huwa interessanti li wieħed ikun jaf li oriġinarjament din l-art kienet tifforma parti minn ġnien kbir, kif juru xi ritratti antiki tal-Parroċċa taż-Żejtun. Kien fl-1955 meta Mons. Mikiel Spiteri, l-arċipriet taż-Żejtun ta’ dak iż-żmien, deherlu li din il-biċċa art setgħet tiġi żviluppata f’Ċentru għal skopijiet edukattivi, soċjali u reliġjużi, u għalhekk ġie mqabbad il-perit Orazio Diacono biex jagħmel il-pjanti ta’ dan il-proġett. It-tifsila ta’ dawn il-pjanijiet kienet tinkludi kappella (li llum m’għadhiex teżisti u minflok hemm l-uffiċċji parrokkjali), librerija (fil-preżent dawn il-kotba qegħdin preservati u merfugħa f’post ieħor), sala fejn in-nies tal-lokal setgħu jiltaqgħu (illum Alexandria Hall), u swali oħra fejn bdew jinġabru bosta oġġetti li kienu relatati b’xi mod jew ieħor maż-Żejtun (fil-preżent il-mużew). Ironikament, l-ewwel ġebla ta’ dan il-bini tqiegħdet fid-29 t’April 1956 (proprju 57 sena qabel it-telfa ta’ Dun Overend) mill-arċipriet Mons. Mikiel Spiteri fil-preżenza tal-Isqof Emmanuel Galea, liema ġebla mmarkata b’salib, tinsab fil-ġenb tal-lemin tal-entratura ta’ dan il-bini. F’Diċembru tal-1962 din il-binja ġiet inawgurata iżda l-mużew kien jinfetaħ għall-pubbliku darba fis-sena biss, waqt il-purċissjoni tal-festa ta’ Santa Katarina. Hawnhekk huwa neċessarju li wieħed jifhem id-differenza fil-perspettiva ta’ dak il-perjodu fejn l-għan prinċipali tal-mużew kien li jsalva u li jippreserva l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu maż-Żejtun, aktar milli biex jesebihom. Min-naħa l-oħra, illum, l-emfasi tiffoka iżjed lejn il-kapaċità li dawn il-ġabriet tat-tifkiriet ikunu kapaċi jirrakkuntaw storja.
Iltqajt ma’ Dun Gino Gauci fejn huwa spjegali fid-dettall dwar it-tqassim tal-mużew. L-ewwel kamra ser tkun iddedikata għall-materjal viżiv li juri l-iżvilupp soċjo-kulturali taż-Żejtun u tal-parroċċa tiegħu. Iż-żewġ swali l-oħra ser jinkludu diversi esebiti fosthom: kollezzjoni ta’ artifatti arkeoloġiċi tal-fuħħar li nstabu f’numru ta’ oqbra tal-perjodu Puniku-Ruman f’xi nħawi taż-Żejtun, affarijiet marbutin mal-ewwel parroċċa taż-Żejtun li kienet iddedikata lil Santa Katarina (illum magħrufa bħala ta’ San Girgor), oġġetti konnessi mal-parroċċa l-ġdida fosthom kalċi li jmur lura għat-18 il-seklu u li llum jintuża waqt il-festa ta’ Santa Katarina, dokumenti li jirrakkuntaw l-istorja taż-Żejtun bħal ngħidu aħna t-talba li saret miż-Żwieten lill-Granmastru Hompesch biex ir-raħal tagħhom jingħata t-titlu ta’ belt, u esebizzjoni ta’ ħwejjeġ antiki li kienu jintużaw fil-liturġija u li huma partikolari mmens minħabba n-nisġa distinta tad-drapp tagħhom.
Barra minn hekk, dan il-mużew jinkludi wkoll esebizzjoni ta’ skulturi u kwadri li huma ħafna għal qalb Dun Gino Gauci, speċjalment peress li hu espert u lekċerer tal-Istorja ta’ l-Arti. L-ewwel żewġ statwi li tkellimna dwarhom inġiebu mill-parroċċa antika ta’ San Girgor u t-tnejn huma maħduma mill-injam bi stil Barokk. L-istatwa ta’ San Mikiel ġiet maħduma minn zokk ta’ siġra, kif jikkonfermaw iċ-ċrieki ta’ siġra evidenti hekk kif taqleb il-pedestall u hija kollha indurata għalkemm xi partijiet minnha ġew miżbugħa matul is-snin. Il-provenjenza ta’ din l-istatwa mhiex magħrufa imma probabbilment inħadmet fi Sqallija minn artist b’influwenza artistika Spanjola. Min-naħa l-oħra, l-istatwa ta’ San Ġużepp bil-Bambin f’idu ġiet mibnija permezz ta’ numru ta’ twavel tal-injam li tqiegħdu fil-forma li naraw illum. Anki jekk ma tkunx tifhem wisq fl-arti, mill-ewwel tintebaħ li din l-istatwa hija ta’ ċertu valur peress li l-libsa tal-qaddis trid sebgħa għajnejn biex tħares lejha daqs kemm hi sabiħa u dettaljata, kemm fil-kuluri magħżulin u kif ukoll fit-teknika tad-dekorazzjoni tagħha. B’xorti tajba din l-istatwa qatt ma ġiet mimsusa u allura għadna nistgħu ngawdu l-indurar u l-kuluri kollha oriġinali. Ta’ min isemmi illi snin ilu, meta din l-istatwa kienet fil-parroċċa ta’ San Girgor, kien hemm l-użanza li meta titwieled tarbija, l-ġenituri tagħha kienu jirregalaw libsa ta’ tarbija lil din il-knisja ħalli għal xi ġranet tintlibes mill-Bambin ta’ San Ġużepp li kien jinqala’ apposta.
Statwa ċkejkna imma b’rakkont interessanti hija dik li turi lil Ġesù għarkubbtejh quddiem kolonna, akkompanjat b’żewġt anġli mbikkma. Għal Dun Gino din l-istatwa minn dejjem kienet kemmxejn kurjuża, partikolarment minħabba l-pożizzjoni ta’ Kristu li mhux soltu narawha hekk. Infatti, wara ħafna riċerka, huwa sab li dan ix-xogħol kien qiegħed jirrappreżenta lil Ġesù wara l-flaġellazzjoni u li b’hekk din l-istatwa hija unika fil-gżejjer tagħna. Biex ifehemni aħjar, Dun Gino fetaħ in-niċċa tal-istatwa, silet maktur mill-but u rranġah f’idejn l-id il-leminija tal-figura ta’ Kristu. Huwa stqarr li dan id-dettall skoprieh wara li studja xi xogħolijiet tal-artist Spanjol Bartolome’ Esteban Murillo li fit-18 il-seklu spiss kien pitter xeni li jixbħu ferm lill-kompożizzjoni ta’ din l-istatwa, li turi lil Kristu qed jiġber il-porpra mill-art wara li din tneħħiet minn fuqu sabiex jiġi flaġellat. Mhux darba u tnejn li l-esperti tal-arti jużaw din is-sistema biex ikunu jistgħu jifhmu aħjar ix-xogħolijiet li jkollhom quddiemhom, l-aktar minħabba li ġeneralment, l-istili tal-iskultura u tal-pittura sikwit jirriflettu lil xulxin matul perjodi differenti. Intant, wara li għal numru ta’ snin dan ix-xogħol kien maħsub li huwa tal-artist Malti Xandru Farrugia, riċentement Dun Gino kkonferma li din l-istatwa fir-realtà kienet xogħol Spanjol. Dan seħħ meta huwa ħa lil Marjorie Trusted, Kuratrici Anzjana tal-Victoria and Albert Museum f’Londra u esperta tal-istatwi Spanjoli, biex tara dan ix-xogħol li kien jinsab fil-knisja tas-Salvatur, fir-Raħal t’Isfel, iż-Żejtun. Hi spjegatlu kif iċ-ċavetta għal din it-taħbila kienet tinsab f’dettalji żgħar imma ċari mmens: fid-dmugħ tal-anġli u fl-għaraq tad-demm ta’ Kristu li kienu magħmula mill-ħġieġ, u fix-xagħar tal-għajnejn ta’ Kristu li kien xagħar tassew.
Esebit ieħor affaxxinnati huwa l-abbozz maħdum mill-bronż li juri l-magħmudija ta’ Kristu u li fuqu kienet inħadmet l-istatwa artistika magħmula mill-irħam li fil-preżent tinsab fuq l-artal tal-Kattidral ta’ San Ġwann, il-Belt. Il-prestiġju ta’ dan l-abbozz huwa li dan ġie maħdum mill-iskultur Alessandro Algardi minn Bologna li kien artist magħruf ħafna u antagonist kbir tal-iskultur ta’ fama Gian Lorenzo Bernini. Fortunatament dan ix-xogħol ġie akkwistat mill-aħwa Salvatore u Katarina Caruana, magħrufa bħala Ta’ Nardu, li fl-1892 irregalawh lill-Parroċċa taż-Żejtun u b’hekk issa jista’ jitgawda mill-pubbliku.
Imxejna lejn il-kwadri kbar imwaħħla mal-ħitan tal-mużew u waqafna quddiem l-akbar wieħed minnhom li juri x-xena tal-martirju ta’ Santa Katarina u li dwaru dan l-aħħar inħolqot il-leġġenda li l-kreatur tiegħu seta’ kien Caravaggio. Huwa fatt illi xi figuri minn dan il-kwadru u l-istil ta’ kif jaqa’ d-drapp ġew imfassla fl-istil ta’ Caravaggio u għalhekk hu maħsub illi jekk ma kienx hu li għamel dax-xogħol, probabbilment kien xi artist ieħor li kien qrib ħafna tiegħu. Madanakollu hemm ħafna elementi oħra, bħall-profil tat-tifel, li huma batuti wisq biex ikunu ta’ dan l-artist mill-iprem. Din il-leġġenda ssawret meta dan l-aħħar il-kwadru ntbagħat Firenze biex jiġi restawrat u hekk kif ratu r-restawratrici Lapucci dehrilha li din setgħet kienet biċċa xogħol mhux iffirmata ta’ Caravaggio. It-teorija tagħha ġiet ibbażata fosthom fuq ix-xebħ li għadni kif semmejt, fuq il-fatt li dan il-kwadru huwa vertikali (kif kien jippreferi jaħdimhom dan l-artist), u partikolarment fuq l-anatomija u l-wiċċ tal-figura mixħuta fl-art li aktar għandhom dehra maskili milli dik femminili. Infatti l-ipoteżi hija li dan seta’ kien il-kwadru oriġinali tal-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann il-Battista li ġie ordnat mill-Ordni mingħand Caravaggio biex jitpoġġa fl-Oratorju tal-Kattidral ta’ San Ġwann. Possibilment, dan il-kwadru kellu jiġi skartat minħabba li l-Ordni xtaqet kwadru orizzontali u minflok, aktar tard, ix-xena ġiet modifikata minn xi artist ħabib ta’ Caravaggio fuq ordni ta’ kavallier devot ta’ Santa Katarina taż-Żejtun, sabiex iservi bħala ex-voto f’ġieħ din il-qaddisa wara li hu ħelisha mill-mewt waqt taqbida qalila. Infatti fil-ġenb tax-xellug tal-kwadru hemm xi kitba akkumpanjata minn mappa li turi l-ħbit tal-inħawi fejn illum hemm il-belt Valletta u fix-xena jidher ukoll l-akwedott ta’ Wignacourt li b’hekk jagħti indikazzjoni tad-data tat-18 il-seklu. Sadanittant, mill-istudji tekniċi li saru fuq il-kwadru jidher ċar illi l-figura tal-kavallier, il-kitba u l-mappa ġew miżjuda aktar tard.
Kwadru ieħor sinifikattiv huwa maħsub li juri l-Gran Karrakka (flagship) ‘Santa Maria’ tal-Gramastru l’Isle Adam. Mhux magħruf min pitter dan il-kwadru iżda dan ix-xogħol sab ruħu ż-Żejtun meta familja rregalatu lil Dun Spir Grixti li poġġieh fiċ-ċentru taż-żagħżagħ, magħruf bħala d-Domus. Għal dawn l-aħħar snin, peress li dan il-kwadru huwa antik ferm u anki minħabba l-valur sentimentali tiegħu, huwa kien jinsab protett u magħluq ġo kamra. Imma b’hekk ftit li xejn nies setgħu qatt igawduh. Għaldaqstant ġie deċiż li dax-xogħol jiġi misluf lill-mużew sabiex ikun jista’ jiġi apprezzat minn dawk kollha li jżuru l-post, speċjalment minn dawk li huma interessati fil-qasam marittimu peress li fih jidhru ħafna dettalji u affarijiet partikolari fosthom li dan ix-xini kien iddekorat bis-siġar u b’arloġġ kbir.
Kwadru ieħor interessanti huwa dak tal-Madonna taċ-ċirkunċiżżjoni li juri lil Bambin li għadu kif ġie ċirkonċiż qiegħed jistrieħ fi ħdan Ommu. Dan ix-xogħol ġie maħdum bi stil rinaxximentali u oriġinarjament kien jifforma parti minn kwadru trittiku fejn fuq il-pannelli tal-ġenb tiegħu kien hemm ix-xbiehat ta’ Santa Katarina u ta’ San Pawl. Madanakollu meta fl-1614 seħħ attakk qawwi mill-furbani fuq il-knisja ta’ San Girgor, il-pannelli tal-ġenb ġew meqruda waqt li l-bqija ġarrab diversi daqqiet fuqu. Peress li dan il-kwadru kien għażiż ħafna għan-nies tal-post, tqabbad l-artist Don Pedro Malo y de Villa Vicencio li kien jaħdem fil-bottega ta’ Mattia Preti, sabiex jirrestawrah. Iżda dan kif lesta xogħolu, iffirma ismu u ta x’jifhem li kien hu li ħadem il-kwadru fl-1662. Però minn riċerka ta’ Charlene Vella, lekċerer fid-Dipartiment tal-Istorja ta’ l-Arti, jidher li dan ix-xogħol seta’ kien tal-artist Antonio de Saliba peress li hemm xebħ kbir bejn dan il-kwadru u xogħolijiet oħra tiegħu. Intant, meta saru xi testijiet bl-x-rays inkixef il-wiċċ oriġinali tal-Madonna taħt dak ġdid li kien għamel Vicencio u l-kwadru ġie restawrat. Iżda għal min hu interessat li jara x’kien bidel dan l-artist, wieħed jista’ jara r-rikostruzzjoni tiegħu li hemm quddiem l-artal tar-rużarju fil-parroċċa taż-Żejtun.
Ċertament rakkonti bħal dawn jgħinu aktar lill-viżitaturi biex japprezzaw l-esebiti ta’ mużew ta’ din ix-xorta. Bħas-soltu, hemm ħafna aktar oġġetti interessanti x’wieħed jixtarr, fosthom kwadri ta’ personaġġi magħrufa fiż-Żejtun bħal dak ta’ Dun Ġwann Tabone u ta’ Dun Ġwann Farrugia. Għaldaqstant kulħadd huwa mistieden biex għada t-Tnejn 18 ta’ Novembru, fis-7.00pm, jattendi għall-kunċert vokali li ser jittella’ fil-knisja parrokkjali taż-Żejtun mill-kor ‘Collegium Musicum’ taħt it-tmexxija ta’ Mro. Prof. Dion Buhagiar, Maestro di Cappella Cathedralis. Wara, l-E.T. il-President ta’ Malta, Dr George Abela, ser jinawgura l-ftuħ uffiċjali tal-Mużew tal-Parroċċa taż-Żejtun.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (3 Parti) fit-Torċa tas-17 ta’ Novembru 2013)
-
XENI ĦAJJIN TAL-PESTA TAL-1813 FIŻ-ŻEJTUN
Għal żmien twil fl-istorja tal-bniedem ma kienu jinġabru l-ebda dettalji dwar il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi. In-nies kienu jitwieldu, jiżżewġu, imutu u jindifnu mingħajr qatt ma titniżżel nota waħda dwarhom, daqs li kieku qatt m’eżistew! Din is-sitwazzjoni nbidlet meta l-Knisja bdiet iżżomm l-ewwel tagħrif dwar il-parruċċani tagħha. F’pajjiżna nistgħu niftaħru li għandna wħud minn dawn il-ġabriet ta’ informazzjoni l-aktar bikrija, ħafna minnhom relatati mal-magħmudijiet, fejn l-eqdem fosthom huma r-reġistri tal-Magħmudija tal-Imdina li jibdew mis-sena 1539. Dan l-aħħar kelli bżonn nagħmel ftit riċerka dwar id-demografija u għaldaqstant iddeċidejt li nagħti titwila lill-Arkivji Ekkleżjastiċi Parrokkjali tal-Parroċċa taż-Żejtun. Ma kontx naf x’ser insib ma’ wiċċi u infatti dak li sibt, impressjonani ferm. Qatt ma bsart kif erbgħa numri u kemmxejn dettalji kienu kapaċi jsemmgħawlek mill-ġdid it-taħbita ta’ qalb ta’ poplu li għex u għeb tant snin ilu. Daqstant ieħor, qatt ma ħsibt li għad intiegħem il-biża’ li ħassu l-abitanti ta’ dan il-villaġġ, partikolarment waqt il-pesta li ħakmet il-pajjiż fl-1813…
Bil-għajnuna tal-Arċipriet taż-Żejtun Rev. Fr. Eric Overend u tal-Kanonku Fr. Joe Abela, sibt ruħi qed inqalleb paġni li nkitbu mijiet ta’ snin ilu. B’paċenzja kbira Dun Joe, kif inhu magħruf iż-Żejtun, introduċini mal-post u mar-reġistri antiki u fi ftit siegħat ħarriġni kif nagħraf il-kitbiet imħarbxa jew impittra nokkli nokkli, b’linka sewda faħma. Bosta mill-kitbiet kienu bil-Latin imma hekk kif dawn jibdew jirrepetu ruħhom u jekk tkun midħla tal-lingwa Taljana, ma ddumx wisq biex issib irkaptu sabiex tifhem x’hemm imniżżel.
L-eqdem reġistru jmur lura għas-sena 1580 u jinkludi d-dettalji tal-magħmudijiet, żwiġijiet u mwiet li seħħew matul is-snin 1580 sa l-1606. Sfortunatament il-kundizzjoni tiegħu mhiex tajba ħafna. Il-qoxra hija magħmula minn kartun iebes u hi meħjuta ma’ mazz karti li jiffurmaw ir-reġistru. Laqtuni l-qfieli tal-għażel li kienu qed jintużaw bħala ċoff biex jagħlqu sewwa l-ktejjeb. Huma proprju dawn l-irqaqat żgħar li jqarrbuk bil-ħsieb lejn min seta’ għamilhom. Mur għid lil min ħadmu illi wara dawn is-snin kollha, xi ħadd ser ikun qed jgħożż u jifli x-xogħol tiegħu!
“Tieħux qatgħa!” serraħli rasi Dun Joe. “Dan l-agħar wieħed fosthom bħala kundizzjoni. L-oħrajn ma jinsabux daqshekk ħażin. Madanakollu trid tapprezza wkoll kemm għadda żmien minn fuq dar-reġistru, kemm ilu jinġarr minn hemm għal hawn u f’liema kundizzjonijiet seta’ sab ruħu. Fuq kollox, ċertu linka li ġiet użata fuqu, maż-żmien ħareġ li kienet tqatta’ l-karti u b’xorti ħażina, qed tintilef xi informazzjoni minnu minħabba dan.”
Poġġejt bil-qiegħda ħdejn skrivanija u fis-skiet apprezzajt l-opportunità li nżomm reġistru bħal dak f’idi. Hekk kif Dun Joe beda jurini l-listi miktubin fuqu, f’mument minnhom moħħi ġera lura s-snin u bħal triegħext meta rrealizzajt li l-kappillan li kien kiteb dak ir-reġistru kien għex waqt l-Assedju l-Kbir… mill-1565, ħmistax il-sena biss kienu għaddew! L-ewwel listi kienu tal-magħmudijiet u hawnhekk stajt ninnota t-tendenza li t-tfal kienu jissemmew primarjament għall-qaddisin. Rajt ukoll kif ċertu ismijiet u kunjomijiet imniżżlin hemm, illum ma nsibuhomx aktar f’pajjiżna, filwaqt li numru ta’ kunjomijiet minnhom ġew evoluti f’oħrajn magħrufa sewwa fil-preżent. L-ewwel żwieġ irrekordjat sar fis-6 ta’ Jannar 1580, filwaqt li f’Jannar tal-1583 bdew jitniżżlu wkoll id-dettalji tal-imwiet. Minn wara dar-reġistru, il-manuskritti l-oħra (kif jippreferi jsejjħilhom Dun Joe) huma kollha fl-istil skont il-Konċilju ta’ Trent.
Il-Konċilju ta’ Trent (1545 – 1563) ġie mniedi waqt il-Kontro-Riforma tal-Knisja fit-taqtigħa tagħha kontra l-Protestantiżmu. Il-Konċilju kellu l-iskop li jikkundanna t-tagħlim u l-prinċipji tal-Protestantiżmu, li jistabilixxi t-tagħlim tal-Knisja Kattolika u li jwettaq riforma fid-dixxiplina u t-twemmin, kemm tal-Kleru nnifsu u kif ukoll ta’ dawk li kienu jħaddnu l-Kristjaneżmu. Waqt żjara pastorali li saret minn Mons. Pietro Dusina fil-1575 bil-għan li jara li kulħadd kien qed isegwi d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trent, dan ordna illi kull kappillan kellu jżomm ħames reġistri b’konnessjoni ma’ ċertu sagramenti, ħalli jkun jista’ jiġi kkonfermat illi l-parruċċani kienu qegħdin jgħixu skont ir-regoli tat-tagħlim Kristjan. Dawn ir-reġistri kellhom joħorġu taħt dawn it-titli: Baptizatorum (magħmudija), Confirmatorum (ġriżma), Matrimoniorum (żwieġ), Mortuorum (mewt) u Liber Status Animarum (qrar u tqarbin).
“Waqt din il-vista pastorali ta’ Mons. Dusina fl-1575, il-kappillan taż-Żejtun kien Dun Ġwann Mamo li kien mis-Siġġiewi u kellu 70 sena. Meta l-Monsinjur staqsa lill-kappillan jekk kienx qed iżomm ir-reġistri tal-parruċċani, dan wieġbu fl-affermattiv imma kif qed tara, hawnhekk ir-reġistri jibdew mill-1580. Jiena qed nassumi li Dusina ma kienx qagħad biss fuq il-kelma tal-kappillan imma li kien ra r-reġistri b’għajnejh u għalhekk probabbilment aktarx l-ewwel reġistri ntilfu. Ma rridux ninsew illi f’dak iż-żmien ir-reġistri kienu jinżammu fil-parroċċa ta’ Santa Katarina (illum magħrufa bħala Ta’ San Girgor) illi mhux darba u tnejn ħabtu għaliha l-furbani u ħallew ħerba sħiħa warajhom.”
L-arkivji huma ħafna għal qalb Dun Joe imma nistqarr magħkom li għandi l-impressjoni li dan il-Kanonku stess hu arkivju ieħor ukoll! Hekk kif bi kburija beda jurini xkaffa wara l-oħra ta’ reġistri, huwa spjegali kif flimkien ma’ Walter Zahra, għal bosta snin, huwa ħadem biex ikklassifika dawn l-arkivji sabiex finalment inħoloq indiċi tar-reġistri kollha.
“Għamilna anki werrej tal-indiċi nnifsu,” kompla jfehemni. “B’hekk ir-reġistri issa jistgħu jinżammu f’ordni aħjar u fl-istess ħin għamilna l-ħajja aktar faċli għar-riċerkaturi.”
Il-kwantità tar-reġistri huma bla heda, hekk kif dawn jibqgħu sejrin sal-ġranet ta’ llum. Fost id-dettalji li wieħed isib fihom hemm dawk tal-magħmudija, preċett, griżma, żwieġ, tnhedijiet taż-żwieġ, imwiet, quddies u funerali, atti notarili dwar l-oqbra, konfraternitajiet, Liber Status Animarum, amministrazzjoni finanzjarja u inventarji. Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn kitbiethom tidher li mhiex ħlief listi. Imma fir-realtà, dawn iħaddnu fihom informazzjoni mitqla deheb dwar il-popolazzjoni tal-villaġġ. Minnhom wieħed jista’ jikkalkula bidliet fil-qies, id-distribuzzjoni u l-kompożizzjoni tal-popolazzjoni matul is-snin. Bidliet drastiċi il-fuq jew ‘l isfel fil-popolazzjoni huma indikazzjonijiet ċari li jkunu seħħu xi ċirkustanzi partikolari li jkunu laqtu sewwa lin-nies tal-post. Ngħidu aħna lejn l-aħħar tas-16-il seklu u l-bidu tas-17-il seklu naraw żieda fil-popolazzjoni taż-Żejtun li kienet ikkawżata minn livell ta’ ħajja aħjar, miżuri aħjar relatati mas-saħħa u l-ħolqien ta’ aktar xogħol permezz tal-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta. Min-naħa l-oħra naraw tnaqqis fil-popolazzjoni wara l-epidemija tal-kolera li ħakmet liż-Żejtun fl-1887 u li kkaġunat il-mewt ta’ 4.5% tal-popolazzjoni tal-villaġġ.
Il-listi tat-twelid jagħtuk idea dwar ir-rata ta’ għajxien tat-trabi, filwaqt li juru wkoll id-daqs medju tal-familji. Madanakollu, fis-snin imbiegħda, it-trabi li kienu jitwieldu mejtin mhux dejjem kienu jiġu rreġistrati u għalhekk wieħed irid joqgħod attent għax mhux neċessarjament li jkun qed jaħdem b’dettalji preċiżi. Mid-dati taż-żwieġ u tat-twelid tal-ewwel tarbija, tista’ tifhem ukoll kemm trabi kienu jitwieldu illeġittimi u anki kemm kienet iddum koppja sakemm tasal biex ikollha l-ewwel tarbija. Mir-reġistri taż-żwieġ, wieħed jista’ jsegwi minn liema nħawi kienu l-għarajjes, ngħidu aħna jekk kienux jiżżewġu sieħeb jew sieħba mill-villaġġ stess jew minn irħula jew bliet oħra. U naturalment, ir-reġistri tal-mewt jagħtu stampa ċara tal-età medja li n-nies ta’ kull era kienu mistennija li jgħixu.
Fir-realtà, din il-lista tibqa’ sejra mhux ħażin u f’idejn espert tad-demografija, permezz ta’ dawn ir-reġistri, wieħed jista’ jikteb kotba sħaħ. Min-naħa tiegħi għażilt li nifli xi żmien partikolari li kien affetwa lin-nies tal-post. Għall-ewwel tħajjart nirriċerka dwar l-imwiet li kienu seħħu fis-sena 1614, meta t-Torok kienu attakkaw bi ħruxija kbira l-inħawi taż-Żejtun, hekk kif tindika xi kitba li hemm fil-knisja ta’ San Girgor. Iżda sfortunatament Dun Joe għarraffni illi r-reġistri tal-mewt mis-sena 1610 sas-sena 1660 huma neqsin ukoll. Għaldaqstant iddeċidejt li nistħarreġ iż-żmien tal-1813, meta Malta ġiet maħkuma minn epidemija serja tal-pesta. Biex jgħini f’din ir-riċerka rreferejt mas-sors primarju l-Liber Status Animarum li jkopri s-snin 1803 – 1822.
“Il-kitbiet kollha huma tal-kappillan Rev. Fr. D Bartholomeo Sant li kien ordnat qassis fl-24 ta’ Mejju 1769 u eventwalment kien wieħed mill-vittmi tal-kolera fl-1837,” kompla jurini Dun Joe. “Innota l-kitba. Hemm partijiet miktubin tassew puliti u mbagħad hemm oħrajn kemmxejn imħarbxa meta l-kappillan kien għamel xi żmien ma jiflaħx.” Dal-kliem laqgħatni u għajnejja ġrew biex jiflu l-kitba. Tassew! Hekk kien. Quddiem għajnejja lmaħt il-kappillan iniżżel id-dettalji tal-parruċċani tiegħu fid-dawl kiebi ta’ xemgħa tnemnem u ppruvajt nimmaġina x’kien jgħaddi minn quddiem għajnejh u x’kien iħoss f’qalbu, hekk kif f’dik il-għodwa hu jkun difen xi tarbija li ġranet qabel ikun għammed jew xi xwejjaħ li kien ilu ħabib tiegħu s-snin. U xi ngħidu għall-biża’ tal-pesta, hekk kif il-kappillan ried jikkalma lin-nies, jgħinhom jittamaw f’Alla, iqarbinhom bil-periklu li jista’ jittieħed hu wkoll filwaqt li jordna d-dfin malajr malajr ta’ oħrajn li tkun ħafnithom il-mewt qerrieda. Biex imbagħad hu stess miet f’epidemija tal-kolera. Tgħid qatt basar li għad jispiċċa hekk?
Stinkajt biex immur lura għal preżent hekk kif Dun Joe kien għadu għaddej jispjegali, “Fil-ġranet tal-Għid f’ċerti snin, hekk kif kien mistenni minnu, il-kappillan kien idur bieb bieb id-djar kollha li kienu jiffurmaw parti mill-parroċċa tiegħu. Kif qed tara hawnhekk, Dun Sant kien qasam iż-Żejtun f’erbgħa distretti: Casal Pasqualino, Casal Bisbut, Casal Gwiedi u Casal Ħerba u kien jinnumera kull dar li kien iżur fuq dan ir-reġistru peress li f’dawk iż-żminijiet id-djar ma kellhomx numri u t-triqat ma kellhomx isem. Infatti l-kappillan kien ‘isemmi’ t-triqat jew għal xi individwu magħruf li kien joqgħod fl-inħawi, inkella għal xi binja importanti bħal xi kappella. Tista’ tgħid li kien qisu speċi ta’ ċensiment fejn jitniżżlu d-dettalji ta’ dawk kollha li kienu joqogħdu f’kull dar, iżda b’żieda partikolari. Qed tinnota l-ittri c.c ħdejn l-ismijiet ta’ ħafna mill-adulti? Dawk l-ittri jfissru confessato e communicato, jiġifieri ‘ġie mqarar u mqarben’. Minn dawn in-noti, il-Kurja kien ikollha idea ta’ kemm in-nies kienu qed jobdu r-regoli tagħha.”
Permezz ta’ dan ir-reġistru stajt nara illi bejn is-snin 1810 sal-1813, il-popolazzjoni taż-Żejtun kienet qed tiżdied b’rata regolari, sakemm fl-1813 din ir-rata medja ta’ żieda waqfet ħesrem u l-effetti jidhru li baqgħu jinħassu saħansitra sas-sena 1818.
B’dawn id-dati imxejt fuq reġistru ieħor li kien juri l-magħmudijiet li saru bejn l-1807 u l-1818. Hawnhekk innutajt żewġ noti partikolari: waħda minnhom datata 20 ta’ Mejju 1813 kellha ddiżinjata pala ta’ id tipponta lejn kitba qasira li kienet tgħid li t-tarbija ta’ Antonij Seychell kienet mietet, filwaqt li n-nota l-oħra datata 23 t’Awwissu 1813 kienet tindika li dakinhar mietet tarbija infettata bil-pesta. L-istess reġistru wera illi bejn is-snin 1810 sa 1812 ir-rata medja tat-twelid kienet qed tiżdied iżda din waqfet bejn l-1813 u l-1814 fejn anzi naraw ir-rata tat-twelid tonqos speċjalment fit-trabi bniet. Madanakollu, kif sikwit jiġri wara epidemiji bħal dawn, hekk kif il-pajjiż ġie dikjarat ħieles mill-marda tal-pesta, sena wara, fl-1815 ir-rata tat-twelid splodiet il-fuq sakemm reġgħet lura għan-normal fl-1816.
Naturalment idejja ġrew dritt għar-reġistru taż-żwiġijiet li saru bejn l-1806 u l-1822. Sibt li fl-1812 kien hemm imniżżel li saru 39 żwieġ, liema total niżel għal 13 fl-1813, biż-żwiġijiet jieqfu ħesrem f’Ġunju 1813 hekk kif il-pesta serqet l-ewwel vittma tagħha miż-Żejtun. Għalhekk kont sorpriża meta sibt nota ta’ żewġ żwiġijiet li seħħu f’Awwissu 1813 u ieħor f’Diċembru. Dan kollu jaqbel mad-direttiva li kien ħareġ l-Isqof ta’ dak iż-żmien fid-29 ta’ Mejju 1813 sabiex jingħalqu l-knejjes kollha bit-tama li jiġi evitat aktar tixrid ta’ mard. Bħal kif semmejt qabel, hekk kif il-periklu tal-epidemija għadda, fis-sena 1814 iż-żwiġijiet laħqu l-ammont ta’ 72.
Ma stajtx nonqos li nifli r-reġistru tal-imwiet li kien ikopri s-snin 1802 sa l-1827. Bejn l-1810 u l-1812 innutajt rata medja ta’ mwiet, b’dik tat-tfal dejjem aktar għolja minn dik tal-adulti. Rata għola ta’ mwiet, kemm fl-adulti u kemm fit-tfal kienet evidenti fis-sena 1813, li mbagħad bdiet tonqos gradwalment fis-snin ta’ wara sakemm irritornat għan-normal fl-1816. L-ewwel vittma adulta suspettata li mietet bil-pesta fiż-Żejtun seħħet fil-31 ta’ Mejju 1813 u kienet Gratia Bonavia fl-età ta’ 85 sena. Tlett ijiem wara, did-darba b’mewt kawżata ċertament mill-pesta kien Joseph Vella fl-età ta’ 40 sena. Jidher li dan l-individwu miet fil-Forti Manoel hekk kif dan beda jilqa’ ġewwa fih il-vittmi tal-pesta meta l-Lazzaretto imtela’. Kien żmien tal-waħx hekk kif meta l-marda ħraxet, il-morda kellhom jintefgħu kollha flimkien indipendentement mill-età jew is-sess tagħhom. Kif ikomplu jispjegaw in-notamenti antiki, il-vittmi bdew jindifnu f’ċimiterju apposta ‘għall-infetti’, probabbilment dak ta’ San Rokku li llum qiegħed biswit il-knisja ta’ San Girgor. Irnexxieli nsib madwar 20 individwi li jidhru li mietu kawża tal-pesta. Mid-dati tal-mewt tagħhom tifhem mill-ewwel kemm il-marda kienet tittieħed u kemm kienet fatali. B’għafsa ta’ qalb sibt koppja miżżewġa li mietu f’temp ta’ ftit jiem il-bogħod minn xulxin u anki żewġ familji partikolari fejn bosta mill-membri tagħhom, fosthom ġenituri u tfal inħasdu qatta’ bla ħabel minn wiċċ did-dinja. Ksaħt meta ftakart li kien hemm ordni ċivili li kienet tirrikkjedi li wieħed jirrapporta immedjatament dawn il-każi ta’ mard. Għiduli intom x’sofrew dawn in-nies hekk kif kellhom jinfurmaw lill-awtoritajiet biex jiġu jieħdu lill-uliedhom infettati sabiex dawn jittieħdu f’dak l-infern ta’ morda oħra jmutu kuljum madwarhom? U fl-istess ħin kif qatt tista’ tifhem dak it-terrur li ġġarrab hekk kif tiġi konxja li la kont qrib dawn il-familjari, anki inti jista’ jiġrilek l-istess? Min-naħa l-oħra kif tista’ qatt tagħżel li tabbanduna lil dawk li tħobb f’mumenti bħal dawn? Ċertament huma esperjenzi li jekk ma jeħdulekx ħajtek, almenu żgur li jqattgħuk minn ġewwa. Min jaf kemm kien hemm min siket u pprova jfejjaq lil xi membru tal-familja tiegħu biex imbagħad spiċċaw mejtin it-tnejn!
Kelli nagħlaq il-kotba f’salt għax ma flaħtx naħseb u nħoss aktar. L-aħħar vittma tal-pesta fiż-Żejtun mietet fil-25 ta’ Settembru 1813. B’xorti tajba fis-7 ta’ Marzu 1814, Malta ġiet meħlusa minn dil-pjaga, għalkemm imbagħad inħakmet il-gżira t’Għawdex. Minn popolazzjoni ta’ madwar 100,000 ruħ, din l-epidemija ħadet magħha madwar 4500 persuna. Kien fit-8 ta’ Settembru 1814 li ż-żewġ gżejjer ġew dikjarati salvi minn din l-epidemija qerrieda. Issa stajt nisma’ l-briju tan-nies f’widnejja hekk kif b’din l-aħbar, f’qalbhom reġgħet bdiet tħabbat it-tama għall-ħajja aħjar.
Dik ma kientx l-aħħar darba li Malta ġiet maħkuma minn din l-epidemija. B’xorti tajba illum il-mikrobu tal-pesta jista’ jiġi megħlub għal kollox permezz tal-penicillin. Meta tkellimt ma’ Dr Etienne Grech huwa spjegali kif il-mikrobu Yersinia Pestis jikkawza il-bubonic plague. Dan il-mikrobu jinġarr mill-ġrieden u jsib ambjent adegwat biex jixtered meta jsib livell baxx ta’ sanità. Għalkemm forsi hemm min jaħseb li l-pesta spiċċat għal kollox, sfortunatament għad hemm popli li għadhom qed jgħixu f’faqar kbir u f’kundizzjonijiet mill-agħar ta’ saħħa. Ħafna minnhom jgħixu f’pajjiżi tropikali b’nuqqas ta’ ilma biex tinżamm l-indafa, mingħajr sistemi ta’ refriġerazzjoni biex iżommu l-ikel f’kundizzjoni tajba u eternità l-bogħod mill-mediċini adegwati. Bqajt issummata meta Dr Grech infurmani li dawn in-nies għadhom jgħaddu mit-tbatijiet u l-kefrija tal-pesta meta ironikament din tista’ titfejjaq b’sempliċi kaxxa penicillin li aħna nistgħu nixtru mingħand l-ispiżjar ta’ ħdejna!
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-10 ta’ Lulju 2011)
-
WIRT IŻ-ŻEJTUN
Kull meta nċempel lill-ġenituri tiegħi, tiġri ħaġa partikolari – awtomatikament naqleb l-istil tal-lingwaġġ għad-djalett Żejtuni u hekk kif naqta’, nerġa’ lura għal Malti tas-soltu. Ma nagħmiliex apposta imma nieħu gost meta xi ħadd jiġbidli l-attenzjoni għal dan il-fatt għax fir-realtà nħossni kburija li jiena waħda minn dawk il-ftit li għadni kapaċi nitkellem bid-djalett Żejtuni. U akkost li llum mort noqgħod f’post ieħor, li huwa għall-qalbi ħafna wkoll, belt twelidi ż-Żejtun hija bħal dik l-ewwel imħabba, li trid jew ma tridx, ma tneħħiha qatt minn qalbek!
Għalhekk meta dan l-aħħar sirt naf li kienet ser titwaqqaf l-għaqda Wirt iż-Żejtun, dlonk ikkuntattjajt lill-moħħ wara l-ħolqien tagħha, il-perit Żejtuni Ruben Abela.
“Peress li minn dejjem kont kburi li jien Żejtuni, niftakar li meta kont għadni tifel u kont nattendi fi skola primarja tas-sorijiet, spiss kienu jħobbu jaqbdu miegħi għax kont miż-Żejtun. Aktar tard meta kbirt u bdejt naħdem, kienu joqogħdu jinkuni b’Santa Katarina u jsostnu miegħi li mhiex qaddisa. Imma jien qatt ma ħallejt lil ħadd b’xejn taf!”
Illum Ruben jaħdem bħala Manager ma’ Heritage Malta fil-qasam tal-konservazzjoni u dan l-aħħar ġie nkarigat mill-proġetti kollha tar-restawr. Kelli kurżità jekk il-fatt li trabba’ f’belt tant storika bħal mhu ż-Żejtun, kellux sehem biex hu jaqbad din il-linja tax-xogħol?
“Meta kont qed nistudja għall-perit, l-għan tiegħi dejjem kien li xi darba għad nagħti kontribut liż-Żejtun. Il-wirt storiku in ġenerali u l-protezzjoni tiegħu minn dejjem kienu l-linja tiegħi imma naturalment il-postijiet fiż-Żejtun niffoka fuqhom aktar. Infatti jiena l-perit responsabbli mir-restawr tal-Knisja ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun, għalkemm dan l-aħħar dax-xogħol kellu jieqaf peress li m’hemmx fondi biżżejjed biex inkomplu.”
Kif nibtet l-idea ta’ din l-għaqda Wirt iż-Żejtun?
“Lejn l-aħħar tas-sittinijiet u l-bidu tas-sebgħiniejat kienet teżisti għaqda simili bl-isem Żejtun Historical Society li kienet immexxijja minn Walter Zahra.
Nistqarr li kont ilni ħafna naħseb kif nista’ nagħmel biex noħloq aktar kuxjenza u interess dwar il-valur tal-wirt kulturali taż-Żejtun. Imbagħad is-sena l-oħra nnutajt fenomenu jseħħ dwar il-futbol, fejn iż-Żejtun Corinthians irnexxielhom joħolqu sapport kbir għat-tim tagħhom. Bejni u bejn ruħi għedt, jekk dawn irnexxielhom joħolqu xi ħaġa daqstant b’saħħitha, għaliex m’għandux jirnexxieli jien ukoll li nibni xi ħaġ’oħra simili imma dwar il-wirt storiku Żejtuni li jagħtina l-identità tagħna?
Stħarriġt diversi ideat speċjalment permezz tal-facebook fejn bdejt intella’ xi paġni li kienu jinkludu vidjows u informazzjoni interessanti dwar iż-Żejtun. Xtarrejt il-possibilità li nwaqqaf fondazzjoni imma wara xi żmien deherli li jekk minflok noħloq għaqda, inkun qed inqarreb ħafna aktar lejn l-iskop aħħari tiegħi; dak li nqajjem kuxjenza dwar il-wirt kulturali taż-Żejtun. Minn hemm ħareġ l-isem Wirt iż-Żejtun u hekk kif ftaħt paġna fil-facebook taħt dan it-titlu u rajt li fi żmien sena, l-membri telgħu għal aktar minn 1300, ikkonfermajt li finalment kien wasal iż-żmien li nagħmel l-ewwel pass biex din l-għaqda ssir realtà.
Inizzjalment bżajt li qed nimmira fl-għoli żżejjed u meta fit-3 t’Ottubru 2010 saret l-ewwel laqgħa, ma stennejtx aktar minn 20 persuna. Iżda minflok attendew 65 u l-entużjażmu tan-nies għamilli kuraġġ u wrieni biċ-ċar li dakinhar twieled Wirt iż-Żejtun. Infatti waqt l-istess laqgħa ġiet approvata r-riżoluzzjoni minn dawk preżenti u twaqqaf kumitat ad hoc li l-membri tiegħu huma Dr Malcolm Borg, Dr Joe Buttigieg, is-Sur Jesmond Cutajar, is-Sinjura Ninette Sammut, il-Perit Audrey Testaferrata de Noto u Dr Nadia Theuma. Dawn kienu ta’ għajnuna kbira b’mod speċjali fit-tfassil ta’ l-istatut ta’ l-għaqda.
Fit-30 ta’ Jannar 2011 ser issir l-ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Wirt iż-Żejtun fejn dawk li jkunu ssieħbu bħala membri, jkunu jistgħu jikkontestaw jew jivvutaw għal diversi ħatriet konnessi mal-għaqda.”
Intant bħalissa Wirt iż-Żejtun qed tilqa’ l-applikazzjonijiet mingħand dawk li jixtiequ jissieħbu f’din l-għaqda. Tlabt lil Ruben jikkonfermali jekk il-membri kellhomx ikunu Żwieten biss?
“Assolutament li le! Wirt iż-Żejtun mhiex għaqda ta’ grupp partikolari għax nemmen li l-wirt storiku huwa ta’ kulħadd. Ovvjament qed nistenna li l-maġġoranza ser ikunu Żwieten imma l-għaqda hija miftuħa għal kulħadd.
Bi pjaċir ngħidlek li diġà għandna membri minn postijiet oħra li ngħaqdu magħna sempliċiment għax jinteressaw ruħhom fil-qasam tal-wirt storiku u għax raw xi ħaġa pożittiva f’din l-inizzjattiva. Sinċerament għalina, aktar ma jkun hemm diversità fil-membri, tant l-aħjar, għax jekk jissieħbu magħna nies li qed japprezzaw il-wirt taż-Żejtun u mhumiex minn din il-belt, allura dawn ikunu qed jagħtu eżempju lil dawk iż-Żwieten li forsi ma jkunux qed japprezzaw daqshekk.”
X’ser ikun mistenni mill-membri ta’ Wirt iż-Żejtun?
“Mill-membri ser ikun mistenni li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-għaqda u li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom magħna. Finalment l-iktar kontribut importanti tagħhom ikun dak li jwasslu l-messaġġ lill-oħrajn dwar il-valur tal-wirt kulturali Żejtuni.”
X’tip ta’ attivitajiet beħsiebkom torganizzaw?
“Għal dis-sena diġà għandi programm t’attivitajiet imma naturalment irid jitwaqqaf il-kumitat l-ewwel.
Nibda biex ngħidlek li nixtieq ħafna li niffukaw fuq it-tfal Żwieten sabiex nibdew inrawwmu fihom l-imħabba lejn belt twelidhom u ngħallmuhom japprezzaw is-sabiħ tal-post li jgħixu fih. Dan hu possibbli billi nersqu aktar lejn l-iskejjel u norganizzaw attivitajiet relatati mat-tfal u l-wirt kulturali. Meta kont kunsillier fil-Kunsill Lokali taż-Żejtun, kont diġà bdejt xi ħaġa simili u nista’ ngħid li t-tfal ta’ dak iż-żmien telgħu b’ċerta mħabba lejn belt twelidhom. Huwa għalhekk illi f’Wirt iż-Żejtun ftaħna applikazzjonijiet b’rati speċjali għall-membri tfal.
Ħsieb ieħor tiegħi huwa li kull sena norganizzaw symposium ma’ grupp ta’ esperti sabiex finalment minnu tinħareġ pubblikazzjoni. Idealment das-symposium ikun marbut mal-attivitajiet ta’ Żejt iż-Żejtun.
Attivitajiet oħra ser jinkludu t-twaqqif ta’ numru ta’ heritage trails madwar inħawi differenti fiż-Żejtun. Ta’ min isemmi li l-Kunsill Lokali taż-Żejtun diġà fassal xi ħaġa simili f’forma ta’ fuljett maħdum f’diversi lingwi.”
X’funzjoni ser ikollha Wirt iż-Żejtun?
“Eventwalment l-iskop tal-għaqda huwa illi flimkien inkattru l-interess u r-rispett lejn il-wirt naturali, kulturali, ambjentali, storiku, etnografiku u arkeoloġiku kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli li għaddewlna ż-Żwieten ta’ qabilna biex inħarsuh, nivvalorizzawh, inkattruh u ngħadduh liż-Żwieten ta’ warajna fl-aħjar stat possibbli, f’kull livell tas-soċjeta’ u fl-isfond ta’ żvilupp sostenibbli.
Jiena nemmen li kull lokal għandu jkollu NGO simili. Din L-Art Ħelwa u Fondazzjoni Wirt Artna jagħmlu ħafna xogħol siewi madwar Malta kollha imma dawn ma jistgħux jagħtu l-attenzjoni diretta lil kull lokal. F’dan il-punt ma nistax ma nsemmix ukoll ix-xogħol impekkabbli li għamel il-Kunsill Lokali taż-Żejtun fejn permezz tas-sottokumitat tal-arti u l-kultura, huwa għamel ġid kbir f’dik li hija ħolqien ta’ kuxjenza dwar il-wirt kulturali tal-lokal. Dan kollu sar permezz tal-organizzazzjoni ta’ diversi attivitajiet fostom fil-promozzjoni tad-djalett, l-għana u l-poeżija. Iż-żmien meta kien hawn min jistħi li hu miż-Żejtun issa għadda u mar, grazzi għall-kampanja sħiħa li għamel il-Kunsill Lokali biex titneħħa l-immaġni negattiva li nħolqot minħabba parti mill-istorja tal-post. Tant hu hekk illi illum kunsilli oħrajn iħarsu lejn il-kunsill taż-Żejtun bħala suċċess.
NGO bħal Wirt iż-Żejtun tista’ tkompli tibni fuq dan kollu. Kunsill lokali huwa marbut bil-liġijiet tiegħu u għandu ċertu limiti sa fejn jista’ jasal, bħal ngħidu aħna ma jistax jagħmel inizzjattivi f’qasam privat, mentri NGO tista’. Anki f’dak li jirrigwarda fondi mill-Unjoni Ewropea, biex tingħata għajnuna f’dan il-qasam, jeħtieġ li jkun hemm NGO fil-lokal u bħalissa fiż-Żejtun m’hemmx NGO relatata.”
Il-ħerqa u l-entużjażmu ta’ Ruben flimkien mal-ideat interessanti tiegħu ċertament ser isarrfu f’ġid kbir għal-lokal taż-Żejtun hekk kif jiġu attwati. Tkellimna dwar diversi proġetti li għandu ppjanati…
“Forsi ftit jafu li ċ-ċangatura taz-zuntier tal-Knisja ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun hija l-istess ċangatura li kien hemm fl-art tal-barracks tal-kavallieri ta’ Forti Rikażli. Sabu ruħom iż-Żejtun meta fi żmien l-Ingliżi, kuntrattur Żejtuni ġie mqabbad jaqla’ ċ-ċangatura tal-forti u dan wara ħadem bihom iz-zuntier tal-knisja. Xi snin ilu kien hemm lapida tal-irħam taħt il-bieb prinċipali tal-knisja li kienet tixhed din l-istorja. Sfortunatament xi vandali kissru din il-lapida u minflok ġiet irrestawratha, intremiet! Qed nittamaw li erbgħa snin oħra, Wirt iż-Żejtun jkun jista’ jikkommemora l-100 sena anniversarju taz-zuntier billi fostom nerġgħu nagħmlu lapida ta’ tifkira.
Każ ieħor li ilu ħafna fuq moħħi hija l-Knisja ta’ San Girgor li ċertament hija waħda mill-akbar teżori li għandna ż-Żejtun. Hija magħrufa fost l-oħrajn bħala enċiklopedija tal-arkitettura peress li fiha għandek l-istili kollha tal-arkitettura, ibda mill-perjodu sikolo-normann u ibqa’ sejjer sal-perjodu neo-klassiku. Iżda barra minn hekk din il-knisja antikissima tħaddan potenzjal kbir storiku u arkeoloġiku. Ngħidu aħna, taħt dil-knisja qatt ma ġie skavat b’reqqa u dan meta viċin sewwa tagħha, fl-inħawi tal-iskola sekondarja taż-Żejtun, instabu fdalijiet arkeoloġiċi ta’ villa Rumana. Infatti waslitli informazzjoni illi meta attwalment saru xi skavi żgħar taħt iz-zuntier, kien instab xi fuħħar li llum jinsab fil-mużew tal-knisja.”
Marbuta wkoll mal-Knisja ta’ San Girgor hemm diversi kurżitajiet u misteri oħra li personalment nixtieq ħafna li xi darba narahom solvuti. Għaldaqstant ħassejtni tassew fuq ix-xwiek meta Ruben żerżaqli din l-informazzjoni…
“Waħda mill-kurżitajiet li Wirt iż-Żejtun jista’ jixħet dawl fuqha hija l-ġrajja tal-passaġġi sigrieti li jinsabu fil-knisja ta’ San Girgor fejn ġew skoperti għadd ta’ skeletri umani. Sal-llum ħadd ma jaf eżatt kif dawn sabu ruħhom hemm imma jiena nħossni determinat biex niċċara din l-istorja darba għal dejjem. Jinħtieġu ħafna xogħol u fondi biex din il-mira ssir realtà fejn fostom għandi ppjanat li dan l-għadam jitpoġġa għal analiżi xjentifika.”
Hija eċċitanti u sabiħa ferm is-sensazzjoni li tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jħaddan l-istess valuri u mħabba lejn xi ħaġa li tgħożż int. U ma ridtx wisq biex nifhem kemm Wirt iż-Żejtun ser tkun kapaċi tagħti das-sodisfazzjon lil dawk li jissieħbu magħha.
“Permezz ta’ Wirt iż-Żejtun nixtieq naqsam dak kollu li naf u dak kollu li niskopri dwar dal-lokal. Naħseb li ormaj dħalt f’kull rokna possibbli tat-triqat taż-Żejtun biex inħuf u nsib ċertu dettalji prezzjużi li wħud miż-Żwieten stess tant drawhom li bilkemm jafu bihom. Fil-fatt ngħir ħafna għall-kappillan, għall-arċipriet, għall-qassisin u għall-politiċi li jistgħu jidħlu fid-djar tan-nies għax m’għandix dubju li hemm teżori ferm isbaħ wara l-ħitan ta’ bosta djar! Mhux darba u tnejn li ġew xi studenti li jkunu qed jagħmlu xi teżi partikolari u ħadthom jaraw xi eżempji, bħal ngħidu aħna numru ta’ muxrabiji li jinsabu ż-Żejtun.”
Qabel nagħlaq din l-intervista tlabt lil Ruben jgħidli xi jfisser iż-Żejtun għalih?
“Iż-Żejtun huwa l-post li trabbejt fih u għalhekk huwa marbut wisq ma’ qalbi. Huwa post li minnu ħarġu wħud mill-personalitajiet li nisġu parti mill-istorja u l-kultura Maltija. Barra minn hekk, il-postijiet differenti li jħaddan ġewwa fih huma xhieda tal-antenati tagħna li matul is-snin għoġobhom jibnu dawn il-binjiet u jieħdu ħsiebhom biex illum nistgħu ngawduhom aħna.
Hija ħasra li ċertu nħawi lanqas iż-Żwieten stess ma jafu bihom, bħal ngħidu aħna lok partikolari li jinsab fit-tarf tar-raħal t’isfel, minn Villa Cagliaris il-fuq lejn il-Ħofra. Hemmhekk hemm l-unika parti taż-Żejtun li ma nbenix bini modern fiha u għandek letteralment ħajt iffortifikat fejn il-parti ta’ wara tad-djar kollha m’għandhom l-ebda aperturi jagħtu għal fuq l-egħlieqi ta’ faċċata. Dan is-sit nistħajjlu mument maqtugħ fil-passat fejn permezz tiegħu nistgħu naraw kif kienet il-ħajja fiż-Żejtun fiż-żmien medjevali – raħal introvert, protett minn barra b’qoxra ta’ ħajt għoli żewġ sulari. Imbagħad għandek rixtellu antik li donnu serva bħala l-bieb tal-belt, fejn wieħed jista’ jara ċarament it-tranżizzjoni bejn iż-żona rurali u dik urbana.
Huma dawn il-karatteristiċi partikolari li jagħtu dik l-identità unika lil kull post f’dinja globalizzata bħal ta’ llum. U l-idea ta’ Wirt iż-Żejtun hija propju li tiġbed l-attenzjoni għal dawn il-karatteristiċi. Biex nagħtik eżempju, dan l-aħħar jiena u wieħed minn uliedi konna qed induru n-noti tal-istudju soċjali fejn fostom kien trattat is-suġġett tal-logħob tat-tfal. Sentenza minnhom kienet issemmi t-tajra u inkludiet ukoll li hemm min isejjħilha ħamiema, naturalment għax f’Għawdex jafuha hekk. Imma anki aħna ż-Żwieten għandna kelma apposta għaliha – manuċċa. U għalhekk lil ibni għedtlu biex fl-eżami, apparti milli jniżżel il-kliem li għandu fin-noti tiegħu, iniżżel dik ukoll.
Huma affarijiet li ninsisti ħafna fuqhom. Forsi jidhru bħala aspetti u karatteristiċi żgħar imma huma dawk li jagħtuk l-identità partikolari tiegħek bħala Żejtuni. Jiena nemmen li kollox huwa katina: il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna, il-wirt li ħallewlna – kollox ma kollox jagħmlek dak li int. U finalment jidhirli li aħna obbligati nipproteġu dak li tħalla lilna u possibilment nħalluh f’kundizzjoni aħjar biex ikun jista’ jitgawda minn dawk li ġejjin warajna.”
Għal aktar dettalji wieħed jista’ jikkuntattja lil Wirt iż-Żejtun permezz tal-facebook Wirt iż-Żejtun jew bl-email wirtizzejtun@gmail.com inkella jista’ jattendi għal-laqgħa li ser issir fl-10:00am, il-Ħadd 30 ta’ Jannar 2011.
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-16 ta’ Jannar 2011)
-
IL-PURĊISSJONI TA’ SAN GIRGOR: TRADIZZJONI JEW FIDI?
Nhar l-Erbgħa li ġej, fiż-Żejtun, issir il-purċissjoni tradizzjonali ta’ San Girgor. Bħala Żejtunija, jiena trabbejt f’din it-tradizzjoni. Kienet tkun l-hena tiegħi nattendi għaliha, aktar u aktar meta gew għala widnejja bosta ġrajjiet u leġġendi li hemm marbuta ma’ din il-purċissjoni u mal-knisja antika ta’ San Girgor. Niftakar li meta skoprejt li kien hemm passaġġi sigrieti f’din il-knisja, ma qgħadtx bi kwieti qabel irnexxieli nidħol fihom u nara b’għajnejja x’kien hemm mistur fis-silenzju ta’ wara dawk il-ħitan antiki ta’ dik il-knisja. Flimkien magħkom il-qarrejja, xtaqt naqsam din il-ġrajja antika. B’dan il-għan, tkellimt mal-Kanonku Dun Joe Abela, li bħali għandu għal qalbu ħafna r-raħal taż-Żejtun u t-teżori tiegħu…
Kif bdiet il-purċissjoni ta’ San Girgor?
Dari kien hemm ħafna teoriji dwar kif bdiet din il-purċissjoni. Meta fl-1575 il-Monsinjur Pietru Dusina żar iż-Żejtun u staqsa lin-nies tal-post meta u għaliex bdiet din il-puċissjoni, l-anzjani Żwieten qalulu illi din kienet ilha teżisti s-snin. Dwar għaliex kienet issir, min qal ħaġa u min oħra. Min sostna li darba kien hemm maltempata kbira u peress li ma saritx ħsara fin-naħat taż-Żejtun, saret din il-wegħda. Oħrajn qalu li dak iż-żmien flotta Torka li kienet ġejja tattakka lil Malta, ġiet meqruda proprju permezz ta’ dil-maltempata u allura bdiet issir din il-purċissjoni bħala ringrazzjament. Diversi minn dawn it-teoriji fil-fatt insibuhom miktubin f’numru ta’ kotba. Madankollu xi ftit tas-snin ilu, il-Patri Dumnikan Dun Mikiel Fsadni irnexxielu jiskopri meta bdiet din il-purċissjoni u għaliex. Sab din l-informazzjoni waqt li kien qiegħed jagħmel riċerka f’xi dokumenti tal-Kurja. Fil-fatt din il-purċissjoni votiva kien ordnaha l-Isqof Cubelles fl-1543 (ftit snin qabel l-Assedju l-Kbir) bħala talba lil Alla biex issaltan il-paċi fost in-nazzjonijiet Ewropej fi żmien ta’ periklu kbir. F’dak iż-żmien wegħdi ta’ pellegrinaġġi simili kienu komuni ħafna.
Min kien jipparteċipa fil-purċissjoni?
Fiż-żminijiet imbiegħda meta bdiet, ftit li xejn kien ikun hawn festi u ċelebrar. Qabel lanqas il-baned ma kienu jeżistu. Waqt festa, kienet issir quddiesa kantata u purċissjoni qasira, jekk kienu jagħmlu, u daqshekk. Għaldaqstant il-festa ta’ San Girgor kienet waħda kbira u importanti. Eluf ta’ nies kienu jinġabru għal dan il-pellegrinaġġ li għalih kienu jieħdu sehem il-kleru kollu u l-fratellanzi kollha ta’ Malta. Mas-sebħ fl-Imdina kien jiġi sparat tir u minn hemm kienu jitilqu l-Monsinjuri bil-mixi. Kienu jaslu l-ewwel sal-Marsa u mbagħad Ħal-Tarxien. Fl-istess ħin, mill-parroċċi kollha ta’ Malta, kienu jitilqu l-Kleru, l-qassisin u l-patrijiet – kollha bl-ilbies u bl-istandardi partikolari tagħhom. Kienet festa mill-ikbar, l-akbar festa ta’ Malta. Tant kienet ikkunsidrata din il-festa f’dawk iż-żminijiet, illi fil-kitba taż-żwieġ, l-għarus kien iwiegħed lill-għarusa li kien ser jeħodha għall-festa ta’ San Girgor u għal dik tal-Imnarja. Barra minn hekk, fl-inħawi taż-Żejtun matul it-triq li minnha kienet tgħaddi l-purċissjoni, nbnew numru ta’ palazzi u djar mill-isbaħ mis-sinjuri ta’ dak iż-żmien biex dawn ikunu jistgħu jgawdu din il-festa tradizzjonali. Tnejn minn dawn huma ‘Casa Perellos’ li nbniet mill-Gran Mastru Ramon Perellos u dak li llum huwa magħruf bħala ‘Juventutis Domus’ li kien inbena mill-Isqof Ferdinando Mattei. Eluf ta’ nies kienu jaslu ftit ftit saż-Żejtun u ż-Żwieten kienu tgħallmu jaqalgħu biċċa ħobż tajba billi kienu jippreparaw l-ilma u l-ikel għall-bejgħ u l-banketti u s-siġġijiet għall-kiri. Wara li nbniet il-knisja parrokkjali li hemm illum, kif kienu jaslu quddiemha, il-fratellanzi kienu jbaxxu l-istandardi u kienet teżisti d-drawwa biex wieħed jara min kien kapaċi jniżżel l-istandard ‘l isfel l-aktar. Aktarx dawn kien ikollhom xi tfajla qed tinnutahom fil-folla li mbagħad kienu jħajjruha biex tiżżewwiġhom. Hemmhekk kienu jkantaw l-antifona ta’ Santa Katerina u mbagħad kienu jibqgħu sejrin sal-Knisja ta’ San Girgor biex jagħmlu l-quddiesa – dik li għadha ssir sal-lum. Il-quddiesa jqaddisha l-Kantur li huwa dak il-Monsinjur li jieħu ħsieb il-kant. Anki din it-tradizzjoni għadha tinżamm sal-lum. Interessanti li nsemmi illi l-pożizzjoni ekkleżjastika tal-Kantur oriġinarjament kien inizzjaha l-Konti Ruġġieru meta niżel f’Malta fl-1090. L-armi tal-kanturi kollha, bl-ewwel waħda tibda fis-sena 1372, huma mpittra fis-sagristija. Il-Kantur li għandna bħalissa huwa Monsinjur Vincenzo Borg minn Birkirkara.
X’differenza hemm bejn il-purċissjoni ta’ dari u dik ta’ llum?
Differenza kbira! Imma l-bidla fil-purċissjoni ma saritx mill-lum għal għada. L-importanza tagħha tnaqqset matul iż-żminijiet. Oriġinarjament din il-purċissjoni kienet issir fit-12 ta’ Marzu li kienet il-ġurnata tal-festa ta’ San Girgor Papa. Imma dan kien jaħbat waqt ir-Randan, żmien ta’ penitenza kbira f’dawk iż-żminijiet u naturalment ix-xalar ma kienx hemm postu. Kien għalhekk illi d-data tal-purċissjoni tressqet għall-ewwel Erbgħa ta’ wara l-Għid. Fis-sena 1622 il-purċissjoni kellha tiġi trasferita peress li kien inqala’ xi nkwiet minħabba l-preċedenza tal-parroċċi waqt il-purċissjoni. Aktar tard fl-1926, l-Isqof Mawru Caruana beda jinnota illi dak li kien beda bħala pellegrinaġġ ta’ talb, in-nies kienet biddlitu f’xalata ħdejn il-baħar. Għalhekk iddeċieda li jqassar u jissimplifika din il-purċissjoni u ordna illi ma kellhomx jibqgħu jieħdu sehem il-parroċċi kollha. Setgħu jipparteċipaw biss l-Isqof, il-Mosinjuri u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat li kienet l-ewwel Fratellanza ta’ Malta. Barra minn hekk, it-triq tal-purċissjoni kellha tibda minn Ħal-Tarxien. Bi speċi ta’ tpattija minħabba dan it-tnaqqis, huwa iddedika l-parroċċa l-ġdida ta’ Tas-Sliema lill-Papa San Girgor il-Kbir. Sa ħamsin sena ilu, jien ilħaqtha titlaq minn hemm. Imma darba minnhom għamlet ix-xita u ddeċidew li dakinhar il-purċissjoni kellha tibda minn San Klement fiż-Żejtun stess. Minn dakinhar ‘l hawn il-purċissjoni ta’ San Girgor baqgħet tibda minn San Klement, jitkantaw xi salmi, jidħlu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fejn titkanta l-antifona ta’ Santa Katerina, jimxu sal-Knisja ta’ San Girgor, ikantaw il-miserere tlett darbiet u ssir quddiesa.
Illum x’parteċipazzjoni jkun hemm f’din il-purċissjoni?
Illum din il-purċissjoni kważi spiċċat fix-xejn. Saret biss xalata. Fil-fatt ftit li xejn ikun hemm nies isegwuha. Illum in-nies aktar ikun moħħhom fl-ikel, fix-xalar u fl-ewwel għawma ġo Marsaxlokk. Fil-purċissjoni għadhom jieħdu sehem l-Arċisqof, numru ta’ Monsinjuri, ftit seminaristi u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat. Nixtieq insemmi illi numru ta’ Żwieten li għandhom għal qalbhom din il-purċissjoni, inkitbu fil-Fratellanza tar-Rabat sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jieħdu sehem. Għall-quddiesa, il-Knisja ta’ San Girgor tkun mimlija. Turisti ftit li xejn ikun hemm peress illi l-purċissjoni tgħaddi fi ftit minuti kollox u allura l-aġenziji turistiċi ma jarawx xi importanza fiha.
Għaliex intagħżlet il-knisja antika ta’ San Girgor għal din il-purċissjoni?
Proprjament din il-knisja hija ddedikata lil Santa Katerina ta’ Lixandra. Hija magħrufa bħala Ta’ San Girgor minħabba din il-purċissjoni. Jingħad li meta l-Isqof Cubelles beda dan il-pellegrinaġġ, ried isib l-aktar parroċċa imbiegħda mill-Imdina sabiex it-triq tkun waħda twila. U b’hekk ġiet magħżula din il-knisja li dak iż-żmien kienet il-Parroċċa taż-Żejtun.
L-arkitettura tal-Knisja ta’ San Girgor tixhed l-antikità tagħha. Uħud jgħidu li għandha d-dehra ta’ fortizza. Ġieli serviet funzjonijiet oħra minbarra dawk pastorali?
Oriġinarjament il-Knisja ta’ San Girgor inbniet bħala knisja għall-ħtiġijiet pastorali. F’dokumenti li saru fl-1436 mill-Isqof Senatore de Mello din il-knisja kienet diġà tissemma bħala l-Parroċċa taż-Żejtun ideddikata lil Santa Katerina. Din il-knisja ma nbnietx f’daqqa. Żiedu fuqha matul iż-żminijiet skont il-ħtieġa. Bdiet bħala kappella żgħira biex isservi l-inħawi kollha tax-Xlokk: iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Ħal-Għaxaq, Birzebbugia u Marsaxlokk. Meta mbagħad ġew il-Kavallieri, ftit ftit ġabu l-prosperità f’pajjiżna billi kienu jħaddmu n-nies u billi kienu jieħdu ħsieb is-sanità u s-saħħa tal-poplu Malti. Għalhekk il-popolazzjoni bdiet tikber u kulħadd bena l-parroċċa tiegħu. Fl-istess ħin, il-knisja ta’ San Girgor bdiet titkabbar ukoll. Fl-1545 il-Konċilju ta’ Trento ordna illi l-knejjes Insara kellu jkollhom il-forma ta’ salib ruman u hekk il-knisja ta’ San Girgor ħadet il-forma kif nafuha illum.
L-arkitettura tal-knisja tirrifletti ż-żminijiet differenti li nbniet fihom. Il-koppla ta’ San Girgor hija fost l-aktar koppli antiki li jeżistu fil-knejjes Maltin. Aspett sabiħ ħafna, stil romanesk, jidher fil-ħnejjiet ġejjin daqsejn għall-ponta bix-xorok iduru magħhom. Il-kappelluni bi stil gotiku bil-bsaten telgħin mill-art li jaqsmu s-saqaf min-naħa għall-oħra f’erbgħa biċċiet, huma bellezza. Fl-artal maġġur u fl-artali l-oħra ta’ San Girgor u tal-Karmnu insibu stil Barokk li kien popolari ħafna fi żmien il-Kavallieri. Il-ħlewwa tal-portiku rumanesk tikkuntrasta bil-kbir mal-binja massiċċa ta’ wara li tagħti d-dehra ta’ fortizza. Għalkemm din il-knisja qatt ma kienet fortizza, hija serviet ta’ ħolqa importanti fid-difiża ta’ Malta billi kienet tintuża’ bħala post ta’ osservazzjoni mis-suldati tad-Dejma. Il-knisja ta’ San Girgor damet isservi ta’ knisja parrokkjali mat-300 sena, bejn wieħed u ieħor sal-1708, meta mbagħad kien hemm il-parroċċa l-ġdida. Għamlet żmien mitluqa, tant li l-Isqof Davide Cocco Palmieri ried iwaqqagħha biex jieħu l-ġebel tagħha. Fortunatament l-ordni tiegħu ma ngħatatx widen. Aktar tadd il-knisja għamlet żmien isservi bħala post fejn is-sajjieda kienu jerfgħu x-xbieki tagħhom u wkoll fejn il-knisja parrokkjali kienet terfa’ xi statwi. Fis-snin meta l-Maltin qamu kontra l-Franċiżi, din il-knisja serviet ukoll ta’ sptar peress li dak li kien hemm fil-belt Valletta kien f’idejn il-Franċiżi nfushom. Fl-aħħar gwerra, il-knisja serviet ukoll bħala post ta’ rifuġju għal dawk l-għadd ta’ familji li ħarbu mill-Kottonera. Jien niftakru ċar dak iż-żmien. Minn xi għaxart elef ruħ, fiż-Żejtun konna noqogħdu sittax-il elf. Kulħadd kien ġabar xi familja miegħu. Niftakar li missieri kien daħħal żewġ familji joqogħdu magħna. Uħud bdew joqogħdu fil-każini, oħrajn fid-Domus u l-bqija proprju f’din il-knisja. Niftakar lil Knisja ta’ San Girgor maqsuma bil-lożor. Familja kienet toqgħod ġo kaxxa mdawwra bi tlett lożor! Ta’ min jgħid li din il-knisja fi żmien l-assedju l-kbir, kienet intużat ukoll kontra l-Maltin stess meta din ġiet maħtufa mit-Torok li kienu ħadu taħt idejhom dawk l-inħawi.
X’tgħidilna dwar il-passaġġi sigrieti li hemm ġewwa din il-knisja?
Meta kont tifel jien, kien hemm l-għidut illi madwar il-koppla tal-Knisja ta’ San Girgor, kien hemm passaġġi sigrieti li fihom kien hemm midfunin xi nies li kienu qatlu t-Torok u ħallewhom hemm. Kien jingħad illi darba minnhom, it-Torok kienu laħqu telgħu sewwa lejn iż-Żejtun sakemm il-Maltin indunaw bihom. Min seta’, telaq kollox u ħarab lejn l-Imdina. Imma xi oħrajn, li kienu jafu bil-passaġġi sigrieti, telgħu jistaħbaw fihom bit-tama li joħorġu wara li jgħaddi kollox. Iżda ġara, li kif soltu kienu jagħmlu, dawn il-kursara daħlu wkoll fil-knisja u ndunaw bil-Maltin mistoħbija hemm fuq u mbarrawhom hemm. Meta ż-Żwieten l-oħra ġew lura, dawn kienu laħqu mietu u peress li kienu ilhom sewwa mejtin, l-iġsma ta’ dawn l-imsejkna tħallew hemm. Dari, dawn l-invażjonijiet f’dawk l-inħawi kienu spissi u sikwit kienu jħallu ħerba sħiħa warajhom. Kitba fuq pilastru ħdejn l-altar maġġur tfakkar kif f’wieħed minn dawn l-attakki li sar fl-1614, it-Torok għamlu ħsara konsiderevoli lil din il-knisja. Il-Misilmin kienu jisirqu kull ma jiġi għal idejhom u jkaxkru lin-nies tal-inħawi magħhom biex jeħduhom bħala skjavi. Kienu jiġu bix-xwieni mill-Afrika u l-ewwel ma kienu jsibu quddiemhom kienu l-bajjiet ta’ San Tumas, ta’ Wied il-Għajn, ta’ Birzebbugia u dik ta’ Marsaxlokk li kollha kienu faċli ħafna biex titla’ minnhom. Il-passaġġi sigrieti nbnew biex jintużaw bħala lok ta’osservazzjoni għal dawn is-sibbien ħalli minnhom jingħata l-allarm lill-bqija ta’ Malta. Il-passaġġi sigrieti kienu biss leġġenda sakemm darba minnhom fl-1969, is-sagristan tal-knisja, Ġan Marì Debono, kien qiegħed iħalleb il-bejt minħabba x-xita. Dan innota li kien hemm ġebla għolja li ma kienx jaf x’inhi u ddeċieda li jaqlagħha. Hekk kif fetagħha ra ħafna dlam u tħasseb hemmhekk fejn kien jiġi. Dak il-ħin stess, mar iġib xemgħa u niżel fl-ispiera mudlama. Hemmhekk isib tlett kuriduri u fihom kien hemm għadd ta’ skeletri mxerrda. Fil-ħitan, imbarrati bil-ġebel, instabu wkoll ħames fetħiet li tlieta minnhom kienu jagħtu fuq ir-Ramla ta’ San Tumas u Wied il-Għajn u t-tnejn l-oħra, fuq Marsaxlokk u Birżebbugia. Mal-iskeletri nstabu wkoll żewġ muniti żgħar, il-fdalijiet ta’ salib Biżantin u biċċa xibka li kienet tintlibes fuq is-sider taħt il-kurrazza.
X’importanza kienet ingħatat is-sejba ta’ dawn il-passaġġi sigrieti?
Uuu. X’agħa kienet qamet! Il-gazzetti faru kollha bl-aħbar u kienu għamlu propoganda kbira. Kien ħareġ illi l-leġġenda tal-passaġġi sigrieti kienet realtà imma li dawn ma kienux madwar il-koppla imma mibnija ġol-ħitan massiċċi tal-kappellun tal-lemin. Niftakar li kemm l-Isqof Gonzi u kif ukoll il-Gvernatur kienu żaru l-knisja u anki daħlu fil-passaġġi sigrieti, fost diffikultà kbira dak iż-żmien. L-istudjużi ippruvaw jiddataw l-għadam li nstabu. Imma dak iż-żmien ma setgħux joħorġu konklużjonijiet peress li ħareġ li l-fdalijiet kienu ilhom wisq esposti għall-arja. Id-dati fuq il-muniti ma kienux baqgħu jingħarfu. Imnaqqxa fid-daħla tal-passaġġi, instabet ukoll id-data 1909. Huwa evidenti li dawn il-passaġġi kienu diġà nstabu darb’oħra. Jista’ jkun li f’dak iż-żmien, meta ntlemħu l-iskeletri, beżgħu li setgħu kienu xi fdalijiet ta’ xi mejtin bil-pesta u l-passaġġi reġgħu ingħalqu minnufih.
X’ġara minn dawn l-iskeletri u x’inhi l-opinjoni tiegħek dwar din is-sejba?
L-iskeletri li nstabu fil-passaġġi sigrieti ġew impoġġija fuq in-naħa ta’ wara tat-tielet kuridur. Il-fdalijiet li nstabu magħhom qegħdin esposti kollha ġo kamra fil-knisja ta’ San Girgor stess. Nistqarr li lili din il-ġrajja tan-nies magħluqa hemm ġew mit-Torok, ma tantx tinżilli. Ma nistax nifhem kif fiż-żmien meta n-nies kienu jiġu ppersegwitati tant mit-Torok, ma ħadu xejn magħhom biex jiddefendu ruħhom. Ma nemminix dit-teorija u hemm oħrajn li jaħsbuha bħali. Diffiċli kif ma sibna kważi xejn li xejn mal-iskeletri. Jiena aktar naħseb illi l-passaġġi għamlu żmien jintużaw bħala ossarju u li dawk l-iskeletri tpoġġew hemmhekk biex jagħmlu spazju lil xi oħrajn li kienu jindifnu taħt il-qiegħa tal-knisja.
Innutajt li mal-ħitan tal-Knisja ta’ San Girgor hemm ukoll għadd ta’ graffiti b’dati antiki magħhom. X’tikkummenta?
Iva. Il-ħitan miżgħuda bihom għalkemm sfortunatament maż-żmien, dawn qed jintilfu wieħed wieħed. Graffiti partikolari huma dawk tal-istilla ta’ David maqsumha bi vleġġa. Donnu kien hemm xi moviment anti-semitiku kontra l-Lhud. Irridu niftakru li fiż-żminijiet tan-nofs, il-Lhud kienu jiġu ppersegwitati ħafna mill-Insara. Hemm ukoll numru ta’ graffiti ta’ xwieni b’dati li jmorru lura għas-sbatax-il seklu. Dawn kienu jkunu wegħdi li kienu jagħmlu s-sajjieda meta kienu jeħilsu minn xi għawġ fuq il-baħar. Dawk is-sajjieda li ma kienx ikollhom flus biżżejjed biex jagħtu xi għotja lill-knisja, kienu minflok jonqxu x-xwieni tagħhom fuq wiċċ il-knisja bħala devozzjoni.
Il-Knisja ta’ San Girgor hija teżor storiku. Taħseb li hija rikonoxxuta biżżejjed u li qed tingħata l-protezzjoni li jixirqilha?
Daqs tlett snin ilu sar restawr tajjeb ħafna lil din il-knisja u nħossni kuntent ħafna bix-xogħol li sar. Taf x’nixtieq? Li jiġi rranġat iz-zuntier li hemm madwarha. Il-ġebel ittiekel ħafna, tant li ġie perikoluż immens biex timxi fuqu speċjalment meta jkun imxarrab.
Il-purċissjoni ta’ San Girgor flimkien mal-istorja antika tal-knisja innifisha huma wirt storiku tagħna l-Maltin kollha. Imma llum din il-purċissjoni temmen li għadha sinjal ta’ fidi jew tradizzjoni?
Illum kollox sar jieħu l-forma ta’ spettaklu u kollox jiġi ridott f’xalata. Naħseb li ftit huma dawk li għadhom iqisu din il-purċissjoni bħala xi mezz ta’ penitenza jew ta’ talb. Fil-fatt il-Knisja stess ma tantx għadha tagħfas ħafna fuq purċissjonijiet u ċelebrazzjonijiet bħal dawn. Jiena stess, illum sirt nemmen illi jekk irrid nitlob sewwa, aħjar ninġabar f’post għall-kwiet milli nieħu sehem f’purċissjoni bħal din. Iż-żminijiet jinbidlu.
Allura taħseb li m’għadx fadal aktar skop li tibqa’ ssir il-purċissjoni ta’ San Girgor?
Le. Mhux qed ngħid hekk. Wegħda solenni hija wegħda. U jiena nemmen li din il-purċissjoni għandha tibqa’ ssir għax hija wegħda li l-poplu għamel ma’ Alla. Wegħda għandha tinżamm għal dejjem.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 t’April 2009)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | ||||||
2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 |
9 | 10 | 11 | 12 | 13 | 14 | 15 |
16 | 17 | 18 | 19 | 20 | 21 | 22 |
23 | 24 | 25 | 26 | 27 | 28 | 29 |
30 | 31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23