• WASAL IŻ-ŻMIEN LI JIDĦOL ID-DIVORZJU FIL-PAJJIŻ?

    Trid u ma tridx, taqbilx jew le, id-divorzju saret issue taħraq ħafna f’pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur. Kulħadd jgħid tiegħu. Min jitkellem mill-esperjenzi tiegħu jew ta’ xi familjari jew ħbieb. Min jesprimi opinjonijiet mimlija passjoni u emozzjoni favur jew kontra. Oħrajn jgħidu li das-suġġett ma jinteressaħhomx għax huma m’għandhomx bżonnu jew għax ma jemmnux fih. Imma anki dawn huma opinjonijiet. Illum għażilna żewġ individwi li għandhom il-perspettiva tagħhom ċara ħafna dwar id-divorzju. Għaldaqstant ħadnilhom dawn il-kummenti.

    INTERVISTA: JOHN DALLI

    F’dawn l-aħħar xhur, inti esprimejt l-opinjoni illi għandu jsir dibattitu dwar id-divorzju. Għaliex taħseb li dan huwa importanti?

    John DalliJiena ġejt mistoqsi fuq x’naħseb fuq il-kwistjoni tad-divorzju u rrispondejt li naħseb li hemm bzonn li f’pajjiżna jkun hawn diskussjoni dwar dan.

    Naħseb li din hi issue soċjali ta’ importanza li m’għandiex tkun xi taboo ta’ diskussjoni.  Basta d-diskussjoni tkun waħda matura u oġġettiva.

    Is-sitwazzjoni soċjali f’pajjiżna, f’dak li jirrigwarda l-familja, il-miżżewġin u t-tfal, jeħtieġ li tiġi analizzata fil-fond mhux biss biex nistabilixxu d-dimensjoni tal-problema li jista’ jkun hawn ta’ tfarrik taż-żwiġijiet imma  biex niddeterminaw il-kawża u nippruvaw insibu rimedji biex insaħħu l-għaqda tal-familja.  Imbagħad importanti naraw bir-reqqa l-effett li dan kollu għandu fuq it-tfal – il-vittmi innoċenti li jiżfnu fin-nofs bejn żewġ adulti.

    Inti temmen illi l-istat għandu d-dmir li jilleġiżla s-separazzjoni bejn is-setgħat ta’ l-istat minn dawk tal-Knisja?

    Jiena naħseb li m’hemmx għalfejn nilleġiżlaw.  Din is-separazzjoni illum hija aċċettata.  Id-diskors li għamel Mons. Arċisqof fil-21 ta’ Settembru juri dan biċ-ċar.

    Gvern Nazzjonalista dejjem ipprova jżomm il-bogħod mis-suġġett tad-divorzju. Kemm qed taffetwa l-opinjoni ekkleżjastika f’dan il-qasam?

    Jiena naħseb li għandna nitkellmu fuq illum u għada u mhux fuq il-bieraħ.  Jiena naħseb li pjuttost milli l-opinjoni ekkleżjastika, hi l-opinjoni personali ta’ l-individwu li tiskjara favur jew kontra xi tip ta’ azzjoni fuq suġġetti bħal dawn.  Il-Knisja għandha t-tagħlim soċjali tagħha li hu mibni fuq sisien sodi, ħsieb profond u filosofija ta’ tisħiħ tas-soċjetà.  Hawn ħafna min, bħali, iħaddan din il-filosofija.  Oħrajn le.  Bħala leġiżlatur, jiena nirrapreżenta ż-żewġ naħat u nħoss li m’għandi l-ebda dritt nimponi l-opinjoni tiegħi fuq ħaddieħor. Ikolli nanalizza s-sitwazzjoni ta’ l-impatti fuq is-soċjetà ta’ deċiżjoni differenti wara li ninforma ruħi mill-esperti u min-nies.

    Miċ-ċensiment li sar fl-2005 ħareġ illi l-ammont ta’ persuni separati f’Malta, f’medda ta’ għaxar snin, tela’ għal aktar mid-doppju. Ħafna minnhom jirnexxielhom jibnu ħajja ġdida ma’ persuna oħra u saħansitra jkollhom it-tfal b’konsegwenza illi bosta trabi qegħdin jitwieldu barra miż-żwieġ. Jista’ l-istat jibqa’ jinjora dawn il-fatti?

    Għalhekk nemmen li llum huwa meħtieġ li ssir diskussjoni serja.

    Mill-istess ċensiment irriżulta illi f’pajjiżna hawn iktar minn 2300 persuna iddivorzjata. Barra minn hekk, skond tagħrif mill-Parlament, minn mindu Malta saret membru ta’ L-Unjoni Ewropeja fl-1 ta’ Mejju 2004, 115-il divorzju ġew reġistrati f’Malta wara li dawn ngħataw minn stati oħra membri. Kif tqis il-fatt illi min hu l-aktar privileġġjat qed jirrikorri għad-divorzju xorta waħda u jiġi rikonoxxut f’pajjiżna?

    Ma naħsibx li d-divorzju hu xi servizz soċjali.  Nerġa’ ngħid, għalhekk naħseb li għandha ssir diskussjoni serja,

    Dr Lawrence Gonzi qiegħed jinsisti li jrid jimxi b’kawtela fir-rigward tad-divorzju. Saħaq li hu lest li jibda janalizza u jiddiskuti l-proposta tad-divorzju. Madanakollu huwa stqarr illi l-ewwel jixtieq jara x’miżuri jistgħu jittieħdu biex jissaħħu l-familji Maltin u Għawdxin. X’miżuri qegħdin jiġu kkunsidrati? U fuq kollox, jidhirlek illi għal bosta koppji li ż-żwieġ tagħhom sfaxxa, dawn il-miżuri qed isiru tard wisq?

    Naqbel perfettament ma’ Dr Lawrence Gonzi.  L-iskop primarju tagħna hu kif insaħħu l-familji u kif nistgħu ngħinu billi noffru għajnuna bħal: tagħlim, counselling u miżuri prattiċi li jgħinu sabiex titkattar l-għaqda familjari fiż-żminijiet tal-lum.  M’għandux ikun oġġettiv li nħaffu l-isfaxxar taż-żwieġ.

    Hemm min qed isostni illi l-Gvern ta’ llum qiegħed jitkellem fuq il-proposta ta’ diskussjoni dwar id-divorzju għax ġie mġiegħel minn Dr Joseph Muscat wara li dan għamel id-dikjarazzjonijiet tiegħu ċari dwar is-suġġett. X’inhuma l-kummenti tiegħek?

    Il-pożizzjoni tal-Partit Laburista ilna nafuha.  Jiena għamilt il-kumment li għamilt għax illum din hi materja fid-dikasteru tiegħi u għaliex nifhem aktar u aħjar il-landscape soċjali f’pajjiżna.

    Id-diskussjoni dwar id-divorzju tidher li issa qabdet sew. Uħud jiddikkjaraw illi l-voti kienu u għadhom jiġu qabel il-prinċipji u li Gvern Nazzjonalista qatt mhu ser jgħaddi l-leġiżlazzjoni tad-divorzju. Isiru d-diskussjonijiet iva, imma daqshekk. X’inhi l-opinjoni tiegħek?

    Id-diskussjoni tad-divorzju għandha ssir b’serjeta.  Il-Partit Nazzjonalista se jagħmel dak li jkun hemm bżonn fl-interess tal-pajjiż.  Jekk niġbdu l-argument, l-istess nies li qed jikkumentaw, kif ghidt int, jgħidu wkoll li Dr Joe Muscat tkellem dwar id-divorzju biex jiġbed il-voti?  Jien ma naħsibx hekk.

    Billi l-partit Nazzjonalista fil-Gvern m’għandux mandat ċar biex jiddaħħal id-divorzju f’pajjiżna, taħseb illi għandu jkun il-poplu li jiddeċiedi fuq dan is-suġġett f’referendum nazzjonali?

    Għadu kmieni biex nikkummenta fuq dan.  Però din tista’ tkun possibbiltà.

    Inti taqbel li għandu jiddaħħal id-divorzju f’Malta?

    Jiena ħerqan li nisma’ lil min jifhem, jitkellem dwar dan.

    ————————————————————————————————————————————————

    INTERVISTA: MARLENE PULLICINO

    Inti temmen illi d-divorzju f’Malta mhux is-soluzzjoni għall-mard li hawn fis-soċjetà tagħna u li għaldaqstant inti tivvota kontrieh. X’inhu l-‘mard’ li qed tirreferi għalih u x’taħseb li jistgħu jkunu s-soluzzjonijiet ?

    Marlene PullicinoIl-mard li qed nirreferi għalih huwa dak ta’ natura soċjali li    minħabba fih ħafna familji qed jisfaxxaw. Insemmi per eżempju l-materjaliżmu u l-konsumiżmu li ġrew bina. Sirna soċjetà fejn infittxu ħafna d-drittijiet tagħna u qajla naħsbu darbtejn x’inhuma d-dmirijiet tagħna. Mard fis-soċjetà, għalija jfisser, li qed  inwarrbu valuri bażiċi bħalma huma l-onestà u r-responsabbiltà ta’ dak li nagħmlu.

    Li jeħtieġ isir huwa illi minn meta żewġ persuni joħolmu biż- żwieġ, tibda tingħata gwida kontinwa kemm mill-istat kif ukoll  mill-Knisja. Din l-għajnuna, il-familji għandhom jibqgħu isibuha anki matul iż-żwieġ u speċjalment meta jibdew jinqalgħu l-problemi fiż-żwieġ. Din l-assistenza tista’ tieħu diversi forom bħal:  childcare units (biex il-mara tkun tista’ tmur taħdem b’aktar faċilità), ħolqien ta’ Institute Family Therapy (biex tagħti sostenn   lill-membri kollha tal-familja), impjiegi aktar sikuri (għal aktar serħan tal-moħħ u inqas stress bejn il-koppja), maternity u paternity leave u politika soċjali aħjar. Huwa fatt magħruf illi l-ekonomija  tgawdi meta jkollok familji b’saħħithom, bil-membri tagħha mentalment b’saħħithom. Preferibilment it-tagħlim tal-valuri u l-life skills għandu jibda mit-tfulija u għandu jiġi mgħallem kemm  mid-dar kif ukoll mill-iskola. Illum sirna nagħtu ħafna importanza  lit-tagħlim akkademiku filwaqt li ftit li xejn niddedikaw ħin biex insaħħu l-valuri fit-tfal

    Jidher li inti taċċetta illi min mhux tar-reliġjon tiegħek għandu d-dritt ċivili li jagħżel id-divorzju biex iħassar il-kuntratt taż-żwieġ. Madanakollu dan ma japplikax għal min jagħżel li jiżżewweġ bil-Knisja. X’tikkummenta dwar dan?

    Jekk iż-żwieġ għal xi nies ifisser kuntratt ċivili, allura bħal kuntratt ċivili għandu jkollu d-dritt li jinħall. Min-naħa tiegħi, jiena xorta waħda tal-fehma illi biex żwieġ ikun b’saħħtu jeħtieġ li jiġi investit fih ‘commitment’ serju u mhux jiġi trattat bħala biċċa business (kuntratt ċivili).

    Min jagħżel li jiżżewweġ bil-Knisja bħali, jaqa’ taħt ir-regolamenti tal-Knisja. Il-Knisja qatt ma sfurzat lil ħadd biex jiżżewweġ fi   ħdanha. Madanakollu la wieħed jagħżel li jagħmel dan, naqbel li għandu joqgħod għall-linji gwida li toffri l-Knisja Kattolika. Saħansitra l-iċken soċjetà għandha l-istatut tagħha. Aħna l-Kattoliċi  għandna tagħna.

    Kif taħseb illi jistgħu jgħinu l-Knisja u l-awtoritajiet ċivili sabiex jissaħħu l-familji Maltin u Għawdxin?

    L-għerq ta’ l-inkwiet fil-familji ta’ llum huma l-istress u l-piżijiet  finanzjarji. L-istat jista’ jgħin billi jadotta Family Friendly Policy f’kull qasam, partikolarment fil-qasam ta’ l-impjiegi bħal flexitime, job sharing, paid jew unpaid leave u childcare facilities li ilna ħafna nitkellmu fuqhom imma ftit li xejn sar dwarhom. Għas-serħan tal- moħħ fejn jidħlu piżijiet finanzjarji għall-familji nibda billi nsemmi l-bżonn ta’ pagi diċenti, aktar ‘job security’, assigurazzjoni ta’ servizz tas-saħħa b’xejn u d-dinjità ta’ l-impjieg.

    L-istat u l-Knisja huma l-akbar edukaturi tat-tfal tagħna. Jidhirli illi dawn għandhom jisħqu aktar fuq it-tisħiħ tal-valuri bħal: rispett, responsabbiltà, ‘commitment’, diliġenza u tolleranza fit-tfal tagħna. Dawn il-kwalitajiet il-quddiem jagħmlu adulti li jistgħu jkunu rġiel u nisa miżżewġin b’ċans akbar li jirnexxielhom iżommu ‘l familja magħquda. Din l-edukazzjoni għandha tkompli fuq l-adulti  miżżewġin anki jekk ikun hemm bżonn ftit tal-ħin fuq il-post tax-xogħol.

    Meta l-koppji jsibu ruħhom f’diffikultà, l-Knisja u l-istat jeħtieġ li jaħdmu flimkien biex jipprovdu għajnuna professjonali serja lill-ommijiet, lill-missirijiet u lit-tfal.

    “Għal min għandu vera raġuni valida hemm l-annullament”. Għalfejn l-annullament iva u d-divorzju le?

    L-annullament ma jħollx iż-żwieġ iżda jippruvah li qatt ma kien żwieġ validu. Min-naħa l-oħra, d-divorzju jħoll żwieġ li jkun validu. Għaldaqstant f’għajnejja, id-divorzju jnaqqas is-saħħa ta’  permanenza li għandu jkollu ż-żwieġ. Min jiżżewweġ biċ-ċivil biss għandu aċċess għall-annullament ċivili xorta waħda.

    Miċ-ċensiment li sar fl-2005 ħareġ illi l-ammont ta’ persuni separati f’Malta, f’medda ta’ għaxar snin, tela’ għal aktar mid-doppju. Illum m’għandnix l-għażla tad-divorzju f’pajjiżna. Dan ma jindikax illi d-divorzju mhux ir-raġuni għala l-familji jitkissru?

    Id-divorzju mhux ir-raġuni għalfejn il-familji jitkissru. Madanakollu, jiena ċerta illi d-divorzju jista’ jkun ir-raġuni il-għala aktar familji jitkissru. Dan minħabba li d-divorzju jagħmilha eħfef biex minflok wieħed jagħżel it-triq iebsa tar-rikonċiljazzjoni, jippreferi jagħżel it-triq aktar faċli li jaħrab mill-problemi, anki  jekk dawn il-problemi jkunu solvibbli. Jekk jibda jseħħ dan, ikunu proprju t-tfal li jbatu l-aktar, minħabba li dawn ma jitgħallmux  jikkumbattu u jirbħu d-diffikultajiet tal-ħajja u lanqas ikollhom l- istabbilità qawwija li toffri familja tradizzjonali.

    Mill-istess ċensiment irriżulta illi f’pajjiżna hawn iktar minn 2300 persuna iddivorzjata. Barra minn hekk, skond tagħrif mill-Parlament, minn mindu Malta saret membru ta’ L-Unjoni Ewropeja fl-1 ta’ Mejju 2004, 115-il divorzju ġew reġistrati f’Malta wara li dawn ngħataw minn stati oħra membri. Kif tqis il-fatt illi min hu l-aktar privileġġjat qed jirrikorri għad-divorzju xorta waħda u jiġi rikonoxxut f’pajjiżna?

    Ma nafx kemm minn dawn kienu miżżewġin bil-Knisja. Iżda għalija, min jieħu d-divorzju ma tantx insejjaħlu privileġġjat għax ikun għadda minn martirju. Kieku kien hawn aktar għajnuna u kieku l-liġijiet tal-ko-abitazzjoni kienu ġusti għal min iż-żwieġ tiegħu kien irrimedjabbilment imkisser, forsi dawn ma kienx ikollhom għalfejn jiddivorzjaw.

    Il-fatt li divorzju barrani jiġi rikonoxxut f’pajjiżna twaqqa’ s-sistema ġudizzjarja tagħna għal waħda servili.

    F’artiklu tiegħek inti ktibt “Iż-żwieġ tagħna sfaxxa. J’Alla ħadd ma jgħaddi minnha”. Issa li qed tgħix f’relazzjoni ġdida, għaliex ma tixtieqx li permezz tad-divorzju jkollok l-opportunità li tibda kollox mill-ġdid?

    Mhux id-divorzju jagħtik l-opportunità li tibda kollox mill-ġdid iżda l-fejqan tal-moħħ, tal-ġisem u tar-ruħ. Din waħda mill-ideat żbaljati kbar li jeżistu dwar id-divorzju.

    Inti ma taqbilx mad-divorzju. Però kieku kellu jidħol f’pajjiżna, jista’ jkun li tikkunsidra li tużah?

    Le. Ma nikkunsidra qatt li nużah. La għażilt li niżżewweġ bil-Knisja jiena ser nimxi mar-regolamenti tagħha.

    Għaliex inti daqshekk kontra d-divorzju? Ma temmen li hemm xejn tajjeb fih?

    Jiena ma naqbilx mad-divorzju għax inħossni konvinta li mhux fl-interess tal-ġid komuni. Ma naħsibx illi d-divorzju huwa  xi tip ta’ soluzzjoni għaliex bid-dħul tiegħu fi ħdan is-soċjetà tagħna, nemmen illi titneħħa l-permanenza fiż-żwieġ. Dan bla dubju jkun ta’ detriment kbir kemm għal min ser jiżżewweġ u kemm għal min huwa diġà miżżewweġ. It-tbatija fuq il-koppja kif ukoll fuq it-tfal mhux ser tittaffa permezz tad-divorzju. It-tbatija tkun ilha li bdiet; minn meta jibda jiddgħajjef iż-żwieġ sakemm jasal biex jintemm.  Fil-fatt id-divorzju jingħata meta ż-żwieġ jispiċċa u l-partijiet ikunu waslu diġà għal qbil fuq dan.

    Wara l-esperjenza li għaddejt minnha fl-ewwel żwieġ tiegħek, għadek temmen fiż-żwieġ? Kieku kellek iċ-ċans terġa’ lura fiż-żmien, tagħżel li tiżżewweġ?

    Iva. Għadni nemmen fiż-żwieġ. U kieku kelli ċ-ċans nerġa’ mmur lura fiż-żmien, iva, nagħżel li niżżewweġ. U nerġa’ niżżewweġ bil-Knisja. Issa li għaddejt mill-esperjenza ta’ separazzjoni, nista’ nagħraf aħjar l-iżbalji li għamilt jien u naf ukoll ngħin lill-partner tiegħi biex fejn jista’ jevita l-iżbalji anki hu. Kieku immur b’aktar   kuraġġ li ż-żwieġ tiegħi jirnexxi bħal kif qed tirnexxi r-relazzjoni  li għandi bħalissa.

    Kont ilni tlettax il-sena miżżewġa u issa ilni sebgħa snin ngħix f’relazzjoni stabbli u kuntenta. Nixtieq insemmi l-għajnuna kbira li sibt mill-qassisin u mill-Knisja li qatt ma ċaħditni minħabba din l-għażla li għamilt.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-12 t’Ottubru 2008)