Posts Tagged ‘Torċa’
-
Temmen jekk trid
Soqt għal għonq it-triq lejn il-Mellieħa taħt sema tqila bi sħab iswed ċomb u tlabt bil-qalb li nilħaq nasal qabel din ifettlilha tiftaħ bwiebha… U oħroġ il-għaġeb, hekk kif missejt mat-tarġa tal-bieb tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, inħoss l-ewwel qatriet qawwija nieżla fuq dahri, li mill-ewwel inbidlu f’xita qalila, hekk kif dħalt ġewwa għall-kenn ta’ dan ir-rifuġju sagru. Għajnejja mill-ewwel waqgħu fuq dak li kont mort għalih – in-numru kbir ta’ kwadri ex-voto mwaħħla mal-ħitan. U hekk kif rajt lil Jimmy Muscat riesaq isellimli, ma domtx ma ntbaħt li għal darb’oħra, kont ser niskopri xi erbgħa stejjer interessanti mhux ħażin.
Infatti, kien proprju l-ktieb ta’ dan l-awtur ‘Ex-Voto: Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa’ li ġibidni lejn dan il-post. F’dan il-ktieb li hu wkoll speċi ta’ katalogu, Jimmy jippreżenta ġabra tal-110 kwadru ex-voto li rnexxielhom isalvaw sal-ġurnata ta’ llum f’dan is-santwarju, fejn 64 minnhom għandhom tema marittima, filwaqt li l-oħrajn juru xeni ta’ mard u inċidenti li n-nies irnexxielhom ifiequ minnhom. Naturalment, kull kwadru għandu l-istorja partikolari tiegħu imma mhux kull wieħed fih id-dettalji ta’ dan ir-rakkont miktubin fuqu. Uħud mill-kwadri għandhom xi deskrizzjoni ta’ dak li kien seħħ biex saret din il-pittura, oħrajn għandhom biss id-data mniżżla fuqhom, filwaqt li numru ieħor juru l-ittri V.F.G.A. (Votum Fecit Gratiam Accepit) li jfisser li l-wegħda ntalbet u l-grazzja nqalgħet. Fl-istess ħin, anki jekk numru ta’ xogħolijiet m’għandhom l-ebda kitba fuqhom, jekk wieħed jiflihom sewwa, xorta waħda jista’ jinnota xi dettalji li kapaċi jagħtuh indikazzjoni tal-kuntest tagħhom, bħal ngħidu aħna mit-tip ta’ xwieni, mill-bnadar li jkollhom fuqhom, mill-inħawi li jidhru fl-isfond, mill-ilbies tan-nies u mill-għamara tad-djar. Għaldaqstant, dawn l-ex-voto mhumiex biss xhieda tat-twemmin tal-popli matul iż-żminijiet imma anki riflessjoni tal-istorja u tas-soċjetajiet differenti li ħallew dan il-wirt tagħhom f’dan il-post.
Imma, ejja nimxu lura fis-snin, lejn il-bidu ta’ dan is-sit… Skont l-istudji fl-istorja tal-Mellieħa li għamel Jimmy, jidher li qabel is-17 il-seklu, l-inħawi ta’ fejn illum jinsab dan is-santwarju, kienu biss għerien naturali. Minħabba l-attakki spissi tal-pirati li kienu jsibu l-bajja tal-Mellieħa mira faċli biex minnha jitilgħu l-art, l-inħawi tal-madwar kienu meqjusa bħala perikolużi wisq biex wieħed jgħix fihom. Probabbilment kien hemm xi wħud li kienu jazzardaw jgħixu f’xi għerien tal-madwar, imma dawn kienu jafu li kienu qed jilgħabu xortihom kuljum hemmhekk. Intant, skont xi dokumenti li nstabu, jidher li fl-1640 kien beda t-tħaffir tal-inħawi fejn illum jinsab is-santwarju. Iżda mill-ġdid, minħabba l-invażjonijiet minn perjodu għall-ieħor tal-pirati, intilfu ħafna dokumenti sinifikanti minn dan il-post u fil-fatt il-manuskritti li għandna llum jibdew mit-18 il-seklu.
Il-ħaġa tal-iskantament hija illi għalkemm dawn l-inħawi kienu meqjusa tat-twegħir, bosta pellegrini xorta waħda kienu jirriskjaw ħajjithom sabiex iżuru wieħed minn dawn l-għerien li kien meqjus bħala sagru minħabba xbieha partikolari li kellu fuq il-ħajt. Dan għaliex it-tradizzjoni tgħid li din ix-xbieha tal-Madonna bil-Bambin f’idejha kien pinġiha fuq il-blat San Luqa, meta fis-sena 60W.K. huwa kien qiegħed f’Malta flimkien ma’ sieħbu San Pawl, u għalhekk din kienet ikkunsidrata bħala mirakoluża. Tradizzjoni oħra relatata ma’ dan il-post tirrakkonta illi fis-sena 409W.K. grupp ta’ isqfijiet kienu żaru dan l-għar u meta raw din it-tpinġija ta’ San Luqa mal-blat u t-twemmin sod li kien hemm marbut magħha, huma ddeċidew li jikkonsagraw dan il-post bħala knisja.
Li nafu fiż-żgur huwa li maż-żmien, inbena santwarju sħiħ madwar ikona li turi x-xbieha tal-Madonna bil-Bambin f’idha. Barra minn hekk inbnew ukoll xi kmamar għall-pellegrini fejn dawn setgħu jistrieħu ftit qabel jerħulha lura lejn l-abitat tagħhom. Sal-ġurnata ta’ llum, bosta pellegrini għadhom iżuru dan il-post biex jitolbu l-għajnuna tal-Madonna tal-Mellieħa quddiem din ix-xbieha. Min-naħa l-oħra, xi studjużi tal-arti għandhom ukoll interess f’din ix-xbieha peress li għad hemm diversi mistoqsijiet relatati magħha. Fosthom hu maħsub li l-ikona li qed naraw fil-preżent, kienet saret fit-13 il-seklu. Iżda mid-dehra taħt din it-tpinġija, hemm oħra ferm aktar antika minnha, minħabba li waqt li kien qed isirilha xi restawr, beda joħroġ xi fdal tad-deheb minn taħtha. Dan jindika l-possibilità li jista’ jkun hemm xbieha eqdem mgħottija b’dik preżenti. Sadanittant, minn dokumenti tal-visti pastorali li saru matul is-snin, Jimmy skopra li għal aktar minn darba, l-isqfijiet ta’ dawk il-perjodi kienu qed jinnutaw li x-xbieha tal-Madonna kienet qed tisfuma biż-żmien u għalhekk huma talbu biex titpinġa oħra fuqha sabiex il-pellegrini jkunu jistgħu jibqgħu jaraw u jidentifikaw max-xbieha tal-Madonna li għaliha kienu qed jiġu f’dan il-post.
Hekk kif għajnejja ġrew fuq l-ammonti ta’ kwadri ex-voto li jmorru lura għal mijiet ta’ snin, fihom ilmaħt it-tama ta’ bosta individwi li akkost li kienu f’ibħra ‘l bogħod minn xtutna, talbiethom xorta waħda daret lejn il-Madonna li fiha huma kellhom l-akbar fiduċja – dik tas-Santwarju tal-Mellieħa. Iżda ma kienux biss il-Maltin li kienu jiggranfaw ma’ din il-karba għall-għajnuna divina ta’ din il-Madonna meta l-mewt kienet daqstant viċin! Infatti kienu ħafna l-individwi barranin li kienu rregalaw il-kwadri ex-voto tagħhom lil dan is-santwarju meta rritornaw qawwijin u sħaħ lejn pajjiżna. Fost dawn kien hemm il-ġeneral tal-flotta tal-Ordni, Fra Antonio Correa (Montenegro) li wiegħed u ta kwadru mill-isbaħ lill-Madonna tas-Santwarju tal-Mellieħa wara li x-xwieni li kien responsabbli minnhom inqabdu f’maltempata tal-biża’ waqt li kienu qed jaqsmu u jbaħħru qrib il-gżejjer ta’ Taranto fl-1678 u finalment irnexxielhom isalvaw. Ex-voto ieħor pjuttost kurjuż huwa dak li jidher proprju fil-qoxra tal-ktieb ta’ Jimmy fejn did-darba, il-Madonna li tidher fuq ix-xbieha tal-ex-voto, tixbaħ ħafna lill-Madonna tal-Monasteru ta’ Kykkos li jinsab f’Ċipru u għalhekk hija għal kollox differenti minn dik tal-Mellieħa. Għaldaqstant wieħed jistaqsi kif dan ix-xogħol ġie inkluż ma’ din il-kollezzjoni tas-santwarju? Kitba fuq dan l-ex-voto li tidher li hi ta’ lingwa antika Russa u Griega, taf tipprovdi xi indikazzjoni dwar din ir-raġuni, iżda s’issa ħadd għadu ma rnexxielu jiddeċifra x’hemm miktub.
Kwadri oħra, daqstant emozzjonali, juru persuni jew familji qed jitolbu bil-ħrara għall-qraba morda tagħhom u mill-ġdid hawnhekk, apparti li f’dawn il-wegħdi naraw is-simboli tat-twemmin, fl-istess ħin għandna stampa ċara tas-sitwazzjoni tas-saħħa li kien hawn f’pajjiżna matul is-snin, fejn fosthom uħud kienu mardu bil-malarja, bit-tuberkolożi, bil-pneumonia, bil-ġidri, bil-kolera, bid-difterite u anki bil-pesta. Fost dawn, laqgħatni ħafna kwadru minnhom li juri xena ta’ sptar tal-pesta tal-1813. Dan il-kwadru kien wiegħda magħmulha minn Anna Lungaro u l-qarib tagħha Giovanni Portelli peress li hi kienet mardet bil-marda tal-pesta u permezz tal-ħniena divina tal-Madonna tal-Mellieħa, nhar it-Tlieta, 17 t’Awwissu 1813, hi u tnejn oħra biss mill-160 persuna li kien hemm fl-isptar tal-pesta, irnexxielhom isalvaw.
Jimmy kompla jdawwarni madwar is-santwarju li ġewwa fih jinkorpora wkoll l-għerien naturali tal-post li indubbjament jagħtuh laqta’ pjuttost insolita u surreali. Iżda daqstant ieħor bqajt impressjonata bil-kwantità ta’ ex-voto oħrajn li kellhom kull xorta ta’ forma: ittri, ritratti, x-rays, ċertifikati, ilbies tat-trabi, krozzi, u dak kollu li tista’ timmaġina. Wegħdi magħmula mhux biss mill-Maltin imma minn kull ġens li qatt żar dan il-post. Infatti peress li fil-Mellieħa hemm diversi lukandi, it-turisti spiss isibu ruħhom f’dan il-lok, u anki dawk li mhumiex Kristjani, xorta waħda jiġu mistiedna biex jittawwlu u jaraw x’hemm. Uħud minn dawn, imqanqla minn dik ix-xhieda kollha ta’ sabar, fejqan u mirakli, bla ma jafu kif, isibu ruħhom huma wkoll jitolbu l-għajnuna quddiem il-Madonna u numru minnhom, jerġgħu jirritornaw lura lejn gżiritna bir-rigal tagħhom meta talbhom jinstema’. Minn fost il-ħafna oġġetti li kien hemm, sibt ruħi qiegħda naqra ġrajja minn ġurnal li kienet qed tirrakkonta kif koppja Ingliża li t-tobba kienu qatgħulhom qalbhom li għad ikollhom tarbija, meta żaru dan is-santwarju u għamlu t-talba tagħhom, huma rritornaw lejn artna tmien snin wara b’żewġt itfal tagħhom.
Ex-voto oħra ta’ qisien differenti, li ħafna minnhom ġew maħdumin mill-fidda fid-19 il-seklu, juru diversi partijiet tal-ġisem bħala rappreżentazzjoni ta’ b’hiex kien marid l-individwu li għamel il-wegħda. Numru minnhom għandhom forma ta’ qalb imma dawn huma simbolu tal-imħabba lejn il-Madonna. Oħrajn juru par għajnejn u id u dawn kienu jissimbolizzaw is-superstizzjoni tal-magħmul li ġej mill-għajn. Bħall-oġġetti l-oħra, anki dawn jitfgħu dawl fuq is-soċjetà li għamlithom, hekk kif l-abbundanza li ngħataw biha u l-fatt li ħafna minnhom huma identiċi, juru li tant kien hemm talba għal dawn il-wegħdi, li dawn l-oġġetti kienu qed jiġu manifatturati fil-kwantità u mibjugħa. Iżda darba minnhom kien ġie żmien meta isqof partikolari kien beda jitnaffar minn dawn l-affarijiet, uħud minnhom saħansitra superstizzjużi, imwaħħla madwar l-artali tal-knejjes kollha! U għalhekk hu ordna li dawn kellhom jitneħħew minnufih u jiġu merfugħa fis-sagristija, b’eċċezzjoni tal-qalb li kienet tirrappreżenta l-imħabba lejn il-Madonna. Infatti Jimmy għadu sa llum isib minn dawn l-ex-voto fil-kaxxi iżda hu jemmen li rigward dawn il-wegħdi, jiswew kemm jiswew, u juru x’juru, jeżisti l-obbligu li dawn jintwerew fil-pubbliku peress li huma kienu kollha doni li ngħataw b’qima, b’rispett u b’imħabba lill-Madonna. Għaldaqstant hu qed jagħmel minn kollox biex jesponi kull oġġett li jingħata lis-santwarju, akkost il-problema tal-ispazju u l-fatt li dawn il-wegħdi għadhom deħlin.
Proġett ieħor li dejjem isus fuq moħħ Jimmy jirrigwarda r-restawr tal-kwadri ex-voto sabiex dawn jiġu konservati għar-referenza tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna. Huwa jixtieq ħafna li jsib xi sponsors li jkunu jistgħu jagħtuh daqqa t’id biex isir dan ir-restawr. Sfortunatament, in-nuqqas ta’ għarfien fiż-żminijiet antiki dwar kif kien l-aħjar mezz kif jinżammu oġġetti bħal dawn, kien wassal għall-qerda ta’ għadd ta’ kwadri sinifikanti u min jaf kemm informazzjoni ntilfet! Infatti bosta minn dawn il-kwadri kienu ġew mormija wara li sofrew danni peress li tpoġġew direttament fuq blat umduż, filwaqt li oħrajn ġew anki maħsula bl-ilma wara li swiedu minħabba n-nugrufun li tqanqal mill-kwantità ta’ xemgħat u ftili taż-żejt li kienu jinxtegħlu għal siegħat twal fis-santwarju!
Temminx jew le f’dawn il-mirakli jew fl-istess reliġjon innifsu, ma naħsibx li tista’ tibqa’ biered għal kollox fil-preżenza ta’ din il-ġabra mmensa tat-tifkiriet ta’ nies li emmnu, afdaw u qalgħu l-għajnuna meta l-aktar li kellhom bżonnha. Ċertament jagħmel tajjeb li kieku intom jirnexxielkhom issibu ftit ħin biex iżżuru dan il-post sinifikanti ħafna f’pajjiżna u fil-kultura tagħna sabiex b’hekk taraw b’għajnejkhom, tmissu b’idejkhom u tħossu b’qalbkhom.
Is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa jkun miftuħ mis-7.00am sa nofsinhar u mill-4.00pm sas-6.00pm. Issir ukoll quddiesa kuljum fit-8.30am, filwaqt li dik tal-Ħadd tibda fl-10.00am u tkun bl-Ingliż.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 ta’ Jannar 2014 fis-sensiela Ġabriet it-Tifkiriet)
-
Kurżitajiet dwar Bormla
Avviż li deher dan l-aħħar fuq il-Facebook mill-Cospicua Heritage Society, ġibidli l-attenzjoni u qanqalli l-kurżità. Dan peress illi l-pubbliku kien qiegħed jiġi mistieden biex fis-siegħat mudlama tal-lejl, jingħaqad ma’ grupp li kellu l-għan li jżur numru ta’ inħawi partikolari f’Bormla li huma magħrufa għall-leġġendi u l-misteri tagħhom. Akkost li x-xita kienet qed traxxax minn ħin għall-ieħor u l-bard ma naqasx, ma stajtx nitlef avventura bħal din, u flimkien ma’ għadd ta’ individwi oħra, inġbarna mal-membri ta’ din l-Għaqda u erħejnilha għal din l-esperjenza mhux tas-soltu. Ikolli nistqarr li qatt ma bsart li Bormla kienet kapaċi tidher daqstant romantika u attraenti taħt id-dawl bati tal-fanali mxerrdin ‘l hemm u ‘l hawn. U pass wara pass ħassejtni ninġibed aktar u aktar lejn din il-belt li tissemma’ tant fl-istorja ta’ Malta imma li rari tara attivitajiet bħal dawn isiru fiha. Kien għalhekk li wara din iż-żjara, iddeċidejt li niltaqa’ mal-president tal-Cospicua Heritage Society, Edwin Delceppo, ħalli did-darba fid-dawl tax-xemx, inkompli nagħraf il-valur ta’ dan il-post storiku u s-sinifikat u l-għan ta’ din l-Għaqda.
L-idea tat-twaqqif ta’ Cospicua Heritage Society (CHS) nibtet permezz ta’ Tarcisio Bonnici u ta’ Edwin Delceppo minħabba li dawn xtaqu jagħmlu xi ħaġa biex jgħinu fil-konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali ta’ Bormla. Infatti din l-NGO, li twaqqfet uffiċċjalment f’April tal-2013, għandha l-iskop li tidentifika u li toħloq għarfien dwar l-oġġetti u s-siti ta’ importanza li jinsabu f’Bormla, li tipproteġihom u li taħdem biex issir il-konservazzjoni tagħhom, u anki biex tipprovdi aċċessibbilità adegwata għall-pubbliku li jkun interessat li jżurhom. Sfortunatament, huma jemmnu illi għal ħafna snin, dawn l-inħawi ftit li xejn ingħataw l-importanza li tixirqilhom u dan irriżulta f’ħafna ħsara u f’telf ta’ patrimonju li wara kollox mhuwiex biss tal-Bormliżi imma tal-pajjiż kollu. Ġara wkoll li maż-żmien, ċerti nħawi li qabel kienu jiffurmaw parti minn Bormla, bħal ngħidu aħna ż-żona popolari ta’ Cafe Riche, ġew assenjati lill-postijiet oħra, f’dal-każ lill-Birgu, liema fatti ma niżlu xejn tajjeb mal-abitanti Bormliżi. Iżda t-tgergir biss ma jwassal għal imkien, u naqqar minn hawn u naqqas minn hemm, is-CHG hija konxja li ftit ftit dan il-wirt kulturali tagħha se jintilef għal kollox jekk ma jittieħdux miżuri aktar konkreti f’dan il-qasam.
Jingħad li l-inħawi fejn illum hemm Bormla kienu diġà abitati fi żmien megalitiku peress li nstab materjal arkeoloġiku li jmur lura għal dan il-perjodu. Evidenza oħra tal-antikità ta’ din iz-zona huma l-kwantità ta’ fossili li ġew skoperti mir-Royal Engineers meta dawn kienu qed jiskavaw f’partijiet antiki tal-baċir. Fatt kurjuż huwa illi fi żmien il-Feniċi ‘bir-mula’ kinet tfisser ‘il-bir tas-sid’ u minn hawn jemmnu li ħareġ l-isem ‘Bormla’. La qed insemmu l-baċir ma jistax jonqos li ninkludi wkoll li f’diversi dokumenti, is-CHG sabet illi dari, f’dawn l-inħawi, il-baħar kien jidħol ferm aktar il-ġewwa mill-llum. Barra minn hekk, riżultati ta’ tiftix bil-geo-radar waqt studju li sar mill-Università ta’ Malta f’dawn iż-żoni, kixfu illi fi żminijiet aktar imbiegħda, din il-parti ta’ Malta kienet magħmula mix-xmajjar u li fin-naħa ta’ fejn illum hemm il-Parroċċa Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata, kien hemm l-irdumijiet, bil-livell tal-baħar ferm aktar ‘l isfel.
M’hemmx limitu ta’ kemm tiflaħ tiskopri materjal dwar kull naħa ta’ Bormla. Infatti, minn illustrazzjonijiet li saru f’nofs is-seklu dsatax minn Giovanni Schranz u C.F. von Brockdorff, instab illi fis-seklu tmintax, il-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu żebgħu l-imħażen marittimi tagħhom, li kienu jwasslu sal-Maċina li hemm fid-‘Dockyard creek’ eżatt ħdejn il-baċir Nru. 1., b’kuluri ċelesti u bojod li ċertament illum diffiċli nimmaġinawhom. Madanakollu fil-preżent hemm min qed jisħaq illi jekk għandu jsir restawr tajjeb ta’ dawn l-inħawi, dawn il-kuluri għandhom jerġgħu ilewwnu dawn l-istrutturi mill-ġdid.
Intant, waħda mill-ideat żbaljati dwar Bormla li din l-Għaqda tixtieq tneħħi minn moħħ in-nies hija illi wara t-Tieni Gwerra Dinjija, din il-belt inqerdet għal kollox u li għalhekk ma fadalx bini storiku fiha. “Mhu veru xejn!” sostna aktar minn darba Edwin u bħala prova ta’ dan, huwa ħadni ndur fit-triqat ta’ Bormla. Nistqarr li qatt ma ġejt mogħtija dan il-privileġġ li Bormliż stess idawwarni ma’ beltu, li hu jaf xiber b’xiber, u li lejha hu għandu l-passjoni ta’ wieħed li jappartjeni għal dan il-post. Għaldaqstant, ħtaft l-okkażjoni biex nara b’għajnejh id-dettalji li jien qatt m’osservajt u biex nisma’ minn fommu r-rakkonti li jien qatt ma smajt. Kienu f’dawn il-mumenti li tneħħiet l-għata moderna minn quddiem għajnejja, li spiss kienet qed tostor l-istorja evidentissima li llum ngħaddi minn quddiemha u lanqas biss nintebaħ biha. Ngħidu aħna, min jaf kemm żort il-monti ta’ Bormla mingħajr qatt ma rrealizzajt li fir-realtà Triq il-Ġublew tal-Fidda mhiex ħlief parti minn foss li kien hemm wara s-swar. Xhieda oħra silenzjużi huma l-għadd ta’ saljaturi li wieħed jista’ jinnota taħt diversi galleriji tal-bini antik li permezz tagħhom dari, in-nies kienu jieħdu idea ta’ x’tip ta’ individwi kienu jabitaw ġo dawk il-postijiet. Fil-fatt, uħud kellhom simboli reliġjużi filwaqt li oħrajn kellhom sinjali ta’ xi sengħa partikolari, oħrajn kellhom xi arma tal-familja, mentri numru ieħor kienu jindividwaw ruħhom bir-rikkezza distinta tat-tiswir arkitettoniku tagħhom. Il-faċċati ta’ ċerti djar imżejjna b’mod arkitettoniku għani għadilli llum mitluq, jonqoshom biss ikellmuk biex ifhiemuk il-prestiġju li xi darba kellhom. U fiha tassew x’tifhem li bosta minn dawn id-djar maestużi f’dawn l-aħħar snin qegħdin jinxtraw mill-barranin sabiex jingħataw lura l-ħajja mill-ġdid, imma ftit li xejn iħajjru lill-Maltin jagħmlu l-istess.
Ċertament ma setax jonqos li Edwin jeħodni nżur ukoll partijiet mis-swar li din il-belt hi mżejjna bihom, liema strutturi jiftakru mhux biss mexxejja u periti differenti imma anki t-tibdil li kull ġenerazzjoni applikat fuqhom. Għaldaqstant fosthom waqafna quddiem Verdala Gate fejn ammirajna x-xogħol sabiħ li dari twettaq mill-Ordni ta’ San Ġwann, filwaqt li llum din id-daħla storika qed titħalla tiswied, titmermer u taqa’ biċċa biċċa. Tkellimna dwar il-Firenzuola Lines (jew kif inhuma magħrufa aktar bħala l-Margherita Lines), liema xogħol fuqhom kien inbeda fl-1638 skont pjanta ta’ Fra Vincenzo Maculano da Firenzuola. Minn dokumenti li nstabu, jidher illi l-Gran Mastru Cottoner kien ippjana li jibni belt sħiħa fejn illum tinsab Bormla li kellha ġġib l-isem Civitas Cottonera. Imma din l-idea sfaxxat fix-xejn meta bejn l-1675 u l-1676 ħakmet il-pesta f’Malta u ħalliet numru kbir ta’ vittmi, apparti li fl-1680, miet il-Gran Mastru Cottoner innifsu.
Meta komplejna nimxu lejn Forti Verdala, li nbena fl-1853, sirt naf li waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija dan il-post kien serva bħala kamp għall-priġunieri tal-gwerra, li fosthom kien hemm l-ekwipaġġ tal-bastiment tal-gwerra Ġermaniż Emden u l-Ammirall Karl Doenitz li aktar il-quddiem, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, għal ftit tal-ġranet hu kien sar is-suċċessur ta’ Hitler. Illum, il-parti l-kbira minn dawn il-binjiet inbidlu f’residenzi u huma abitati. Iżda meta tlajna fuq il-bejt ta’ dawn il-binjiet, stajt nilmaħ sezzjoni oħra minn dan il-kamp li tidher li hi abbandunata. Ħafna aktar telqa teżisti fil-parti tar-rampa li permezz tagħha, dari kienu jtellgħu l-kanuni għal fuq l-iswar. Edwin stqarr li hija ħasra li ftit li xejn nies jafu jew jagħtu każ dwar dawn il-ġrajjiet u dawn l-inħawi. Intant, akkost li llum qiegħed jitħalla jissaddad, tripied tal-metall li jinsab fuq dan il-bejt ifakkar illi l-machine guns li kienu jitpoġġew fuqu, min jaf kemm sparaw, u forsi laqtu, ajruplani tal-għadu li kienu jersqu biex jattakkaw l-inħawi. Infatti, fuq il-faċċata tal-bastjun tal-Belvedere, wieħed għadu jista’ jara sal-llum il-marki tal-balal li ħalla wieħed minn dawn l-ajruplani meta dan ipprova jiddefendi ruħu u jirritalja għax-xita ta’ balal li kienu neżlin fuqu minn fuq is-swar.
Naturalment sirt naf ħafna aktar informazzjoni minn hekk iżda huwa diffiċli li ndaħħal kollox f’dan l-artiklu. Imma peress li l-arkeoloġija hija tant għall-qalbi, u anki peress li dan is-sit bħalissa jinsab wara bieb magħluq, żgur li ma nistax inċaħħadkhom milli ninfurmakhom dwar il-kappella Biżantina li żorna waqt il-mawra li saret fil-għaxija f’Bormla. Infatti, flimkien mal-gwida Charmaine Borg, kulħadd rama b’xi torċ jew b’xi xemgħa u kollna kurżità nżilna żewġ sulari taħt l-art fejn hemm sibna din il-wesgħa antika li dari kienet meqjusa bħala art sagra. Jingħad li din il-knisja maqtugħa direttament fil-blat, tmur lura għad-9 seklu W.K. u oriġinarjament din kienet iddedikata lin-Nattività ta’ Ġesù Bambin. Maż-żmien bidlet diversi titli sakemm fi żmien il-Kavallieri, dan il-post ġie profanat u abbandunat sakemm intesa għal kollox u ntradam taħt il-bini ta’ djar oħra. Kien biss fis-snin ħamsinijiet li din il-knisja ġiet skoperta aċċidentalment meta tifel ċkejken tilef żarbuna minnhom fl-inħawi u hekk kif xi nies ramaw ineħħu xi terrapien biex jgħinuh isibha, f’ħin minnhom tfaċċat bokka kbira fl-art. Hemmhekk in-nies reġgħu sabu din il-knisja antika li matul is-snin laħqet ġabret bosta ilma fiha. Kien bis-saħħa tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla u ta’ membri minn din l-Għaqda li eventwalment dan is-sit ġie mnaddaf sabiex b’hekk ma ssirlux aktar ħsara. Il-kwadru titulari li kien jinsab f’din il-knisja illum qiegħed fil-Mużew tal-Kattidral fl-Imdina, filwaqt li xi kwadri oħra nżammu fis-sagristija tal- Parroċċa Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata.
Minn dak li rrakkuntajtilkhom hawnhekk, huwa ċar ħafna illi l-inħawi ta’ Bormla għandhom potenzjal kbir x’joffru, kemm lilna l-Maltin u kif ukoll anki lit-turisti li jiġu jżuru lill-pajjiżna. Għaldaqstant ikun tassew għaqli illi l-awtoritajiet involuti jaraw illi dawn l-inħawi għandhom jiġu inklużi fil-proġetti kulturali li jiġu organizzati minn żmien għal żmien sabiex b’hekk din il-belt li kienet tant grandjuża fiż-żminijiet antiki, tingħata l-prestiġju tagħha mill-ġdid. Irridu nżommu dejjem f’moħħna illi kull żona fil-gżejjer tagħna, tifforma ħolqa minn katina kbira li finalment tgħaqqadna u li tagħtina l-forza bħala pajjiż sħiħ.
Għal aktar informazzjoni dwar Cospicua Heritage Society u dwar l-attivitajiet tagħha, tistgħu tidħlu fuq Facebook, inkella tikkuntattjawhom fuq 79710092 jew permezz tal-email tourscospicuaheritage@gmail.com
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET fit-Torċa tas-16 ta’ Frar 2014)
-
IL-VILLA RUMANA TAŻ-ŻEJTUN TAĦT IL-LENTI
Is-Sibt 6 t’Ottubru 2012, Wirt iż-Żejtun ser ikun qiegħed itella’ simpożju ta’ ġurnata fil-Juventutis Domus fi Triq San Girgor iż-Żejtun, li ser jitratta s-sit arkeoloġiku tal-villa Rumana li jinsab fl-inħawi tal-iskola sekondarja tal-bniet Santa Margerita (magħrufa wkoll bħala Carlo Diacono) fiż-Żejtun.
Is-sit tal-Villa Rumana taż-Żejtun
Peress li dan is-sit arkeoloġiku għadu qed jiġi skavat u studjat, bħalissa mhux aċċessibbli għall-pubbliku. Ta’ min isemmi illi dan is-sit kien ġie skopert aċċidentalment fl-1961 waqt li kienet qed titħaffer l-art sabiex tinbena skola ġdida ġewwa dan ir-raħal. Għalkemm matul is-snin instabu bosta binjiet Rumani kemm f’Malta u anki f’Għawdex, numru minnhom inqerdu bħal dik magħrufa bħala Tad-Dawl f’Ħal-Kirkop, oħrajn tgħattew bħas-sit li nstab fil-Bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex, filwaqt li oħrajn mhumiex daqstant aċċessibbli bħal dik Ta’ Kaċċatura li tinsab fl-inħawi ta’ Birżebbuġa. Għaldaqstant, dan is-sit fiż-Żejtun flimkien ma’ wieħed simili li jinsab f’Ta’ San Pawl Milqi, għandhom sinifikat kbir peress li dawn huma l-uniċi siti f’Malta li jinkorporaw kemm parti residenzjali u kif ukoll parti industrijali. Huwa interessanti illi apparat li kien jintuża fi Żmien ir-Rumani, probabbilment konness mal-produzzjoni tal-għasir taż-żejt taż-żebbuġ, jista’ jitfa’ dawl fuq in-nisel ta’ isem il-villaġġ taż-Żejtun innifsu.
Simpożju
Għalkemm se jittrata tema lokali, is-simpożju huwa wieħed ta’ livell nazzjonali u għalih ġew mistiedna l-aqwa akkademiċi u esperti fl-oqsma marbuta ma’ l-arkeoloġija, ir-riċerka storika, il-konservazzjoni u l-immaniġġar tal-wirt kulturali. Aktar informazzjoni detalljata dwar ir-riċerka, il-konservazzjoni u l-immaniġġjar tal-villa Rumana taż-Żejtun ser tkun qed tiġi diskussa waqt is-simpożju li r-reġistrazzjonijiet għalih u l-ħlas ta’ €10 ser ikunu qed jintlaqgħu sat-30 ta’ Settembru 2012. Għalkemm il-membri ta’ Wirt iż-Żejtun jistgħu jattendu bla ħlas, xorta waħda huma mitluba jirreġistraw fuq http://wirtizzejtun.com/symposium-2012/.
Pubblikazzjoni
Għal dawk li jixtiequ jżommu ruħhom aġġornati ma’ dak li ntqal waqt dan is-simpożju, Wirt iż-Żejtun ser tkun ukoll qed tippubblika dan il-kontenut ġewwa ktieb bl-isem “The Żejtun Roman Villa: Research, Conservation, Management”. Bħalissa, dan il-ktieb qed jiġi offrut bi prezz speċjali ta’qabel il-pubblikazzjoni ta’ €15.
Wirja
Bil-ħsieb li jitqanqal aktar interess u għarfien dwar dan is-sit, Wirt iż-Żejtun ser ikun qiegħed ukoll itella’ wirja b’numru ta’ fdalijiet arkeoloġici li nstabu matul is-snin waqt l-iskavi f’dan il-post. Fosthom wieħed ser ikun jista’ jara ammont ta’ ċaqquf li jirrappreżenta fażijiet differenti ta’ meta dan is-sit kien għadu qed jiġi utilizzat, inkluż il-biċċa ċaqquf li nstabet fl-1976 u li fuqha hemm iskrizzjoni dedikata lil Ashtart, li bħalha nstabu għadd oħrajn ġewwa s-sit arkeoloġiku f’Tas-Silġ. F’din l-esebizzjoni ser ikun hemm ukoll ħażna ta’ 43 munita tal-bronż li kienu jiddataw madwar it-3 seklu W.K u li nstabu f’waħda mill-kmamar tal-villa. Probabbilment wieħed mill-oġġetti li ser jiġbed l-aktar interess huwa magħsar ċkejken li ġie skopert din is-sena waqt l-iskavi li kienu qed isiru mill-istudenti tad-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija tal-Università ta’ Malta. Madanakollu, wieħed m’għandux jitlef li jara wkoll numru ta’ reċipjenti tal-fuħħar u materjal ieħor li kien instab fit-8 t’April 1963 f’qabar Puniku ġewwa għalqa biswit is-sit tal-villa Rumana taż-Żejtun. Barra minn hekk, il-wirja ser tesebixxi wkoll informazzjoni, ritratti u filmati relatati ma’ dan is-sit u anki mal-industrija ta’ l-għasir taż-żejt taż-żebbuġa.
Din il-wirja ser tittella’ ġewwa ċ-Ċentru ta’ l-Arti u l-Artiġġjanat fi Triq San Girgor, iż-Żejtun bejn is-27 ta’ Settembru 2012 u s-7 t’Ottubru 2012. Il-wirja ser tkun miftuħa fil-għaxija fost il-ġimgħa u fil-għodu l-Ħadd, u l-ħin kollu waqt l-attività ta’ Żejt iż-Żejtun fid-29 ta’ Settembru 2012.
Dawn l-attivitajiet setgħu jkunu possibbli grazzi għall-kooperazzjoni ta’ numru ta’ volontarji li qed jgħinu lil Wirt iż-Żejtun, flimkien ukoll ma’ Heritage Malta, id-Dipartiment ta’ l-Istudji Klassiċi u l-Arkeoloġija ta’ l-Universita’ ta’ Malta, il-Parroċċa taż-Żejtun u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun.
Aktar informazzjoni dwar dawn l-attivitajiet tista’ tinkiseb minn fuq is-sit elettroniku www.wirtizzejtun.com
(Dan il-feature ġie ppubblikat fit-Torċa tat-23 ta’ Settembru 2012)
-
ĠMIEL IN-NATURA MALTIJA
Nista’ ngħid li l-artikli ta’ Perspettivi bdewli l-vjaġġ tiegħi fid-dinja tal-kitba. Permezz tagħhom kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ diversi individwi li qasmu miegħi l-fehmiet u l-ġrajjiet tagħhom sabiex jiena nwassalhom lilkhom. Tawni wkoll iċ-ċans biex nifhem il-potenzjal tal-midja u kemm hu għaqli li wieħed ikun responsabbli fil-messaġġ li jibgħat f’kitbietu. Finalment dawn l-artikli dewwquni wkoll il-ħlewwa tas-sodisfazzjon meta tirċievi l-apprezzament tal-qarrejja. Iżda bħal f’kull ħaġa oħra, Perspettivi illum ser jaslu fi tmiemhom u bix-xieraq xtaqt nagħlaq l-aħħar artiklu b’dedikazzjoni għal dawk kollha li għoġobhom isegwuni matul dawn l-aħħar snin, permezz tal-ġmiel tar-ritratti li l-fotografu tan-natura Guido Bonett għoġbu jaqsam magħna.
“In-natura minn dejjem kienet għal qalbi ħafna tant li ommi kienet tħobb tgħidli li l-ewwel kelma li jiena lissint kienet “allimal”,” beda jirrakkuntali Guido bi tbissima. “Aktar il-quddiem inġbidt ukoll lejn il-qasam tal-fotografija sakemm eventwalment irnexxieli nżewweġ liż-żewġ imħabbiet tiegħi flimkien.”
Ma kellix wisq diffikultà biex nifhem x’ried jgħid hekk kif bdejt inqalleb il-paġni tal-ktieb riċenti tiegħu ‘The Natural History of The Maltese Islands’.
“Minn daqshekk inħossni xxurtjat għaliex minħabba li jiena midħla sewwa tan-natura, għandi aktar għarfien dwar fejn u meta nista’ nsib ċerti speċi u ħlejqiet. Biex nagħtik eżempju nista’ nurik dar-ritratt ta’ koppja tal-ispeċi tad-debba tax-xitan (dragonflies) li hu għall-qalbi ħafna kemm għad-dawl, il-kuluri, il-kompożizzjoni u l-azzjoni li rnexxieli nislet fih. Veru li jkun hemm element ta’ kumbinazzjoni imma hawnhekk ngħidu aħna, kont ilni nara lil din il-koppja ddur ‘l hemm u ‘l hawn u kont naf li dawn l-insetti għandhom it-tendenza li jerġgħu lura fl-istess post minn ħin għall-ieħor. Bsart ukoll li ser naqbad din l-azzjoni u allura stennejt f’post adegwat sakemm ilmaħthom fil-pożizzjoni li xtaqt u ħadt ir-ritratt.”
Il-valur ta’ ritratt jitqies proprju f’dik il-kapaċità li taqbad mument qasir u rrepetibbli fil-ħajja u tagħnih bl-eternità hekk kif imbagħad wieħed jista’ jibqa’ jara u jifli dik l-azzjoni għal kemm il-darba jrid.
“Kont ilni erbgħa snin naħdem fuq dan il-ktieb. Dort il-gżejjer kollha f’Malta u Għawdex sabiex niġbor rikordju fotografiku tal-ispeċi lokali tal-fawna u l-flora. Ħadt madwar 8000 ritratt li 524 minnhom ġew inklużi f’dan il-ktieb. Qattajt siegħat sħaħ speċjalment fil-ġranet ta’ tmiem il-ġimgħa nistenna bosta drabi f’pożizzjonijiet skomdi, kultant mixħut mal-art għal tuli fit-tajn, fil-kesħa u fis-sħana, għall-gdim tal-insetti u dak kollu li tiltaqa’ miegħu f’dawn is-sitwazzjonijiet. Għaldaqstant meta mbagħad jirnexxielek tmur lura d-dar b’erbgħa ritratti sbieħ tħoss sodisfazzjon kbir, bħal ngħidu aħna meta nzertajt żewġt isriep qed jiġġieldu u rnexxieli naqbad dak il-mument taħt il-lenti tiegħi.”
Guido spjegali kif l-idea wara dan il-ktieb żvolġiet maż-żmien.
“Peress li jiena membru tal-Malta Photographic Society, sħabi spiss kienu jistaqsuni kif kien jirnexxieli nieħu ċerti ritratti, liema lenti wżajt, x’apparat kelli bżonn, fejn insib ċerti insetti, f’liema żmien jikbru ċerti pjanti u fejn hu l-abitat ta’ ċerti annimali? Għaldaqstant darba minnhom iddeċidejt li nibda nieħu xi ritratti ħalli niġborhom f’fuljetti li kellhom iservu ta’ gwida f’dan il-qasam. Imma hekk kif beda għaddej iż-żmien u bdew jakkumulaw ir-ritratti, għaraft li kien hemm materjal biżżejjed biex isir dan il-ktieb.”
Fil-fatt taħt kull ritratt li jinkludi dan il-ktieb, wieħed isib ukoll indikat diversi dettalji dwar it-teknika u l-apparat li ġew utilizzati biex ittieħdet dik ix-xbieha. Barra minn hekk, sezzjoni minnu hija wkoll immirata lejn dawk li huma interessati li jitħajjru jiġbdu ritratti tajbin tan-natura.
“Permezz ta’ dan il-ktieb xtaqt inħajjar aktar individwi biex jinteressaw ruħhom fin-natura għanja tal-gżejjer tagħna: kemm biex nuri l-potenzjal tal-varjetà tal-ispeċi li jeżistu, kemm biex nistieden lil dawk li qatt ma qabdu kamera b’idejhom ħalli jittantaw jiġbdu l-ewwel ritratti tagħhom u anki biex nispira lil fotografi oħrajn li forsi ma tawx ħafna importanza lil dan il-qasam sabiex jiftħu għajnejhom għall-possibilitajiet li toffri n-natura.
Nixtieq niċċara illi f’dan il-ktieb wieħed ser isib ideat bażiċi tat-teknika li tista’ tintuża fir-rigward tal-fotografija tan-natura peress li f’dan il-qasam wieħed jeħtieġ apparat apposta u azzjoni partikolari ta’ kif għandu jersaq lejn insett, annimal jew pjanta. Iżda naturalment għalkemm jeżistu ċerti regoli, xorta waħda nemmen li wieħed għandu jesperimenta sabiex jakkwista riżultati interessanti u oriġinali.”
Għal aktar minn darba Guido saħaq illi l-għan prinċipali tiegħu huwa li jkisser il-mentalità li fil-gżejjer Maltin m’hawnx ħafna natura x’tara.
“Teżisti l-idea żbaljata li pajjiżna huwa fqir f’dan il-qasam imma jaħasra ħafna ma jafux kemm huma żbaljati! Infatti mhux darba u tnejn li nara wħud jistagħġbu meta jaraw ċerti ritratti tiegħi għax ma jkunux iridu jemmnu li dawk il-ħlejqiet jgħixu f’pajjiżna: bħal ngħidu aħna numru ta’ rettili li jiena nħobb niġbed ħafna kemm għax diffiċli ferm biex tieħu ritratt ta’ wieħed minnhom u anki għax ġeneralment mhumiex il-favoriti ta’ fotografi oħra. Bosta mill-ispeċi tan-natura trid tmur tfittixhom għax dawn iżommu ‘l bogħod min-nies u mhux la kemm tarahom kif ġieb u laħaq. Oħrajn jgħixu fl-abitat partikolari tagħhom il-barra mill-bini, kultant saħansitra fuq xi gżira iżolata bħal Filfla. Dawk kollha li qallbu l-paġni numerużi ta’ dan il-ktieb kienu mpressjonati bil-varjetà tal-ħolqien lokali li jinkludi. Nittama li permezz tiegħu finalment il-Maltin u l-Għawdxin jifhmu r-rikkezza tal-wirt naturali li pajjiżna hu mogħni bihom.”
Iżda l-ktieb ma jurikx dan biss! Għalkemm ormaj Guido huwa sinonimu mal-fotografija tan-natura fejn anki rebaħ bosta unuri kemm lokali u anki internazzjonali, intbaħt li dan il-fotografu għandu kwalità prezzjuża u rari – l-umiltà. U għaldaqstant hu jħalli f’idejk biex tiddeċiedi dwar il-livell tat-talent impressjonanti li dawn ir-ritratti nġibdu bih. Min-naħa tiegħi m’għandix dubju li hekk kif jiġi f’idejkhom dan il-ktieb, intom ukoll ser tagħrfu dan ma’ l-ewwel daqqa t’għajn li ser tagħtu lejn ir-ritratti tiegħu.
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 ta’ Diċembru 2011)
-
IR-RAKKONT TAL-AKBAR ĠRAJJA
Skont W J Cameron “Kien hemm biss Milied wieħed…. il-bqija huma kollha anniversarji.” U ħadd ma jista’ jlumu għax hekk hu. Forsi għalhekk li aktar ma jgħaddi ż-żmien, is-sinifikat oriġinali tiegħu qiegħed dejjem kull ma jmur jintilef u jinbidel fit-tema ta’ festini u xalar. Madanakollu b’xorti tajba mhux kollox mitluf għax fil-qalba ta’ ċertu djar, wieħed għadu kapaċi jiltaqa’ mat-tifsira ġenwina tal-Milied. Infatti dil-ġimgħa hekk kif mort inżur il-kollezzjoni grandjuża tal-Milied ta’ Anton Galea fir-Rabat Għawdex skoprejt illi għalih il-Milied qatt ma jgħaddi peress li hu sab mezz kif jibqa’ jgħixu f’kull jum matul is-sena.
“Il-Milied minn dejjem kont inħobbu imma nistqarr li qatt ma bsart li għad ikolli dil-kollezzjoni tant kbira! Però donni li b’xi mod antiċipajt li dawk il-pasturi sempliċi li kont nilgħab bihom meta kont żgħir, kellhom xi darba jfissru ħafna aktar għax dejjem bżajt għalihom u qatt ma kissirthom. Illum li għandi 76 sena, dawn il-pasturi huma prezzjużi ħafna għalija, anki jekk wiċċhom u surithom mhumiex daqshekk sbieħ. Imma huma jirrappreżentaw tfuliti u jqanqluli nostalġija kbira kull darba li nħares lejhom.”
Ħafna minn dawn il-pasturi antiki huma miġbura ġewwa vetrini apposta fejn ġurnata wara l-oħra dawn ifakkru dil-ġrajja qaddisa. Fl-istess ħin huma wkoll rikordju tas-snajja’ Maltin.
“L-ewwel pasturi tiegħi kienu tat-tafal. Kont xtrajthom mingħand Majsi Zahra li kien pasturar Għawdxi. Wara bosta snin magħluqin fil-kaxxi, darba minnhom iddeċidejt li nqabbad lil Toni Buhagiar minn Birżebbuġa biex jaħdimli presepju b’ambjent Għawdxi ħalli nkun nista’ npoġġiehom fih u b’hekk inkun nista’ ngawdihom matul is-sena kollha.”
Iżda n-namra tant qawwija mal-ġrajja tal-Milied seħħet meta ħuħ Joseph Galea waqqaf il-grupp Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta li kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin.
“Probabbilment ħija jħobbu ħafna aktar minni l-Milied għax kieku ma kienx jidħol għal biċċa xogħol bħal din. Stinka ħafna biex rawwem din l-għaqda u llum huwa kburi li hemm bosta membri mseħbin fiha li huma dilettanti kbar tal-Milied. Naturalment jiena kont wieħed minn tal-ewwel li sirt membru u hekk kif bdejt niġi espost għat-tagħlim ta’ ċerti nies tas-sengħa li ta’ kull sena jiġu juruna kif isir dax-xogħol konness mal-presepji u l-pasturi, bdejt nitħajjar immidd idejja jien ukoll f’dal-qasam. Barra minn hekk, bħala membru ta’ din l-għaqda, darba f’sena jkolli l-okkażjoni li nattendi għall-kungress li jsir l-Italja, filwaqt li kull erbgħa snin isir kungress internazzjonali f’Innsbruck fejn jinġabru għad ta’ dilettanti bħali tal-presepju. Waqt dawn il-mawriet nieħu ħafna ideat ġodda u nistħarreġ il-possibilità tal-użu ta’ materjali differenti minn dawk li aħna mdorrijin naħdmu bihom hawnhekk. Dawn l-esperjenzi jibqgħu stampati f’moħħi u nirritorna lura lejn pajjiżi kollni mħeġġeġ u mħajjar biex noħloq presepju ġdid. Finalment bl-iskop li jkolli biċċa xogħol ġdida x’nesebixxi kull sena fil-wirja li torganizza l-għaqda, sibt ruħi qed nibni presepju wara l-ieħor sakemm illum spiċċajt biex għandi kollezzjoni sħiħa.”
Ta’ min jgħid li dawn il-mawriet f’pajjiżi oħra jservu wkoll sabiex Anton jaħtaf l-opportunità biex jgħarrex għal xi sett ta’ pasturi jew xi presepju interessanti ieħor x’iniżżel miegħu lejn Malta.
“Ormaj għandi mijiet ta’ pasturi u presepji ta’ kull daqs, xorta u materjal. Ara, dan presepju tal-kartun li jmur lura għaż-żmien ta’ qabel it-tieni gwerra dinjija u kont xtrajtu mill-Amerika, filwaqt li dal-presepju ċkejken ġie maħdum mill-injam taż-żebbuġ u xtrajtu mill-Iżrael. Dan is-sett ta’ pasturi huwa tal-porċellana u ġibtu minn Lourdes, mentri dan il-presepju li hu maħdum mill-lava u hu mżejjen bil-pasturi tat-terracotta xtrajtu minn Catania. Dan is-sett imżejjen biż-żrar akkwistajtu minn Taranto u dan bil-pasturi mlibbsin huwa minn Napli.”
Baqa’ għaddej ifehemni d-dettalji dwar din il-kollezzjoni fejn fosthom urini wkoll presepju tax-xemgħa, presepju maħdum f’bajda u tnejn oħra f’ġewża u f’lewża. Presepju ċkejken ieħor kien imqiegħed f’kaxxa tas-sulfarini, filwaqt li ieħor iċken kien imsawwar fir-resin u saħansitra kien hemm bżonn lenti biex tara s-sett ta’ tmien pasturi rqaq li kien mogħni bihom! Ovvjament kellu wkoll xogħolijiet lokali li kollha kellhom xi ġrajja interessanti marbuta magħhom.
“Dal-presepju ċkejken tahuli Victor Darmanin mill-Kalkara u hu l-minjatura ta’ presepju akbar li ħadem lil xi klijent tiegħu. Dan sett ta’ pasturi li għaddhieli l-ħabib tiegħi Għawdxi Toni Portelli li sfortunatament m’għadux magħna. Kif qed tara, ma kienx laħaq żebagħhom kollha imma għalija dak hu l-preġju tagħhom għax hekk ifakkruni kif kien tahomli hu. Dan il-presepju huwa ta’ Mary Haber minn Raħal Ġdid u dan ta’ Jesmond Micallef minn Ħal-Qormi. Dawn t’hawn huma sett pasturi għal qalbi ħafna għax kien għamilhom pazjent li kien jinsab fi sptar mentali. Niftakar darba kont mort inżur lil xi ħadd hemmhekk u nara lil dan l-individwu jħokk xi ġebel mal-ħajt. Intbaħt li peress li ma setax ikollu strumenti, kien qed jagħmel hekk biex jagħtihom il-forma u mbagħad permezz ta’ musmar kien ikompli jigref il-fattizzi tal-pasturi.”
Aktar ma bdejt nisma’ dwar dan id-delizzju, stajt nagħraf li fir-realtà dan kellu bosta saffi ta’ sinifikati: fosthom biex iservi ħalli jgħaqqad il-kulturi u d-drawwiet ta’ pajjiżi differenti.
“Mhux darba u tnejn li nistiednu lil xi dilettanti barranin f’pajjiżna sabiex anki huma jintroduċu ruħhom max-xogħol tagħna. Il-presepju Malti għandu numru ta’ karatteristiċi tiegħu bħall-użu tal-imtieħen tar-riħ u anki ċertu forom ta’ djar bħal per eżempju fl-istil Għawdxi ġieli ninkludu l-galleriji antiki li Għawdex hu magħruf ħafna għalihom. Imbagħad hemm ukoll pasturi partikolari li ma ssibhomx fi presepji barranin bħal ngħidu aħna x-xabbatur, l-imgħaġġeb, l-adoratur, id-daqqaqa u l-bejjiegħa lokali u x-xrik (li jkunu żewġ pasturi mgħannqin flimkien). Uħud minn dawn il-pasturi jinbiegħu wkoll bl-ilbies tradizzjonali tagħhom u dawn huma mfittxija ħafna mill-barranin.”
Intant min-naħa tiegħu Anton irnexxielu jadotta s-sengħa tad-dijorama; fejn presepju jkun mibni bħallikieku kien sett fuq palk u allura jkollu l-perspettiva ta’ dak li hu viċin u dak li hu bogħod.
“Meta waqaft mix-xogħol li kelli bħala għalliem tal-arti għax ħriġt bil-pensjoni, stajt niddedika aktar ħin għal dan id-delizzju. Ftit ftit bnejt sett ta’ sebgħa episodji li juru l-fażijiet differenti li wasslu għat-twelid tal-Bambin. L-ewwel dijorama li għamilt kienet turi t-twelid innifsu u personalment nemmen li hija waħda mill-aqwa xogħolijiet li qatt għamilt. L-għan prinċipali tad-dijorama huwa li jagħti sfond lix-xena u allura n-naħa ta’ wara tagħha ma tkunx kwadra imma fit-tundjatura, kemm biex ma toħloqx dellijiet u anki biex tagħti l-impressjoni tal-wisgħa. Apparti x-xogħol dettaljat li fihom biex toħloq ix-xena nnifisha, dawn id-dijorami jkunu qed jaħbu fis-saqaf tagħhom il-bozoz, il-wires u l-extractor biex jagħtu dehra sabiħa u raffinata. Barra minn hekk il-kuluri nfushom ikunu qed inisslu l-karattru tal-istorja bħal ngħidu aħna għat-tħabbira tal-Madonna għażilt il-kulur bajdani, filwaqt li ż-żjara għand Eliżabetta hija aktar ħamranija biex tagħti l-aspett ta’ nżul ix-xemx. Meta l-koppja marret tinkiteb għaċ-ċensiment il-kulur huwa aktar naturali imma mbagħad meta l-koppja kienet qed tfittex lukanda l-kulur huwa ikħal skur għax kien dieħel il-lejl.”
Sibt li l-kollezzjoni ta’ Anton kienet ħafna akbar milli tani x’nifhem għax ma riedet tispiċċa qatt! Infatti biex idaħħal il-kollezzjoni kollha huwa qiegħed ftit ftit jimla l-kmamar tad-dar kollha u s’issa rnexxielu anki jinżel mal-ħajt tat-taraġ bil-vetrini tiegħu, kollha magħluqin wara l-ħġieġ u mgħottija b’purtieri tad-drapp biex ix-xogħolijiet jitħarsu mill-ħsara tad-dawl.
“Dis-sena ma kellix aktar post fejn inpoġġi l-oġġetti li kont xtrajt. Għalhekk ordnajt dawn il-vetrini li hawn fit-taraġ u sakemm il-mara marret qadja ta’ nofs ta’ nhar, waħħalthom malajr u sabithom lesti hawn. Ma tantx ħadet gost bija u kelli nwegħedha li mhux se nkompli ninżel aktar ‘l isfel!”
Imma x’inhi dil-passjoni li ġġiegħel lill-kollezzjonist jibqa’ jixtri presepju wara l-ieħor li wara kollox qed jirrakkuntaw l-istess ġrajja?
“Għadilli tassew kollha juru l-istess xeni, fil-kumplessità u fit-totalità tagħhom ta’ tqassim, materjal, pasturi u kuluri, kollha jkollhom dak il-karattru partikolari li jiddistingwihom minn xulxin. Għalija din il-kollezzjoni hija ħajti u sserraħħni ħafna bħala delizzju. Meta nkun qiegħed fil-kamra tax-xogħol qed noħloq xi ħaġa ġdida biex inżid magħha, inħoss serenità kbira f’qalbi. Nittama li meta jiġi ż-żmien li din il-kollezzjoni tgħaddi f’idejn oħra, din tibqa’ apprezzata u maħbuba bħal kif dejjem żammejtha jien. Nixtieq ħafna li ma tispiċċax miegħi u li għand min issib ruħha jagħraf l-imħabba u d-dedikazzjoni li ssawret bihom.”
Tiskanta l-ideat li jiġu f’moħħ l-artist kultant! F’naħa minnhom, Anton urieni presepju li hu fforma ġewwa nkwatru li hu u martu kienu qalgħu fit-tieġ. Imma xejn ma mpressjonani daqs il-presepju li hu rnexxielu jarma ġewwa l-ewwel sett tat-TV li kellu!
“Moħħi l-ħin kollu għaddej fuq dawn l-affarijiet, tant li anki jekk inkun inkwetat fuq xi ħaġa, ngħid ħa naħseb fuq xi oġġett li nista’ nagħmel dal-Milied u b’hekk ninsa l-problemi kollha. Darba minnhom wara li ġejna mill-Ġermanja, iddeċidejt li noħloq presepju mhux tas-soltu fejn ix-xena tat-twelid ambjentajta ġo dar tal-injam imdawwra bis-silġ. Darb’oħra waqt li kont għaddej f’park fi Vjenna, sibt biċċa zokk interessanti u ġibtu miegħi sakemm finalment akkwistajt pasturi żgħar minn Napli li stajt nirranġah bihom. Għall-kuntrarju, ġurnata oħra xtrajt sett ta’ pasturi tal-ħġieġ minn Venezja biex imbagħad bnejtilhom sfond bil-ħġieġ ikkulurit li ġbart minn fuq ir-ramel tax-xtajtiet tagħna.”
Emmnuni, kelli bżonn is-siegħat biex nara l-kollezzjoni kollha. Fosthom Anton kellu bambin iswed maħdum bix-xemgħa li probabbilment jgħodd il-250 sena. L-aktar presepju għal qalbu huwa dak li għamlitlu n-neputija tiegħu Hilda meta kellha sitt snin. U bħalissa jinsab kuntent ferm bl-aħħar presepju li ħadem fuqu biex jesponih għal-wirja ta’ din is-sena.
“Fir-realtà jiena ngħix il-Milied is-sena kollha għax il-ħin kollu għaddej nara x’ser nivvinta biex naħdem għal din il-festa li hija tant għal qalbi. Meta nħares lura lejn ix-xogħol, l-impenn u l-investiment li ddedikajt għal din il-kollezzjoni ma jiddispaċini xejn għax naf sewwa li min-naħa tagħha hi tatni u għadha tagħtini ħafna ferħ lura. Fosthom tgħini nġedded il-memorji ta’ meta bħala tfajjel ċkejken kont nistenna b’tant ħerqa l-ġranet tal-Milied sabiex noqgħod nilgħab bil-presepju u bil-pasturi. Għalija dak hu l-Milied: is-serenità li kapaċi jwassal presepju fis-sempliċità tiegħu hekk kif jirrakkonta l-akbar ġrajja li qatt rat id-dinja!”
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-11 ta’ Diċembru 2011)
-
WISQ AKTAR MINN GĦAR
L-għerien joħolqu ċerta ġibda partikolari fil-bniedem. Forsi minħabba li fl-ewwel snin bikrin tiegħu dawn offrewlu rifuġju, filwaqt li ħitanhom servew bħala tila primittiva għall-espressjoni tal-eqdem artisti. Jista’ jkun ukoll minħabba li fil-qalba mudlama tagħhom l-għerien jagħtu lok għal kull xorta ta’ ħolm u leġġendi fejn il-bniedem jista jimraħ u joħloq mostri waħxin, kreaturi strambi, annimali feroċi, draguni fantastiċi, sħaħar potenti, friefet il-lejl li jixorbu demm in-nies u l-lista ma tispiċċa qatt. Fl-istess ħin huwa interessanti wkoll li saħansitra l-Bambin Ġesù għażel li jitwieled f’għar u allura hawnhekk l-atmosfera ta’ dawn il-postijiet tinbidel f’waħda ħelwa, solenni u qaddisa, għalkemm fqira. Issa li beda Diċembru, ma teħodhiex bi kbira hekk kif tibda tara numru konsiderevoli ta’ mudelli żgħar t’għerien iżejjnu ħafna mid-djar tal-Maltin, kull wieħed mirqum bl-istil partikolari tiegħu, imma kollha jħaddnu dik l-istatwetta ċkejkna tat-tarbija divina. Madanakollu żgur li qatt ma bsart li anki f’25 pied taħt l-art, fis-silenzju antik ta’ l-Għar Ta’ Xerri, kelli nsib ukoll ix-xbieha tat-tfajjel ċkejken jitwennes mill-ġmiel tal-istalaktiti u l-istalagmiti tal-post.
Żort bosta għerien f’diversi pajjiżi u kollha kellhom dik ix-xi ħaġa partikolari tagħhom: uħud kienu kbar ħafna, tant li biex dornihom irkibna tren, f’oħrajn kellna nikru l-ġgieget tal-post għax il-kesħa kienet ixxoqq il-għadam, filwaqt li f’numru żgħir ħafna kien hemm ukoll taħżiżiet primittivi mal-ħitan. Did-darba fil-gżira t’Għawdex fix-Xagħra, għand Ta’ Xerri, sibt għar relattivament imdaqqas u li jista’ jitqies bħala teżor ġeoloġiku. Imma nistqarr li l-aktar li laqgħatni f’dan il-post kien dak is-sens ta’ merħba fil-familja, hekk kif numru ta’ familjari minn Ta’ Xerri fosthom Mananni, Vicky, Joanne, u Joseph ġew jiltaqgħu miegħi sabiex jirrakkuntawli dwar is-sejba storika ta’ dan l-għar.
“Fl-1923 nannuwi Ġużeppi Xerri kien qiegħed iħaffer spiera fid-dar tiegħu. F’dawk iż-żminijiet f’dawn l-inħawi ma kienx hemm servizzi tal-ilma u għalhekk kull min kien jibni daru hemmhekk, kellu jħaffer spiera biex jinqeda għall-bżonnijiet tiegħu. Kienet biċċa xogħol iebsa hekk kif il-blat kellu jitbaqqan biċċa biċċa bl-idejn. Għalhekk tista’ taħseb x’baqa’ f’Ġużeppi hekk kif wara li niżel 25 pied taħt l-art titfaċċa toqba kbira quddiemu. Ħaseb li kien iltaqa’ ma’ xi dagħbien żda meta hu niżel biex jittawwal ħalli jara x’sab, għaraf li fir-realtà x-xorti kienet daħkitlu għax hemm, proprju taħt daru, kienet iffurmat opra naturali ta’ stalaktiti u stalagmiti l-ġmiel tagħhom.”
Joseph Xerri li llum għandu 69 sena, jiġi n-neputi ta’ Ġużeppi, u jiftakar sewwa lin-nannu jheda jirrakkonta dwar dik il-ġurnata immemorabbli.
“Naħseb li kultant ikun destin għaliex meta sfrundat l-art, in-nannu nzerta li ġie proprju fil-qalba tal-għar u għalhekk seta’ jifhem mill-ewwel il-valur tal-post. Li kieku minflok niżel ħarira lejn naħa jew oħra, jew kien ikisser xi biċċa minnu, inkella jaf kien isib biss xi żewġ stalaktiti u jibqa’ nieżel ‘l isfel bla ma qatt jiskopri dan is-sit. Xi 35 sena qabel, madwar 100 metru ‘l bogħod, kien instab l-Għar ta’ Ninu li wkoll kellu dawn il-karatteristiċi u għaldaqstant in-nies kienu diġà jafu sewwa bil-preġju ta’ postijiet bħal dawn.”
Inżilna 36 tarġa ‘l isfel matul garigor dejjaq li wassalna proprju fil-post fejn kienet infetħet il-bokka tal-għar. Joseph beda jurini kif għall-ewwel l-għoli tal-għar kien biss ta’ 4 piedi.
“Nannuwi kien ambjentalist kbir u għalhekk lanqas dam jaħsibha xejn biex iwaqqaf ix-xogħol kollu li kien qed jagħmel għall-ispiera ħalli minflok jara kif jista’ jippreserva l-post u jirranġah biex ikun jista’ wkoll jilqa’ l-pubbliku fih. Minnufih beda jqatta’ fil-qiegħa tal-art biex iżid l-ispazju fejn wieħed seta’ jimxi aktar komdu madwar il-mogħdijiet li fforma hu stess. In-nies kellha kurżità kbira biex tara x’kien sab Ġużeppi u l-viżitaturi kienu jiġu bil-gzuz anki minn Malta u minn pajjiżi oħra. Ta’ min isemmi li fil-bidu ma kienx hawn dan il-garigor biex tinżel minnu. Infatti n-nies kienu jitniżżlu wieħed wieħed permezz ta’ apparat magħruf bħala buzzell fejn wieħed kien jirkeb fuq pjattaforma ċkejkna li kienet marbuta ma’ xi ħbula ħoxnin, imbagħad żewġ persuni kienu jdawwru l-manki fuq kull naħa u dak li jkun jitniżżel isfel. Però n-nannu jirrakkonta li darba minnhom ġie jżur dan il-post Lord Strickland u meta ra dik il-meravilja ta’ post offra huwa stess li jħallas għall-ispejjeż biex sar dan il-garigor u anki għall-kamra fl-entratura tad-dar fejn il-familja setgħet tilqa’ b’mod aktar komdu l-viżitaturi li kienu jiġu.”
Għal mument bdejt nimmaġina x’kien jgħaddi minn moħħ dawk li dari kienu jitniżżlu ‘l isfel f’dal-qiegħan bil-ħbula. Ma kellix dubju li kien stil aktar avventuruż imma ċertament ukoll aktar imwiegħer. Għax anki int u nieżel mill-garigor modern tħossok qisek nieżel fil-qalba tad-dinja! Joseph jiftakar lil nannuh iwiddibhom biex ma jinżlux weħidhom ġo l-għar għax kien jibża’ li jagħmlulu l-ħsara. Imma wisq naħseb li l-inkwiet ta’ Ġużeppi kien ħafna akbar minn hekk għax darba kienet ser tiġri waħda tinkiteb fil-familja!
“Darba minnhom ħu n-nannu bla ma qal xejn lil ħadd, fettillu jinżel jittawwal waħdu fl-għar. Niżżel miegħu xemgħa u kaxxa sulfarini u beda għaddej matul il-mogħdijiet meta f’ħin minnhom waqgħatlu l-kaxxa tas-sulfarini, intfietlu x-xemgħa, u ma seta jara xejn aktar, la biex jerġa’ jagħmel ftit dawl u lanqas biex isib il-bokka tal-għar. Imwerwer beda jwerżaq u jgħajjat kemm jiflaħ imma minn hemm taħt, mhux la kemm tisimgħu! Id-dar l-antika tan-nannu kienet differenti minn kif inhi llum. Kienet kbira ħafna u bejn il-biċċa abitata u dan l-għar kien hemm bitħa wiesgħa. Fuq kollox kienet ġo sqaq dejjaq li ma jinfidx. Meta t-tfajjel baqa’ ma rritornax id-dar, il-familja tiegħu ħarġet tfittxu ma’ kullimkien imma ħadd ma basar fejn kien. Għamel jumejn waħdu hemm isfel sakemm fl-aħħar xi ħadd ġietu f’moħħu li jfittxu fl-għar u sabuh! Min jaf kemm il-darba smajtha dil-ġrajja minn fomm iz-ziju stess stess imma l-għar xorta baqa’ dejjem għal qalbu ħafna, tant li meta kiber, kompla ħaffer pied ieħor ‘l isfel fl-art biex nies ta’ statura itwal ikunu jistgħu joqogħdu aktar komdi. Aktar il-quddiem in-nies saret taf lil zijuwi bħala Dun Mikelanġ Xerri.”
Ir-rakkonti komplew għaddejjin. Kont qed napprezza ħafna nitkellem ma’ Joseph li kien qed jgħaddili din l-informazzjoni tant prezzjuża speċjalment peress li kienu żminijiet li għex hu stess. Fosthom qalli li fi żmien it-tieni gwerra dinjija, dan l-għar serva wkoll bħala xelter għall-familja.
“Ommi kienet tgħidli li kelli sitt xhur meta kienet tniżżilni hawn fi żmien il-gwerra. Għall-ewwel kienu jistkennu madwar il-garigor imma meta mietu xi nies fix-Xagħra wara li waqgħu xi bombi fl-inħawi, huma bdew jibżgħu li jekk taqa’ bomba fil-bokka tal-għar, kienu jmutu kollha hemm. Għalhekk in-nannu beda jqatta’ l-ħin ikompli jħaffer aktar il-ġewwa fl-għar. Hekk jew hekk kien perikoluż wisq biex jibqa’ jaħdem fl-għelieqi. Ħaffer ukoll kamra f’ħajt minnhom fejn ma kien hemm l-ebda karatteristiċi partikolari u meta kien isir xi attakk, konna nistkennu hemm sakemm jgħaddi kollox. Meta l-gwerra spiċċat, in-nannu reġa’ mbarra l-kamra bil-ġebel iżda t-tifkiriet li għexna hemm isfel għadhom ħajjin sewwa.”
Forsi issa tistgħu tifhmuni aħjar dwar x’ridt infissrilkhom meta ddeskrevejt x’laqgħatni l-aktar f’dan il-post. Għax b’differenza ta’ inħawi oħra, f’dan l-għar, apparti li tista’ tapprezza l-ġmiel tal-post, tista’ tħoss ukoll il-polz innifsu ta’ din il-familja li wara kollox tirrappreżenta l-bqija tas-soċjetà tagħna. Ħadt gost nisma’ lil Joseph jispjegali u jimmarkali l-aktar partijiet interessanti tal-għar fejn fosthom stajna nagħrfu kwantità kbira ta’ forom fil-ġebel li kienu jixbħu għadd ta’ annimali, tjur u bosta figuri oħra mlewwna b’ilwien varji li skulaw fil-ġebel mill-ħamrija ta’ fuq.
“Ara hawnhekk…. isma’ ftit il-ħoss differenti li jagħmlu dawn l-istalaktiti,” qalli hekk kif ħabbat bir-reqqa fuqhom u għamlu ħoss sabiħ kull wieħed. “Sfortunatament kien hawn oħra bħalhom hawnhekk li hi wkoll kellha l-ħoss partikolari tagħha. Imma darba minnhom ġew salt viżitaturi f’daqqa u bla ma ntbaħna, xi ħadd qaċċatha biex ħadha miegħu bħala rikordju!”
Ħallini bla kliem. Kulħadd jaf li dawn il-forom ġeoloġiċi jieħdu numru kbir ta’ snin biex jieħdu surithom. U mbagħad hawn min tiġih f’rasu li jqaċċathom f’sekonda!
“Għalhekk għandna dawn in-noti hawnhekk biex ħadd ma jmisshom b’idejh imma kultant ċerti nies ma jifhmux xi ħsara jkunu qed jikkawżaw meta jmorru kontra dawn ir-regoli. Biss biss ara, dil-kolonna hija l-ikbar waħda li hawn f’dan l-għar u din jaħsbu li ħadet madwar nofs miljun sena biex kibret!”
Imxejna passejn oħra u Joseph qabad biċċa ġebla partikolari li kienet hemm apposta biex tintwera lill-pubbliku. Kienet tqila ferm, lanqas temmen li ffurmat biss mill-ilma u mill-minerali.
“Dal-materjal jgħidulu alabastru u ġebla bħal din li kieku kellha tiġi sserata min-nofs tkun il-ġmiel tagħha. Ħares lejn il-forma tal-ġebel l-ieħor li jieħu surtu skont il-karatteristiċi differenti li jsib ruħu fihom: per eżempju dawk il-forom li aħna nistħajjluhom widnejn l-iljunfant ma sarux permezz tal-qtar tal-ilma bħall-istalaktiti u l-istalagmiti, imma billi l-ilma ċarċar magħhom u ħareġ dak id-disinn.”
Għaddejna minn parti oħra li kient tidher wisq għall-qalb Joseph.
“Ma nixba qatt inqatta’ l-ħin hawn taħt u aktar u aktar meta nkun qed nuri dawn il-kapolavuri naturali lil xi ħadd. Partikolarment din in-naħa hija mżejjna b’għadd ta’ ġebel li nafuh bħala qroll u kif inkun għaddej minn hawn, aktar nistħajjilni għaddej minn ġo xi għar taħt qiegħ il-baħar milli taħt l-art.”
Finalment ġejna wkoll ħdejn spiera li did-darba nannuh Ġużeppi kien irnexxielu jħaffer sal-aħħar.
“In-nannu mmarka post ieħor fejn ra li ma setax jagħmel ħsara lill-għar u reġa’ beda jħaffer ftit ftit sakemm laħaq dan l-għar u mbagħad baqa’ nieżel 15-il pied ieħor sakemm sab it-tafal u l-ilma. Fil-bidu kien jittella’ l-ilma bil-barmil u t-tarjola. Illum ix-xogħol eħfef għax hawn il-pompa.”
Kienet ix-xbieha tat-tarbija ċkejkna tal-Bambin Ġesù li laqgħatna hekk kif dħalna fl-għar u kienet hi wkoll li sellmitilna hekk kif wasalna biex nitilqu. Naturalment titpoġġa hemm biss f’dan iż-żmien ħlejju tal-Milied, anki sabiex tkompli tagħti laqta’ oħra aktar familjari lill-post. Hija ħasra li llum il-viżitaturi f’dan il-għar naqsu ħafna b’mod speċjali t-turisti.
“Ħafna mit-turisti li jiġu fil-gżira t’Għawdex ikollhom programm lest mill-gwida tagħhom fejn ser jittieħdu. Imma għal xi raġuni, ħadd m’għadu jġibhom ‘l hawn. Jeħduhom iżuru l-postijiet tas-soltu, dawk l-aktar popolari, u mbagħad jerġgħu jħaffuhom lura lejn Malta. Aħna nikkunsidraw lil dan il-post bħala sit importanti daqs l-oħrajn. Ma naħsbux li hu sewwa li dawk li jiġu jżuru gżiritna qed jiġu mċaħħda milli jiskopru wkoll dawn it-tipi ta’ siti li għandna hawnhekk. Infatti dawk il-Maltin u t-turisti li jsiru jafu b’dan l-għar u jiġu jarawh, kollha jibqgħu impressjonati ħafna bi ġmielu. ”
U ntenni għal dawk li huma responsabbli minn dawn it-turisti li jżuru l-gżejjer tagħna – tinsew qatt li wieħed mill-aqwa prodotti Maltin hija sempliċiment l-akkoljenza sabiħa u ġenwina li l-poplu tagħna kapaċi jwassal u li ilu magħruf għaliha għall-mijiet ta’ snin. Infatti ħames familji minn Ta’ Xerri joqogħdu fl-inħawi tal-għar, fejn saħansitra t-triq issemmiet għal dal-post, sabiex kuljum, anki fil-ħdud u l-festi huma jilqgħu bil-qalb lil kull min jogħġbu jinteressa ruħu f’dat-teżor sabiħ tagħhom.
“L-Għar Ta’ Xerri huwa għal qalbna ħafna għax ifakkarna fil-galbu li wera Ġużeppi meta nstab dan il-post u l-ħila li kellu biex żammu u ppreżentah lin-nies bl-aħjar mod possibbli. Inħossuna obbligati li nkomplu naqsmu l-imħabba li hu kellu għal dan l-għar u li llum tħeġġeġ anki f’qalbna. Huwa wirt sabiħ li ħallilna sabiex nibqgħu nġeddu l-memorji tiegħu u anki biex nuru lil kulħadd x’kapaċi toħloq din l-art sbejħa tagħna.”
L-Għar Ta’ Xerri jinsab fi Triq l-Għar Ta’ Xerri fix-Xagħra, Għawdex.
INTERVISTA: JOHN JOSEPH BORG – Kuratur Prinċipali tal-Mużew tal-Istorja Naturali
Tkellimt ukoll ma’ John Joseph Borg dwar dawn il-fenomeni naturali, fejn fosthom staqsejt kif jiffurmaw l-istalaktiti u l-istalagmiti, jekk f’inħawi fejn jinstabu numru ta’ għerien bħal dawn ikunx hemm il-periklu li l-art tkun instabbli u anki xi tfisser dagħbien?
“L-istalaktiti u l-istalagmiti jiffurmaw meta jkollok kundizzjonijiet ideali fosthom: ilma li jiskula minn ġewwa l-blat, bil-mod iżda konsistenti, ġir (lime), u klima adatta ġewwa l-għar, jiġifieri mingħajr kurrenti tal-arja kif ukoll temperatura stabbli.
L-inħawi tax-Xagħra huma magħmula mill-ġebla tal-Qawwi Ta’ Fuq (Upper Coralline Limestone). F’ċerti żoni ta’ dan il-blat xi drabi jistgħu jiffurmaw kanali, għerien u spazji vojta oħrajn. Infatti fix-Xagħra nsibu numru ta’ għerien bħal Ta’ Xerri, Ta’ Ninu, Ta’ Calypso, Tal-Ġnien, Ta’ Ghejżu u oħrajn. Jista’ jkun li bejn l-għerien ikun hemm iżjed xpakkaturi imma l-fatt li jeżistu dawn l-għerien ma jfissirx li l-blat hu nstabbli.
Dagħbien huma ħofor fil-blat li ġeneralment ikunu mimlija bil-ħamrija kwaternarja (ta’ Żmien is-Silġ). F’xi każi, wieħed isib ukoll għadam ta’ annimali li kienu jgħixu f’dak iż-żmien bħal ċriev, iljunfanti, ippopotami u speċi oħra. Għal min ikun qiegħed iħaffer spiera jew bir, dawn l-ispazji “vojta” fil-blat iħaffu ħafna fit-tqattiegħ tal-ġebla.”
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-4 ta’ Diċembru 2011)
-
MEMORJI STORIĊI F’TA’ BRAXIA
Il-ħajja tal-bniedem hija kumplimentari mal-bqija tan-natura u għaldaqstant għandha wkoll il-fażijiet tagħha: tibda mit-twelid, tkompli bit-tfulija, tiżvolġi fil-ħajja adulta, timxi għall-anzjanità u tintemm bil-mewt. Iżda l-mewt mhiex finali għax finalment hemm ir-reġenerazzjoni. U hekk kif l-ewwel xtieli żgħar ħadranin ifiġġu mill-ħamrija skura mxarrba wara li jkunu spiċċaw il-pjanti ta’ qabel, dawk li jemmnu, jifhmu li r-ruħ tal-individwu tkun imxiet għall-ħajja aħjar, dik eterna, filwaqt li l-ħajja ta’ dawk li jkun ħalla warajh tkompli għaddejja fid-diżinn maħluq għaliha. Madanakollu hemm ħaġa li tifridna mill-bqija tal-ħolqien: aħna l-bnedmin nibqgħu niftakru fl-antenati tagħha, tant li għal ħafna dawn jibqgħu bħallikieku ħajjin f’qalbhom. Finalment waħda mill-funzjonijiet taċ-ċimiterji hija proprju dik li jibqgħu jħaddnu l-memorja ta’ dawk li jkunu tbennu fil-qalbha t’arthom. Għaldaqstant, dawk li jieħdu ħsieb dawn il-lwogi jkunu qed jaċċertaw li dawk li għexu qabilna ma jintesewx. Dawn il-ħsibijiet tfasslu f’moħħi hekk kif dil-ġimgħa, biex nagħlaq l-aħħar artiklu ta’ Novembru, iltqajt ma’ Charles Gatt u ma’ Dr Alexander Welsh sabiex inżur għall-ewwel darba ċ-ċimiterji li jinsabu f’Ta’ Braxia fejn fosthom ġew anki midfuna prinċpijiet u prinċipessi magħrufa.
Dr Alexander Welsh, li huwa l-Viċi President tal-Assoċjazzjoni ‘The Friends of Ta’ Braxia’ huwa storiku li qatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu jaħdem fuq diversi proġetti ta’ restawr f’pajjiżi differenti. Iżda hekk kif f’dawn l-aħħar snin huwa beda jgħix f’pajjiżna fehem illi: “F’Malta jeżisti wirt kulturali f’kull metru kwadru aktar minn imkien ieħor fid-dinja u biex ikompli jagħnih, dan il-wirt tħalla minn bosta kulturi differenti. Ngħidu aħna nisimgħu ħafna bl-arkeoloġija u bl-iskoperti mmensi tal-Eġittu imma dawn huma mxerrda ma’ firxa kbira ta’ art. Il-meravilja ta’ Malta hija li f’kull pass li tagħti fuq din l-art tiltaqa’ ma’ xi ħaġa ta’ valur storiku. Hija ħasra li forsi wħud mill-Maltin stess ma jintebħux u ma japprezzawx dan.”
Charles Gatt li huwa d-Direttur Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni u għamel snin jaħdem bħala arkitett navali, fissirli l-preġju taċ-ċimiterju prinċipali Ta’ Braxia: “Dan iċ-ċimiterju jmorru lura għas-seklu dsatax u fih ġew midfuna għadd ta’ individwi magħrufa li ffurmaw parti mill-istorja ta’ Malta. Għalhekk dal-post minbarra li jitlob rispett minħabba l-funzjoni tiegħu, jesiġi l-apprezzament peress li huwa ġawhra arkitettonika u monument storiku nazzjonali.”
Inġbarna bilqiegħda ġo kmajra li tintuża bħala l-uffiċċju tal-Assoċjazzjoni. Anki din il-kmajra kellha l-istorja interessanti tagħha.
“Snin ilu, din il-kamra kienet tifforma parti mid-dar ta’ John Mizzi li kellu arranġament biex jgħix proprju hawn fit-tarf taċ-ċimiterju ħalli jkun jista’ jieħu ħsieb dan il-post. Sfortunatament meta John ġie nieqes, iċ-ċimiterju f’Ta’ Braxia ntelaq għal rieħu, tant li finalment in-natura nnifisha ħabtet tipprova tidfnu taħt il-ħaxix, il-pjanti u s-siġar li bdew telgħin ma’ kullimkien.”
Ir-rakkont ta’ dan iċ-ċimiterju jeħodna lura lejn iż-żmien meta pajjiżna għadda taħt il-kuruna Ingliża fil-bidu tas-seklu 19.
“F’dak iż-żmien il-Kattoliċi Maltin kienu jindifnu taħt l-art tal-knejjes tagħhom u għalhekk dawn il-barranin li kienu jħaddnu reliġjon ieħor, ma setgħux jindifnu fl-istess postijiet. Mal-miġja tal-Ingliżi f’Malta bdew jiżdiedu r-residenti, l-vjaġġaturi, is-suldati, il-baħrin u n-negozjanti barranin li wħud minnhom mietu f’pajjiżna u għalhekk kellu jinstabilhom post fejn jindifnu. Għall-ewwel bdew jintużaw xi inħawi li kienu jinsabu ġewwa s-swar tal-Furjana sakemm matul is-snin dan id-dfin infirex u laħaq is-swar tal-Imsida. Eventwalment dan tal-aħħar ġie kkonsagrat bħala ċimiterju u huwa l-uniku wieħed li għad fadal mis-siti l-oħra. Infatti minflok iċ-ċimiterju kbir li kien jinsab fis-Sur tal-Kwarantina u dak aktar żgħir tal-Ortodossi Griegi, illum insibu l-art tal-lukanda l-ġdida Excelsior.
Meta ċ-ċimiterju li kien jinsab fuq is-swar tal-Imsida ntela’ kien hemm bżonn ta’ ċimiterju ġdid u fl-1857 intagħżlet biċċa art magħrufa bħala Ta’ Braxia li kienet viċin l-inħawi tal-Bieb tal-Bombi. Iċ-ċimiterju ġie diżinjat minn Emanuele Luigi Galizia (1830 – 1906) li kellu biss 25 sena dak iż-żmien (aktar tard hu kien responsabbli wkoll mid-diżinn taċ-ċimiterju tal-Addolorata). B’differenza taċ-ċimiterji ta’ qablu li kienu ssawru skont il-ħtieġa, dan kien ippjanat b’mod mirqum u li jilqgħek. Infetaħ uffiċċjalment fid-9 t’Ottubru 1857 bil-għan li jilqa’ fih nies minn kull reliġjon. Madanakollu inizzjalment dal-post ħa l-fama fost il-Maltin bħala ‘Tal-Protestanti’ u ħadd mill-Kattoliċi Maltin ma ried jindifen fih.”
Issa konna ħriġna nduru madwar iċ-ċimiterju prinċipali. Inzertat ġurnata sabiħa minn dawk li jaf jagħti biss pajjiżna u nistqarr illi li kieku ma kienx għal-lapidi, l-post aktar kien qisu xi ġnien kbir antik u sabiħ. L-għana ħlejju tal-għasafar kien qed jikser is-sikta solenni tal-post filwaqt li kien ukoll qed jostor taħtu l-ħoss tat-traffiku għaddej fil-qrib. Min jaf kemm il-darba għaddejt biswit dan il-post u qatt ma ntbaħt li hemm kien hemm lwog tant interessanti! Infatti minħabba s-siġar kbar tal-post, qatt m’għaraft li f’naħa minnhom kien hemm kappella mdaqqsa li apparti li kienet qed iżżejjen l-inħawi, kellha wkoll nisġa ħelwa ta’ storja ta’ mħabba msawwra fiha.
“Il-kappella taċ-ċimiterju Ta’ Braxia hija partikolarment interessanti minħabba li hija l-uniku eżempju arkitettoniku tal-istil ‘High-Gothic’ f’Malta. Inbniet minn Sir Arthur Hamilton Gordon K.C.M.G li kien magħruf ukoll bħala Lord Stanmore u kien għamel żmien bħala gvernatur ta’ New Brunswick, Trinidad, Mauritius, Fiji, New Zealand u Ceylon. Il-kappella kellha tkun bħala tifkira ta’ martu Rachel Emily Hamilton Gordon li waqt li kienet fuq vjaġġ minn Ceylon lura lejn id-dar tagħha fl-Ingilterra, inħakmet minn marda qalila u kellha titniżżel hawn Malta fejn mietet fis-26 ta’ Jannar 1889 fl-età ta’ 60 sena. John Loughborough Pearson, perit magħruf ħafna f’Londra u li kien jispeċjalizza fil-bini tal-knejjes, ġie mqabbad jiddiżinja din il-kappella li fuq in-naħa ta’ wara tagħha kellha tinkorpora l-qabar tal-mara.”
Għalkemm din il-kappella hija xempju ta’ kif mill-mewt ma jiskappa ħadd, fl-istess ħin hija tikkonferma mill-ġdid li dawn il-postijiet għandhom ħabta jfakkruk aktar fl-imħabba milli fil-mewt, jekk tiftaħ biżżejjed qalbek għalihom. L-istess kif jagħmel il-monument maestuż ta’ Olof Fredrik Gollcher, li l-bust tal-bronż tiegħu jserraħ fuq kolonna twila tal-irħam, bi xbieha mnikkta femminili tal-bronż taħtu. Daqstant ieħor l-oqbra tal-prinċpijiet u l-prinċipessi Poutiatine li għal xi żmien kienu gawdew mir-rifuġju ta’ pajjiżna; il-prinċipessa Nathalie Poutiatine li mietet fil-21 ta Jannar 1984 kienet iżżewġet lill-Malti Edgar Tabone u min jaf kemm ferrħet nies biż-żfin tagħha fit-teatri tagħna, filwaqt li finalment kienet ukoll hi li rawwmet oħrajn f’dan il-qasam meta fetħet l-ewwel skola tal-ballet klassiku f’pajjiżna.
“Hawn minn kull xorta ta’ nies midfuna hawnhekk: maġġuri, ġenerali, suldati, isqfijiet, reverendi, negozjanti, vjaġġaturi, eċċ. Preżentement hawn madwar 5000 persuna midfuna f’dan il-post li ħafna minnhom għandhom storja interessanti bħal Grabiel Vassalli li kien it-tifel il-kbir ta’ Mikiel Anton Vassalli, Lord Moynihan li kien missier it-tabib ta’ Churchill u Mary Olga Katherine Mills li kienet waħda mill-pijunieri tal-fidi Bahá’í. Nistgħu ngħidu li żewġ terzi minn dan iċ-ċimiterju huwa storiku filwaqt li l-bqija għadu jintuża sal-llum.”
Infatti huma għarrfuni li hemm lista twila ta’ nies, saħansitra Maltin, li llum jixtiequ jindifnu f’dan il-lwog. Madanakollu bħalissa m’hemmx aktar oqbra ġodda għalkemm qed isiru xi diskussjonijiet mal-gvern dwar dan il-qasam. Huma wrewni l-passaġġi wiesgħa li huwa mogħni bihom iċ-ċimiterju li għalkemm fil-preżent qed isebbħu l-post, parti minnhom tista’ sservi bħala spazju għal oqbra ġodda. L-art taċ-ċimiterju hija tal-gvern għalkemm l-oqbra huma privati u s-sidien għandhom id-dritt li jidfnu l-familjari tagħhom hemm. Matul it-triq Charles u Alexander bdew juruni s-sinjali tal-ħsara li ħalliet warajha t-tieni gwerra dinjija.
“Dal-post intlaqat diversi drabi mill-bombi li twaqqgħu fuq il-pajjiż. Ħafna mil-lapidi nkinsu mal-art bil-blast tagħhom filwaqt li oħrajn tqattgħu bis-shrapnel tal-bombi. Ammont konsiderevoli minn din il-ħsara ġiet irrestawrata lura imma kif qed tara, għad hemm ħafna aktar x’isir.”
Peress li dan iċ-ċimiterju kien għamel żmien mitluq, il-kundizzjoni tiegħu kienet tbikkik u mhux darba u tnejn li ġew xi barranin biex iżuru l-antenati tagħhom u tkażaw bis-sitwazzjoni li kien jinsab fih. Finalment fl-2001 ġiet imwaqqfa l-Assoċjazzjoni ‘The Friends of Ta’ Braxia’ li tifforma parti mill-NGO Din L-Art Ħelwa. Il-President ta’ din l-Assoċjazzjoni huwa l-imħallef Maurice Caruana Curran li huwa wkoll il-president fundatur ta’ Din L-Art Ħelwa.
“B’kollaborazzjoni ma’ Din L-Art Ħelwa u mad-Dipartiment tas-Saħħa sar ftehim biex jinħarġu fondi sabiex jiġi restawrat dan il-post. Permezz ta’ xi voluntiera minn Din L-Art Ħelwa u anki ta’ xi individwi oħra u bl-għajnuna ta’ xi benefatturi bħall-familja Gollcher, inbeda x-xogħol biex jitnaddaf il-post u biex tiġi rranġata ċertu ħsara strutturali u arkitettonika, kemm minħabba t-tkissir li ħalliet warajha l-gwerra u li kienet baqgħet ma ġiet irranġata qatt u anki d-danni kkaġunati mill-mogħdija taż-żmien. Illum, għaxar snin wara, daċ-ċimiterju jinsab f’qagħda ħafna aħjar milli sibnih fejn fosthom installajna wkoll is-sistemi tal-ilma u d-dawl u xi servizzi oħra li jistgħu jinqdew bihom dawk li jiġu jżuru l-post. Imma l-kobor tal-post jirrikjedi ħafna fondi għaż-żamma tiegħu u għall-bqija tax-xogħol li għad fadal isir fih. Il-membri tal-Assoċjazzjoni jħallsu miżata ċkejkna biex jgħinu f’dan u uħud minnhom jinġabru magħna kull nhar t’Erbgħa biex naraw x’għandu bżonn isir u nagħmlu xi manutenzjoni fiċ-ċimiterju. Nixtiequ ħafna li kellna aktar fondi u voluntiera biex inwettqu dak kollu li hemm bżonn!
Ma rridux ninsew insemmu lil individwi bħal-Maġġur Anthony Camilleri li huwa d-direttur u t-teżorier tal-Assoċjazzjoni, għall-għajnuna u l-pariri tiegħu rigward l-aspett militari, u lil numru ta’ persuni oħra li għenuna biex nidentifikaw lil kull min jinsab midfun f’dan iċ-ċimiterju, tant li llum jiġu numru konsiderevoli ta’ nies biex ifittxu jekk l-antenati tagħhom jinsabux midfuna hawn. Ta’ min jgħid ukoll illi dan iċ-ċimiterju jaqa’ taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa, filwaqt li d-dokumentazzjoni uffiċċjali tad-dfin jinżammu fl-uffiċċju taċ-ċimiterju tal-Addolorata.”
Iżda kien għad fadal aktar x’niskopri f’dan il-post, hekk kif wara entratura ċkejkna maqtugħa f’ħajt apparti, Dr Welsh urieni ċimiterju żgħir ieħor fejn fih dari kienu jindifnu l-Lhud. Huwa għaddieli rivista bl-informazzjoni dwaru miġbura minn Alan Keighley.
“Għal dawn l-aħħar 3000 sena kien hawn għadd ta’ Lhud joqogħdu fil-gżejjer Maltin, għalkemm teżisti ftit li xejn informazzjoni dwarhom f’dawn is-snin bikrin. Huwa mill-14-il seklu ‘l fuq li nibdew insibu xi dettalji dwar il-komunità Lhudija f’Malta. Fiż-Żmien Nofsani kien hawn numru sostanzjali ta’ Lhud f’Malta, tant li f’perjodu minnhom, madwar terz tal-popolazzjoni tal-Imdina kienet Lhudija. Fl-1492, il-Lhud sfaw imkeċċija minn Malta minħabba l-Inkwiżizzjoni Spanjola. Aktard tard, fl-era tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-Lhud spiss kienu jittieħdu lsiera minħabba li kienu jitħallsu flus tajba għal-ħelsien tagħhom. Kien hawn numru ta’ ċimiterji f’Malta għal dawk il-Lhud li kienu jmutu fil-pajjiż u fl-1784 infetaħ wieħed fil-Kalkara. Meta l-Franċiżi daħlu Malta fl-1789, Napuljun ordna li l-Lhud, li ħafna minnhom sa dak iż-żmien kienu meqjusa bħala skjavi, kellhom jibdew jitqiesu bħala ugwali mal-bqija tas-soċjetà. Meta f’Settembru tal-1800 waslu l-forzi Ingliżi f’Malta, il-Lhud setgħu wkoll jipprattikaw it-twemmin tagħhom fil-beraħ.
Jingħad li għall-ħabta tas-sena 1827, waqt li Sir Moses Montefiore, li kien sinjur kbir u filantropiku Lhudi, kien qiegħed għal btala f’Malta, il-komunità Lhudija talbitu jgħinhom biex ikollhom post ieħor fejn setgħu jindifnu peress li ċ-ċimiterji ta’ qabilhom kienu qed jintlew. Huwa tkellem mal-Gvernatur Ponsonby u dil-biċċa art żgħira f’Ta’ Braxia ġiet akkwistata u llum hija proprjetà tal-komunità Lhudija.”
Dr Welsh qalli li meta hu u martu raw dan il-post għall-ewwel darba, lanqas biss kellhom idea x’kien. Dak iż-żmien Dr Welsh kien responsabbli mit-tim li kien qiegħed jieħu ħsieb ir-restawr f’Ta’ Braxia u din il-biċċa art kienet miżgħuda bis-siġar u l-pjanti slavaġ li kienu għattew l-oqbra u l-monumenti kollha taħthom.
“Meta l-post beda jitnaddaf għarafna li kien ċimiterju Lhudi. Għall-ewwel konna xi ftit konfużi peress li ċerti iskrizzjonijiet li kienu baqgħu leġġibbli kienu miktuba bil-lingwa Taljana filwaqt li oħrajn kienu bil-lingwa antika Ebrajka. Iżda permezz tal-għajnuna tal-istoriku militari Alan Keighley irnexxielna nidentifikaw 120 qabar u permezz tal-lapidi stajna nagħtu isem lil 56 persuna li jinsabu midfuna f’dan il-post. Madanakollu l-iskrizzjonijiet bil-lingwa antika Ebrajka għadhom qatt ma ġew tradotti għax jidher li dil-kitba tmur lura ferm.
Sal-1880 dan iċ-ċimiterju ntela’ wkoll u għalhekk infetaħ ċimiterju ieħor għal-Lhud fil-Marsa. Jidher li biż-żmien dan il-post intesa, tant li llum ftit li xejn jiġu jżuruh filwaqt li eżatt miegħu ttella’ bini kbir li kompla jisraq mill-karattru tas-sit.
Xorta waħda, kif qed tara, kemm dan iċ-ċimiterju tal-Lhud u anki ċ-ċimiterju prinċipali f’Ta’ Braxia, qed jinżammu fl-aħjar stat possibbli permezz tal-għajnuna imprezzabbli tal-voluntiera, li mingħajrha bla dubju, dawn il-postijiet ma jkunux daqstant miżmuma.”
Bqajt indur għal ftit ħin ieħor waħdi fiċ-ċimiterju prinċipali sabiex nosserva, niġbed ir-ritratti u nifhem aktar dik l-informazzjoni li kont għadni kif ġbart. Fosthom, biswit xi lapidi tal-oqbra fuq in-naħa ta’ wara taċ-ċimiterju, innutajt parti minn ħajt imwaqqgħa li ċertament ikerraħ dal-post li jixraqlu ħafna aktar dinjità. Tgħaġġibni dil-ħelwa Malta tiegħi kemm kapaċi tissorprendini kull darba. U kważi nitnikket meta nintebaħ li tant hawn postijiet u ġrajjiet li ma nafx bihom, li ħajja waħda mhux ser isservini biżżejjed biex niskoprihom kollha! Almenu qalbi tistrieħ meta nifhem li permezz ta’ dawn l-artikli nista’ naqsam dan it-tagħrif magħkom bit-tama li nqanqal l-imħabba u l-kilba għal aktar għarfien fostkhom, b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ tagħna li għad xi darba jkomplu warajna.
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-27 ta’ Novembru 2011)
-
IMĦABBA BLA KUNDIZZJONI
Ngħiduha kif inhi, sikwit dil-ħajja mhiex faċli tgħixha. Bosta drabi teħodlok ħafna aktar milli tagħtik u lil uħud minna għandha ħabta tkabarhom saħansitra xi ftit aktar mill-oħrajn. Jiġu mumenti meta jagħtik li tfendi għal rasek u li tħalli l-mewġ iħabbat mal-bqija… min jiflaħ jikkumbatti jgħix u min ma jiflaħx jintilef. Iżda xi ħaġa ġewwa fik ma tħallikx tirraġuna hekk għal tul ta’ żmien. “Ma nistax nibdel id-dinja waħdi, imma nista’ nitfa’ ġebla matul l-ilmijiet sabiex noħloq ħafna rimi,” inkoraġġiet darba Madre Tereża bi sfida quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja. L-eżempju ta’ nies bħalha huwa kruċjali biex nagħrfu ngħixu l-umanità tagħna. Il-ħlewwa ta’ dawn ir-rimi messew miegħi din il-ġimgħa meta waqt intervista ma’ John Rolè u Pat Bonello mill-Appoġġ dwar il-fostering u dwar servizz ġdid ta’ Trobbija Speċjalizzata li għadu kemm ġie mniedi dan l-aħħar, dawn qaluli li dawk li jidħlu biex jagħtu l-għajnuna tagħhom jagħmlu dan bil-ħsieb sħiħ li jwettqu xi ħaġa tajba f’ħajjithom.
INTERVISTA: JOHN ROLÈ – Leader, Fostering Services
FOSTERING
L-idea tal-fostering minn dejjem kienet tintrigani għax nista’ nobsor li jesiġi ħafna kuraġġ. Kont kurjuża biex nifhem min kien kapaċi jħobb daqstant, kemm kien hemm nies minn dawn, u x’riżultati qed ikollu dan il-qasam?
“Aħna konxji li l-fostering mhiex xi biċċa xogħol faċli biex tidħol għaliha għax fiha diversi sfidi, titlob impenn serju u tirrikjedi ħafna mħabba,” beda jispjegali John Rolè. “Huwa każ fejn l-individwi letteralment jiftħu l-familja tagħhom sabiex jilqgħu fiha lil dawn it-tfal ħalli jgħinuhom jgħixu ħajja aħjar. Fortunatament jeżistu numru ta’ familji Maltin u Għawdxin li bil-ġenerożità enormi tagħhom lesti li jagħtu daqqa t’id biex jingħata ċans ieħor lil dawn it-tfal li jgawdu d-dritt ta’ tfulija xierqa. Infatti bħalissa għandna 250 tifel u tifla fostered, filwaqt li hemm 201 familja li qed jagħtu l-għajnuna fil-qasam tal-fostering.
Is-sistema formali bħala tim tal-fostering fl-Appoġġ ilha għaddejja biss mis-sena 2000. Madanakollu diġà qed naraw il-frott tax-xogħol li sar u huwa dan li jżommok għaddej. Bħala eżempju, nista’ nsemmilek il-każ ta’ tifel li kien fostered u li llum huwa żagħżugħ iggradwat bħala avukat, fejn fil-preżent jifforma wkoll parti mill-board tal-fostering. Għad irridu naraw x’ser ikun ir-riżultat tal-għadd ta’ tfal li qed igawdu mill-għajnuna tal-fostering. Biss biss illum qegħdin indaħħlu anki trabi direttament ma’ foster carers, minflok li jgħaddu l-ewwel fl-istituzzjonijiet, kif kien isir qabel. Is-sena l-oħra kellna 12-il tarbija li ġew fostered, filwaqt li b’kollox kien hemm 50 tifel u tifla li ġew milqugħa f’familji oħra. Dis-sena kien hemm 14-il tarbija li ġew fostered u għad baqa’ 115-il tifel u tifla li qed jistennew lil xi ħadd biex jilqagħhom għandu.”
Is-sejħa għal familji ġodda li lesti biex jgħinu hija dejjem miftuħa. John spjega dwar il-proċess li jgħaddu minnu dawk li juru l-ħajra li jiffosterjaw.
“Meta aħna nirċievu talba jew applikazzjoni mingħand xi familja li tixtieq tidħol għall-fostering, aħna mmorru nżuruhom sabiex niddiskutu aktar fil-fond dwar din il-possibilità. Naturalment l-għan ta’ din il-laqgħa tkun kemm biex infiehmu aħjar fhiex jikkonsisti dan ix-xogħol, kemm biex naraw x’wassal lil din il-familja biex tieħu din id-deċiżjoni, u anki biex nevalwaw l-ambjent li fih dawn il-foster carers prospettivi ser ikunu qed jilqgħu lit-tfal. Huwa importanti ħafna li f’dawn il-każi, fejn hemm diġà t-tfal fil-familji, dawn ukoll jiġu kkonsultati u nklużi fid-deċiżjoni sabiex finalment jitwettaq pass għaqli.
Dawk il-familji li jidhrilna li jistgħu jgħinu jgħaddu imbagħad għall-pass li jmiss: fejn huma jiġu mitluba li jattendu għal 6 laqgħat ta’ 3 siegħat il-waħda. F’dawn il-laqgħat huma jingħataw taħriġ f’diversi aspetti tal-fostering bħal: il-fostering x’jinvolvi b’mod ġenerali, it-tfal min huma, it-trawmiet li jgħaddu minnhom u l-pakkett li jġorru magħhom, min huma l-ġenituri ta’ dawn it-tfal u l-problemi li dawn ikunu sabu ruħhom fihom li finalment wassluhom biex uliedhom ikollhom bżonn il-fostering, l-abilitajiet neċessarji fil-foster carers: x’inkunu qed infittxu aħna bħala aġenzija – f’din is-sessjoni jattendu anki xi foster carers stess biex jgħaddu l-esperjenzi tagħhom, nitellmu wkoll fuq l-effett tal-fostering fuq il-koppja u fuq uliedhom u kif dawn għandhom jieħdu ħsieb lil xulxin. Finalment niddiskutu l-possibilità li dawn it-tfal imorru lura għand il-ġenituri tagħhom u allura x’għandhom jagħmlu l-foster carers matul is-snin sabiex ikun hemm tranżizzjoni tajba jekk jasal dan il-mument. U allura hawn jidħol ukoll l-aspett ta’ kif il-foster carers ser jgħixu u jaċċettaw din it-tranżizzjoni? U x’tip ta’ kuntatt jista’ jibqa’ jkun hemm ma’ dawn it-tfal, jekk dawn ikunu marru lura għand il-ġenituri tagħhom.”
Xtaqt nifhem kif it-tfal jiġu magħżula biex imorru għand xi familja partikolari għal fostering?
“Ġeneralment in-nies għandhom it-tendenza li jmorru direttament fl-istituzzjonijiet fejn jinżammu t-tfal meta jkunu jixtiequ jagħmlu l-ġid lil xi tifel jew tifla. U allura jkun hemm każi fejn koppja torbot qalbha ma’ xi tifel jew tifla partikolari li jgħixu f’dawn il-postijiet u eventwalment jitħajjru biex ikunu l-foster carers tagħhom. Għalkemm aħna napprezzaw il-ġest ta’ dawn l-individwi, nippreferu ħafna aktar illi l-kuntatt ma jsirx b’dan il-mod għax jaf ikun hemm sitwazzjonijiet li jikkumplikaw jew li jagħmlu impossibli dan l-arranġament. Biex nagħtuk eżempju, immaġina li t-tifel li xi ħadd ikun jixtieq li jrabbi, bla ma jafu, jinzerta t-tifel ta’ xi ġar u jkun hemm ċirkustanza fejn l-identità tal-foster carer ma tkunx tista’ tiġi mikxufa.
Fil-fatt qabel ma aħna niddeċiedu min minn dawn it-tfal ser imur għand xi familja partikolari, inkunu evalwajna sewwa kull aspett sabiex din l-esperjenza tibda u tkompli possibilment bl-iktar mod stabbli. Għalhekk inqisu l-ħtiġijiet tat-tfal u naraw li l-kwalitajiet li għandhom il-foster carers u l-ambjent u s-sitwazzjoni li qegħdin jgħixu fihom, huma adattati għal dan il-każ. Biex nagħtuk eżempju ieħor, jekk ikun hemm xi tfal oħra fil-familja, ġeneralment naraw li t-tfal li jiġu fostered ikunu iżgħar, kemm biex it-tfal tal-koppja jkunu ta’ eżempju għalihom u anki biex dawn ma jqisuhomx bħala kompetizzjoni għalihom imma idealment jieħdu ħsiebhom huma wkoll.
Illum qed issir ħafna enfażi li għandha tinħoloq stabbiltà fil-ħajja tat-tfal u allura ma nistgħux nippermettu li jsiru ċerti żbalji li bihom terġa’ tinħoloq l-instabbiltà. Tgħallimna ħafna mis-sitwazzjonijiet u l-konsegwenzi tal-passat. U għalkemm ma nistgħu qatt nagħtu garanzija li kollox ser jirnexxi kif nixtiequ aħna, min-naħa tagħha aħna nippruvaw nagħmlu mill-aħjar biex kull esperjenza ta’ fostering tagħti l-frott meħtieġ.”
John sostna li ma jrid bl-ebda mod jitfa’ xi dell ikraħ fuq l-istituzzjonijiet varji li jieħdu ħsieb it-tfal għax dawn ċertament jagħmlu ħafna ġid fost it-tfal li jieħdu ħsieb. Iżda fl-istess ħin ir-riċerka turi li l-kuntatt one-to-one mat-tfal joffri aktar opportunità sabiex dawn jakkwistaw il-ħiliet tant neċessarji fi tfulithom.
“Forsi wieħed ma jirrealizzax li wħud minn dawn it-tfal ikunu saħansitra nieqsa mill-aktar affarijiet bażiċi li aħna neħduhom bħala ovvji. Ngħidu aħna, jekk tarbija tibki, normalment il-ġenitur jew il-kustodju, ser jerfagħha, jħaddanha miegħu u jara x’għandha bżonn. Iżda sfortunatament, mhux it-trabi kollha jgawdu minn din il-kura. F’ċerti każi, it-trabi jibdew jiġu mċaħħda mill-possibilità li jikkomunikaw sewwa u anki milli jifhmu u jitgħallmu ċerti emozzjonijiet. Per eżempju jekk tarbija għandha l-ġuħ, dak il-ħin għaliha jkun l-aħħar tad-dinja jekk ħadd ma jitmagħha. Għalhekk meta ommha taqbadha f’idejha u tħaddanha magħha biex tisqiha, it-tarbija tagħraf li hemm min jieħu ħsiebha u titgħallem tisma’ t-taħbiet kalm tal-qalb tal-omm u tirregola t-taħbiet ta’ qalbha ma’ tagħha. B’mod awtomatiku, f’dawn il-mumenti kruċjali, it-tarbija tkun qed titħarreġ kif aktar il-quddiem għandha tirreaġixxi għad-diffikultajiet tal-ħajja. Min-naħa l-oħra, tarbija li tiġi injorata u titħalla tibki għal ħin twil ġo cot, jew tarbija li titwaqqa’ jew anki tiġi msawwta, titla’ konfuża, beżgħana u anzjuża kontinwament. Aktar il-quddiem, meta din ser tikber u ssib ruħha taħt stress, mhux ser tkun kapaċi tilqagħlu daqshekk u tippanikja mingħajr ma tkun taf sewwa x’għandha tagħmel biex tikkalma.
Dawn l-esperjenzi jikkonfermaw għala t-tfal igawdu aktar meta jkunu ġewwa familja fejn jistgħu jingħataw attenzjoni individwali. Permezz tal-foster carers li jiġu mħarrġa apposta, biż-żmien dawn it-tfal jingħataw il-ħiliet biex inaqqsu l-biża’ u jitgħallmu li hemm nies li jħobbuhom u li tixirqilhom il-fiduċja tagħhom. Mhux darba u tnejn li jiġu foster carers li jgħidulna b’dawn il-mumenti mqanqla fejn akkost li juru ħafna mħabba lit-tfal li jkunu fostered, dawn isibu diffikultà biex jirrispondu lura. “Imma jiena nħobbok tant!” jgħidulhom. U t-tfal iwieġbu, “Ma nafx kif inħobb. Għini!”
Speċjalment fil-bidu l-foster carers iridu jkunu konxji li huma ser jagħtu ħafna mingħajr ma jieħdu daqstant lura. Iċ-ċavetta hija hekk kif jirnexxielhom jibnu relazzjoni sabiħa ma’ dawn it-tfal li f’ħajjithom ikunu diġà għaddew minn tbatija kbira. Infatti għal kull sena trawmatika tagħhom, huma jkollhom bżonn sentejn biex ifiequ: sena biex ineħħu dak li kellhom ġewwa fihom u oħra biex jassorbu dak li kellhom jitgħallmu f’dik is-sena ta’ qabel. Meta t-tfal jibdew jesperjenzaw il-veru mħabba bla kundizzjoni li suppost ħadu fil-bidu nett, hemm normalment tibda tara t-trasformazzjoni hekk kif it-tfal bil-mod jibdew jidraw jafdaw u finalment jikkomunikaw tajjeb u jħobbu lil dawk ta’ madwarhom.”
Iebsa biex tifhem kif xi ħadd daqstant żgħir ikun diġà għadda minn tant inkwiet f’ħajtu u hija inkwetanti jekk toqgħod taħseb x’jista’ jiġri minn dawn it-tfal jekk xi ħadd ma jieħux ħsiebhom kif jixraq. Iżda John u Pat sikwit semmew ukoll it-tbatija li jgħaddu minnha l-ġenituri nfushom ta’ dawn it-tfal li xi drabi minħabba d-diffikultajiet tagħhom, isibu ruħhom fis-sitwazzjoni ħarxa li jagħtu t-tfal tagħhom għal foster caring bit-tama li almenu wliedhom jgħixu ħajja aħjar minn tagħhom.
“Fil-fatt ħafna minn dawn it-tfal li jiġu fostered, akkost li jkunu batew fil-familja tagħhom, xorta waħda jkollhom lealtà kbira lejn il-familjari tagħhom. Għalkemm mhux kollha jkunu jridu jew jistgħu jmorru lura fid-dar tal-ġenituri tagħhom, xorta waħda huma jkunu ħerqana li jkunu jafu li “xi ħadd qiegħed jieħu ħsieb il-mummy” u li “xi ħadd qiegħed jagħti każ tal-problemi li kien hemm fil-familja tagħna”. Naturalment mhux it-tfal kollha jkollhom din il-lealtà.
Għandna każi fejn ir-rabta bejn it-tfal u l-foster carers tant kibret, li anki meta laħqu l-età tagħhom, dawn għażlu li jibqgħu jgħixu ma’ din il-familja li ħadet ħsiebhom fl-agħar mumenti ta’ ħajjithom.
Bħala eżempju ta’ x’iġġib din il-bidla fit-tfal nista’ nsemmilek każ li seħħ dan l-aħħar fejn tifel ta’ 9 snin li ġie fostered ra tarbija tat-twelid li qed tiġi iffosterjata u lil dawk li qed jieħdu ħsieb lilu qalilhom “Kemm hu tajjeb li ser tmur għall-fostering dik it-tifla! Għax għallinqas hi ser tiffranka dak kollu li għaddejt minnu jien u mhux ser ikollha d-diffikultajiet li jien qed inġib hawn lilkhom!”
Ma tistax ma tħossx għal kliem bħal dan u għalhekk ma kontx sorpriża daqstant meta ntbaħt li sitwazzjonijiet bħal dawn iqanqlu anki lil dawk li kienu qed ikellmuni u li min jaf kemm jaraw aktar b’għajnejhom!
INTERVISTA: PAT BONELLO – Manager, Out of Home Care Programme
TROBBIJA SPEĊJALIZZATA
F’dawn l-aħħar ġranet l-Appoġġ fetħet tip ta’ servizz ieħor magħruf bħala Trobbija Speċjalizzata. Dan huwa maħsub biex jagħti għajnuna lil tfal li għandhom aktar diffikultajiet fil-ħajja minn tfal oħrajn u għalhekk anki l-pakkett finanzjarju li jingħata lil min ikun qed jieħu ħsiebhom huwa kemmxejn akbar u jista’ jilħaq l-€10,000 – li fih ikun inkluż ic-Child in Care Benefit, għal kull tifel jew tifla li jkollhom bżonn din it-tip ta’ trobbija. Il-familji jew individwi li se jilqgħu din l-isfida, li biha jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ dawn it-tfal jew żgħażagħ, iridu jkunu lesti li jilqgħuhom fi ħdan il-familja tagħhom u jagħtuhom żmien ta’ trobbija li tilħaq il-bżonnijiet partikolari tagħhom.
“In-nies li ser jitħajjru għal dan it-tip ta’ servizz ser ikollhom sfida akbar minħabba ċ-ċirkustanzi tat-tfal. Fost dawn l-isfidi nistgħu nsemmu tfal li jkunu aktar kbar fl-età, tfal b’xi diżabilità, tfal b’xi mard kroniku, żewġt aħwa flimkien, tfal jew żgħażagħ li missew mad-droga, tfajla tqila b’tarbija li ma tistax tgħix mal-familja tagħha minħabba li tinsab f’periklu eċċ. Aħna nafu li mhux ser ikun hemm mijiet li jidħlu għal dan ix-xogħol imma anki jekk jirnexxielna nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ ftit minn dawn it-tfal inkunu qed nagħmlu ħafna. Naturalment aħna ser inkunu qed noffru taħriġ adegwat għal dawk li jiddeċiedu li joffru l-għajnuna tagħhom, filwaqt li dawn ser ikunu wkoll segwiti b’mod regolari minn ħaddiema soċjali inkarigati apposta. Ċertament ir-riżultati, għalkemm sikwit jiġu bil-mod ħafna, jagħtu bosta sodisfazzjon lil kull min ikun involut.
“M’hemmx dubju! L-aħjar post għat-tfal huwa mal-familji tagħhom u aħna nippruvaw nagħmlu minn kollox biex it-tfal ma jinħarġux mid-dar tagħhom. Imma sfortunatament ikun hemm każi fejn għall-protezzjoni u għall-ġid tat-tfal stess, dan ikollu jsir. Xi wħud minn dawn it-tfal jibdew jgħixu ġewwa l-istituzzjonijiet u hemmhekk huma jingħataw l-opportunità li jkunu maħbuba u li jibdew mill-ġdid jgħixu tfulithom. Ta’ min isemmi li ħafna minn dawn it-tfal irnexxew fil-ħajja bil-ħiliet differenti tagħhom u llum huma adulti eżemplari. F’dawn l-aħħar snin, numru minnhom qed jimxu wkoll għand familji ġodda li b’imħabba u b’ġenerożità kbira qed jieħdu ħsiebhom u jrabbuhom daqs li kieku kienu wliedhom.
Kien ikun ħafna aħjar li kieku dawn it-tfal qatt m’għaddew minn dawn l-esperjenzi trawmatiċi. Imma issa hekk ġara u ma nistgħux immorru lura! Għalhekk issa jiddependi kemm aħna ser inkunu lesti li ngħinuhom jirkupraw dak li tilfu fis-snin bikrin ta’ ħajjithom. Studji varji flimkien mal-esperjenzi tagħna ta’ kuljum jikkonfermaw li l-bidla u l-fejqan huma possibbli. Iżda kollox jistrieħ fuq kemm nies ser ikunu lesti li joffru spalla ta’ kuraġġ u l-kenn ta’ djarhom biex dawn it-tfal iduqu l-ħlewwa ta’ xi jfisser li tkun maħbub tassew.”
Għal aktar tagħrif jew biex tapplika biex toffri l-għajnuna tiegħek bħala foster carer tista’ ċċempel fuq Supportline 179 jew lill-Aġenzija Appoġġ fuq 22959000 jew permezz tal-website www.appogg.gov.mt Jekk tixtieq tipprovdi servizz ta’ Trobbija Speċjalizzata, jew tixtieq aktar informazzjoni, tista’ wkoll iċċempel fuq in-numri ta’ hawn fuq jew inkella tibgħat email fuq outofhome.appogg@gov.mt
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-20 ta’ Novembru 2011)
-
DFIN JEW KREMAZZJONI?
Iż-żieda konsiderevoli fil-prezzijiet tal-oqbra li ġiet imħabbra dan l-aħħar qanqlet reazzjoni fost numru ta’ individwi. Uħud tkażaw kif anki meta tiġi biex tagħlaq għajnejk trid tħabbel rasek minħabba l-finanzi. Oħrajn staqsew il-għala l-kremazzjoni għadha qatt ma ddaħħlet f’pajjiżna? Individwi oħra saħqu illi la jkunu mietu, jista’ jsir li jrid minn ġisimhom għax ma jimpurtahomx. Rajt li kien il-mument li nħoss ftit il-polz tal-perspettiva tas-soċjetà tagħna dwar dan is-suġġett u malajr ikkonfermajt li hekk kif tmiss mal-kwistjoni tal-mewt, bħal donnok tbexxaq l-għatu tal-kaxxa ta’ Pandora. Elf emozzjoni joħorġu għalik…. uħud tilmaħhom f’għajnejn in-nies hekk kif tarahom jitħabtu biex jispjegawlek fehmithom, oħrajn tinnutahom mill-ġibda subkonxja fiżika hekk kif jingħalqu fihom infushom kważi jixtiequk tibdel is-suġġett, nies oħra jaqbdu jiċċajtaw bil-goff biex jagħtuk x’tifhem li ma jimpurtahomx, filwaqt li ma’ wħud ikollok tagħlaq is-suġġett malajr għax tinduna li qed tkiddhom wisq. Eventwalment meta ġbart il-kummenti kollha ntbaħt li kien hemm element prinċipali li ħafna kienu qed jaħarbu minnu. Għax veru li meta tmut jistgħu jagħmlu bik li jridu. Imma dan mur spjegah lil min tkun ħallejt warajk mgħobbi bir-responsabbiltà ta’ x’għandu jagħmel bik!
DR MICHAEL GALEA: Psikologu Kliniku u Terapista tal-Familja
Il-mewt hija tema universali fil-ħajja tal-bniedem. Imma psikoloġikament din teffetwa lil kulħadd bl-istess mod? Stħarriġt dan mal-Psikologu Kliniku u Terapista tal-familja Dr. Michael Galea.
“Minkejja kull ktieb li jinkiteb u kull kliem li jista’ jingħad, xejn ma jħassar l-esperjenza qarsa tal-mewt. Int kemm int persuna soċjali, l-esperjenza tal-mewt hija realta’ li jkollok tiffaċċjaha waħdek. Il-proċess tan-niket huwa proċess li jeħtieġ iseħħ, u jseħħ sew, jekk irridu nimxu lil hemm mill-mewt b’mod san u pożittiv. Minkejja d-differenzi bejnietna, hemm xi reazzjonijiet universali għan-niket ta’ mewt, li jinkludu sintomi fiżiċi, emozzjonijiet, ħsibijiet u azzjonijiet differenti bħal rabja, sens ta’ ħtija, anzjeta’ u oħrajn.
Kull telfa hi unika daqs ir-relazzjoni personali li aħna kellna mal-persuna li mietet. Telfa ta’ xi ħadd familjari hi differenti minn dik ta’ ħabib, għalkemm wieħed ma jistax jiġġeneralizza. Mill-banda l-oħra, telfa ta’ ġenitur hi differenti minn dik ta’ partner jew ta’ ulied. Meta aħna nitilfu xi ġenitur, nitilfu l-passat tagħna. Meta nitilfu l-partner tagħna, nitilfu l-preżent. U meta nitilfu xi ħadd minn uliedna, nitilfu l-futur.
Kull persuna għandha l-personalita partikolari u speċjali tagħha u l-metodu individwali kif tiffaċċja r-realta’ li tgħaddi minnha. Xi wħud huma kapaċi iktar minn oħrajn quddiem ċerti kriżijiet, u inqas kapaċi quddiem kriżijiet oħra. Issib min quddiem il-mewt jidħol għal iktar xogħol, oħrajn ifittxu iktar ma’ min jitkellmu, filwaqt li individwi oħra jinqatgħu għal kollox minn kuntatti soċjali. Ħafna drabi n-niket se jkun jirrifletti kif ngħixu ħajjitna u allura jekk is-soltu naħarbu permezz ta’ iktar xogħol jew ningħalqu fina nfusna, quddiem telfa emozzjonali kbira, hekk ukoll nagħmlu quddiem il-mewt.
X’jgħin l-iktar quddiem din t-tbatija? Patricia Murphy, counsellor li tispeċjalizza fuq il-proċess tan-niket, tistqarr li x-xogħol involut fin-niket huwa wieħed mill-iktar xogħlijiet emozzjonali iebsin li persuna tista’ tagħmel. Li tibni relazzjoni ma’ xi ħadd huwa proċess li jieħu ż-żmien u enerġija twila. Hekk ukoll fit-telfa. Dan il-proċess, li fih taċċetta t-telfa (letting go), huwa spiss kumplikat u jinkludi attenzjoni u ħidma fuq diversi livelli kemm emozzjonali u intellettwali kif ukoll fl-atteġġjament.
Quddiem il-mewt kulħadd jipprova b’xi mod ibiegħed ruħu minn din r-realta’ bit-tama li jtaffi xi ftit mit-tbatija li ġġorr magħha din it-telfa. Sinjal importanti li persuna qiegħda tirkupra huwa meta tibda tirrikonoxxi li seħħet it-telfa. Ritwali funebri jgħinuna biex naċċettaw ir-realta’. L-istess meta naslu li nkunu nistgħu nitkellmu dwar it-telfa. Minkejja li sikwit nixxukkjaw ruħna quddiem xi emozzjonijiet li jista’ jkollna, tajjeb nifhmu li dawn huma normali u parti naturali tal-proċess tat-telfa. Hawnhekk ta’ min isemmi li xi kultant, nidħlu f’dubji meta nħossu li forsi l-proċess tan-niket tagħna għadu mhux komplut. Importanti li naslu għal konklużjoni fil-proċess naturali tan-niket tagħna. Konklużjoni partikolari tista’ tkun ukoll personali, bħal xi ritwal żgħir u privat, ngħidu aħna, iddoqq diska favorita tal-mejjet quddiem ritratt jew tifkira tal-persuna għażiża li tlift. Il-proċess tan-niket allura hu kemm uniku għalik, u wkoll ma jistax jiġi mgħaġġel.”
RUTH ZAMMIT: Favur il-Kremazzjoni
Nistqarr li anki lili jkiddni ħafna das-suġġett. Qatt ma fhimt għala kreatur jista’ joħloq xi ħaġa għal qalbu u magħha jwaħħal anki data ta’ skadenza. Inħoss li Alla għażlilna tmiem kiefer wisq li tagħmel x’tagħmel ma tistax tiskappah! Barra minn hekk, jekk toqgħod taħseb, jiġuk ħafna dubji oħra li jekk ma teħlisx minnhom malajr jaslu biex jifnuk. Bħal ngħidu aħna, x’inhu l-aħjar: li tixxennaq li tmut int qabel il-maħbubin tiegħek ħalli ma ssofrix it-telfa tagħhom imma b’hekk iġġarrab lilhom, jew li tarahom jitilqu qablek u ssofri t-telfa int? Għal nies oħra, anki l-ħsieb li għad iridu jindifnu jew jidfnu lil xi ħadd joħolqilhom ħafna tensjoni. Fost dawn hemm Ruth Zammit li f’dawn l-aħħar snin qiegħda tipprova toħloq kuxjenza dwar id-dritt li tiddaħħal il-kremazzjoni f’Malta.
“Minn dejjem kienet tkiddni din li f’pajjiżna m’għandnix l-għażla tal-kremazzjoni. Personalment il-ħsieb li xi darba jiena jew l-għeżież tiegħi għad irridu nsibu ruħna taħt l-art biex nispiċċaw ikel għall-insetti, tnikkitni. Biżżejjed li l-mewt iġġib il-problemi tagħha. Nixtieq li almenu jkolli s-serħan il-moħħ li ġismi għad jinħaraq u nevita dak it-tmiem li jiena nemmen li hu degradanti għall-bniedem.
Forsi ssib min jgħaddik biż-żmien għax jgħidlek li la tkun mejjet, mhu ser tħoss xejn. Imma jiena naf x’inġarrab meta jkolli nattendi għal xi funeral hawn Malta u jkolli ngħix il-mumenti orribbli li nara t-tebut ta’ familjari jew ħbieb tiegħi nieżel taħt l-art. Uħud minnhom ġieli jkunu individwi li kienu jikkuraw ruħhom ferm f’ħajjithom u nitkexkex meta nirrealizza kif ser jispiċċaw. Nemmen li l-kremazzjoni toffri tmiem aktar dekoruż milli wieħed jitħalla jiddeterjora biż-żmien.
Ma nistax nifhem għala l-kremazzjoni għadha ma ddaħħlitx f’pajjiżna. Kull fejn nistaqsi, ħafna jaqblu miegħi illi li kieku kellhom l-għażla, jippreferu li jiġu kkremati milli jindifnu. Uħud jgħidulek li l-proċess tal-kremazzjoni huwa għali wisq u allura l-ebda kumpannija mhu ser tinteressa ruħha biex tidħol għalih lokalment. Mela xi ngħidu għall-prezzijiet li qed jitħallsu għall-oqbra, u dan meta kulħadd jaf ukoll li hemm lista pendenti twila ta’ nies li jixtiequ li jkollhom il-qabar tagħhom? Oħrajn isostnu li bil-kultura tagħna fejn dejjem konna mdorrija biss bid-dfin, ftit li xejn ser ikun hemm interess. Imma jiena apparti minn dak li nisma’ madwari, ftaħt ukoll Facebook page taħt l-isem Let’s introduce cremation in Malta u fi ftit taż-żmien daħlu aktar minn 1000 membru. Jiġifieri l-interess hemm qiegħed.
Il-kremazzjoni hija wkoll proċess aktar nadif u bla dubju iżjed effiċjenti hekk kif tirrikjedi ħafna inqas spazju. Toffrilek ukoll diversi għażliet ta’ x’tista’ tagħmel bl-irmied ta’ qrabatek, għalkemm il-Knisja ma taqbilx li l-irmied jinħareġ miċ-ċimiterju nnifsu. F’pajjiżi oħra, l-irmied jitpoġġa f’urna u n-nies tingħata diversi għażliet: tista’ tidfen l-urna f’post apposta, tista’ tieħu l-urna d-dar miegħek u b’hekk ikollok dak is-sentiment aktar pożittiv li l-għeżież tiegħek għadhom miegħek u mhux mitluqin f’post stranġier, imbagħad hemm ukoll min jiddeċiedi li jferrex l-irmied f’xi post li kien għal qalb il-mejjet.
Jiena mhux qed ngħid li d-dfin għandu jieqaf għax naċċetta li kulħadd għandu l-fehma tiegħu. Imma fl-istess ħin jidhirli li mhux xieraq li f’Malta m’għandnix il-possibilità li nagħżlu bejn id-dfin u l-kremazzjoni. Ħafna mill-membri tal-Facebook u xi nies li jafuni qed iħajjruni biex norganizza demostrazzjoni sabiex nuru kemm hawn nies tal-fehma li l-kremazzjoni għandha tiddaħħal f’pajjiżna. Jiena nemmen illi fl-aħħar mill-aħħar pajjiżna minn hemm għad irid jgħaddi għax ma nistgħux inkomplu nkabbru ċ-ċimiterji tagħna għal dejjem. Nittama li sakemm jasal il-mument tiegħi, din il-bidla tkun saret realtà.”
Min stħarriġ li għamilt, ikkonfermajt li minn dawk li wieġbu għall-mistoqsija tiegħi jekk jippreferux id-dfin jew il-kremazzjoni, il-maġġoranza għażlu l-kremazzjoni. Dawn huma wħud mill-kummenti tagħhom:
“Nippreferi li jaħarquni milli nirriskja li jniżżluni taħt l-art!”
“Nagħżel li nagħti l-organi li jkunu tajbin u mbagħad li jikkremawni.”
“Il-kremazzjoni aħjar, aktar indafa.”
“Nagħżel il-kremazzjoni għax b’hekk intaffu l-problema tal-ispazju.”
“Il-kremazzjoni hija ħafna orħos. F’pajjiżi oħra jeżistu kumpanniji li saħansitra jikkrulek it-tebut u għalhekk tħalli inqas piż finanzjarju fuq dawk li tħalli warajk.”
“Kieku nista’ nagħżel, nixtieq li wara li jikkremawni jxerrduni fil-baħar.”
“Kremazzjoni! Il-ħsieb biss li ġismi jintefa’ biex jagħmel festa minni l-wirdien iwaħħaxni.”
Terz ta’ dawk li wieġbu għażlu d-dfin u dawn kienu wħud mill-kummenti tagħhom:
“Nippreferi li nindifen għax nemmen li xi darba l-ġisem jerġa’ jieħu l-ħajja u għalhekk ma jixraqlux li jiġi maħruq.”
“Nindifen. Il-memorja tal-mejjet tkun ferm isbaħ. Dik li tkun taf li fil-qabar hemm il-kadavru sħiħ huwa ferm aħjar milli jibqagħlek biss l-irmied.”
“Nagħżel li nindifen għax jiena nirrispetta lil ġismi anki wara l-mewt! Anki dik li l-familja tiegħek tista’ tiġi fuq qabrek biex titlob għal ruħek, nippreferiha…. forsi għax din hi parti mill-kultura tagħna.”
“Kieku nista’ nagħżel nippreferi li jidfnuni, idealment jimmumifikawni. Jidhirli illi l-proċess biex jaħarquni u finalment biex ikissru l-għadam tiegħi sakemm iġibuh irmied huwa spiża inutli għax dan jista’ jitwettaq xorta b’mod naturali matul iż-żmien. Fl-istess ħin, ejja ma ninsewx li n-nar dejjem ikkawża t-telf tal-Istorja, tal-evidenza u tal-memorji. B’kuntrast, ċiviltajiet li ppreservaw il-ġisem, akkost li għaddew snin kbar, għadhom qed jipprovduna b’informazzjoni dwar l-oriġini tagħhom u dwar skoperti u tagħrif li kienu ntilfu mal-medda taż-żmien.”
“Nindifen għax ma rridx ninħaraq fin-nar tal-infern!”
Numru żgħir ieħor ħallew din id-deċiżjoni skabruża f’idejn dawk li ser iħallu warajhom:
“Jagħmlu li jridu għax jien mhux ser inkun hawn.”
“Jidhirli li għażla bħal din tiddependi ħafna mir-reliġjon ta’ dak li jkun. Personalment nemmen li l-ispirtu huwa dak li jibqa’ ħaj u l-ġisem imut. Għalhekk inħalli din id-deċiżjoni f’idejn min għad irid jieħu ħsiebi.”
“Ma jinteressanix! La nkun mejta?!”
“Għalija difna jew kremazzjoni ma tagħmilx differenza, la nkun tlaqt, tlaqt. Jagħmlu li jridu bil-fdalijiet tiegħi. Jekk xejn, il-kremazzjoni ma tikkunsmax iktar mill-art limitata li għandna. Bil-kremazzjoni l-qraba jistgħu jieħdu wkoll parti mill-irmied tagħna u jgħożżu t-tifkira tagħna, jekk iridu, iktar milli jħallu għadamna jitmermer fl-umdita’ taħt l-art. Għal min ma jridx ikun ikkremat, naħseb li jeżistu oqbra biżżejjed u ma jkollniex għalfejn nestendu ċ-ċimiterji li għandna kważi f’kull raħal.”
Imma l-istorja inbidlet drastikament hekk kif il-mistoqsija tbiddlet ħarira u minflok staqsejt dwar xi tkun l-għażla ta’ dak li jkun meta dan ser jiġi biex jiddeċiedi jidfinx jew jikkremax lill-għeżież tiegħu? Rajt uħud mill-istess nies li qabel weġbuni f’ħakka t’għajn u bi tbissima li la jkunu mejtin, jagħmlu bihom li jridu, issa jisserjaw u jitħassbu. Ir-risposta ma baqgħetx faċli, tant li wħud qatt ma waslu biex jirrisponduni. Il-maġġoranza waqqgħu l-għażla fuq il-mejjet innifsu fejn qalu li idealment dan ikun qalilhom x’jippreferi hu minn qabel. Oħrajn qaluli li ż-żewġ għażliet huma kiefra u koroħ. Żewġ kummenti partikolari kienu dawn:
“Marti għandha biża’ esaġerata mill-wirdien u ġegħlitni nwegħedha li jekk tmut qabli u jkun hemm il-kremazzjoni, ġisimha għandu jintemm hekk. Naturalment jiena m’għandi l-ebda oġġezzjoni jekk dik hi x-xewqa tagħha. Imma sinċerament li kieku kellu qatt jiġri hekk, troffa minn xagħarha nżommha żgur.”
“Idealment wieħed għandu jħalli bil-miktub fit-testment tiegħu dwar il-fehma tiegħu ta’ x’irid li jsir mill-katavru tiegħu wara mewtu. Li kieku kelli nagħzel jien wara l-mewt ta’ xi qraba u l-mejjet ma jkunx ħalla istruzzjonijiet, nikkonsulta mal-qraba l-oħra u nislet fehma ġenerali ma’ tiegħi u nieħdu d-deċiżjoni. Mhux ħafif twieġeb iva jew le għal mistoqsija bħal din, għax l-għażla timmatura matul iż-żmien bil-mod kif tkun drat il-komunità tul snin sħaħ ta’ tradizzjoni. Barra minn hekk qed nirreferu hawnhekk għal deċiżjoni li trid tittieħed f’inqas minn 24 siegħa u f’dik l-għaġġla mhux hekk ħafif tmur kontra l-kurrent tat-tradizzjoni ġenerali u tal-familja partikulari…..”
EMAN BONNICI: Favur id-dfin u tagħrif ieħor
Il-ħabib tiegħi Eman Bonnici li huwa intiż ħafna f’dal-qasam taċ-ċimiterji u l-funerali insista miegħi illi ħafna Maltin jgħidu li jippreferu l-kremazzjoni għax fir-realtà qatt ma raw il-proċess tagħha kif isir. Huwa wieħed minn dawk li jippreferi d-dfin għax jisħaq illi dan huwa l-aktar metodu rispettabbli ta’ kif wieħed għandu jintemm. Fuq nota aktar leġġera huwa bagħtli xi informazzjoni dwar numru ta’ personalitajiet famużi li ġew ikkremati.
Anthony Perkins: Tilef lil missieru l-attur James Ripley Osgood Perkins meta kellu biss 5 snin. Aktar tard f’ħajtu jirrakkonta kif darba minnhom bla ma qaltlu għaliex, ommu ħaditu magħha, kriet dgħajsa bl-imqadef, ħarġet il-barra mix-xtajta tax-xmara u bla kliem u bla sliem mill-basket tagħha ħarġet vażett mimli bil-fdalijiet ta’ missieru u żvujtatu fl-ilma. Bħala tifel jgħid li kien baqa’ xxukkjat b’dan l-għemil tagħha għax ħass is-sensazzjoni daqs li kieku ommu fflaxjat lil missieru fit-toilet. Ironikament anki Anthony Perkins ġie kkremat filwaqt li martu mietet xi snin wara meta kienet bħala waħda mill-passiġġieri tal-ajruplani li ntużaw waqt l-attakk terroristiku tal-11 ta’ Settembru fl-2001.
Marlon Brando: Meta ġie ikkremat, il-fdal tiegħu inġabar flimkien ma’ dak ta’ ħabib ta’ tfulitu Wally Cox u anki ma’ dak ta’ ħabib ieħor. Parti mill-fdalijiet tagħhom tferrex f’Death Valley filwaqt li l-kumplament intefa’ fuq gżira f’Tahiti li darba kienet tal-attur.
Gene Rodenberry: Huwa kiteb is-sensiela ‘Star Wars’. Miet fl-1991 u ġie kkremat. Parti mill-irmied tiegħu ġie sparat fl-ispazju xi snin wara l-mewt tiegħu.
Fredric Baur: Kien il-fundatur tal-Pringles. Skont ix-xewqa tiegħu, meta miet ġie kkremat u filwaqt li parti mill-irmied tiegħu tpoġġa f’urna u ngħata lill-familjari tiegħu, parti oħra ngħalqet f’bott tal-Pringles u ndifen fil-qabar tiegħu fi Springfield.
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-13 ta’ Novembru 2011)
-
IL-MERA TAD-DEFFIEN
“Twelidna mhu xejn ħlief il-bidu tal-mewt tagħna” kiteb il-poeta Edward Young (1681 – 1765). Ħsieb pjuttost negattiv u anki kemmxejn makabru…. imma reali. “Xi nies tant jibżgħu li għad imutu li qatt ma jibdew jgħixu” innota l-awtur u saċerdot Henry Van Dyke (1852 – 1933). “Kulħadd jgħid, ‘Kemm hi diffiċli din li rridu mmutu’ – ilment pjuttost stramb meta ħiereġ minn ħalq nies li kellhom jgħixu” irrimarka l-kittieb Mark Twain (1835 – 1910). Min-naħa l-oħra l-ġurnalist Norman Cousins (1915 – 1990) sostna illi “Il-mewt mhiex l-agħar telfa fil-ħajja. L-agħar telfa tikkonsisti f’dak li jmut ġewwa fina meta nkunu għadna ħajjin.” B’mod aktar pożittiv l-intraprenditur u filosofu William Penn (1644 – 1718) ikkummenta li “Il-mewt mhi xejn ħlief il-bidla tagħna miż-żmien, għall-eternità.” Fehmiet differenti ta’ nies li għexu f’ċirkustanzi diversi. Daqstant ieħor huwa ta’ min jixtarr dawn iż-żewġ kummenti ħerġin minn fomm nies li kienu jafu sewwa li l-mewt kienet wara biebhom: “Il-mewt taf tkun waħda mill-aqwa barkiet tal-bniedem” Socrates, filosofu (c. 469–399 QK) u “Dak li ma jibżax mill-mewt, imut darba biss” Giovanni Falcone, maġistrat (1939 – 1992). Madanakollu, jingħad x’jingħad, ħafna jibqgħu tal-opinjoni li l-mewt m’hawnx agħar minnha u jekk jistgħu, lanqas isemmugħa biss ma jridu. U allura, staqsejt, x’jgħaddi minnu deffien li biex jaqla’ l-għixien tiegħu jeħtieġlu jmiss mal-mewt kuljum?
“Hu xogħol li tidrah bħal kull xogħol ieħor,” qalli Alfred Mifsud li sa ftit taż-żmien ilu kien jaħdem bħala deffien. “Il-familja tagħna ilha ‘l fuq minn mitt sena tagħmel dan ix-xogħol. Beda din il-linja z-ziju ta’ missieri Lukardu Pace li kien iġorr il-mejtin bil-karrijiet taż-żwiemel. Huwa miet meta ġie mtajjar waqt inċident tat-traffiku fil-Wied ta’ Birkirkara u warajh kompla missieri Fidiel li llum jgħodd it-93 sena. Missieri rawwem lili u lil ħuti f’dan ix-xogħol, għalkemm jien biss ħriġt bħala sewwieq tal-karrijiet taż-żwiemel. Ħuti qabdu linja oħra però żammu xorta waħda f’dan il-qasam fejn fosthom għandhom negozju tat-twiebet.”
Sibt li Alfred kien bniedem ġentili u li jaf jilqgħek ħafna. Ix-xogħol tiegħu għamlu dejjem bil-qalb u qatt ma tmeżmeż minnu. Imrobbi sa minn ċkunitu jaċċetta l-mewt bħala parti mill-ħajja, għalih kienet l-aktar ħaġa naturali li ta’ tnax-il sena jaqbad ir-rota u jmur mill-Ħamrun saċ-ċimiterju ta’ Ħal-Qormi biex jgħin lid-deffien Pawlu ta’ Setti. Ta’ età hekk żgħira, kien diġà jmur jagħti daqqa t’id ukoll lil missieru meta kien imur ikeffen il-mejtin.
“Qabel in-nies ma kienux imutu l-isptar imma ħafna drabi kienu jieħdu l-aħħar nifs tagħhom ġo djarhom stess. Għalhekk, meta kien imut xi ħadd, il-kummisjonant kien jaqla’ lil dak tal-karru biex imur jiġbor lill-mejjet. Dak iż-żmien il-mejjet kien jinġarr sal-kappella tar-raħal fuq l-ispalla u kien jiġi akkumpanjat minn purċissjoni ta’ familjari, ħbieb u fratelli ta’ fratellanzi bħal dawk Tas-Sagrament jew Tar-Rużarju. Magħhom ġieli kien ikun hemm ukoll is-sorijiet tal-kunventi tal-karitajiet li kienu jinġiebu fid-dar tal-mejjet biex jitolbu għalih qabel jittieħed għad-difna. Spiss dawn is-sorijiet kienu jieħdu magħhom ukoll lil xi tfal tal-abbatija. F’ċerti każi jien kont niġi mqabbad inkun wieħed mir-reffiegħa tat-tebut. Fil-kappella kienet issir l-uffizzjatura fejn titkanta l-libera u ssir funzjoni qasira għall-mejjet mis-saċerdot. Wara, it-tebut kien jinġarr sal-karru tal-mejtin u jien kont inwasslu saċ-ċimiterju fejn bosta drabi dfint il-mejjet ukoll. F’każi fejn il-mejjet kien jindifen f’ċimiterju tal-gvern, bħal dak tal-Addolorata, id-dfin kien isir mid-deffiena tal-post. ”
Kollox kien isir fl-ewwel siegħat tal-jum peress li dawn in-nies kollha kienu jridu jmorru jkomplu jlaħħqu max-xogħol tagħhom tal-ġurnata. Għalhekk dak li kien jarma l-karrijiet, kien ikollu jibda jipprepara kollox mal-lejl… Kien hawn li beda jifforma d-destin ta’ Alfred u Mary, li l-quddiem kellha tkun il-mara tiegħu.
“Inzerta li l-ġar tagħna fejn konna noqogħdu f’Santa Venera, kien jarma l-karrijiet tal-mejtin u ta’ xi 14-il sena, Alfred kien imur jgħinu. Imma niftakar li dak iż-żmien jien kelli xi 7 snin u kont nitwaħħax meta kont noħroġ kmieni għall-quddies u nsib dawk il-karrijiet qed jintramaw fit-triq wieħed wara l-ieħor biex jintrabtu maż-żwiemel suwed u kbar, b’rixa twila fuq rashom! Għal xi raġuni, mhux mill-karrijiet kont nibża’ imma miż-żwiemel. Għadni sa llum nitwerwer miż-żwiemel u b’xejn mhu ser tressaqni lejn xi wieħed minnhom.
Nistqarr li fl-istess ħin il-karrijiet kienu jiġbdu ħafna aktar ir-rispett tan-nies għax kulħadd kien jintebaħ li għaddejjin b’xi ħadd mejjet u kienu jieqfu għal mument minn dak li jkunu qed jagħmlu. Niftakar darba minnhom rajt karru abjad qed iġorr tebut abjad ta’ tfajla ta’ 14-il sena li kienet fil-klassi tiegħi u qgħadna narawh għaddej u għedna talba għal ruħha.”
Nassumi li apparti r-rispett kien hemm ukoll doża ta’ kurżità. Imma kontra dak li jiġri llum, fejn id-dinja tibqa’ ddur akkost kemm imutu nies, dak iż-żmien il-Maltin kienu jhedew jirrakkuntaw u jwasslu l-aħbarijiet ta’ min naqas minn wiċċ id-dinja f’dawk l-aħħar siegħat, u kien rari li xi ħadd jibqa’ minsi…
“In-nannu kien l-ikbar raġel tal-Mellieħa: kemm mill-persuna u minn kollox,” kompliet tiftakar Mary. “Il-funeral tiegħu sar fis-17 ta’ Diċembru, f’ġurnata kiesħa b’bard ixoqq il-għadam. Kien joqgħod in-naħa tal-Belleview ħdejn il-bandli u minn hemm ir-reffiegħa kellhom iġorruh fuq l-ispalla sal-knisja tal-Mellieħa! Kollox mar sew sakemm wasalna fil-knisja u kollha ngħatajna xemgħa tixgħel f’idejna. Imma f’daqqa waħda, wieħed minn dawk li kienu refgħu lil nannuwi t-triq kollha, għadda x-xemgħa lil ta’ ħdejh, tah attakk ta’ qalb u miet hemm sobtu! Naturalment kellna nkomplu bil-funeral tan-nannu fejn ħadnih ftit metri bogħod għad-difna fiċ-ċimiterju tal-post. U sakemm wasalna sad-dar ftit tal-ħin wara, kulħadd kien diġà jaf li miet wieħed mir-reffiegħa tal-Pirrex, kif kienu jsejjħu lil nannuwi.”
Infurmawni li l-funzjoni tal-quddies għall-mejjet bdiet biss mas-snin sebgħinijiet.
“Meta l-funeral kien jikkonsisti biss f’funzjoni qasira, ġieli laħħaqt madwar tlieta, erbgħa difniet. Imma mbagħad meta bdiet issir il-quddiesa, ma stajtx naħdem aktar minn tnejn. Kont naħdem f’diversi ċimiterji fosthom tnejn f’Ħal-Qormi; dawk ta’ San Bastjan u ta’ San Ġorġ, tnejn f’Ħaż-Żebbuġ; f’dak magħruf bħala tar-raħal u f’ta’ San Blas, u fiċ-ċimiterji ta’ Ħaż-Żabbar, tal-Gudja, tal-Birgu u tal-Imġarr.”
Alfred ġabli xi ritratti fejn hu kien qed jidher waqt xogħolu. Iżda magħhom kellu wkoll xi ritratti li juru karrijiet oħra interessanti.
“Ara dan hu l-karru li kont insuq jien. Innota ftit, għalkemm jingħad li l-mewt ma taħfirha lil ħadd u żżomm lil kulħadd ugwali, xorta waħda l-bniedem irnexxielu joħloq il-livelli anki f’dan il-qasam. Għax meta l-mejjet kien ikun sinjur, il-karru tiegħu kien ikun tal-prima, b’ħafna skultura kulur id-deheb u kien jinġarr minn erbat iżwiemel. Imma meta l-mejjet ma kienx daqshekk tat-tajjeb, kien jintuża l-karru tas-sekonda li kien ikun sempliċiment miżbugħ biss u kien jinġarr minn żewġt iżwiemel. Osserva wkoll il-karozzi li hemm fuq wara peress li f’dik il-ħabta kienu qed jintużaw iż-żewġ mezzi f’daqqa.
Min-naħa l-oħra dar-ritratt b’serbut ta’ karozzelli għaddejjin mill-Ħamrun qed juri kif kienu jsiru l-funerali kbar ta’ dari. Issa dan ir-ritratt l-ieħor huwa eżempju tal-ewwel karru li kien jintuża għad-dfin fl-Addolorata; interessanti kemm kien differenti minn dak li kien jintuża fi żmieni. Ara, dan hu karru ieħor li kien ta’ wieħed Żejtuni li kienu jafuh bħala tad-Dmura u fih kienu nġarru Nerik Mizzi, Dun Karm Psaila u Dun Ġorġ Preca. Issa agħti ħarsa lejn dan ir-ritratt li qed juri karru barrani… id-differenza hija kbira ħafna għax sempliċi għal kollox. M’hemm l-ebda maestrija evidenti fl-iskultura u t-tiżjin tiegħu bħal kif kienu l-użanzi tagħna lokalment.”
Komplejna nqallbu r-ritratti u fosthom rajt lil Alfred isuq wiginet; li kien bħal karozzin bla tinda u l-passiġġiera kienu jidħlu minn wara u joqogħdu bil-qiegħda fil-ġnub tiegħu (kif nagħmlu llum f’jeep). Imma din id-darba mhux mejjet kien qed iġorr imma lil waħda mill-parteċipanti ta’ Miss Malta ta’ madwar 50 sena ilu waqt festival tal-inbid. F’ritratt ieħor kien hemm il-parteċipanti ta’ Miss Malta qed jippużaw mal-wiginet u ma’ wieħed miż-żwiemel li soltu kien ikun involut f’xogħol ieħor għal kollox differenti. Tgħid kienu jafuh dan? Alfred urieni wkoll inkwadru kbir imwaħħal fis-salott fejn hu kien il-kuċċier ta’ karru.
“Ġie żmien meta riedu jaqtgħu lil dawn il-karrijiet imma kien inqala’ xi nkwiet minħabba l-ħlas tan-nofs venda. Ġara li min kellu jaqsam l-ħlas ma’ missieri ma riedx iħallas is-sehem tiegħu u allura missieri sostna li ried jibqa’ jarma. Għaldaqstant meta miet wieħed mill-Ħamrun magħruf bħala Pisani tad-dawl u qabbad lilna, aħna morna għalih bil-karru imma magħna ġew ukoll il-pulizija. B’hekk konna aħna li wassalna l-aħħar mejjet bil-karru ġewwa l-Addolorata għax imbagħad missieri tħallas u l-karrijiet waqfu.”
Ormaj intervistajt lil bosta individwi u kważi dejjem nispiċċaw imdawwrin madwar mejda naraw ir-ritratti għax il-viżwal jogħġobni wisq! Imma jkolli nistqarr li did-darba kont qed inħossni kemmxejn stramba nqalleb ritratti ta’ xeni bħal dawn. Wieħed minnhom kien qed juri lil Alfred qed jerfa’ tebut. Impressjonajt ruħi kif hu kien kapaċi jiftakar il-mejjet li kien qed iġorr f’kull wieħed mir-ritratti. Imma nħsadt wisq aktar meta Alfred beda jirrakkuntali kif kien jiġi trattat minn ċerti nies fil-passat, sempliċiment minħabba t-tip ta’ xogħol li kien jagħmel…
“F’ċerti rħula meta kienu jarawna ġejjin biż-żwiemel, xi ħwienet kienu jagħlqu l-bibien tagħhom sabiex ma nidħlux nieħdu xi belgħa tè minn għandhom. F’Ħal-Kirkop, f’Ħal-Safi u fin-naħat ta’ fuq ta’ Malta kienu jagħmluha spiss din. Mhux għax jibżgħu mill-mewt biss imma għax kienu jitqażżuna. Batejna. Immaġina tkun xi ġurnata kiesħa fil-għodu kmieni u tkun ilek ġej tul triq twila bilqiegħda fuq dak is-saldatur kiesaħ fir-riħ u fil-bard. Tkun tixtieq tixrob xi ħaġa sħuna u ħadd ma jrid idaħħlek. Ġieli kellhom jagħtuna mill-knisja biex nixorbu xi ħaġa.”
Prosit kemm konna nsara! Martu kompliet tgħidli…
“F’xi ħwienet tal-Mellieħa, il-parruċċani kienu jisħqu li n-nies bħal Alfred kellhom jużaw skutella jew makk għalihom għax ħadd ma ried jixrob minn warajhom. U darba l-kappillan kien widdeb lin-nies li jekk jibqgħu jagħmlu hekk, ma kien ser jifdal ħadd mir-raħal biex jidfen lin-nies t’hemm u jitilgħu l-barranin minflok. U llum il-ġurnata hekk qed jiġri.”
Anki meta ġie biex isib tfajla kellu l-problemi Alfred.
“Ġieli ppruvajt inkellem lil xi tfajla u m’aċċettatnix minħabba x-xogħol li kont nagħmel. Kien jiddispjaċini imma kont nifhem għax kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu. Nifhimha li hawn min jimpressjona ruħu b’xogħol bħal dan.”
Ara Mary ma kellha l-ebda problema dwar dan. Mhux talli, imma biex żgur tkompli mal-andament tad-destin, il-laqgħa tagħhom li kellha finalment twassal għaż-żwieġ tagħhom seħħet waqt li hi kienet waqt funeral u Alfred kien qed jagħmel xogħolu!
“Lil Alfred kont ilni nafu u dejjem wera li kien ġuvni bieżel u bil-għaqal. Ix-xogħol tiegħu qatt ma dejjaqni u bih għejjixna familja ta’ erbat itfal. Kont niddejjaq żgur li kieku kien xi wieħed għażżien jew bla xogħol!”
Min ser ilumha? Fortunatament illum dawn l-affarijiet inqatgħu ħafna. Uliedhom is-subien ħadu x-xogħol ta’ missierhom u ma sabux problemi minn dawn. Barra minn hekk, bint minnhom iżżewġet f’familja miż-Żejtun li hi magħrufa ħafna għall-istess xogħol ta’ missierha. Issa Alfred fadallu biss il-memorji ta’ dax-xogħol li hu saħaq li qatt ma ried jibdlu ma’ xejn.
“Ma konniex nitħallsu wisq imma l-ħobża ta’ kuljum dejjem qlajtha. Hemm mumenti li jdejjquk bħal f’kollox. Ngħidu aħna meta tinżel f’qabar biex tnaddfu mill-għadam u jitla’ l-wirdien għalik, tiddejjaq le? Imma jien ma nibżax minnu, infarfru minn fuqi malajr u nkompli fuq xogħoli. Barra hekk, min jaf kemm ġieli rqadt iljieli ħdejn il-mejtin li kienu jitħallew 24 siegħa f’kamra apposta fiċ-ċimiterju qabel jindifnu. Qatt ma bżajt u nassigurak li qatt ma qam ħadd.”
Staqsejtu jekk qatt difinx lil xi ħadd jiġi minnu.
“Iva. Lil ħija li miet ta’ 22 sena għax kien marid bil-kliewi. Miet madwar 29 sena ilu u għalkemm indifen fl-Addolorata, dakinhar kienu ħallewna nniżżluh aħna. Tħoss naturalment tarah nieżel taħt l-art. Imma meta tiftakar kemm kien qed ibati, għax dak iż-żmien ma kienx hemm kura għall-mard bħal dan, tagħraf li fir-realtà straħ u b’hekk tistabar.”
Mary ftakret f’mument partikolari meta Alfred ġie lura mix-xogħol b’qalbu maqsuma…
“Darba ġie u qalli ‘Mer, taf li qatt ma bkejt fil-funerali imma llum tifel żgħir ta’ erbgħa snin qasamli qalbi. Tilef lil ommu u ma setax jifhem meta raha nieżla fil-qabar għaliex qed tħallih u beda jgħajjat u jibki “Ma ejja, ma ejja!”
Rakkont ġibed lil ieħor…
“Snin ilu kienu jmutu ħafna trabi. Min jaf kemm ġarrejt trabi fil-karru l-abjad minn Lazzaret fejn kienu jeħduhom meta kienu jimirdu! Imma darba nqalgħat waħda li ma tinsihiex kif ġieb u laħaq. Inzerta li fl-istess ġurnata mietu żewġt itrabi bl-istess kunjom. Aħna morna għal waħda minnhom u tlaqna bil-korteo magħna. Iżda kif konna kważi wasalna biha fiċ-ċimiterju, tant li konna ħdejn is-shipbuilding, ġie jilħaqna l-kummissjonant biex jgħarraffna li kienu tawna t-tarbija żbaljata! U kulħadd kellu jmur lura għall-katavru tat-tarbija proprja.”
Smajt bosta rakkonti oħra għax Alfred għamel snin twal jaħdem f’dan il-qasam. Biex nagħlaq xtaqt inkun naf jekk dan ix-xogħol biddlilhomx il-perspettiva tagħhom dwar il-mewt u jekk kienux jibżgħu mill-mewt wara kollox?
Bdiet Mary, “Ma tistax ma tibżax mill-mewt għax anki Kristu beża’ minnha meta waslet is-siegħa Tiegħu. Imma ommi dejjem għallmitni li bħalma ħadna l-ħajja hekk irridu nieħdu l-mewt. Hekk jew hekk inutli tibża’ għax xorta trid tiġi.”
Min-naħa tiegħu Alfred għalaq hekk “Jiena nirraġuna li l-mewt hija parti mill-ħajja tal-bniedem: hekk kif tgħix taf ukoll li trid tmut. Ma nħossx li nibża’ wisq mill-mewt. Inqis ix-xogħol li kelli bħala mera jew ritratt ta’ dak li rrid ngħaddi minnu. Imma nemmen li l-aqwa li tgħix sewwa u l-bqija tħallih f’idejn Alla.”
Forsi ta’ min jixtarr dak li qal il-poeta William Ross Wallace (1819 – 1881) “Kull bniedem imut. Mhux kull bniedem jgħix tassew.”
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Novembru 2011)
Travelogue
Archives
M | T | W | T | F | S | S |
---|---|---|---|---|---|---|
« Jan | ||||||
1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | |
7 | 8 | 9 | 10 | 11 | 12 | 13 |
14 | 15 | 16 | 17 | 18 | 19 | 20 |
21 | 22 | 23 | 24 | 25 | 26 | 27 |
28 | 29 | 30 | 31 |
Recent Posts
- A MATTER OF FATE
- MALTA’S PREHISTORIC TREASURES
- THE MAGIC IS IN THE DETAIL
- THE SELLING GAME
- NEVER FORGOTTEN
- Ġrajjiet mhux mitmuma – 35 sena mit-Traġedja tal-Patrol Boat C23
- AN UNEXPECTED VISIT
- THE SISTERS OF THE CRIB
Comments
- Pauline Harkins on Novella – Li kieku stajt!
- admin on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Albert on IL-KARNIVAL TRAĠIKU TAL-1823
- Martin Ratcliffe on Love in the time of war
- admin on 24 SENA ILU: IT-TRAĠEDJA TAL-PATROL BOAT C23