• MIN SE JIEĦU ĦSIEB IL-PARTIJIET KOMUNI?

    Illum il-biċċa l-kbira tal-proprjetà li tinsab għall-bejgħ hija f’forma ta’ appartamenti. Trid jew ma tridx, issib ruħek taqsam l-istess bini ma’ numru ta’ nies li aktarx qatt ma tkun iltqajt magħhom qabel. Fuq kollox, il-liġi torbtok illi trid tifforma kumitat u tagħżel amministratur biex jieħu ħsieb il-partijiet komuni. Iżda x’jaqbel l-iktar? Li tieħu ħsieb ix-xogħol int jew li tqabbad kumpanija sabiex tagħmel ix-xogħol minflokok?

    INTERVISTA: ANDREW XUEREB – DIRETTUR REALHOUSE PROPERTY SHOPS LTD

    X’inhuma s-servizzi li toffri l-kumpanija tiegħek?

    Andrew XuerebLi tqabbad kumpanija biex teħodlok ħsieb il-partijiet tal-komun jew il-kondominju huwa kunċett relattivament ġdid f’Malta. Realhouse Property Shops Ltd. bdiet topera fl-2004 u kienet waħda mill-pijunieri ta’ dan il-kunċett f’pajjiżna. Prinċiparjament is-servizzi tal-kumpanija tagħna huma maqsuma fi tnejn: dak tal-manutenzjoni tal-partijiet komuni u dak tal-organizzazzjoni tal-assoċċjazzjoni.  B’manutenzjoni nifhmu: tibdil ta’ bozoz, tindif, ħsarat, tibjid, servizz tal-lifts, ġardinaġġ eċċ. L-organizzazzjoni tal-assoċjazzjoni tinvolvi: l-ifformolar tar-regoli tal-kondominju, l-istima tan-nefqa tas-sena, il-ġbir tal-flus għall-fond tal-assoċjazzjoni, l-immaniġjar ta’ oqsma li jinvolvu proċediment legali u l-immaniġġjar ta’ pagamenti lill-ħaddiema bħal tekniċi, cleaners, plumbers, handymen eċċ.

    Għaliex wieħed għandu jagħżel li juża s-servizzi tagħkom u mhux jagħmel ix-xogħol hu?

    Meta per eżempju wieħed jixtri proprjeta’ fi blokk ta’ appartamenti, awtomatikament isib ruħu f’soċjetà flimkien ma’ numru ta’ sidien oħra. Minbarra illi l-amministrazzjoni tal-komun hija obbligatorja, huwa fl-interess tas-sidien kollha li jaraw illi l-proprjetà tagħhom tinżamm fl-aqwa kundizzjoni. Fil-komun ta’ blokk ta’ appartamenti, speċjalment meta jkun kbir ħafna, dejjem jara x’jinqala’: daqqa trid tinbidel bozza, daqqa waqaf il-lift, kull tant żmien trid issir tindifa eċċ. Jekk wieħed jonqos milli jieħu ħsieb affarijiet bħal dawn, f’qasir żmien isib ma’ wiċċu proprjetà mitluqa, maħmuġa u xejn attraenti. Iżda min mis-sidien ser jagħmel dan ix-xogħol? Il-kumpanija tagħna tiggarantixxi li dan ix-xogħol kollu jsir bl-iktar mod effiċjenti.

    Kif taħdem il-kumpanija tagħkom mas-sidien tal-partijiet komuni?

    Normalment darba f’sena issir laqgħa bejn is-sidien tal-blokk jew xi rappreżentanti tagħhom flimkien magħna bhala Amministraturi. Waqt din il-laqgħa niddiskutu dwar ix-xogħlijiet li s-sidien qed jippjanaw li għandhom isiru fil-partijiet komuni. Filwaqt li aħna nippreżentawlhom breakdown tal-ispejjeż kollha li kellhom fis-sena ta’ qabel, nibnulhom ukoll stima ta’ kemm ser jiswew ix-xogħlijiet li qed jissemmew. B’hekk nistabilixxu l-pagament li għandu jitpoġġa fil-fond tal-assoċċjazzjoni għal dik is-sena. Nixtieq insostni illi r-relazzjoni tal-kumpanija flimkien mas-sidien hija ħajja matul is-sena kollha. Kumplikazzjonijiet jinqalgħu l-ħin kollu u aħna qegħdin hemm biex naraw li jissolvew ruħhom. L-uffiċċju tagħna huwa l-‘calling point’ tal-klijenti tagħna. Huma jgħidulna x’għandhom bżonn. Aħna nippreżentawhom bl-istimi u bil-pariri u naraw li dak li jixtiequ li jsir, jiġi effetwat bl-aħjar mod u fl-inqas żmien possibbli.

    Kif jitħallsu x-xogħlijiet li jsiru?

    Kull blokk ta’ appartamenti jkollu fond għalih li fih kull sid jiddepożita l-parti dovuta minnu. Il-ħlas għax-xogħlijiet isir minn dan il-kont permezz ta’ ċekkijiet li jiġu iffirmati minn rappreżentant tal-kumpanija flimkien ma’ rappreżentant tal-blokk. Meta jsiru xi xogħlijiet ta’ natura straordinarja u li ma nkunux tkellimna fuqhom fil-laqgħa annwali ġenerali, l-ammont dovut jitqassam bejn is-sidien li jkunu qablu li jsir ix-xogħol.

    X’jiġri jekk xi ħadd mis-sidien ma jkunx irid jikkonforma mal-bqija?

    L-għaqda bejn is-sidien ta’ blokk ta’ appartamenti huwa element neċessarju. Mingħajr ftehim bejniethom jinħolqu bosta diffikultajiet. Il-kumpanija tagħna isservi anki f’dan ir-rigward billi tara illi l-koordinazzjoni bejn is-sidien tkun trankwilla. Fil-fatt il-kumpanija taqdi wkoll ir-rwol ta’ medjatur bejn is-sidien, dejjem f’dak li għandu x’jaqsam il-komun tal-appartamenti. In-nies huma l-aktar element diffiċli f’xogħolna. Issib nies passivi, nies interessati li jgħinu, nies li huma aktar diffiċli… Il-kumpanija tagħmel ħilitha biex tlaqqa’ l-fehma ta’ dawn kollha flimkien u permezz ta’ nies professjonali imħarrġa apposta f’dan il-qasam, ġeneralment dejjem wasalna għall-ftehim.

    Kif taħseb li qed jintlaqa’ l-kunċett tal-kumpanija tagħkom f’Malta?

    Kif għedtlek, Realhouse Property Shops Ltd. kienet waħda minn tal-ewwel li bdiet tagħmel dan ix-xogħol f’pajjiżna. Id-dedikazzjoni u s-serjetà li naħdmu biha huma riżultat tax-xogħol dejjem jiżdied. Nista’ ngħidlek illi ftit kellna diżappunti. Fil-fatt illum, din il-kumpanija hija responsabbli ta’ diversi postijiet, fosthom ta’ wieħed mill-akbar kondominji f’Malta u wieħed mill-aktar lussużi. Il-kunċett ftit ftit qed jindara. Il-kumdità u s-serħan il-moħħ li noffru aħna jistgħu jikkonfermawhomlok il-klijenti tagħna.

    ——————————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: MARIELLA BORG GIULIANO – Sid ta’ appartament

    Għaliex għażilt li tuża s-servizz ta’ kumpanija privata sabiex teħodlok ħsieb il-parti komuni tal-blokk ta’ appartamenti fejn toqgħod inti?

    Mariella Borg GuilianoMeta xtrajna l-appartament tagħna, l-iżviluppatur stipula fil-kuntratt tal-bejgħ illi s-sidien kollha kellhom jiffurmaw bejniethom kumitat responsabbli mill-komun tal-blokk jew jaħtru amministratur biex jieħu ħsieb il-partijiet komuni. Niftakar li fl-istess żmien, konna irċevejna ittra mingħand sid ta’ kumpanija li kien qed joffri servizz ta’ amministrazzjoni tal-komun. Is-sidien kollha qbilna bejnietna li nafdaw ir-responsabbiltà tal-komun f’idejn din il-kumpanija partikulari. Fil-ħajja mgħaġġla ta’ llum, ħadd minna ma kien lest li joqgħod jiġri wara dak u l-ieħor biex isir ix-xogħol meħtieġ fil-parti komuni tal-blokk.

    X’inhu s-servizz li tingħataw mingħand din il-kumpanija?

    Is-servizz jinkludi dak kollu li jkun hemm bżonn sabiex il-parti komuni tal-blokk tal-appartamenti tagħna tinżamm fl-aqwa kundizzjoni. Ibda mill-iżgħar ħaġa u spiċċa bl-aktar affarijiet ikkumplikati. Hemm ħafna affarijiet x’nista’ nsemmi. Forsi uħud jafu jinstemgħu sempliċi: bħal meta din il-kumpanija tibgħat lil xi ħadd biex jiftaħ il-bieb ħalli l-maid tidħol tnaddaf u biex jikkonferma li x-xogħol sar. Madanakollu f’binja fejn kollha kemm aħna naħdmu, din il-biċċa xogħol kienet tkun problema biex nagħmluha aħna. Imbagħad hemm problemi aktar imbarazzanti: bħal meta xi ħadd mis-sidien tal-appartamenti jikkawża xi inkonvenjenza lis-sidien l-oħra, per eżempju billi jagħmel l-istorbju. Permezz ta’ din il-kumpanija, aħna nistgħu nirrappurtaw dan l-inkonvenjent lilhom u huma jieħdu ħsieb li bil-kelma t-tajba jikkonvinċu lil dik il-persuna partikulari sabiex tħares id-drittijiet tal-oħrajn. Is-servizz jinkludi wkoll il-ħlasijiet fil-ħin tal-kontijiet bħal dawl, ilma u manutenzjoni tal-lift. Jipprovdulna wkoll għażla ta’ ħaddiema u professjonisti sabiex jagħmlu xi xogħol li jkun meħtieġ. Aħna kemm nikkonfermaw dak li rridu li jsir u l-kumpanija tara li jitwettaq.

    Kif u min jara li hemm biżżejjed flus biex isir ix-xogħol meħtieġ li qed issemmi?

    Kull sena issir laqgħa bejn is-sidien kollha tal-appartamenti u d-direttur ta’ din il-kumpanija, sabiex niddiskutu x’nixtiequ li jsir fil-komun u biex nikkonfermaw xi spejjeż ser ikun hemm. F’din il-laqgħa, id-direttur jippreżentalna lista dettaljata tal-ispejjeż kollha li jkunu saru matul is-sena ta’ qabel. Jipprovdina wkoll bi stima ġdida tal-ispejjeż għas-sena l-ġdida. Flimkien miegħu nibnu l-aġenda għal dik is-sena, li fiha tkun tinkludi wkoll xi xogħol straordinarju, bħal ngħidu aħna t-tibjid. F’dan il-każ, il-kumpanija tagħtina għażla ta’ stimi mingħand kumpaniji differenti sabiex aħna niddeċiedu lil min nippreferu li jagħmel ix-xogħol. Hekk kif jiġi stabbilit l-ammont finali ta’ kemm kull wieħed mis-sidien irid iħallas, kull wieħed minna jirċievi l-kont u jħallas direttament lil din il-kumpanija li tieħu ħsieb il-komun. Huwa fid-dmir ta’ din il-kumpanija li tara li kull wieħed minna jħallas l-ammont dovut minnu.

    X’jiġri jekk xi ħadd mis-sidien ma jħallasx?

    Kieku ma kellnix is-servizz ta’ din il-kumpanija, xi ħadd mis-sidien tal-blokk kien ikollu joqgħod iseffaq wiċċu ma’ dan is-sid. Imma minflok, din il-biċċa xogħol skabruża hija servizz tal-kumpanija. Aħna, s-sidien l-oħra, ma jkollna qatt x’naqsmu ma’ kwistjoni bħal din. Hija responsabbiltà tal-kumpanija li tara li dan is-sid jikkonforma.

    X’jiġri jekk ma taqblux fuq xi deċiżjoni partikulari?

    Aħna dejjem niddiskutu flimkien qabel issir xi ħaġa. Idealment naqblu kollha imma mhux dejjem ikun hekk. F’dak il-każ nivvutaw u l-maġġoranza tirbaħ.

    Imma kemm temmen li fir-realtà għandek bżonn kumpanija bħal din biex tieħu ħsieb il-parti tal-komun tagħkom?

    Jekk kumitat ta’ sidien hu lest u għandu l-ħin li jagħmel dan ix-xogħol, jista’ jiddeċiedi li m’għandux bżonn is-servizzi ta’ kumpanija ta’ din ix-xorta. Iżda l-veru saħħa ta’ dan is-servizz tapprezzah meta tiġi bżonnu. Min minna per eżempju ser joqgħod jiġri ‘l hemm u ‘l hawn biex iġib l-istimi, min ser joqgħod mal-ħaddiema sakemm isir ix-xogħol, min ser imur iħabbat il-bibien tas-sidien l-oħra biex iħallsu jew biex jieqfu jagħmlu l-istorbju? Bl-istil tal-ħajja tagħna, servizz effiċjenti u effettiv bħal dan sar neċessità. Għalija jfisser serħan il-moħħ u garanzija li l-komun tal-proprjetà tiegħi ser jibqa’ miżmum bl-aqwa mod.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-23 ta’ Novembru 2008)