• IL-PRIĠUNIER: KRIMINAL JEW VITTMA?

    INTERVISTA: DR SAVIOUR FORMOSA – KRIMINOLOĠISTA – MACA FOUNDATION COMMITTEE

    Kif bdiet l-idea li toħolqu din l-Assoċjazzjoni tal-Kriminoloġija f’Malta (MACA)?

    Dr Saviour FormosaNistqarr illi l-idea li tinħoloq din l-Assoċċjazzjoni ilha ġejja mid-disgħinijiet imma dak iż-żmien ma rnexxietx. Daqs ħames snin ilu, kien hemm grupp li kien qed jattendi għall-kors tal-BA fil-għaxija fl-Università. Dan il-grupp kien jikkonsisti minn pulizija, supretendenti, enforcement officers fil-MEPA u oħrajn li jaħdmu fil-qasam privat. Irrealizzajna x’potenzjal kien hemm li kieku l-esperjenzi u t-tagħrif kollu ta’ dawn il-membri jingħaqad flimkien sabiex il-kwistjoni tal-kriminalità f’Malta tiġi affaċċjata aħjar. Minn hemm erġajna bdejna naħdmu sabiex niffurmaw din l-Assoċjazzjoni. Identifikajna l-għanijiet tagħha u min jista’ jkun involut u nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Diċembru 2008 introduċejniha lill-pubbliku taħt l-isem MACA.

    X’inhuma l-għanijiet tal-MACA?

    Prinċiparjament l-għanijiet huma li jinħoloq dibattitu fil-qasam tal-kriminoloġija u li l-MACA isservi bħala forum ċentrali għad-dixxiplini diversi li jagħmlu l-kriminoloġija. Nemmnu illi hekk kif ikollna d-data u l-informazzjoni ta’ dawn l-oqsma differenti, ikollna tagħrif importanti li permezz tiegħu nistgħu nimxu lejn l-azzjoni. B’azzjoni nifhmu illi l-Assoċjazzjoni tkun tista’ tixtarr xi liġijiet li jkunu qed jiġu proposti u tagħti s-sehem tagħha fil-konsultazzjoni, kif ukoll tipproponi xi soluzzjonijiet oħra. Permezz tar-riċerka tagħha, l-Assoċċjazzjoni tista’ tidentifika wkoll in-neċessità għall-ħolqien ta’ policies ġodda sabiex finalment ittejjeb is-sigurtà tas-soċjetà in ġenerali. Fil-long term nixtiequ nenfassizzaw il-bżonn illi l-esperti fid-dixxiplini tal-kriminoloġija għandhom ikollhom warrant bħal f’diversi oqsma oħra.

    Għaliex qed tenfasizzaw fuq dan il-warrant?

    Irridu nkunu ċerti li dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kriminoloġija jkunu nies professjonali u mħarrġa sewwa għax-xogħol li jidħlu għalih. Ma jistax wieħed imur jieħu taħriġ ta’ ftit siegħat u jsejjaħ lilu nnifsu didektiv privat u jaħdem tali per eżempju. Il-kriminoloġija tmiss mal-qrati u mas-sentenzi, max-xhieda fil-qorti. Kif jista’ wieħed jaħseb li għandu l-kompetenza li jixhed bħala espert fil-qorti meta t-taħriġ li jkollu ma jkunx adegwat? Il-warrant jassigura li kulħadd ikun qed jaħdem bi professjonalità. Ngħidu aħna bħalissa qed tiġi ikkunsidrata policy ġdida rigward il-parole tal-priġunieri. Jekk tiġi affettwata din il-policy l-ġdida, ikun hemm bżonn li min jixtieq jaħdem f’dik is-sezzjoni, jieħu taħriġ ġdid speċifikament f’dak ir-rigward.

    Min jista’ jissieħeb fil-MACA?

    Il-MACA mhiex l-Università. Kif għedt, din l-Assoċċjazzjoni għandha tinteressa lil kull min hu involut fil-qasam tal-kriminoloġija inklużi wkoll l-aġenziji privati. Nixtiequ nies minn oqsma differenti għax aktar ma jkollna tagħrif, aktar nkunu nistgħu nagħrfu sewwa l-problemi u l-possibilitajiet li jeżistu u b’hekk inkunu nistgħu nipproponu li jsiru ċertu policies. Fil-MACA ħriġna bl-idea li noħolqu SIGs (Special Interest Groups). L-iskop huwa illi permezz tagħhom, ċertu dixxiplini jkunu jistgħu jiffukaw fuq is-suġġett tagħhom partikulari u allura jkun hemm per eżempju SIG tal-psikologi, tas-soċjologi, tal-probation officers, tal-ħabs (correctional facility) eċċ. L-għan bażiku tal-Assoċjazzjoni dejjem jibqa’ li nressqu lil kulħadd flimkien. Mhiex faċli imma għandna fiduċja li ser taħdem. Minn Jannar li ġej ser niftħu l-applikazzjonijiet għal min jixtieq jissieħeb u mbagħad nimxu minn hemm.

    X’ser tkopri r-riċerka tal-MACA?

    Il-kriminoloġija ma titrattax biss l-offiżi fuq il-bniedem. Hemm kwistjonijiet oħrajn, per eżempju dawk ambjentali u nazzjonali. Il-ġimgħa li għaddiet ngħidu aħna nqatgħu l-cables bejn Malta u Sqallija. Kien hemm min kien ilu x-xhur  jenfasizza possibilità bħal din. Imma kultant nippreferu noqogħdu nisperaw li l-ħaġa qatt ma ser isseħħ milli li nippruvaw li nieħdu xi tip ta’ prevenzjoni. Rajna x’ġara. Li titlef il-possibilità li tikkomunika hija serja ħafna illum, apparti t-telf tal-kummerċ u bosta problemi oħra. Nista’ nsemmi wkoll il-proġett ġdid ta’ metropolis fil-Gżira. Qed jingħad li dan il-proġett ser ineħħi l-problema tal-prostituzzjoni minn dak il-lokal. Imma l-problemi ma tistax toħnoqhom kif ġieb u laħaq. L-aktar l-aktar jimxulek x’imkien ieħor. Irridu naraw allura fejn sejra issa l-prostituzzjoni? F’liema naħat? X’ser ikunu r-riperkussjonijiet? Kwistjoni simili hija Smart City. X’ser jinbidel mill-inħawi? Kif ser jiġu affetwati? Xogħol il-MACA ser ikun li tirriċerka fil-fond is-sitwazzjonijiet li jistgħu jinħolqu. Huwa fatt magħruf li għal kull ħaġa ġdida li tinħoloq, ftit wara jifforma wkoll xi tip ta’ krimini madwarha bħal ngħidu aħna s-cyber crime hekk kif ġiet kreata l-internet. Irridu nevalwaw sewwa kull possibilità billi niddiskutu flimkien u nqajjmu kuxjenza u naraw x’sar jew x’qed isir f’pajjiżi oħra. Il-punt kruċjali huwa dejjem kif ser naċċertaw u nsaħħu s-sigurtà ta’ din is-soċjetà tagħna.

    Waqt it-tnehdija ta’ din l-Assoċċjazzjoni ikkummentajtu illi l-media matul iż-żmien ħolqot ‘shift’ fejn il-kriminal sar vittma u l-vittma twarrbet jew intesiet għal kollox. Dan il-kumment fil-pront ġie miċħud minn Patri Mark Montebello li kien preżenti għal din il-laqgħa. X’tikkummenta?

    Patri Mark Montebello huwa wieħed mill-opinjonisti maġġuri li għandna f’pajjiżna u aħna għandna rispett kbir lejn l-opinjoni tiegħu. Iħoss ħafna għall-vittma u jaħdem bis-sħiħ anki mal-priġunieri. Fil-fatt, nemmnu illi Patri Mark Montebello ikun membru siewi ħafna fil-MACA. Min-naħa l-oħra bħala kriminoloġisti, aħna jimpurtana ħafna mill-impatt tas-sigurtà tas-soċjetà (social impact assessment). Hawn min jikkonċentra biss fuq il-vittma u hawn min jikkonċentra fuq l-offensur. Iżda aħna nemmnu illi jekk ma tarax long term, qatt ma tasal. Nemmnu li għandna nħarsu lejn il-ħarsien totali tas-soċjetà jiġifieri: l-ambjent personali tal-individwu (kemm dik tal-vittma u wkoll ta’ l-offensur, tal-familji taż-żewġ naħat u tas-soċjetà innifisha), l-ambjent soċjali u l-ambjent urban u wkoll dak naturali. Mhiex l-intenzjoni tagħna li nirrepplikaw ix-xogħol li diġa’ sar. Anzi nixtiequ illi permezz tal-informazzjoni li teżisti, niġbru kollox f’riċerka soda sabiex insaħħu l-operat fil-qasam tal-kriminoloġija. Niġu għall-kwistjoni tal-media. Iva aħna tal-opinjoni illi l-medja kultant qed tirrapreżenta b’mod żbaljat lill-offensuri billi tiffoka fuq numru żgħir minnhom u ttellagħhom fuq wiċċ l-idejn. Ma naqblux illi s-soċjetà b’xi mod taħseb illi l-offensur huwa xi tip ta’ eroj.

    Għal aktar tagħrif dwar Malta Criminology Association tistgħu tirreferu mal-websajt www.macamalta.org

    ————————————————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: DR MARK MONTEBELLO O.P. – DIRETTUR – MID-DLAM GĦAD-DAWL

    Wara kumment li ngħadda waqt l-introduzzjoni li kienet qed issir mill-Assoċjazzjoni tal-Kriminoloġija f’Malta (MACA), inti sħaqt illi mhux minnu illi l-media qed tagħmel vittma mill-kriminal u li l-vittma ntesiet. X’tikkummenta?

    Fr Mark MontebelloAħna nittolleraw nies li ma jifhmux (għax qatt m’għamlu riċerka adegwata) li jgħidu affarijiet li mhux fundati. Imma ma nippretendihiex minn nies li qed jirrapreżentaw assoċjazzjoni ta’ riċerka, minn nies professjonisti. Aħna nżommu rendikont fuq kull ma jinkiteb mill-ġurnalisti u qatt ma rajna l-media tagħmel eroj jew vittma mill-offensur. Ma naqbilx illi l-media ġabet l-offensur bħala l-vittma u li l-vittma ntesiet jew wisq iktar ġiet rigwardata bħala hi l-offensur. Ingħadu affarijiet oħra li ma qbiltx magħhom fosthom il-bootcamp li nemmen li jagħmel aktar ħsara milli ġid fost il-priġunieri. Lanqas ma naqbel illi l-MACA għandha jkollha l-iskop li tirriduċi l-krimini. Mhux kompitu tagħha. Il-MACA għandha tkun oġġettiva u mingħajr emozzjoni, xogħolha biss li tippreżenta l-informazzjoni mir-riċerka li tagħmel. Ir-riċerka għandha tkun oġġettiva, eżawrjenti kemm jista’ jkun u xjentifika. Iżda finalment huwa l-kompitu tal-policy maker u tal-field worker li jaħdmu fuq dawk ir-riżultati. Ir-riċerka li beħsiebha tagħmel il-MACA bla dubju ser tkun imprezzabbli. Imma xogħolha irid jieqaf hemm. Ma tista’ qatt tindaħal fil-policy-making għax dak mhux xogħolha. Jekk qed nersqu lejn istituzzjonijiet aktar professjonali, irridu kompetenzi professjonali li jafu sewwa dawn l-affarijiet.

    Bħala direttur tal-Għaqda Mid-Dlam għad-Dawl, inti flimkien ma’ sħabek toffru għajnuna lill-priġunieri u lill-familji tagħhom. X’inhuma l-ikbar problemi tal-persuni li jmissu mal-ħabs?

    In-nuqqas ta’ libertà u d-dewmien għal żmien twil fil-ħabs huma sitwazzjonijiet terribbli. L-agħar ħaġa hija li l-ħabs jibdlek mingħajr ma tinduna. Jagħmlek infantili għax ineħħilek ir-responsabbiltajiet kollha u tiġi tiddependi għal kollox minn ħaddieħor. Inaqqasslek il-kapaċitajiet tiegħek ftit ftit u meta toħroġ fis-soċjetà, issib illi ċertu affarijiet bażiċi bħal komunikazzjoni, responsabbiltà u l-kapaċità li żżomm relazzjoni fit-tul, trid titgħallimhom mill-ġdid. Fil-ħabs, bosta mill-individwi jinkwetaw dwar il-familja tagħhom – marthom, uliedhom, il-ġenituri tagħhom. Oħrajn li għadhom żgħar jitħassbu jekk qatt hux ser ikunu kapaċi jibnu familja. Ix-xogħol hu problema kbira fuq rashom għax jafu li mhux la kemm kif joħorġu mill-ħabs, ser isibu min jaċċettahom u jħaddimhom. Numru minnhom ikollhom ukoll problema ta’ akkomodazzjoni għax sakemm idumu l-ħabs jitilfu l-post fejn kienu joqogħdu jew għax il-familjari tagħhom ma jkunux iriduhom lura. Uħud għax qatt ma kellhom akkomodazzjoni tagħhom, lanqas qabel daħlu l-ħabs. Jafu biċ-ċar li kif joħorġu minn hemm it-triq ser tkun għat-telgħa. Dawn il-problemi kollha f’daqqa jkissruk.

    X’inhu x-xogħol tagħkom fl-Għaqda mid-Dlam Għad-Dawl?

    Xogħolna hu li nkunu dejjem preżenti mal-priġunier u mal-familja tiegħu, hekk kif jidħol il-ħabs sakemm joħroġ u anki wara. Aħna irridu nkunu l-life-line tagħhom għax nafu sewwa kemm dawn in-nies isibu problemi ma’ wiċċhom. Aħna nagħmlu ħilitna biex naċċertaw illi huma jkunu jistgħu jgħixu b’dinjità u b’rispett u nagħmlu minn kollox biex nagħtuhom is-sapport tagħna. Xogħolna huwa li nimxu maġenb il-priġunier matul il-passaġġ mudlam li jsib ruħu fih hekk kif jidħol il-ħabs. Id-dinamika li naħdmu biha hija li l-ewwel niltaqgħu mal-individwu waqt li jkun qiegħed il-ħabs u nħarsu lejh mingħajr ġudizzju. It-tieni tarġa hija li nsiru ħbieb. It-tielet hija l-fiduċja; li jibda jafdana u jħossu komdu magħna. B’hekk il-mekkaniżmi ta’ difiża jinżlu ftit ftit sakemm ma jħossux aktar mhedded. U allura tiġi l-fażi l-oħra – li nħobbuh. Tgħidli kemm inti romantiku? Imma iva – inħobbuh. Meta bniedem iħossu mhedded itella’ s-swar biex jilqa’ għat-theddid imma miegħu iżomm barra wkoll kull tip ta’ affezzjoni li jista’ jingħata. Fir-realtà m’hemm xejn aktar li kapaċi tibdel bniedem ħlief l-imħabba. Gandhi waqqa’ mperu bl-imħabba. L-imħabba ma tfissirx li ma tisfidax. Anzi! Tisfida u tipprovoka, imma tagħmel dan bl-imħabba. Ghandi u Martin Luther King huma nies li nammirahom ħafna… it-tnejn li huma biddlu d-dinja bl-imħabba.

    X’inhi r-raġuni prinċipali għala bniedem jispiċċa l-ħabs?

    L-akbar fattur hija d-droga. Ċertu drabi tibda biss bħala logħba imma mbagħad ġurnata minnhom jiġri bħal rota li tikklikkja f’postha u teħel u jkun diffiċli ferm li terġa’ lura għalli kont. Ħafna mill-priġunieri qegħdin hemm minħabba d-droga għax biex tkompli tużaha matul ħajtek, għandek bżonn ħafna flus – ġieli mijiet ta’ ewro kuljum. Tispiċċa tagħmel dak li jiġi għall-idejk: tigdeb, tisraq, bosta drabi lill-familja tiegħek stess, sakemm fl-aħħar issib ruħek il-ħabs u hemm jibdew problemi oħra. L-agħar hu illi d-droga hi protetta u ssib ruħha anki fil-ħabs. Għaldaqstant lanqas il-ħabs mhu deterrent għaliha għax wieħed isibha anki hemm ġew. Sfortunatament kellna priġunieri li qatt ma kienu missew mad-droga u ltaqgħu magħha għall-ewwel darba hemm ġew. Ħasra! Ma nafx fejn qegħdin dawk li messhom qed jinvestigaw din is-sitwazzjoni. Fejn huma l-ġurnalisti? Għaliex huma daqshekk frettulużi, mgħaġġlin wisq, mingħajr ċans biex jinvestigaw? Għaliex l-ebda editur ta’ gazzetta mhu kapaċi jżomm nies apposta biex jinvestigaw affarijiet bħal dawn? Kollox superfiċjali u bil-ġiri u kull gazzetta tippreżenta l-istess informazzjoni vasta imma orizzontali, xejn fil-profond.

    Jekk il-ħabs huwa daqshekk esperjenza kerha, għala numru ta’ priġunieri jerġgħu jikkommettu reati li jeħduhom lura fl-istess post?

    Kif għedtlek, bosta drabi l-problema tkun id-droga. U d-droga mhux bħaċ-ċikkulata jew bħas-sigaretti… tgħid nipprova naqtagħhom. Bid-droga tidħol f’dinja ta’ gideb, ta’ dejn, ta’ debiti u krediti, ta’ konoxxenzi u tkompli nieżel ‘l isfel aktar u aktar fil-problemi. Il-problema issir – kif ser toħroġ minn dik id-dinja? Tippjana li xi darba toħroġ minnha imma bħal f’ħolma, t-tmiem dejjem jitbiegħed u ma ssibx mod kif qatt tista’ toħroġ minnha mingħajr telf. Id-dejn u l-bżonn tal-flus ikkumbinatti mal-impossibiltà li wieħed isib xogħol, jerġgħu iwasslu l-bniedem biex jerġa’ jiġi kkundannat mill-ġdid fil-ħabs.

    Qed tissemma l-possibiltà li toħroġ il-parole. Kif iħarsu lejha l-priġunieri? U inti x’taħseb dwarha?

    Ovvjament il-priġunieri jaqblu mal-parole għax din tagħtihom il-possibilità li joħorġu qabel mill-ħabs u b’hekk forsi jkollhom aktar ċans jerġgħu jingħaqdu mil-ġdid mas-soċjetà. Però l-parole taħdem bl-oppost minn kif naħdmu aħna għax taħdem b’theddid psikoloġiku. L-individwu jkun irid jagħti l-kelma tiegħu illi mhux ser jerġa’ jiżbalja u jieħu fuqu r-responsabbiltà kollha li ser iġib ruħu sewwa. Jiena naqbel mal-parole għax hija tassew opportunità. Fil-fatt aħna, tal-Għaqda Mid-Dlam Għad-Dawl qed nissuġġerixxu illi l-parole tkun terz mis-sentenza eliġibbli; jiġifieri jekk ikollu sentenza ta’ tletin sena, wieħed joħroġ l-aħħar għaxar snin fuq parole. Iżda fl-istess ħin nemmnu li din l-inizzjattiva trid tissieħeb ma’ inizzjattivi oħra li jibdlu l-ambjent tal-ħabs ħalli sakemm idum hemm ġew, il-priġunier ma jitgħaffiġx aktar. Possibilment anzi jingħata taħriġ u tagħlim sabiex kif joħroġ mill-ħabs ikun kapaċi aktar ifendi għal rasu.

    X’taħseb li priġunier jixtieq mis-soċjetà?

    Il-kelma soċjetà hija ftit vaga. Dan l-aħħar ħriġna ktieb jismu The Resettlement of Maltese Prisoners u fih ippreżentajna riċerka xjentifika dwar il-priġunieri Maltin. F’dan il-ktieb ħarġet informazzjoni importanti ħafna dwar dan il-qasam. Fih ħriġna wkoll it-tamiet u l-biżat tal-priġunieri. Priġunier irid ħafna u ħafna mħabba. Hemm bosta żagħażagħ magħluqin hemm ġew li għandhom bżonn ħafna mħabba. Iridu min iżommhom u jħaddanhom u jifhimhom u jaċċettahom u jħobbhom. Sal-bieraħ stess ħaddant wieħed mill-priġunieri miegħi, hekk ara, għax aħna ħbieb u hu jafdani u jien nafdah. Kelma waħda tiġbor kollox – l-imħabba. Jiena nista’ nobdik għax inti b’saħħtek aktar minni jew għax għandek kontroll fuqi imma b’daqshekk ma tibdilnix. Neħħi l-pulizija u jinqala’ rebus fid-dinja bħal kif ġara fil-California meta ma kienx hemm pulizija għal ftit ġranet u kien hemm massakru sħiħ. Akkost li ninstema’ retoriku u romantiku, insostni, l-imħabba biss kapaċi tibdlek.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-28 ta’ Diċembru 2008)