• IN-NAMRA GĦALL-BAĦAR U L-GĦADDS

    INTERVISTA: NOEL MICALLEF – DIRETTUR TA’ PARADISE DIVING MALTA U PADI STAFF INSTRUCTOR

    Kif bdiet in-namra tiegħek mal-baħar u bħala għaddas?

    Noel MicallefMissieri kien iħobb ħafna l-baħar u kien jeħodni miegħu ta’ sikwit. Ta’ tlett snin kont diġà naf ngħum u nogħdos bil-maskla. L-imħabba tiegħi għall-baħar bdiet minn hemm u kompliet tiżdied matul iż-żmien. Dik il-ħabta, bħala għaddas, kont daqsxejn anzjuż  minħabba illi l-attrezzatura tal-għaddasa ma kinetx ta’ livell li stajt isserraħ rasek minnha u sikwit kienu jseħħu xi inċidenti. Iżda fl-1980 ingħaqadt ma’ klabb fejn stajna nogħdsu flimkien darba f’ġimgħa. Bdejt anki nattendi għal diversi korsijiet sakemm ftit ftit rabbejt aktar esperjenza u kunfidenza. Finalment sirt għaddas professjonali u saħansitra stajt ngħallem lil ħaddieħor.

    Kemm ilha topera l-Paradise Diving Malta?

    Paradise Diving Malta ilha stabbilita mill-1991 u minn dak iż-żmien ‘l hawn dejjem tat servizz professjonali kemm lil dawk li jitħajjru jgħodsu għall-ewwel darba, kif ukoll lil dawk li huma aktar imħarrġa. Għal dawn l-aħħar 15-il sena għallimt is-sistema PADI, li bħalissa hija waħda mill-aktar sistemi imfittxija fost l-għaddasa. Għandi l-unur ngħid illi fl-2006 u fl-2007, żewġ diving instructors minn tagħna rebħu t-titlu tal-aqwa diving instructors f’kompetizzjoni li nidiet l-MTA.

    L-isport tad-diving huwa popolari mal-Maltin?

    Mhux ħażin. Imma kultant il-Malti narah m’għandux paċenzja biex joqgħod jitħarreġ biex imur jogħdos. U f’dawn l-affarijiet trid tkun taf sewwa x’inti tagħmel qabel tinżel taħt l-ilma.

    Kemm hija popolari mat-turisti Malta għad-diving?

    Ħafna! Fil-fatt il-maġġoranza tal-klijenti tagħna huma barranin. Fuq il-website tagħna, li tieħu ħsieb il-mara tiegħi Alison, nagħmlu diversi kuntatti ma’ barranin li jkunu jixtiequ u finalment jiġu jgħodsu f’Malta. Speċjalment kemm ilhom li daħlu il-low cost airlines f’pajjiżna, dan l-isport sar aktar u aktar popolari mal-barranin. Il-gżejjer Maltin huma mgħonija bil-baħar mad-dawra kollha. Fuq kollox iċ-ċarezza tal-ilma tagħna hija inkredibbli. Il-medja tal-viżibilità taħt il-baħar Malti huwa ta’ 30 metru… mhiex ċajta! Għaldaqstant inqisu bħala dnub kbir illi f’pajjiżna ma jeżistux riżervi naturali sabiex il-baħar tagħna jitħares u jkun aktar popolat bil-ħut. Kieku titħalla tgħix bil-kwiet, iċ-ċerna per eżempju, tikber fi kwantitajiet kbar. Għandna żewġ postijiet partikulari li huma ideali għal dan: il-gżejjer ta’ Kemmuna u d-Dwejra f’Għawdex. Aktar ħajja tagħmel il-baħar aktar attraenti biex tinżel togħdos fih. U aktar ma niġbdu turisti, aktar tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna.

    Imma hemm x’tara taħt il-baħar Malti?

    Sfortunatament minħabba l-problema ta’ sajd żejjed, ma tantx tara ħut taħt l-ilma. Iżda kif diġà semmejt, għal dan tagħmel tajjeb iċ-ċarezza tal-ilma u b’hekk min jogħdos ikun jista’ jgawdi mill-ġmiel tat-topografija Maltija, mill-ħajja ta’ taħt il-baħar u mill-misteru tal-bastimenti u fdalijiet oħra mgħarrqa. Saħansitra bil-lejl jeżisti l-faxxinu ta’ dan l-isport… Tinżel f’dalma totali imma hekk kif tixgħel it-torċ, jirnexxielek tara l-bellezza vera ta’ taħt il-baħar; il-kuluri vivaċi li lanqas biss qatt tasal biex timmaġinahom jekk ma tarahomx quddiemek. Barra minn hekk f’dak il-ħin tkun tista’ tosserva aħjar il-ħajja ta’ taħt il-baħar: il-qarnit, is-siċċ, il-klamari u ħafna oħrajn.

    Kemm huwa diffiċli biex wieħed jitgħallem jogħdos fil-fond?

    Mhuwa xejn diffiċli dment li jkun hemm il-volontà. L-importanti hija d-dixxiplina u li wieħed jitħarreġ sewwa ma’ nies b’esperjenza u professjonali. Wieħed jibda jogħdos wara li jieħu l-ewwel kors. Ovvjament għall-ewwel l-għaddas jinżel biss ftit metri taħt l-ilma. Aktar ma jitħarreġ u jieħu esperjenza, aktar ikun jista’ jesplora fil-fond. Imma dak jiddependi minn kull individwu, sa fejn kapaċi jew hu lest li jasal.

    Hemm limiti ta’ etá u ta’ saħħa għal min jista’ jipprattika dan l-isport?

    Iva. Dan l-aħħar l-età minima niżlet għal 10 snin. Età massima m’hemmx għax dik tiddependi mill-istat tas-saħħa ta’ l-individwu. Ġieli ġew persuni ta’ 80 sena li niżlu qishom mhux huma. Imbagħad ġieli ġew oħrajn ta’ 30 sena li jiena stess żammejthom milli jogħdsu. Qabel inniżżlu l-klijenti tagħna magħna jew qabel nikru xi apparat, huma jkollhom bżonn jimlew formola apposta fejn jiddikkjaraw l-istat tas-saħħa tagħhom minħabba li ċertu kundizzjonijiet mediċi mhumiex kompatibbli ma’ dan l-isport. Fuq kollox huwa d-dmir tal-instructors li jikkonfermaw li min ser jogħdos qiegħed fi stat mentali u fiżiku tajjeb għad-dive li jkun ser jagħmel. Mhux id-dives kollha jirrikjedu l-istess saħħa, uħud jitolbu li tkun ħafna aktar preparat u b’saħħtek.

    Titolbu xi tip ta’ identifikazzjoni lil min jiġi biex jikri it-tagħmir tad-diving minn għandkom sabiex tikkonfermaw li dan hu mħarreġ biżżejjed biex jużah?

    Ovvjament. Kull għaddas ikollu identifikazzjoni miegħu tal-livell li laħaq. Irid jippreżentalna lilha u jimlilna l-formola qabel ikun jista’ juża s-servizzi tagħna. Min ikun ser jikri t-tagħmir jeħtieġ ukoll jikkonfermalna li ser jinżel ma’ xi ħaddieħor u nkunu irridu naraw x’livell għandha l-persuna l-oħra. Anki sempliċiment biex nimlew it-tank nagħmlu l-istess proċedura. Biex jikri l-apparat wieħed irid ikun mill-inqas laħaq il-livell ta’ Advanced Open Water Diver. Dan kollu biex nissalvagwardjaw is-saħħa u l-ħajja ta’ min jiġi juża s-servizzi tagħna.

    Teżisti xi organizazzjoni regolatorja fir-rigward tas-siti tajbin għad-diving  u għal-għaddasa?

    L-MTA hija l-organizzazzjoni regolatorja. Hemm ukoll il-Professional Diving School Association li hija l-intermedjarja bejn l-MTA u l-iskejjel tad-diving. Din iżżommna infurmati b’dak kollu li jkun qed iseħħ u iżżommna aġġornati meta jkun hemm xi regoli ġodda.

    Jista’ wieħed jinżel jogħdos waħdu, mingħajr instructor jew partner?

    Waħdek m’għandek tinżel qatt! X’tagħmel jekk jinqalagħlek xi ħaġa? Min ser ikun jaf xi ġralek jew fejn int? Kull assoċjazzjoni taħdem bil-buddy system, jiġifieri li meta tinżel ikollok sieħeb jew sieħba miegħek. Huma l-għaddasa kummerċjali biss li jinżlu weħidhom. Dawn ġeneralment ikunu fuq xogħol ta’ welding, tindif, spezzjonijiet jew tqegħid ta’ xi cables.

    L-isport tad-diving jista’ jiġi ipprattikat matul is-sena kollha. Iżda l-istaġuni jagħmlu xi differenza dwar fejn l-għaddasa jistgħu jinżlu jew le?

    Aktar mill-istaġuni, huma l-kurrenti l-problema li jikkmandaw fejn tista’ tmur jew le. Madankollu kull staġun għandu s-sabiħ tiegħu taħt il-baħar. Ngħidu aħna fil-ħarifa il-ħut ikun laħaq kiber u allura tara aktar ħut. Tara aktar ħajja … il-ħut jiġri wara xulxin. Taf tinzerta xi elf barrakuda jduru miegħek u mbagħad f’daqqa jisparixxu qishom qatt ma kienu. Fis-Sajf l-ilma jkun aktar sħun u jkun hemm ħafna aktar għaddasa.

    Għedtli illi l-baħar Malti huwa ideali għad-diving. Għaliex allura dan l-aħħar, qed nisimgħu b’tant inċidenti fost l-għaddasa u bosta minnhom fatali?

    Jeżisti element ta’ riskju f’kull tip ta’ sport u d-diving mhux eċċezzjoni. U hekk kif is-suq qed jikber, il-possibilità li jinqala’ xi inċident awtomatikament tikber ukoll. Inċidenti tal-għaddasa, waqt li jkunu taħt is-superviżjoni ta’ instructor huma rari ħafna. Illum għandna regolamenti moderni u eċċellenti  u fortunatament ħafna mill-iskejjel tal-għaddasa jsegwuhom sewwa. Dawn ir-regoli huma ibbażati fuq l-istandards ewropej tas-CEN u f’ħafna każi saħansitra jiżbqu ir-rekwiżiti Ewropej. Per eżempju f’Malta, għaddas li huwa kwalifikat għal-livell Open Water ma jistax jogħdos mingħajr ma jkun akkompanjat. Waħda mill-aqwa miżuri li għandna biex nżidu is-sigurtà f’dawn iċ-ċentri,  hija illi Direttur li joffri s-servizzi tad-diving irid ikollu sentejn esperjenza f’ċentru tal-għaddasa Malti qabel ikun jista’ jiftaħ l-iskola tiegħu. Huwa meħtieġ li jkun ukoll PADI staff instructor jew l-ekwivalenti. L-infurzar ta’ din ir-regola, tevita l-possibilità li xi instructor ġdid u mingħajr esperjenza ta’ xogħol f’Malta jiftaħ xi ċentru tal-għaddasa u jieħu deċiżjonijiet ta’ fejn jistgħu jinżlu l-għaddasa mingħajr ma jkollu l-esperjenza u tagħrif biżżejjed tal-aspett lokali.

    X’inhu dak li jżommok imħajjar li tibqa’ togħdos sena wara l-oħra?

    S’issa għamilt madwar 8000 dive. Il-qiegħ tal-baħar Malti nista’ ngħid li nafu b’għajnejja magħluqa. Madanakollu xorta waħda nibqa’ nħoss dik il-ġibda partikolari sabiex nerġa’ ninżel f’dik id-dinja paċifika u bla ħoss (aqta’ l-ħoss tad-dgħajjes), dinja bla toqol, dinja fejn tara kreaturi differenti minn dawk ta’ fuq l-art. Kif ser naqbad nisspjegalek x’sensazzjoni tħoss meta ssib ruħek wiċċ imb’wiċċ ma’ xi fekruna per eżempju li tieqaf tħares lejk għal ftit u mbagħad tkompli tiekol ħdejk? Esperjenza unika. Is-sodisfazzjon tal-klijent wara li jaqsam din l-esperjenza magħna huma kollox għalija.

    ———————————————————————————————————————————————

    INTERVISTA: KEVIN SCHEMBRI – CMAS ** DIVER

    X’ħajjrek biex tibda tipprattika dan l-isport u kemm ilek issa?

    Kevin SchembriIl-baħar minn dejjem kien jogħġobni. Iżda l-aktar li kien jaffaxxinani kien il-fatt li tista’ tinżel fil-fond taħt il-baħar u tibqa’ tieħu n-nifs għal ħin twil. Kien dan li oriġinarjament ġibidni lejn l-isport tad-diving. Xtaqt nara xi tħoss. Fl-ewwel drabi li nżilt nogħdos, il-possibilità li stajt nieħu n-nifs taħt l-ilma kienet kollox għalija. Stajt inżilt ġo swimming pool f’dak iż-żmien għax xorta kont nieħu pjaċir daqs kemm hi esperjenza unika! Ftit ftit bdejt nidra u allura bdejt napprezza aktar dak li qed nara madwari u nitħajjar nesplora. Issa ilni nogħdos ħames snin.

    X’taħriġ ħadt qabel bdejt togħdos?

    Bdejt bit-taħriġ bażiku li kull min jixtieq jogħdos għandu bżonn jieħu. Imbagħad komplejt nitħarreġ biex inkun nista’ ninżel aktar fil-fond. Jiena nipprattika r-recreational diving li bħala limit għandu l-fond ta’ 40 metru.

    Taħseb li t-taħriġ li ħadt kien adegwat biex inti tkun kunfidenti biżżejjed li taf sewwa x’għandek tagħmel meta tmur togħdos?

    Iva għalija t-taħriġ li ħadt kien importanti ferm. It-taħriġ huwa neċessarju għax mingħajru ma tistax tifhem xi tkun qed tagħmel. Tibda billi titgħallem it-teorija u allura tagħraf għaliex isiru ċertu affarijiet. Imbagħad tagħmel ukoll il-prattika billi tinżel ftit ftit ma’ instructor sabiex tieħu l-kunfidenza li hija importanti ħafna f’dan l-isport. Nixtieq insemmi wkoll li tgħallimt ħafna minn sħabi meta ngħaqadt ma’ klabb u bdejt ninżel magħhom darba f’ġimgħa. Hemmhekk tgħallimt aħjar kif għandhom isiru ċertu proċeduri.

    Ma’ min tmur togħdos? Qatt inżilt togħdos waħdek?

    Waħdi? Waħdek m’għandek tinżel qatt. Il-buddy tiegħek huwa vitali. Jiena imsieħeb ma’ Amphibians Diving Club. Dawn jorganizzaw dive kull nhar ta’ Sibt u kull min hu kwalifikat biex jogħdos, jista’ jinżel magħhom. Għandi wkoll xi ħbieb oħra li ġieli ninżel magħhom.

    Liema huma dawk il-postijiet li l-aktar li tapprezza biex togħdos fihom?

    Hawn Malta iffortunati għax għandna ħafna postijiet fejn togħdos. Mal-kosta jogħġbuni ħafna iċ-Ċirkewwa u Wied iż-Żurrieq għax kemm tipparkja l-karozza u tinżel. Meta immur bid-dgħajsa m’hemmx isbaħ minn Kemmuna u d-Dwejra. Għalija d-Dwejra hija l-isbaħ post biex togħdos f’Malta jekk mhux ukoll l-isbaħ fil-Mediterran. It-topografija bħall-għerien u l-ħajja li hemm f’dawk in-naħat hija mill-isbaħ. Bħala bastimenti mgħarrqa jogħġbuni t-tugboat Rożi u l-patrol boat P29 li hemm fiċ-Ċirkewwa u l-Um El Faroud li qiegħed iż-Żurrieq. Huma siti viċin ħafna tal-kosta u mhumiex diffiċli ħafna biex tinżel fihom.

    Qatt mort togħdos barra minn pajjiżna?

    Iva. Għodost l-Eġittu, il-Kanada u fil-Canary islands.

    X’similaritajiet u x’differenzi innutajt bejn il-baħar Malti u dawk barranin?

    L-ikbar differenza hija l-ammont ta’ ħajja li tara taħt l-ibħra barranin. Is-sajd żejjed li jsir f’Malta jagħmel wisq ħsara lil dan l-isport. Fil-fatt f’ħafna mill-postijiet f’pajjiżna tara ftit li xejn ħut. Min-naħa l-oħra, il-viżibilità tal-baħar Malti hija mill-aqwa. It-topografija Maltija hija sabiħa ferm ukoll. Per eżempju meta nżilt l-Eġittu, tbellaħt b’dak li rajt quddiemi: fkieren, morini kbar, mantha rays. Tal-ġenn! Post ta’ barra minn hawn bil-ġmiel ta’ ħajja li fih. Huwa miżgħud bil-ħajja imma mbagħad il-qiegħ jikkonsisti biss mir-ramel. Fil-Kanada l-viżibilità kienet ħażina minħabba l-kwantità kbira ta’ plankton li hemm fil-baħar. Ma laqatnix bħala post sabiħ fejn togħdos speċjalment minħabba l-kesħa kbira fl-ilma, anki fix-xhur tas-sajf. Il-baħar tal-Canary Islands jixbaħ ħafna lil dak ta’ Malta però hemm ħafna aktar ħajja.

    Qatt sibtu ruħkhom f’diffikulta’ meta kontu qed togħdsu?

    Le personalment qatt u lanqas sħabi. Bħala klabb aħna nagħtu prijorità kbira lis-sigurtà. S’issa, fil-21 sena li ilu miftuħ il-klabb, qatt ma kien hemm inċident wieħed.

    Kemm tasal biex tirriskja li tidħol jew li tinżel f’xi post li ma tafux sew?

    Jiena nogħdos biex nieħu gost u biex nirrilassa u għal xejn aktar. Għalija l-anzjetà m’għandix post f’dan l-isport. Għaldaqstant jekk nara l-periklu jew xi post li ma nafux sew, nippreferi ma nogħdosx milli nieħu xi riskju. Anki meta nkun imsiefer, irrid inkun mgħarraf bir-reqqa dwar il-post li nkunu ser ninżlu fih.

    X’inhuma dawk il-perikli li għaddas jista’ jiltaqa’ magħhom?

    Bħal kull ħaġ’oħra fil-ħajja, dan l-isport għandu l-perikli tiegħu. Għalhekk huwa importanti li tkun taf bihom ħalli timminimizzahom. L-apparat per eżempju tiddependi ħajtek minnu u bla dubju trid tara li jkun dejjem fi stat tajjeb biex tinżel bih. Għandek iżżomm ukoll moħħok ċar u ma tinżel qatt jekk tkun xrobt jew jekk ma tħossokx b’saħħtek għal kollox. Ma tridx lanqas tabbuża tinżel aktar fil-fond mil-limitu li inti imħarreġ għalih. Meta tara xi egħrien jew bastimenti mgħarrqa li ma tafhomx sewwa, trid taħsibha darbtejn qabel tidħol. Jekk tidħol, trid taċċerta ruħek minn qabel li taf minn fejn ser terġa’ toħroġ. Jekk tinżel togħdos bil-lejl, l-egħrien għandek tevitahom għaliex titlef l-orjentazzjoni u l-post isir perikoluż immens.

    Togħdos fix-xhur tas-Sajf  biss jew anki matul is-sena kollha?

    Ġeneralment ninżel fis-sajf iżda ġieli nżilt matul is-sena kollha. Speċjalment meta kont għadni fil-bidu, kont ninżel b’mod regolari. Illum minħabba bosta impenji li għandi, kelli innaqqas ftit. Ix-xitwa m’għandix għalfejn taqta’ qalb dak li jkun irid jogħdos. Anzi! F’dak iż-żmien il-baħar ikun aktar ċar, ikun hemm inqas nies u l-ilma xorta waħda ma jkunx kiesaħ wisq.

    Dan l-aħħar smajna b’diversi inċidenti ta’ għaddasa, bosta minnhom fatali. X’taħseb li qed jiġri?

    Ma naħsibx li qed tiġri xi ħaġa partikolari. Għaddew ħafna snin fejn rari kien hemm inċident. J’Alla dis-sena kienet biss kumbinazzjoni. Innutajt illi ħafna mill-inċidenti kienu involuti fihom għaddasa barranin. Nemmen li problema minnhom tista’ tkun in-nuqqas ta’ esperjenza f’dan l-isport. Irridu niftakru li f’bosta pajjiżi, m’hemmx il-lussu tal-baħar miegħek il-ħin kollu, kif għandna f’Malta. Minħabba f’hekk, it-turist li jkun f’pajjiżna jaf ifettilu jipprova jinżel f’kull ċans li jkollu u mhux neċessarjament jagħti każ jekk it-temp hux tajjeb, jekk hux qed iħossu f’sikktu biżżejjed u jekk jafx l-inħawi sewwa. Dawn il-fatturi kollha jkabbru r-riskju li jiġri xi inċident. Mill-bqija ma nafx x’naqbad ngħidlek għax saħansitra kellna każi ta’ għaddasa b’esperjenza kbira. X’seta’ ġara huwa diffiċli ħafna biex tgħid.

    X’jitlob minnek dan l-isports?

    Ħafna ħin. Biex togħdos siegħa, ngħidu aħna, speċjalment jekk tkun sejjer b’xi dgħajsa, trid madwar sagħtejn, tliet siegħat oħra sakemm tasal u tipprepara. Spejjeż fil-bidu sakemm tieħu l-kors u tixtri l-gear u mbagħad dawk regolari biex iżżomm kollox f’kundizzjoni tajba. Imma mhumiex xi spejjeż ta’ barra minn hawn tafx? Ovvjament skont kemm tipprattika dan l-isport ta’ spiss.

    X’inhu dak li jżommok miġbud lejn dan l-isport?

    Il-fatt li meta tinżel togħdos veru tinqata’ mid-dinja ta’ kuljum… fil-veru sens tal-kelma. Napprezza ħafna s-silenzju. Naturalment il-ħajja li tara taħt il-baħar hija sabiħa immens. Meta tibda togħdos fil-fond, il-baħar tibda tarah mod ieħor. Fejn forsi qabel tkun tibża’ tgħum f’baħar fond u skur minħabba l-biża’ ta’ x’jista’ jkun hemm taħtek, wara li tinżel u tara l-qiegħ, tifhem li f’Malta m’għandnix ħut kbir u tħossok ħafna aħjar. Meta togħdos, tibda tħoss lilek innifsek bħala parti mill-baħar u din trid tesperjenzaha biex tifhimha. Nissuġġerih ħafna dan l-isport lil kull min hu mħajjar. Speċjalment f’Malta meta għandna l-lussu li nistgħu ngħodsu s-sena kollha u meta l-baħar qatt mhu bogħod.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-7 ta’ Diċembru 2008)