• MIRAKLI ĊKEJKNIN JEŻISTU

    INTERVISTA: JAMES MUSCAT – VIĊI PRESIDENT – Transplant Support Group (Malta)

    Tiftakar meta u kif għaddielek l-ewwel ħsieb li tagħti l-kilwa tiegħek lir-raġel t’oħtok?

    James MuscatNiftakar eżatt. David kien ilu marid għal diversi xhur u maż-żmien il-kundizzjoni tiegħu bdiet tmur għall-agħar. Kellu jibda t-trattament tal-haemodialysis, li huwa trattament bil-magna ġewwa r-Renal Unit tal-isptar. Din il-magna taqdi l-funzjoni tal-kliewi billi tiffiltra d-demm u tirriċiklah. Meta skoprejt li David kien fuq il-magna, xtaqt nifhem x’jinvolvi u mort narah. L-ewwel reazzjoni tiegħi kif rajtu mqabbad fuq il-magna kienet li nħsadt ħafna. Din l-impressjoni kompliet tiżdied hekk kif skoprejt kemm il-darba ried imur jużaha, is-siegħat involuti, it-trawma u l-problemi kollha li kien għaddej minnhom, minkejja li l-magna kienet qed iżżommu ħaj. Kif rajtu hekk, iddeċidejt li ridt nagħmel xi ħaġa biex ma narahx aktar fuq dik il-magna. Għaddew ftit tal-ġranet u din id-deċiżjoni tiegħi kompliet tissaħħaħ. Għaldaqstant għamilt xi riċerka biex nara x’kien jinvolvi l-intervent ta’ donazzjoni ta’ kilwa minn għand xi ħadd ħaj. Ftit tal-ġranet wara għedt bid-deċiżjoni tiegħi lill-marti, liż-żewġ subien tiegħi u lill-foster child li qiegħed magħna.

    X’kienet l-ewwel reazzjoni tal-familja tiegħek għad-deċiżjoni tiegħek?

    Ngħidlek id-dritt, qabel għedtilhom kont imħasseb kif jistgħu jieħdu din l-aħbar. Ħadt deċiżjoni illi jekk nara illi xi ħadd minnhom ikun preokkupat wisq, nerġa’ naħsibha. Iżda ġara l-maqlub! Marti u wliedi appoġġjawni bis-sħiħ mill-ewwel. Il-ġenituri tiegħi kienu storja oħra. Kien hemm bosta sentimenti qawwija fl-ewwel reazzjoni tagħhom imma mbagħad meta komplejt niddiskuti ftit magħhom, huma wkoll urewni li ser ikunu solidali miegħi bis-sħiħ.

    Qatt ġie issuġġerit lilek minn xi familjari biex tagħmel dan il-pass?

    Assolutament li le. Kienet deċiżjoni tiegħi personali.

    X’wasslek biex tagħti organu lil xi ħadd li lanqas biss jiġi minnek?

    L-imħabba u r-rispett li għandi lejn David, lejn oħti u lejn it-tlett ibniet tagħhom.

    Kif ħadu din l-aħbar David u l-familja tiegħu?

    Kien żmien il-Milied, sitt snin ilu. Kont ċempiltilhom u għedtilhom li kont sejjer għandhom għax kelli rigal għalihom. Niftakar ‘l oħti tirrispondini “U inti! Dejjem bir-rigali!” Iltqajna informalment ħafna. Jien għedtilhom “Din id-darba ġibtilkhom rigal li ma swieli xejn. Proprjament hu għal David. Imma minnu ser tgawdi l-familja kollha.” Oħti Marilynn, David u t-tfal ma setgħux jemmnu dak li kont qed ngħidilhom. L-emozzjonijiet dakinhar kienu kbar ħafna. Diffiċli biex nispjegalek bil-kliem.

    Kemm kienet diffiċli biex tidħol ghar-riskju li tagħmel l-operazzjoni u li tagħżel li tgħix b’kilwa waħda?

    F’Malta dan it-trapjant bejn żewġ persuni li ma jiġux minn xulxin kien ser isir għall-ewwel darba. Jiena u David m’għandnix l-istess tip ta’ demm imma qbilna kważi perfettament fit-tip ta’ tissue. Fil-fatt kellu jgħaddi ftit taż-żmien qabel stajna nagħmlu l-operazzjoni peress li kellu jiġi stabbilit panel ta’ etika biex jipproċessa u japprova dan il-każ partikolari. Madanakollu jien qatt ma rajt din l-operazzjoni bħala riskju. Fil-verità hemm daqsxejn ta’ riskju għax il-loppju u l-operazzjoni, minnhom infushom, għandhom ir-riskju tagħhom. Iżda nassigurak illi tant saru testijiet u tant għaddejt minn proċessi biex jiġi aċċertat li kemm jien u kemm David ikollna livell għoli ta’ suċċess b’dan it-trapjant, illi qatt ma kelli sens ta’ biża’. Li kelli anzjetà biex infittex nara lil David jerġa’ jieħu saħħtu lura sabiex ma jkollux għalfejn juża aktar dik il-magna u x-xewqa tiegħi issir realtà.

    Domt biex irkuprajt wara l-operazzjoni? Kellek xi riperkussjonijiet?

    It-tifel iż-żgħir tiegħi qalli li hekk kif ħriġt mill-operazzjoni u ħaduni fis-sala waqt li kont għadni taħt l-effett tal-loppju l-ewwel kliem li għedt kien “What a wonderful feeling”. Ma domtx ħafna biex nirkupra. Għaddejt ġimgħa l-isptar u ftit ġimgħat oħra d-dar sakemm ġejt f’tiegħi għal kollox. F’qasir żmien kollox reġa’ ġie lura għan-normal u stajt immur għax-xogħol bħas-soltu. Riperkussjonijiet ma kellix.

    Illum tħossok b’saħħtek?

    Mija fil-mija. Anzi nistqarr miegħek li kemm ilni għaddej b’kilwa waħda inħossni ħafna aħjar. Mill-aħħar test tad-demm li għamilt, il-creatinin (li turi kif inhi għaddejja l-funzjoni tal-kilwa) irriżulta illi l-funzjoni tal-kilwa bħalissa saħansitra hija aħjar minn kif kienet qabel meta kelli żewġt ikliewi.

    Qatt għaddewlek xi dubji dwar id-deċiżjoni li ħadt minn dakinhar ‘l hawn?

    Le. Qatt m’għaddewli dubji. Anzi! Is-sentimenti tiegħi aktar jissaħħu meta nara lil David b’saħħtu. Is-sodisfazzjon jissupera kull inkwiet jew biża’. Kieku nista’, nerġa’ nagħmilha għal darb’oħra.

    Inbidel xi ħaġa fik jew f’hajtek wara din l-esperjenza?

    Lejliet l-operazzjoni, kienu ġew iżuruni Alfred Debattista u Tony Dalli mit-Transplant Support Group. Dik kienet l-ewwel darba li ltqajt magħhom. Ġew biex jagħtuni l-appoġġ tagħhom u biex jagħmluli kuraġġ proprju ftit siegħat qabel l-intervent. Għalkemm kif diġà għedtlek, ma kellix biża’, kelli ħafna anzjetà sakemm jgħaddi kollox. L-għajnuna tagħhom ħassejtha bħal balzmu dak il-ħin. Għaldaqstant meta wara xi żmien Alfred ħajjarni biex ningħaqad magħhom, jien aċċettajt mill-ewwel u bħalissa jien il-Viċi President ta’ din l-Assoċċjazzjoni. Illum, meta tkun ser isir donazzjoni mingħand persuna ħajja (bħal fil-każ tiegħi), inkun jien li mmur inkellmu/inkellimha u nagħmlilhom il-kuraġġ. B’hekk nipprova nagħti ftit lura mill-ħafna li rċevejt jien.

    Qabel dan il-fatt, kellek donor card?

    Iva kelli. Minn dejjem kont naqbel li wieħed m’għandux iħalli l-organi tiegħu jinħlew wara mewtu.

    Xi tfisser il-ħajja ghalik?

    Mill-intervent ‘l hawn, bdejt nara l-ħajja b’mod aktar pożittiv. Sar għandha tifsira ħafna akbar għalija. Issa inħoss aktar sens ta’ sodisfazzjon u ta’ direzzjoni f’ħajti. Il-ħajja hija rigal minkejja d-diffikultajiet kollha li ġġib magħha.

    X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil min għadu mhux deċiż jekk jixtieqx ikun donatur f’ħajtu jew wara mewtu?

    Mhix deċiżjoni faċli. Però min iħossu ispirat b’ċertu sens ta’ determinazzjoni għandu jkun jaf illi ċertu xewqat fil-ħajja jistgħu isiru realta u li l-mirakli ċkejknin jeżistu!

    ———————————————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: ALFRED DEBATTISTA – FUNDATUR U PRESIDENT – Transplant Support Group (Malta)

    Għaliex kellek bżonn donatur?

    Wara sentejn kura għall-mard tal-qalb, ġejt mgħarraf mit-tobba li kienu qed jikkurawni, illi ma kienx għad fadalli iktar minn sena ħajja jekk ma jsirlix trapjant. Dan wara li kont dħalt diversi drabi fil-Cardiac Care Unit u tlett darbiet fl-ITU bil-Griżma, nilgħabha mal-mewt. Fil-każ tiegħi, qalb ġdida ta’ donatur biss kien ir-rimedju biex nibqa ngħix.

    Kemm kont ilek tistenna sakemm sarlek it-trapjant?

    Alfred DebattistaGħalkemm it-tobba kienu indikawli illi ma kellix aktar minn sena ħajja jekk ma jsirlix trapjant, bis-saħħa ta’ pilloli ġodda li kienu għadhom kif ġew introdotti, irnexxieli inġebbed sentejn oħra. Il-ġurnata tat-trapjant niftakarha sewwa … id-9 ta’ Awwissu 1999. Irċevejt telefonata biex immur l-isptar dak il-ħin stess għaliex kien hemm qalb ta’ donatur Għawdxi li stajt niġi ittrapjantat biha. L-operazzjoni saritli matul l-istess lejl mill-Kirurgu Alex Manche u t-tim tiegħu u kienet suċċess.

    Tista’ tispjegalna xi tkun is-sitwazzjoni ta’ wieħed li qed jistenna trapjant? Xi jkunu l-emozzjonijiet, l-aspettativi, il-biżgħat tiegħu u tal-familjari?

    Fil-kundizzjoni li kont fiha jien, nista’ ngħid li kont qed neżisti u mhux ngħix. Ħajti kienet ferm diffiċli – għejja, qtugħ ta’ nifs, dieħel u ħiereġ l-isptar… Matul dak iż-żmien jibdew għaddejjin ħafna ħsibijiet u biżgħat minn moħħok. Waħda mill-ikbar dilemmi kienet dwar jekk hux ser nilħaq ngħix sakemm jinstab id-donatur. L-aspettativi kienu kbar iżda l-biża’ kemm tiegħi u kemm tal-familjari tiegħi (l-aktar tal-mara u t-tfal) kienet ħafna akbar. Marti kienet f’kuntatt kontinwu mat-tobba u kienet taf is-sitwazzjoni sewwa. Dawn il-laqgħat kienu jsiru minn wara dahri u ma kienu jgħiduli xejn biex ma jallarmawnix. Iżda jiena kont naf sewwa li kont gravi ħafna għax saħħti kont inħossha tħallini ftit aktar kull jum. Biex nagħmlu kuraġġ lil xulxin, kemm jiena u kemm marti u t-tfal konna nippruvaw nagħmlu tabirruħna li l-problema mhix daqshekk kbira. Jiena kont muġugħ fiżikament imma l-familja tiegħi kellhom uġiegħ mentali kbir. Madanakollu s-sigriet biex tkompli għaddej f’sitwazzjoni prekarja bħal din hija s-solidarjetà.

    Meta irċevejt l-aħbar li sabulek donatur, x’kienet l-ewwel reazzjoni tiegħek?

    L-ewwel reazzjoni tiegħi kienet ta’ ferħ … iżda meta qaluli illi kien jeħtieġ illi immur dak il-ħin stess, iċċassajt. Wara dak iż-żmien kollu tistenna, aħbar bħal din tolqtok fil-laħam il-ħaj. Kienet deċiżjoni iebsa li ridt nieħu malajr. Għalkemm tkun ilek tistennieha, mhiex ċajta li tidħol għall-operazzjoni biex tibdel qalbek! Iżda bl-għajnuna ta’ marti, li fiha dejjem sibt għajnuna kbira, sibt min iwassalni l-isptar u mort biex nagħmel dan it-trapjant.

    L-operazzjoni irnexxiet mill-ewwel? Kellek xi riperkussjonijiet?

    L-operazzjoni damet sejra xi tmien siegħat u kif diġà għedtlek kienet suċċess. Però kif isir dejjem, qattajt xi ġranet fl-ITU sakemm irkuprajt biżżejjed biex nittella’ fis-sala CTS għal aktar kura. Minħabba xi infezzjoni li irriżultatli, kelli nqatta’ aktar minn xahar f’din il-ward fejn kelli kura u attenzjoni mill-aqwa.

    Taf min kien id-donatur tiegħek?

    Iva. Kif ġejt f’tiegħi xtaqt inkun naf min kien dak li kont naflu ħajti. Wara xi ftit tal-ġranet ġejt mgħarraf min hu peress li l-ewwel kien hemm bżonn illi jittieħed il-kunsens tal-familjari tiegħu biex ningħata din l-informazzjoni. Id-donatur tiegħi kien George Sultana, ġuvni Għawdxi ta’ 31 sena li miet f’aċċident traġiku. Permezz tad-donazzjoni ta’ dan iż-żagħżugħ, sitta min-nies oħra, apparti minni, sarulhom trapjanti ta’ organi differenti.

    Qatt għamilt kuntatt mal-familjari tiegħu?

    Iva għamilt kuntatt ma’ omm id-donatur tiegħi u mal-familja tiegħu. Niftakar konna tlajna Għawdex jiena u Tony Dalli li mingħand l-istess donatur irċieva kilwa. Din il-laqgħa kienet il-bidu ta’ rabta kbira bejn il-familji tagħna, ħbiberija li għadha sejra sal-llum, disgħa snin wara.

    Kemm huwa importanti li jsir kuntatt bejn min irċieva d-donazzjoni u l-familja tad-donatur?

    Huwa importanti ħafna. Min irċieva d-donazzjoni, permezz tal-kuntatt mal-qraba tad-donatur, jkun jista’ jesprimi r-rispett u l-gratitudni lejn il-ġest nobbli tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-familjari tad-donatur iħossu ferħ kbir meta jagħrfu kemm għamlet ġid il-ġenerożità tagħhom. Omm ta’ donatur darba qalet,”Meta nara l-organi vitali ta’ ibni ħajjin f’nies oħra, inħoss li għalkemm it-tifel tiegħi miet, hu ma spiċċax.” Meta wieħed jiddeċiedi li jagħti l-permess biex jittieħdu l-organi mingħand xi ħadd għażiż għalih, dak ikun biss l-ewwel pass. Is-sodisfazzjon jiġi meta tara lil min irċieva t-trapjant ħaj u b’saħħtu. L-emozzjoni hija inspjegabbli u tgħin ħafna lil dak li jkun jieħu l-mewt tal-maħbubin tiegħu b’aktar serenità. Infatti, mit-twaqqif tat-Transplant Support Group, tnejn mill-akbar għanijiet tagħna huma illi inlaqqgħu lill-familjari tad-donatur u lil min irċieva d-donazzjoni flimkien (dejjem bil-kunsens tat-tnejn) u li nonoraw il-memorja tal-egħżież donaturi mejtin tagħna. Dawn ikunu ġranet ta’ emozzjonijiet qawwija ħafna. Emozzjonijiet diffiċli ħafna biex tesprimihom bil-kliem jew bil-kitba. Saħansitra aħna l-membri, inħossu ġisimna jqum xewk xewk meta naraw dak il-biki u t-tgħanniq u dik ir-rabta soda li tinbena mal-ewwel mumenti illi dawn jiltaqgħu.

    Ġieli taħseb dwar id-donatur tiegħek? Xi tħoss lejh?

    Id-donatur tiegħi huwa dejjem f’moħħi u f’qalbi. L-ewwel talba kif nistenbaħ u l-aħħar waħda qabel norqod, tkun għalih. Ir-ritratti tiegħu għandhom post prominenti fid-dar tagħna. Għall-kumplament ta’ ħajti ser nibqa’ nħossni rikonoxxenti lejh u lejn ommu Adelina (li approvat l-għoti tal-organi).

    Qabel ġejt bżonn din id-donazzjoni, x’kienet l-opinjoni tiegħek dwar id-donazzjonijiet tal-organi?

    Għalkemm jien minn dejjem kont naqbel mad-donazzjoni tal-organi għat-trapjanti, nistqarr li ftit li xejn kont naħseb dwar dan is-suġġett. Madanakollu wara l-esperjenza tiegħi u minn esperjenzi oħra ta’ diversi individwi li nara jseħħu madwari, nifhem aħjar kemm ma jiswiex li wieħed imut u jsir trab, meta jista’ minflok jagħti l-ħajja lil ħaddieħor. Dan is-sentiment sar wieħed mill-għanijiet importanti tal-Grupp tagħna – dak li nedukaw lill-poplu Malti u Għawdxi billi nqajjmu kuxjenza favur ir-reġistrazzjoni ta’ aktar persuni li joffru li, wara mewthom, l-organi tagħhom jintużaw għat-trapjanti.

    Illum tħossok b’saħħtek?

    Meta għamilt it-trapjant tal-qalb, kelli 62 sena. Dak iż-żmien minħabba l-kundizzjoni ħażina ta’ saħħti kelli nieqaf mix-xogħol u mill-ħafna attivitajiet li kont involut fihom. Meta ħadt saħħti lura, wara t-trapjant, erġajt qbadt fejn kont ħallejt u kont strumentali biex twaqqaf it-Transplant Support Group li l-involviment tiegħu jeħodli l-ħin kollu. Jiena u sħabi l-oħra tal-Kumitat naħdmu bla waqfien biex nagħtu servizz u għajnuna lil kull min qed jistenna li jgħaddi mill-esperjenza li għaddejna minnha aħna. Kif qed tara, għaddej b’ritmu mhux ħażin! Ovvjament b’mod regolari, nagħmel diversi testijiet biex nara li saħħti qegħdha f’kundizzjoni tajba. Jeżisti obbligu li min jingħata donazzjoni ta’ organu, jibża’ għalih u joqgħod attent għall-istil ta’ ħajja tiegħu. Illum ngħodd il-71 sena u nirringrazzja ‘l Alla li nħossni b’saħħti biżżejjed.

    X’inbidel fik/f’ħajtek wara din l-esperjenza?

    Dak li nbidel fija nista’ nesprimih f’sentenza waħda: Il-bniedem japprezza l-aktar il-ħajja meta jkun ser jitlifha. Min jgħaddi minn esperjenza bħal din, jibda japprezza aktar il-valur tal-ħajja. Kemm ilni li bdejt ngħix mill-ġdid, kelli bosta avvenimenti sbieħ familjari bħal twelid ta’ neputijiet, żwiġijiet ta’ familjari u ħbieb illi kieku ma rnexxiex it-trapjant tiegħi, kont nitlifhom kollha. Għalhekk għalija, ħafna aktar minn qabel, il-ħajja tfisser ħafna u nħossni grat lejn il-Mulej li tani ċans ieħor li ngħix dan kollu.

    X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil min għadu indeċiż jekk jixtieqx ikun donatur wara mewtu?

    Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ċar. B’ġest nobbli bħal dan, wieħed jista’ wara mewtu, jagħti possibilità oħra lil ħafna nies, li jgħixu ħajja aħjar jew bħal fil-każ tiegħi, li jgħixu mill-ġdid. Mhux aħjar tkun taf li tista’ tagħmel xi ħaġa għall-ġid minflok li tħalli ġismek isir trab? Ġest bħal dan, għalija, huwa rebħa fuq il-mewt. Nagħlaq dan l-appell b’messaġġ li bħalissa qed juża l-Grupp: M’hemmx għalfejn tieħdu l-organi magħkom il-Ġenna… Hemmhekk jafu kemm għandna bżonnhom hawn!

    Agħti rigal sabiħ dan il-Milied – irreġistra bħala donatur!

    Issa tista’ tapplika għad-donor card anki online.

    Għal aktar informazzjoni tista’ tidħol fil-website: www.transplantsupport.com.mt

    Jew inkella ibgħat email fuq:

    transplantsupport@onvol.net

    Tista’ wkoll iċċempel fuq dawn it-telefons:

    21223026   Alfred Debattista

    79478452   James Muscat

    21696383   Tony Dalli

    21826718   Joe Bonello

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-14 ta’ Diċembru 2008)