• KIEN HEMM ĦTIEĠA TA’ AKTAR SPEED CAMERAS?

    L-ispeed cameras huma neċessarji? Kien hemm bżonn li jiżdiedu tmien speed cameras ġodda fit-triqat tagħna? Il-veloċitá massima li ġiet imposta fuq is-sewwieqa, tagħmel sens? L-ispeed cameras inaqqsu l-inċidenti jew jikkawżawhom? Jgħallmu lis-sewwieq inaqqas il-veloċitá jew ikomplu jiffrustrawh?

    INTERVISTA: JESMOND AQUILINA – Sindku Ħal-Qormi

    X’tip ta’ studji saru biex ħarġet id-deċiżjoni li jitwaħħlu dawn l-ispeed cameras il-ġodda? U min jiddeċiedi rigward il-veloċità massima imposta fuq is-sewwieqa?

    Iktar milli studji, kellna diġà esperjenza minn żewġ speed cameras oħra li għandna mwaħħlin fil-lokalità tagħna, jiġifieri dawk tal-Imrieħel by-pass. Dawn il-cameras kellhom jitwaħħlu minħabba l-Jesmond Aquilina ammont ta’ inċidenti li seħħu f’dawk l-inħawi. Fil-fatt għandna r-rekords ta’ kemm saru inċidenti u minn din l-istatistika ħareġ illi Ħal-Qormi huwa wieħed mill-aktar, jekk mhux l-aktar post f’Malta fejn seħħew inċidenti u li sfortunatement uħud minnhom kienu anki fatali. L-istess fi Triq l-Imdina bdiet tinħass il-ħtieġa biex jitwaħħlu l-ispeed cameras minħabba illi hemmhekk hemm parti li hija residenzjali u ħafna nies ikollhom bżonn jaqsmu min-naħa għall-oħra tat-triq. Sfortunatament l-ilmenti fuq il-veloċità żejda f’Ħal-Qormi ma jaslux biss fir-rigward tat-triqat arterjali imma saħansitra ġol-lokalita’ innifisha. Għalkemm l-ispeed limit huwa ta’ 35km/siegħa, xorta waħda dan jinqabeż. Ikollna ħafna talbiet biex tittieħed azzjoni u għaldaqstant il-kunsill kellu jieħu diversi miżuri sabiex kemm jista’ jkun titnaqqas il-veloċità żejda speċjalment ħdejn il-mużewijiet u ħdejn l-iskejjel tat-tfal. Akkost illi f’uħud mill-postijiet hemm it-traffic lights, dawn ma jikkalmawx il-veloċità. Kultant ċertu sewwieqa jew b’ċertu negliġenza jew inkella għax forsi kultant minħabba x-xemx ikun hemm diffikultà biex jingħaraf il-kulur tal-lights, hemm min jibqa’ għaddej u jikkawża l-inċidenti. Finalment il-veloċità massima imposta fuq is-sewwieqa hija deċiżjoni tal-ADT.

    Uħud qed isostnu illi l-veloċità li ser tiġi mposta fuq is-sewwieqa permezz ta’ dawn l-ispeed cameras il-ġodda ma tagħmilx sens  u l-fatt li m’hemmx uniformità fil-veloċità fit-triqat kollha aktar ser ifixkel lis-sewwieqa. X’tikkummenta?

    Jiena naraha li f’Malta m’għandnix daqshekk distanzi kbar u allura nifhem illi m’hemm bżonn immorru mkien gas down. Din x’differenza ser tagħmel jekk issuqx bis-60/siegħa jew bit-80/siegħa biex tasal minn post għall-ieħor? Forsi tasal ħames minuti qabel? Allura għaliex għandek tipperikola l-ħajja tiegħek innifsek u forsi ta’ ħaddieħor b’veloċità eċċessiva? Rigward l-uniformità nerġa’ ngħidlek illi mhux kompitu tal-kunsill li jistabilixxi kemm għandha tkun il-limitu tal-veloċità. Ngħidlek biss illi fid-deċiżjoni tal-veloċità ġiet ikkunsidrata jekk by-pass hux għaddej minn żona residenzjali jew le.

    L-għan ta’ by-pass huwa li permezz tiegħu jitħaffef it-traffiku u ċertament mhux maħsub biex in-nies jaqsmu t-triq minnu. Fl-ebda pajjiż barrani ma toħlom li tara lil xi persuni jaqsmu minn fuq dawn it-tip ta’ triqat imma f’Malta narawhom kuljum. X’tikkummenta?

    Sfortunatament għall-by-pass tal-Imrieħel hemm applikazzjoni quddiem il-MEPA biex issir foot-bridge imma donnu waqaf ix-xogħol fuqha għax ma smajna xejn aktar. F’dawk l-inħawi hemm komunita’ ta’ nies li biex jiġu lejn iċ-ċentru tar-raħal iridu jaqsmu bilfors minn hemmhekk. Barra minn dan dawn mhumiex milħuqin mit-trasport pubbliku. Akkost li l-kunsill għamel diversi talbiet biex tgħaddi imqar karozza tal-linja darba f’siegħa biex in-nies jirkbu minn hemmhekk u allura ma jkunx hemm il-ħtieġa illi jaqsmu t-triq, qatt ma sar xejn lanqas f’dan il-kuntest. Proprju fit-tarf tal-istess triq hemm anki żona industrijali u jekk tmur sa Triq il-Mitħna f’Ħal-Qormi hemmhekk hemm ħafna stabbilimenti u ċentri kummerċjali fosthom banek. Allura naħseb li tkun idea tajba anki biex nibżgħu għall-ambjent u biex insolvu ftit mill-problema tal-parking li jkun hemm rotta li tgħaddi minn dawk l-inħawi. L-istess problema tal-Imrieħel teżisti fi Triq l-Imdina fejn hemm komunità ta’ nies li jkollhom bżonn jaqsmu min-naħa għall-oħra. Għalkemm hemm it-traffic lights mhumiex daqshekk spissi u hija naqra impossibbli biex kull darba li trid taqsam toqgħod titla’ daqshekk il-fuq.

    Kemm hija kbira l-problema tal-veloċita’ tas-sewqan f’pajjiżna?

    Jiena nara minn Ħal-Qormi fit-talbiet li jkollna. Anki kultant ġo triq verament dejqa, wkoll isuqu. Jiġifieri donnu illi l-veloċità żejda hija daqsxejn vizzju illi dak li jkun b’dawn il-miżuri nittama li forsi jitgħallem irażżan ftit lilu nnifsu. Hawnhekk nixtieq nagħmel referenza għall-ispeed cameras li għandna l-Imrieħel fejn għall-bidu, dawn kienu jimmultaw xi 30 sewwieq kuljum. Illum madwar 7 f’ġimgħa biss jaqbżu l-ispeed limit u jeħlu ċ-ċitazzjoni. Issa tgħidli forsi kif jaraw l-ispeed camera, s-sewwieqa jnaqqsu u mbagħad jerġgħu jżidu. Imma b’xi mod naħseb li la hemm xi ħaġa, dak li jkun jagħti każ. Li kieku ma jkun hemm xejn, sewwieq jabbuża aktar.

    It-triqat tagħna diġa’ huma fgati biz-zebra crossings, sleeping policemen, traffic-lights, ħofor u la jitwaħħlu l-ispeed cameras il-ġodda, prattikament ser ikun hemm cameras tul il-biċċa kbira ta’ Malta. Jista’ jkun li dan kollu, minflok ser jeduka lis-sewwieqa biex isuqu aħjar, ser iżid fil-frustrazzjoni?

    Jiena m’inix daqshekk sewwieq prattikanti però inkun rikeb f’karozzi. Kif diġà għedtlek, skont kif taraha l-ħaġa. Malta mhiex daqshekk kbira. Jiena ma narax għalfejn wieħed għandu jsuq b’veloċità qawwija ħafna. Ma naqbilx illi l-ispeed cameras ser iżidu fil-frustrazzjoni.

    L-ispeed cameras inaqqsu l-veloċità tas-sewwieqa u allura jnaqqsu l-inċidenti mit-toroq. Kemm hu realistiku dan ir-raġunament?

    Biex tieħu l-liċenzja tas-sewqan nafu kemm hi diffiċli. Il-perjodu ta’ probation nemmen li jgħin biex wieħed joqgħod attent kif isuq. Dawn miżuri li jsiru anki barra. Jekk titlef ċerti punti saħansitra tista’ tittieħidlek il-liċenzja. Għalija l-ispeed cameras huma prekawzjoni biex nevitaw l-inċidenti. L-edukazzjoni tas-sewwieqa primarjament hija importanti ħafna.

    Qed jingħad illi dawn l-ispeed cameras ser joħolqu traffic jams kontinwi u konsegwentement ser titnaqqas l-effiċjenza u jiżdied it-tniġġis tal-arja. X’tikkummenta?

    Inti u dieħel lejn il-Belt m’hemmx speed cameras. Mhux xorta jkun hemm it-traffic jams kull fil-għodu? Ma nemminx li l-ispeed cameras jikkawżaw it-traffic jams.

    X’isir mill-flus taċ-ċitazzjonijiet li jinġabru permezz tal-ispeed cameras?

    Il-flus taċ-ċitazzjonijiet ma jmorrux kollha għand il-kunsill. Parti mill-multa tgħaddi għand l-ADT, parti oħra teħodha l-kumpanija li tkun qed tissupplixxi l-camera u l-kunsill jieħu l-persentaġġ tiegħu Speed camerawkoll. Biex titħaddem speed camera il-kunsill ikollu wkoll ċertu spejjeż bħal per eżempju tad-dawl li l-camera tkun imqabbda miegħu u tad-data li tinġabar. Żgur li mhumiex kollha qliegħ. Dak li jifdal il-kunsill ta’ Ħal-Qormi jużah sabiex jiġu rranġati t-toroq. F’Ħal-Qormi għandna 90% tat-toroq li huma lesti … mhux għax ġibnihom kollha mill-ispeed cameras taf! Kien hemm uħud li għamel il-kunsill u oħrajn li għamel il-gvern. Konna għamilna żmien konna inraqqgħu t-toroq iżda aktar tard kienet ittieħdet id-deċiżjoni li nagħmlu t-toroq bit-tarmak. Fil-fatt bħalissa għaddejjin b’xogħlijiet simili fi Triq il-Vitorja. Għallinqas min jeħel multa jista’ jgħid li parti minnha ser tintuża biex il-quddiem isib toroq aħjar.

    —————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: DR JOSEPH M SAMMUT – MP Laburista

    Dalwaqt ser jitwaħħlu numru ġdid ta’ speed cameras fit-toroq tagħna. Temmen illi huma ġustifikati?

    Fil-funzjoni tagħhom l-ispeed cameras huma għodda utli għax iġibu l-ordni fejn għandha tinġieb. Li mhux ġustifikati huma l-postijiet partikolari li ntagħżlu biex jitwaħħlu l-ispeed cameras fihom. Għalfejn? Għax ser jittwaħħlu f’by-passes li huma toroq intiżi biex it-traffiku jimxi minnhom u mhux biex jeħel.  Inġustifikabbli wkoll hija l-veloċità li ser tiġi mposta fuqhom. Kieku dawn l-ispeed cameras twaħħlu  per eżempju fejn hemm is-sleeping policemen fl-abitat, fil-mibni u fejn wieħed hu obbligat li jsuq b’ċertu limitu, kienet tkun storja oħra. Imma li tillimita by-pass b’veloċità ta’ 60km/siegħa hija ridikola.

    Il-veloċità li ser tkun imposta fuq il-by-passes tvarja minn post għall-ieħor. Bosta qed isostnu li dan aktar ser ifixkel lis-sewwieqa. X’tikkummenta?

    Ma tagħmilx sens li jkollok by-passes tal-istess portata b’limiti imposti ta’ veloċità differenti minn xulxin mingħajr ebda uniformità. Filwaqt li l-liġi tipprojbixxi li wieħed juża l-mowbajl waqt is-sewqan għax itellef il-konċentrazzjoni, daqshekk ieħor sitwazzjoni bħal din ser ittellef l-attenzjoni biex wieħed jara li qiegħed fl-ispeed limit li suppost.

    Kemm hija kbira l-problema tal-veloċita’ tas-sewqan f’pajjiżna?

    Problema hemm żgur u għalija hija immaterjali jekk hemmx ħamsa jew mija li jikkawżawha. Hemmx ftit jew le, il-kwistjoni hi li l-problema qegħdha hemm. L-importanti hu kif ser issolvi din il-problema.Dr Joseph Sammut Il-problema ser issolviha billi tinqeda b’affarijiet intiżi biex jirrendu l-flus? Għax fejn ġie ippjanat li jitqiegħdu dawn l-ispeed cameras il-ġodda, huwa sinjal ċar illi l-intiża hi li jinġabru l-flus. Xejn iktar u xejn inqas. Jekk trid tirregola l-problema tal-veloċità ma tmurx tirregola l-veloċità f’dawk il-postijiet fejn din hija permessa għall-massimu ta’ 80km/siegħa. Imma tirregola l-veloċità ta’ dawk il-postijiet urbani, li huma abitati u fejn għandek konċentrazzjoni ta’ nies u hemmhekk għandek tieħu l-miżuri kollha. Il-by-passes mhumiex postijiet urbani u jiena nemmen illi s-sewwieqa għandhom jitħallew jgħaddu b’veloċità xierqa għall-ħajja mgħaġġla ta’ llum. Fuq kollox ma ninsewx illi fuq by-passes mhux permess li jkun hemm pedestrians. Dik hi regola internazzjonali.

    L-ispeed cameras inaqqsu l-veloċità tas-sewwieqa u allura jnaqqsu l-inċidenti mit-toroq. Kemm hu realistiku dan ir-raġunament?

    Li jnaqqsu l-veloċità tas-sewwieqa iva. Imma li jnaqqsu l-inċidenti  mhux daqshekk. Biss biss jekk naraw l-inċidenti li jsiru akkost il-preżenza tal-ispeed cameras ukoll nifhmu dak li qed ngħid. Partikolarment nista’ nirreferi għall-inċident ikrah li seħħ fil-by-pass ta’ bejn Ħaż-Żebbuġ u l-Imdina. Barra minn hekk, jekk tara l-marki tal-brejkijiet li jkun hemm qabel kull speed camera, tirrealizza illi fl-aħħar mill-aħħar l-istess speed cameras fuq toroq intiżi li jippermettu gear għoli huma sors ta’ inċidenti. Jiġu mumenti fejn wieħed jara l-ispeed camera fl-aħħar mument, jibbrejkja f’daqqa u jikkawża inċident minħabba f’hekk.

    It-triqat tagħna diġa’ huma fgati biz-zebra crossings, sleeping policemen, traffic-lights, ħofor u la jitwaħħlu l-ispeed cameras il-ġodda, prattikament ser ikun hemm speed cameras tul il-biċċa kbira ta’ Malta. Jista’ jkun li dan kollu, minflok ser jeduka lis-sewwieqa biex isuqu aħjar, ser iżid fil-frustrazzjoni?

    L-ispeed cameras huma sors ta’ frustrazzjoni żgur fis-sens illi joqtlu t-traffic flow. U dan meta niftakru illi illum bosta mit-toroq maġġuri huma single-lane. Barra minn hekk il-frustrazzjoni ser tiżdied għax issa ġejja illi wieħed mhux ser ikun jista’ juża’ l-karozza tiegħu b’mod ekonomiku għax  il-5th gear ma jistax jiġi applikat fuq il-veloċitajiet li qed jissemmew. X’ser nagħmlu? Ser immorru lura għaż-żminijiet tal-passat u kulħadd iġib karozza b’horse-power baxx għax hekk jew hekk ma tistax tuża gear għoli f’pajjiżna u naqtugħa fil-qasir?

    Qed jingħad illi dawn l-ispeed cameras ser joħolqu traffic jams kontinwi u konsegwentement ser titnaqqas l-effiċjenza u jiżdied it-tniġġis tal-arja. X’tikkummenta?

    L-effiċjenza ser tonqos bla dubju. Kif diġà semmejt, ser tonqos kemm l-effiċjenza tat-triq għax mhux ser tkun tista’ tintuża għall-iskop oriġinali li nħolqot għalih. Ser tonqos ukoll l-effiċjenza tal-konsum tal-magna. Allura iva ser ikun hemm lok aktar ta’ inkwinament għax il-magni mhux ser jaħdmu b’mod effiċjenti. Meta karozza tinżamm fuq gears baxxi ser taħli iżjed u ser tinkwina iżjed.

    Taħseb li jeżistu alternattivi oħra minflok l-ispeed cameras sabiex jitrażżan is-sewqan eċċessiv mit-toroq tagħna?

    Jiena m’inix kontra l-ispeed cameras. Jiena ma naqbilx mal-veloċitajiet redikoli li qed jiġu mposti fuq triqat li suppost jeżistu biex imexxu t-traffiku. Fil-postijiet urbani naqbel li jsiru speed cameras ta’ Speed camerasliema veloċità tinħtieġ. Imma fuq by-passes iridu jkunu tal-veloċità massima permessa. L-argument li ġabet l-ADT, li min ser jinqabad mill-ispeed cameras, ser ikun qed isuq b’mod eċċessiv, mhux ser ikun minnu għax il-veloċita ta’ 60km/siegħa hija redikola. Il-by-pass f’Tal-Barrani per eżempju hija miżgħuda bit-traffic-lights. Hemm għalfejn tpoġġi l-ispeed cameras ukoll? Iċ-ċittadin ser ibati u dan hux sew. Veloċità baxxa wisq mhiex ħlief mezz kif tisraq lis-sewwieq.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-22 ta’ Frar 2009)