• ID-DIJABETE TRID TITGĦALLEM TGĦIX MAGĦHA

    Jista’ jkun li l-ħajja ta’ llum tidher ferm aħjar minn dik ta’ qabel. Ċertament il-kumditajiet li jeżistu fil-preżent, itaffu bosta mid-diffikultajiet li kien hemm dari. Imma fid-dinja, kollox għandu żewġt uċuh. U daqshekk ieħor din il-kwalitá ta’ ħajja. In-nuqqas ta’ eżerċizzju u l-ħin twil sedentarju flimkien ma’ ikel mhux adegwat għas-saħħa qed iżidu ċertu mard. Il-mard huwa kiefer fuq kulħadd imma huwa wisq agħar meta dan jolqot lit-tfal…

    INTERVISTA: MOIRA GRIXTI – Diabetes Nurse Specialist – Sptar Mater Dei

    X’inhi d-dijabete?

    Jeżistu 3 tipi ta’ dijabete. Hemm it-Tip 1 li tolqot l-aktar lit-tfal u liż-żagħżagħ fejn il-frixa (il-pancreas) tkun qed tipproduċi ftit jew xejn insulina. Issa dawn in-nies iridu bilfors jieħdu l-insulina. M’hemmx mod ieħor. It-Tip 2 ġeneralment tolqot lill-adulti mill-età ta’ 40 sena il-fuq. F’dawn il-każi wieħed mhux bilfors ikun fuq l-insulina għax il-frixa tkun tipproduċi insulina imma mhux biżżejjed. It-tielet dijabete toħroġ fit-tqala u normalment kollox jerġa’ lura għan-normal wara li titwieled it-tarbija. Iżda f’dawn il-każi wkoll la jkun hemm sinjal darba, wieħed għandu joqgħod attent għad-dieta tiegħu u jara li jagħmel eżerċizzju tajjeb.

    Kif timrad bid-dijabete tat-Tip 1?

    Id-dijabete Tip 1 kieku nafu kif nevitawha kien isir xi ħaġa dwarha żgur. Imma s’issa m’hemmx x’tagħmel biex twaqqafha milli toħroġ.  Għandna sistema ġo fina li ngħidulhom auto anti-bodies. F’dawn il-każi, dawn l-anti-bodies ma jagħrfux iċ-ċelloli li jipproduċu l-insulina bħala parti mis-sistema utli tal-ġisem u jattakkawhom. Meta d-dijabete Tip 1 toħroġ fit-tfal, bosta drabi l-ġenituri jħossuhom ħatja li għamlu xi ħaġa ħażina. Jiġu jistaqsuna jekk hux tort tagħhom li ġara hekk.  Parti mis-servizz tagħna fil-fatt huwa li aħna noffru s-sapport tagħna lil dawn il-ġenituri għax definittivament li mhux tort tagħhom u fuq kollox ma jkunu setgħu jagħmlu xejn biex iwaqqfuha.

    X’inhuma s-sintomi tad-dijabete Tip 1?

    Is-sintomi tad-dijabete Tip 1 ġeneralment joħorġu f’daqqa – f’ġimgħa, ġimgħatejn kollox. Wieħed jibda jaqbdu ħafna għatx u jkollu nixfa fil-ħalq, jagħmel urina ta’ sikwit speċjalment bil-lejl tant li t-tfal żgħar ġieli jxarrbu s-sodda, jitlef il-piż filwaqt li jżid l-aptit, isir irritabbli ħafna, jimrad malajr u jħossu għajjien u mdardar.

    Kif jiġi kkonfermat li wieħed għandu d-dijabete?

    Faċli ħafna. Sempliċiment tiġi ċċekkjata qatra demm u permezz ta’ meter li jaqra jekk hemmx zokkor ġod-demm, tieħu r-riżultat dak il-ħin stess. Jekk joħroġ li wieħed huwa dijabetiku, jibda l-proċess fejn dak li jkun jingħata l-kura li għandu bżonn. Jingħata wkoll l-informazzjoni u s-sapport totali tagħna biex kemm jista’ jkun wieħed jgħix ħajja mingħajr ebda problemi. Aħna ma nħobbux nittamaw lil dak li jkun għalxejn. Il-kundizzjoni tad-dijabete trid titgħallem tgħix magħha għax ma tgħaddi qatt għal kollox.

    X’inhi l-insulina?

    L-insulina huwa ormon li tarmi l-frixa sabiex jiġi rregolat iz-zokkor fil-ġisem. Wara li nieklu, l-ġisem jaħdem ix-xaħmijiet u l-karboidrati u jibdilhom f’zokkor għall-enerġija. Fil-fatt eżatt wara li nieklu, huwa normali li jkollna z-zokkor għoli. Il-ġisem għandu sistema kif jarmi z-zokkor żejjed minn ġewwa fih. Xogħol l-insulina huwa li tirregola l-ammont ta’ zokkor li jkun hemm bżonn.

    X’jiġri jekk ma tieħux l-insulina?

    Jekk ma tieħux l-insulina, z-zokkor jgħolilek u jekk ma tiġix trattat tista’ taqa’ f’koma u saħansitra tmut. Ġieli f’jumejn, tlieta jiġri dan kollu. Fuq l-istess nota, huwa importanti li wieħed joqgħod attent illi l-labar li juża jkunu tajbin. Peress li s-siringi fid-dijabete jintużaw fuq l-istess persuna, wieħed ikun jista’ juża l-istess labra għal aktar minn darba. Però wara tlett darbiet ta’ użu, aħna nissuġġerixxu illi l-labbra tinbidel sabiex żgur tkun effettiva.

    Kemm huwa diffiċli biex tikkonviċi lit-tfal u liż-żagħżagħ biex jieħdu l-insulina?

    Għall-ewwel hija ftit diffiċli. Mhux la kemm tikkonvinċi t-tfal u ż-żagħżagħ biex jaqbdu injezzjoni u jagħtuha lilhom infushom. Imma min-naħa l-oħra huwa importanti ħafna li wieħed ikun indipendenti. Moira GrixtiB’dan il-għan, aħna norganizzaw summer camps għal tfal u żagħżagħ li jbatu mid-dijabete mill-età ta’ 5 sa 18-il sena. Iġibu l-ħbieb tagħhom u jiltaqgħu flimkien. Ngħallmuhom kif jieħdu l-insulina. Saħansitra t-tfal ta’ 5 snin jitgħallmu jieħdu l-insulina weħidhom għax jagħmlu l-kuraġġ permezz ta’ tfal oħra li juruhom kemm m’hemmx għalfejn tibża’ f’dawn l-affarijiet. Ngħallmuhom x’għandhom jieklu biex jgħixu tip ta’ ħajja healthy u biex jirregolaw il-kundizzjoni tagħhom. Inħarrġuhom dwar kif għandhom jgħoddu l-karboidrati sabiex ikunu jafu sewwa x’inhuma jieklu. Din is-sena dan is-summer camp huwa maħsub li jsir bejn is-7 u l-10 ta’ Lulju.

    X’inhuma s-servizzi li intom toffru fil-Mater Dei?

    Aħna nagħtu l-pariri u l-gwida ta’ x’wieħed jista’ jagħmel biex jikkontrolla d-dijabete. Imma mbagħad finalment huwa għal dak li jkun biex jieħu ħsieb. Bosta drabi wieħed ma jindunax li għandu d-dijabete għax ma jħoss xejn. Taf tkun ilha fuqek sentejn, tlieta qabel tinduna. Imbagħad f’daqqa joħorġu s-sintomi.

    L-infermieri tal-komunità ma jistgħux ilaħħqu mad-domanda kollha li jkollna. Fuq kollox l-għajnuna  ta’ dawn l-infermieri ġeneralment hija offruta lill-anzjani u lil min għandu xi tip ta’ diżabilità li timpedih milli jamministra l-insulina lilu nnifsu.

    Hekk kif fl-isptar isir magħruf illi hemm persuna ġdida li tbati mid-dijabete, aħna mill-ewwel niġu msejjħa biex niggwidawh fl-applikazzjoni tal-insulina fejn hemm bżonn. Huwa importanti ħafna wkoll li nħarrġu lin-nies ta’ madwar dak li jkun biex anki huma jkunu kapaċi jagħtu t-titqiba.

    Biex tiġi amministrata l-insulina, jeżistu metodi oħra apparti mis-siringi?

    Hemm dik li nsejħulha pinna. Wieħed jista’ jġorrha miegħu u jużaha faċilment. Sfortunatament is-siringi għandhom daqsxejn tabù fuqhom. U jista’ jagħti l-każ li xi ħadd li jarak tużaha jaħseb li qed tieħu xi ħaġ’oħra flok l-insulina. Iż-żagħżagħ din isibuha utli ħafna. Hemm ukoll l-inhalers. Imma dwar dawn hemm daqsxejn dubju għax jekk  per eżempju jkollok problemi respiratorji, m’hemmx ċertezza jekk hux qed tasallek il-kwantità meħtieġa tal-insulina.  Jeżisti wkoll l-insuline pump li jista’ jiġi programmat apposta biex jikkalkula l-insulina li wieħed ikollu bżonn matul il-ġurnata. Wieħed irid jiġi mħarreġ kif juża dan l-apparat u xorta waħda jrid ikollu back-up għalih.

    Jekk wieħed ibati mid-dijabete, uliedu ser ikollhom id-dijabete wkoll?

    Ikun hemm aktar riskju li jkollhom id-dijabete. Imma mhix ħaġa awtomatika li t-tfal jitwieldu bid-dijabete għax xi ħadd mill-ġenituri għandu din il-kundizzjoni.

    Id-dijabete tittieħed jekk inti tixrob minn wara xi ħadd li jbati b’din il-kundizzjoni?

    Assolutament li le! Id-dijabete tista’ tintiret imma qatt ma tista’ tittieħed minn wieħed għall-ieħor.

    Nies bid-dijabete jistgħu jagħmlu eżerċizzju?

    U żgur! Aħna nirrakkomandawh ħafna. Però ovvjament iridu joqogħdu attenti għal ċerti kundizzjonijiet. Iridu jiġu mgħallma sew x’iridu jagħmlu qabel jagħmlu l-eżerċizzju. F’Malta għandna uħud mill-aqwa sportivi li huma dijabetiċi. Huwa importanti li wieħed joqgħod attent ħafna għal-livell taz-zokkor preferibilment qabel, waqt u wara l-logħba. Is-sħana hija fattur ieħor li wieħed irid jaħseb għaliha minħabba l-għaraq li joħroġ. Wara ħafna eżerċizzju matul il-ġurnata, jista’ jagħti l-każ illi fil-għaxija jinżel iz-zokkor speċjalment jekk wieħed ikun kiel ftit wisq. Fil-każ tat-tfal, il-ġenituri jkunu jridu joqogħdu attenti li jsegwu illi għallinqas it-tfal imqar jieħdu xi ħaġa żgħira qabel jorqdu jekk ikunu tħabtu ħafna.

    Kemm huwa neċessarju li tinforma lil xi ħadd li inti tbati mid-dijabete?

    L-istigma tad-dijabete jeħtieġ li tieqaf darba għal dejjem. M’hemmx għalfejn twaħħal tabella miegħek u tmur tgħid lid-dinja kollha. Imma għallinqas lil dawk ta’ madwarek, lill-għalliema tal-iskola u lill-ħbieb li toħroġ magħhom trid tgħidilhom li tbati mid-dijabete ħalli f’każ ta’ bżonn ma jinħasdux jekk jinqala’ xi ħaġa. Anzi jista’ jkun li peress li jkunu avżati minn qabel, ikunu kapaċi jgħinu.

    Ħa ngħidlek kemm hu importanti illi b’xi mod tavża li inti tbati mid-dijabete. Wieħed li jbati mid-dijabete iddeċieda li jagħmel tattoo tal-kelma dijabete fuq idu. Irraġuna li f’każ ta’ bżonn kemm juri idu u dak li jkun jifhmu. Darba waħda mar jixrob f’bar. Issa l-insulina ma taqbilx mal-alkoħol għax jagħtik attakk. U hekk ġara anki f’dan il-każ. Kif rawh f’dik il-kundizzjoni, il-bouncers ħasbuh li kien xurban jew li ħa xi droga u kienu ser jitfgħuh il-barra mil-lokal. Imma hu urihom idu u dawn ħadu azzjoni mill-ewwel.

    Maż-żmien wieħed jibda jinduna li jkun ser jagħtih xi attakk u jilħaq jieħu l-azzjoni neċessarja hu stess. Imma kultant dawn l-attakki huma immedjati u ma jagħtux ċans lil dak li jkun jitkellem. Jekk tal-madwar ikunu nfurmati, jkunu jistgħu jġibu l-għajnuna adegwata malajr kemm jista’ jkun. Mentri jekk ma jkollhomx idea ta’ x’qed jiġri, jintilef ħafna ħin, apparti li tinqala’ ħafna tensjoni li ma tgħin xejn f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

    Kemm hi mifruxa l-kundizzjoni tad-dijabete f’Malta?

    Ħafna! Hawn eluf ta’ persuni li jbatu bid-dijabete. U mhux f’Malta biss imma hawn epidemija ta’ dijabete madwar id-dinja kollha. Ma rridux nallarmaw lin-nies imma minn studji li saru ħareġ illi sa l-2025 il-każijiet tad-dijabete Tip 1 u Tip 2 ser jirduppjaw. Jiena ilni naħdem hawn għoxrin sena u qegħdha ninnota illi l-każi qed jiżdiedu ħafna. Fil-fatt hawnhekk prattikament qed jidħol każ ġdid ta’ tfal li bdew ibatu bid-dijabete kull ġimgħa. Ma nafux għaliex qed jiġri dan. Imma nafu illi rridu ntejjbu l-mod ta’ għixien tagħna. Per eżempju jekk nafu illi għandna lil xi membru tal-familja li jbati mid-dijabete, għandna nieħdu prekawzjonijiet akbar. L-obeżità hija problema, livell għoli ta’ kolesterol, jekk qed tieħu pilloli tal-pressjoni, jekk għamilt ċertu tipi ta’ operazzjonijiet fil-fwied u fil-frixa. Id-dijabete toħloq ukoll diversi problemi f’partijiet oħra tal-ġisem: problemi fl-għajnejn, fil-kliewi, fl-arterji tal-qalb. Apparti mit-tbatija li toħloq din il-kundizzjoni, id-dijabete isservi wkoll ta’ spiża kbira fuq il-pajjiż. Għaldaqstant huwa neċessarju illi b’mod nazzjonali tinħoloq kuxjenza dwar kif wieħed jista’ jevita din il-marda.

    X’inhu l-aħħar messaġġ li tixtieq tgħaddi?

    Nerġa nsostni li d-dijabete m’għandiex tkun tabù fis-soċjetà tagħna. Illum jeżisti ħafna sapport. Min ibati bid-dijabete, m’għandux jingħalaq waħdu u jinqata’ mill-bqija tan-nies. Lanqas għandu jiċċaħħad mill-ikel kollu imma għandu jinforma ruħu dwar x’dieta jista’ jieħu. Huwa minnu illi dis-sitwazzjoni hija diffiċli kemm għal min jintlaqat minnha u anki għall-familja tiegħu. Madanakollu aktar ma wieħed jaċċettaha aktar ikun jista’ jgħix mingħajr diffikultajiet. Jekk wieħed jibqa’ jiċħad li għandu din il-kundizzjoni, ma jkunx jista’ jgħin lilu nnifsu sewwa. Sfortunatament ċertu ġenituri ġieli jdumu ma jaċċettaw li uliedhom huma dijabetiċi u jibqgħu jiċħdu li ma jistax ikun. Aktar kemm jirrealizzaw malajr illi l-aċċettazzjoni hija t-triq it-tajba f’dawn l-affarijiet, aktar jibdew jirbħu d-diffikultajiet malajr.

    ————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: AMANDA BORG – Omm ta’ tifla li tbati bid-dijabete

    Bintek twieldet dijabetika?

    Le. Id-dijabete ħarġitilha meta kellha sentejn.

    Kif indunajt li bintek hija dijabetika?

    Kienet tkun moody ħafna u ġieli kienet tkun imqarrba ħafna. U kont ngħid imma kif dit-tifla ma nistax insib irkaptu tagħha? Imbagħad innutajt li l-parti tagħha bdiet tiħmar u bdejt nagħmlilha ħafna Amanda u Hayley Borgcreams imma għalxejn. Iddeċidejt li naqtagħlha n-nappy għax għedt forsi minħabba fiha. Kont anki nlaħlaħha sewwa kull darba li tagħmel pipi. Imma kollox kien inutli. Anzi aktar bdiet tmur għall-agħar. Meta rajt li ma seta’ jgħaddilha b’xejn iddeċidejt li nċempel lit-tabib. Hu ġie u wara li eżaminaha talabni biex it-tifla tagħmel pipi għax ried jiċċekkjaha. Meta daħħal l-istikka fil-likwidu, din mill-ewwel skurat u saret vjola. It-tabib infurmani illi t-tifla għandha z-zokkor għoli ħafna u li hija dijabetika. Qalli biex neħodha malajr l-isptar għax kienet fi stat gravi ħafna. Imma isma’ din! B’xokk kbir fuqi, jiena ġrejt lejn l-isptar. Daħħluni l-emerġenza u mbagħad ġo kamra. Iċċekkjawha żewġ infermieri u bi stagħġib kbir għalija bagħtuni lura d-dar għax qaluli li t-test li għamel it-tabib tiegħi kien irriżulta ħażin u li ma kienx minnu illi t-tifla kellha z-zokkor għoli. Minflok, ġibduli l-attenzjoni biex nieħu ħsieb it-tifla sew għax kellha l-parti tagħha ħamra wisq! Jien tħawwadt. Ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel u allura mort lura d-dar bit-tifla. Iżda wara jumejn it-tifla intilfet minn sensiha u ħadniha malajr l-isptar. Din id-darba s-sitwazzjoni kienet wisq agħar. Ma nista’ qatt ninsa l-bixra mħassba ta’ wiċċ it-tabib tal-isptar hekk kif beda jxengel rasu u jgħidli “ma nafx, ma nafx kif ser tispiċċa dil-biċċa xogħol”. Tlaqt id-dar u tgħidx kemm bkejt. Imma għall-grazzja t’Alla l-għada qamet u kienet veru tajba.

    X’ġara wara?

    L-isptar bdew juruni minn fejn jiġi z-zokkor u bdew ifissruli x’inhi d-dijabete. Fortunatament fit-taqsima tad-dijabete hemm tim mill-aqwa li jagħtik ħafna għajnuna u jgħinek tirkupra malajr kemm jista’ jkun mix-xokk ta’ aħbar bħal din. Urewni wkoll kif nagħti l-injezzjoni lit-tifla.

    X’ħassejt meta ġejt infurmata li trid tagħti l-injezzjoni inti stess lil bintek?

    Ma tantx ħadt gost. Kiefra hux fuq l-omm li trid ittaqqab lil bintha! Aħna nħossu meta neħduhom għall-injezzjoni l-poliklinika u narawhom jibku! Nibdew inżegħlu bihom u nwegħduhom iċ-ċikkulata. Immaġina meta bintek trid tieħu injezzjoni jew tnejn kuljum. Ġieli anki tlieta. U dan biex ma nsemmix li trid toqgħod tittaqqab bil-labra f’subgħajha, bosta drabi fil-ġurnata, biex jiġi iċċekkjat iz-zokkor. Mhux faċli. Kull omm tħoss għat-tfal tagħha. Anzi tkun tixtieq li din il-kundizzjoni qegħdha fuqek minflok fuqhom. Imma jkollok tagħmilha. You have to be cruel to be kind. Issa drajt imma kultant xorta jiġu mumenti meta nħoss weġgħa ta’ qalb.

    X’inbidel f’ħajjet it-tifla hekk kif skoprejt li hija dijabetika?

    Inbidlu ħafna affarijiet. Per eżempju fis-sajf, meta konna nkunu ħdejn il-baħar, kienet tkun trid ġelat, kont nixtrihula. Issa jekk immur il-baħar u jkollha z-zokkor għoli, l-ewwel irrid inħalliha titħabat sakemm jiġi baxx u mbagħad nixtrilha. Imma l-bqija le. Ifhem fir-realtà, hekk qed tgħix bi stil ta’ ħajja aktar ‘healthy’. Imma kif ser taqbad tfiehem tifla ta’ tliet snin illi ma tistax tieħu ċikkulata meta jkollha aptita? Bħal meta tmur xi party… jien inħoss ħafna għaliha. Nibda nimmaġina li qed taħseb “għalix it-tfal l-oħra jieħdu u jien ma nistax? Jiena x’għandi differenti?” Għalhekk inħoss jiena. Ġieli jkollha l-ġuħ u ma nkunx nista’ nagħtiha. Iz-zokkor għoli jqabbdek ħafna ġuħ. Lanqas kelb ma tħalli bil-ġuħ, aħseb u ara lil bintek! Imma hekk ikolli nagħmel għall-ġid tagħha. L-aktar l-aktar nagħtiha xi ħaġa żgħira u li ma fihiex zokkor. Id-dieta hija diffiċli ħafna anki fuq il-kbar, aħseb u ara fuq it-tfal. U fuq kollox, mhux dieta għax trid. Imma dieta ta’ bilfors u għal dejjem.

    X’inbidel f’ħajtek?

    Għall-ewwel ma ridtx nemmen li binti kienet dijabetika. Ħassejtni qed ngħix ġo dinja oħra. Ħajti nbidlet kompletament. Bdejt inħossni ħatja li kien tort tiegħi. Biex tgħaxxaqha kien hemm min ipprova jġegħlni nemmen li veru kien tort tiegħi – għax waħħlu fija li jiena ġibtulha z-zokkor. Niftakar li darba minnhom infexxejt nibki u rani nfermier u meta spjegajtlu bil-problema li kelli, aċċertani li jiena ma kelli l-ebda tort li binti kienet dijabetika. Għalkemm din il-ħajja għaliha hija diffiċli, issa li għadha żgħira nemmen li ħajti hija anki aktar diffiċli minn tagħha. Inħoss ħafna għaliha u rrid noqgħod attenta kif ser infiehma. X’taqbad tgħidilha tifla ta’ dik l-età meta tibda tiddispra għal biċċa ċikkulata? Ngħidilha li għax hi dijabetika? Kieku tgħidlek dijabetika x’inhi? Nipprova nispjegalha bil-mimmi imma xorta ma tantx tifhimni. Jiena nipprova naqra ħafna sabiex ninforma ruħi aktar dwar din il-marda biex b’hekk inkun naf aħjar x’irrid nagħmel. Imma bl-esperjenza l-aktar li titgħallem.

    Ix-xogħol ukoll sar problema għalija. Jiena single mother u t-tifla hija responsabbiltà kollha kemm hi tiegħi. Jiena obbligata li f’ħinijiet partikolari matul il-ġurnata, irrid niċċekkjala z-zokkor u nniżżel id-dettalji fuq karta li tani t-tabib. Għalkemm il-ġenituri tiegħi jgħinuni ħafna, ommi tibża’ wisq biex tiċċekkja d-demm tat-tifla. Kollox f’idi qiegħed. Qed nipprova nfaddal biex nixtri karozza għax f’każ ta’ emerġenza bit-tifla, jien irrid inkun nista’ naqbad il-karozza tiegħi u mmur biha. U mhux noqgħod nistenna li nsib lil xi ħadd iwassalni. Imma diffiċli biex tfaddal meta ma tkunx taħdem.

    Inħoss responsabbiltà enormi fuqi. Għandi ħajja ta’ persuna f’idejja. Allaħares iddaħħal l-arja fl-injezzjoni. Trid toqgħod attenta mid-doża tal-insulina li tagħti għax doża żbaljata, taf ikollha konsegwenzi koroh ħafna. Ftit ftit inħossni qisni sirt infermiera.

    Barra minn hekk, il-ħin kollu moħħi fil-ħin. Ma nistax nagħmel bħal ommijiet oħra u x’ħin ifettilli naqbad u neħodha l-bandli per eżempju. Irrid noqgħod ħafna attenta illi ma ninqabadx barra mingħajr ma nkun ilħaqt tajtha d-doża meħtieġa. Veru illi llum hawn il-pockets tal-insulina li tista’ ġġorr miegħek barra. Imma xorta, kif ser naqbad infiehmek? Il-fatt li ġġorrhom miegħek iżommuk il-ħin kollu moħħok hemm li inti għandek tifla tbati bid-dijabete. Ġieli jiġu mumenti fuqi meta nħares lejn it-tifla u qisni ninsa li hi għandha din il-kundizzjoni. F’mumenti bħal dawn, inħoss moħħi jistrieħ. Imma meta nara l-affarijiet li tuża, nerġa’ niftakar u moħħi jerġa’ lura għalli jkun.

    Tista’ tiekol ħelu t-tifla?

    It-tabib qalli li ta’ darba kultant ma jimpurtax. Imma jien nipprova nagħtihomlha meta z-zokkor ikun baxx. Għalkemm għal dan l-għan jien nippreferi nagħtiha tazza ħalib milli ħelu għax bil-ħalib, iz-zokkor jogħla ħafna aktar malajr.

    X’inhuma t-trattamenti li trid tieħu t-tifla?

    Hayley tbati mid-dijabete Tip 1. Hemm żewġ tipi ta’ insulina: waħda hija long term u tkopri sitt siegħat, imbagħad hemm insulina apposta biex tniżżel iz-zokkor malajr. Huwa importanti ħafna li flimkien mal-insulina wieħed jiekol il-karbo-idrati sabiex din tkun tista’ taħdem sewwa. Barra minn hekk kull tip ta’ mediċina trid tara li tkun bla zokkor.

    Id-dijabete tgħaddi jew tittaffa’ maż-żmien?

    Sfortunatament id-dijabete hija kundizzjoni li ma tgħaddi qatt. L-iktar li tista’ tagħmel hu li titgħallem tikkontrollaha. Jekk ma toqgħodx attenta u tiekol li jfettillek, maż-żmien tista’ tikkaġuna ħsara kbira lill-bqija tal-organi u saħansitra tista’ tmut. Għaldaqstant fuq it-tfal din il-marda hija ħafna agħar peress illi sa minn ċkunithom iridu joqogħdu b’sebgħa għajnejn fuq dak li jieklu u biex iżommu z-zokkor stabbli. B’hekk jevitaw ħafna ħsara lil ġisimhom.

    X’inhuma l-aktar mumenti diffiċli li għaddejt minnhom minħabba din il-kundizzjoni?

    L-ewwel darba li niżlilha z-zokkor ippanikkjajt. Qabditni rogħda kbira. Bdejt inbellagħla kull ma ġie għal idejja u għalxejn. Veru sitwazzjoni tal-biża’ speċjalment l-ewwel darba! Immaġina meta tara lil bintek tintilef minn sensiha u int ma tafx x’ser taqbad tagħmel. Sitwazzjoni kiefra ħafna. Tibda taħseb li ser tmutlek. Maż-żmien titgħallem tikkontrolla s-sitwazzjoni aħjar.

    Imma mbagħad hemm affarijiet oħra li jweġġgħuk wisq. Dan l-aħħar it-tifla niżlilha ħafna z-zokkor u waqgħetli mal-art. Bżajt li ħabtet rasha u mort niċċekkjaha l-isptar. Fl-istess ħin, iz-zokkor ma ried jitla’ b’xejn u kelli bżonn nixtrilha biċċa ċikkulata biex forsi ngħollihula malajr. Kien hemm infermier u tlabtu biex joqogħdli ftit magħha sakemm immur nixtri minn xi magna hemm ġew stess. Inħsadt meta qalli li kelli nieħu t-tifla miegħi…. qalli “U ejja sinjura ħudha miegħek”. Għalaqt ħalqi, erfajtha, għax ma kinetx tiflaħ timxi peress li kellha z-zokkor baxx u mort indur biha mal-isptar kollu biex nixtrilha.

    Tgħidilhom lin-nies ta’ madwarek bil-kundizzjoni ta’ bintek?

    Mela! U nispjegalhom dwar din il-marda ħalli kemm jista’ jkun ikollhom it-tagħrif dwarha. Li naf jien ngħidu lilhom. M’hemmx x’taħbi. Huwa importanti li ta’ madwarek ikunu jafu.

    X’għajnuna tingħata mis-servizzi tas-saħħa?

    Il-gvern jagħtini żewġ kaxxi li b’kollox għandhom 50 glucose sticks biex nużahom f’xahrejn; dawn jien naħlihom f’ġimgħa u nofs. Il-bqija jkolli nixtrihom jien – kull kaxxa tiswa madwar 23 ewro. Jiena xtrajt meter żgħir apposta biex inkun nista’ nuża dawn l-istikek partikolari fuqu. Il-gvern jagħtini wkoll tletin injezzjoni għal xahrejn – lit-tifla ġieli nagħtiha injezzjoni darbtejn kuljum, kultant anki tlieta, erbgħa darbiet. Tista’ timmaġina kemm iservuni. Tletin injezzjoni tal-insulina jiswew ftit aktar minn 7 ewro. Nirċievi wkoll l-ammont ta’ insulina li għandha bżonn it-tifla. Għal dawn l-ispejjeż żejda, jiena applikajt għall-għajnuna mill-gvern u b’hekk nirċievi 80 ewro fix-xahar. Imma ara ma taħsibx li ma naħlihomx.

    Qatt ġejt offruta mezzi oħra ta’ trattament apparti s-siringa?

    Qaluli bil-mezzi l-ġodda. Imma l-ewwel nett binti għadha żgħira u ngħid is-sew, nippreferi kif qegħdha bħalissa. Barra minn hekk meta ċempilt biex nistaqsi dwarhom, dawn il-mezzi ma ssibhomx b’xejn. Trid tixtrihom u huma għaljin ħafna.

    Li kieku l-gvern jieqaf jipprovdik bl-injezzjonijiet b’xejn, x’konsegwenzi tara?

    Ifhimni, lanqas nista’ nimmaġina li jieħu azzjoni bħal din. It-tfal għandhom ħafna spejjeż oħra: iridu jilbsu, joħorġu, jieklu, il-kotba u l-uniformijiet tal-iskola… Meta mbagħad ikollok spejjeż oħra bħal dawn ta’ saħħa, il-ħajja tiġi ferm aktar diffiċli. Lanqas naħseb ma rrid. Imma kieku xi tridni nagħmel? Mhux nissallab u nara kif nixtrihom xorta?

    X’messaġġ tixtieq tagħti lil dawk il-ġenituri li għandhom tfal ibatu bil-kundizzjoni tad-dijabete?

    Nixtieq ngħidilhom biex jagħmlu kuraġġ u ma jaqtgħux qalbhom. Kultant Alla jagħlaqlek bieb u jiftaħlek erbgħa oħra. Veru għandi t-tifla tbati bid-dijabete. Imma mbagħad noqgħod inħares lejha u ninnota l-karattru tagħha. Dik li qabel noħroġ tgħajjattli: “Mummy mummy, titlaqx titlaqx, ejja ħa ntik kiss”. Għalija dawn huma mumenti ta’ ferħ inspjegabbli. Veru diffiċli biex tieħu ħsieb din il-kundizzjoni imma mhux impossibbli. Għall-ewwel tbati ħafna imma jekk tiġġieled id-diffikultajiet u ssostni biex tgħix ħajja normali kemm jista’ jkun, jirnexxielek.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-29 ta’ Marzu 2009)