• JERSQU LEJN ID-DINJA TAX-XOGĦOL B’MOD RESPONSABBLI

    Hekk kif  l-istudenti jersqu lejn l-aħħar snin tagħhom fl-iskejjel sekondarji, jibdew jaħsbu bis-sħiħ dwar jekk ikomplux l-istudji tagħhom post sekondarji jew inkella jittantaw xortihom fid-dinja tax-xogħol. Għaldaqstant fil-Kulleġġ San Benedittu beda dak li qed jissejjaħ Career Studies.

    INTERVISTA: MARJOE CASSAR – Guidance Teacher fil-Kulleġġ San Benedittu

    Kif beda dan is-suġġett tal-Career Studies fil-Kulleġġ tagħkom?

    Beda meta ngħaqdu flimkien l-iskejjel tal-Junior Lyceum u tas-Sekondarja biex iffurmaw il-Kulleġġ San Benedittu li fih jinkorpora l-iskejjel ta’ Birzebbugia, Ħal-Għaxaq, Ħal-Kirkop, Ħal-Safi, il-Gudja, iż-Żurrieq, l-Imqabba u l-Qrendi. Dan ifisser illi s-subien kollha tal-primarja li oriġinarjament imorru f’dawn l-iskejjel, meta jaslu għas-Sekondarja, jiġu kollha hawnhekk – fil-Kulleġġ San Benedittu Sekondarja Subien. Għalissa l-bniet għadhom qed jitqassmu f’żewġ skejjel: fil-Junior Lyceum ta’ Santa Luċija u fis-Sekondarja ta’ Ħal-Tarxien. L-iskejjel huma kollha awtonimi imma fl-istess ħin kollha jaħdmu flimkien mal-Prinċipal tal-Kulleġġ għall-aħjar interessi tal-istudenti tagħna. L-istudenti li jattendu l-Kulleġġ San Benedittu Sekondarja Subien jilbsu l-istess uniformijiet u għandhom l-istess għalliema, indipendentement mill-livell akkademiku li jkunu laħqu. Huma biss il-klassijiet li finalment jaqsmu t-tfal għalihom b’dan il-mod.

    Id-diriġenti tal-iskola dejjem jippruvaw jagħtu l-aħjar lill-istudenti. Inħass il-bżonn li l-istudenti nressquhom aktar lejn id-dinja tax-xogħol b’mod responsabbli. Għalhekk, dehrilna li s-suġġett tal-Career Studies seta’ jgħin ħafna lill-istudenti tagħna.

    Fhiex jikkonsisti dan is-suġġett?

    Is-suġġett tal-Career Studies huwa maħsub biex jgħin lill-istudenti jirriflettu fuq il-futur tagħhom: x’jixtiequ jagħmlu b’ħajjithom, x’xogħol jixtiequ jsibu u x’inhi t-triq li trid taqbad biex jirnexxielek takkwista dak il-job li tixtieq. Għaldaqstant aħna neħduhom fuq ‘orientation visits’ kemm fuq postijiet tax-xogħol differenti (fil-każ tal-Form 4) u kemm billi neħduhom fi skejjel differenti sabiex jaraw x’korsijiet jistgħu jieħdu biex ikomplu jistudjaw għal dak ix-xogħol li jixtiequ (fil-każ tal-Form 5). Il-Form 4 ikollhom żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa mentri l-Form 5 ikollhom lezzjoni waħda fil-ġimgħa.

    Iżda das-suġġett mhux merfugħ biss għall-istudenti l-kbar. Irrealizzajna li jkun ħafna aktar ta’ ġid jekk l-istudenti jibdew jittrawmu fih minn kmieni ħalli b’hekk tibda ssawwar fihom dik l-idea ta’ responsabbiltà u ta’ attitudni tajba. Jiena nemmen illi apparti mill-kontenut tas-suġġetti akkademiċi huwa importanti ħafna wkoll li naħdmu fuq l-attitudnijiet tat-tfal. Fl-opinjoni tiegħi jekk tagħtini tifel b’attitudni tajba, nkun kapaċi ngħallmu li rrid u hu jitgħallem. Iżda jekk tagħtini tifel b’intelliġenza kbira imma b’attitudni ħażina, ma naslu qatt imkien. B’attitudni tajba nifhem dawk il-kwalitajiet li jagħmlu bniedem bieżel, jaf jaħdem fi grupp, għandu l-inizzjattiva, ġenwin u jrid jitgħallem. Huma dawn li jmexxuk fil-ħajja u li jgħinuk tirnexxi. B’dan il-ħsieb bdejna nintroduċu das-suġġett anki fil-Primarja tal-Ħames Sena. Ngħinuhom jirriflettu per eżempju: “Għaliex għandi nġib il-homework miegħi lest kuljum?” U nuruwhom li apparti li permezz tal-HW jitgħallmu, fl-istess ħin ikunu qed jidraw isiru responsabbli u accountable għal xogħolhom.

    Inkluż ma’ dan is-suġġett għandna wkoll programm tal-kompjuter li krejnih mill-Ingilterra. Permezz tiegħu kull student jista’ jimrah il-possibilitajiet tax-xogħol li jeżistu u jara kemm hu possibbli li hu jagħmel dak ix-xogħol li jixtieq. Ikun jista’ jifli x’inhuma l-kwalifiki jew it-taħriġ li għandu bżonn għal dak ix-xogħol partikulari u minn hemm ikollu stampa aktar ċara jekk jixtieqx ikompli fuq dik il-linja. Sa stima tal-paga li wieħed jista’ jaqla’ hemm inkluża f’dan il-programm li jiġi mġedded kull sena. Hu programm intensiv ħafna imma daqshekk ieħor faċli biex tużah. Fl-Ingilterra jużawh ma’ dawk l-individwi li jkunu qed ifittxu xogħol. Aħna daħħalnih fl-Iskola biex ikompli jgħin lill-istudenti tagħna fil-mixja tagħhom lejn għażla għaqlija ta’ xogħol.

    Din is-sena għall-istudenti tal-Form 5 das-suġġett kien jinkludi wkoll ġimgħa ta’ esperjenza fuq ix-xogħol. X’tgħidilna dwarha?

    Probabbilment bosta mill-istudenti tal-Form 5, minn hawn u ftit xhur oħra ser ikunu qegħdin ifittxu post fid-dinja tax-xogħol. Għaldaqstant dehrilna illi jekk jirnexxielna nagħtuhom esperjenza ta’ Marjoe Cassarxogħol, imqar għal ġimgħa biss, inkunu nistgħu ndewwquhom ftit minn dak li hemm jistenniehom fil-futur tagħhom. Sfortunatament, ċertu studenti li forsi ma jmorrux daqshekk tajjeb fis-suġġetti akkademiċi, jispiċċaw jaqtgħu qalbhom u jitilfu l-fiduċja fihom infushom. Jibdew jaħsbu li la mhumiex tajbin għall-iskola, ma huma tajbin għal xejn aktar. U dan jaħasra huwa ħafna ‘l bogħod mir-realtà! Tara studenti li veru forsi qatt mhu ser iġibu marki tajbin fis-suġġetti tal-iskola imma mbagħad ikollhom kapaċità li jdejhom jagħmlu dak kollu li jaraw għajnejhom. Permezz ta’ din l-esperjenza, xtaqna fil-fatt nuruhom dan. Bi ftehim mal-ETC u ma’ numru ta’ employers, irnexxielna noħorġu b’lista ta’ possibilitajiet li minnhom l-istudenti kellhom jagħżlu l-aktar tlieta ippreferuti. Anki hawn, innutajna li uħud mill-istudenti li għandhom stima baxxa tagħhom infushom, għażlu xogħlijiet sempliċi għax ma bassrux li ser ikunu kapaċi jagħmlu aktar minn hekk. Għalhekk, aħna l-guidance teachers u l-għalliema li nafuhom sewwa, iddeċidejna li nibgħatuhom fejn naħsbu li għandhom jakkwistaw il-massimu minn din l-esperjenza. Bi pjaċir ngħid illi kellna każi fejn wieħed mill-employers qalli li x-xogħol li għamillu wieħed mill-istudenti tagħna f’ġimgħa, lanqas il-ħaddiema tiegħu ma jaslu biex jagħmluhulu tant tajjeb. Qalli dan quddiem l-istudent li ried itir bil-ferħ meta sema’ dan il-kliem dwaru. M’għandix dubju li mumenti bħal dawn huma mprezzabbli għall-istudent.

    X’rispons kellek mill-istudenti u mill-ġenituri tagħhom?

    Din il-ġimgħa hija parti minn pakkett sħiħ fis-suġġett tal-Career Studies u qed issir l-ewwel darba mal-istudenti subien tal-Form 5. L-istudenti ilhom jafu biha u ilhom jippreparaw għaliha minn Ottubru li għadda. Infatti għal waqt din il-ġimgħa, kull student ingħata workbook biex fih iniżżel l-esperjenza tiegħu u xi notamenti oħra li aħna tlabnihom jagħmlu. Dawn issa ser niddiskutuhom waqt il-lezzjonijiet tal-Career Studies. Is-sigriet ta’ din l-esperjenza mhiex li l-istudenti marru ġimgħa ‘għax-xogħol’. Il-veru mira tagħna kienet li dawn jinnutaw xi tfisser li trid tqum u tmur għax-xogħol kuljum, li tobdi r-regolamenti tal-post, li titwaħħad mal-grupp li qed taħdem miegħu, li tiġi aċċettat u li tkun utli għall-post fejn qed taħdem. Ridnihom jirriflettu u jfittxu fihom infushom jekk huma jridux imorru jaħdmu mill-ewwel jew jekk forsi hux aħjar li jagħmlu xi kors ieħor li jagħnihom b’possibilità akbar li jaħdmu fil-qasam li jogħġob lilhom. Mingħajr riflessjoni, żagħżugħ jispiċċa jmur għall-ewwel biċċa xogħol li jsib u jgħaddi ħajtu jiġri minn job għall-ieħor għax qatt ma jkun kuntent. Fejn stajna, u meta dehrilna li kien ta’ ġid, bgħattna lill-istudenti fl-oqsma li xtaqu huma ħalli jkunu jistgħu jibnu stampa ċara dwar ix-xogħol li jixtiequ jagħmlu billi jgħixuh għal ftit żmien. Ridnihom jistudjaw l-ambjent, l-istruttura, n-nies u x-xogħol innifsu. Jaraw jekk ix-xogħol hux dak li kienu jimmaġinaw ħalli jikkonfermaw jekk jogħġobhomx. M’għandix dubju li wara din l-esperjenza, ħafna minnhom ser jgħidulna li issa aktar tħawwdu għax kellhom f’moħħhom xogħol partikolari u issa ntebħu li jeżistu possibilitajiet oħra. Hawnhekk imbagħad jidħol ix-xogħol tagħna biex niggwidawhom aħjar waqt id-diskussjonijiet fil-klassi. Ħafna mill-istudenti l-ħin kollu ġejjin u sejrin jitolbuni xi parir għax bejnietna għandna relazzjoni tajba ħafna. Uħud anki wara l-Form 5 jibqgħu jfittxuni.

    Din l-inizzjattiva kienet ta’ riflessjoni wkoll għall-ġenituri li uħud minnhom ma kienux daqshekk konvinti jekk uliedhom hux ser ikunu kapaċi jagħmlu din l-esperjenza. Fil-fatt l-istudenti kellhom imorru għax-xogħol weħidhom, jużaw it-trasport u jmorru fuq il-post mingħajr ma jwassalhom ħadd. Ftit xhur oħra hekk jew hekk, din ser tkun il-ħajja ta’ wħud minn dawk l-istudenti u għalhekk permezz ta’ din l-esperjenza tlajna tarġa oħra flimkien. Student minnhom sa Għawdex baqa’ tiela bix-xogħol tal-kumpanija u ma kellu l-ebda problema. Veru ġimgħa hija qasira imma kultant huma dawn l-affarijiet żgħar li jnebbħuk li m’għadikx tifel u li issa int kapaċi terfa’ r-responsabbiltajiet ta’ adult.

    Hemm possibilità li issa li daqu x-xogħol, anki jekk għal ftit, l-istudenti ser jitħajjru jmorru jaħdmu mill-ewwel minflok ikomplu bl-istudji tagħhom?

    Fortunatament l-employers li bgħattna lill-istudenti tagħna għandhom, kienu għaqlin biżżejjed illi ħajjru lill-istudenti jkompli jistudjaw. Aħna konna qed insegwu lill-istudenti waqt din l-esperjenza u dorna l-postijiet tax-xogħol darbtejn f’dik il-ġimgħa. B’hekk stajna naraw kif qed imorru l-istudenti u nieħdu ftit feedback kemm minn għandhom kif ukoll minn għand min kien qed iħaddimhom. Ovvjament b’esperjenza bħal din tiftaħ ħafna opportunitajiet. Waħda minnhom hija illi issa dawn l-istudenti introduċew ruħhom f’dawn il-postijiet tax-xogħol u jekk il-quddiem jitħajjru japplikaw għal xi impjieg ma’ dawn il-kumpaniji, għandhom dak il-vantaġġ li l-employers u l-impjegati diġà jafuhom.

    —————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA – STUDENTI:  TYLER CALLEJA – Student tal-Form 5 fil-Kulleġġ San Benedittu

    X’jidhirlek mis-suġġett tal-Career Studies?

    Naħseb li huwa suġġett bżonnjuż ħafna għalina l-istudenti. Niddiskutu ħafna fil-klassi dwar il-karrieri li jeżistu. Din l-esperjenza tax-xogħol kienet interessanti ħafna u l-fatt li fl-aħħar tal-ġimgħa ser jagħtuna ċertifikat li għandna esperjenza fuq ix-xogħol nemmen li l-quddiem ser tgħinna meta mmorru biex naħdmu. Aħjar milli ma jkollok xejn f’idejk.

    X’kienet il-preferenza tax-xogħol tiegħek?

    Bħala l-ewwel preferenza għażilt il-midja għax togħġobni ħafna. Inħobb ħafna wkoll il-fotografija u għalhekk naħseb li oġġett imur mal-ieħor. Fortunatament f’din il-ġimgħa rnexxieli naqta’ xewqti għax sibt ruħi naħdem mal-Where’s Everybody.

    X’impressjoni ħallietlek din l-esperjenza?

    Minn dejjem kelli l-kurżità kif inhi l-Where’s Everybody wara l-kwinti. Issa li doqtha nista ngħid li ma bsartx illi jeżisti daqshekk xogħol hemmhekk. It-telefonati ma jieqfu qatt! Il-WE hija mqassma Tyler Callejaf’numru ta’ gruppi u jiena kont mal-grupp li jieħu ħsieb Xarabank u l-Bijografiji. Għall-ewwel ġurnata ħassejtni naqra stramb sakemm drawni u drajthom jien. Imma jien hekk magħmul. Però mat-tieni ġurnata ħassejtni milqugħ ħafna u trattat bħala wieħed mit-tim. Sibtha interessanti ferm meta mort niffilmja barra mal-crew wara li rċevew complaint. Peress li l-linja tiegħi hija l-fotografija, stajt naħseb u nara kif jaħdmu huma u kif kieku jiena kont niġbed il-filmati. Ħadt gost nara kemm jieħdu bis-serjetà x-xogħol tagħhom. Hemmhekk jisimgħu ħafna stejjer u kull ġurnata mhiex bħall-oħra. Veru xogħol interessanti u permezz tiegħu titgħallem ħafna dwar in-nies u dwar dak kollu li qed jiġri madwarek. Ma bsartx li hemm tant nies jaħdmu biex jagħmlu programm wieħed. Waqt din il-ġimgħa tkellimt ukoll ma’ Peppi. Minn dejjem kont nimmaġinah bħala bniedem li kapaċi jikkomunika ħafna għax kieku ma jagħmilx dak il-programm. Imma issa kelli ċ-ċans li nara kemm verament hu dħuli u jilqgħek.

    Tissuġġeriha din l-esperjenza tax-xogħol lil studenti oħra?

    Iva għax hija ġimgħa intensiva imma interessanti ħafna. Ikolli nerġa’ ngħaddi minnha, nagħmilha jien bil-qalb kollha. Issa naf aħjar xi tfisser li tmur għax-xogħol.

    INTERVISTA – STUDENTI:  DYLON TABONE – Student tal-Form 5 fil-Kulleġġ San Benedittu

    X’jidhirlek mis-suġġett tal-Career Studies?

    Huwa suġġett utli ħafna. Fih nitkellmu dwar jekk irridux inkomplu nistudjaw jew noħorġux naħdmu minn issa. Niddiskutu wkoll dwar x’tip ta’ xogħlijiet nistgħu nagħżlu wara l-Form 5.

    X’kienet il-preferenza tax-xogħol tiegħek?

    L-ewwel għażla tiegħi kienet il-midja. Minn dejjem xtaqt nesperjenza kif issir produzzjoni tat-TV. Ridt nipprova xi ħaġa differenti fil-ħajja.

    X’impressjoni ħallietlek din l-esperjenza?

    Kienet opportunità kbira għalija li mmur u nara l-ambjent ta’ produzzjoni tat-TV. Meta kont nara programm fuq it-TV kont naħseb illi dax-xogħol jinvolvi biss lil dawk li jkunu quddiem il-kamera u lil Dylon Tabonedawk li jkunu wara l-kameras.  Qatt ma bsart kemm jinvolvi aktar xogħol. Issa naf aħjar x’jiġifieri tibni programm. Hemm ħafna affarijiet li jridu jsiru fosthom li toqgħod iċċempel lill-udjenza biex tara li jkollok l-istudio mimli bin-nies. Mingħajr udjenza ma tagħmilx programm! Jiena kont qed naħdem mat-tims ta’ Ħadd Għalik u ta’ Deal or No Deal. Waqt din il-ġimgħa kelli l-opportunità li mmur mal-crew biex naħdmu l-programm ta’ Deal or No Deal. Qagħadt mal-floor manager u għentu f’dak li kien hemm bżonn fosthom ħadt ħsieb nagħmel il-kaxxi tal-programm f’posthom filwaqt li kelli nikkonferma illi kollha kienu ssiġillati sew. Irnexxieli nsib ftit ħin biex nkellem naqra lil kulħadd fosthom lil Peppi, lil Pablo u lil Angie. Ħadt pjaċir li sirt nafhom għax minn fuq it-TV kont naħseb li forsi jippretenduha. Issa li sirt nafhom, rajt li huma nies normali, bħalna. Ma jħossuhomx aħjar minnek għax jidhru fuq it-TV. Kienu preparati sew għalina l-istudenti u laqgħuna tajjeb ħafna. Jiena m’inix xi wieħed mistħi u malajr ningrana ma’ kulħadd. Nammetti li għall-ewwel kont ftit eċitat imma ma domtx biex integrajt ruħi mat-tim. Imqar jekk għall-ġimgħa biss, tant kont kuntent mal-Where’s Everybody, li lil sħabi għedtilhom illi l-WE hija l-futur tiegħi. Imma fir-realtà naraw il-quddiem x’jiġri.

    Tissuġġeriha din l-esperjenza tax-xogħol lil studenti oħra?

    Nissuġġeriha ħafna din l-esperjenza lil studenti oħra għax tiltaqa’ ma’ ħafna nies u titgħallem ħafna wkoll. Għalkemm jiena diġà għandi esperjenza ta’ xogħol peress li mmur ngħin lil missieri fuq il-monti, xorta waħda kienet utli għalija li nara kif ikun xogħol ieħor.

    INTERVISTA – STUDENTI:   TERRANCE BRIFFA Student tal-Form 5 fil-Kulleġġ San Benedittu

    X’jidhirlek mis-suġġett tal-Career Studies?

    Jgħinna ħafna nifhmu x’xogħol nixtiequ nagħmlu l-quddiem. Per eżempju din l-opportunità li kellna li naħdmu għal ġimgħa f’post li xtaqt jien, għenitni biex nifhem kemm hu aħjar li tibqa’ titgħallem biex finalment ikollok job bħal dan.

    X’kienet il-preferenza tax-xogħol tiegħek?

    L-ewwel preferenza tiegħi kienet il-midja għax togħġobni. Nemmen li tgħin ħafna biex wieħed ineħħi l-mistħija li jkollu. Nixtieq ħafna li l-quddiem naħdem f’dan il-qasam.

    X’impressjoni ħallietlek din l-esperjenza?

    Kont infurmat rigward il-qasam tal-medja imma ma bsartx li hemm dawk in-nies kollha biex jaħdmu programm wieħed! Jiena ħdimt mal-edituri u mat-tim ta’ Ħadd Għalik u ta’ Deal or No Deal. Ġejt Terrance Briffamilqugħ ħafna u mal-ewwel ħassejtni parti mill-grupp. Kelli l-opportunità li nagħmel ftit editing u kont nieħu ħsieb indaħħal l-informazzjoni fid-database. L-editing jogħġobni wisq. Dik li tara x-xogħol tiegħek għaddej waqt programm tagħtik sodisfazzjon kbir. Issa li sirt naf f’hiex jikkonsisti x-xogħol, inħossni nġbidt aktar lejn il-midja. U mbagħad mal-WE veru sibt ambjent sabiħ. Nies li tieħu pjaċir taħdem magħhom. Tkellimt naqra ma’ kulħadd fosthom ma’ Peppi. Ħadt ħjaċir nitkellem miegħu għax jgħid dak li jaħseb u għandu ħafna esperjenza fuq it-TV.

    Tissuġġeriha din l-esperjenza tax-xogħol lil studenti oħra?

    Bla dubju għax tgħin ħafna. Iddewqek ftit xi tfisser li tkun taħdem u tara kemm hu importanti li tibża’ għal xogħlok billi tagħti fih l-aħjar.

    —————————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: PEPPI AZZOPARDI – Preżentatur ta’ XarabankPeppi Azzopardi

    X’taħseb mis-suġġett tal-Career Studies?

    Naħseb li huwa iktar importanti mill-istudju nnifsu. Fuq kollox inħoss li l-istudenti m’għandhomx ikunu ippreparati għad-dinja tax-xogħol iżda mħarrġa biex jibdluha.

    Kif daħlet il-Where’s Everybody f’din is-sistema tal-work experience ta’ dawn l-istudenti?

    Saret talba u aħna mill-ewwel aċċettajna għax inħossu illi huwa d-dover tagħna li ngħinu f’inizzjattiva tajba bħal din.

    Taħseb li l-opportunita’ ta’ esperjenza fuq ix-xogħol ta’ din ix-xorta tgħin lill-istudenti?

    Tgħin ħafna. Kieku kellek tistaqsi lill-istudenti qabel u wara din l-esperjenza, tinduna bid-differenza.

    Kellek ċans titkellem mal-istudenti li ġew jaħdmu ġimgħa mal-Where’s Everybody? X’feedback tawk u x’impressjoni ħadt tagħhom?

    Kont nipprova nitkellem magħhom kuljum. Fil-bidu kienu qed jippruvaw jifhmu x’inhu dal-ġenn li naħdmu fih. Iżda wara ftit kienu diġà bdew isiru parti minna. Fil-fatt m’għandix dubju illi fil-ġranet li ġejjin dawn l-istudenti jerġgħu jiġu jżuruna, l-istess kif għamlu ta’ qabilhom.

    Taċċetta li terġa’ tagħti opportunita’ simili lill-aktar studenti d-darba li jmiss?

    Iva. Anzi nħares lejn dawn it-tip ta’ opportunitajiet bħala esperjenza kemm għall-istudenti u kif ukoll għalina għax minn għandhom aħna nitgħallmu wkoll.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-15 ta’ Marzu 2009)