• ID-DRAMA TOFFRILEK DINJA DIFFERENTI

    Illum il-produzzjonijiet tad-drama Maltin qed ifaqqsu minn kullimkien. Bosta individwi qed jingħataw l-opportunità li jidhru fuq it-TV. Imma fir-realtà kulħadd kapaċi jirreċta? Kemm huwa diffiċli biex tgħallem lit-tfal jirreċtaw? Id-drama talent li titwieled bih jew titgħallmu? Biex nieħdu r-risposti għal dawn il-mistoqsijiet, tkellimna ma’ Louise Doneo, attriċi magħrufa ħafna, li minn taħt idejha ħarġu uħud mill-aqwa atturi ġodda. Tkellimna wkoll ma’ Aymen Grech Pace li għalkemm għad għandu ħdax-il sena, diġà juri kemm jipprometti fil-qasam tad-drama. Ommu qaltilna illi Aymen qatt ma qal kelma… mill-ewwel beda b’sentenza. Tgħid ukoll li ħabbatha ħafna meta kien żgħir għax kien tifel imqareb mhux ħażin. Imma llum tħossha kburija ħafna bih għax jagħtiha sodisfazzjon kbir…

    INTERVISTA: LOUISE DONEO – Attriċi u Preżentatriċi

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn id-drama?

    Niftakar li fit-triq fejn konna noqogħdu meta kont żgħira kien hemm ħafna tfal fit-triq tagħna. Konna ninġabru xi ħmistax il-tifel u tifla u l-logħba preferita tagħna kienet li nagħmlu programm bejnietna. Louise Doneo Min kien ikanta, min jgħid xi ċajta, min jiżfen u min jirreċta. Kien ikollna anki l-ġurija li kienet tagħżel lir-rebbieħ. Il-premju kienet tkun xi biċċa ċikkulata jew xi ġugarell żgħir. Minn mindu kelli xi ħames snin niftakar kwazi dejjem kont nagħżel li nkanta jew nirreċta. Jiġifieri anki minn età tant żgħira, l-imħabba tiegħi lejn id-drama kienet evidenti. Anke ħuti l-oħra, kollha kellna tagħna b’xi mod jew ieħor. Ħija Joe spiċċa jaqra l-aħbarijiet, John hu attur u pittur, oħti Margaret tkanta u oħti l-kbira Miriam, alla jaħfrilha, kienet il-perċimes tal-bużullotti. Jiena kont għamilt żmien inkanta għax kienet ħajritni oħti Margaret. Tiskanta kif mumenti bħal dawn iqabbdulek rotta f’ħajtek bla ma taf. Fil-fatt, ftit snin ilu kien anke irnexxieli nħajjar l-ommi Rose tieħu sehem f’parti żgħira f’waħda mis-serje tagħna.

    Kif bdejt tgħallem id-drama?

    Nibda biex ngħidlek illi jiena ma nqisx lili nnifsi bħala għalliema tad-drama. Jiena għandi 20 sena esperjenza fid-drama u li nagħmel hu li ngħaddiha lil ħaddieħor. Jiena nemmen illi l-esperjenza tgħinek ħafna. Niftakar li oriġinarjament, la jiena u lanqas Mark ma kellna l-ħsieb li nħarrġu lin-nies fid-drama. Darba waħda, waqt li konna qed nattendu għal xi workshops għand Paul Testa, dan kien offrilna li neħdulu ħsieb xi klassijiet.  Aħna kellna diġà għaxar snin esperjenza fid-drama u ddeċidejna li naċċettaw. Hekk beda kollox.

    Issibha diffiċli biex tgħallem id-drama lit-tfal?

    Mhux daqshekk. It-tfal trid tkun taf kif tinżel għal-livell tagħhom. L-iktar diffiċli huma ż-żgħar nett, dawk ta’ erbgħa, ħames snin għax tkun trid tara li qed iżżommhom interessati u okkupati l-ħin kollu. Ma’ dawn l-etajiet ma’ tistax tagħmel lezzjoni titkellem il-ħin kollu għax inkella jiddejqu u titlifhom. Importanti li l-workshops tagħmilhom f’forma ta’ logħob. B’hekk inti xorta tieħu dak li trid minnhom u tkun tista’ tara l-abbiltajiet tagħhom filwaqt li huma jkunu qed jieħdu pjaċir. Jiena d-dwejjaq tiegħi meta nara tfal li jiġu għal-lezzjonijiet għax huma sfurzati mill-ġenituri. It-tfal waħedhom juruk. Id-drama hija vokazzjoni anke f’eta’ żgħira u jkun hemm min jurik li ma jkunx interessat. Il-libertà f’dan il-każ, mhux bħal f’suġġetti akkademiċi, għandha tingħata prijorita’.

    Minn liema età tista’ tibda tgħallem id-drama lit-tfal?

    Fil-verita’ m’hemmx eta’ ta’ meta għandhom jibdew jitgħallmu.  It-tfal huma kollha differenti fil-maturita’ tagħhom. Il-klassijiet tiegħi nibdihom minn erbgħa snin ‘il fuq. Ovvjament tkun trid tagħmel il-lezzjonijiet skont il-livell tat-tfal li jkollok fil-klassi. Ta’ età daqshekk tenera nibdew bil-logħob u bil-fantasija. Naqra naqra t-tfal jidraw u juruk humiex maqtugħin għal dan il-qasam.

    Fhiex jikkonsisti t-tagħlim tad-drama lit-tfal?

    Jiena nħarreġ lit-tfal għal quddiem il-kameras. Imma l-għan tal-lezzjonijiet mhux biss it-tagħlim tad-drama. Id-drama minnha nfiha tagħtik kunfidenza u stima tiegħek innifsek. Meta inti tara lilek innifsek fuq il-kamera, tkun tista’ tara kif tidher u b’hekk tkun tista’ tiġġudika lilek innifsek biex darb’oħra taħdem aħjar. Għall-ewwel il-kamera taħsdek xi ftit. Imma mbagħad meta tidraha, titgħallem ma tibqax daqshekk konxja, la tagħha u lanqas tiegħek innifsek. Id-drama tgħinek tkisser il-qoxra u toħroġ minnha. Jiġu ċertu tfal li veru jkunu jistħu fil-bidu. Imbagħad, anki peress li jagħmlu kuraġġ permezz ta’ sħabhom l-oħra, tarahom jinbidlu u jsiru aktar kunfidenti. Xi ħaġa li tagħtini ħafna pjaċir. Fil-workshops nipprepara wkoll lit-tfal għal xi intervisti jew auditons li jistgħu jsejħulhom għalihom.

    X’inhu l-iskop ta’ dawn il-lezzjonijiet?

    Li jekk hemm talent fit-tfal, nagħrfu u ngħinhom joħorġuh permezz tal-esperjenza li għandi jien. Jiena nogħxa fuq it-talent. Fil-fatt meta nara t-talent, qalbi togħkorni biex dak kollu li naf ngħaddih lilhom biex imbagħad narahom jagħmlu xi ħaġa tajba mit-taħriġ li jieħdu.

    Kulħadd huwa kapaċi jirreċta?

    Meta t-tfal jagħmlu tabirruħħom li jħossuhom ma jifilħux biex ma jmorrux l-iskola, jirreċtaw ikunu qegħdin.  Il-ħajja soċjali tagħna ġġiegħlna nġibu ruħna b’modi differenti anke bħala adulti. Innota kif inġibu ruħna fuq il-post tax-xogħol. Kif inġibu ruħna meta nitkellmu mal-imgħallem jew meta nitkellmu bejnietna l-ħaddiema? L-istess bħal meta nitkellmu fl-ambjent tad-dar? Le. Naddattaw. Jiġifieri xi ftit jew wisq, kulħadd jaf jirreċta.  Imma d-differenza qegħdha li mhux kulħadd kapaċi li jiġi emmnut. Min jiġi emmnut ikun kapaċi jirreċta. Issa mbagħad hemm pass ieħor; min hu kapaċi jirreċta irid jasal biex jinża’ l-karattru tiegħu u jilbes ieħor. Bil-lezzjonijiet tad-drama, tagħraf intix kapaċi tagħmel dan. Hemm ukoll il-fatt li mhux kulħadd kapaċi jinterpreta karattri ta’ tip differenti. Issib persuni li jibbrillaw bħala ċertu tip ta’ karattru. Imma mbagħad isibuha diffiċli ħafna biex jinterpretaw karattri varji.

    Kemm hi importanti d-drama fil-ħajja tat-tfal? Temmen li das-suġġett għandu jsib ruħu fil-kurrikulu tal-iskola?

    Apparti li tagħmlek aktar kunfidenti, id-drama tgħallmek tkun aktar kreattiv. Biex inti toħloq karattru differenti minnek, bilfors trid tkun kreattiv. Naturalment imbagħad, dan jiġi rifless f’dak kollu li tagħmel u daqshekk ieħor fis-suġġetti l-oħra tal-iskola. L-importanti huwa illi t-tfal ikunu jħobbu d-drama u mhux il-ġenituri li jkunu qed jimbuttawhom sabiex jarawhom fuq it-tv. Biex tifhem jekk inti tħobbx id-drama jew le, trid tistaqsi lilek innifsek “Inħobbha l-fantasija? Nieħu pjaċir nirreċta? Nieħu pjaċir nagħmel karattru li mhux tiegħi?” Minn hemm trid tibda.

    L-ewwel nett għax jgħinhom jagħmlu attività u mhux dejjem bil-qiegħda jiktbu fil-klassi. Barra minn hekk, il-benefiċċji li toffri d-drama lit-tfal huma tant varji u fl-istess ħin sottili li żgur li t-tfal ser fil-futur tagħhom. Jikbru persuni aħjar. Żgur.

    X’issib l-aktar diffiċli – li tgħallem id-drama lit-tfal jew lill-kbar?

    L-aktar diffiċli huma t-tfal għax ibatu ħafna bil-burdati. Barra minn hekk, mhux dejjem ikunu qed jifhmuk. Trid toqgħod attenta ħafna aktar magħhom. Huma ħafna aktar sensittivi mill-kbar. Trid tkun ċerta li timxi ma’ kulħadd b’mod ġust għax jaħsbuk li qed tippreferi lil xi ħadd minnhom. Trid toqgħod moħħok hemm il-ħin kollu biex tara li qed jirċievu l-messaġġ sew u li mhux qed jifhmuk ħażin. It-tfal jixorbu ħafna dettalji u allura trid toqgħod b’sebgħa għajnejn x’tgħidilhom. Jien inħobb inqis ruħi daqs li kieku kont ommhom, oħthom jew l-akbar ħabiba tagħhom. Dik ir-relazzjoni nħobb li jkolli magħhom. B’hekk huma jkunu aktar komdi miegħi u jkunu jistgħu jesprimu ruħhom b’aktar faċilità.

    Xi tkun ir-reazzjoni tiegħek meta tara tfal li ħarriġt inti, jirnexxu?

    Inħoss sodisfazzjon kbir! Ngħid dak jien rawwimtu.  Meta ċertu tfal li jiġu jitgħallmu għandi, jmorru għal xi auditions u jintagħżlu, nħossni kburija ħafna bihom. Lil uħud minnhom saħansitra nurihom x’għandhom jagħmlu biex jibnu dik il-parti bl-aħjar mod. Apparti li nemmen li hu dmir tiegħi li ngħin, jiena norbot qalbi ħafna mat-tfal li ngħallem. Nieħu pjaċir li nkun għent biex dawn it-tfal jilħqu għan u li nkun għamilt differenza f’ħajjithom.

    —————————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: AYMEN GRECH PACE – Student tad-drama u personalità tat-TV

    Kif bdejt tinteressa ruħek fid-drama?

    Id-drama minn dejjem kont inħobbha. Ommi tħobb tirrakkonta kemm kienet tiġri bija ġol-pushchair biex tikrili l-videos għax il-films kienu jogħġbuni ħafna. Allavolja kont żgħir, kont inkun naf liema Aymen Grech Pacevideos naqsu minn fuq l-ixkaffa tal-ħanut, tant kemm kont inħobb nosserva x’films kien hemm. Il-cartoons qatt ma kont insegwihom għax kont nippreferi l-films tal-azzjoni. Meta kelli ħames snin, ommi rat avviż fuq il-gazzetta li kienu qed isiru lezzjonijiet għat-tfal li xtaqu jitgħallmu d-drama għal fuq il-palk u kont mort. Kont anki ħadt sehem fi play fuq il-palk. Imma għalkemm kont nieħu pjaċir hemmhekk, ma kontx inħossni sodisfatt għal kollox. Kont inħoss li nixtieq xi ħaġa aktar. Darba ommi iltaqgħet ma’ Louise Doneo u staqsietha jekk tgħallimx id-drama. Dak iż-żmien Mark Doneo kien wieħed mill-aktar atturi li kont inħobb. Ix-xogħol tiegħu kont insegwih ħafna. Mort għal-lezzjonijiet tad-drama għand Louise u xi xhur wara kienu saru l-auditions għall-programm Esperti. Jiena mort għall-auditions u ntagħżilt flimkien ma’ xi tfal oħra. Dak inhar żvolġa Aymen. Minn hemm beda kollox.

    Xi tfisser għalik id-drama?

    Id-drama tgħini ngħix minn dinja għall-oħra. Tagħtini l-opportunità li ngħix id-dinja ta’ ħaddieħor billi ninterpreta karattri differenti minni nnifsi. Inħossha tgħini nifhem kif jaħsbuha nies oħra differenti minni. Id-drama tagħtini wkoll ħafna ferħ u entużjażmu. Ilni nitgħallem id-drama sitt snin u għadni nitħarreġ anki s’issa. Id-drama għalija hija kollox. Nixtieq li nibqa’ nagħti pjaċir lin-nies bit-talent tiegħi sal-inqas nifs ta’ ħajti għax inħoss sodisfazzjon kbir meta nara n-nies bi tbissima fuq fommhom.

    X’inbidel fik kemm ilek titħarreġ fid-drama?

    Minn dejjem kont bniedem dħuli imma issa sirt naf aktar immur man-nies. Issa li jiena qiegħed f’dan il-qasam, meta nara film ma narax biss l-istorja imma ninnota ħafna affarijiet oħrajn. Noqgħod niġġudika per eżempju l-movimenti tal-atturi, l-espressjonijiet ta’ wiċċhom, ir-reċtar tagħhom, il-leħen li jużaw eċċ. Id-drama tgħallmek mhux tara film u daqshekk imma li tistudjah sewwa ħalli titgħallem minnu.

    Jirnexxielek tlaħħaq mad-drama u mal-istudju?

    Kultant insibha naqra diffiċli għax kollox jieħu l-ħin tiegħu. Biex inlaħħaq, ġieli jkolli nagħmel ix-xogħol tal-iskola u l-istudju tard fil-għaxija.

    Illum inti wieħed mill-personaġġi tat-TV. X’inhi r-reazzjoni tiegħek għal dan? U x’inhi r-reazzjoni tal-oħrajn lejk?

    Minn meta bdejt nidher fuq it-tv tgħallimt x’inhi l-ħajja. Issib min iħobbok ħafna imma ssib anki bil-kuntrarju. Hemm min saħansitra joqgħod jgħoddli kemm il-darba nidher waqt xi programm partikolari biex jiċċekkjaw inix niġi preferut minn xi tfal oħra! Jinbidlu ħafna affarijiet meta tibda tidher fuq it-tv. L-ewwel nett in-nies jibdew jagħrfuk u jwaqqfuk fit-triq. Nammetti li din li nidher fuq it-tv u nsir popolari kienet ħolma tiegħi li saret realtà. Xorta waħda ma kontx nobsor illi r-rispons tan-nies ser tkun daqshekk. Xi ħaġa sabiħa ħafna li tara l-apprezzament u nirringrazzja lil kull min jifraħli u jagħtini l-appoġġ. Kultant issib naqra lil min jesaġera imma dik parti minn dan l-ambjent.

    Hemm xi parti li tixtieq taħdem fuq it-TV?

    Jiena bniedem ċajtier u nħobb indaħħak ħafna. Fil-fatt fil-klassi jafuni bħal Aymen il-joker. Imma jiena nixtieq nuri li kapaċi nirreċta karattru differenti għal kollox minni għax hemm toħroġ il-vera kapaċità tiegħek. Dik hija l-ħolma tiegħi: li naħdem parti ta’ tifel li għandu karattru għal kollox differenti minn dak li għandi jien.

    Aymen fuq it-TV huwa differenti minn Aymen ta’ kuljum?

    Ngħid għalija meta nara lili nnifsi fuq it-tv, narani differenti ħafna: leħni, kif nitkellem, l-imġieba. Inħossni kburi b’dak li nagħmel imma nikkritika ħafna lili nnifsi wkoll. Ommi dejjem tgħallimni biex ma nħalli rasi tikbirli qatt u biex inżomm dejjem saqajja mal-art. Ta’ dan jien nixtieq nirringrazzjaha speċjalment ukoll għall-paċenzja li tieħu bija u għall-imħabba u l-inkoraġġiment kontinwu tagħha. Nirringrazzja wkoll lil kull min għeni biex nasal fejn wasalt, speċjalment lil Mark u Louise Doneo. Naf li għadni żgħir u li għadni nibda u li baqagħli ħafna x’nitgħallem. Imma naf ukoll li jien deċiż li nixtieq inkompli f’dan il-qasam għax permezz ta’ dan it-talent li għandi irrid li noħloq tbissima jew ftit ferħ lil kull min ikun qed isegwini. Kulħadd ikollu d-diżappunti imma meta tieħu l-ħajja b’mod pożittiv, tgħix ħafna aħjar. Dan hu l-motto tiegħi.

    X’parir tagħti lil dawk it-tfal li jħossuhom imħajjra li jitgħallmu d-drama imma għadhom mhux deċiżi?

    Id-drama tgħallmuha għax tgħinkhom issiru bnedmin aktar kunfidenti. Tneħħi l-mistħija għal kollox. Naf tfal li biex jimxu kienu jħarsu lejn l-art. Imbagħad marru jitgħallmu d-drama u ma baqgħu jistħu minn xejn iktar. Permezz tad-drama titgħallem kif għandek iġġib ruħek, kif taħdem fi grupp u kif tkun persuna aħjar. Tgħinek tgħix f’dinja differenti. Nixtieq li xi darba nara lit-tfal kollha Maltin u Għawdxin jitgħallmu d-drama ħalli jaraw il-ġmiel li toffri.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 t’April 2009)