• WE ARE THE CHAMPIONS!

    Il-ġimgħa li għaddiet f’pajjiżna saru t-tiġrijiet tal-Powerboats P1. Il-battalja kienet qalila għax f’dawn il-kampjonati jieħdu sehem biss l-aqwa nies professjonali. Fost ir-rebbieħa tas-Super Sport Class kien hemm żewġ Maltin… żewġt aħwa – Aaron Ciantar li ġie fl-ewwel post u Audrien Ciantar li ġiet it-tielet. Iddeċidejt li niltaqa’ magħhom. Xtaqt nara aħjar min huma u x’kien is-sigriet wara dan is-suċċess kbir tagħhom… Iltqajt ukoll ma’ Teddie Borg illi jifforma parti mill-organizzazzjoni tal-Malta Powerboat Federation. Dan stqarr miegħi illi ma teżistix emozzjoni isbaħ milli meta tara lill-Maltin telgħin fuq il-podium bil-bandiera Maltija mdawwra m’għonqhom. “Kif jibda jindaqq l-Innu Malti u nara lil Malta onorata għax għelbet il-qawwa ta’ pajjiżi oħra… għalija dik l-aħħar tad-dinja. Ma tistax ma titqanqalx.”

    INTERVISTA: AARON CIANTAR – World Champion 2008 –Powerboat P1 Super Sport Class

    Kif bdejt f’dan l-isport?

    Niftakar li fl-2004, missieri siefer l-Italja biex jara tiġrija u sar jaf li l-Powerboats P1 kienet ġejja Malta. Huwa mill-ewwel tħajjar sabiex nipparteċipaw imma min kien qiegħed jorganizza lill-Maltin qalilna Aaron Ciantar (xellug)li ma stajnix nidħlu għax il-kompetizzjoni kienet għall-barranin biss. Jista’ jkun illi peress illi kienet ser issir f’Malta għall-ewwel darba, l-organizzaturi Maltin ma kienux għadhom intiżi sewwa mar-regoli. Iżda aħna ma qtajnix qalbna u kkuntattjajna lil Massimo Lippi, wieħed mill-organizzaturi Taljani tal-P1. Dan qalilna li stajna nidħlu bħala wild card.  B’wild card tkun tista’ tieħu sehem qisek bi prova u ma tkunx qed tipparteċipa fil-kampjonat kollu. Punti ma tieħux u tirbaħ biss f’dik it-tiġrija li ttellaq fiha. Imma b’hekk idduq ftit xi jfisser tipparteċipa bit-tama li tibda minn hemm. F’dik is-sena, minn ħames tiġrijiet aħna ħadna sehem fi tlieta u ġejna t-tieni mal-ewwel darba li qatt ipparteċipajna. Oriġinarjament l-għan tagħna kien li nipparteċipaw darba biss. Imma peress li aħna nibnu d-dgħajjes, meta morna daqshekk tajjeb, iddeċidejna li nerġgħu nidħlu biex hekk jew hekk nagħmlu riklam għad-dgħajjes tagħna u għall-kumpannija stess. Sena wara dħalna għall-kampjonat sħiħ u konna ġejna finali fit-tielet post. Dejjem tlajna fuq il-podium dik is-sena u jiena kont anki rbaħt ir-Rookie of the Year Award li tingħata lil dak ix-xufier li jkun daħal għall-ewwel darba u għamel suċċess mill-ewwel.

    Kemm ilkhom taħdmu l-powerboats?

    Aħna ilna nagħmlu d-dgħajjes mill-1998. Nagħmlu dgħajjes oħra imma minn dejjem konna ibbażati fuq il-powerboats. Jiena ilni minn mindu kont żgħir naħdem mal-familja tiegħi. Illum għandi 29 sena. Id-dgħajjes kienu f’ħajti minn dejjem. Sal-2004 il-powerboats li konna nagħmlu kienu dawk tat-33 pied bħal dik li dħalna biha l-ewwel darba. Imma mbagħad bdejna ntejjbu l-kwalità u bnejna dgħajsa ta’ 41 pied għas-Super Sport biex tkun aktar kompetittiva u diġa’ rbaħna darbtejn il-kampjonat biha. Fl-2007 u fl-2008 irbaħna bid-dgħajsa li kienet ta’ Angelo Tedeschi li huwa sid Taljan. Dis-sena rbaħna bid-dgħajsa ta’ sid mill-Ukranja. Illum għandna tnejn minn dawn id-dgħajjes jieħdu sehem fil-kampjonat.

    Kemm iddum biex tinbena powerboat?

    Daqs tlett xhur, erbgħa, jekk taħdem fuqha il-ħin kollu.

    X’taħriġ hemm bżonn biex tipparteċipa f’tiġrijiet bħal dawn?

    Malli nlestu xi dgħajsa aħna mmorru nippruvawha biex nikkonfermaw li din tiffunzjona kif suppost. Matul is-sena kollha jiena noħroġ b’dawn id-dgħajjes biex niċċekkjahom. Ma noqgħodx insuq id-dgħajsa bħala taħriġ. Il-kapaċità li ssuq dawk it-tip ta’ dgħajjes tkun ġo fik. F’dan il-qasam huwa inutli li toqgħod titħarreġ waħdek għax waqt tiġrija l-istorja hija għal kollox differenti. Hemmhekk biss tista’ toħroġ il-ħila tiegħek.

    F’pajjiżna jeżisti interess f’dan l-isport?

    Kemm ilha teżisti l-P1 sena wara sena dejjem qed jiżdied l-interess. Dis-sena bqajna impressjonati bl-interess li kien hemm speċjalment peress li t-temp ippermetta wkoll. Ħadna gost illi anki min-naħa tal-gvern Malti rajna ċertu interess ukoll. Minn mindu rbaħna l-kampjonat donnhom qed jinteressaw ftit ruhhom fina.

    X’inhu s-sodisfazzjon ta’ dan l-isport?

    Meta nirbaħ għalija s-sodisfazzjon ikun doppju. L-ewwel nett għax nirbaħ bħala xufier imma iktar u iktar għax tirbaħ il-kumpanija tagħna għax id-dgħajsa nkunu bnejniha aħna. Nagħtu każ is-sena li għaddiet iktar ħadt pjaċir għax irbaħna il-Best Boat Manufacturer milli għax irbaħt bħala xufier. Dan l-Award ħadnih sentejn wara xulxin fl-2007 u fl-2008 u konna qed nikkompetu mal-aqwa kumpanniji barranin. Tkun kuntent li tara r-rikonoxximent wara dak ix-xogħol li tkun ħadt fuq id-dgħajsa.

    X’inhuma d-diżappunti u l-perikli ta’ dan l-isport?

    Id-diżappunti tiegħi mhux jekk nitlef ghax jgħadduni imma li kieku kellha tinqala’ l-ħsara fid-dgħajsa. S’issa bic-Chaudron 41 f’dawn l-aħħar tlett snin qatt ma kellna ħsara għax aħna dejjem ħadna l-prekawzjonijiet kollha li kien hemm bżonn biex nevitaw ħsarat waqt it-tiġrija. Periklu jeżisti bħal f’kull sport. Imma jien ma narax xi periklu partikolari. Per eżempju nhar is-Sibt li għadda ħbatna ma dgħajsa oħra, imma t-tnejn li aħna bqajna sejrin u komplejna bit-tiġrija. Aħna nagħtu importanza massima lis-sigurtà tagħna. Nilbsu l-helmets, il-life jackets u dejjem nintrabtu bl-engine cut-outs ħalli jekk xi ħadd minna jinbeżaq il-barra mid-dgħajsa, il-magni jieqfu immedjatament.

    Taħseb li pajjiżna jgawdi mill-organizzazzjoni ta’ attivitajiet bħal dawn?

    M’għandix dubju li pajjiżna jgawdi ħafna minn attivitajiet bħal dawn. Biex nagħtik eżempju wieħed, it-tim mill-Ukranja li kellu d-dgħajsa tagħna, ġab miegħu diversi supporters u ġurnalisti. Kienu 80 b’kollox u kollha qagħdu ġewwa lukanda lussuża f’Malta u nefqu balla liri. Krew ukoll xi dgħajjes oħra privati. Nies bħal dawn iġibu kummerċ kbir ghal Malta. Issa dan qed ngħidlek x’għamel tim wieħed. B’kollox kien hemm ħmistax-il tim.

    X’inhi l-akbar ħolma tiegħek?

    Waħda mill-akbar ħolmiet tiegħi seħħet diġà – meta ġejt iddikkjarat bħala c-champion tad-dinja tal-P1 Super Sport Class. Ovvjament dis-sena nixtieq nirbaħ dan il-kampjonat. Peró għas-sena d-dieħla għandi mira akbar – dik li nkun champion tad-dinja tal-klassi l-kbira  – dik tal-Evolution.

    X’inhi d-differenza bejn il-klassi Super Sport u dik tal-Evolution?

    Hemm diversi differenzi bejniethom: ngħidu aħna fis-Super Sport tista’ tixtri dgħajsa u tipparteċipa biha mentri fl-Evolution d-dgħajsa tista’ tkun prototype; jiġifieri mibnija apposta għat-tiġrija. Differenza oħra hija fil-veloċità: fis-Super Sport hemm limitu fuq il-velocitá (il-massimu huwa 85km/fis-siegħa). Fl-Evolution tista’ ttella’ veloċita kemm trid (bejn wieħed u ieħor jaslu sa xi 110km/fis-siegħa). Il-veloċitá ġġib magħha riskji differenti. Dan ifisser li fis-Super Sport tista’ tuża’ dgħajsa miftuħa (open canopy) filwaqt illi fl-Evolution d-dgħajsa trid tkun magħluqa (closed canopy) ħalli ma jkunx hemm l-irjus barra tas-sewwieqa u b’hekk jitnaqqas il-periklu.

    Kif tħossok tikkompeti ma’ oħtok stess? Teżisti rivalita’?

    Oħti qed tikkompeti bid-dgħajsa li rbaħna c-championship biha s-sena li għaddiet. M’għandix dubju illi matul il-kampjonat ser jagħtuna hard-time għax id-dgħajsa nafu li hija tajba u jekk isuquha sewwa…. Imma nsomma aħjar tirbaħli hi milli jirbaħli ħaddieħor.

    X’inhu s-sigriet wara s-suċċess tiegħek?

    Wieħed mis-sigrieti tiegħi huwa illi jiena nsuq id-dgħajsa li bnejt jien stess. Ftit hemm piloti li jistgħu jagħmlu dan. Fil-fatt uħud mill-piloti kif ikollhom problema teknika ma jkunux jafu kif ser isolvuha. Barra minn hekk maż-żmien titgħallem tibni d-dgħajsa biex taqdik bl-aħjar mod. Ma nafx kif ser naqbad nispjegalek… Id-dgħajsa ssir letteralment parti minnek u dak huwa vantaġġ kbir li mhux kulħadd jista’ jkollu.

    ——————————————————————————————————————————

    INTERVISTA: AUDRIEN CIANTAR – Throttle – Powerboat P1 Super Sport Class

    X’ħajrek għal dan l-isport?

    L-ewwel nett jiena minn dejjem kont imdorrija f’dan l-ambjent peress li l-familja tiegħi tibni d-dgħajjes. Niftakar li meta konna żgħar, jiena u ħuti kif konna naraw xi tiġrija tad-dgħajjes fuq it-TV, konna nitilqu niġru biex narawha. Meta konna nsiefru, missieri kellu d-drawwa jeħodna naraw xi boat show għax ovvjament kien jinteressana nkunu nafu x’qed jiġri f’dan il-qasam minħabba x-xogħol tagħna. U b’hekk ftit ftit dan l-isport isir parti minnek.

    Kienet diffiċli bħala mara illi ssib postok f’dan l-isport? Jeżistu żvantaġġi għax tkun mara?

    Le qatt ma sibt problema għax jien mara. Anzi il-fatt li jiena mara, aktar tinġibed attenzjoni fuqi. Il-ġurnalisti veru jfissduna u jagħtuna importanza. Għax ovvjament l-attenzjoni dejjem tinġibed fuq dak li mhux tas-soltu. U speċjalment meta ġġib riżultati tajbin waqt it-tiġrija u tkun fost dawk l-irġiel kollha, tara lil kulħadd ġej ikellmek u jifraħlek. Fil-familja tiegħi missieri qatt ma qatgħali qalbi. Anzi dejjem għamilli ħafna kuraġġ u għenni. Ikolli ngħid illi jiena u ħija, wasalna fejn wasalna, bis-saħħa tiegħu.

    Jiena kont l-ewwel mara li ħadt sehem fil-Powerboat P1 meta kont intellaq flimkien ma’ ħija. Din is-sena qed nerġa’ nikser rekord ieħor għax qegħdha nipparteċipa fl-ewwel tim ta’ nisa li qed itellqu f’dawn it-tiġrijiet għall-ewwel darba. Bħalissa jiena għandi t-throttle, jiġifieri f’idejja għandi l-gas tad-dgħajsa. F’dan l-isport ma jeżistux żvantaġġi għax jiena mara. Anzi bil-kontra. Ifhem… mhux ser iċeduli waqt it-tiġrija għax jarawni mara taf? Fil-fatt wara t-tellieqa jiġu u jgħiduli kemm tajthom hard time.

    X’inhuma s-sodisfazzjon u d-diżappunti ta’ dan l-isport?

    L-ewwelnett hemm is-sodisfazzjon kbir li qed insuq dgħajsa tagħna stess – ic-Chaudron. Min-naħa l-oħra, meta taf li qed tikkompeti mal-aqwa nies professjonali u tasal anki biex tirbaħ, il-pjaċir ikun ħafna akbar.

    Diżappunt partikolari din is-sena kienet il-problema tal-isponsors. Biex tidħol għal kampjonati bħal dawn l-ispejjeż huma kbar. Kampjonat jiswa madwar 70 elf ewro biex inti tkun qiegħed tajjeb. L-ewwel Audrien Ciantar20 elf ewro biss biss tonfoqhom biex tikkompeti. Imbagħad hemm l-ispejjeż biex jinġarru d-dgħajjes minn pajjiż għall-ieħor skont fejn ser issir it-tiġrija li jmiss. Kellna sapport mhux ma kellniex. Imma min-naħa tal-gvern konna qed nistennew xi ftit tal-għajnuna speċjalment meta qed nagħmlu isem tant tajjeb għal Malta. Lil ħija per eżempju sponsorjawh mill-Ukranja. U jiena sibt xi sponsors imma żgur mhux biżżejjed biex jiġu koperti l-ispejjeż kollha involuti. Dan huwa sport għali ħafna. Ovvjament għalhekk huwa importanti ħafna li tirbaħ għax b’hekk forsi tiġbor lura xi ftit minn dak li tkun ħriġt. Nittama li issa li qed jaraw il-kapaċità tagħna, s-sena d-dieħla jkun hemm min jitħajjar jgħinna aktar.

    Taħseb li dan hu sport perikoluż?

    Fir-rigward tal-perikli, nibda biex ngħid illi billi tkun kapaċi ssuq dgħajsa ma jfissirx li kapaċi ssuq anki powerboat. Trid ħafna aktar attenzjoni u esperjenza fuq il-baħar. Minħabba l-veloċità li tkun għaddejja biha trid toqgħod ħafna aktar attenta għad-dgħajjes li jkunu għaddejjin madwarek. Il-baħar imqalleb, ir-rimi tad-dgħajjes stess… dan kollu jżid fid-diffikultà tal-immaniġġjar tad-dgħajsa. Mhux talli… kultant meta l-baħar ikun sabiħ, aktar ikollok ċans li ddurlek id-dgħajsa u tinbaram. L-isport fih il-periklu tiegħu. Inċidenti jsiru kif fil-fatt saru waqt it-tiġrijiet tal-weekend li għadda. Irid ikollok moħħok hemm il-ħin kollu biex la tweġġa’ inti u lanqas tweġġa’ lil ħaddieħor. Hekk jew hekk l-għan finali ta’ dan l-isport huwa li tieħu pjaċir issuq u li tagħti pjaċir lil dawk li jkunu qed jarawk.

    X’ifisser għalik is-suċċess li kellek f’din il-Grand Prix?

    Ifisser ħafna għalija. L-ewwel nett għadna fil-bidu tal-kampjonat u l-fatt li morna tajjeb u diġà ġejna t-tielet f’din it-tiġrija, jagħmillek ħafna kuraġġ biex tkompli l-bqija tal-kampjonat b’aktar saħħa. Unur kbir għalija. Kuntenta ħafna.

    Kif tħossok tikkompeti ma’ ħuk? Teżisti rivalita?

    Jiena nixtieq niġi l-ewwel imma mhux biex naqbeż lil ħija. Jekk jirbaħ hu għalija tajjeb ukoll. Hu għandu ħafna aktar esperjenza minni.

    X’inhi l-akbar ħolma tiegħek?

    Li nsir champion tad-dinja bħal ħija. Naf li diffiċli imma nipprova.

    X’inhu s-sigriet wara s-suċċess tiegħek?

    Naħseb il-kuraġġ u d-determinazzjoni tiegħi jgħinuni ħafna. Barra minn hekk hemm ukoll il-fatt li qed naħdem bi prodott tiegħi stess u kif jgħidu, min iħawwad fil-borma jkun jaf x’fiha. Nemmen ħafna fl-istabbiltà, fil-kwalità u fil-kompetittività tad-dgħajsa. Dawn kollha flimkien jagħmlu s-suċċess tiegħi.

    Il-battalja ħarxa għax il-parteċipanti kollha tajbin.

    —————————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: TEDDIE BORG – Chairman tal-Ġurija tal-Kampjonat Powerboat P1 u President tal-Malta Powerboats Federation

    X’inhuma l-għanijiet prinċipali tal-Malta Powerboat Federation?

    Il-kompitu tal-Malta Powerboat Federation huwa illi nsaħħu dan l-isport għal żewġ raġunijiet: waħda biex dawk id-dilettanti tal-powerboats jitgħallmu jsuqu skont ir-regolamenti u t-tieni sabiex nidħlu f’dawn il-kampjonati dinjin u nagħmlu suċċess u isem kemm għal min jirbaħ kif ukoll għal pajjiżna.

    Taħseb li pajjiżna jgawdi mill-organizzazzjoni ta’ attivitajiet bħal dawn?

    Bla dubju! Pajjiżna jgawdi kemm mill-isport innifsu u kif ukoll mil-lat ekonomiku fejn jidħol it-turiżmu. B’attivitajiet bħal dawn, Malta tiggwadanja ħafna pubbliċità speċjalment permezz tal-ġurnalisti li Teddie Borgjiġu jsegwu t-tiġrijiet. Waqt dan il-weekend kien hawn mal-25 ġurnalist barrani. Kull wieħed minnhom jikteb dwar it-tlielaq u dwar Malta nnifisha. Bħalissa l-ħin kollu nirċievu r-rivisti minn madwar id-dinja kollha: magazins tal-yachting u gazzetti tal-isport li jaslu mill-Amerika sa l-Ewropa u kollha mimlijin ritratti ta’ Malta. Dan apparti l-filmati kontinwi li kienu qed jidhru fostom fuq ic-CNN, il-Eurosport, ir-Rai u l-BBC. U dan kollu mingħajr ma pajjiżna qed joħrog sold!  Il-pubbliċità li jakkwista pajjiżna hija fenomenali.

    Kemm taħseb illi Malta hija ideali għall-kompetizzjonijiet bħal dawn?

    Malta lanqas tista’ tkun aħjar. Il-fatt li Malta intagħżlet sitt darbiet wara xulxin, ukoll jurik kemm pajjiżna huwa ideali għall-kompetizzjonijiet bħal dawn. F’Malta għandna l-aktar baħar sabiħ li hawn fil-Mediterran, il-Port il-Kbir m’hawnx port isbaħ minnu fid-dinja u l-ospitalita’ tagħna l-Maltin ħadd ma jirbħilha. Ara kemm… Charlie Ciantar, missier Aaron, isewwi l-ħsarat li jinqalgħu fil-powerboats l-oħra meta dawn ser jikkompetu ma’ wliedu. Fejn tara spirtu bħal dan x’imkien fid-dinja?

    Tħossok sodisfatt bl-organizzazzjoni u bl-attendenza tal-Powerboats P1 ta’ dis-sena li saret f’pajjiżna?

    Bl-attendenza sodisfatti ħafna u mill-organizzazzjoni ta’ din l-attività wkoll. Kull organizzazzjoni fiha d-difetti tagħha. Fil-fatt, wara li jgħaddi kollox, aħna dejjem niltaqgħu u naraw x’nistgħu intejjbu. Madanakollu wara li għaddejna tlett ijiem sħaħ, saqajna ma’ daharna naħdmu fuq magni, dgħajjes, mekkaniks, trakkijiet u sigurtà, nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem illi kien hemm organizzazzjoni qawwija u tajba ferm. L-ispejjeż kienu kbar imma l-management kien qawwi u s-sigurtà eċċelenti. Il-kwalità tas-sigurtà kienet evidenti ferm meta nqalgħu xi inċidenti bħal dak ta’ nhar il-Ġimgħa meta d-dgħajsa tat-Taljani nqallbet ta’ taħt fuq għal tlett darbiet u tfarrket biċċiet. L-għaddasa Maltin niżlu fil-pront għas-sewwieqa u meta ttellgħu dawn ittieħdu l-isptar bl-aktar mod professjonali. Nemmnu ħafna fis-serjetà u l-professjonalità tal-organizzazzjoni għax b’hekk nikbru fl-istima ta’ kulħadd.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-17 ta’ Mejju 2009)