• TRID TIPPARTEĊIPA FI PROĠETT XJENTIFIKU?

    Kull ma jmur qed insiru dinja waħda. Dak li jsir f’pajjiż, jeffettwa pajjiż ieħor. M’għadnix nistgħu ngħidu dan tiegħi u dak tiegħek u ma jimpurtanix minnu. Kull ħsara li Operation Delphis Flagssir, f’xi żmien jew ieħor, tiġi lura wara bieb dak li jkun għamilha. Għaldaqstant proġetti li jgħinu b’mod globali huma ta’ min jinkoraġġihom u jekk jista’ jkun jipparteċipa fihom ukoll. Għall-ewwel darba dis-sena, Malta ġiet mistiedna tipparteċipa fi proġett xjentifiku marin magħruf bħala Operation DELPHIS. Jekk inti jew xi ħadd minn sħabek għandu dgħajsa, din hija opportunità mhux ta’ min jitlifha!

    INTERVISTA: VINCENT ATTARD – President Eżekuttiv – Nature Trust (Malta)

    X’inhu l-iskop tal-proġett Operation DELPHIS?

    Fl-1992 twieldet l-assoċċjazzjoni RIMMO (Réserve Internationale Maritime en Méditerranée Occidentale) li l-iskop tagħha kien li tinkoraġixxi lil Franza, lil Monaco u lill-Italja biex jiddikkjaraw santwarju marin fil-punent tal-Mediterran. Dan l-għan intlaħaq fl-2002 meta dawn it-tlett pajjiżi iffirmaw il-ftehim PELAGOS. Illum is-santwarju jlaħħaq it-88,000 km² u jinstab bejn Franza, l-Italja u madwar il-gżira ta’ Corsica. Il-ħsieb wara l-eżistenza ta’ dan is-santwarju huwa li tinħoloq kuxjenza fil-pubbliku in ġenerali sabiex jiġu protetti l-ħlejjaq kollha marini u l-abitat tagħhom.

    Operation DELPHIS ġie organizzat għall-ewwel darba minn RIMMO fl-1996 wara insistenza ta’ numru ta’ individwi li xtaqu jgħinu fil-konservazzjoni tad-dniefel u l-balieni. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, kull sena f’ġurnata partikolari, bosta sidien ta’ dgħajjes u opri oħra tal-baħar jieħdu sehem bi ħġarhom f’dan il-proġett. Il-parteċipanti jiġu mitluba jiġbru diversi dettalji sabiex permezz tagħhom jiġi rikonoxxut l-istat attwali tal-baħar. Dawn id-dettalji kollha jinġabru u jiġu diskussi f’konferenza internazzjonali li ssir f’Nice kull Novembru fejn jiġu mistiedna għadd ta’ xjenzati, policy makers u parteċipanti ta’ Operation DELPHIS. Flimkien, dawn janalizzaw ir-riżultati tal-proġett u jiddefinixxu xi programmi ta’ riċerka jinħtieġu sabiex tiġi kkonservata l-ħajja marina bl-aħjar mod possibbli.

    Pajjiżna kif sab ruħu nvolut f’dan il-proġett?

    Għall-ewwel darba dis-sena, n-Nature Trust (Malta) ġiet avviċinata mill-organizzaturi ta’ Operation DELPHIS sabiex jistiednu l-poplu Malti wkoll jipparteċipa f’dan il-proġett. Aħna tkellimna mal-Marine Vincent Attard u Michelle GrechConservation Team tagħna biex niddiskutu jekk kellnix nilqgħu din l-istedina. Iddeċidejna li naċċettaw għal bosta raġunijiet. Il-proġett kien interessanti ħafna u wara kollox kien jimxi pari passu ma’ dak li diġà nwettqu aħna. Rajna wkoll illi l-parteċipazzjoni tagħna f’Operation DELPHIS kienet ser issaħħaħ r-riċerka tagħna biex insiru nafu aħjar kif inhi s-sitwazzjoni reali tal-ibħra Maltin. Fuq kollox apparti li aħna ser inkunu qed nikkooperaw b’mod volontarju mal-organizzaturi, min-naħa l-oħra aħna ser nieħdu lura t-teknika ta’ kif isiru proġetti bħal dawn li bla dubju ser tiswa ħafna għall-proġetti tagħna li beħsiebna nwettqu fiż-żmien li ġej.

    Kemm temmen li hu importanti r-rwol ta’ Malta f’dan il-proġett?

    Nemmen illi Malta għandha rwol importantissimu f’dan il-proġett speċjalment minħabba l-pożizzjoni ċentrali tagħha fil-Mediterran. Il-baħar Mediterran dejjem idur ċirku u l-kurrenti tiegħu u l-ħlejqiet li jgħaddu minnu jiġu affetwati mill-art li jsibu fiċ-ċentru għax kollox idur magħha. Punt ieħor importanti huwa illi l-gżira tagħna tgħaqqad il-lvant u l-punent flimkien u allura meta inti qed tagħmel studju proprju fin-nofs, fejn dawn it-tnejn jiltaqgħu, tista’ tieħu ndikazzjoni ta’ x’qed jiġri in ġenerali. Is-sena li għaddiet per eżempju kkuntattjawna xi sajjieda għax qabdu ħuta illi qatt ma raw bħalha qabel. Sibna illi din il-ħuta kienet ġejja mill-Baħar l-Aħmar. Huma diversi l-ħlejqiet li jgħaddu viċin il-gżejjer tagħna meta jkunu qed jemigraw minn post għall-ieħor. Fil-fatt, aktar kmieni dis-sena kellna rapport li dehret baliena fl-inħawi ta’ Filfla.

    Xi tgħidli dwar il-parteċipazzjoni li qed tistennew għall-ewwel tnehdija ta’ Operation DELPHIS f’Malta?

    Bħal f’kull ħaġ’oħra, kull bidu huwa iebes. Imma fl-istess ħin, jekk ma tibdiex, ma tagħmel qatt xejn. Il-Marine Conservation Team qed jaħdem kemm jiflaħ biex jattira kemm jista’ jkun parteċipazzjoni għal dal-proġett. Mhux qed nippretendu li nibdew bil-kbir imma għas-suċċess tal-proġett innifsu, iktar ma jkun hemm parteċipanti aħjar. Bħala Nature Trust (Malta) aktar ma niġbru informazzjoni, aktar ser ikollna stampa ċara tas-sitwazzjoni ambjentali tal-baħar tagħna. Ngħidu aħna ser inkunu nafu fejn hemm l-aktar ċans li tara ċertu ħlejqiet tal-baħar, fejn hi l-akbar problema tal-bram u fejn hemm problema tat-tniġġis tal-ilma. Barra minn hekk, parteċipazzjoni sabiħa tagħmel unur lill-poplu Malti għax turi l-interess tiegħu fl-ambjent u l-konservazzjoni ta’ pajjiżu.

    Il-problema ta’ Malta hija illi akkost li hi gżira żgħira ħafna, il-firxa tal-baħar tagħna hija kbira peress li għandna sa 25 mil il-barra. Fil-fatt nemmnu li ser insibu diffikultà biex insibu parteċipanti li jkunu jixtiequ joħorġu l-barra miż-żona tat-12-il mil. Imma issa naraw kif immorru l-ewwel darba biex b’hekk nagħrfu kif nistgħu naħdmu aħjar għas-sena d-dieħla.

    Proġett bħal dan, kemm huwa relevanti għaż-żminijiet tal-llum?

    Irridu niftakru illi l-baħar Mediterran huwa baħar li qed imut ftit ftit. Fil-preżent qed ibati minn diversi problemi bħal ma huma: it-tniġġis, is-sajd żejjed, l-ammont kbir ta’ tankers li jgħaddu minnu, it-trasport tat-turisti u tal-opri tal-baħar li jintużaw għall-gost. Dawn kolha joħolqu attività kbira fil-baħar li bla dubju tinterferixxi ħafna u tħalli l-konsegwenzi fuq il-ħlejqiet marini u l-abitat tagħhom.

    Qalulna illi bejn Malta u Sqallija jgħaddu mas-7000 tanker fis-sena. Barra minn hekk, il-baħar Mediterran iħaddan fih l-akbar konċentrazzjoni ta’ kulturi fid-dinja kollha u konsegwentement ikun hemm influss kbir ta’ turisti matul is-sena kollha. Jekk mhux sejjer żball, il-baħar Mediterran jieħu mal-100 sena biex jinbidel u jissaffa kollu. Għaldaqstant nistgħu nimmaġinaw xi ħsara kbira joħloq it-tniġġis.

    Dan l-aħħar hemm ukoll xenarju ġdid – dak tal-bidla fil-klima li wkoll qed iħalli l-konsegwenzi tiegħu. Nista’ nsemmi xi eżempji … Il-bram li qed naraw jiżdied bi kwantitajiet kbar. Dan mhux biss riżultat Fekrunatan-nuqqas tal-fkieren u ħlejqiet oħra imma anki tal-bidla fit-temperatura tal-ilma li qiegħed jgħin lil dawn l-ispeċi biex jitkattru. Semmejna l-fkieren…. Instab illi minħabba l-bidla fil-klima u s-sħana li qed tiġi kkawżata, qed jitwieldu ammont ta’ fkieren femminili imma ftit li xejn maskili… sitwazzjoni li tista’ tirriżulta fl-estinzjoni tal-ispeċi. Ir-raġuni hija illi meta fekruna tiddepożita l-bajd fil-bejta, dawk il-bajd li jkunu fil-wiċċ, jitwieldu tas-sess femminili filwaqt li dawk li jkunu fil-qiegħ u allura aktar għall-frisk, jitwieldu tas-sess maskili. Minn studji oħra li saru sirna nafu illi fil-Greċja, f’bajja partikolari fejn hemm ramel bajdani ħafna li jirrifletti lura ħafna mir-raġġi tax-xemx, qed ifaqqsu bajd tal-fkieren maġġorment maskili. Allura f’sitwazzjoni bħal din fejn din il-bajja tagħmel tajjeb għan-nuqqas tal-bajjiet l-oħra, teżisti dik iċ-ċertu urġenza biex dan il-lwog jiġi protett ħalli b’hekk tiġi protetta anki l-ispeċi. Għalhekk huma daqstant importanti studji simili.

    Sfortunatament, hawn Malta, x-xena ambjentali marina inbidlet u ftaqret ħafna matul is-snin. Madwar 20 sena ilu, meta konna naqsmu bejn Malta u Għawdex, konna naraw id-dniefel jgħumu magħna. Fl-istess żminijiet konna anki naraw il-foki f’xi naħat f’Malta imma dawn fil-preżent huma ristretti biss lejn il-lvant tal-Mediterran bħal fit-Turkija. It-tfal ta’ llum lanqas biss jafu xi jfisser dan kollu. Sas-sittinijiet kienu jbidu l-fkieren f’Golden Bay imma l-aħħar każ li niftakru huwa tal-mistħija ferm meta xhud ra b’għajnejh fekruna tbid il-bajd fil-bajja biex wara ftit tinqatel sabiex insterqulha l-bajd taghha.

    Permezz ta’ proġett bħal Operation DELPHIS inkunu nistgħu nieħdu snap-shot tas-sitwazzjoni ambjentali tal-ibħra tagħna sabiex minn hemm inkunu nistgħu naraw x’miżuri huma neċessarji kemm għall-progress tal-baħar li jdawwarna u anki tal-Mediterran kollu.

    —————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: MICHELLE GRECH – Membru – Marine Conservation Team – Nature Trust (Malta)

    X’inhu x-xogħol tal-Marine Conservation Team?

    Xogħolna jiffoka fuq il-konservazzjoni tal-ispeċi marini. Fil-fatt aħna għandna wkoll tim tas-salvataġġ marin illi jopera 24 siegħa kuljum. Dan it-tim huwa magħmul minn grupp ta’ voluntieri illi jmorru jagħtu l-ewwel għajnuna f’każ li jiġi rrappurtat illi xi denfil jew fekruna nstabet f’xi diffikultà. Huma bosta dawk illi jiltaqgħu ma’ annimali feruti illi jitolbu l-għajnuna tagħna. Aħna għandna l-permess tal-MEPA biex nagħmlu dan ix-xogħol u fil-fatt huma jkunu mgħarrfa b’dak kollu li jseħħ. Bħalissa l-annimali marini feruti jittieħdu għall-kura fil-Forti ta’ San Luċjan iżda hemmhekk ir-riżorsi huma limitati. Preżentement għaddejja ħidma sħiħa fuq il-Wildlife Rehabilitation Centre li qed jinbena ġewwa Xrobb l-Għaġin sabiex minn hemm inkunu nistgħu naħdmu b’aktar faċilità. Peress li Malta hija marbuta bi protokol, aħna mmorru fuq il-post anki f’każ ta’ rapport ta’ annimal marin mejjet. Inkunu rridu niġbru d-dettalji ta’ xi speċi kien, x’qies kellu u nieħdu anki xi kampjuni fostom tas-snien. Sfortunatament jidħlulna ħafna każi ta’ fkieren midruba, kemm għax jintlaqtu minn xi dgħajjes imma wisq aktar għax jibilgħu xlief jew boroż li jitfixkluhom mal-bram.

    Napprezzaw ħafna jekk f’każ li wieħed jinnota xi annimal marin f’diffikultà jikkuntattjana fuq in-numri 99422085 jew 99422086.

    Matul is-sena naħdmu wkoll fuq diversi proġetti. Dax-xahar, għall-ewwel darba f’pajjiżna, ser inkunu qegħdin nieħdu ħsieb l-organizzazzjoni tal-proġett Operation DELPHIS.

    Min jista’ jipparteċipa fil- proġett Operation DELPHIS?

    Kull min għandu dgħajsa huwa mistieden biex jissieħeb magħna. Diġà kkuntattjawna numru ta’ nies biex jaraw fhiex jikkonsisti dan il-proġett. Ċemplulna wkoll xi individwi li m’għandhomx dgħajsa imma li xorta jixtiequ jagħtu sehemhom. Aħna qegħdin nieħdu d-dettalji ta’ kulħadd u f’dawn il-ġranet irridu nippjanaw kif ser naħdmu flimkien.  M’hemmx għalfejn li bniedem ikun xi espert… anzi, anki minn ma jaf xejn jista’ jgħin. Professjonisti, sajjieda, sidien tad-dgħajjes… l-għajnuna ta’ kulħadd hija apprezzata ħafna. Kull m’hemm bżonn huwa illi bniedem ikun jaf jaqra, jikteb u jgħodd ħalli jniżżel id-dettalji mitluba.

    X’ser tkunu qed titolbu mill-parteċipanti?

    Dan il-proġett huwa ppjanat li jsir fid-19 ta’ Lulju li ġej. Iseħħ f’ġurnata waħda, fl-istess ħin, fil-pajjiżi kollha li ser jieħdu sehem.

    L-organizzaturi ta’ Operation DELPHIS issezzjonaw il-baħar Mediterran kollu f’kaxxi ta’ 2 mili nawtiċi x 2 mili nawtiċi. Kull pajjiż li jipparteċipa għandu allokati s-sezzjonijiet tiegħu. Dis-sena l-organizzaturi iddeċidew li jiftħu l-orizzonti tagħhom billi jistiednu sabiex jissieħbu magħhom numru ta’ pajjiżi oħra. Fil-fatt għall-ewwel darba dis-sena, apparti Malta, ser jieħdu sehem ukoll it-Tuneżija, il-Marokk u l-Alġerija. Idealment tasal dik il-ġurnata fejn il-baħar Mediterran kollu jkun segwit mill-pajjiżi rispettivi ħalli b’hekk ikollna stampa sħiħa tal-qagħda ambjentali ta’ dan il-baħar.

    Mill-parteċipanti Maltin, aħna qed nirrikjedu illi fuq kull dgħajsa jkun hemm GPS biex wieħed isib il-ko-ordinati li ser jingħatawlu u l-VHS għas-sigurtà tiegħu stess. Naturalment skont il-kobor tad-Figura 1dgħajsa, aħna nkunu nistgħu nallokaw kemm il-lokazzjoni tista’ tkun il-barra fil-baħar. Ovvjament aktar ma wieħed joħroġ il-barra, aktar ser ikollu ċ-ċans li jara l-fkieren, id-dniefel u l-balieni li jistgħu jgħaddu mill-inħawi. F’nofsinhar kulħadd irid ikun fil-post miftiehem u minn hemm f’daqqa, id-dgħajjes jitilqu skont il-veloċità miftiehma u jduru fil-forma tal-kaxxa ippjanata. Billi min ikun fuq id-dgħajsa jista’ jħares il-barra mill-kaxxa u anki ‘l ġewwa, kull dgħajsa tkopri 4 mili nawtiċi kwadri (ara Figura 1).

    Il-parteċipanti ser jingħataw it-taħriġ li hemm bżonn biex ikunu jafu sewwa x’għandhom jagħmlu dakinhar. Fil-fatt kull dgħajsa ser tiġi pprovduta b’kit li ser ikun fih numru ta’ affarijiet biex permezz tagħhom tinġabar l-informazzjoni neċessarja. Fostom ser ikun hemm fliexken biex jinġabru xi kampjuni tal-ilma baħar, xbieki biex jinqabad il-plankton, charts biex permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu identifikati x’tip ta’ annimali marini qed jidhru u formoli sempliċi biex jimtlew b’dak li wieħed ikun qed jinnota u jara madwaru. Il-parteċipanti ser ikunu mitluba wkoll jgħoddu per eżempju kemm qed jaraw bram fir-roqgħa tagħhom, it-tip ta’ skart li jiltaqgħu miegħu u l-ħlejqiet marini li ser jgħaddu minn ħdejhom matul dak il-ħin partikolari.

    Kemm temmen illi huwa importanti sehem Malta f’dan il-proġett?

    Peress li Malta għandha post ċentrali fil-Mediterran u l-pajjiżi l-oħra huma mbegħda ħafna, jiena nara lil pajjiżna bħala l-aħħar biċċa tal-jigsaw puzzle u allura l-parteċipazzjoni ta’ Malta huwa fundamentali.

    L-għan aħħari ta’ Operation DELPHIS huwa illi tinħoloq kuxjenza fost il-popli kollha fir-rigward tal-importanza tal-konservazzjoni tal-ambjent tagħna. Permezz ta’ proġett bħal dan in-nies iħossu aktar li l-ambjent jappartjenihom għax jinħoloq dak is-sens ta’ pussess u responsabbiltà.

    Fil-pajjiżi li ilhom jieħdu sehem sena wara l-oħra, dan il-proġett sar ċelebrazzjoni nazzjonali fejn bosta jkunu qed jistennew din il-ġurnata biex huma wkoll jagħtu sehemhom.

    Żgur illi esperjenza bħal din ser tħalli impatt pożittiv fuq kull min ser ikun preżenti. L-ewwel nett wieħed ser ikun jista’ jammira u japprezza l-ġmiel tal-ambjent li jeżisti madwarna. Fl-istess ħin ser ikunOperation Delphis jista’ jinnota wkoll il-ħsara li qed issir lill-baħar tagħna li tant aħna, speċjalment bħala gżira, niddependu minnu. Kull min jipparteċipa, ser ikun ukoll parti minn proġett xjentifiku internazzjonali li huwa ta’ livell għoli ħafna. Imma fuq kollox, wara li tagħlaq il-ġurnata u kulħadd jinġabar lura lejn l-art, kull min ser ikun hemm, ikun jista’ jkun kburi li hu wkoll ta sehem, żgħir kemm hu żgħir biex issir xi ħaġa siewja għall-ġid ta’ pajjiżu u tad-dinja in ġenerali.

    Min jixtieq jipparteċipa jew inkella jixtieq aktar informazzjoni, kif jista’ jikkuntattjakhom?

    Jistgħu jibgħatulna email fuq delphismalta09@gmail.com inkella jistgħu jċemplu fuq 21313150 fil-ħinijiet tal-uffiċċju.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-5 ta’ Lulju 2009)