• JEŻISTI L-FAQAR F’MALTA?

    Kultant naħsbu li l-faqar jikkonsisti biss f’li tkun bil-ġuħ, bla ħwejjeġ jew bla dar. Fir-realtà l-akbar faqar huwa meta wieħed isib ruħu waħdu għax ħadd ma jridu, ħadd ma jħobbu u ħadd ma jinteressa ruħu minnu… Mother Teresa (1910-1997)

    Jista’ jkun illi bosta minna jaħsbu illi l-faqar ma jeżistix f’Malta, forsi għax s’issa, għadna mhux qed naraw nies jittallbu fit-toroq. Madanakollu mhux l-ewwel darba li tisma’ lill-bejjiegħa jgħidulek illi daż-żmien, jekk ma tagħtix bid-dejn, titlef ħafna bejgħ jekk ma jkollokx tagħlaq ukoll! It-tajba hi li ħafna minn dan id-dejn jispiċċa Alla m’għamlu għax biex jiġbruh dawn il-bejjiegħa sikwit qed ikollhom imorru jħabbtu l-bibien tal-klijenti, kultant  bil-biża’ li jaqalgħu xi daqqtejn ukoll! Barra minn hekk in-numru dejjem jiżdied ta’ ħwienet vojta għal kollox mix-xerrejja, jitkellmu weħidhom. Daqstant ieħor is-sinjali ta’ ‘Għall-bejgħ’ u ‘Għall-kiri’ mwaħħla ma’ diversi stabbilmenti. Imbagħad meta tasal ukoll biex tisma’ illi ċertu tfal qegħdin imorru l-iskola mingħajr ma jkollhom xejn x’jieklu għal waqt ir-rekreazzjoni… din kbira wisq. Kważi ma titwemminx imma tiġri… bis-surmast tiġih ħniena u jmur jixtrilhom xi ħaġa hu.

    Iżda l-faqar mhux biss finanzjarju. Ġieli bniedem jiftaħ qalbu miegħek u jaħsdek bil-kundizzjoni tas-solitudni li jkun jgħix fiha anki akkost li jkollu l-familja tiegħu tgħix miegħu fl-istess dar!  Hija ħaġa tal-għaġeb kif f’pajjiż bħal tagħna, fejn kull fejn tmur taħbat ma’ dak u mal-ieħor, xorta waħda ssib lil min jinsab waħdu, bla ħbieb u minsi għal kollox. Il-ħajja mgħaġġla li ngħixu ma tantx tgħin wisq. Imma tgħid din hi l-iskuża l-moderna? Tgħid qed nagħlqu għajnejna u ndawwru wiċċna apposta biex ma narawx il-problemi? Imma x’inhu l-kawża ta’ dan il-faqar? U x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu (dejjem jekk irridu ngħinu)?

    Dan l-aħħar il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ organizzat attività bl-isem Y Standup sabiex permezz tagħha ż-żagħżagħ jingħataw spazju biex jesprimu ruħhom u jirriflettu dwar il-faqar kemm bħala realtà lokali u kif ukoll globali. Flimkien maż-żagħżagħ li attendew, ingħaqdu wkoll xi politiċi, rappreżentanti ekkleżjastiċi u organizzazzjonijiet oħra. Wara din l-attività kont interessata ħafna biex nisma’ l-perspettiva ta’ uħud minnhom…

    Kummenti ta’ Maria C Borg – ko-ordinatriċi tal-proġett Y Standup – KDZ

    X’inhu l-iskop tal-KDZ u x’wassalha biex torganizza l-attività Y Standup?

    Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ hi dik l-istruttura fi ħdan il-Knisja li tħares u tikkoordina il-ħidma maż-żgħażagħ u miż-żgħażagħ fil-Knisja.  Y Standup? hu proġett li jinkwadra ruħu fil-ħidma tal-Maria C BorgKummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, iddikjarata fis-Sinodu Djoċesan permezz tad-Dokument Żgħażagħ u Addoloxxenti li “tisma’ l-bżonnijiet taż-żgħażagħ f’oqsma relatati mal-ħajja ta’ kuljum taż-żgħażagħ” u “tkun vuċi taż-żgħażagħ fil-Knisja u vuċi taż-żgħażagħ fis-soċjetà”. Il-ħsieb wara din l-attività kien li ż-żgħażagħ ikollhom l-ispazju tagħhom sabiex isemmgħu il-ħsibijiet tagħhom dwar il-faqar f’pajjiżna u barra minn pajjiżna ma’ dawk il-persuni involuti fit-tfassil ta’ policies dwar il-faqar fl-istituzzjonijiet tal-Knisja u ta’ l-Istat. B’hekk filwaqt li ż-żgħażagħ setgħu jagħtu l-viżjoni tagħhom fil-preżenza ta’ membri tal-parlament Malti u ta’ dawk involuti, fl-istess ħin din kienet ukoll opportunità fejn qajjmu kuxjenza għal strateġiji li permezz tagħhom tista’ ssir ħidma konkreta kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

    X’jistgħu jagħmlu ż-żgħażagħ biex jikkumbattu l-faqar?

    Iż-żgħażagħ jistgħu jkunu huma li joħolqu ambjent aktar inklussiv u sensittiv fil-komunitajiet tagħhom. Jistgħu jkunu huma li jqajmu kuxjenza soċjali dwar il-faqar f’pajjiżna u lil hinn minn  pajjiżna biex b’hekk jixprunaw huma aktar ħidma kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Ħafna żgħażagħ diġà huma mpenjati f’xi ħidma ta’ volontarjat u permezz t’hekk huma qed jegħlbu l-esklużjoni ta’ xi persuni mill-ħajja tal-komunitajiet Maltin. Is-sena d-dieħla hija ukoll is-sena Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Għaldaqstant iż-żgħażagħ jistgħu jimpenjaw ruħhom f’diversi proġetti ma’ żgħażagħ oħrajn Maltin u anke Ewropej għal dan il-għan.

    Kemm temmnu li jeżisti l-faqar f’Malta u fiex jikkonsisti? Għaliex jidrilkhom li bosta jaħsbu li l-faqar f’Malta huwa ħrafa?

    Il-faqar hu realtà ta’ xi wħud li jgħixuh u li forsi ma’għandhomx mezzi biex ‘jidhru’ fis-soċjetà u allura nistgħu ngħidu li l-faqar hu fenomenu ‘inviżibbli’ f’Malta. Il-faqar iwassal lil bniedem sabiex iħoss in-nuqqas tad-dinjità tiegħu u dan jista’ jwassal sabiex wieħed ikun inqas preżenti mal-membri l-oħra tal-komunità.

    X’ħareġ minn din l-attività u x’qed tistennew li jkunu r-riżultati tagħha?

    Din l-attività serviet biex permezz ta’ l-impenn taż-żgħażagħ f’dan il-proġett tqajjmet aktar il-kuxjenza dwar il-preżenza tal-faqar f’pajjiżna. Minn din l-attività ħareġ ukoll il-valur tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-kontribut tagħhom fit-tiswir tas-soċjetà aktar inklussiva. Il-preżenza tal-politiċi wasslet ukoll messaġġ ċar  u inkoraġġanti favur l-involviment taż-żgħażagħ li għandha twassal sabiex aktar żgħażagħ jimpenjaw ruħhom sabiex iwasslu l-vuċi tagħhom u ta’ sħabhom fil-Knisja u fis-soċjetà. Iż-żgħażagħ għandhom post importanti fis-soċjetà tagħna u kapaċi jagħtu sehemhom għal soċjetà aħjar.

    ***************************************************************************************************************

    Kummenti ta’ Fr Savio Vella sdb – Delegat ta’ l-Arċisqof għaż-Żgħażagħ

    Temmen illi f’Malta jeżisti faqar moħbi?

    Faqar moħbi nsibu kullimkien u dejjem. Bħala nsara ma nistgħux ninsew li Kristu nnifsu qal lid-dixxipli tiegħu li “l-foqra jibqgħu dejjem magħkom”.  Pajjiżna mhux eċċezzjoni. Hawn faqar li jitlob sforzi kbar biex jiġi megħlub. Hawn ukoll faqar li bi ftit ta` attenzjoni u ta` għajnuna f’waqtha wieħed jista` mhux biss isolvih imma wkoll jevitah.

    X’tip ta’ faqar taħseb li jeżisti f’pajjiżna u liema taħseb li kienu l-fatturi li wasslu għal dan?

    Hawn faqar mhux biss ekonomiku imma faqar fit-tagħlim, speċjalment dawk it-tfal li qed jitilfu l-edukazzjoni tagħhom minħabba sitwazzjonijjiet familjari li ma jippermettulhomx li jħossuhom bħal tfal Fr Savio Vellaohrajn. Hawn faqar ta` persuni li jinqabdu fil-vizzji u fl-użura; faqar ta` persuni li jinqabdu f’xibka li noħolqu bil-burokrazija fid-dipartimenti governattivi,  b’tali mod li jinqatagħlhom nifishom sabiex iħallsu l-multi li dejjem jikbru  (nistgħu inqisuha bħala użura istituzzjonalizzata); faqar ta` dawk il-persuni li jiġu emarġinati mis-soċjeta` u mill-membri tal-Knisja minħabba preġudizzji. Jekk nibqgħu nfittxu, naħseb li nibqgħu niskopru  aktar faqar, kemm minħabba l-welfare gap li dejjem jikber u kif ukoll tip ta’ faqar li nġibu b’idejna minħabba nuqqas ta` sensittivita` u nuqqas ta` solidarjeta`.

    X’għandu jkun ir-rwol tal-Knisja u tal-għaqdiet fi ħdanha biex tikkumbatti il-faqar f’pajjiżna?

    Irridu nsiru aktar sensittivi għal dawn is-sitwazzjonijiet u nkunu lesti li nagħtu s-sehem tagħna biex inwieżnu lil min għandu bżonn l-għajnuna tagħna. Kull wieħed u waħda minna għandu jagħmel il-ftit li jista`. Jeħtieġ li lkoll inħossuna responsabbli. Faċli li nwaħħal fl-oħrajn u naħsel idejja mir-responsabbilta`.  Il-Knisja, bħala kommunita` ta` fidi, għandha twassal messaġġ ċar ta` solidarjeta` u għandha tfakkar lill-imgħammdin fir-responsabbilta` li għandna sabiex ngħinu lil xulxin, speċjalment lill- fqar. Il-Knisja għandha wkoll issaħħah lil dawk l-istituzzjonijiet li jaħdmu favur il-fqar.

    *************************************************************************************************************

    Kummenti ta’ Carmelo Abela – Deputy Speaker u Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Industrija u l-Investiment Barrani

    Temmen li jeżisti l-faqar f’Malta?

    Bla dubju li jeżisti l-faqar.  Dan huwa konfermat anke minn statistika uffiċċjali.  Imma lil hemm mill-istatistika, l-esperjenza tiegħi fil-politika tikkonferma dan ukoll.  Xi drabi nkunu ħa nibdew Carmelo Abelanargumentaw dwar tifsira għall-kelma faqar.  Huwa minnu li wieħed jista’ jargumenta li hemm diversi forom ta’ faqar imma naħseb li fil-kuntest tal-kelma faqar u kif normalment nifmuha, qed nitkellmu dwar faqar materjali l-ewwel u qabel kollox.  Wieħed jista’ jipprova jargumenta x’inhuma l-kawżi li jwasslu għall-faqar u anke hawn l-istorja ta’ kull persuna hija differenti.

    X’taħseb li huma l-fatturi maġġuri li qed jikkaġunaw il-faqar f’pajjiżna?

    Fost il-fatturi nsibu n-nuqqas ta’ xogħol jew inkella ċirkustanzi fejn familja minħabba d-daqs tagħha jew inkella minħabba l-ħtiġijiet bażiċi, ma tkunx tista’ tlaħħaq mal-ħajja b’mod diċenti.  Dan iwassal biex anke jibdew jiċċaħħdu minn ħwejjeġ li huma bażiċi u importanti għall-ħajja ta’ kuljum.  Fost il-persuni vulnerabbli nsibu dawk li jew m’għandhomx xogħol, dawk li għandhom xogħol prekarju jew inkella dawk li għandhom xogħol li ma jirrendix dħul biżżejjed biex ilaħħqu mal-bżonnijiet tagħhom.

    In-nuqqas ta’ edukazzjoni dwar tħaddim xieraq tal-finanzi jew inkella prijoritajiet ħżiena wkoll jistgħu jwasslu għall-faqar.  Ċerti vizzji li huma marbuta ma’ logħob eċċessiv jew inkella max-xorb eċċessiv ukoll jistgħu jwasslu persuna u l-familja tagħha biex jgħixu f’sitwazzjoni ta’ faqar.  Hemm ukoll familji li għandhom persuni bi bżonnijiet speċjali li minħabba l-ispejjeż li dawn ikollhom u fl-istess waqt in-nuqqas ta’ għajnuna xierqa, jwassalhom biex jgħixu fil-faqar.  Ma nistgħux inwarrbu l-għażż li wkoll jista’ jwassal għall-faqar.

    X’għandu jkun ir-rwol tal-Istat fil-ħidma kontra l-faqar f’pajjiżna?

    L-istat, b’mod partikolari l-gvern, għandu rwol importanti ħafna.  F’pajjiż bħal tagħna nemmen li l-gvern għandu jkollu responsabbilta` ewlenija biex jara li ħadd fil-verita` ma’ jaqa’ lura.  Dan jista’ jsir b’mod dirett u ndirett.  X’irrid infisser b’dan?

    B’mod dirett – billi letteralment jagħti għajnuna finanzjarja jew jeżenta familji li verament għandhom bżonn, minn ċertu tariffi jew ħlasijiet, ħalli la jkunu f’faqar relattiv u lanqas assolut.  Din l-għajnuna tista’ tingħata permezz ta’ servizzi soċjali li wħud minnhom għandhom ikunu jirriflettu r-realtajiet preżenti.

    Hemm ukoll l-għajnuna indiretta billi t-tħaddim tal-politika tal-gvern tal-ġurnata ma tkunx imdawwra u ffukata fuq l-ekonomija b’dannu għall- bniedem imma tkun ekonomija li filwaqt li tħaddem ir-regoli bażiċi tas-suq, ma tkunx goffa tant li min jiflaħ jibqa’ għaddej filwaqt li l-oħrajn jaqgħu lura. Li nħaddmu politika fejn is-suq isuq mingħajr kunsiderazzjonijiet għall–persuni vulnerabbli, jkompli jkabbar iċ-ċirku ta’ dawk li huma fil-faqar.  Hemm bżonn ekonomija li tagħti każ tal-bniedem u tal-ħtiġijiet tiegħu.  Ekonomija li jkollha wiċċ uman.  Għalhekk f’kull ħsieb politiku l-bniedem għandu jiġi qabel il-flus u qabel kull politika ekonomika.

    ***************************************************************************************************************

    Kummenti ta’ Josmarie Portelli – żagħżugħa

    Għaliex attendejt għal din l-attività u x’ħadt minnha?

    Waħda mir-raġunijet prinċipali għala tħajjart nattendi għal din l-attività kien meta bdejt nara l-enerġija u d-determinazzjoni taż-żgħażagħ li kienu qed jorganizzaw din l-attività. Apparti minn hekk, anki jiena emmint illi bħala żgħażagħ għandna niddiskutu ir-realtà tal-faqar f’pajjiżna. Personalment din l-attività tatni viżjoni aktar wiesgħa ta’ x’inhu l-faqar. Irrealizzajt kemm niltaqgħu ma’ nies fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li jkunu għaddejjin minn din ir-realtà tal-faqar u forsi mhux dejjem nindunaw bihom. Apparti minn hekk tgħallimt li hu x’inhu r-rwol tagħna fis-soċjetà, permezz tal-kontribuzzjoni u tal-inizjattiva ta’ kull wieħed u waħda minna nistgħu nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ minn qed jaffaċċja xi tip ta’ faqar.

    Temmen li ż-żgħażagħ jistgħu jagħmlu xi ħaġa biex itaffu l-faqar f’pajjiżna?

    Nemmen li ż-żgħażagħ permezz tal-enerġija u l-imħabba għal ħaddiehor jistgħu jagħmlu differeneza kbira għal min qiegħed jgħix f’xi tip ta’ faqar. Jekk inħarsu ftit madwarna naraw biċ-ċar li fil-fatt dan Josmarie Portellijista’ jsir u li qed isir. Nista’ nsemmi per eżempju żgħażagħ li joffru l-ħin tagħhom  biex jgħallmu persuni oħra kemm kbar u kemm żgħar biex jaqraw u jiktbu ħalli kemm jista’ jkun innaqqsu l-illitteriżmu. Għalija dan hu importanti għax nemmen illi l-edukazzjoni tgħin biex jitnaqqas il-faqar. Apparti minn hekk jeżistu żgħażagħ li jagħtu kontribut siewi ħafna lil min hu għaddej minn tip ta’ faqar li mhux materjali, bħal dawk in-nies li għandhom bżonn ħafna attenzjoni u mħabba mingħand in-nies ta’ madwarhom. Eżempju ta’ dan insibu żgħażagħ li jiddedikaw il-ħin tagħhom b’mod volontarju u jmorru jgħinu f’diversi istituti tat-tfal u anke jorganizzaw attivitajiet għalihom. Barra minn dan, insibu wkoll żgħażagħ  li jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi li l-għan tagħhom ikun li jiġbru fondi għal minn qed ibati mill-faqar.

    Taf b’xi sitwazzjonijiet ta’ żgħażagħ jew nies oħra li qed ibatu minn sitwazzjoni ta’ faqar? Xi tkun ġeneralment ir-reazzjoni tiegħek? Xi tkun ir-reazzjoni ta’ l-oħrajn?

    Sfortunament sitwazzjoni ta’ faqar li spiss nisimgħu biha hija dik ta’ nies li minħabba xi vizzju ma jibqgħalhomx flus biex jgħixu ħajja bħal ħaddieħor. Sitwazzjoni oħra li ġieli rajt u li fl-opinjoni tiegħi hija faqar, hi meta persuna tkun għaddejja minn solitudni u tkun nieqsa mil-kumpannija u l-attenzjoni, bħall-anzjani li jgħixu weħidhom. L-ewwel reazzjoni tiegħi meta nsir naf b’dawn ir-realtajiet tkun li nitħassarhom u li nipprova nifhem kif dawn in-nies sabu ruhhom f’din is-sitwazzjoni. Nahseb li meta ħaddieħor jisma’ b’każi ta’ faqar, huma wkoll iħossu dieqa. Ħafna jiddeċiedu li wara li jsiru jafu b’xi sitwazzjoni ta’ faqar jieħdu azzjoni biex jgħinu.  Hemm min jiddeċiedi li jgħin billi joffri xi ħaġa tal-flus.  Imma jkun hemm min jiddeċiedi li jgħin hu direttament billi joffri l-għajnuna u t-tagħlim edukattiv lil min ikun għaddej mill-faqar.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-22 ta’ Novembru 2009)