• JINGĦATAW ĊANS IEĦOR!

    U Allah qabad ponn riħ min-naħa tan-nofs inhar, nefaħ fuqu, ħoloq liż-żiemel u qallu ‘Int ser ittir mingħajr ġwienaħ u ser tirbaħ mingħajr xabla’ … Leġġenda Bedwina.

    Sa minn meta kont tifla ċkejkna kont inħossni miġbuda lejn dan l-annimal kbir u eleganti. Ma nafx minn fejn ġiet din l-għożża lejn iż-żwiemel in partikolari. Iżda ċertament, meta rkibt żiemel għall-ewwel darba u ħassejt taħti dik is-saħħa qawwija u fl-istess ħin imrażżna tiegħu biex iħallini nikkontrollah u nieħdu fejn irrid jien, komplejt nikkonferma l-ammirazzjoni tiegħi lejn dawn l-annimali. Minn dakinhar, bdejt sikwit noħlom li xi darba għad ikolli ż-żiemel tiegħi, aktar u aktar meta f’sena minnhom ħareġ il-film Black Beauty u daqs kemm il-darba rajtu, tgħallimtu bl-amment! Xtaqt ħafna nħoss dik ir-relazzjoni unika li kapaċi tinbet bejn żiemel u bniedem. Iżda dix-xewqa qatt ma seħħet għax l-ispejjeż involuti kienu kbar wisq. Kelli nikkuntenta billi kultant żmien immur nirkeb ma’ xi grupp. Irrassenjajt ruħi li ma tistax tgħaddi tiegħek dejjem…

    Nistqarr illi din il-kelma twila u tqila – r a s s e n j a z z j o n i – hija l-aktar terminu li jdejjaqni fil-ħajja. Joqtolni l-ħsieb tar-rassenjazzjoni, speċjalment meta nara illi bosta min-nies ta’ madwari jqisu din il-kelma bħala parti fundamentali minn ħajjithom. Għaldaqstant, min-naħa l-oħra, napprezza ħafna lil dawk l-individwi li jisfidaw it-tfixkil tal-ħajja u li jibqgħu jissieltu mal-ħitan sakemm b’xi mod isibu minn fejn jidħlu.

    Waħda minn dawn il-persuni hija Sue Arnett illi matul dawn l-aħħar snin ħadmet qatiegħ biex toħloq kuxjenza fir-rigward tad-dinjità u l-ħarsien taż-żwiemel. Għal dawn l-aħħar 17 il-sena hija ħelset minn ħalq il-mewt lil numru ta’ żwiemel u tathom rifuġju f’post li hija ssejjaħlu Funny Farm – Horse Rescue Association.

    Dil-ġimgħa ddeċidejt li nitla’ sal-Bidnija sabiex nara b’għajnejja f’hiex jikkonsisti x-xogħol ta’ din il-mara u l-volontarji tagħha. Fostom xtaqt inkun naf kif beda l-ħsieb ta’ post bħal dan…

    “Iż-żwiemel minn dejjem kienu jogħġbuni. Jista’ jkun minħabba li waħda miz-zijiet tiegħi kellha xi żwiemel tagħha u allura trabbejt b’affezzjoni lejhom. Niftakar li meta kont għadni studenta, sikwit kont Sue Arnett flimkien mad-debba Streghanaqbeż l-aħħar lezzjoni tal-Physics biex naqbad karozza tal-linja għal Marsa u mmur nirkeb iż-żwiemel. Kien biss waqt intervista li tajt xi snin ilu li missieri skopra dan u ma tantx ħa gost naturalment! Din l-imħabba kompliet tiżdied meta ta’ 18-il sena kelli l-ewwel debba tiegħi. Kienet għal qalbi ħafna u rnexxieli ngawdiha għal 19-il sena sħaħ.

    Wara ftit li xtrajtha, mort infittxilha sieħeb. Xi nies bagħtuni għand wieħed li kien ibiegħ iż-żwiemel. Bqajt impressjonata bl-ammont ta’ annimali differenti li kellu. Ma kellix dubju illi uħud minnhom kienu sejrin jinqatlu għal laħamhom akkost li għaraft li ma kienx hemm għalfejn jispiċċaw hekk. Ma stajtx nieqaf naħseb dwar dawn iż-żwiemel u xtaqt nagħmel xi ħaġa biex almenu nsalva ammont minnhom. Flimkien ma’ xi ħbieb irnexxieli nixtri ħamest iżwiemel u ħadthom l-Imġarr fejn kelli l-ewwel razzett tiegħi. Hemmhekk ħabib tiegħi Svediż li kien inġinier, bnieli numru ta’ stalel minn xi kaxxi tal-injam. Almenu b’hekk stajt nipprovdi post sħun u xott fejn dawn iż-żwiemel setgħu jgħixu b’kumdità.

    Kif kulħadd jaf, biex iżżomm żiemel, trid spejjeż kbar. Biss biss, kull żiemel xtrajnih mal-Lm500 il-wieħed u wara ridna nmantnuhom b’xi mod. Fil-post li kelli l-Imġarr, la kien hemm ilma u lanqas elettriku. Kellna nagħmlu kollox manwalment. Kienet iebsa, imma xi ħbieb bdew jgħinuni u anki qasmu miegħi xi spejjeż biex inkun nista’ nibqa’ għaddejja b’dan il-proġett.

    Akkost dawn id-diffikultajiet, ħsibijieti spiss kienu jimirħu dwar iż-żwiemel l-oħra u d-destin kiefer li kien qed jistenniehom. Tħabatt u bqajt sakemm akkwistajt 23 żiemel b’kollox. Din l-istorja seħħet fl-1993 u minn dak inhar ‘l hawn qatt ma ħarist lura, għalkemm id-diffikultajiet, speċjalment dawk finanzjarji, huma interminabbli.”

    Mill-Imġarr f’dawn l-aħħar 10 snin, Funny Farm tmexxa f’razzett il-Bidnija iżda dan mhux proprjetà ta’ Sue…

    “Silifuli wieħed li jħobb ħafna l-annimali sabiex nużah għal dan l-iskop. Kif qed tara, l-istat tar-razzett ma jinsabx f’xi kundizzjonijiet mill-aqwa. Imma meta l-post ma jkunx tiegħek, tkun limitata ħafna x’tista’ tagħmel bih. Għallinqas hawnhekk hawn l-ispazju. Għażilna l-iktar sezzjonijiet sodi u xotti minnu u hemm armajna ammont ta’ stalel għall-għoxrin żiemel li għandna bħalissa.”

    Bħala assoċjazzjoni volontarja, Funny Farm  jingħata xi għajnuna finanzjarja?

    “Xejn li xejn! Ftit taż-żmien ilu nfurmawna illi minn xi fondi tal-Unjoni Ewropeja konna ġejna allokati €2000 biex bihom nirranġaw xi ħaġa fir-razzett. Iddeċidejna li nixtru tapiti tal-lasktu għall-qiegħan ta’ numru ta’ stalel sabiex iż-żwiemel ikunu iżjed komdi u anki biex it-tindif tal-post isir aktar malajr. Imma meta morna biex nixtru dal-materjal, sibna li l-bejjiegħ ma kellux stokkjat fil-ħanut minnu. Stennejna sakemm wasal il-prodott. Lanqas titwemmen! Sakemm sar dan kollu, skadiet id-data ta’ meta stajna napplikaw u b’hekk tlifna dan iċ-ċans u qatt ma ħadna xejn. Naħdmu biss bi flusna personali, b’dak li niġbru mingħand l-isponsors u mill-attivitajiet li norganizzaw.”

    Kemm tiswa l-kura u ż-żamma ta’ kull żiemel?

    “Peress illi dawn iż-żwiemel huma rtirati, ma jirrikjedux ikel partikolari bħal ta’ dawk l-annimali li jaħdmu jew jiġru. Għalhekk aħna nitimgħuhom it-tiben illi l-ammont tiegħu kull xahar jitla’ għal €200 kull żiemel. Imbagħad hemm ukoll il-materjal li nużaw għal qiegħan tal-istalel li hu speċi ta’ ‘shavings’ biex iżommu saqajn l-annimal xotti. Ma rridux ninsew ukoll illi biex żiemel jibqa’ b’saħħtu għandu bżonn kura fiżika bħall-ixkupiljar tal-pil tiegħu, il-ħasil, l-attenzjoni, l-imħabba u daqsxejn eżerċizzju regolari. Biex dan ikun jista’ jsir, għandek bżonn in-nies u l-ħin.”

    Kif sabu ruħhom hawn dawn iż-żwiemel u f’liema kundizzjonijiet ikunu meta jgħaddu għandkhom?

    “Uħud miż-żwiemel ġew għandna b’donazzjoni peress li sidhom ma jkunx iridhom jew ma jkunx jista’ jżommhom aktar.

    Imma kif għedtlek, il-maġġoranza tagħhom kienu destinati għall-bejgħ ta’ laħamhom u minflok xtrajnihom aħna. F’dawn il-każi ġeneralment iż-żwiemel ikunu mlaħħmin sew. Wieħed miż-żwiemel li għandna kien letteralment merfugħ biex jinqatel il-Ħadd ta’ wara. Irnexxielna nakkwistawh biss wara battikata kbira għax għand min kien ma riedx ibiegħu lilna.”

    Sue immarkat lejn debba partikolari… “L-istorja ta’ dik id-debba hija simili. Meta akkwistajniha, bdejna ninnutaw li qed tikber aktar min-normal. Meta ġie l-veterinarju jeżaminaha, għarrafna li kienet tqila. Kieku dan kien jiġi skopert wara li joqtluha u jiftħuha għax għand min kienet, ma kellux idea mill-qagħda tad-debba. Dak iż-żiemel żgħir t’hemmhekk huwa l-wild tagħha.

    Kull żiemel għandu l-istorja tiegħu. Xi drabi meta mmorru biex nixtru ż-żwiemel, tant ikunu fuq xulxin, illi min l-aktar jiflaħ minnhom jiekol u jikber, mentri l-bqija jieħdu l-fdalijiet… jekk jibqa’. Ovvjament dawn ikunu fi stat fqir ħafna u malnutriti. Fil-fatt, meta nixtru minnhom ikollna nitimgħuhom ukoll il-qamħ sakemm jiġu f’tagħhom.

    Żwiemel oħra jkunu mweġġgħa u allura ma jkunux jistgħu jintużaw għat-tlielaq. Anki dawn jispiċċaw taħt is-sikkina tal-biċċier, ukoll jekk bi ftit kura u serħan, wara biss sitt xhur, daż-żwiemel jerġgħu lura għalli kienu qabel.”

    Hawnhekk daħlet bintha Michelle li flimkien ma’ ommha tieħu ħsieb fit-tmexxija ta’ dan il-post…

    “Każ minnhom huwa dan iż-żiemel li llum jismu Pilgrim. Dan kien żiemel tat-trott illi nġab Malta biex itellaq imma ma ngħatax iċ-ċans biex jidra l-klima sħuna ta’ pajjiżna. Meta sidu ma ħax ir-rendiment Michelle Cachia Arnett ma' Pilgrimli xtaq minn għandu kkunsidrah bħala telf ta’ flus u bagħtu biex jinbiegħ għall-laħmu. Biex infehmek ftit dan l-ambjent kif inhu, dan iż-żiemel għadda għand il-bejjiegħ bil-kundizzjoni li jinqatel assolutament għax sidu beża’ li jakkwistah xi ħaddieħor, jittrenjah u jtellaq bih. Tant hu hekk, illi Pilgrim qiegħed għandna b’patt speċifiku li ma jtellaq qatt. U ovvjament hawnhekk iż-żwiemel tagħna biex jistrieħu jiġu u mhux biex jiġru.”

    Jiġifieri jekk xi ħadd jitħajjar jixtri dawn iż-żwiemel, ma jistax?

    “Le. Għamilna ħabta konna għaddejna xi żwiemel lil ħaddieħor. Imma sfortunatament sibna li għal xi raġuni dawn jew biegħuhom mill-ġdid jew ħaduhom għall-qatla wara xi żmien. Għalhekk ħadna deċiżjoni li ż-żwiemel li jidħlu hawn, jibqgħu magħna għal dejjem.”

    Affarijiet li ma jitwemmnux! Ċertu aġir ma tasal tifhmu qatt…

    “Sfortunatament hawn Malta l-laħam taż-żiemel huwa mfittex ħafna u allura s-suq irid jipprovdi għad-domanda. Jiena personali ma nistax nifhem kif wieħed jista’ jixxennaq biex jiekol il-laħam ta’ annimal tant sabiħ. Il-Maltin jiddiżgustaw ruħhom mill-ħsieb li jieklu kelb jew qattus (xi ħaġa li popli oħra jagħmlu). Imma mbagħad ma jaħsbuhiex darbtejn biex jieklu żiemel. Temmen li hemm min hu kapaċi per eżempju, li jrabbi żiemel u mbagħad joqtlu u jieklu?”

    Trehixt! F’moħħi għaddew il-memorji ta’ meta missieri kien irabbi l-fniek u wara li kien iħallini nilgħab bihom meta jkunu żgħar, hekk kif jikbru, kont insibhom fil-platt u nagħmel storja!

    Imma ejja nerġgħu nduru fir-razzett… Kien is-Sibt u stajt nara diversi żagħżagħ u tfal li kienu qed jagħtu daqqa t’id…

    “Iva. Is-Sibt magħruf bħala l-ġurnata tat-tfal. Kull ġimgħa, bejn wieħed u ieħor, jiġu madwar għaxart itfal jgħinuna u jqattgħu ġurnata magħna, ġeneralment minn xi l-10:30am sal-5:00pm. Permezz ta’ din l-esperjenza huma jitgħallmu japprezzaw lil dawn l-annimali, jagħrfu li m’għandhomx jibżgħu minnhom u li ż-żwiemel kapaċi jagħtuhom lura dik l-imħabba li t-tfal jgħaddulhom. Fl-aħħar tal-ġurnata jkunu anki jistgħu jieħdu rikba fuqhom sabiex fl-istess ħin jagħtuhom naqra eżerċizzju. Fuq kollox it-tfal jidraw jagħtu ftit minn ħinhom għal kawża ġusta u dan isaħħaħom anki bħala bnedmin.”

    Sue u Michelle stednuni nkellem lil uħud mill-volontarji li kien hemm fuq il-post. Kien hemm minn staħa xi ftit għall-ewwel fostom Veodielle Bajada, żagħżugħa Għawdxija li tmur il-Funny Farm kemm biex tgħin u anki minħabba li qed tagħmel dax-xogħol volontarju bħala parti mill-proġett tagħha tas-Systems of Knowledge. Imma mbagħad kien hemm oħrajn li ġew huma stess jagħtuni l-opinjoni tagħhom u bi kburija ppużaw għar-ritratti flimkien maż-żiemel favorit tagħhom…

    Kyra Sullivan… “Sirt naf b’dan il-post permezz ta’ ħabiba ta’ ommi. Iż-żwiemel minn dejjem kienu għall-qalbi u għalhekk meta skoprejt hawn, ħadt pjaċir ħafna. Issa ilni niġi l-Funny Farm għal dawn l-Kyra Sullivan ma' Meadowaħħar 3 snin u nofs. Bejni u bejn iż-żiemel li nieħu ħsieb, li jismu Meadow, inħolqot rabta speċjali ħafna. Inbniet weħidha, lanqas jien ma naf kif. M’għandix idea jekk għażilnix iż-żiemel jew jekk għażiltux jien. Li jiena ċerta hu illi għal Meadow jiena persuna speċjali u dik is-sensazzjoni hija nkredibbli u nspjegabbli. Inkun l-ewwel waħda hawnhekk bħal-llum. Ma nistax nifhem kif bniedem jasal biex jiekol annimal li jaf jifhem u jħobb daqshekk! Jista’ jkun illi hija kaġun tan-nuqqas ta’ għarfien dwar dan l-annimal. Għaldaqstant nara lil Funny Farm bħala post neċessarju u uniku fejn wieħed jista’ letteralment jitgħallem kif jieħu ħsieb u anki kif jieħu pjaċir maż-żwiemel. Post bħal dan jgħinna nifhmu aħjar id-dinja tagħhom. Inħeġġeġ minn qalbi lil dawk li jixtiequ jiġu jiskopruha u jagħtu daqqa t’id, li hawnhekk hi mixtieqa u bżonnjuża ħafna.”

    Chiara Demanuele… “Il-mama’ tiegħi hija ħabiba ta’ Sue għax kienu jmorru l-iskola flimkien. Jien ukoll minn dejjem inħobb iż-żwiemel! Hawnhekk nagħmel dak kollu li jkun hemm bżonn isir fejnChiara Demanuele ma' Sandy fostom qegħdha wkoll nisponsorja lil Sandy – iż-żiemel favorit tiegħi. Jogħġobni għax għandu natural ħelu u ċajtier, apparti li kif qed tara, hu żiemel sabiħ ħafna. F’għajnejh u fl-atitudni tiegħu nara li għandu bżonn ħafna mħabba u jien għandi bosta għalih! Fil-fatt kull ġimgħa nġiblu l-‘bedding’ u l-ikel miegħi. Peress li jiena sponsorjajtu daż-żiemel qisu tiegħi għalkemm xorta waħda jinżamm hawnhekk u tieħu ħsiebu wkoll Sue. Inħossni marbuta ħafna miegħu u l-ħin kollu moħħni fih. Inkun qed nistenna fuq ix-xwiek biex niġi hawn!”

    Becky Faenza… “L-imħabba tiegħi lejn iż-żwiemel bdiet b’mod kemmxejn stramb, biex ma ngħidx sfurzat! Niftakar li meta kont żgħira, nannti kellha ħabta tagħtini ġugarelli taż-żwiemel biss biex Becky Faenza fuq xogħolhanilgħab u nammetti li kont niddejjaq naqra fil-bidu. Imma maż-żmien din il-biċċa xogħol taż-żwiemel daħlet fija sew sakemm finalment sirt inħobbhom veru! Tlett snin ilu rajt avviż dwar attività li kien qed jorganizza l-Funny Farm. Attendejt m’ommi u maz-zija u minn dakinhar ‘l hawn bqajt niġi kull nhar ta’ Sibt sabiex ngħin ftit. Kull darba li mmur lura d-dar wara ġurnata xogħol hawn, inħossni sodisfatta ħafna li rnexxieli nagħmel xi ħaġa għall-ġid ta’ dawn l-annimali. Hawnhekk hawn bżonn ta’ ħafna għajnuna għax ix-xogħol ma jieqaf qatt. Nistieden lil żagħżagħ bħali biex jiġu sar-razzett ħalli b’hekk ikunu jistgħu jifhmu aħjar kemm jistgħu jwettqu xogħol utli.”

    Ħsibt li konna nisa biss imma f’kantuniera minnhom mhux talli sibt tifel imma sibt tnejn!

    Benji u Nicky Farrugia… Aħna tewmin u t-tnejn inħobbu ħafna ż-żwiemel. L-aktar wieħed għal qalbna huwa Apache, żiemel abjad kbir u sabiħ imma li hu għama minn għajn waħda. Ġejna hawn bostaBenji u Nicky Farrugia ma' Apache drabi nnadfulu, nomxtuh u nagħtuh x’jiekol. Ma nistgħux nifhmu kif in-nies għandhom il-qalb jaħqru u wisq agħar jieklu ż-żwiemel! Aħna żgur li qatt mhu ser nagħmlu xi ħaġa hekk. Anzi nħossuna kburin li għalkemm għadna żgħar għandna l-opportunità biex nagħmlu xi ħaġa li tista’ tgħinhom u tagħmlilhom ħajjithom aħjar.”

    Sue xtaqet tagħlaq b’dan il-kliem: “Għal dawk li forsi dejjem xtaqu li jkollhom żiemel u għal xi raġuni jew oħra ma setgħux, issa teżisti l-possibilità li jiġu hawn u jagħtuIt-tfal jitrawwmu maż-żwiemel daqqa t’id filwaqt li jgawdu mis-sodisfazzjon li joffru dawn l-annimali. Kulħadd huwa apprezzat hawnhekk għalkemm għandna bżonn ukoll numru ta’ nies adulti, preferibilment bi ftit esperjenza sabiex ikunu jistgħu joħorġu liż-żwiemel għall-eżerċizzju tagħhom. Hija biss bl-għajnuna tal-volontarji li Funny Farm jista’ jibqa’ jeżisti. B’hekk biss nistgħu nibdlu r-rassenjazzjoni ta’ dawn l-annimali għal mewt ċerta u minflok nagħtuhom ċans ieħor.”

    Funny Farm għandu diversi skemi dwar kif wieħed jista’ jgħin fit-trobbija ta’ dawn l-annimali, li bosta minnhom jintitolaw lid-donaturi għal rikba/lezzjoni b’xejn fuq iż-żwiemel ta’ dan ir-razzett. Kull donazzjoni hija apprezzatta u tista’ tintbagħat direttament lil ‘The Funny Farm – Horse Rescue Association’ fil-kont tal-HSBC 061 074589 001 jew tal-BOV 400 16931 220. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu lil Sue fuq 99487915 jew lil Michelle fuq 99808986

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-31 ta’ Jannar 2010)