• IS-SEĦER TAD-DINJA KLASSIKA

    L-Istorja b’dik il-laqta leġġendarja minn dejjem kienet tinżilli għasel. Niftakar illi l-iskola għamilna ħabta nistudjaw l-Odissea ta’ Omeru li kienet tirrakkonta l-vjaġġ twil ta’ Odissew wara l-waqgħa ta’ L-għar ta' CalypsoTrojja. Tistgħu taħsbu kif bqajt meta wasalna fil-parti ta’ meta l-eroj jinqabad fuq gżira taħt is-seħer ta’ Calypso u skoprejt illi hemm min jisħaq li Omeru kien qed jirreferi għall-gżira t’Għawdex! Ma qgħadtx bi kwieti qabel mort inżur l-għar li jinsab fir-Ramla l-Ħamra u nistqarr magħkom li tgħidx kemm domt inħuf bit-tama li nsib xi ħjiel moħbi fil-ħitan li jikkonferma din il-ġrajja. Iżda ma rnexxili nsib xejn u minflok inxtħett inħares il-barra mill-bokka tal-għar, nimmaġina lill-Odissew miżmum priġunier hemmhekk waqt li jixxennaq sabiex imur lura lejn daru. X’nostalġija! Ta’ żagħżugħa li kont, forsi ftit apprezzajt illi kont qed nitgħallem dwar waħda mill-eqdem poeżiji Griegi li jiffurmaw parti mid-dinja klassika.

    Dan l-aħħar kont qegħdha nqalleb fil-ġurnali u nnutajt illi grupp ta’ studenti flimkien ma’ xi lekċerers mill-Università ta’ Malta fid-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Mix-xellug - Maria Giuliana Fenech, Maria Zammit u Joseph Anthony DebonoArkeoloġija kienu qegħdin iwaqqfu l-Malta Classics Association. L-iskop maġġuri ta’ din l-Assoċjazzjoni huwa illi tippromwovi l-istudju tal-Latin u l-Grieg Klassiku filwaqt li tintroduċi d-dinja klassika lill-membri tagħha. L-Assoċjazzjoni hija miftuħa wkoll għall-pubbliku in ġenerali u għalhekk iddeċidejt li nistħarreġ ftit dwarha sabiex inwasslilkom l-informazzjoni filwaqt li nintroduċilkom il-perspettiva tal-ewwel membri tagħha.

    Iltqajt ma’ Maria Zammit, MA u lekċerer fl-Università fid-Dipartiment tal-Klassiċi, Maria Giuliana Fenech MA fil-Klassiċi u Joseph Anthony Debono li bħalissa qed jagħmel hu wkoll f’MA f’das-suġġett. Fl-ambjent tradizzjonali Malti li tħaddan id-dar ta’ Maria Zammit, imżewwaq b’għadd ta’ kotba klassiċi u aċċessorji epiċi, ma ridtx wisq biex niżżerżaq ħelu ħelu fid-diskussjoni dwar din id-dinja li huma tant passjonali dwarha.

    “Meta Robert Harris, awtur ta’ bosta kotba magħrufa, mar jagħmel xi riċerka għall-ktieb ġdid tiegħu Pompeii u naturalment żar din il-belt antika, huwa kiteb hekk dwar it-trasformazzjoni nspjegabbli li ħalliet fuqu din iż-żjara…

    “Il-bieraħ fl-għaxija, waqt li kont miexi f’Pompeii lejn it-telgħa tal-arkata ta’ Vessuvju, xammejt l-ilma ta’ fuq il-ġebel, ħassejt is-sħana tal-post u ħarist fuq belt li xi darba kienet fil-quċċata taċ-ċiviltà. Bla ma naf kif, bdejt induq l-ewwel xrar ta’ mħabba. Bdejt nesperjenza dik il-ġibda misterjuża, eżotika u melankonika tad-dinja antika. Lili u hekk kif jiġri wkoll lil ħafna oħrajn li jiltaqgħu ma’ das-suġġett tard fil-ħajja tagħhom, Pompeii nislitli l-ewwel imħabba f’din il-materja.”

    “Permezz ta’ din l-Assoċjazzjoni aħna nixtiequ naqsmu dan is-sentiment ta’ sbuħija, eċċellenza, virtù, eleganza u passjoni li tagħtik id-dinja klassika. Hija dinja affaxxinanti li tħaddan il-bidu ta’ kollox u ta’ dak kollu li nagħmlu. Hija l-bidu tal-ħsieb, tal-oriġini tal-filosofija, tal-politika u ta’ bosta affarijiet oħrajn.”

    Il-mod kif titkellem bih Maria Zammit dwar dit-tema ma jistax ma jqanqlikx. Hija waħda minn dawk ix-xempji rari li twassal il-messaġġ tagħha dwar dak li tħobb b’passjoni u b’emozzjoni li tittieħed. Iżda bħal Harris, Maria ħadet iż-żmien tagħha biex iltaqgħet ma’ din l-imħabba.

    “Fil-bidu tal-karriera tiegħi jiena ggradwajt fl-ekonomija. Studjajt l-ekonomija mhux għax kelli ġibda lejn id-dinja finanzjarja jew lejn il-flus iżda għax kelli mistoqsija importanti li xtaqt inwieġeb. Xtaqt Perseus joqtol lil Medusainkun naf għala meta d-dinja tipproduċi daqstant ġid, xorta waħda għad hemm nies daqshekk imċaħħdin. Stennejt li l-ekonomija ser tweġibni imma ma kontx sodisfatta. Daqstant ieħor ħassejtni mhux konvinta meta mort naħdem għal numru ta’ snin f’azjenda kbira fejn b’ċertu skumdità kelli namministra diversi strutturi u metodi li jidhirli li xejn ma kienu jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem. Għalkemm il-paga kienet tajba ntbaħt li dik ma kinetx id-dinja tiegħi. Fhimt illi l-mistoqsija oriġinali tiegħi kienet waħda filosofika u allura ddeċidejt li nibdel triqti sabiex immur nistudja das-suġġett li finalment wassalni biex nidħol anki fl-istudji klassiċi.”

    Maria Giuliana Fenech hija entużjasta ħafna wkoll dwar l-istudji klassiċi.

    “Meta kont żgħira missieri kellu d-drawwa li jgħidli storja qabel norqod. Lilu kienu jaffaxxinawh il-ġrajjiet mitoloġiċi ta’ Perseus u għalhekk spiss kien jirrakkuntali l-avventuri tiegħu. Fil-mitoloġija Ġriega, Perseus huwa magħruf l-aktar għal meta rnexxielu joqtol lil Medusa u meta żżewweġ lil Andromeda wara li salvaha mill-mostru tal-baħar li kien bagħat Poseidon.

    Dawn l-istejjer nibbtuli l-interess fil-mitoloġija u aktar tard meta dħalt l-Università fetħuli l-bieb għall-istudji klassiċi.”

    Anki Joseph iltaqa’ mal-karattri mitoloġiċi fl-età tat-tfulija.

    “Meta kelli 7 snin kont daqsxejn ma niflaħx u bdejt niffitta lil ommi biex iġġibli xi kotba ġodda x’naqra. Darba minnhom sibtha mħabbta u biex tħaffef, marret tqalleb ġo kaxxa mimlija bil-kotba tagħha tal-iskola. Fosthom għażlitli ktieb tal-mitoloġija Griega u bqajt imsaħħar meta nxtħett naqrah u minn dakinhar ‘l hawn bqajt infittex dawn it-tip ta’ kotba.

    Meta dħalt l-Università ħsibt illi biex nidħol nistudja s-suġġetti klassiċi kont neħtieġ kwalifika fil-Latin u għalhekk minflok, għażilt l-Istorja u ggradwajt fiha. Għamilt diversi snin naħdem imma l-interess għad-dinja klassika tant kompla jikber illi darba waħda ma flaħtx aktar. Iddeċidejt li nieqaf għal ftit mix-xogħol u dħalt inwettaq il-ħolma tiegħi – li nitgħallem il-Latin u l-Grieg Klassiku. Fl-aħħar irnexxieli nħossni komplut daqs li kieku finalment kont dħalt fil-ġilda tiegħi.”

    Biex wieħed jissieħeb f’din l-Assoċjazzjoni m’hemmx bżonn li huwa jkun jaf dawn il-lingwi klassiċi.

    “L-importanti li jkunu jħobbu dawn il-lingwi jew li jkollhom interess fil-klassiċi. Permezz ta’ din l-Assoċjazzjoni ser tinħoloq il-possibilità li l-membri jkunu jistgħu jiltaqgħu u jitkellmu ma’ individwi Kotba klassiċioħrajn sabiex flimkien jaqsmu din in-namra tagħhom. Minkejja li forsi ma tkunx taf il-Latin u l-Grieg jista’ jkun li tkun iltqajt ma’ xi referenza mitoloġika f’xi ktieb bl-Ingliż u tkun tixtieq tesploraha aktar. Min-naħa l-oħra lil dawk li jitħajjru jitgħallmu l-lingwi klassiċi jew li diġà jafuhom, aħna ser noffrulhom l-udjenza għax-xogħlijiet li jkunu jixtiequ jippreżentaw.

    L-ewwel għan li nqarrbu n-nies lejn xulxin diġà qed taħdem permezz tal-paġna tal-facebook Malta Classics Association. Sa mill-ewwel ftit ġranet bdew jissieħbu magħna persuni interessati f’dal-qasam, saħansitra anki minn pajjiżi oħra. Fuq l-istess prinċipju qed naħdmu wkoll biex intellgħu l-website tagħna. Ovvjament maż-żmien beħsiebna nirfinaw aktar, noħolqu iżjed proġetti u nittraduċu xi xogħlijiet. Waħda mill-akbar aspirazzjonijiet tagħna hija li nibdew niktbu drammi oriġinali maħduma minn erbgħa lingwi: Malti, Ingliż, Latin u Grieg Klassiku.”

    Fil-fatt l-Assoċjazzjoni ser tkun qed ittella’ diversi attivitajiet fosthom diskussjonijiet dwar id-dinja klassika, qari ta’ poeżiji u ta’ xogħlijiet ta’ letteratura bil-Latin u l-Grieg, korsijiet fil-Latin u l-Grieg u anki ser jittellgħu xi drammi klassiċi. Barra minn hekk ser ikunu qed jipproduċu ġurnal akkademiku u newsletter ġenerali.

    Inizzjalment jiena kont tal-idea illi assoċjazzjoni bħal din taf tinteressa biss lil ċertu tip ta’ individwi. Madanakollu t-tlieta li huma saħqu illi l-bieb tal-Assoċjazzjoni huwa miftuħ għal kulħadd.

    “Ħa nippruvaw nerġgħu ngħinu lin-nies jiskopru l-imħabba għad-dinja klassika li xi darba kienet hemm imma mas-snin intesiet. Nistgħu nqabblu din l-inizzjattiva mal-istorja tan-novella The Secret Garden ta’ Frances Hodgson Burnett fejn Mary sabet ċavetta li tiftaħ il-bieb ta’ ġnien abbandunat. B’dedikazzjoni din it-tifla jirnexxielha terġa tagħti l-ħajja lil dan il-ġnien sakemm darba minnhom in-nies ġew u għarrfu illi wara kollox il-ħajja fil-ġnien ma kinetx mietet. Kellha bżonn biss ftit kura u mħabba sabiex sbuħitha thenni mill-ġdid lil kulħadd.”

    Fuq kollox insistew illi l-Latin għadu ħaj madwarna ħafna aktar milli naħsbu.

    “Hemm diversi websites b’din il-lingwa fosthom wikipedia b’aktar minn 39,400 artiklu u dan meta il-wikipedia bil-Malti fiha madwar 2500 artiklu. Hemm ukoll xi ħaġa simili għal facebook fejn in-nies jikkomunikaw bil-Latin.”

    Anki d-dinja klassika teżisti fostna.

    “L-elementi klassiċi jinsabu kullimkien. Min ma rax jew ma semax bil-films ta’ Troy jew 300? U xi ngħidu għal kliem imsaħħar Latin li jlissen Harry Potter fil-kotba u l-films tiegħu? Dan biex ma nsemmux lil Asterix u lil Percy Jackson li t-tfal iħobbu tant jaraw.

    Indubbjament it-tfal jaffaxxinaw ħafna ruħhom b’dawn ir-rakkonti u wħud minnhom juru l-interess li jistudjaw das-suġġetti. Għaldaqstant hija ħasra illi fir-realtà ma jsibux min iħajjarhom jew iħarriġhom f’dawn l-oqsma.

    Minn riċerka internazzjonali ħareġ illi dawk l-istudenti illi jistudjaw il-Latin u l-Grieg, finalment jeċċellaw anki fis-suġġetti l-oħra kollha u aktar il-quddiem ikunu huma li jintagħżlu fl-ogħla pożizzjonijiet ta’ xogħol.”

    Minħabba dan il-Malta Classics Association tixtieq tikkollabora wkoll ma’ diversi skejjel u kulleġġi sabiex l-istudenti jiġu mħajjra jistudjaw il-Latin u l-Grieg. Imma meta hawn tant lingwi moderni x’tistudja, għala għandek titħajjar titgħallem dawn il-lingwi antiki?

    “Il-bniedem minnu nfih għandu bżonn li jkollu dik il-kapaċità ta’ kompetenza lingwistika. U dawn iż-żewġ lingwi jagħtuk iċ-ċavetta biex il-quddiem tħaddem anki lingwi oħra.

    Għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu wħud, dawn il-lingwi ma jistgħux jitgħallmuhom biss l-aqwa studenti. Huma lingwi li jesiġu ċertu livell ta’ preċiżjoni u reqqa u min jidħol għalihom b’serjetà, ftit ftit jiddakkar f’din l-imġieba anki fis-suġġetti l-oħra.

    Barra minn hekk, ta’ min jgħid illi diversi lingwi moderni ssellfu numru kbir ta’ kliem u espressjonijiet mill-lingwi antiki. Fil-fatt 80% tat-Taljan u l-Ispanjol u 60% tal-Ingliż huma ġejjin mill-Latin. Dan Klassiċiifisser illi l-istudenti li jkunu tħarrġu fil-lingwi antiki jsibuha aktar faċli biex jitgħallmu lingwi oħrajn għax diġa’ jkunu midħla tal-kwantità ta’ kliem u espressjonijiet mislufa.

    Illum tant qed nagħrfu l-importanza tal-istudji klassiċi illi fl-Ingilterra l-lingwa tal-Latin qed tiġi ntrodotta f’xi iskejjel saħansitra mill-livell tal-Primarja.”

    Il-membri tal-Assoċjazzjoni jemmnu illi l-għarfien f’dawn l-oqsma kapaċi jgħolli l-livell in-ġenerali tas-soċjetà.

    “Apparti milli jsaħħaħ il-mod ta’ kif wieħed jaħdem u jaġixxi fil-bqija ta’ ħajtu, dan l-għarfien jgħin lil dak li jkun sabiex jidħol fid-dinja tal-għorrief antiki. Kif ser naqbdu nfissrulek il-ġmiel u s-sodisfazzjonĊiċerun li tħoss meta taf li qed titkellem bl-istess lingwa tal-poeti Rumani Orazju, Virġilju, Ovidju u tal-filosofu u politikant Ruman Ċiċerun fost l-oħrajn?

    Barra minn hekk fiż-żminijiet klassiċi nkitbu diversi xogħolijiet imprezzabbli u għalkemm uħud minnhom ġew tradotti, għad fadal ħafna aktar bil-lingwa oriġinali. Fuq kollox huwa ferm isbaħ li taqra xogħol bil-lingwa proprja li nkitbet bih. Ngħidu aħna immaġina li qed taqra poeżija ta’ Dun Karm b’lingwa oħra. Ma jidhirlikx illi din qatt ma tista’ tiżboq in-nisġa proprja Maltija?”

    Imma kemm jemmnu illi l-poplu Malti ser jitħajjar jitgħallem dawn il-lingwi?

    “Il-moħħ Malti għandu kapaċità kbira għall-lingwi. Fuq kollox, il-lingwa Maltija hija msawwra minn ħafna kulturi li ġew flimkien. Fil-fatt ħafna mill-espressjonijiet Maltin jikkorrispondu sewwasew mal-Latin u l-Grieg. Konsegwentement huwa ħafna aktar faċli tittraduċi biċċa xogħol mill-Latin għal Malti milli għall-Ingliż fejn fl-aħħar każ trid iddawwar u ġġebbed ħafna aktar.

    Nemmnu illi jekk ikun hemm il-possibilità li wieħed jitħarreġ u jekk l-istudent jitlaqqa’ ma’ għalliem li għandu entużjażmu għal dan is-suġġett, l-interess ser jikber indubbjament.

    Il-kittieba Franċiża Marguerite Yourcenar kienet l-ewwel mara li ġiet aċċetata fl-Académie Française – assoċjazzjoni elitista mmens li sa dak iż-żmien kienet tilqa’ biss irġiel bħala membri tagħha. Ngħatat Memoirs of Hadriandan l-unur wara li kitbet il-ktieb Memoirs of Hadrian li hija proża ta’ sbuħija, verità u ntensità liema bħalha. Marguerite bdiet titgħallem il-Latin meta kellha biss 7 snin u dwar il-lingwi antiki hi tħobb tgħid illi: “they intoxicated me . . .  [and] . . . poetry transformed me.”

    Dan hu dak li aħna nixtiequ lil kulħadd iduq permezz tal-Assoċjazzjoni tagħna. Hija esperjenza oħra, bħal meta inti ħajtek tkun għextha kollha abjad u iswed u f’daqqa tiskopri l-kulur. Jew meta taħseb illi l-ħajja hi ċatta u mbagħad tagħraf illi hemm diversi perspettivi li finalment iwassluk f’dimensjoni oħra.”

    It-twaqqif formali tal-Malta Classics Association  ser iseħħ waqt l-Evenings on Campus, fid-29 ta’ Lulju 2010, fl-Università ta’ Malta. Dak in-nhar ser jittella’ dramm addattat mis-Satirika ta’ Petronju u rakkont f’forma mużikali mill-Ilijade ta’ Omeru.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-23 ta’ Mejju 2010)