• JIENA MA NAGĦTIX PARIRI IMMA SKANDLI

    Jgħidu x’jgħidu, t-televiżjoni sar parti essenzjali minn ħajjitna. Tifhem dan l-aktar meta tagħmel xi ġranet mingħajru u tħossok qisek xi ras maqtugħa jew li m’intix f’dinja! Daqstant ieħor insiru midħla tal-karattri li jidħlu f’darna minn wara dak l-iskrin tiegħu. Uħud minnhom jimbuttawna, oħrajn iqanqluna u numru ieħor jiġbduna lejhom. U ara llum u ara għada, mingħajr ma nintebħu, nibdew inqisu lil dawn l-individwi skont kif jiġu ppreżentati lilna fil-partijiet tagħhom u naħsbu li nafuhom. B’danakollu ma tridx wisq biex xi darba tiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ xi ħadd minnhom u ssib illi r-realtà hija għal kollox differenti…

    Hekk ġara dan l-aħħar meta ddeċidejt li niltaqa’ ma’ Narcy Calamatta. Fi triqti lejn id-dar tiegħu immaġinajt intervista mexxejja mżejjna b’xi ċajta ‘l hemm u ‘l hawn. Narcy Calamatta Naturalment dawn il-ħsibijiet kienu mqanqla mill-memorji ħelwin li għandi tiegħu meta ħadem il-parti ta’ Wenzu fil-kummiedja ‘Wenzu u Rożi’. Minflok sibt bniedem serju, eleganti u profond iżda li xorta waħda kien kapaċi jżerżaq xi ċajta matul id-diskursata tagħna.

    “Din tiġrili ħafna,” tbissem Narcy. “Lil mara sikwit jistaqsuha ‘Min jaf kemm idaħħkek dan?’ Imma hi tweġibhom li mhux il-każ.

    Fil-popolarità jiena magħruf bħala kummidjant. Imma min jafni sew jgħidlek li jien fir-realtà magħruf għas-serjetà u għad-dixxiplina li naħdem bihom. Meta tagħtini biċċa xogħol u nibda niffoka fuqha, xejn ma jeżisti aktar għalija sakemm inlestiha. U biex inwettaq dak li nkun ippjanajt, kapaċi nagħmel dak kollu li jkun hemm bżonn – anki ngħaddi mill-ħajt jekk m’hemmx triq oħra.”

    Illum Narcy jgħodd il-71 sena u l-esperjenzi li għadda minnhom huma bla tarf. Daqstant ieħor huma n-nies li hu ħabbat wiċċu magħhom. Iżda għal din l-intervista huwa għażel li jurini aspett partikolari ta’ ħajtu li forsi ftit jafu dwaru.

    “Meta kelli 10 snin mort nisma’ l-paniġierku ta’ San Gaetanu fil-Knisja tal-Ħamrun. Issa kif taf sewwa inti, kull parroċċa mingħaliha li għandha bħala patrun l-akbar qaddis li qatt eżista. Imma f’Malta lil San Gaetanu ma kont tisma’ mkien bih ħlief fil-Ħamrun. Dakinhar waqt il-paniġierku l-qassis spjega kif għalkemm dan il-qaddis huwa kbir daqs l-oħrajn, huwa ma kienx joqgħod imur jippriedka lin-nies bħall-uħud mill-qaddisin l-oħra. Minflok kien jippriedka bl-eżempju. Kien jgħix il-ħajja kif jidhirlu li hu l-aħjar u meta n-nies kienet titolbu parir, kien iħajjarhom iħarsu lejn l-aġir tiegħu u jsegwuh.

    Dan it-tagħlim qanqalni u qisu ffukani fejn kelli nfittex. Bdejt nosserva lin-nies ta’ madwari u nistqarr illi wieħed minn dawk li spirawni l-aktar kien missieri. Dak iż-żmien hu kien jaħdem il-labour office u kienu jiġu bosta ħaddiema għandu biex jitolbuh isibilhom xi xogħol jew biex jagħtihom parir dwar xi problemi fil-familja. Qatt ma rrifjuta lil ħadd u fejn seta’ dejjem prova jagħti daqqa t’id.”

    Narcy jisħaq illi dan it-twemmin huwa ġarru f’qalbu u f’għemilu tant li bla ma nduna, maż-żmien huwa serva ta’ katalist għal numru ta’ individwi. Fost l-ismijiet magħrufa li semmieli kien hemm atturi, preżentaturi, diretturi televiżivi, kantanti, kittieba u anki nies fil-politika.

    “Jiena nemmen li Alla ħalaq lil kulħadd b’xi talent. Imma fl-aħħar mill-aħħar jiddependi mill-individwu kemm għandu l-ħila jiġbor dat-talent u jiffukah biex jirnexxi. Talent tajjeb irid jiġi qawwi daqs raġġ tal-laser u jgħaddi minn ġol-ħadid. Min-naħa l-oħra jekk bniedem ma jagħrafx jiżviluppa t-talent tiegħu, din il-kapaċità tintilef u ma tagħti l-ebda poter.

    It-talenti li rregalalna Alla mhux tagħna. Aħna biss il-kanal minn fejn tgħaddi l-enerġija tiegħu. U għalhekk dawn ma nistgħux inżommuhom għalina imma jeħtieġ li nkabbruhom u nqassmuhom.

    Minn dejjem niftakarni nħobb ngħid kelma għall-ġid imma qatt m’għaddili minn moħħi li xi darba għad inkun katalist u li noqgħod nibdel ħajjet in-nies. Intbaħt b’dan mal-milja tas-snin hekk kif xi drabi niltaqa’ ma’ nies li jgħiduli li jiena kont dak li bdiltilhom ħajjithom!

    Min jaf kemm ilqajt individwi hawnhekk, fejn qegħdha poġġuta inti fuq das-salott. Uħud minnhom jitolbuni parir imma jien ma ngħidilhomx oqogħdu bil-qiegħda hemm u issa nibdlilkhom ħajjitkhom. Il-bidla sseħħ pass pass, b’mod naturali hekk kif b’li ngħidilhom, b’li nwettqu flimkien u kif ukoll permezz tal-ambizzjoni u t-talent tagħhom, niffukaw fuq dak li tassew jixtiequ jagħmlu b’ħajjithom.

    Mhiex faċli u ovvjament huwa huma li jridu jwettqu l-bidla u mhux jien. Jiena ma nistax ngħix ħajjithom, nista’ biss inqabbadhom it-triq. Ċertament biex issir bidla trid tbati ħafna, taħdem sakemm tgħejja kuljum u ma tkunx tiflaħ tkompli aktar. Imma meta tmur timtedd, ma jkollok l-ebda dispjaċir li m’għamiltx l-aħjar li stajt tagħmel u għalhekk torqod bil-qalb. Fid-dinja trid tagħti l-aħjar tiegħek dejjem daqs li kieku ser tmut għada u allura dik ser tkun l-aħħar ħaġa li għamilt f’ħajtek.”

    Minn dak li rrakkuntali dwaru, ċertament Narcy jimpressjonak b’kemm il-darba kien kapaċi jaqta’ l-ktajjen u jaqbeż għal isfel fil-vojt biex jibda ħajja oħra mill-ġdid.

    “Jiena jekk nibda nirrakkuntalek ħajti, niskandalizzak.

    Għamilt 11 il-sena naħdem f’Barclays Bank. Ġurnata minnhom mort naħdem fuq film u ddeċidejt li x-xogħol tal-bank ma kienx jgħodd għalija aktar. Għalhekk l-għada sempliċiment ma mortx aktar għax-xogħol u minflok bqajt naħdem 10 ġimgħat fuq dak il-film.

    Imbagħad ta’ 28 sena tlaqt lejn Londra b’mitt lira fil-but u b’xewqa kbira li nittanta xortija wara li l-kuġin t’ommi, Oreste Chircop, ħajjarni nagħmel dal-pass. Bl-esperjenza li kont bnejt sa dak iż-żmien fil-Narcy Calamatta waqt attivita' - Science & Society f'San Ġwannqasam teatrali ma domtx ma sibt xogħol u kelli parti f’film maħdum mill-BBC f’Lago Di Como. Dat-tip ta’ xogħol kien jogħġobni ferm u għamilt xi snin naħdem f’diversi partijiet. Imma aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdiet titwal l-istennija sakemm tasal parti oħra. Sadanittant kont bqajt ninżel Malta u nipparteċipa f’xi xogħolijiet lokali. Kont anki ltqajt mal-mara tiegħi. Finalment irrealizzajt illi dik it-tip ta’ ħajja ma kinetx baqgħet tissodisfani. Għalhekk tlaqt kollox u erġajt lura f’pajjiżi.

    Qbadt naħdem mill-ewwel u wara ftit snin ftaħt negozju tiegħi. Kont sejjer tajjeb imma wara tliet snin iddejjaqt u pumm, armi. Ta’ 38 sena bdejt naħdem bħala Direttur Maniġerjali tal-Malta Film Facilities. Imbagħad meta kelli 48 sena fetaħ għall-ewwel darba l-kors fl-Università ta’ Malta tal-Baċellerat fit-Teatru u l-Komunikazzjoni. Ingħaqadt ma’ dan il-grupp ta’ studenti u fl-1992 gradwajt.”

    Jiena li nqis ruħi bħala bniedma prudenti li ndum naħsibha mitt darba biex naqta’ darba, ħassejtni qisni qegħdha fuq xi roller-coaster nisma’ b’attitudni bħal din. Ma flaħtx ma nistaqsihx kif jasal biex iħalli dak kollu li jkun bena warajh sabiex jerġa jibda mill-ġdid?

    “X’tagħmel? Tibqa’ tagħmel dak li ma jogħġbokx? Meta jkollok ċertu età, ġaladarba tkun għamilta darba dit-tip ta’ bidla, tilħaq trabbi ċertu kunfidenza fik innifsek u titgħallem taqa’ dejjem fuq saqajk.

    Jiena dik hija ħajti. Naqbad triq għat-telgħa għat-telgħa u meta nasal fejn irrid u nara x’hemm in-naħa l-oħra, bosta drabi ngħid dan hu kollox? U niddejjaq u nerġa’ naqbeż għal rasi u nibda mill-qiegħ. Trid tiftakar illi inti u tiela’ t-telgħa tiegħek tkun qed titgħallem ħafna affarijiet u allura tkun qed tgħin ruħek. Anki llum li għandi l-età tiegħi għadni ngħix hekk.

    Nemmen ħafna li jekk ngħin ruħi nista’ nħalli f’idejn Alla biex jgħini nirnexxi f’xogħli. Fil-vanġelju tgħallimna illi m’għandnix għalfejn noqogħdu naħsbu x’ser nieklu u x’ser nilbsu għax l-għasafar li jgħixu fis-siġar la jħawwlu u lanqas jaħsdu u xorta waħda jieklu dejjem u libsin sabiħ kuljum. M’għandikx toqgħod taħli ħafna ħin taħseb x’ser jiġri għada imma trid tgħix għal dik il-ġurnata u daqshekk.”

    Narcy kompla jissorprendini billi sostna illi hu mhux bniedem ambizzjuż.

    “Jiena Alla ħalaqni mingħajr ambizzjoni. Jekk ma tqajjimnix il-mara bil-breakfast f’ħoġri fil-għodu, ma noħroġx mis-sodda. Inħobbha l-ħajja imma jrid ikolli xi ħaġa li timlini bil-ħeġġa biex inqum u ngħix il-ġurnata.

    U dak hu s-sigriet tal-arti: l-imħabba u l-passjoni li timlik bihom ma tistax iżżommhom fik. Trid tesprimihom u allura ma tħallikx bi kwietek.”

    Matul id-diskursata tagħna Narcy tenna aktar minn darba illi ma tistax tagħti minn dak li m’għandikx.

    “Jiena bħal missieri, m’għandix flus x’inqassam imma għandi l-esperjenza fil-ħajja. U dak kollu li naf dejjem pruvajt naqsmu ma’ min ikollu bżonn. Iżda jrid ikun l-individwu nnifsu li jixtieq jitgħallem. Ma jistax ikun imbuttat minn xi ħaddieħor.

    Sfortunatament aħna pajjiż li ngħedew ngħixu fil-medjokrità. Taf għaliex? Għax aħna pajjiż matrijarkali u l-omm l-uliedha tarahom sbieħ u kollox jgħaddi. Taf kemm ġew ommijiet hawn? Jgħiduli ‘Kemm nixtieq nara ‘l uliedi hemm fuq il-palk!’ U jien inweġibhom li dawk huma sagħtejn biss u wara x’ser jagħmlu iktar? Il-ħajja tal-artist mhux faċli u qabel jidħol fid-dinja tal-arti wieħed irid ikun ippreparat sew.”

    Sellimt lil Narcy iżda bħal kif kien qalli hu, minn ħin għal ħin bdejt niftakar f’dak li konna ddiskutejna. Minn quddiem għajnejja sikwit bdiet tgħaddi dik l-immaġni eċċitanti Narcy Calamatta ta’ bniedem liberu u kuraġġjuż biżżejjed li kapaċi jintelaq b’ruħu u ġismu biex iwettaq dak li jħoss li nħalaq għalih. Kliemu sod u deċiż beda jgerrem l-insikurezza u l-beżgħat li kull bidla ġġib fija sakemm finalment iddeċidejt li anki jiena nagħmel dik il-qabża li tant kont ilni nixtieq. Bla ma naf kif u x’fatta, is-seħer ta’ Narcy l-katalist kien reġa’ ħadem!

    “Jiena ma nafx nagħti pariri, skandli nista’ nagħti. Kif jista’ qatt xi ħadd jiġi jgħidli li jixtieq ibiddel xi ħaġa f’ħajtu u jien ngħidlu ‘ara ma jfettilekx!’ Jiena għext fil-bidla kontinwament u allura meta jiġi bniedem jgħidli li jrid ibiddel ħajtu, x’nista’ jekk mhux inħajjru?”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-15 t’Awwissu 2010)