• Pawsa ta’ serenità

    Dun Gerard Buhagiar fil-Muzew Dar Karmni Grima.JPG

    Presepju tal-Bolivia.JPG

    Presepju tal-Awstralja.JPG

    Presepju tal-Guatemala.JPG

    Dan iż-żmien hu sabiħ wisq hekk kif bosta nies ikunu għatxana biex igawdu l-ferħ li jġibu magħhom il-Milied u l-istennija għal sena ġdida. Il-ġmiel ta’ dawn il-jiem huwa li din l-atmosfera tkun imferrxa madwar diversi pajjiżi fid-dinja fejn kull nisel ikun qiegħed jiċċelebra dawn il-ġranet bil-mod distint tiegħu. Madanakollu, fl-istess ħin, il-ħlewwa ta’ dawn il-mumenti hija li għalkemm ikun hemm ċertu diversità, dawn l-attivitajiet joħolqu eku universali ta’ kuntentizza u ta’ gost. Mhux li kien xi darba d-dinja titgħallem kif twessa’ din il-pawsa ta’ serenità għat-tul tas-sena kollha….

    Presepji barranin f’Dar Karmni Grima

    Bħalissa, l-għaxqa ta’ dawn id-differenzi ħelwin li jiġu ċċelebrati f’pajjiżi differenti tista’ titgawda ġewwa l-Mużew Dar Karmni Grima fl-Għarb, Għawdex fejn wieħed isib esebizzjoni vasta ta’ presepji li nħadmu f’pajjiżi oħra. Din l-esebizzjoni bl-isem ‘Dawk li jemmnu f’Ismu’ se ddum miftuħa sal-4 ta’ Jannar 2015.

    “Dawn il-presepji maħduma bl-idejn intbagħtu minn numru ta’ missjunarji Maltin u Għawdxin li qed jaħdmu f’kommunitajiet ġewwa artijiet oħra,” fissirli Dun Gerard Buhagiar, ir-Rettur tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.

    “Għal dawn il-ġranet iddeċidejna li noħolqu din il-wirja sabiex permezz tagħha nuru l-universalità u l-unità li jeżistu madwar id-dinja tagħna. Għalkemm il-festa tat-twelid ta’ Ġesù hija waħda universali, kull poplu għandu l-mod tipiku tiegħu ta’ kif jiċċelebra din it-tifkira għażiża. U dawn il-presepji sempliċi imma distinti jesprimu din id-diversità kulturali fil-karatteristiċi varji tagħhom.”

    Infatti, ħarsa lejn dawn il-presepji turi illi għalkemm il-figuri tal-Madonna, San Ġużepp u l-Bambin f’maxtura huma dejjem fundamentali, xorta waħda jibqa’ dejjem lok għal kreattività msensla minn tradizzjonijiet u kulturi differenti.

    Ngħidu aħna fil-presepju tal-aboriġini tal-Awstralja maħdum mill-injam, naraw lill-Bambin Ġesù b’ġilda skura u b’wiċċu mżejjen b’marki taż-żebgħa tipiċi ta’ din il-kultura. Barra minn hekk, minflok il-baqra u l-ħmara, insibu annimali partikolari ta’ dan il-kontinent, fosthom il-kangaru.

    Min-naħa l-oħra, il-presepju tal-Guatemala huma maħdum b’figuri mdaqqsa taċ-ċaqquf. Fih jolqtuk ħafna l-ilwien sbieħ tad-drapp li jżejjen qiegħ il-presepju u kif ukoll id-diżinji kkuluriti li jsebbħu l-kostumi tal-pasturi.

    Daqstant ieħor jiġbdek il-presepju tal-Brażil fejn il-pasturi huma mfassla mid-drapp u l-kostumi tagħhom jirriflettu l-użanzi tal-pajjiż.

    Il-presepju tal-Bambin Ġesù narawh ukoll jistkenn għad-dell tat-tinda mwaqqfa mill-Indjani tal-Amerika ta’ Fuq. Hawnhekk it-tarbija hija mgeżwra sewwa bejn il-gvieret hija u tilqa’ r-rigali li ġabulha n-nies tal-inħawi.

    Il-mużiċisti lebsin kappell kbir abjad huma l-ewwel ħaġa li tara hekk kif tersaq lejn il-presepju tal-Messiku. Mill-ġdid, il-figuri tal-Madonna u ta’ San Ġużepp huma rrappreżentati b’mod divers minn dak li aħna mdorrijin naraw is-soltu.

    “Din il-wirja turi s-sbuħija ta’ kull nazzjon hekk kif b’daqsxejn ta’ presepju, il-viżitaturi jistgħu josservaw il-karatteristiċi varji ta’ kulturi differenti u anki ta’ snajja’ partikolari. Kif tista’ tara, uħud mill-pasturi huma maħduma mill-fuħħar kif ġeneralment ikunu tagħna, għalkemm bi stili differenti. Imma mbagħad hemm ukoll pasturi maħduma miz-zokk taż-żebbuġa, mill-weraq tal-qamħirrun u minn ġebel uniku tal-post.”

    Naturalment, ma setax jonqos li din l-esebizzjoni tinkludi wkoll il-Bambin tax-xemgħa ta’ Karmni Grima li ormaj jgħodd snin mhux ħażin.

    Il-Milied ta’ Karmni Grima

    “Karmni Grima kellha devozzjoni kbira lejn il-misteru tal-Milied. Infatti, apparti dan il-Bambin, f’din id-dar sibna wkoll xi forom li permezz tagħhom hi kienet tagħmel il-bambini ċkejknin tax-xemgħa biex tqassamhom lit-tfal,” spjegali Dun Gerard.

    Forma minn dawn hija esebita f’waħda mill-vetrini li juru xi oġġetti li kienu jappartjenu lil Karmni. Presepju ieħor ħelu tagħha kien juri lill-Madonna u lil San Ġużepp ibennu lill-Bambin f’benniena li ħolqot hija stess.

    “Dan il-Bambin l-ieħor kien ta’ Mons. Ġużeppi Portelli, ir-Rettur li bena s-Santwarju ta’ Pinu,” kompla jfissirli.

    Dar spiritwali

    Kif kont hemm, ħadt l-opportunità biex nara wkoll il-bqija tal-Mużew li oriġinarjament kien id-dar li fiha kienet toqgħod Karmni Grima.

    “Għalkemm din il-proprjetà sservi bħala eżempju ta’ dar rurali antika fejn wieħed jista’ japprezza l-arkitettura ta’ dari u diversi għodod tal-agrikoltura, wieħed ma jridx jinsa li hawnhekk kienet toqgħod mara qaddisa. B’hekk, apparti minn kollox, din id-dar twassal messaġġ spiritwali,” fakkarni Dun Gerard.

    Infatti, fil-bitħa ta’ dan il-post, fuq il-ħwat mimlija ilma li minnhom kienu jixorbu l-annimali li trabbew f’din id-dar, il-viżitatur jilmaħ xbieha tal-Madonna ta’ Pinu akkumpanjata mill-kliem li Karmni Grima semgħet lil Madonna tgħidilha.

    Kif beda kollox

    “Fis-seklu 19, l-epoka li twieldet fiha Karmni Grima, kien hemm qima kbira lejn il-Verġni Mbierka, l-aktar minħabba li saru diversi dehriet tagħha. Kif isemmi Mons. Nikol G Cauchi fil-ktejjeb dwar ħajjet Karmni, f’dik l-epoka kienet sinifikanti ħafna id-Domma tal-Kunċizzjoni Immakulata ta’ Sidtna Marija li ġiet ipproklamata b’mod l-iktar solennii fil-Vatikan mill-Papa Piju IX, fit-8 ta’ Diċembru 1854, meta Karmni kellha tnejn u għoxrin sena.”

    “Din l-imħabba lejn il-Madonna kienet qawwija ferm fl-Għarb fejn kien hemm numru ta’ knejjes u kappelli ddedikati għaliha. Fost dawn kien hemm il-knisja tal-Madonna ta’ Pinu li kienet tinsab f’nofs triq bejn id-dar tal-familja ta’ Karmni u l-għelieqi tagħhom fl-inħawi tal-Ġordan. Infatti, Karmni ħadet id-drawwa li tieqaf issellem lill-Madonna kull darba li tgħaddi minn hemm.”

    “Kien jum fix-xahar ta’ Ġunju 1883, meta Karmni kellha 45 sena, li waqt li kienet sejra lura lejn darha mill-għalqa tagħhom, semgħet leħen isejjħilha mill-knisja ta’ Pinu. Il-mara daħlet fil-knisja u hemm semgħet lil Madonna tlissen ‘Għid tliet Ave b’tifkira tat-tliet ijiem li ġismi dam fil-qabar’.”

    Għall-ewwel, Karmni ma tkellmet ma’ ħadd dwar dak li seħħ sakemm eventwalment fetħet qalbha mal-ħabib tagħha Franġisk Portelli li wkoll kellu qima kbira lejn il-Madonna. Infatti, Franġisk stqarr li anki hu kien sema’ l-leħen tal-Madonna u lilu rrakkomandatlu d-devozzjoni lejn il-pjaga tal-ispalla tal-Iben Divin tagħha, li kienet saritlu bit-toqol tas-salib fil-ħin li kien qiegħed iġorru għall-Kalvarju. Għalkemm inizzjalment dawn it-tnejn żammew dawn il-ġrajjiet mistura bejniethom, meta ġurnata waħda sar miraklu ma’ omm Franġisk, in-nies saret taf b’kollox u minn hemm kibret id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Pinu li finalment waslet biex inbena s-santwarju li naraw illum.

    Presepju b’pasturi Maltin

    “Ġewwa dan il-mużew għandna wkoll xi tifkiriet ta’ Franġisk Portelli fosthom dan il-presepju kbir li għalih hu ħadem dawn il-pasturi li qed tara bi stil Malti. Għalhekk dan il-presepju jirrifletti wkoll is-soċjetà rurali lokali ta’ dak iż-żmien,” urieni Dun Gerard.

    Tassew, il-pasturi kienu lebsin kostumi partikolari ferm, inkluż il-kabozz u l-għonnella.

    Mużew relatat mas-Sejħa ta’ Pinu

    Hemm ħafna aktar x’wieħed jara f’din id-dar fosthom il-kmajra fejn Karmni kienet tinġabar titlob u l-kwadru tal-Madonna li kienet tintasab quddiemu. Barra minn hekk, wieħed isib ukoll diversi aċċessorji li kienu jużaw hi u n-neputija tagħha Marinton li wkoll għexet f’din id-dar u li fl-aħħar snin ta’ ħajjitha għaddiet din il-proprjetà bħala legat lill-Knisja biex isservi bħala mużew sabiex fih jiġu kkonservati l-oġġetti li kienu jappartjenu lil Karmni jew li b’xi mod għandhom x’jaqsmu mas-Sejħa ta’ Pinu.

    Iżda ċertament waħda mill-isbaħ tifkiriet li viżitatur ta’ din id-dar jieħu lura miegħu, hija s-sens ta’ serenità u paċi li jinsab f’dan il-lwog. Minn fuq is-setaħ wieħed igawdi l-hena li ġġib magħha veduta mill-isbaħ tal-inħawi tal-madwar. Filwaqt li minn twejqa miżbugħa bl-ikħal, wieħed jista’ jsegwi dak li kienet tara Karmni kull fil-għodu meta tittawwal minn hemm: il-knisja tal-Madonna ta’ Pinu bil-fanal tal-Ġordan fl-isfond.

    L-aħħar artiklu

    Hekk kif ħallejt dan il-mużew u rħejtilha nsuq lejn l-Imġarr biex nirkeb il-vapur li kellu jeħodni lura Malta, ħassejt sodisfazzjon kbir li din is-sensiela ‘Kobor il-Malti’ kellha tagħlaq b’dan l-artiklu. Dan minħabba li permezz ta’ dan l-artiklu partikolari, apparti li trattajt l-aspett reliġjuż li jifforma parti mis-sinsla tas-soċjetà tagħna, kelli ċ-ċans nuri wkoll kif kobor il-Malti jista’ wkoll jiġi espress fil-wisa’ ta’ kulturi oħrajn.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (30 Parti) fit-Torċa tat-28 ta’ Diċembru 2014)