• KONTINENT IEĦOR

    Angela flimkien ma' huha fl-Awstralja“F’żogħżiti l-Awstralja kienet meqjusa bħala dinja tal-ħolm, dinja ta’ opportunitajiet li ma kellniex f’pajjiżna. Ironikament it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija nissel problema ta’ qgħad kbir fil-gżejjer Maltin u speċjalment iż-żgħażagħ bdew jaħarquhom saqajhom biex jitilqu minn fuq din l-art ħalli jfittxu xortihom x’imkien ieħor. Jien kont waħda minn dawk iż-żgħażagħ li flimkien ma’ żewġ ħuti erħejnielha lejn dan il-kontinent b’sens qawwi ta’ avventura. Imma ġaladarba sibt ruħi hemm irrealizzajt x’kont napprezza tassew f’ħajti u dan kollu kien qiegħed f’art twelidi.”

    Trabbejt nisma’ dawn ir-rakkonti t’ommi Angela Busuttil peress li spiss kienet issemmi ż-żminijiet li għexet fl-Awstralja. Barra minn hekk, minħabba li wieħed minn ħutha kien għadu jgħix hemmhekk, mhux darba u tnejn li n-nanna Fortunata Abela u z-zija Gracie Cilia talbuni biex niktbilhom xi ittra ħalli jibgħatuhielu. Niftakar li kienu ittri li kollha jibdew l-istess “Għażiż Ġużeppi, Vera u t-tfal, nispera li tinsabu tajbin bħal kif ninsabu aħna għall-grazzja t’Alla”.

    Kont tgħallimt nikteb l-introduzzjoni bl-amment u kont nitbissem meta nara li dejjem kienu jiktbulu l-istess ħaġa. Il-bqija tal-ittri kienu jikkonsistu f’dak li jkunu għaddew minnu matul dawk l-aħħar ġimgħat jew dwar xi ħaġa li kienu beħsiebhom jagħmlu. Ta’ tifla li kont, ftit stajt napprezza dawk l-ittri ripetittivi. Kellhom jgħaddu ħafna snin qabel fhimt kemm kienu jfissru għalihom dawk il-karti ċelesti li kont niktbilhom l-ittri fuqhom u għaliex kienu jistennew ir-risposti tagħhom tant b’ħerqa. Ir-raġuni kienet dejjem spjegata ċara fir-rakkonti t’ommi. Imma kultant jekk ma ġġarrabx, għajnejk ma jinfetħux. Illum li jiena sirt omm u li s-snin gerrbu fuq ommi wkoll, kapaċi nixtarr aktar.

    Guzeppi Abela fl-Awstralja“Kien ħija l-kbir Ġużeppi li beda jħeġġiġna biex immorru l-Awstralja. Hu kien diġà miżżewweġ u kellu l-familja tiegħu. Jien kien għad kelli 17 il-sena, ommi ma riditnix immur, u missieri ma ried jagħti b’xejn il-kunsens tiegħu biex insiefer. Imma meta għalaqt it-18 il-sena, Ġużeppi rnexxielu jikkonvinċi lil missieri li kien ser jieħu ħsiebi hu. Wegħdu li ser iġib ruħu daqs li kieku kien it-tieni missier tiegħi u kelmtu żammha għax id-dixxiplina tiegħu kienet iebsa mhux ħażin!”

    “Bilkemm niftakar kif saru l-preparazzjonijiet bil-ġenn li kelli biex nitlaq. Bsart li ser nimmissja lill-ġenituri tiegħi u lil ħuti l-oħra. Imma ta’ żagħżugħa li kont neħħejt dawk il-ħsibijiet minn quddiem għajnejja u minflok intfajt noħlom dwar dik l-opportunità sabiħa li ngħix u naħdem f’pajjiż ieħor. Dakinhar li tlaqna biex nibdew dan il-vjaġġ, ommi għafsitni magħha u reġgħet qaltli li ma xtaqitnix immur. Il-ħsieb tal-firda minni kien diġà qed ikiddha iżda meta ratni konvinta biex insiefer, talbitni biex ma ninsihiex u biex ma nibqax hemm. Madanakollu jien moħħi kien biss f’dak il-vapur sabiħ li kien qed jistenniena biex jeħodna lejn l-Awstralja.”

    “Għal dan il-vjaġġ konna jiena, ħija Indrì u ħija Ġużeppi bil-familja tiegħu. Morna b’vapur lussuż, l-Angelina Lauro. Il-kmamar kienu spazzjużi u komdi. Ħallasna biss Lm10 kull wieħed biex vjaġġajna għal xahar sħiħ fuqu. Kien hemm ħafna Maltin oħra u kollha konna stmati tajjeb ħafna. Il-vjaġġ kien interessanti u pjaċevoli sakemm wasalna f’Port Said fil-Baħar l-Aħmar u nqbadna f’maltemp kbir. F’daqqa waħda kollox beda jitkaxkar ‘l hawn u ‘l hemm: l-imwejjed, is-siġġijiet, is-sodod. Tal-biża’! Ħafna mill-passiġġieri kellhom jingħataw il-mediċini għax ħassewhom ma jifilħux. Lili kieku m’għamilli xejn il-baħar imma ħassejtni tterrorizzata. Wara dakinhar bosta kienu b’qalbhom imtaqtqa kif ser naslu l-Awstralja għax il-vjaġġ donnu ma ried jispiċċa qatt! Niftakar li l-klieb il-baħar baqgħu jsegwuna matul il-vjaġġ kollu, dejjem jistennew lill-ħaddiema ta’ fuq il-vapur biex jarmu l-fdalijiet tal-ikel fil-baħar.”

    Angela - ritratt tal-passaport ghall-Awstralja“Malli wasalna Melbourne laqagħna temp imsaħħab u xejn ma ħadt grazzja mal-post. Xi ħbieb li kienu qed jistennewna ħaduna Adelaide li kien jumejn bogħod bil-karozza. Hemmhekk għamilna ftit taż-żmien. Kien post kwiet u ma tantx kien hemm xogħol. Tlaqna u morna Sydney, niġru minn xogħol għall-ieħor. Niftakar li l-ewwel darba li mort għax-xogħol, tlajt fi tren u marret għajni bija, u t-tren baqgħet sejra bija f’post ieħor. Tgħidx kemm bżajt meta stenbaħt u ma kontx naf x’se naqbad nagħmel. Tinkwieta għax la ma tkunx taf il-post, ma tafx ma’ min tista’ tiltaqa’. Ħdimt f’żewġ fabbriki imma ma nista’ ninsa qatt kemm laqgħuni b’mod sabiħ fl-ewwel fabbrika li dħalt fiha. Kont ilni naħdem hemm ftit ġranet biss u hekk kif skoprew li kont għadni kif għalaqt it-18 il-sena għamluli surprise party u tgħidx kemm tawni rigali! Lanqas wara għaxar snin xogħol ma jagħmlulek hekk f’Malta!”

    “L-Awstralja kienet tgħaġġibni bil-kobor tagħha. Kienet sabiħa ħafna b’siġar twal u b’għelieqi spazzjużi u b’toroq li ma jispiċċaw qatt. Ġieli rajt ukoll xi annimali tal-post, l-aktar il-kangaroos kbar li mhux darba u tnejn fettlilhom jintasbu f’nofs ta’ triq u ma jkunu jridu jwarrbu b’xejn biex ngħaddu bil-karozza. Konna noqogħdu Greenacre fejn krejna dar pjuttost kbira. Ma tantx kien hemm Maltin. Kellna familja aboriġina fost il-ġirien tagħna u t-tfal tagħhom kienu jiġu jilgħabu magħna. Madwarna kienu joqgħodu nies minn kull pajjiż.”

    Angela ma' huha Guzeppi u l-familja tieghu“Kien hemm okkażżjonijiet fejn konna noħorġu xi ftit. Niftakar li ġieli morna naraw ir-wrestling. Kien ikollna l-ġellied favorit tagħna u erħilna ngħajjtu kemm nifilħu meta jibda jaqla’ xi daqqtejn sew mingħand l-ieħor. Konna nidħlu b’vuċi tajba u noħorġu maħnuqin imma konna nieħdu gost. Dejjem bqajt bil-kurżità jekk kienux ikunu qed jiġġieldu veru jew le. Tant kienu jaqilgħu li ma stajtx nemmen li kienu jagħtu bis-serjetà!”

    “Il-kobor tal-post kien jaqtgħalna qalbna biex nimirħu ‘l bogħod. U l-biċċa l-kbira minn ħajjitna kienet iddedikata biss għax-xogħol. Agħar minn hekk, ommna spiss kienet tibgħatilna l-ittri jew xi casette irrekordjatha bil-vuċi tagħha fejn kienet twissina biex noqogħdu attenti ħalli ma nweġġgħux u b’mod speċjali, biex ma niżżewġux hemmhekk. “Fittxu ejjew ‘l hawn, ejjew lura,” kienet dejjem tirrepeti. Kemm tiflaħ tisma’ kliem bħal dan?”

    “Ma domnix ma bdejna niddejqu u nixxenqu biex nirritornaw lejn pajjiżna fejn fiċ-ċokon tiegħu kellna dak kollu li ridna. Il-problema kienet li għalkemm biex morna l-Awstralja kellna nħallsu biss Lm10 kull wieħed, biex naqbdu vapur lura lejn Malta l-prezz kien Lm250 kull ras. Għamilna sentejn u nofs ngħixu hemm sakemm irnexxielna nfaddlu biżżejjed flus għalina kollha. Ġejna lura Malta bil-vapur Achille Lauro u mill-ġdid domna xahar nivvjaġġaw.”

    Mix-xellug - Fiona Vella, Angela Busuttil, Fortunata Abela - Copy“Kont kuntenta li rajt pajjiż ieħor imma ddispjaċini ħafna li tlaqt il-familja tiegħi. Ħadt ir-ruħ hekk kif wasalna lura Malta u rajthom kollha qawwijin u sħaħ. Tgħidx kemm għannaqthom u kien f’dak il-ħin li rrealizzajt kemm kont immissjajthom. “Ma nerġax nitla’ ma. Ma nerġax nitilqek,” wegħedt lil ommi hekk kif għafastha miegħi. U kelmti żammejtha.”

    Wara xi snin, ħuha Ġużeppi reġa’ tela’ l-Awstralja bil-familja tiegħu fejn dam għal żmien twil sakemm eventwalment, ta’ età kbira rritorna Malta. Illum m’għadnix nikteb l-ittri fuq il-karti ċelesti. In-nanna, iz-zija u z-ziju ħallewna u issa fadal biss il-memorja tagħhom.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-Senior Times li ħareġ mal-ġurnal The Times of Malta tas-17 ta’ Novembru 2017)